Language of document : ECLI:EU:C:2018:279

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil‑25 ta’ April 2018 (1)

Kawża C161/17

Land Nordrhein-Westfalen

vs

Dirk Renckhoff

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il‑Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Domanda preliminari — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku — Tqegħid għad-dispożizzjoni f’portal tal-internet ta’ xogħol protett aċċessibbli għall-utenti tal-internet f’portal ieħor tal-internet — Sitwazzjoni li fiha x-xogħol ikun ġie kkuppjat fuq server mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur”






1.        Fi żminijiet pjuttost reċenti, ix-xogħlijiet tematiċi li kienu jsiru fl-iskola fuq il-kartunċin kienu ġeneralment jiġu illustrati permezz ta’ ritratti, inċiżjonijiet u tpinġijiet ippubblikati f’kotba u rivisti. Wara li jitlestew, kienu jintwerew fiċ-ċentri edukattivi (għall-gost tal-ġenituri), mingħajr ma l-awturi ta’ dawk l-istampi jitolbu kumpens għall-użu tagħhom.

2.        L-istudenti tal-lum, li huma familjari mat-teknoloġija attwali, jinkludu wkoll ritratti jew tpinġijiet fix-xogħol tagħhom, bid-differenza li kemm dawn kif ukoll l-immaġini użati għat-twettieq tagħhom huma diġitali. Fuq l-internet hemm miljuni ta’ possibbiltajiet grafiċi sabiex isir xogħol skolastiku bihom u huwa relattivament faċli ttella’ dan ix-xogħol, diġà lest, fuq paġna web aċċessibbli għal kull utent tal-internet.

3.        Hekk ġara f’din il-kawża. Studenta tal-Gesamtschule de Waltrop (l-Iskola integrata ta’ Waltrop), fil-Land Nordrhein-Westfalen (2) tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sabet ritratt fuq l-internet tal-belt Spanjola ta’ Cordoba, u daħħlitu f’xogħol għas-suġġett tal-Ispanjol. Wara li lestiet ix-xogħol tagħha, tellgħetu fis-sit internet tal-iskola u l-fotografu professjonali li ħa r-ritratt, peress li l-immaġni kienet intużat mingħajr il-kunsens tiegħu, jikkunsidra li d-drittijiet tal-awtur tiegħu ġew miksura (u talab li jitwaqqaf dan l-aġir u li jingħata kumpens għad-danni).

4.        F’dan il-kuntest, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kunċett tat-“tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” (fuq il-web), li huwa l-bażi tal-ksur allegat. Peress li t-tqegħid għad-dispożizzjoni fid-dinja diġitali jikkostitwixxi l-espressjoni omologa tal-“att ta’ komunikazzjoni” fl-analogu (3), għandha tiġi applikata għalih mutatis mutandis il-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-“att ta’ komunikazzjoni” (4) li jirreferi għalih l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE (5).

5.        Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-tniżżil tar-ritratt ta’ Cordoba, u l-inseriment sussegwenti tiegħu f’xogħol li huwa inkorporat fis-sit internet tal-iskola jaqax taħt dan il-kunċett. Għalkemm l-interpretazzjoni tal-perifrażi “att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku” diġà kienet is-suġġett ta’ ħafna sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, mogħtija minħabba li ġiet mistoqsija dwar tekniki u metodi ġodda ta’ pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet protetti, dan ir-rinviju juri li l-ħtiġijiet ta’ interpretazzjoni tal-qrati nazzjonali għadhom ma ġewx sodisfatti (6).

6.        Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar wieħed mill-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja: hija tistaqsi, speċifikament, jekk ir-ritratt użat fix-xogħol imtella’ fuq is-sit internet tal-iskola tqiegħedx għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku “ġdid”. Jiena nemmen, madankollu, li, sabiex tingħata soluzzjoni għall-kawża, forsi huwa xieraq li jiġu indirizzati wkoll elementi oħra tat-teknika u ċ-ċirkustanzi li fihom intuża r-ritratt, b’kuntrast bejniethom u l-kriterji ġurisprudenzjali l-oħra msemmija hawn fuq.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

1.      It-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur

7.        Fl‑20 ta’ Diċembru 1996, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève t-Trattat WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, li daħal fis-seħħ fis‑6 ta’ Marzu 2002 u ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE (7).

8.        L-Artikolu 1(4) tiegħu jobbliga lill-Partijiet Kontraenti sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berna (8).

