Language of document : ECLI:EU:C:2018:185

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Marzu 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Dritt għal azzjoni legali tal-membri tal-pubbliku kkonċernat – Rikors prematur – Kunċetti ta’ spiża mhux projbittiva u ta’ deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva relatati mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku – Applikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus”

Fil-Kawża C‑470/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

North East Pylon Pressure Campaign Ltd,

Maura Sheehy

vs

An Bord Pleanála,

The Minister for Communications, Energy and Natural Resources,

Ireland,

The Attorney General,

fil-preżenza ta’:

EirGrid plc,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C.G. Fernlund, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Ġunju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal North East Pylon Pressure Campaign Ltd u M. Sheehy, minn D. Courtney u B. Sawey, solicitors, M. O’Donnell, barrister, C. Hughes, barrister, E. Keane, SC, u C. Bradley, SC,

–        għall-An Bord Pleanála, minn A. Doyle, solicitor, u B. Foley, barrister, u N. Butler, SC,

–        Għal The Attorney General u l-Minister for Communications, Climate Action and Environment (li kien Minister for Communications, Energy and Natural Resources), minn E. Creedon u E. McKenna, bħala aġenti, assistiti minn M. McDowell, barrister,

–        għall-Irlanda, minn R. Mulcahy, SC, u G. Gilmore, barrister,

–        għal EirGrid plc, minn D. Nagle, solicitor, S. Dodd, barrister, M. Cush, SC, u E. Cassidy, solicitor,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Zadra, G. Gattinara u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1), u, min-naħa l-oħra, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn North East Pylon Pressure Campaign Limited u Maura Sheehy, minn naħa, u An Bord Pleanála, il-Minister for Communications, Energy and Natural Resources (il-Ministru għall-Komunikazzjonijiet, l-Enerġija u r-Riżorsi Naturali, l-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), l-Irlanda u l-Attorney General, min-naħa l-oħra, dwar l-intaxxar tal-ispejjeż relatati maċ-ċaħda ta’ talba għal awtorizzazzjoni li jiġi introdott rimedju ġudizzjarju kontra l-proċess ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-installazzjoni ta’ interkonnessjoni tal-elettriku.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Għan”, jipprevedi:

“Għal finijiet ta’ kontribuzzjoni għall-protezzjoni tad-dritt ta’ kull persuna ta’ ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, li tgħix f’ambjent adegwat għas-saħħa u għall-benesseri tagħha, kull parti għandha tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali u tal-aċċess ġudizzjarju fi kwistjonijiet ambjentali b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jiddisponi fil-paragrafu 8 tiegħu:

“Kull parti għandha tiżgura li l-persuni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma jiġu bl-ebda mod ippenalizzati, ippersegwitati jew suġġetta għal miżuri vessatorji minħabba l-involviment tagħhom. Din id-dispożizzjoni ma tippreġudikax is-setgħat tal-qrati nazzjonali li jattribwixxu spejjeż ta’ ammont raġonevoli fil-proċeduri ġudizzjarji.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Fir-rigward tad-dritt tal-pubbliku li jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ambjentali, l-Artikolu 6 tal-imsemmija konvenzjoni jiffissa fid-dettall ir-regoli għall-attivitajiet elenkati fl-Anness I tagħha, filwaqt li l-Artikoli 7 u 8 jikkonċernaw b’mod iktar partikolari, għall-ewwel artikolu, il-pjanijiet, il-programmi u l-politiki ambjentali, għat-tieni artikolu, it-tħejjija ta’ regolamenti eżekuttivi u/jew ta’ strumenti normattivi vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali.

6        Skont l-Artikolu 9 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Aċċess għall-ġustizzja”:

“[…]

2.      Kull parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

[…]

ikunu jistgħu jaġixxu quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, kemm fir-rigward tal-mertu kif ukoll tal-proċedura, ta’ kull deċiżjoni, kull att jew kull ommissjoni koperta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk id-dritt intern jipprevedi dan u mingħajr ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, dispożizzjonijiet oħra rilevanti ta’ din il-konvenzjoni.

[…]

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma jeskludux il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors preliminari quddiem l-awtorità amministrattiva u ma jiddispensawx mill-obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji amministrattivi qabel ma tiġi istitwita l-proċedura ġudizzjarja, meta dan l-obbligu huwa previst fid-dritt intern.

