KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fid‑19 ta’ April 2018 (1)
Kawżi magħquda C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P
Société des produits Nestlé SA
vs
Mondelez UK Holdings & Services Ltd, li kienet Cadbury
Holdings Ltd,
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) (C‑84/17 P)
u
Mondelez UK Holdings & Services Ltd, li kienet Cadbury
Holdings Ltd
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) (C‑85/17 P)
u
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
vs
Mondelez UK Holdings & Services Ltd, li kienet Cadbury
Holdings Ltd (C‑95/17 P)
“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Trade mark tridimensjonali li tirrappreżenta l-forma ta’ biċċa ċikkulata b’erba’ ċangaturi – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mir-rikorrenti – Ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mill-Bord tal-Appell”
I. Introduzzjoni
1. Permezz tal-appelli tagħhom, is-Société des produits Nestlé SA (iktar ’il quddiem “Nestlé”), Mondelez UK Holdings & Services Ltd (iktar ’il quddiem “Mondelez”) u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Mondelez UK Holdings & Services vs EUIPO – Société des produits Nestlé (Forma ta’ biċċa ċikkulata) (T‑112/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:735, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din annullat id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑11 ta’ Diċembru 2012 (Każ R 513/2011-2), relatata ma’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Cadbury Holdings u Nestlé (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).
2. Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara s-sens mogħti lill-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”) kif ukoll lill-punti 60 sa 63 tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307). B’mod iktar speċifiku, din ser tippermetti li jiġi ppreċiżat l-ambitu tal-portata ġeografika tal-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jiġi stabbilit li trade mark kisbet karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha.
II. Il-kuntest ġuridiku
3. Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009:
“It-trademark [tal-Unjoni Ewropea] għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett [fl-Unjoni] kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-[Unjoni] kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”
4. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, jipprovdi:
“1. Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:
[…]
(b) trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;
[…]
2. Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-[Unjoni].
3. Il-paragrafu 1(b), (c) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar minn din it-trade mark.”
5. L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi:
“1. Trade mark tal-[Unjoni] għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-[EUIPO] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,
(a) meta t-trade mark tal-[Unjoni] tkun ġiet irreġistrata kuntrarju tad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 7;
[…]
2. Meta t-trade mark [tal-Unjoni] tkun ġiet reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b), (c) jew (d), tista’ madanakollu ma tiġix iddikjarata invalida jekk, b’konsegwenza tal-użu li jkun sar minnha, hija tkun wara r-reġistrazzjoni akkwistat karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata.
[…]”
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża
6. Fil‑21 ta’ Marzu 2002, Nestlé ppreżentat applikazzjoni quddiem l-EUIPO għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tridimensjonali għall-prodott tagħha msemmi “Kit Kat 4 fingers”, li kien magħmul minn erba’ stikek trapezojdali allinjati fuq bażi rettangolari:

7. L-applikazzjoni saret għal prodotti li jaqgħu fil-klassi 30, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. L-EUIPO qajmet oġġezzjoni fir-rigward ta’ parti mill-prodotti li kienet saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom, jiġifieri: “ċikkulata, prodotti biċ-ċikkulata, ħlewwiet, ħelu”. Wara din l-oġġezzjoni, is-sinjal imsemmi iktar ’il fuq ġie rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea fit‑28 ta’ Lulju 2006, għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 30, li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li jmiss: “ħelu, prodotti tal-ħami, oġġetti tal-għaġina, gallettini, kejkijiet, waffles” (iktar ’il quddiem it-“trade mark kontenzjuża”).
8. Fit‑23 ta’ Marzu 2007, Cadbury Schweppes plc (li saret Cadbury Holdings Ltd, sussegwentement Mondelez) ippreżentat azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-reġistrazzjoni fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil‑11 ta’ Jannar 2011, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO laqgħet din it-talba u ddikjarat l-invalidità tat-trade mark kontenzjuża.
9. Fuq ir-rikors ta’ Nestlé, it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Huwa qies, b’mod partikolari, li għalkemm it-trade mark kontenzjuża, ċertament, ma kellhiex karattru distintiv inerenti għall-prodotti li ġiet irreġistrata għalihom, Nestlé kienet uriet, konformement mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li din it-trade mark, permezz tal-użu li kien sar minnha, kienet kisbet tali karattru għall-istess prodotti.
IV. Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
10. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Frar 2013, Mondelez ippreżentat azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat tliet motivi. Il-Qorti Ġenerali eżaminat biss l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament u maqsum f’erba’ partijiet.
11. Fil-punti 21 sa 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat u laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv ta’ Mondelez. Bħalma jirriżulta mill-punti 41 sa 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li kien bi żball li t-Tieni Bord tal-Appell kien ikkunsidra li Nestlé kienet uriet l-użu tat-trade mark kontenzjuża għall-prodotti tal-ħami, l-oġġetti tal-għaġina, il-kejkijiet u l-waffles. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma analizzatx il-partijiet l-oħrajn tal-ewwel motiv ta’ Mondelez fir-rigward tal-ħelu u l-gallettini.
12. Fil-punti 45 sa 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat u ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv ta’ Mondelez, relatat mal-assenza ta’ użu tat-trade mark kontenzjuża fil-forma li ġiet irreġistrata fiha.
