Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Općinski Sud u Rijeci (il-Kroazja) fid-9 ta’ Novembru 2017 – Anica Milivojević vs Raiffeisenbank St. Stefan-Jagerberg-Wolfsberg eGen

(Kawża C-630/17)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Qorti tar-rinviju

Općinski Sud u Rijeci

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Anica Milivojević

Konvenut: Raiffeisenbank St. Stefan-Jagerberg-Wolfsberg eGen

Domandi preliminari

L-Artikoli 56 u 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewrpea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li jippreżentaw aspetti internazzjonali li ġew konklużi fir-Repubblika tal-Kroazja ma’ kreditur mhux awtorizzat (Narodne novine Nru 72/2017) u, b’mod partikolari, dik tal-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi, li tistabbilixxi n-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu u ta’ atti ġuridiċi oħra li huma konsegwenza tal-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn id-debitur (fis-sens tal-Artikolu 1 u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi) u l-kreditur mhux awtorizzat (fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2 tal-istess liġi) jew ma’ dispożizzjonijiet ibbażati fuqu, anki jekk ikunu ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi u dan mill-mument tal-konklużjoni tiegħu, bil-konsegwenza li kull waħda mill-partijiet kontraenti tkun obbligata trodd lura lill-parti l-oħra kull ma tkun irċeviet fuq il-bażi tal-kuntratt null u, meta dan ma jkunx possibbli jew meta n-natura tal-ftehim imur kontra r-radd lura, ikollu jitħallas kumpens pekunjarju adegwat stabbilit skont il-prezzijiet fis-seħħ meta ngħatat id-deċiżjoni ġudizzjarja?

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, b’mod partikolari, l-Artikoli 4(1) u 25 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-Artikolu 8(1) u (2) tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu li jippreżentaw aspetti internazzjonali li ġew konklużi fir-Repubblika tal-Kroazja ma’ kreditur mhux awtorizzat (Narodne novine Nru 72/2017), li jipprevedi li, fit-tilwim relatat ma’ kuntratti ta’ kreditu li jippreżentaw karatteristiċi internazzjonali fis-sens tal-imsemmija liġi, id-debitur jista’ jressaq lill-kreditur mhux awtorizzat quddiem il-qrati tal-Istat li fih huwa ddomiċiljat jew, irrispettivament mid-domiċilju tal-kreditur mhux awtorizzat, quddiem il-qrati tal-post li fih il-kreditur għandu d-domiċilju personali jew tas-sede tiegħu, filwaqt li l-kreditur mhux awtorizzat, fis-sens tal-imsemmija liġi, jista’ jressaq proċeduri kontra d-debitur biss quddiem il-qrati tal-Istat li fih huwa għandu d-domiċilju personali jew is-sede tiegħu?

Il-kuntratt jitqies li ġie konkluż minn konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u tal-kumplament tal-acquis tal-Unjoni Ewropea, meta l-benefiċjarju tal-kreditu jkun persuna fiżika li kkonkludiet kuntratt ta’ kreditu bil-għan li tinvesti f’appartamenti għal vaganzi biex jipprovdi akkomodazzjoni u joffri servizz ta’ ospitar privat ta’ turisti?

Il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tar-Repubblika tal-Kroazja huma kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ proċeduri intiżi għad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu u tad-dikjarazzjonijiet ta’ garanzija korrispondenti u għall-kanċellazzjoni ta’ iskrizzjoni ipotekarja fir-Reġistru tal-Proprjetà, meta, bil-għan li tiggarantixxi t-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu, l-imsemmija ipoteka saret fuq proprjetà immobbli tad-debitur li tinsab fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja?

____________