3.      Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri ta’ reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jipproċedu bi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-ambjent.

4.      Barra minn hekk, u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji suffiċjenti u effettivi, inkluż rimedju permezz ta’ ordni fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u mingħajr dewmien, u ma għandhomx jinvolvu spiża projbittiva. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

7        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 jiddisponi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont il-kuntest ġuridiku inkwistjoni, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

[…]

ikollhom aċċess għal rivista quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet.

[…]

4.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ rivista preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżi tal-eżawriment tal-proċeduri ta’ rivista amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri ta’ kontroll ġudizzjarju, meta jeżisti dan ir-rekwiżit taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Kwalunkwe proċedura bħal din għandha tkun ġusta, ekwa, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

[…]”

8        L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU 2013, L 115, p. 39), jistabbilixxi “l-linji gwida għall-iżvilupp fil-ħin u l-interoperabbiltà tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura trans-Ewropea tal-enerġija”.

9        L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Organizzazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi”, jipprevedi li kull Stat Membru “għandu jaħtar awtorità nazzjonali kompetenti li għandha tkun responsabbli għall-iffaċilitar u l-koordinazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi għall-proġetti ta’ interess komuni”.

 Id-dritt Irlandiż

10      Jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju li r-rekwiżit ta’ “spiża mhux projbittiva” previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 jinsab fl-Artikolu 50b tal-Planning and Development Act, 2000 (il-Liġi tal-2000 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp), kif emendat (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2000”), li jiddisponi:

“1)      Din it-taqsima tapplika għal proċeduri tax-xorta li ġejjin:

a)      proċeduri fil-High Court [il-Qorti Għolja, l-Irlanda] permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju, jew biex jintalab permess biex jiġi ppreżentat rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, ta’:

i)      kull deċiżjoni jew allegata deċiżjoni meħuda jew allegatament meħuda;

ii)      kull azzjoni meħuda jew allegatament meħuda; jew

iii)      nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni, skont liġi tal-Istat li jimplementa:

[inter alia] dispożizzjoni tad-Direttiva [2011/92] […] li għaliha japplika […] l-Artikolu 10a […]”

11      L-Artikolu 50b(3) ta’ din il-liġi jiddisponi:

“Il-Qorti tista’ tikkundanna lil parti għall-ispejjeż fi proċeduri li għalihom tapplika din it-taqsima jekk il-Qorti tqis li jkun xieraq li tagħmel hekk:

a)      minħabba li l-Qorti tqis li talba jew kontrotalba ta’ parti tkun fiergħa jew vessatorja,

b)      minħabba l-mod li bih il-parti tkun mexxiet il-proċeduri, jew

c)      meta l-parti tinstab ħatja ta’ disprezz tal-Qorti”.

12      Skont l-Artikolu 50b(4) tal-imsemmija liġi:

“Is-sottotaqsima (2) ma taffettwax lill-Qorti li hija intitolata tagħti l-ispejjeż favur parti fi kwistjoni ta’ importanza pubblika eċċezzjonali u meta fiċ-ċirkustanzi speċjali tal-każ ikun fl-interess tal-ġustizzja li tagħmel hekk.”

13      L-Artikolu 3 tal-Environment (Miscellaneous Provisions) Act 2011 [il-Liġi tal-2011 dwar l-Ambjent (dispożizzjonijiet mixxellanji), iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2011”] jipprevedi:

“[…]

3)      Qorti tista’ tikkundanna parti għall-ispejjeż fi proċeduri li għalihom tapplika din it-taqsima jekk il-qorti tqis xieraq li tagħmel hekk:

a)      meta l-qorti tqis li talba jew kontrotalba ta’ parti tkun fiergħa jew vessatorja,

b)      minħabba l-mod li bih il-parti tkun mexxiet il-proċeduri, jew

c)      meta l-parti tinstab ħatja ta’ disprezz tal-Qorti.

4)      Is-sottotaqsima (1) ma taffettwax lill-Qorti li hija intitolata tagħti l-ispejjeż favur parti fi kwistjoni ta’ importanza pubblika eċċezzjonali u meta fiċ-ċirkustanzi speċjali tal-każ ikun fl-interess tal-ġustizzja li tagħmel hekk.