13. Fil-punti 65 sa 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet it-tielet parti tal-ewwel motiv ta’ Mondelez, relatat mal-assenza ta’ użu tat-trade mark kontenzjuża bħala indikatur tal-oriġini u tal-insuffiċjenza tal-provi dwar dan is-suġġett. F’dan ir-rigward, minn naħa, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-provi tal-użu ġenwin tat-trade mark kontenzjuża, prodotti minn Nestlé quddiem l-EUIPO, kienu jikkostitwixxu elementi rilevanti li, evalwati globalment, setgħu juru li, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, l-imsemmija trade mark kienet meqjusa bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, fil-punt 107 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat li t-Tieni Bord tal-Appell “[kien] wettaq eżami tal-kisba tal-karattru distintiv tat-trade mark [kontenzjuża] bis-saħħa tagħha u bbaża b’mod konkret il-konklużjonijiet tiegħu relatati ma’ tali kisba fir-rigward tad-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit.”
14. Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 112 sa 178 tas-sentenza appellata, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv ta’ Mondelez. Fil-punti 142 u 143 ta’ din is-sentenza, hija nnotat li t-Tieni Bord tal-Appell kien wettaq żball, meta kkonkluda, essenzjalment, li, għall-finijiet tal-prova tal-karattru distintiv miksub mill-użu tat-trade mark fl-Unjoni kollha, kien biżżejjed li jintwera li parti sostanzjali mill-pubbliku rilevanti fl-Unjoni, l-Istati Membri kollha u r-reġjuni kollha meħuda flimkien, kienet tqis trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti li l-imsemmija trade mark kienet indikata għalihom u li ma kienx meħtieġ li tingħata prova tal-karattru distintiv ta’ trade mark miksub permezz tal-użu tagħha fl-Istati Membri kollha kkonċernati.
15. Madankollu, bħalma jirriżulta mill-punti 144 u 145 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx eskluż li, minkejja l-istqarrija żbaljata tal-kriterju ta’ eżami għall-finijiet tal-prova tal-karattru distintiv ta’ trade mark miksub permezz tal-użu tagħha fl-Unjoni kollha, it-Tieni Bord tal-Appell applika b’mod tajjeb dan il-kriterju meta eżamina l-provi prodotti minn Nestlé. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkunsidrat li kellha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi mit-Tieni Bord tal-Appell.
16. Wara l-eżami ta’ dawn il-provi relatati mad-Danimarka, mal-Ġermanja, ma’ Spanja, ma’ Franza, mal-Italja, mal-Pajjiżi l-Baxxi, mal-Awstrija, mal-Finlandja u mal-Isvezja kif ukoll mar-Renju Unit, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, rispettivament, fil-punti 146, 148, 151, 153, 155, 158, 159, 164 u 167 li t-Tieni Bord tal-Appell ġustament kien ikkunsidra li kien ġie stabbilit li t-trade mark kontenzjuża kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu f’dawn l-Istati Membri kollha.
17. Madankollu, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali nnotat li t-Tieni Bord tal-Appell ma kienx ħa deċiżjoni espliċita dwar jekk kienx ġie stabbilit li t-trade mark kontenzjuża kienet kisbet karattru distintiv fil-Belġju, fl-Irlanda, fil-Greċja u fil-Portugall u li huwa lanqas ma kien inkluda dawn l-Istati Membri fost dawk li huwa qies li għalihom tali kisba kienet ġiet ipprovata.
18. Fil-punt 176 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li t-Tieni Bord tal-Appell kien wettaq żball meta kkonkluda dwar il-kisba, mit-trade mark kontenzjuża, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu fl-Unjoni peress li kisba simili kienet ingħatat prova tagħha biss għal parti, minkejja li sostanzjali, tat-territorju tagħha.
19. Fil-punti 177 sa 179 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kellha tintlaqa’ r-raba’ parti tal-ewwel motiv ta’ Mondelez u li tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi, peress li t-Tieni Bord tal-Appell ma setax jikkonkludi b’mod validu l-eżami tiegħu dwar il-karattru distintiv tat-trade mark kontenzjuża miksub permezz tal-użu tagħha, mingħajr ma jiddeċiedi dwar il-perċezzjoni tal-imsemmija trade mark mill-pubbliku rilevanti b’mod partikolari fil-Belġju, fl-Irlanda, fil-Greċja u fil-Portugall u mingħajr ma janalizza l-provi prodotti għal dawn l-Istati Membri.
V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20. Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑84/17 P, Nestlé titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla s-sentenza appellata minħabba li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, u
– tikkundanna lil Mondelez għall-ispejjeż.
21. Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑85/17 P, Mondelez titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 37 sa 44, 58 sa 64, 78 sa 111 u 144 sa 169 tas-sentenza appellata, kif ukoll parti mill-punt 177 ta’ din l-istess sentenza li skontha “minkejja li ġie stabbilit li t-trade mark [kontenzjuża] kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fid-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit”.
22. Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑95/17 P, l-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla s-sentenza appellata, u
– tikkundanna lil Mondelez għall-ispejjeż.
23. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Mejju 2017, il-Kawżi C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.
24. Fir-risposta tagħha fil-Kawża C‑85/17 P, Nestlé titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad l-appell bħala manifestament inammissibbli jew manifestament infondat permezz ta’ digriet jew, sussidjarjament, permezz ta’ sentenza;
– ma tilqax l-appell, sa fejn ikun ammissibbli, u tannulla s-sentenza appellata, u
– f’kull każ, tikkundanna lil Mondelez għall-ispejjeż.
25. Fir-risposta tagħha fil-Kawżi C‑84/17 P u C‑95/17 P, Mondelez titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad l-appelli ta’ Nestlé u tal-EUIPO, u
– tikkundanna, rispettivament, lil Nestlé u lill-EUIPO għall-ispejjeż f’dawn iż-żewġ kawżi.
