Language of document : ECLI:EU:C:2018:270

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ April 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti –– Il-punt (ċ) tat‑tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE – Kunċett ta’ ‘żvantaġġ kompetittiv’ – Prezzijiet diskriminatorji fis-suq downstream – Ġestjoni tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur – Royalty dovuta mill-fornituri nazzjonali ta’ servizz bi ħlas ta’ trażmissjoni tas-sinjal tat-televiżjoni u tal-kontenut tiegħu”

Fil-Kawża C-525/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tar-Regolazzjoni u tal-Kontroll, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura

MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia SA

vs

Autoridade da Concorrência,

fil-preżenza ta’:

GDA Cooperativa de Gestão dos Direitos dos Artistas Intérpretes ou Executantes, CRL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia SA, minn M. Couto, S. de Vasconcelos Casimiro u P. Castro e Sousa, advogados, kif ukoll minn N. Mimoso Ruiz u A. Norinho de Oliveira, advogados,

–        għal GDA – Cooperativa de Gestão dos Direitos dos Artistas Intérpretes ou Executantes, CRL, minn O. Castelo Paulo, G. Gentil Anastácio, L. Seifert Guincho u P. Guerra e Andrade, advogados, kif ukoll minn A.R. Gomes de Andrade, advogada,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn S. Carvalho Sousa u M. Caldeira, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. A. Sampol Pucurull u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Costa de Oliveira kif ukoll minn A. Dawes, H. Leupold u T. Christoforou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, MEO - Serviços de Comunicações e Multimédia SA (iktar ’il quddiem “MEO”) u l-Autoridade da Concorrência (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, il‑Portugall), dwar deċiżjoni li l-każ jitwaqqaf meħuda minn din tal-aħħar b’risposta għal ilment ta’ MEO kontra GDA – Cooperativa de Gestão dos Direitos dos Artistas Intérpretes Ou Executantes (il-Kooperattiva ta’ Amministrazzjoni tad-Drittijiet tal-Artisti Interpretattivi jew Eżekuttivi, il-Portugall), (iktar ’il quddiem “GDA”) minħabba allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti li jikkonsisti, b’mod partikolari, f’diskriminazzjoni fl-ammont ta’ royalties applikata minn GDA fil-konfront ta’ MEO fil-kwalità tagħha ta’ fornitur ta’ servizz bi ħlas ta’ trażmissjoni ta’ sinjal tat-televiżjoni u tal-kontenut tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102] TFUE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205):

“Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’l-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż projbit mil-Artikolu 82 tat-Trattat [102 TFUE], dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu 82 tat-Trattat [102 TFUE].”

 Id-dritt Portugiż

4        L-Artikolu 11(1) u (2)(c) tan-Novo Regime Juridíco da Concorrência (is-Sistema l-Ġdida tal-Kompetizzjoni) għandu l-istess kontenut tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5        GDA hija kooperattiva għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-artisti u atturi, b’għan mhux lukrattiv, li tamministra d-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur tal-membri tagħha u ta’ dawk il-korpi ta’ ġestjoni barranin li magħhom hija kkonkludiet kuntratt ta’ rappreżentazzjoni u/jew ta’ reċiproċità. Fil-kuntest ta’ din il-missjoni, GDA għandha bħala attività prinċipali l-ġbir tar-royalties naxxenti mill-eżerċizzju ta’ drittijiet relatati u d-distribuzzjoni ta’ dawn l-ammonti lid-detenturi.

6        Din il-kooperattiva hija l-unika korp inkarigat mill-ġestjoni kollettiva ta’ drittijiet relatati fil-Portugall.

7        Fost l-impriżi li jużaw ir-repertorju tal-membri ta’ GDA, u anki tal-membri ta’ korpi analogi barranin li magħhom GDA kkonkludiet kuntratti ta’ rappreżentazzjoni jew ta’ reċiproċità, hemm il-fornituri ta’ servizz bi ħlas ta’ trażmissjoni tas-sinjal tat-televiżjoni u tal-kontenut tiegħu. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, MEO, hija waħda minn dawn il-fornituri u għaldaqstant hija klijenta ta’ GDA.