[…]”

14      L-Artikolu 4(1) tal-Liġi tal-2011 jiddisponi:

“It-Taqsima 3 tapplika għal proċeduri ċivili, minbarra proċeduri msemmija fis-sottotaqsima (3), istitwiti minn persuna:

a)      bl-għan li tkun żgurata l-konformità ma’, jew l-infurzar ta’ rekwiżit statutorju jew kundizzjoni jew rekwiżit ieħor mehmuż ma’ liċenzja, permess, awtorizzazzjoni, kiri jew permess ieħor speċifikat fis-sottotaqsima (4), jew

b)      fir-rigward ta’ kontravenzjoni dwar jew nuqqas ta’ konformità ma’ tali liċenzja, permess, awtorizzazzjoni, kiri jew għoti ta’ kunsens,

u meta n-nuqqas li tkun żgurata tali konformità ma’, jew infurzar ta’ tali rekwiżit statutorju, kundizzjoni jew rekwiżit ieħor imsemmi fil-paragrafu (a), jew tali kontravenzjoni dwar jew nuqqas ta’ konformità msemmija fil-paragrafu (b), ikunu kkawżaw, qed jikkawżaw jew aktarx jikkawżaw ħsara lill-ambjent.

[…]”

15      L-Artikolu 8 tal-Liġi tal-2011 jipprevedi li l-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jekk ikun hemm bżonn ex officio.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Fl-2015, EirGrid plc, operatur pubbliku Irlandiż tat-trażmissjoni tal-elettriku, talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tinstalla madwar 300 arblu għal kejbils b’vultaġġ għoli fuq tul ta’ 138 km biex jingħaqdu n-netwerks tal-Irlanda u tal-Irlanda ta’ Fuq u biex jiżguraw l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku fil-gżira.

17      Dan il-proġett, li huwa wieħed mill-“proġetti ta’ interess komuni” identifikati mill-Kummissjoni Ewropea abbażi tar-Regolament Nru 347/2013, ġie kkontestat minn grupp ta’ pressjoni li ġab flimkien għadd kbir ta’ sidien tal-artijiet u ta’ abitanti potenzjalment ikkonċernati, imsejjaħ North East Pylon Pressure Campaign (iktar ’il quddiem “NEPP”). L-awtorità nazzjonali li, bis-saħħa tal-Artikolu 8 ta’ dak ir-regolament, ġiet maħtura biex tiffaċilita u tikkoordina l-proċess tal-għoti tal-permessi għal dan il-proġett ta’ interkonnessjoni hija l-An Bord Pleanála, il-korp Irlandiż tal-appelli dwar l-ippjanar.

18      L-An Bord Pleanála huwa responsabbli wkoll biex japprova l-awtorizzazzjoni għal żvilupp għal dan il-proġett. Wara l-applikazzjoni formali għall-awtorizzazzjoni għal żvilupp u s-sottomissjoni ta’ stima tal-impatt ambjentali, dan il-korp sejjaħ seduta orali għas‑7 ta’ Marzu 2016.

19      Fl‑4 ta’ Marzu 2016, NEPP u M. Sheehy bdew jikkontestaw il-proċedura għal awtorizzazzjoni għal żvilupp, b’mod partikolari billi fittxu li jostakolaw li ssir is-seduta. Għal dan il-għan, huma ressqu talba sabiex jiġu awtorizzati jintroduċu proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju b’rikors għal ordni interlokutorja.

20      Jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li xi ħmistax mill-kapijiet tat-talbiet li ġew ippreżentati, insostenn ta’ liema kienu invokati madwar erbgħin motiv, ibbażati, b’mod partikolari, fuq il-fatt li EirGrid kienet biddlet l-informazzjoni oriġinarjament inkluża fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-impatt ambjentali li hija kellha l-obbligu li tittrażmetti skont id-Direttiva 2011/92, fuq l-insuffiċjenza tad-dikjarazzjonijiet dwar l-impatt ambjentali u tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-impatt fuq Natura 2000, fuq l-illegalità ta’ partijiet mill-proċedura għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni għal żvilupp, fuq in-nuqqas ta’ konformità tat-talba għall-awtorizzazzjoni ta’ EirGrid mad-dritt nazzjonali, fuq il-ksur tar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq fl-organizzazzjoni tas-smigħ tal-An Bord Pleanála, u fuq l-imparzjalità oġġettiva ta’ dan tal-aħħar minħabba l-ħatra tiegħu mill-Ministru.