26. Fir-risposta tiegħu fil-Kawżi C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, l-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tilqa’ l-appell ta’ Nestlé;
– tiċħad l-appell ta’ Mondelez, u
– tikkundanna lil Mondelez għall-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO.
27. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Novembru 2017, il-European Association of Trade Mark Owners (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Proprjetarji tat-Trade Marks, iktar ’il quddiem, “Marques”) talbet li titħalla tintervjeni fit-tilwima fil-Kawża C‑84/15 P, insostenn tat-talbiet ta’ Nestlé. Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Jannar 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba. Fid-dawl tan-natura tardiva ta’ din it-talba, huwa awtorizza lil Marques tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul is-seduta.
28. Inżammet seduta, fit‑22 ta’ Frar 2018, li matulha Nestlé, Mondelez, Marques u l-EUIPO ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.
VI. Fuq l-ammissibbiltà tal-appell ta’ Mondelez fil-Kawża C‑85/17 P
A. L-argumenti tal-partijiet
29. Nestlé ssostni li l-appell ta’ Mondelez huwa inammissibbli, peress li hija ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla, kompletament jew parzjalment, is-sentenza appellata iżda li tannulla parti mill-motivazzjoni tas-sentenza appellata filwaqt li żżomm id-dispożittiv tagħha.
30. Minkejja li l-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors tagħha u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, Mondelez tafferma li l-appell tagħha huwa ammissibbli peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet xi wħud mill-argumenti tagħha matul l-eżami tal-ewwel motiv tagħha bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Peress li t-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO jkun marbut biċ-ċaħda tal-argumenti tagħha matul l-eżami l-ġdid li ser jintalab iwettaq wara l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, Mondelez tqis li hija għandha tkun tista’ tikkontesta s-sentenza appellata.
B. Evalwazzjoni
31. L-appell ta’ Mondelez huwa manifestament inammissibbli għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 65 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Mondelez ma tilfitx parzjalment jew kompletament it-talbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Fit-tieni lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jimponi l-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tal-appell tagħha ma humiex intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-dispożittiv tas-sentenza appellata iżda għall-annullament ta’ ċerti motivi ta’ din is-sentenza.
1. Fuq il-konformità tal-appell mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
32. L-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li appell jista’ jiġi ppreżentat minn “kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha” (3).
33. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, parti li tkun talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla att tal-Unjoni ma tistax titqies bħala li tkun tilfet, anki parzjalment, fit-talbiet tagħha meta l-Qorti Ġenerali tkun laqgħet din it-talba (4), u dan anki jekk il-Qorti Ġenerali tkun ċaħdet diversi argumenti tagħha qabel ma laqgħet il-motiv li fuqu jkun ibbażat l-annullament (5).
34. F’dan il-każ, minbarra l-kwistjoni tal-ispejjeż, Mondelez talbet biss li l-Qorti Ġenerali jogħġobha “[t]annulla d-deċiżjoni [kontenzjuża], ħlief sa fejn il-Bord ikkonstata li t-trade mark ma kellhiex karattru distintiv intrinsiku fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-[Regolament Nru 207/2009]” (6).
35. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment it-tieni u r-raba’ partijiet tal-ewwel motiv (7) u pproċediet għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża għal ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009.
36. Bħalma spjega l-EUIPO matul is-seduta, dan l-annullament jimplika li fl-assenza ta’ appell u b’kunsiderazzjoni tar-raġunament u d-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kien ikun marbut jikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal‑11 ta’ Jannar 2011 li tiddikjara l-invalidità tat-trade mark kontenzjuża, liema dikjarazzjoni kienet essenzjalment l-għan tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ Mondelez.
37. Konsegwentement, Mondelez ma tistax titqies bħala li tilfet parzjalment jew kompletament f’waħda mit-talbiet imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.
38. Fil-fehma tiegħi, kif ukoll fil-fehma tal-partijiet, l-unika eċċezzjoni għal din ir-regola hija dik irrikonoxxuta mill-Qorti Ġenerali fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (C‑383/99 P, EU:C:2001:461), fejn Procter & Gamble kienet talbet “li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha [t]annulla s-sentenza [tal-Qorti Ġenerali] sa fejn il-Qorti Ġenerali [kienet] iddeċidiet li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-[EUIPO] ma kienx kiser l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru [207/2009]” (8). Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li fl-ewwel istanza, Procter & Gamble kienet talbet “li l-Qorti Ġenerali jogħġobha, minn naħa, prinċipalment, [t]annulla d-deċiżjoni [meħdua mill-EUIPO] sa fejn din [kienet] ikkunsidrat li t-trade mark ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru [207/2009] u, min-naħa l-oħra, sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni [meħuda mill-EUIPO] sa fejn din [kienet] iddikjarat l-argument [tagħha] bbażat fuq l-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament bħala inammissibbli” (9).
39. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li billi ċaħdet il-motiv prinċipali ta’ Procter & Gamble u billi annullat id-deċiżjoni tal-EUIPO fuq il-motiv sussidjarju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali kienet ħalliet fis-seħħ il-parti ta’ din id-deċiżjoni li tirrigwarda l-konformità tat-trade mark mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 209/2009, u li dan jimplika li l-EUIPO jkun marbut jibdel biss l-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 u li, konsegwentement, l-annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali huwa biss, fir-realtà, parzjali (10).