8        Bejn is-snin 2010 u 2013, fil-kuntest tas-servizz bl-ingrossa, GDA applikat tliet tariffi simultanjament, u b’hekk imponiet tariffi distinti għal fornituri differenti ta’ servizz bi ħlas ta’ trażmissjoni tas-sinjal tat-televiżjoni u tal-kontenut tiegħu.

9        Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li GDA applikat fir-rigward ta’ MEO tariffa li kienet ġiet stabbilita b’deċiżjoni arbitrali tal-10 ta’ April 2012. Fil-fatt, id-dritt nazzjonali applikabbli jistabbilixxi li f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil matul in-negozjati dwar id-drittijiet, il-partijiet huma obbligati jirrikorru għal arbitraġġ.

10      Fl-24 ta’ Ġunju u fit-22 ta’ Ottubru 2014, PT Comunicações S.A., predeċessur fit-titolu ta’ MEO, ippreżentat quddiem l-Awtorità tal-Kompetizzjoni lment kontra GDA minħabba allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti. Dan l-abbuż kien jirriżulta mill-fatt li GDA kienet timplimenta prezzijiet eċċessivi inkonnessjoni mal-applikazzjoni tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur u li GDA kienet tapplika wkoll kundizzjonijiet mhux ugwali bejn MEO u fornitur ieħor ta’ servizz bi ħlas tas-sinjal tat-televiżjoni u tal-kontenut tiegħu, NOS Comunicações SA (iktar ’il quddiem “NOS”).

11      Fid-19 ta’ Marzu 2015, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni fetħet investigazzjoni, li wasslet għat-twaqqif tal-każ b’deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2016, għar-raġuni li ma kinux jeżistu indizji probatorji suffiċjenti li jixhdu abbuż minn pożizzjoni dominanti.

12      L-Awtorità tal-Kompetizzjoni kkonstatat li, bejn is-snin 2009 u 2013, GDA kienet applikat tariffi differenti għal ċerti klijenti. Madankollu, din l-awtorità qieset, filwaqt li bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-istrutturi ta’ spejjeż, profitti u profittabbiltà tal-offerta bl-imnut tas-servizz ta’ trażmissjoni tas-sinjal tat-televiżjoni u tal-kontenut tiegħu, li din id-differenzazzjoni tat-tariffi ma kellha l-ebda effett restrittiv fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ MEO.

13      Skont l-imsemmija awtorità, sabiex jiġi stabbilit ksur tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, l-allegata diskriminazzjoni fil-prezz għandha effettivament tkun tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq, billi timponi fuq impriża jew impriżi f’kompetizzjoni żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma’ oħrajn. L-interpretazzjoni li kull aġir diskriminatorju min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jwassal ipso facto għal ksur tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE jmur b’mod partikolari kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

14      MEO ppreżentat rikors quddiem it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tar-Regolazzjoni u tal-Kontroll, il-Portugall), il-qorti tar-rinviju, kontra d-deċiżjoni ta’ twaqqif tal-każ tat-3 ta’ Marzu 2016 tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni fejn sostniet li din id-deċiżjoni hija vvizzjata minn żball ta’ liġi, peress li, minflok evalwat il-kriterju ta’ żvantaġġ fil-kompetizzjoni, kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din l-awtorità eżaminat jekk kienx hemm distorsjoni sinjifikattiva u kwantifikabbli tal-kompetizzjoni. Issa, skont MEO, skont l-imsemmija ġurisprudenza, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni kien imissha eżaminat jekk l-aġir inkwistjoni kienx ta’ natura li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

15      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-monopolju de facto fuq is-suq rilevanti li għandha GDA jippermetti, bħala prinċipju, li jitqies li din tal-aħħar għandha pożizzjoni dominanti. Madankollu, din il-qorti tirreleva wkoll li jeżistu indizji li l-fornituri ta’ servizz bi ħlas ta’ trażmissjoni tas-sinjal tat-televiżjoni u tal-kontenut tiegħu jibbenefikaw minn marġni ta’ negozjar kunsiderevoli inkonnessjoni mal-GDA.