21      Peress li r-rikors għal ordni interlokutorja ġie miċħud, is-seduta quddiem l-An Bord Pleanála saret fid-data prevista.

22      Twettqet il-proċedura għal awtorizzazzjoni u l-qorti tat permess li r-rikorrenti jżidu lill-Ministru, li kien iddisinja l-An Bord Pleanála, u l-Attorney General fost il-konvenuti, kif ukoll jissupplimentaw il-kontestazzjoni tagħhom għall-ħatra tal-An Bord Pleanála bħala l-awtorità kompetenti. EirGrid intervjeniet fil-proċedura.

23      Fit‑12 ta’ Mejju 2016, erbat ijiem wara s-seduta, il-qorti tar-rinviju rrifjutat li tagħti l-awtorizzazzjoni biex jiġi ppreżentat rikors għar-raġuni li d-dritt Irlandiż kien jidher li jeħtieġ li wieħed jistenna li l-An Bord Pleanála jkun adotta deċiżjoni finali qabel ma tista’ tiġi kkontestata, u li, għaldaqstant, ir-rikors li għalih l-awtorizzazzjoni kienet mitluba huwa prematur.

24      Fil-proċedura li wasslet għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-partijiet ma jaqblux fuq l-ispejjeż marbuta mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni li jiġi ppreżentat rikors meta l-ammont jaqbeż EUR 500 000.

25      B’mod partikolari, ġie sostnut li NEPP u M. Sheehy ma setgħux jinvokaw l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, peress li t-talba għall-awtorizzazzjoni li jiġi ppreżentat rikors ma kinitx sempliċement qed tqajjem irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-impatt ambjentali bħala tali.

26      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà tad-dritt Irlandiż mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92 u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li jistabbilixxu r-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva.

27      Din il-qorti tispeċifika, f’dan ir-rigward, li l-Irlanda ma adottatx dispożizzjoni li tittrasponi l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2011/92. Infatti, peress li l-istadju li matulu tista’ tiġi kkontestata skont din id-direttiva ma huwiex definit, kull qorti Irlandiża għandha tevalwa, fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk ir-rikors li ġiet mressqa quddiemha ġietx imressqa fl-istadju xieraq, jew jekk hijiex prematura jew tardiva. Barra minn hekk, l-istess qorti tindika li l-Liġi tal-2011 tkun iktar restrittiva mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus minħabba li tikkundizzjona l-applikabbiltà tagħha fir-rigward ta’ spejjeż fuq l-eżistenza ta’ rabta bejn l-illegalità invokata u dannu ambjentali.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Fil-kuntest ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali li fih il-leġiżlatur ma jkunx stabbilixxa b’mod espress u definittiv f’liema stadju tal-proċedura tista’ tiġi kkontestata deċiżjoni u li fih tali kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-qorti fil-kuntest ta’ kull rikors speċifiku fuq il-bażi ta’ każ b’każ skont regoli tad-dritt komuni, id-dritt naxxenti mill-Artikolu 11(4) tad-Direttiva [2011/92] għal proċedura li ‘ma tiswiex tant li tkun projbittiva [ma tkunx eċċessivament oneruża]’ japplika għal proċedura quddiem qorti nazzjonali li permezz tagħha jiġi ddeterminat jekk ir-rikors partikolari inkwistjoni ġiex ippreżentat fl-istadju korrett?

2)      Ir-rekwiżit li l-proċedura ‘ma tiswiex tant li tkun projbittiva [ma tkunx eċċessivament oneruża]’ skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva [2011/92] japplika għall-elementi kollha ta’ proċedura ġudizzjarja li permezz tagħha tiġi kkontestata l-legalità (skont id-dritt nazzjonali jew tal-UE) ta’ deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-parteċipazzjoni pubblika, jew unikament għall-elementi tad-dritt tal-Unjoni ta’ tali kontestazzjoni (jew b’mod partikolari, unikament għall-elementi tal-kontestazzjoni marbuta ma’ kwistjonijiet li jikkonċernaw dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-parteċipazzjoni pubblika)?

3)      Il-frażi ‘[i]d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet’ fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva [2011/92] tinkludi deċiżjonijiet amministrattivi adottati waqt li tkun qiegħda tiġi ddeterminata applikazzjoni għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp, indipendentement minn jekk dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi jiddeterminawx id-drittijiet legali tal-partijiet b’mod irriversibbli u finali?

