Language of document : ECLI:EU:C:2018:220

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ April 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Kustodja tal-wild – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 8, 10 u 13 – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ tal-wild – Deċiżjoni mogħtija mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor dwar il-post ta’ residenza tal-wild – Tneħħija jew żamma illegali – Ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif tal-wild”

Fil-Kawża C‑85/18 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Oradea (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Oradea, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

CV

vs

DU,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Arabadjiev, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat it-talba tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Frar 2018, skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi eżaminata l-ħtieġa li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza,

wara li rat id-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Awla tat-28 ta’ Frar 2018 li l-imsemmi rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għall-imsemmija proċedura,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn CV u DU, ġenituri ta’ wild minuri, rigward l-iffissar tal-post tar-residenza ta’ dan tal-aħħar u ta’ rata ta’ ħlas għall-finijiet tal-manteniment tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri, konkluża f’Den Haag, fil-25 ta’ Ottubru 1980, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”), għandha bħala għanijiet, kif jirriżulta mill-preambolu tagħha, inter alia li tipproteġi lill-wild, fil-livell internazzjonali, mill-effetti dannużi ta’ tneħħija jew żamma illegali u li tistabbilixxi proċeduri sabiex jiġi ggarantit ir-ritorn immedjat tal-wild fl-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu. Din il-konvenzjoni ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

4        Skont l-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni:

“It-tneħħija jew iż-żamma ta’ minuri għandhom jitqiesu li huma illegali meta:

a)      iseħħu bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja, vestit f’persuna, istituzzjoni jew organu ieħor, individwalment jew b’mod konġunt, mid-dritt tal-Istat fejn il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu; u

b)      dan id-dritt kien eżerċitat effettivament individwalment jew b’mod konġunt, fil-mument tat-tneħħija jew taż-żamma, jew kien ikun hekk eżerċitat li kieku ma seħħewx dawn l-avvenimenti.

Id-dritt ta’ kustodja msemmi fis-subparagrafu (a) jista’ joriġina b’mod partikolari mill-operat tal-liġi jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skont il-liġi ta’ dak l-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 2201/2003

5        Il-premessi 12 u 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxu:

“(12)      Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett mal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza tal-minuri jew skont ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

[...]

(17)      F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, ir-ritorn ta’ l-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-25 ta’ Ottubru 1980 kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. [...]”

6        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

(a)      id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;

(b)      l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2.      Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

(a)      drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

[...]

3.       Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[...]

(e)      l-obbliġazzjonijiet ta’ manteniment;

[...]”

7        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

7.      il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

8.      il-kliem ‘min għandu r-responsabilità ta’ l-ġenituri’ se tfisser kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri;

9.      il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[...]

11      il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija tal-minuri jew iż-żamma fejn;

(a)      hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

(b)      iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

8        Skont l-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”:

“1.      Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

2.      Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

9        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri” jipprovdi:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u:

(a)      kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma;

jew,

(b)      il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

(i)      Fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentat quddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

(ii)      talba għar-ritorn reġistrata mill-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja ġiet irtirata u l-ebda talba ġdida ma ġiet ippreżentata fiż-żmien limitu skond il-paragrafu (i);

(iii)      każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skont l-Artikolu 11(7);

(iv)      sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn ta’ l-minuri tkun inħarġet mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż-żamma.”

10      L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jiddisponi:

“1.      Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980], ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

[...]

3.      Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

[...]”

11      L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-ġurisdizzjoni ibbażata fuq il-preżenza ta’ l-minuri”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn ir-residenza abitwali ta’ l-minuri ma tistax tiġi stabbilita u l-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata dwar il-bażi ta’ l-Artikolu 12, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri huma preżenti għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 4/2009

12      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009 L 7, p. 1) għandu japplika, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, “għall-obbligi ta’ manteniment li ġejjin minn relazzjonijiet tal-familja, parentela, żwieġ jew affinità”.

13      L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

[...]

(d)      il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess għandha l-ġurisdizzjoni biex iżżomm proċeduri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ ġenitur jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċeduri, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li CV u DU, ċittadini Rumeni, kienu jifformaw koppja mhux miżżewġa u kienu jgħixu flimkien fil-Portugall. Huma kellhom wild, li twieled fit-29 ta’ Ottubru 2010 f’dan l-Istat Membru. Binhom għandu n-nazzjonalità Portugiża.

