Language of document : ECLI:EU:C:2018:262

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ April 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom – Direttiva 86/653/KEE – Dritt tal-aġent kummerċjali għal indennizz jew għall-kumpens għad-danni wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali – Artikolu 17 – Esklużjoni tad-dritt għal indennizz fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt waqt il-perijodu ta’ prova stabbilit fil-kuntratt”

Fil-Kawża C‑645/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

Conseils et mise en relations (CMR) SARL

vs

Demeures terre et tradition SARL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Demeures terre et tradition SARL, minn F. Molinié, avocat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u H. Tserepa‑Lacombe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat‑18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Conseils et mise en relations (CMR) SARL u Demeures terre et tradition SARL (iktar ’il quddiem “DTT”), fir-rigward ta’ talba, magħmula minn CMR, għall-ħlas, minn naħa, ta’ indennizz bħala kumpens għad-danni riżultanti mit-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li jorbotha ma’ DTT u, min-naħa l-oħra, ta’ danni dovuti lilha bħala konsegwenza tat-terminazzjoni abbużiva ta’ dan il-kuntratt.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        It-tieni u t-tielet premessa tad-Direttiva 86/653 jistabbilixxu:

“[b]illi d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività [fl-Unjoni Ewropea] u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali; billi barraminnhekk dawk id-differenzi huma tali li jipprevienu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti;

[b]illi l-kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq wieħed, u dan jeħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri sal-limitu meħtieġ għal funzjonament kif suppost tas-suq komuni; billi f’dan ir-rigward ir-regoli li jikkonċernaw konflitti fil-liġijiet fil-fatt ma jneħħux, fil-materja ta’ rappreżentanza kummerċjali, l-inkonsistenzi msemmija fuq, lanqas ma kienu li kieku saru l-istess, u għalhekk l-armonizzazzjoni proposta hija neċessarja minkejja l-eżistenza ta’ dawk ir-regoli”.

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“1.      Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni stipulati minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn aġenti kummerċjali u l-prinċipali tagħhom.

2.      Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal.

[…]”

5        L-Artikolu 17(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkumpensat għad-danni skond il-paragrafu 3.

2.      (a)      L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz jekk u sal-limiti li:

–        ikun ressaq lill-klijenti prinċipali ġodda jew ikun żied b’mod sinfikanti l-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ dawn il-klijenti,

u

–        il-ħlas ta’ dan l-indennizz ikun indaqs fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha u, b’mod partikolari, il-kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali fuq in-negozju mwettaq ma’ dawk il-klijenti. […]

(b)      L-ammont ta’ l-indennizz ma jistax jeċċedi figura ekwivalenti għal indennizz għal sena waħda ikkalkolata mir-remunerazzjoni annwali medja ta’ aġent kummerċjali tul il-ħames snin preċedenti u jekk il-kuntratt imur lura anqas minn ħames snin, l-indennnizz għandu jiġi kkalkolat fuq il-medja tal-perjodu inkwistjoni.

(ċ)      Il-għotja ta’ dan l-indennizz m’għandhiex iżżomm lill-aġent kummerċjali milli jfittex għad-danni.

3.      L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz għad-danni li hu jsofri bħala riżultat tat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet tiegħu mal-prinċipal.

Dawn id-danni għandhom jitqiesu li jseħħu b’mod partikolari meta sseħħ it-terminazzjoni f’ċirkostanzi:

–      li jċaħħdu lill-aġent kummerċjali mill-kommissjoni li twettiq tajjeb tal-kuntratt ta’ l-aġenzija jkun akkwistalu waqt li jipprovdi lill-prinċipal b’benefiċċji sostanzjali marbuta ma’ l-attivitajiet ta’ l-aġent kummerċjali,

–      u/jew li ma jkunux għamluha faċli għall-aġent kummerċjali li jħallas bin-nifs l-infiq u l-ispejjeż li hu jkun sofra għat-twettiq tal-kuntratt ta’ l-aġenzija fuq il-parir tal-prinċipal.”