40. Ma tista’ ssir l-ebda analoġija mal-kawża ineżami. Minn naħa, għall-kuntrarju ta’ Procter & Gamble, Mondelez ma titlobx l-annullament tas-sentenza appellata iżda biss l-annullament ta’ ċerti punti tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, minkejja l-fatt li Mondelez kienet ippreżentat diversi motivi fil-kawża tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar eżaminat biss dak ibbażat fuq l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 u laqgħetu, anki jekk qabelxejn hija ċaħdet xi wħud mill-ilmenti li kienet ippreżentat Mondelez fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Fl-assenza ta’ motiv prinċipali miċħud, inqis li fil-kawża ineżami wieħed ma jistax jitkellem dwar parti mid-deċiżjoni tal-EUIPO li l-Qorti Ġenerali ħalliet fis-seħħ permezz tas-sentenza appellata. F’dan is-sens, inqis li ma tista’ ssir l-ebda analoġija mas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (C‑383/99 P, EU:C:2001:461).
41. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa impossibbli li jiġi kkunsidrat li Mondelez tilfet parzjalment jew kompletament fit-talbiet tagħha fis-sens tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
2. Fuq il-konformità tal-appell mal-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja
42. L-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jimponi li “[t]-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni” (11).
43. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-prinċipju fundamentali tal-qasam tal-appell li bih l-appell għandu jkun dirett kontra d-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u ma jistax ikun intiż esklużivament għat-tibdil ta’ ċerti motivi ta’ din id-deċiżjoni” (12).
44. Barra minn hekk, f’diversi okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, ħlief bħala risposta kontra aggravju mressaq mill-appellant, talba għal sostituzzjoni tar-raġunijiet tkun inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ interess ġuridiku peress li din ma tistax tikseb vantaġġ għall-parti li tressaqha (13).
45. F’dan il-każ, mir-rikors tal-appell jirriżulta li t-talbiet tal-appell ta’ Mondelez ma humiex intiżi għall-annullament parzjali jew totali tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif tinsab fid-dispożittiv tagħha iżda għall-annullament tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 37 sa 44, 58 sa 64, 78 sa 111, 144 sa 169 u 177 tas-sentenza appellata.
46. Din it-talba ma hijiex konformi mal-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda tikkostitwixxi talba għal sostituzzjoni tar-raġunijiet. Għal dan il-għan, Mondelez ma għandhiex interess ġuridiku.
47. Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li l-appell ippreżentat minn Mondelez fil-Kawża C‑85/17 P huwa manifestament inammissibbli u għandu jiġi miċħud.
VII. Fuq il-mertu
48. Permezz tal-aggravju uniku tal-appell fil-Kawża C‑84/17 P u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑95/17 P, rispettivament Nestlé u l-EUIPO jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali dwar ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament, sa fejn hija kkunsidrat li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandu juri li din kisbet karattru distintiv permezz tal-użu f’kull wieħed mill-Istat Membri meħuda separatament. Nestlé u l-EUIPO jqisu li din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-punti 60 sa 63 tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307).
49. L-ewwel aggravju tal-EUIPO fil-Kawża C‑95/17 P, minkejja li formalment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jikkonċerna, fir-realtà, l-istess kwistjoni.
50. Għalhekk, ser nittratta ż-żewġ appelli flimkien.
A. L-argumenti tal-partijiet
51. Nestlé (14) u l-EUIPO, sostnuti minn Marques, jikkritikaw is-sentenza appellata sa fejn tikkonċerna l-portata tat-territorju tal-Unjoni li fih għandu jintwera l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade mark kontenzjuża. Huma jqisu li billi ddeċidiet, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu għandu jintwera fit-territorju kollu tal-Unjoni u mhux biss f’parti sostanzjali jew fil-parti l-kbira tiegħu u li, konsegwentement, ma tistax tinsilet konklużjoni dwar il-kisba ta’ tali karattru meta l-provi prodotti ma jkunux ikopru parti mill-Unjoni, anki mhux sostanzjali jew li tikkonsisti biss fi Stat Membru wieħed, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-interpretazzjoni li ngħatatlu mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 63 tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307).
52. Skont Nestlé, Marques u l-EUIPO, il-Qorti Ġenerali, bi żball, iddeċidiet li t-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO kien wettaq żball ta’ liġi meta qies li kien biżżejjed li jintwera li parti sinjifikattiva mill-pubbliku rilevanti fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri kollha u r-reġjuni kollha meħuda flimkien, kienet tqis trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti koperti mit-trade mark kontenzjuża u li ma kienx meħtieġ li tingħata prova tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu fl-Istati Membri kollha kkonċernati (15).
53. Konsegwentement, dan kien bi żball li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO wettaq żball ta’ liġi meta silet konklużjoni dwar il-karattru distintiv tat-trade mark kontenzjuża miksub permezz tal-użu mingħajr ma ddeċieda dwar il-perċezzjoni ta’ din it-trade mark mill-pubbliku rilevanti fil-Belġju, fl-Irlanda, fil-Greċja u fil-Portugall u mingħajr ma analizza l-provi prodotti għal dawn l-Istati Membri (16).
54. Nestlé, Marques u l-EUIPO jsostnu li, billi tiffoka fuq is-swieq nazzjonali meħuda individwalment, din l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija inkompatibbli mal-karattru unitarju tat-trade mark Ewropea u l-eżistenza nnifisha ta’ suq uniku.