16      Skont dik il-qorti, id-deċiżjoni tat-twaqqif tal-każ tat-3 ta’ Marzu 2016 hija bbażata fuq il-fatt li d-differenza bejn it-tariffi pprattikati minn GDA fil-konfront, rispettivament, ta’ MEO u NOS kienet dgħajfa meta mqabbla mal-ispiża medja, b’tali mod li din id-differenza ma kinitx ta’ natura li tikkomprometti l-pożizzjoni kompetittiva ta’ MEO, peress li din tal-aħħar kienet f’pożizzjoni li tassorbi l-imsemmija differenza. F’dan ir-rigward l-imsemmija qorti tindika li s-sehem ta’ MEO fis-suq tal-offerta ta’ servizz bi ħlas ta’ trażmissjoni tas-sinjal tat-televiżjoni u tal-kontenut tiegħu żdiedet matul il-perijodu li fih GDA kienet qiegħda tapplika tariffi differenti fil-konfront ta’ MEO u ta’ NOS.

17      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, MEO pproduċiet ċifri marbuta mal-ispejjeż totali u medji għal kull konsumatur moqdi, rispettivament, minn MEO u minn NOS. MEO ppreżentat ukoll ċifri li jikkonċernaw il-profitti tagħha u l-profittabbiltà tal-impriża tagħha matul il-perijodu kkonċernat, jiġifieri mis-sena 2010 sas-sena 2013.

18      Skont il-qorti tar-rinviju ma huwiex eskluż li l-kapaċità kompetittiva ta’ MEO kienet affettwata minħabba din id-differenzazzjoni tal-prezzijiet.

19      Skont dik il-qorti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċertu aġir diskriminatorju lejn is-sieħba kummerċjali jista’ jwassal intrinsikament għal żvantaġġ kompetittiv. Barra minn hekk, minn dik il-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-preżenza ta’ aġir diskriminatorju mill-iktar serju, li jipproduċi effetti fuq il-kompetituri diretti u preżenti fl-istess suq rilevanti, ikun suffiċjenti li jintwera li dan l-aġir jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fir-rigward ta’ diskriminazzjoni fis-suq downstream, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lanqas ma huwa neċessarju a priori li jiġu evalwati b’mod konkret l-effetti fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-impriżi affettwati.

20      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma esprimietx ruħha b’mod ċar dwar ir-rilevanza ta’ effetti konkreti fuq il-kompetizzjoni ta’ abbuż possibbli minn pożizzjoni dominanti bil-għan li tiġi stabbilita l-preżenza ta’ “żvantaġġ kompetittiv”, fis-sens tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE.

21      Huwa f’dan il-kuntest li t-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tar-Regolazzjoni u tal-Kontroll, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fil-każ li jiġu pprovati jew ikun hemm indikazzjonijiet, f’kawża li tinvolvi sanzjoni, ta’ fatti relatati mal-effetti ta’ prattika ta’ tariffi diskriminatorji min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti fir-rigward ta’ waħda mill-impriżi li jbigħu bl-imnut u li jippreġudikawha meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, il-kwalifika tal-aġir bħala li jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv skont [il-punt (c) tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE hija suġġetta għal evalwazzjoni ulterjuri tal-gravità, rilevanza jew importanza ta’ dawn l-effetti fil‑pożizzjoni kompetittiva u/jew fil-kapaċità kompetittiva tal-impriża kkonċernata, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li tiġi assimilata d-differenza tal-ispejjeż sostnuti fl-ambitu tas-servizz bl-ingrossa?

2)      Fil-każ li jiġi ppruvat jew ikun hemm indikazzjoni, f’kawża li tinvolvi sanzjoni, ta’ piż sinjifikattivament imnaqqas fl-ispejjeż sostnuti, il-profitti magħmula u l-vijabbiltà miksuba mill-impriża li tbigħ bl-imnut ikkonċernata, li jirriżulta minn prattika ta’ tariffi diskriminatorji min‑naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, l-interpretazzjoni skont [il-punt (ċ) tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE u l‑ġurisprudenza tas-sentenzi [tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166), u tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni (T‑301/04, EU:T:2009:317)] hija kompatibbli ma’ deċiżjoni li tikkonkludi li ma jeżistux indikazzjonijiet ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u ta’ prattiki pprojbiti?