6        L-Artikolu 18 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-indennizz jew il-kumpens imsemmija fl-Artikolu 17 m’għandhomx ikunu pagabbli:

(a)      meta l-prinċipal ikun ittermina l-kuntratt ta’ l-aġenzija minħabba nuqqas li jista jkun attribwit lill-aġent kummerċjali li kien jiġġustifika t-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt ta’ l-aġenzija skond il-liġi nazzjonali;

(b)      meta l-aġent kummerċjali jkun ittermina l-kuntratt ta’ aġenzija, sakemm din it-terminazzjoni ma tkunx iġġustifikata b’ċirkostanzi li jistgħu jkunu attribwiti lill-prinċipal fuq bażi ta’ età, nuqqas ta’ saħħa jew mard ta’ l-aġent kummerċjali b’konsegwenza ma jkunx jista raġonevolment ikun meħtieġ li jkompli bl-attivitajiet tiegħu;

(ċ)      meta, bi ftehim mal-prinċipal, l-aġent kummerċjali jassenja d-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu skond il-kuntratt ta’ l-aġenzija lil persuna oħra.”

7        L-Artikolu 19 tad-Direttiva 86/653 jipprovdi:

“Il-partijiet ma jistgħux jidderogaw mill-Artikoli 17 u 18 għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali qabel ma l-kuntratt ta’ l-aġenzija jiskadi.”

 Id-dritt Franċiż

8        L-Artikolu L. 134‑12 tal-code de commerce (il-Kodiċi Kummerċjali) jipprevedi:

“F’każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjonijiet mal-prinċipal, l-aġent kummerċjali għandu dritt għal indennizz bħala kumpens għad-dannu subit.

L-aġent kummerċjali jitlef id-dritt għall-kumpens jekk ma jkunx innotifika lill-prinċipal, f’terminu ta’ sena li jibda’ mit-terminazzjoni tal kuntratt, li huwa għandu l-intenzjoni li jinvoka d-drittijiet tiegħu.

L-aventi kawża tal-aġent kummerċjali jibbenefikaw ukoll mid-dritt għall kumpens meta t-terminazzjoni tal-kuntratt tkun dovuta għall-mewt tal-aġent.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Fit-2 ta’ Diċembru 2011, DTT ikkonkludiet flimkien ma’ CMR kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali dwar il-bejgħ ta’ djar individwali. Skont dan il-kuntratt, DTT u CMR kellhom rispettivament il-kwalità ta’ prinċipal u ta’ aġent. L-imsemmi kuntratt kien jipprovdi perijodu ta’ prova ta’ tnax-il xahar, li warajh il-kuntratt kellu jitqies li jkun wieħed għal żmien indeterminat, bil-possibbiltà għal kull waħda mill-partijiet li xxoljih matul dan il-perijodu ta’ prova, permezz ta’ preavviż ta’ ħmistax-il ġurnata fl-ewwel xahar, u mbagħad ta’ xahar. Il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali kien stabbilixxa bħala għan it-twettiq ta’ ħamsa u għoxrin bejgħ fis-sena.

10      B’ittra tat-12 ta’ Ġunju 2012, DTT ikkomunikat lil CMR id-deċiżjoni tagħha li tittermina dan il-kuntratt, fi tmiem it-terminu tal-preavviż kuntrattwali ta’ xahar. Din id-deċiżjoni kienet motivata min-nuqqas ta’ osservanza tal-għan stabbilit mill-imsemmi kuntratt, peress li CMR kienet wettqet biss bejgħ wieħed f’ħames xhur.

11      B’att tal-20 ta’ Marzu 2013, CMR ressqet lil DTT quddiem it-tribunal de commerce d’Orléans (il-Qorti Kummerċjali ta’ Orléans, Franza) għall-ħlas ta’ indennizz bħala kumpens għal dannu riżultanti mit-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali u għall-ħlas ta’ danni għat-terminazzjoni abbużiva tal-kuntratt. B’sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014, din il-qorti laqgħet parzjalment it-talbiet ta’ CMR.

12      Fl-14 ta’ Frar 2014, DTT appellat minn din is-sentenza. B’sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, il-cour d’appel d’Orléans (il-Qorti tal-Appell ta’ Orléans, Franza) annullat parzjalment is-sentenza tat-tribunal de commerce d’Orléans (il-Qorti Kummerċjali ta’ Orléans). B’mod partikolari, din il-qorti kkunsidrat li l-indennizz bħala kumpens previst mill-Artikolu L. 134‑12 tal-code de commerce (il-Kodiċi Kummerċjali) ma kienx dovut fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali matul il-perijodu ta’ prova. Hija qieset ukoll li x-xoljiment tal-kuntratt konkluż bejn DTT u CMR ma kienx abbużiv peress li bejgħ wieħed biss kien twettaq f’ħames xhur filwaqt li l-għan stabbilit minn dan il-kuntratt kien ta’ ħamsa u għoxrin bejgħ fis-sena.