55. Min-naħa l-oħra, Mondelez tqis li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat korrettament l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307). Skont din tal-aħħar, ma huwiex biżżejjed li trade mark tal-Unjoni tkun distintiva f’parti sinjifikattiva tal-Unjoni jekk din ma tkunx distintiva f’parti oħra tal-Unjoni, anki jekk din il-parti tirrappreżenta biss Stat Membru wieħed.
56. Mondelez tqis li konklużjoni differenti twassal għal riżultat paradossali li skontu applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, li għandha tiġi rrifjutata minħabba n-nuqqas ta’ karattru distintiv fi Stat Membru wieħed, tista’ madankollu tiġi rreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, bil-konsegwenza li jkun possibbli li din tiġi invokata quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru.
B. Evalwazzjoni
1. Osservazzjonijiet preliminari
57. Id-domandi dwar il-portata ġeografika tal-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jiġi stabbilit li trade mark kisbet karattru distintiv permezz tal-użu li jkun sar minnha, konformement mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-punti 60 sa 63 tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307) ma humiex ġodda.
58. Fil-fatt, l-appell ta’ Louis Vuitton Malletier fil-Kawżi magħquda C‑363/15 P u C‑364/15 P għamel preċiżament din id-domanda peress li, bħal Nestlé, Marques u l-EUIPO, Louis Vuitton Malletier kienet qiegħda ssostni li l-Qorti Ġenerali, bi żball, kienet eżiġiet li l-prova tal-karattru distintiv tal-iskakkiera kannella u beige u tal-iskakkiera griża għandha tiġi prodotta għal kull wieħed mill-Istati Membri. Madankollu, il-partijiet laħqu ttranżiġew il-kawża qabel ma nżammet is-seduta (17).
59. L-appelli ineżami joffru l-opportunità mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara, b’mod definittiv, is-sens li għandu jingħata lill-punti 60 sa 63 tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307).
2. Il-portata territorjali tal-prova meħtieġa fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009
60. Qabelxejn, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha karattru unitarju u tipproduċi l-istess effett fl-Unjoni kollha. Bħalma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 119 tas-sentenza appellata, “it-trade mark tal-Unjoni għandha karattru unitarju, u dak jimplika li din ikollha l-istess effett fl-Unjoni kollha. Mill-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni jirriżulta li, sabiex sinjal ikun jista’ jiġi rreġistrat, għandu jkollu karattru distintiv fl-Unjoni kollha. Huwa għalhekk li, skont l-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-paragrafu 2 tal-istess artikolu, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata jekk din tal-aħħar tkun nieqsa minn karattru distintiv f’parti tal-Unjoni” (18).
61. L-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jintroduċi eċċezzjoni għar-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fil-punti (b) sa (d) tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, favur trade marks li kisbu karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnhom.
62. Il-prinċipji applikabbli għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma stabbiliti fis-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI (C‑25/05 P, EU:C:2006:422) u tal‑24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307).
63. Fil-punt 83 tas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI (C‑25/05 P, EU:C:2006:422), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “trade mark [setgħet] tiġi rreġistrata skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament [Nru 207/2009] biss jekk [tkun tressqet] il-prova li din tkun kisbet, permezz ta’ l-użu li jkun sar minnha, karattru distintiv fil-parti tal-[Unjoni] li fiha għal bidu ma kelliex tali karattru fis-sens tal-paragrafu 1(b) ta’ l-istess Artikolu”.
64. F’dan il-punt ta’ din is-sentenza, hija żiedet li din il-parti tal-Unjoni, li, konformement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, tkun biżżejjed sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark, “tista’, f’kull każ, tkun magħmula minn Stat Membru wieħed”.
65. Nestlé ssostni li, bl-istabbiliment ta’ livell ta’ prova għoli ħafna, din is-sentenza kellha l-effett li, ħlief għal eċċezzjoni waħda, l-ebda operatur ma seta’ jipproduċi provi adegwati. B’hekk, hija tikkunsidra li, fis-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307), il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ iktar adattat għall-aspett territorjali tal-prova.
66. Infakkar li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza tal-aħħar kienet tikkonċerna applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea ta’ sinjal tridimensjonali kkostitwit mill-forma ta’ fenek tal-Għid magħmul miċ-ċikkulata b’żigarella ħamra u li Chocoladefabriken Lindt & Sprüng li pproduċiet provi intiżi sabiex tiġi stabbilita l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu biss għal tlieta mill-ħmistax‑il Stat Membru fiż-żmien ikkonċernat, jiġifieri l-Ġermanja, l-Awstrija u r-Renju Unit.
67. Fil-punt 60 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, qabelxejn, il-punt 83 tas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI (C‑25/05 P, EU:C:2006:422). Fuq din il-bażi, hija sussegwentement iddeċidiet li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li skontha t-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha għandha tkun kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fl-Unjoni kollha, ma kienet ivvizzjata minn ebda żball ta’ liġi sa fejn Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli ma kinitx stabbilixxiet li t-trade mark inkwistjoni “kellha karattru distintiv intrinsiku u li din il-konstatazzjoni kienet tiswa għat-territorju kollu tal-Unjoni” (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-provi prodotti għal tliet Stati Membri ma kinux biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li t-trade mark inkwistjoni “kellha karattru distintiv intrinsiku fi ħmistax‑il Stat Membru u li, għaldaqstant, f’dawn l-Istati, il-kisba, minnha, ta’ karattru distintiv bl-użu ma kellux ikun mitlub [ma kellhiex tkun mitluba]” (20).