15      Fix-xahar ta’ Lulju 2015, il-ġenituri sseparaw. L-omm, DU, telqet mid-dar komuni tagħhom. Il-wild tagħhom baqa’ jgħix ma’ missieru, CV.

16      Wara din is-separazzjoni, il-ġenituri eżerċitaw, skont id-dritt Portugiż, ir-responsabbiltà tal-ġenituri konġunta, inkluż, fost affarijiet oħra, id-dritt li wieħed jiddeċiedi l-post ta’ residenza tal-wild.

17      Fil-11 ta’ April 2016, l-omm ressqet talba quddiem qorti Portugiża sabiex tingħata l-kustodja tal-wild tagħha.

18      Fil-25 ta’ April 2016, il-missier telaq mill-Portugall lejn ir-Rumanija u ħa miegħu lill-ibnu, mingħajr il-kunsens tal-omm.

19      B’deċiżjoni provviżorja tal-15 ta’ Lulju 2016, il-qorti Portugiża adita laqgħet it-talba tal-omm u tagħtha l-kustodja tal-wild tagħha.

20      Fl-4 ta’ April 2017, l-omm adixxiet il-qrati Rumeni kompetenti sabiex tikseb ir-ritorn tal-wild tagħha fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. It-Tribunalul București (il-Qorti Għolja ta’ Bukarest, ir-Rumanija) kellha tieħu konjizzjoni, minħabba f’hekk, ta’ proċedura dwar ħtif internazzjonali ta’ wild.

21      Sussegwentement, din il-qorti ordnat, permezz ta’ sentenza ċivili, ir-ritorn tal-wild ikkonċernat lejn il-Portugall, peress li dan l-Istat kellu jitqies li huwa l-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata b’sentenza tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), tal-16 ta’ Awwissu 2017, li kkunsidrat li r-Rumanija ma setgħetx titqies li kienet l-Istat ta’ residenza tal-wild, minħabba n-natura illegali tat-teħid tiegħu mill-Portugall lejn ir-Rumanija.

22      Minkejja din il-proċedura, il-missier ippreżenta, fil-21 ta’ April 2017, azzjoni quddiem il-Judecătoria Oradea (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Oradea, ir-Rumanija), il-qorti tar-rinviju, sabiex din tiffissa l-post ta’ residenza tal-wild ikkonċernat fid-dar tiegħu li tinsab fir-Rumanija u sabiex l-omm ta’ dan il-wild tiġi ordnata tħallas rata ta’ manteniment kif ukoll l-ispejjeż.

23      F’dan ir-rigward, CV espona b’mod partikolari li, sa minn meta DU telqet mid-dar komuni, hija żaret biss sparodikament lill-wild tagħhom u la kkontribwixxiet għall-manteniment u lanqas għall-edukazzjoni tiegħu. Is-sitwazzjoni baqgħet l-istess sal-preżent, billi, skontu, DU żżomm biss, kull xahar, kuntatt telefoniku ma’ binhom.

24      Bħala difiża, DU titlob iċ-ċaħda tal-azzjoni u tqajjem, skont l-Artikolu 132 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Rumen, eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju billi invokat l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-fatt li l-qrati kompetenti Rumeni, aditi bi proċedura ta’ ħtif ta’ wild, qiesu, permezz tas-sentenzi hawn fuq imsemmija, li l-wild tagħhom kellu d-domiċilju legali tiegħu fil-Portugall.

25      Wara l-invokazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, il-missier talab lill-qorti tar-rinviju tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-wild, kif jidher, essenzjalment, fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003.

26      Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li hija għandha teżamina, fl-ewwel lok, l-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni invokata minn omm il-wild ikkonċernat u li, sabiex tippronunzja ruħha fuq din tal-aħħar, hija għandha tirrikorri għall-imsemmi kunċett ta’ “residenza abitwali”.

27      F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li, minkejja li fid-data li fiha hija ġiet adita bil-kawża prinċipali l-wild ikkonċernat kellu r-residenza abitwali tiegħu ma’ missieru, f’Oradea fir-Rumanija, il-qrati Rumeni kompetenti kienu, permezz tas-sentenzi haw fuq imsemmija fil-punt 21 ta’ dan id-digriet, ikkonstataw li t-teħid ta’ dan il-wild mill-Portugall lejn ir-Rumanija kien illegali u li l-post tar-residenza abitwali tiegħu kien jinsab fil-Portugall.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Judecătoria Oradea (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Oradea) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Il-kunċett ta’ residenza abitwali tal-wild, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li din ir-residenza abitwali tirrifletti l-post fejn il-wild għandu ċertu grad ta’ integrazzjoni f’ambitu soċjali u tal-familja, indipendentement mill-fatt li jkun hemm deċiżjoni ġudizzjarja ppronunzjata fi Stat Membru ieħor, wara ċ-ċaqliq tal-wild ma’ missieru fit-territorju tal-Istat fejn il-minuri integra ruħu f’dan l-ambitu soċjali u tal-familja? Jew, f’dan il-każ, hemm lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-preżenza tal-wild?

