Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (l-Awstrija) fl-10 ta’ Novembru 2017 – Gmalieva s.r.o., Manfred Naderhirn

(Kawża C-633/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesverwaltungsgericht Oberösterreich

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gmalieva s.r.o., Manfred Naderhirn

Konvenuti: Landespolizeidirektion Oberösterreich, Bezirkshauptmann von Linz-Land

Partijiet oħra: Mag. Jungwirth u. Mag. Fabian OHG, Mag. Krenn KG, Michael Weber, Gunhild Mayr u Mag. Übermaßer KG

Domandi preliminari

Il-kombinazzjoni ta’ regoli proċedurali u ta’ organizzazzjoni ġudizzjarja bħal dik stabbilita fl-Awstrija, għall-ġurisdizzjoni fil-qasam tad-dritt pubbliku, fl-Artikoli 133(4) u 144(1) tal-Bundesverfassungsgesetz (il-Liġi Federali Kostituzzjonali) flimkien mal-Artikoli 41, 42 u 63 tal-Verwaltungsgerichtshofgesetz (il-Liġi dwar il-Qorti Amministrattiva Suprema), minn naħa, u fl-Artikolu 87 tal-Verfassungsgerichtshofgesetz (il-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali), min-naħa l-oħra,

li tipprevedi:

f’kull każ is-sempliċi annullament (kassazzjoni) mill-qorti tal-ogħla istanza, li essenzjalment ma huwiex deċiżjoni fuq il-mertu iżda sempliċi rinviju formali lill-qorti ta’ istanza inferjuri, jiġifieri

l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

l-obbligu fuq il-qorti ta’ istanza inferjuri li tieħu deċiżjoni mill-ġdid dwar il-mertu,

l-obbligu li tkun marbuta bil-ġurisprudenza tal-qrati ta’ istanzi ogħla,

fejn dan l-effett vinkolanti huwa ġeneralment impost bil-liġi, jiġifieri, b’mod partikolari, anki fis-sitwazzjonijiet li fihom ma huwiex iggarantit ex lege li l-qrati ta’ istanza għolja wettqu stħarriġ awtonomu tal-koerenza u tal-proporzjonalità li huwa bbażat fuq is-sitwazzjoni fattwali preżenti fi proċedura li tissodisfa f’kull rigward ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iżda pjuttost ikkaratterizzat fuq kollox:

bil-projbizzjoni tal-partijiet li jinvokaw motivi ġodda jew fatti ġodda,

bin-natura vinkolanti tal-fatti tal-kawża kkonstatati mill-qorti tal-istanza inferjuri,

bir-riferiment għas-sitwazzjoni fattwali u legali fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni tal-qorti ta’ istanza inferjuri, u

bil-limitazzjoni tal-poter sempliċement għal kwistjonijiet fundamentali legali (il-Qorti Amministrattiva Suprema), minn naħa, u bil-ksur tal-isfera tad-drittijiet fundamentali (il-Qorti Kostituzzjonali), min-naħa l-oħra,

hija kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita bl-Artikolu 49 TFUE u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita bl-Artikolu 56 TFUE?

____________