68. Fil-konfront tal-argument ta’ Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli bbażat fuq il-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u li skontu l-evalwazzjoni tal-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu ma għandux ikun ibbażat fuq is-swieq nazzjonali meħuda individwalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “anki jekk huwa minnu […] li l-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv bl-użu għandha tiġi pprovata għal dik il-parti tal-Unjoni li fiha din it-trade mark ma kellhiex ab initio dan il-karattru, ikun eċċessiv li jintalab li l-prova ta’ tali kisba tiġi prodotta għal kull Stat membru meħud individwalment” (21).
69. Madankollu, hija ċaħdet l-appell ta’ Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli filwaqt li ddeċidiet fil-punt 63 tas-sentenza tagħha li “għal dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma [kinitx] wettq[et] żball ta’ liġi għaliex, f’kull każ, [Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli] ma [kinitx ipprovat] b’mod kwantitattivament suffiċjenti l-kisba, mit-trade mark li tagħha [kienet intalbet] ir-reġistrazzjoni, ta’ karattru distintiv bl-użu fit-territorju kollu tal-Unjoni” (22).
70. Għandu jiġi nnotat żball fit-traduzzjoni Ingliża ta’ din is-silta. Fil-fatt, filwaqt li l-verżjonijiet fil-lingwi Ġermaniża u Franċiża ta’ dan il-punt jirreferu għall-assenza ta’ provi kwantitattivament suffiċjenti (“keinen quantitativ hinreichenden Nachweis” u “prouvé de manière quantitativement suffisante”), il-verżjoni fil-lingwa Ingliża tirreferi biss għall-assenza ta’ provi suffiċjenti (“sufficiently proved”). Peress li l-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża hija l-verżjoni awtentika ta’ din is-sentenza, ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jaħseb li l-avverbju “sufficiently” ma huwiex intiż għal provi “kwantitattivament” suffiċjenti.
71. Din il-preċiżazzjoni tippermetti li jiġi dedott li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonkludiet li, billi pproduċiet provi għal tliet Stati Membri biss, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli ma kinitx ipproduċiet b’mod ċar provi kwantitattivament suffiċjenti sabiex issir estrapolazzjoni għall-Unjoni kollha.
72. Stranament, żball simili ddaħħal fil-verżjoni fil-lingwa Franċiża tas-sentenza appellata. Fil-fatt, filwaqt li l-punti 125 u 130 tas-sentenza appellata fil-verżjoni fil-lingwa Ingliża, jiġifieri l-lingwa tal-kawża, jirreferu għal provi kwantitattivament suffiċjenti, l-istess punti tas-sentenza appellata fil-verżjoni fil-lingwa Franċiża jirreferu għal provi kwantitattivament suffiċjenti (punt 125) u għal provi kwalitattivament suffiċjenti (punt 130).
73. Dan l-iżball tal-pinna tal-Qorti Ġenerali fil-verżjoni fil-lingwa Franċiża jista’ jispjega l-pożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 139 sa 143 u 175 sa 178 tas-sentenza appellata fejn, essenzjalment, hija ddeċidiet li l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu ma setax jiġi stabbilit permezz ta’ estrapolazzjoni minn provi li juru biss li parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri kollha u r-reġjuni kollha meħuda flimkien, tqis trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew is-servizzi koperti minnha, u dan anki jekk il-popolazzjoni tal-Istati Membri li għalihom ġew prodotti l-provi tirrappreżenta kważi 90 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni.
74. Fi kliem ieħor, skont il-Qorti Ġenerali, il-kisba tal-karattru distintiv ma hijiex marbuta biss ma’ maġġoranza tal-Istati Membri u tal-popolazzjonijiet iżda wkoll ma’ kunċett ta’ “rappreżentattività ġeografika” fis-sens li t-trade mark inkwistjoni jkollha tikseb karattru distintiv fil-perċezzjoni tal-pubbliku fil-partijiet kollha tat-territorju tal-Unjoni, li ma jikkorrispondux neċessarjament għall-fruntieri tal-Istati Membri.
75. Il-punti 60 sa 63 tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307) jagħtu biss risposta parzjali għal din id-domanda. Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli kienet ipproduċiet provi intiżi sabiex tiġi stabbilita l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu għal tliet Stati Membri biss, jiġifieri l-Ġermanja, l-Awstrija u r-Renju Unit. F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi tħallew barra reġjuni kbar tal-Unjoni, kien ċar li l-provi ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi bbażata estrapolazzjoni għall-Unjoni kollha.
76. Ċertament, fil-punt 62 tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C-98/11 P, EU:C:2012:307), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[j]kun eċċessiv li jintalab li l-prova ta’ tali kisba tiġi prodotta għal kull Stat membru meħud individwalment”.
77. Madankollu, bħalma ammetta l-EUIPO fil-punt 43 tar-rikors tiegħu tal-appell, dan ma jimplikax li l-applikant għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark jista’ jħalli barra reġjuni u swieq sħaħ. Għall-kuntrarju, bħalma l-EUIPO rrimarka fil-punt 53 ta’ dan ir-rikors, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-importanza ġeografika u t-tqassim tar-reġjuni li fihom il-karattru distintiv miksub ġie stabbilit b’mod pożittiv, sabiex jiġi żgurat li l-provi li minnhom issir l-estrapolazzjoni għall-Unjoni kollha jikkonċernaw kampjun kwantitattivament u ġeografikament rappreżentattiv.