2)      Il-fatt li l-minuri jkollu n-nazzjonalità tal-Istat Membru fejn huwa stabbilixxa ruħu ma’ missieru, fiċ-ċirkustanzi fejn il-ġenituri tiegħu għandhom biss in-nazzjonalità Rumena, huwa rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali?”

 Fuq il-proċedura ta’ urġenza

29      Permezz ta’ memorandum tal-20 ta’ Frar 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja talab, skont l-Artikolu 107(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-awla magħżula għal dan il-għan, jiġifieri lill-Ewwel Awla, teżamina n-neċessità li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-urġenza li tingħata deċiżjoni fis-sitwazzjonijiet ta’ tneħħija ta’ wild b’mod partikolari meta s-separazzjoni ta’ wild u ta’ ġenitur tista’ twassal għal deterjorament tar-relazzjonijiet bejniethom jew timmina dawn ir-relazzjonijiet, preżenti jew futuri, u tista’ tikkawża dannu irreparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga, C-491/10 PPU, EU:C:2010:828, punt 39).

31      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-wild ikkonċernat, li għandu seba’ snin, ilu kważi sentejn jgħix ma’ missieru fir-Rumanija u huwa sseparat minn ommu li hija residenti fil-Portugall. Il-Qorti tar-rinviju tfakkar f’dan ir-rigward li l-qrati kompetenti Rumeni, aditi bi proċedura ta’ ħtif internazzjonali ta’ minuri fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, ikkonstataw, b’sentenza li saret definittiva, l-illegalità tat-tneħħija ta’ dan il-wild mill-Portugall sabiex ittieħed lejn ir-Rumanija. Hija tippreċiża wkoll li CV sostna quddiemha li DU żżomm biss kuntatt telefoniku kull xahar mal-wild tagħhom.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-fatt li l-età tal-wild ikkonċernat hija età delikata għall-iżvilupp tiegħu, it-titwil tas-sitwazzjoni attwali tista’ taffettwa serjament, jew b’mod irrimedjabbli, ir-relazzjoni li dan il-wild minuri għandu ma’ ommu. Barra minn hekk, peress li l-integrazzjoni soċjali u tal-familja tal-wild ikkonċernat kienet, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, diġà avvanzata biżżejjed fl-Istat Membru tar-residenza attwali tiegħu, l-estensjoni ta’ din is-sitwazzjoni tista’ tikkomprometti iktar l-integrazzjoni tiegħu fl-ambjent tal-familja u soċjali f’każ li eventwalment jirritorna lejn il-Portugall (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga, C-491/10 PPU, EU:C:2010:828, punt 40).

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit-28 ta’ Frar 2018, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura għal deċiżjoni preliminari b’urġenza.

 Fuq id-domandi preliminari

34      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, meta domanda preliminari magħmula tkun identika għal domanda li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

35      Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

36      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-fatt li qorti nazzjonali fformulat, f’livell formali, it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti bil-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li biha tinsab adita, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C-492/14, EU:C:2016:732, punt 43, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2017, W u V, C-499/15, EU:C:2017:118, punt 45).

37      F’dan ir-rigward, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tippermetti lil din il-qorti tal-aħħar tippronunzja ruħha dwar l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma minn DU quddiemha fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003, billi din l-eċċezzjoni għandha, skont din il-qorti, tiġi eżaminata qabel l-eċċezzjonijiet l-oħra u l-mertu.

38      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-kawża prinċipali tirrigwarda tneħħija illegali ta’ wild, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u tal-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003.

39      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-illegalità tat-tneħħija jew taż-żamma ta’ wild, iddefinita f’termini simili ħafna f’dawn id-dispożizzjonijiet, hija kkostitwita meta t-tneħħija jew iż-żamma ta’ wild tkun seħħet bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja li jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja, bl-operat ta’ liġi jew minn ftehim li għandu effett legali skont id-dritt tal-Istat Membru fejn il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C-111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 36).