3)      Jew, għall-kuntrarju, dan ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l‑kwalifika tal-aġir bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti u bħala prattika pprojbita skont [il-punt (ċ) tat-tieni paragrafu] tal‑Artikolu 102 TFUE, fejn huwa rilevanti biss għall-konstatazzjoni tal‑ammont ta’ responsabbiltà jew tas-sanzjoni tal-impriża li twettaq il‑ksur?

4)      Il-[fatt li fid-dawl tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE [iċ-ċirkustanza prevista f’din id-dispożizzjoni] għandha tiġi interpretata fis‑sens li tikkorrispondi mar-rekwiżit li l-vantaġġ li jirriżulta skont id‑diskriminazzjoni għandu jikkorrispondi, min-naħa tiegħu, għal perċentwali minima tal-istruttura tal-ispejjeż tal-impriża kkonċernata?

5)      Il-[fatt li fid-dawl tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE [iċ-ċirkustanza prevista f’din id-dispożizzjoni] għandha tiġi interpretata fis‑sens li tikkorrispondi mar-rekwiżit li l-vantaġġ li jirriżulta skont id‑diskriminazzjoni għandu jikkorrispondi, min-naħa tiegħu, għal differenza minima bejn l-ispejjeż medji sostnuti mill-impriżi kompetituri fis-servizz bl-ingrossa inkwistjoni?

6)      Il-[fatt li fid-dawl tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE [iċ-ċirkustanza prevista f’din id-dispożizzjoni] tista’ tiġi interpretata fis-sens li tikkorrispondi mar-rekwiżit li l-vantaġġ li jirriżulta skont id‑diskriminazzjoni għandu jikkorrispondi, fil-kuntest tas-suq u tas‑servizzi inkwistjoni, ma valuri superjuri għad-differenzi indikati fit‑tabelli 5, 6 u 7 imsemmija u għall-finijiet tal-kwalifika tal-aġir bħala prattika pprojbita?

7)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal waħda mid-domandi (iv) sa (vi), kif għandu jiġi ddefinit dan il-limitu minimu ta’ rilevanza tal-iżvantaġġ fir-rigward tal-istruttura ta’ spejjeż jew tal-ispejjeż medji sostnuti mill‑impriżi kompetituri fis-servizz bl-imnut inkwistjoni?

8)      Fil-mument li dan il-limitu minimu jiġi ddefinit, il-fatt li dan ta’ kull sena ma jintlaħaqx jippermetti li tiġi eskluża l-preżunzjoni tas-sentenza [tad-9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni (T‑301/04, EU:T:2009:317),] li għandu jitqies li l-applikazzjoni fir-rigward ta’ parti oħra ta’ prezzijiet differenti għal servizzi ekwivalenti, u dan b’mod kontinwu matul ħames snin u minn impriża li għandha monopolju fis-suq upstream, ma tistax ma tipproduċix żvantaġġ kompetittiv għal din l-istess parti?”

 Fuq id-domandi preliminari

22      Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “żvantaġġ kompetittiv”, fis-sens tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jirrikjedi analiżi tal-effetti konkreti ta’ applikazzjoni ta’ prezzijiet ddifferenzjati minn impriża f’pożizzjoni dominanti fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-impriża affettwata u, jekk ikun il-każ, jekk hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-imsemmija effetti.

23      L-ewwel paragrafu u l-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE jipprekludu lil impriżi li jkollhom pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu milli japplikaw fil-konfront ta’ sieħba kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal servizzi ekwivalenti, billi b’hekk jimponu fuqhom żvantaġġ kompetittiv, sa fejn dan jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

24      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni speċifika tad-diskriminazzjoni prevista fil-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandha l-għan li tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. L-aġir kummerċjali tal-impriża f’pożizzjoni dominanti ma għandux joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni f’suq upstream jew downstream, jiġifieri l-kompetizzjoni bejn fornituri jew bejn klijenti ta’ din l-impriża. Il-kokontraenti tal-imsemmija impriża ma għandhomx jiġu ffavoriti jew sfavoriti fil-qasam tal-kompetizzjoni li jkun hemm benjiethom (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, C-95/04 P, EU:C:2007:166, punt 143). B’hekk, ma huwiex neċessarju li l-aġir abbużiv jipproduċi effetti fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-impriża dominanti stess, fl-istess suq li topera fih u meta mqabbla mal-kompetituri proprji tagħha.