4)      Qorti nazzjonali, bil-għan li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ambjentali tal-Unjoni, għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha b’mod kemm jista’ jkun konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni [ta’ Aarhus:]

a)      fi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ proċedura għall-kisba ta’ permess għal żvilupp marbuta ma’ proġett ta’ interess komuni magħżul skont ir-Regolament Nru 347/2013 […], u/jew

b)      fi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ proċedura għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp fejn l-iżvilupp ikun jaffettwa sit Ewropew magħżul skont id-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/43/KEE, tal‑21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa [ĠU 1992, L 206, p. 7)]?

5)      Fil-każ li r-risposta għad-domandi (4)(a) u/jew (b) tkun fl-affermattiv, id-dikjarazzjoni li r-rikorrenti għandhom ‘jissodisfaw kull rekwiżit stabbilit [fid]-dritt nazzjonali’ tipprekludi lill-Konvenzjoni milli titqies li għandha effett dirett, f’ċirkustanzi fejn ir-rikorrenti ma jkunux naqsu milli jissodisfaw kriterju tad-dritt nazzjonali għall-preżentata ta’ rikors u/jew ikunu manifestament intitolati li jippreżentaw tali rikors:

a)      fi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ proċedura għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp marbut ma’ proġett ta’ interess komuni magħżul skont ir-Regolament Nru 347/2013 […], u/jew

b)      fi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ proċedura għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp fejn l-iżvilupp ikun jaffettwa sit Ewropew magħżul skont id-Direttiva [92/43]?

6)      Stat Membru huwa ħieles li jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, eċċezzjonijiet għar-regola li l-proċeduri ambjentali ma għandhomx ikunu eċċessivament onerużi, meta d-Direttiva [2011/92] jew il-Konvenzjoni [ta’ Aarhus] ma jipprovdu għall-ebda eċċezzjoni simili?

7)      B’mod partikolari, rekwiżit tad-dritt nazzjonali li jirrikjedi rabta kawżali bejn l-allegat att jew deċiżjoni illegali u d-dannu ambjentali bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni [ta’ Aarhus] bil-għan li jiġi żgurat li proċeduri ambjentali ma jkunux eċċessivament onerużi huwa kompatibbli mal-konvenzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

29      Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva japplikax għal proċedura quddiem qorti ta’ Stat Membru, bħal dik tal-kawża prinċipali, fejn qiegħed jiġi deċiż jekk rikors jistax jiġi awtorizzat matul proċedura għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni għal żvilupp, f’kuntest fejn dan l-Istat Membru ma stabbilixxiex f’liema stadju rikors ikun jista’ jiġi ppreżentat.

30      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi, ir-rekwiżit stabbilit mill-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 jikkonċerna l-ispejjeż finanzjarji kollha li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ġudizzjarja. Għaldaqstant, in-natura projbittiva għandha tiġi evalwata globalment, waqt li jittieħed kont tal-ispejjeż kollha mġarrba mill-parti kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos, C‑260/11, EU:C:2013:221, punti 27 u 28).

31      Minn dan jirriżulta li, meta d-dritt proċedurali nazzjonali jipprevedi li għandha tintalab awtorizzazzjoni qabel rikors kopert mir-rekwiżit stabbilit mill-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92, l-ispejjeż relatati ma’ proċedura intiża sabiex tinkiseb l-imsemmija awtorizzazzjoni għandhom ukoll jiġu miċħuda.

32      Dan huwa a fortiori l-każ fl-ipoteżi fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma ddeterminatx l-istadju li fih jista’ jiġi ppreżentat rikors, kif jeżiġi l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2011/92, tali proċedura għandha tevalwa jekk ir-rikors ġiex ippreżentat fl-istadju xieraq.

33      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li t-talba biex jiġi introdott rimedju ġudizzjarju ġietx ippreżentata waqt proċedura li tista’ twassal għal awtorizzazzjoni għal żvilupp, u mhux kontra deċiżjoni li temmet din il-proċedura b’mod definittiv. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 101 sa 108 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2011/92 la titlob u lanqas tipprojbixxi li r-rikorsi koperti mill-garanzija kontra l-ispejjeż projbittivi jiġu ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li jtemmu definittivament proċedura ta’ awtorizzazzjoni, fid-dawl tal-firxa wiesgħa ta’ proċessi deċiżjonali ambjentali, iżda tipprevedi biss l-obbligu tal-Istati Membri li jiddeterminaw l-istadju li fih rikors jista’ jiġi ppreżentat.