40      F’dan il-każ, il-wild ikkonċernat fil-kawża prinċipali ttieħed lejn ir-Rumanija minn missieru mingħajr il-kunsens ta’ ommu, bi ksur tad-dritt ta’ kustodja konġunta mogħti lill-ġenituri skont id-dritt tal-Istat Membru fejn il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel dan it-teħid, jiġifieri r-Repubblika tal-Portugall. Huwa wkoll paċifiku li l-qrati Rumeni, aditi skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, b’talba intiża għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 sabiex dan il-wild jiġi rritornat, ikkonfermaw, permezz ta’ sentenza li saret res judicata, in-natura illegali ta’ dan it-teħid filwaqt li ordnaw ir-ritorn tal-imsemmi wild lejn il-Portugall.

41      Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Stat Membru fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri ta’ wild li ttieħed illegalment ma għandhiex tiġi ddeterminata fid-dawl tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, imsemmija fid-domandi preliminari, li tipprevedi l-każ ta’ teħid leġittimu fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C-497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 42).

42      Fil-fatt, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali prevista fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu għandha tapplika bla ħsara, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi regola speċifika fil-każ ta’ tneħħija jew żamma illegali ta’ wild.

43      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw biss l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, minkejja li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda mhux biss ir-responsabbiltà tal-ġenituri iżda wkoll l-obbligi ta’ manteniment, li huma, skont l-Artikolu 1(3)(e) ta’ dan ir-regolament, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

44      Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ dan id-digriet, id-domandi magħmula għandhom, għalhekk, jiġu fformulati mill-ġdid fil-kuntest tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni f’każ ta’ ħtif ta’ wild, u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, dwar il-ġurisdizzjoni sabiex tingħata deċiżjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fih wild minuri ttieħed minn wieħed mill-ġenituri tiegħu b’mod illegali għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar talba mressqa minn dan il-ġenitur dwar id-dritt ta’ kustodja u l-obbligi ta’ manteniment fir-rigward ta’ dan il-wild meta, wara dan it-teħid, il-wild għandu ċertu grad ta’ integrazzjoni soċjali u tal-familja f’dan l-Istat Membru, li ż-żewġ ġenituri għandhom, barra minn hekk, in-nazzjonalità tiegħu, filwaqt li madankollu hemm deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja mogħtija mill-qrati tal-Istat Membru fejn kien jirrisjedi l-wild qabel l-imsemmi teħid, li biha l-kustodja tiegħu ngħatat lill-ġenitur l-ieħor u d-domiċilju ta’ dan il-wild kien ġie ffissat fl-indirizz ta’ dan il-ġenitur l-ieħor, fl-Istat tar-residenza abitwali inizjali tal-wild, li tiegħu għandu wkoll in-nazzjonalità.

46      Fil-każ ta’ tneħħija illegali ta’ wlied, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jagħti, bħala regola ġenerali, il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija tiegħu. Bħala prinċipju, din il-ġurisdizzjoni tinżamm u hija ttrasferita biss jekk il-wild jikseb residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u jekk, barra minn hekk, waħda mill-kundizzjonijiet alternattivi msemmija f’dan l-Artikolu 10 tkun issodisfatta wkoll (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Povse, C-211/10 PPU, EU:C:2010:400, punt 41).

47      Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-wild ikkonċernat kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-Portugall immedjatament qabel it-teħid illegali tiegħu lejn ir-Rumanija.

48      Fir-rigward tal-impatt ta’ deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja li tagħti l-kustodja ta’ wild, bħal dik mogħtija mill-qrati Portugiżi fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha d-domiċilju tal-wild ikkonċernat kien ġie ffissat fid-domiċilju tal-omm fil-Portugall, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi preċiżament is-sitwazzjoni fejn il-wild jikseb residenza abitwali ġdida wara tneħħija jew żamma illegali (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C-111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 55). Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 39 ta’ dan id-digriet, l-illegalità tat-tneħħija jew taż-żamma hija inter alia kkostitwita meta din tkun seħħet bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja li jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja.

49      Konsegwentement, l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja ma tistax tkun determinanti sabiex tistabbilixxi r-“residenza abitwali” tal-wild ikkonċernat fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, billi dan il-kunċett ta’ “residenza abitwali” jirrifletti essenzjalment kwistjoni ta’ fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C-111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 54).