25      Sabiex il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE jkunu ssodisfatti, għandu jiġi kkonstatat li l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq mhux biss huwa diskriminatorju, iżda anki li jwassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni bejniethom, jiġifieri li jostakola l-pożizzjoni kompetittiva ta’ wħud mill-kompetituri ta’ din l-impriża meta mqabbla mal-oħrajn (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, C-95/04 P, EU:C:2007:166, punt 144 u l-ġurisprudenza stabbilita).

26      Sabiex jiġi stabbilit jekk diskriminazzjoni fil-prezz ipprattikat minn impriża f’pożizzjoni dominanti fil-konfront tas-sieħba kummerċjali tagħha toħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq downstream, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-preżenza biss ta’ żvantaġġ immedjat li jaffettwa lill-operaturi li jkunu ġew imposti fuqhom prezzijiet superjuri meta mqabbla mat-tariffi applikabbli għall-kompetituri tagħhom għal servizz ekwivalenti, ma tfissirx madankollu li kien hemm jew jista’ jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

27      Fil-fatt, huwa biss jekk l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jkun intiż, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, li jwassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn dawk is-sieħba kummerċjali, li d-diskriminazzjoni ta’ sieħba kummerċjali li jkunu f’kompetizzjoni tista’ titqies bħala abbużiva. F’sitwazzjoni bħal din, ma jistax jiġi mitlub li tingħata barra minn hekk il-prova ta’ deterjorament effettiv u kwantifikabbli tal-pożizzjoni kompetittiva tas-sieħba kummerċjali meqjusa individwalment (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, C-95/04 P, EU:C:2007:166, punt 145).

28      Għaldaqstant, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konkużjonijiet tiegħu, jeħtieġ li jitwettaq eżami taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex jiġi ddeterminat jekk diskriminazzjoni fil-prezz tipproduċix jew tistax tipproduċi żvantaġġ kompetittiv, fis-sens tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE.

29      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, għall-applikazzjoni tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità ta’ żvantaġġ kompetittiv possibbli, jeħtieġ li jiġi rrilevat li ma huwiex iġġustifikat l-istabbiliment ta’ livell ta’ sensibbiltà (de minimis) bil-ħsieb li jiġi identifikat użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark, C-23/14, EU:C:2015:651, punt 73).

30      Madankollu, sabiex din tkun tista’ toħloq żvantaġġ kompetittiv, jeħtieġ li d-diskriminazzjoni fil-prezz prevista fil-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE tkun taffettwa l-interessi tal-operatur li jkun ġie ssuġġettat għal tariffi superjuri meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu.

31      Meta twettaq l-eżami konkret imsemmi fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-awtorità tal-kompetizzjoni jew il-qorti nazzjonali kompetenti hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ippreżentat quddiemha. F’dan il-kuntest, tali awtorità jew qorti tista’ tevalwa l-pożizzjoni dominanti tal-impriża, is-setgħa ta’ negozjar fir-rigward tat-tariffi, il-kundizzjonijiet u l-metodi ta’ impożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar, it-tul u l-ammont tagħhom, kif ukoll l-eżistenza possibbli ta’ strateġija maħsuba sabiex teskludi mis-suq downstream wieħed mis-sieħba kummerċjali tagħha li huwa tal-inqas effiċjenti daqs il-kompetituri tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummission, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-pożizzjoni dominanti u tas-setgħa ta’ negozjar inkonnessjoni mal-impożizzjoni ta’ tariffi fis-suq downstream, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li MEO u NOS huma l-klijenti prinċipali ta’ GDA. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li jeżistu indizji li dawn għandhom ċerta setgħa ta’ negozjar fir-rigward ta’ GDA.

33      Barra minn hekk, mill-elementi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika li dawn huma minnhom, jirriżulta li l-istabbiliment tal-prezz minn GDA huwa kkundizzjonat mil-liġi li tobbliga lill-partijiet, fl-assenza ta’ qbil, li jirrikorru għall-arbitraġġ. F’tali sitwazzjoni, u kif fil-fatt ġara, fi kwalunkwe każ sa minn mument partikolari matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-prezzijiet iffatturati lil MEO, GDA sempliċement applikat il-prezzijiet stabbiliti mid-deċiżjoni arbitrali.