13      Adita b’appell ippreżentat minn CMR minn din is-sentenza, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) indikat, l-ewwel nett, li s-sentenza tal-cour d’appel d’Orléans (il-Qorti tal-Appell ta’ Orléans) applikat ġurisprudenza stabbilita tas-sede kummerċjali, finanzjarja u ekonomika tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li tipprovdi li d-dritt għal indennizz huwa suġġett għal eċċezzjoni meta l-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali jiġi tterminat matul il-perijodu ta’ prova. It-tieni nett, hija rrilevat li d-Direttiva 86/653 ma tagħmilx riferiment għal perijodu ta’ prova eventwali, b’tali mod li tali perijodu jidher li jista’ jkun stipulat mill-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, mingħajr ma dan jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni. It-tielet nett, hija fakkret, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din id-direttiva hija intiża sabiex tipproteġi lill-aġent kummerċjali fir-relazzjoni tiegħu mal-prinċipal u li l-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkontribwixxi għal din il-protezzjoni.

14      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 17 tad-Direttiva [86/653] japplika meta t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali sseħħ matul il-perijodu ta’ prova previst f’dan il-kuntratt?”

 Fuq id-domanda preliminari

15      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sistemi ta’ indennizz u ta’ kumpens li dan l-artikolu jipprevedi rispettivament fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, huma applikabbli meta din it-terminazzjoni sseħħ matul il-perijodu ta’ prova stipulat minn dan il-kuntratt.

16      Preliminarjament, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 86/653 tipprekludix l-istipula ta’ perijodu ta’ prova f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali.

17      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-direttiva ma ssemmi xejn dwar il-kunċett ta’ “perijodu ta’ prova”. Peress li l-ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tirregola l-istipula ta’ perijodu ta’ prova, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tali stipula, li jaqa’ taħt il-libertà kuntrattwali tal-partijiet fil-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, ma huwiex fih innifsu pprojbit minn din id-direttiva.

18      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awla kummerċjali, finanzjarja u ekonomika tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li l-aġent kummerċjali ma jgawdi minn ebda dritt għal indennizz fil-każ fejn it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali sseħħ matul il-perijodu ta’ prova.

19      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, “[d]irettiva għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali”.

20      Kif enfasizza wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk id-Direttiva 86/653 ma tipprekludix l-istipula ta’ perijodu ta’ prova f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, ma jistgħux jingħataw effetti legali li jistgħu jaffettwaw l-effettività sħiħa ta’ din id-direttiva, skont id-dritt intern, lil tali perijodu ta’ prova.

21      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat jekk l-istipula ta’ perijodu ta’ prova f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali jipprekludix l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ indennizz u ta’ kumpens, rispettivament previsti fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653, fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt matul il-perijodu ta’ prova.

22      Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kliem, kemm il-kuntest, kif ukoll l-għanijiet tagħha (sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Angerer, C‑477/13, EU:C:2015:239, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 86/653, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw lill-aġent kummerċjali, wara “t-terminu [t-tmiem] tal-kuntratt”, indennizz jew kumpens għad-dannu subit. Bl-istess mod, l-Artikolu 17(3) ta’ din id-direttiva jiddisponi li l-aġent kummerċjali għandu dritt għall-kumpens għad-danni li huwa jsofri bħala riżultat “tat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet tiegħu mal-prinċipal”. B’hekk, id-dritt għal indennizz jew għal kumpens tal-aġent kummerċjali jkun suġġett għat-terminazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu mal-prinċipal.