34      Sussegwentement, biex tingħata risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda, l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva japplika għal proċedura quddiem qorti ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha jiġi deċiż jekk rikors jistax jiġi awtorizzat matul proċedura għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni għal żvilupp, u dan iktar u iktar meta dan l-Istat Membru ma ddeterminax f’liema stadju rikors jista’ jiġi ppreżentat.

 Fuq it-tieni domanda

35      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta rikorrent jinvoka kemm motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali fi kwistjonijiet ambjentali u kemm motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli oħra, ir-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva previst fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 japplika għall-ispejjeż relatati mar-rikors kollu, jew biss għall-ispejjeż relatati mal-parti tar-rikors ibbażata fuq ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92 li r-rikorsi li huma suġġetti għall-protezzjoni kontra l-ispejjeż projbittivi huma dawk intiżi kontra d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet “bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku”. Interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni b’hekk tfisser li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għall-ispejjeż relatati biss mal-aspetti ta’ tilwima li tinvoka d-dritt tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet skont ir-regoli dettaljati stipulati f’dan ir-rigward fid-direttiva.

37      Dan l-approċċ huwa kkonfermat minn qari kuntestwali tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92.

38      Dan tal-aħħar jinkludi, fil-fatt, mhux biss ir-regoli dwar l-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja, iżda wkoll, b’mod iktar wiesa’, ir-regoli ta’ armonizzazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-impatt ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent.

39      Għalhekk, billi l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92 jagħmel riferiment espliċitu biss għad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-test dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jiġi kkunsidrat li kellu l-intenzjoni li jeskludi mill-garanzija kontra spejjeż projbittivi r-rikorsi bbażati fuq kwalunkwe regola oħra ta’ din id-direttiva, u iktar u iktar fuq kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra, kemm tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

40      Tali interpretazzjoni lanqas ma hija invalidata fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2011/92, li jikkonsisti, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessi 19 sa 21, milli jittraskrivu fil-liġi sekondarja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

41      Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet stess jirreferu, biex jiddefinixxu l-ambitu tar-rikorsi li ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva, għal dawk ir-rikorsi intiżi kontra kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni “koperta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6” ta’ dik il-konvenzjoni, jiġifieri li ċerti regoli jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali fi kwistjonijiet ambjentali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li d-dritt intern jiddisponi mod ieħor billi jestendi din il-garanzija għal dispożizzjonijiet oħra rilevanti ta’ din il-konvenzjoni.

42      B’hekk, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu biss l-intenzjoni li jaċċetta r-rekwiżit li ċerti rimedji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva kif iddefinit fl-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kull interpretazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit, fis-sens tad-Direttiva 2011/92, li japplika lil hinn mir-rikorsi miġjuba kontra d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet relatati mal-proċess tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku ddefinit minn din id-direttiva tirriżulta f’interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-intenzjonijiet tal-leġiżlatur.

43      Meta, bħal fil-każ ta’ talba għall-awtorizzazzjoni li wasslet għall-proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż prinċipali, rikors dirett kontra proċess kopert mid-Direttiva 2011/92 tgħaqqad kunsiderazzjonijiet legali fir-rigward tar-regoli tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku ma’ argumenti ta’ natura oħra, huwa f’idejn il-qorti nazzjonali biex, ex æquo et bono u skont il-modalitajiet proċedurali nazzjonali applikabbli, tagħmel distinzjoni bejn dawk l-ispejjeż relatati ma’ kull wieħed miż-żewġ tipi ta’ argumenti, sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżit ta’ spiża mhux projbittiva jiġi applikat għall-parti tar-rikors ibbażata fuq ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

44      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda hija li meta rikorrent jinvoka kemm motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali fi kwistjonijiet ambjentali u kemm motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli oħra, ir-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva previst fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 japplika biss għall-ispejjeż relatati mal-parti tar-rikors ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda

45      Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk u sa fejn l-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ambjentali tal-Unjoni, ċerti proċeduri ġudizzjarji ma jkunux ta’ spiża projbittiva japplika għall-aspetti ta’ tilwima li ma jkunux koperti mill-istess rekwiżit kif jirriżulta, skont id-Direttiva 2011/92, mir-risposta mogħtija għat-tieni domanda, u, jekk iva, liema huma l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-qorti nazzjonali f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, iffirmata mill-Komunità u wara approvata permezz tad-Deċiżjoni 2005/370, u li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar għaldaqstant jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 30).