34      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-applikazzjoni u tal-ammont tat-tariffi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tindika, minn naħa, li t-tariffi ddifferenzjati ġew applikati bejn is-sena 2010 u 2013. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ammonti li MEO ħallset annwalment lil GDA, mid-data inkluża fid-deċiżjoni tat-twaqqif tal-każ tat-3 ta’ Marzu 2016 tal-awtorità tal-kompetizzjoni, li l-eżattezza tagħhom tista’ tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-imsemmija ammonti kienu jirrappreżentaw perċentwal relattivament baxx tal-ispejjeż totali sostnuti minn MEO fil-kuntest tal-offerta tagħha ta’ servizz bl-imnut ta’ aċċess għas-sinjal tat-televiżjoni b’abbonament u li d-differenzazzjoni tat-tariffi kellha influwenza limitata fuq il-profitti ta’ MEO f’dan il-kuntest. Issa, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-effett ta’ differenzazzjoni tariffarja fuq l-ispejjeż sostnuti mill-operatur li jħossu ggravat, jew inkella fuq il-profittabbiltà u l-benefiċċji ta’ dan l-operatur, ma tkunx sinjifikattiva, jista’, f’ċerti ċirkustanzi, minn dan jiġi dedott li din id-differenzazzjoni tariffarja ma jistax ikollha xi effett fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-imsemmi operatur.

35      Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha t-tariffi ddifferenzjati jirrigwardaw biss is-suq downstream, l-impriża f’pożizzjoni dominanti, bħala prinċipju, ma għandha l-ebda interess teskludi mis-suq downstream wieħed mis-sieħba kummerċjali tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi l-ebda indizju li GDA kienet qiegħda taħdem għal dan l-għan.

36      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk id-differenzazzjoni tariffarja fil-kawża prinċipali setgħetx tikkawża żvantaġġ kompetittiv fil-konfront ta’ MEO.

37      Fid-dawl ta’ dan li ntqal, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-kunċett ta’ “żvantaġġ kompetittiv”, fis-sens tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jirrigwarda, fil-każ li fih impriża dominanti tapplika prezzijiet diskriminatorji fil-konfront ta’ sieħba kummerċjali fis-suq downstream, is-sitwazzjoni li fiha dan l-aġir jista’ jkollu bħala effett tiegħu, distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn dawn is-sieħba kummerċjali. Il-konstatazzjoni ta’ tali “żvantaġġ kompetittiv” ma tirrikjedix prova ta’ deterjorament effettiv u kwantifikabbli tal-pożizzjoni kompetittiva, iżda għandha tkun ibbażata fuq analiżi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ li jippermettu li jiġi konkluż li l-imsemmi aġir għandu influwenza fuq l-ispejjeż, fuq il-benefiċċji, jew fuq interess rilevanti ieħor ta’ wieħed jew iktar mill-imsemmija sieħba, b’tali mod li dan l-aġir ikun ta’ natura li jaffettwa l-imsemmija pożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-kunċett ta’ “żvantaġġ kompetittiv”, fis-sens tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jirrigwarda, fil-każ li fih impriża dominanti tapplika prezzijiet diskriminatorji fil-konfront ta’ sieħba kummerċjali fis-suq downstream, is-sitwazzjoni li fiha dan l-aġir jista’ jkollu bħala effett tiegħu, distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn dawn is-sieħba kummerċjali. Il-konstatazzjoni ta’ tali “żvantaġġ kompetittiv” ma tirrikjedix prova ta’ deterjorament effettiv u kwantifikabbli tal-pożizzjoni kompetittiva, iżda għandha tkun ibbażata fuq analiżi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ li jippermettu li jiġi konkluż li l-imsemmi aġir għandu influwenza fuq l-ispejjeż, fuq il-benefiċċji, jew fuq interess rilevanti ieħor ta’ wieħed jew iktar mill-imsemmija sieħba, b’tali mod li dan l-aġir ikun ta’ natura li jaffettwa l-imsemmija pożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.