24      Jekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istipula ta’ perijodu ta’ prova għandu l-għan li jiffaċilita x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, xorta jibqa’ l-fatt li x-xoljiment ta’ tali kuntratt matul il-perijodu ta’ prova stipulat f’dan il-kuntratt jikkostitwixxi “terminu [tmiem] tal-kuntratt” jew “terminazzjoni tar-relazzjonijiet [tal-aġent kummerċjali] mal-prinċipal” fis-sens tal-Artikolu 17(1) u (3) tad-Direttiva 86/653.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni ċċitata fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-aġent kummerċjali ma jgawdi minn ebda dritt għal indennizz fejn it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali sseħħ matul il-perijodu ta’ prova, hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li, matul dan il-perijodu, il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali jkun għadu ma huwiex definittivament konkluż.

26      Tali interpretazzjoni ma għandha l-ebda bażi fid-Direttiva 86/653. Għall-kuntrarju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, teżisti relazzjoni bejn aġent kummerċjali u prinċipal, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 86/653, mill-mument li fih kuntratt li l-għan tiegħu jkun il-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija, jew li jinnegozja u jikkonkludi dan in-negozju f’isem il-prinċipal jiġi konkluż, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk dan il-kuntratt jinkludix perijodu ta’ prova. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma applikabbli meta tali kuntratt jiġi konkluż bejn il-prinċipal u l-aġent kummerċjali, anki jekk dan il-kuntratt jistipula perijodu ta’ prova.

27      It-tieni nett, mill-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 jirriżulta li indennizz ikun dovut b’mod partikolari jekk l-aġent kummerċjali jkun ġab klijenti ġodda lill-prinċipal jew ikun żied b’mod sinjifikattiv il-volum tan-negozju mal-klijenti eżistenti u jekk il-prinċipal jibqa’ jgawdi minn vantaġġi sostanzjali li jirriżultaw min-negozju ma’ dawn il-klijenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17(2)(b) ta’ din id-direttiva, l-ammont ta’ dan l-indennizz huwa bbażat fuq il-prestazzjoni tal-aġent kummerċjali matul il-perijodu tal-kuntratt. Bl-istess mod, jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17(3) tal-imsemmija direttiva li l-aġent kummerċjali għandu dritt għall-kumpens għad-dannu subit, b’mod partikolari meta dan id-dannu jirriżulta meta sseħħ it-terminazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali taħt kundizzjonijiet li jċaħħdu lil dan l-aġent mill-kommissjonijiet li t-twettiq tal-kuntratt tal-aġenzija jkun kisiblu waqt li jipprovdi lill-prinċipal b’benefiċċji sostanzjali marbuta mal-attivitajiet ta’ dan l-aġent u/jew taħt kundizzjonijiet li ma jkunux għamluha faċli għall-aġent kummerċjali li jħallas bin-nifs l-infiq u l-ispejjeż li hu jkun sofra għat-twettiq tal-kuntratt tal-aġenzija fuq ir-rakkomandazzjoni tal-prinċipal.

28      Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 26 u 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva 86/653 li s-sistemi ta’ indennizz u ta’ kumpens li din id-dispożizzjoni tipprevedi ma humiex intiżi sabiex jissanzjonaw it-terminazzjoni tal-kuntratt iżda sabiex jikkumpensaw lill-aġent kummerċjali għas-servizzi diġà mogħtija li minnhom il-prinċipal jibqa’ jibbenefika wara t-terminazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali jew għall-infiq u l-ispejjeż sostnuti minnu għall-finijiet ta’ dawn is-servizzi. Konsegwentement, dan l-aġent ma jistax jiċċaħħad mill-indennizz jew mill-kumpens għall-unika raġuni li t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali sseħħ matul il-perijodu ta’ prova, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 17(2) u (3) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti.

29      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta li d-dritt għal indennizz u għal kumpens għad-dannu subit għandu japplika anki jekk ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-prinċipal u l-aġent kummerċjali tiġi tterminata matul il-perijodu ta’ prova.

30      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma kkorroborati mill-analiżi tal-kuntest tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 kif ukoll mill-għan ta’ din id-direttiva.