78. Għall-ħtiġijiet ta’ din l-estrapolazzjoni, għalkemm it-territorji tal-Istati Membri ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala tali (23), l-eżistenza tas-suq uniku ġewwa l-Unjoni ma timplikax l-ineżistenza tas-swieq nazzjonali jew reġjonali. Fil-fatt, huwa stabbilit li, għad-distribuzzjoni tal-prodotti jew is-servizzi tagħhom, l-operaturi ekonomiċi, bħal Nestlé, jiġbru flimkien ċerti swieq nazzjonali għal diversi raġunijiet bħall-prossimità ġeografika tagħhom, l-eżistenza fosthom ta’ rabtiet storiċi, jew anki ta’ lingwa, tradizzjonijiet jew drawwiet komuni. F’dan is-sens, f’dawn il-kundizzjonijiet u skont il-prodotti inkwistjoni, il-provi prodotti għal ċerti swieq nazzjonali jistgħu, fuq il-bażi ta’ dak li Mondelez matul is-seduta sejħet bħala “l-komparabbiltà tas-swieq”, ikunu biżżejjed sabiex ikopru swieq oħrajn li jkunu tħallew barra mill-provi u li għalihom ma jkunux ġew prodotti provi kwantitattivament suffiċjenti. B’mod partikolari, huwa possibbli li, għal ċerti prodotti jew servizzi u minħabba l-komparabbiltà tas-swieq inkwistjoni, il-provi prodotti għas-suq Spanjol ikunu suffiċjenti wkoll għas-suq Portuġiż, jew il-provi prodotti għas-suq Brittaniku jkunu biżżejjed għas-suq Irlandiż, eċċ.
79. Il-prova tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu fl-Unjoni kollha b’mod kwantitattivament u ġeografikament suffiċjenti tobbliga t-teħid inkunsiderazzjoni, għal kull prodott jew servizz, ta’ din id-diversità fi ħdan l-Unjoni. F’dan is-sens, trade mark ma tistax tkun trade mark tal-Unjoni li jkollha karattru unitarju jekk il-pubbliku rilevanti ta’ parti tal-Unjoni ma jqishiex bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnha.
80. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li r-reġjuni jew il-partijiet tal-Unjoni li l-kisba tal-karattru distintiv għandha tintwera fihom ma humiex iddeterminati minn qabel iżda għandhom jiġu stabbiliti, matul kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għall-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark inkwistjoni.
81. Għall-kuntrarju ta’ dak li jqajjem l-EUIPO, dan ma jimplikax li l-assenza biss ta’ provi li jikkonċernaw il-Lussemburgu tkun biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-kisba tal-karattru distintiv, meta jkunu ġew prodotti provi għall-Istati Membri l-oħrajn. Jekk, għall-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark inkwistjoni, il-Lussemburgu jagħmel parti mill-istess suq bħall-Belġju, Franza jew il-Ġermanja, u jkunu ġew prodotti provi suffiċjenti għal wieħed minn dawn il-pajjiżi li l-Lussemburgu jagħmel parti mill-istess suq tiegħu, ma jkunx meħtieġ li jiġu prodotti provi speċifiċi għal-Lussemburgu. Dan, fil-fehma tiegħi, huwa s-sens li għandu jingħata lill-Artikolu 7(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 u lill-punti 60 sa 63 tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307).
82. Ir-rekwiżit li l-provi tal-kisba tal-karattru distintiv ma għandhomx ikunu biss kwantitattivament suffiċjenti iżda wkoll ġeografikament rappreżentattivi huwa sostnut ukoll mill-eżempju ta’ jigsaw puzzle mogħti mill-EUIPO fil-punt 42 tar-rikors tal-appell tiegħu (24).
83. Biex inkompli fuq dan l-eżempju, jekk il-maġġoranza tal-biċċiet tal-jigsaw puzzle jirrappreżentaw il-ġisem ta’ żiemel, il-fatt li l-unika biċċa nieqsa biex titlesta l-puzzle tkun dik tar-ras jista’ jkollu effett sinjifikattiv. Fil-fatt, anki jekk il-maġġoranza tal-biċċiet jissuġġerixxu li l-jigsaw puzzle tirrappreżenta l-immaġni ta’ żiemel, xejn ma jeskludi li l-biċċa nieqsa tirrappreżenta t-torso ta’ bniedem. F’dan l-każ, dan ma jkunx żiemel iżda ċentawru. Dan huwa r-riskju li toħloq l-esklużjoni selettiva ta’ ċerti Stati Membri mill-provi prodotti.
84. F’dan is-sens, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ April 2015, Louis Vuitton Malletier vs UASI – Nanu-Nana (Rappreżentazzjoni ta’ disinn ta’ skakkiera kannella u beige) (T‑359/12, EU:T:2015:215) u tal‑21 ta’ April 2015, Louis Vuitton Malletier vs UASI – Nanu-Nana (Rappreżentazzjoni ta’ disinn ta’ skakkiera griża) (T‑360/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:214), li rreferiet għalihom il-Qorti Ġenerali fil-punt 128 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet ġustament li l-ksib tal-karattru distintiv ma kienx ġie pprovat minħabba l-assenza ta’ provi għad-Danimarka, il-Portugall, il-Finlandja u l-Isvezja u dan, minkejja li, skont Luis Vuitton Malletier, il-provi li hija pproduċiet kienu jikkonċernaw ħdax mill-ħmistax‑il Stat Membru li jirrappreżentaw 92.5 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, Luis Vuitton Malletier kienet ħalliet barra għalkollox mill-provi l-pajjiżi Nordiċi li jirrappreżentaw parti mill-Unjoni, mingħajr ma stabbilixxiet li l-provi prodotti għall-Istati Membri l-oħrajn kienu wkoll rappreżentattivi ta’ dawn il-pajjiżi. Din l-ommissjoni ma setgħetx tippermetti li jiġi konkluż li l-iskakkieri inkwistjoni kienu kisbu karattru distintiv fl-Unjoni kollha.