47      Filwaqt li l-paragrafu 2 tal-Artikolu 9 ta’ din il-konvenzjoni jistabbilixxi dritt għal rimedju maħsub biex jiġi infurzat id-dritt tal-pubbliku li jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ambjentali, il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jikkonċerna, b’mod iktar wiesa’, id-dritt tal-pubbliku kkonċernat sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-ambjent.

48      Il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, li jispeċifika l-karatteristiċi li għandu jkollhom ir-rikorsi, u b’mod partikolari li ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva, japplika b’mod espliċitu kemm għar-rikorsi msemmija fil-paragrafu 3 u kemm, b’mod partikolari, għal dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2.

49      Sussegwentement, ir-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva, kif previst mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandu jitqies li japplika għal proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri proċedura li hija intiża li tikkontesta, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tal-ambjent, proċess għal awtorizzazzjoni għal żvilupp.

50      Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi applikata kemm għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, jeżisti interess ċert li, sabiex jiġu evitati diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, din id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni uniformi, irrispettivament mill-kundizzjonijiet li fihom hija ser tiġi applikata (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni mogħtija fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, dwar l-applikabbiltà tar-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva għal proċedura quddiem qorti nazzjonali li fil-kuntest tagħha jiġi ddeterminat jekk l-awtorizzazzjoni għal rikors tistax tingħata, hija trasponibbli għall-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

52      Fir-rigward tal-konsegwenzi għall-qorti nazzjonali ta’ din il-konklużjoni f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi mfakkar li la l-paragrafu 3 u lanqas il-paragrafu 4 tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma fihom obbligu inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż li jista’ jirregola direttament is-sitwazzjoni ġuridika tal-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 45, u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 50).

53      Madankollu, għandu jiġi osservat li dawn id-dispożizzjonijiet, minkejja li huma nieqsa minn effett dirett, għandhom l-għan li jippermettu li jiżguraw ħarsien effettiv tal-ambjent.

54      Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-modalitajiet proċedurali għal rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola dawn il-modalitajiet, u huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet (ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 47).

55      F’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li l-modalitajiet proċedurali għal rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ individwi taħt il-liġi tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili tad-dritt intern (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (il-prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 46).

56      Għaldaqstant, ma jistax jiġi pprevedut, mingħajr ma titqiegħed inkwistjoni l-protezzjoni effettiva tad-dritt ambjentali tal-Unjoni, f’dan il-każ tad-Direttiva 2011/92 u tar-Regolament Nru 347/2013, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jingħataw interpretazzjoni li tagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 49).

57      Konsegwentement, meta tkun involuta l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-ambjent, b’mod partikolari fit-twettiq ta’ proġett ta’ interess komuni, fis-sens tar-Regolament Nru 347/2013, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali li, sa fejn ikun possibbli, tkun konformi mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, b’tali mod li l-ispiża tal-proċeduri ġudizzjarji ma tkunx projbittiva.

58      Minn dak li ntqal jirriżulta li jeħtieġ li r-risposta għar-raba’ u l-ħames domanda hija li l-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ambjentali tal-Unjoni, ir-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva japplika għall-parti ta’ rikors li ma tkunx koperta mill-istess rekwiżit, kif jirriżulta, skont id-Direttiva 2011/92, mir-risposta mogħtija għat-tieni domanda, sa fejn ir-rikorrent ifittex, b’dak ir-rikors, li jiżgura r-rispett għad-dritt nazzjonali tal-ambjent. Dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx effett dirett, iżda hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali li, sa fejn ikun possibbli, tkun konformi magħhom.

 Fuq is-sitt u s-seba’ domanda

59      Permezz tas-sitt u s-seba’ domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk Stat Membru jistax jidderoga mir-rekwiżit li l-ispiża ta’ ċerti proċeduri ġudizzjarji ma tkunx projbittiva mitlub mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mid-Direttiva 2011/92 meta rikors jitqies frivolu jew vessatorju, jew fl-assenza ta’ rabta bejn il-ksur allegat tad-dritt nazzjonali tal-ambjent u dannu ambjentali.