31      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 18 ta’ din l-istess direttiva jelenka b’mod limitattiv il-każijiet li fihom l-indennizz jew il-kumpens għad-danni ma huwiex dovut. It-terminazzjoni tal-perijodu ta’ prova ma hijiex imsemmija fih. Barra minn hekk, peress li l-imsemmi Artikolu 18 jikkostitwixxi eċċezzjoni għad-dritt għal indennizz u għal kumpens, hemm lok li dan jiġi interpretat b’mod strett. Minn dan isegwi li l-imsemmi artikolu ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jżid raġuni ta’ terminazzjoni tal-indennizz jew tal-kumpens mhux espressament previst (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2010, Volvo Car Germany, C‑203/09, EU:C:2010:647, punt 42). Madankollu, il-kunsiderazzjoni li l-ebda indennizz jew kumpens ma għandu jitħallas jekk it-terminazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali sseħħ matul il-perijodu ta’ prova twassal preċiżament sabiex jiġi aċċettat raġuni ta’ terminazzjoni li ma huwiex previst fl-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva.

32      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 86/653 jipprojbixxi lill-partijiet, qabel ma jiskadi l-kuntratt, milli jidderogaw mill-Artikoli 17 u 18 ta’ din id-direttiva għad-detriment tal-aġent kummerċjali. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li jiġi kkunsidrat li l-istipula ta’ perijodu ta’ prova f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali jfisser li d-dritt għal indennizz u għal kumpens, kif previst fl-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, ma huwiex applikabbli, jikkostitwixxi tali deroga. Effettivament, għall-istess prestazzjoni, aġent kummerċjali jingħata jew jiġi rrifjutat il-benefiċċju ta’ kumpens permezz tas-sempliċi stipula jew le ta’ perijodu ta’ prova fil-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali.

33      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-iskop tad-Direttiva 86/653, għandu jitfakkar li jirriżulta mit-tieni u mit-tielet premessa li din id-direttiva għandha, b’mod partikolari, l-għan li tipproteġi lill-aġent kummerċjali fir-relazzjoni tiegħu mal-prinċipal (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, ERGO Poist’ovňa, C‑48/16, EU:C:2017:377, punt 41).

34      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 17 u 18 tal-imsemmija direttiva huma ta’ importanza determinanti peress li dawn jiddefinixxu l-livell ta’ protezzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra raġonevoli li jingħata lill-aġenti kummerċjali fil-kuntest tat-ħolqien tas-suq uniku (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Unamar, C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 39). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 17 sa 19 tal-istess direttiva għandhom l-għan li jipproteġu lill-aġent kummerċjali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali. Is-sistema stabbilita għal dan il-għan mid-Direttiva 86/653 għandha natura imperattiva (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2000, Ingmar, C‑381/98, EU:C:2000:605, punt 21, u tat‑23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali, C‑465/04, EU:C:2006:199, punt 22).

35      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 86/653, kull interpretazzjoni tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva li tista’ tkun għad-detriment tal-aġent kummerċjali kienet eskluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2009, Semen, C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 21).

36      Issa, l-interpretazzjoni li l-ebda indennizz ma għandu jkun dovut fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali matul il-perijodu ta’ prova ma hijiex kompatibbli man-natura imperattiva tas-sistema stabbilita bl-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653. Fil-fatt, tali interpretazzjoni, li tammonta għall-issuġġettar tal-għoti ta’ kumpens għall-istipula jew le ta’ perijodu ta’ prova fil-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, mingħajr ma titqies il-prestazzjoni tal-aġent kummerċjali jew l-infiq u l-ispejjeż sostnuti minnu, kuntrarjament għal dak li huwa mitlub minn dan l-artikolu, tikkostitwixxi, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, interpretazzjoni għad-detriment tal-aġent kummerċjali, liema aġent huwa mċaħħad minn kwalunkwe kumpens fuq is-sempliċi bażi li l-kuntratt li jorbtu mal-prinċipal jinkludi perijodu ta’ prova.

37      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 li l-ebda indenniz jew kumpens ma għandu jitħallas jekk it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali sseħħ matul il-perijodu ta’ prova tmur kontra l-għan ta’ din id-direttiva.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistemi ta’ indennizz u ta’ kumpens li dan l-artikolu jipprevedi rispettivament fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, huma applikabbli meta din it-terminazzjoni sseħħ matul il-perijodu ta’ prova stipulat minn dan il-kuntratt.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistemi ta’ indennizz u ta’ kumpens li dan l-artikolu jipprevedi rispettivament fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, huma applikabbli meta din it-terminazzjoni sseħħ matul il-perijodu ta’ prova stipulat minn dan il-kuntratt.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.