50      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-wild ikkonċernat kiseb, fil-kawża prinċipali, residenza abitwali ġdida fir-Rumanija, fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li, kif tfakkar fil-punt 46 ta’ dan id-digriet, din il-qorti tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament minflok il-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija tiegħu, biss jekk waħda mill-kundizzjonijiet alternattivi msemmija f’dan l-Artikolu 10(a) u (b) tkun issodisfatta wkoll.

51      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza li r-Regolament Nru 2201/2003 huwa intiż sabiex jiddiswadi l-ħtif ta’ wlied bejn l-Istati Membri u li l-ħtif illegali ta’ wild, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux, fil-prinċipju, ikollu l-konsegwenza li jittrasferixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru fejn il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija tiegħu lil dawk tal-Istat Membru fejn il-wild ittieħed, u dan anki fil-każ fejn, wara l-ħtif, il-wild ikun kiseb residenza abitwali fih. Għalhekk, hija qieset li l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 10(a) u (b) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Povse, C-211/10 PPU, EU:C:2010:400, punti 43 sa 45).

52      Issa, fil-kawża prinċipali, ma jirriżulta bl-ebda mod mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija ssodisfatta. Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tat-talbiet ippreżentati mill-omm tal-wild quddiem il-qrati Portugiżi u Rumeni, ma jistax jitqies li kien hemm kunsens għat-tneħħija jew għaż-żamma tal-wild mill-persuna li għandha d-dritt ta’ kustodja fis-sens tal-Artikolu 10(a) tar-Regolament Nru 2201/2003. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eżistenza ta’ talba għar-ritorn, magħmula inqas minn sena mid-data tat-tneħħija tal-wild ikkonċernat, li l-qrati Rumeni laqgħu u filwaqt li ma jidhirx li l-qrati Portugiżi taw deċiżjoni dwar il-kustodja li ma timplikax ir-ritorn tal-wild, l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(b) ta’ dan ir-regolament ma tista’ titqies issodisfatta.

53      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri kkonċernat kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija illegali tiegħu għandhom, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talba dwar il-kustodja ta’ dan il-wild.

54      Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għall-manteniment, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 4/2009 jipprovdi li jista’ jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kwistjonijiet relatati ma obbligi ta’ manteniment fl-Istati Membri dik il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni li tikkonċerna r-responsabbiltà tal-ġenituri, meta t-talba relatata ma’ obbligu ta’ manteniment tkun anċillari għal din l-azzjoni, sakemm din il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet. Skont din id-dispożizzjoni, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandha wkoll, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba ta’ obbligu ta’ manteniment anċillari għall-azzjoni relatata mar-responsabbiltà tal-ġenituri li biha hija tkun adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, L, C-656/13, EU:C:2014:2364, punt 35, u d-digriet tas-16 ta’ Jannar 2018, PM, C-604/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:10, punt 32).

55      Għalhekk, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 53 ta’ dan id-digriet, il-qrati Rumeni ma għandhomx il-ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma lanqas ma għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq it-talba dwar il-manteniment fuq il-bażi tal-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 4/2009. Barra minn hekk, ma jirriżultax mill-elementi tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li dawn il-qrati jistgħu madankollu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar obbligi ta’ manteniment fuq xi bażi oħra skont ir-Regolament Nru 4/2009.

56      Konsegwentement, fid-dawl tal-elementi tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju la għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba dwar il-kustodja u lanqas fuq il-manteniment fir-rigward tal-wild ta’ CV u ta’ DU, billi huma l-qrati Portugiżi li għandhom din il-ġurisdizzjoni.

57      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, hemm lok li għad-domandi magħmula tingħata r-risposta li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn wild li kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ttieħed minn wieħed mill-ġenituri tiegħu b’mod illegali fi Stat Membru ieħor, il-qrati ta’ dan l-Istat l-ieħor ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq talba dwar id-dritt ta’ kustodja jew l-iffissar ta’ rata ta’ manteniment għall-imsemmi wild, fl-assenza ta’ indikazzjoni li l-ġenitur l-ieħor aċċetta t-teħid tal-wild jew ma ressaqx talba għar-ritorn tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn wild li kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ttieħed minn wieħed mill-ġenituri tiegħu b’mod illegali fi Stat Membru ieħor, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq talba dwar id-dritt ta’ kustodja jew l-iffissar ta’ rata ta’ manteniment għall-imsemmi wild, fl-assenza ta’ indikazzjoni li l-ġenitur l-ieħor aċċetta t-teħid tal-wild jew ma ressaqx talba għar-ritorn tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.