60      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li r-rekwiżit li l-proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva previst kemm fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jikkundannaw lil rikorrent għall-ispejjeż. Dan jirriżulta b’mod espliċitu mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li magħha il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tkun allineati, bl-Artikolu 3(8) ta’ din il-konvenzjoni jispeċifika li bl-ebda mod ma hija ppreġudikata s-setgħa tal-qrati nazzjonali li jikkundannaw spejjeż ta’ ammont raġonevoli fi tmiem ta’ proċedura ġudizzjarja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos, C‑260/11, EU:C:2013:221, punti 25 u 26).

61      Għalhekk huwa possibbli li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni fatturi bħal, b’mod partikolari, il-prospetti raġonevoli tas-suċċess tar-rikors jew jekk in-natura tiegħu hijiex frivola jew vessatorja, sakemm l-ammont tal-ispejjeż imposti fuq l-applikant ma jkunux għoljin wisq.

62      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward tal-ispejjeż proċedurali, bħalma hija l-Liġi tal-2011, tistax tikkundizzjona l-applikazzjoni tar-rekwiżit li l-ispiża ta’ ċerti proċeduri ġudizzjarji ma tkunx projbittiva fuq l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn l-illegalità invokata fir-rigward tad-dritt nazzjonali tal-ambjent u dannu ambjentali, tista’ biss issir riferenza għall-kliem stess tal-imsemmija konvenzjoni.

63      Fil-fatt, dan ir-rekwiżit japplika, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 9 ta’ din il-konvenzjoni, għall-proċeduri intiżi sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi “li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-ambjent”.

64      Għalhekk, il-partijiet kontraenti għal din il-konvenzjoni kellhom, mingħajr ambigwità, l-intenzjoni li japplikaw il-protezzjoni kontra l-ispejjeż projbittivi tar-rimedji li l-għan tagħha huwa li tara li tiġi rrispettata l-legalità ambjentali in abstracto, mingħajr ma tiġi kkundizzjonata din il-protezzjoni fuq id-dimostrazzjoni ta’ xi rabta ma’ dannu ambjentali li huwa attwali jew, a fortiori, potenzjali.

65      Huwa xieraq, għalhekk, li r-risposta għas-sitt u s-seba’ domanda hija li Stat Membru ma jistax jidderoga mir-rekwiżit li l-ispiża ta’ ċerti proċeduri ma tkunx projbittiva, mitlub mill-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mill-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92, meta rikors jitqies frivolu jew vessatorju, jew fl-assenza ta’ rabta bejn il-ksur allegat tad-dritt nazzjonali tal-ambjent u dannu ambjentali.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva japplika għal proċedura quddiem qorti ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha jiġi deċiż jekk rikors jistax jiġi awtorizzat matul proċedura għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni għal żvilupp, u dan iktar u iktar meta dan l-Istat Membru ma ddeterminax f’liema stadju rikors jista’ jiġi ppreżentat.

2)      Meta rikorrent jinvoka kemm motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali fi kwistjonijiet ambjentali u kemm motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli oħra, ir-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva previst fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 japplika biss għall-ispejjeż relatati mal-parti tar-rikors ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

3)      L-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas17 ta’ Frar 2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ambjentali tal-Unjoni, ir-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva japplika għall-parti ta’ rikors li ma tkunx koperta mill-istess rekwiżit, kif jirriżulta, skont id-Direttiva 2011/92, mir-risposta mogħtija fil-punt 2 ta’ dan id-dispożittiv, sa fejn ir-rikorrent ifittex, b’dak ir-rikors, li jiżgura r-rispett għad-dritt nazzjonali tal-ambjent. Dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx effett dirett, iżda hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali li, sa fejn ikun possibbli, tkun konformi magħhom.

4)      Stat Membru ma jistax jidderoga mir-rekwiżit li l-ispiża ta’ ċerti proċeduri ġudizzjarji ma tkunx projbittiva, impost mill-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali u mill-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92, meta rikors jitqies frivolu jew vessatorju, jew fl-assenza ta’ rabta bejn il-ksur allegat tad-dritt nazzjonali tal-ambjent u dannu ambjentali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.