85. F’dan il-każ, mill-punti 60 sa 87 tad-deċiżjoni kontenzjuża u mill-punti 146 sa 173 tas-sentenza appellata jirriżulta li Nestlé pproduċiet provi għal erbatax mill-ħmistax‑il Stat Membru fiż-żmien ikkonċernat. L-uniku Stat Membru li għalih ma ġiet prodotta l-ebda prova kien il-Lussemburgu. Madankollu, filwaqt li Nestlé pproduċiet studji tas-suq għall-maġġoranza tal-Istati Membri, mill-punti 84 sa 87 tad-deċiżjoni kontenzjuża u mill-punt 173 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-informazzjoni prodotta għall-Belġju, l-Irlanda, il-Greċja u l-Portugall (25) ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-pubbliku rilevanti ta’ dawn il-pajjiżi kien jidentifika lil Nestlé bħala l-oriġini kummerċjali tal-prodott kopert mit-trade mark kontenzjuża.
86. Madankollu, qabel ma kkonkludiet fil-punti 176 u 177 tas-sentenza appellata li t-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ma setax jikkonkludi b’mod validu l-eżami tiegħu dwar il-karattru distintiv miksub mit-trade mark kontenzjuża fl-Unjoni kollha fl-assenza ta’ provi suffiċjenti għall-Belġju, l-Irlanda, il-Greċja, il-Lussemburgu u l-Portugall, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk, fir-rigward tal-prodott kopert mit-trade mark kontenzjuża, il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu f’dawn il-ħames Stati Membri setax jiġi estrapolat fuq il-bażi ta’ provi prodotti għas-swieq nazzjonali jew reġjonali l-oħrajn.
87. Anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha, fil-prinċipju, teżamina din il-kwistjoni, Nestlé kkonfermat matul is-seduta li hija ma kinitx daħħlet fil-fajl elementi intiżi biex jistabbilixxu li, fir-rigward tal-prodott kopert mit-trade mark kontenzjuża, il-provi prodotti għas-suq Daniż, Ġermaniż, Spanjol, Franċiż, Taljan, Olandiż, Awstrijak, Finlandiż, Svediż u Brittaniku kienu japplikaw ukoll għas-suq Belġjan, Irlandiż, Grieg, Lussemburgiż u Portugiż jew setgħu jservu ta’ bażi biex tiġi estrapolata l-kisba, mit-trade mark kontenzjuża, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu f’dawn il-pajjiżi. F’dan is-sens, hija ma kinitx stabbilixxiet, għall-prodott ikkonċernat, il-komparabbiltà tas-suq Belġjan, Irlandiż, Grieg, Lussemburgiż u Portugiż ma’ ċerti swieq nazzjonali oħrajn li Nestlé kienet ipproduċiet provi suffiċjenti għalihom.
88. Fl-assenza ta’ provi ta’ dan it-tip, il-Qorti Ġenerali setgħet biss tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO, u dan huwa dak li għamlet.
89. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli ppreżentati minn Nestlé u l-EUIPO.
VIII. Fuq l-ispejjeż
90. Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza li tagħlaq l-istanza. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn l-istess regoli, li jirreferi għalih l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
91. Barra minn hekk, l-Artikolu 184(2) tal-imsemmija regoli jipprevedi li meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
92. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli wkoll għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi b’mod partikolari li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent li ma jkunx Stat Membru jew istituzzjoni għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.
93. F’dan il-każ, fil-Kawża C‑84/17 P, peress li Mondelez talbet il-kundanna ta’ Nestlé u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li din tal-aħħar tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn Mondelez. Hemm lok li jiġi deċiż li l-EUIPO u Marques ibatu l-ispejjeż tagħhom.
94. Fil-Kawża C‑85/17 P, peress li Nestlé u l-EUIPO talbu l-kundanna ta’ Mondelez u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn Nestlé u l-EUIPO.
95. Fil-Kawża C‑95/17 P, peress li Mondelez talbet il-kundanna tal-EUIPO u peress li dan tal-aħħar tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn Mondelez. Nestlé għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.
IX. Konklużjoni
96. Fil-Kawża C‑84/17 P, Société des produits Nestlé SA vs EUIPO u Mondelez UK Holdings & Services Ltd, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad l-appell bħala infondat,
– tikkundanna lill-kumpannija Nestlé SA tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti minn Mondelez UK Holdings & Services, u
– tikkundanna lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u lill-European Association of Trade Mark Owners (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Proprjetarji tat-Trade Marks) ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.
97. Fil-Kawża C‑85/17 P, Mondelez UK Holdings & Services Ltd vs EUIPO, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad l-appell bħala manifestament inammissibbli, u
– tikkundanna lil Mondelez UK Holdings & Services tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti minn Société des produits Nestlé u mill-EUIPO.
98. Fil-Kawża C‑95/17 P, EUIPO vs Mondelez UK Holdings & Services Ltd, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad l-appell bħala infondat;
– tikkundanna lill-EUIPO ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti minn Mondelez UK Holdings & Services, u
– tikkundanna lil Société des produits Nestlé tbati l-ispejjeż tagħha stess.