2.      Il-Konvenzjoni ta’ Berna

9.        Skont l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna:

“Il-frażi ‘xogħlijiet letterarji u artistiċi’ tinkludi kull produzzjoni fil-qasam litterarju, xjentifiku jew artistiku, indipendentement mill-metodu jew mill-forma ta’ espressjoni, bħal […] ix-xogħlijiet fotografikċi li huma inklużi magħhom ix-xogħlijiet espressi bi proċedura simili għall-fotografija; […]”.

10.      L-Artikolu 11bis(1)(ii), tal-istess Konvenzjoni jipprovdi:

“1)      L-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi jgawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw:

[…]

2.º      kull komunikazzjoni lill-pubbliku, kemm bil-fili kif ukoll mingħajr fili, tax-xogħol imxandar, meta din il-komunikazzjoni ssir minn korp ieħor għajr dak ta’ oriġini”.

B.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva 2001/29

11.      L-approssimazzjoni tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri fir-rigward tal-proprjetà intellettwali seħħet prinċipalment permezz tad-Direttiva 93/98/KEE (9), li ġiet sussegwentement emendata u abrogata bid-Direttiva 2006/116/KE (10), li tikkodifika l-verżjonijiet preċedenti. Waħda minn dawn l-emendi kellha l-għan li tirregola l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati f’dik li tissejjaħ is-soċjetà tal-informazzjoni permezz tad-Direttiva 2001/29.

12.      Skont il-premessa 23:

“Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt tal-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.”

13.      Skont il-premessa 31:

“Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utenti ta’ mezzi protett[i] għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. […]”

14.      Il-premessa 34 tipprovdi kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jingħataw l-għażla li jipprovdu għal ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għal każi bħal skopijiet edukattivi u xjentifiċi, għall-benefiċċju ta’ istituzzjonijiet pubbliċi bħal libreriji u arkivji, għal skopijiet ta’ rappurtaġġ ta’ aħbarijiet, għal kwotazzjonijiet, għal u minn nies b’diżabilitajiet, għal użu ta’ sigurtà pubblika u għal użu fi proċedimenti amministrattivi u legali.”

15.      L-Artikolu 2 (“Dritt ta’ riproduzzjoni”) jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]”

16.      L-Artikolu 3(1) (“Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”) jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

17.      L-Artikolu 5(3) u (5) (“Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”), jipprovdi:

“3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

a)      użu għall-iskop uniku ta’ illustrazzjoni għat-tagħlim jew riċerka xjentifika, kemm-il darba s-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, tkun indikata, sakemm ma jinstabx li jkun impossibbli u sa fejn ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali;

[…]

5.      L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett [materjal protett] ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

C.      Id-dritt nazzjonali. Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar il-proprjetà intellettwali) (11)

18.      L-Artikolu 2, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, jinkludi espressament kemm ir-ritratti (Lichtbildwerke), kif ukoll xogħlijiet simili.

19.      Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fil-mument li fih seħħew il-fatti, l-Artikolu 52 kien jipprevedi:

“Il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol ippubblikat tkun awtorizzata sakemm l-organizzatur jaġixxi mingħajr skop ta’ qligħ, il-pubbliku jipparteċipa mingħajr ħlas u fil-każ ta’ konferenza jew rappreżentazzjoni tax-xogħol ebda wieħed mill-artisti parteċipanti ma jirċievi remunerazzjoni partikolari. Għall-komunikazzjoni għandha titħallas remunerazzjoni raġonevoli. Ir-remunerazzjoni ma hijiex meħtieġa għal avvenimenti fil-kuntest ta’ […] avvenimenti tal-iskola, sa fejn minħabba n-natura soċjali jew edukattiva li huma intiżi għaliha jkunu aċċessibbli biss għal numru limitat ta’ nies.”

20.      Skont l-Artikolu 64, applikabbli għal xogħlijiet fotografiċi, id-drittijiet tal-awtur huma estiżi għal sebgħin sena wara l-mewt tal-awtur. Min-naħa l-oħra, ir-ritratti “l-oħra”, għalkemm igawdu mutatis mutandis il-protezzjoni mogħtija lir-ritratti skont Artikolu 72(1) u (2), għandhom tul ta’ żmien imnaqqas għal ħamsin sena mill-pubblikazzjoni tagħhom jew, jekk tkun seħħet qabel, mill-ewwel komunikazzjoni tagħhom (subparagrafu 3 tal-istess artikolu).

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

A.      Il-fatti

21.      D. Renckhoff, fotografu professjonali, ħarrek lill-belt ta’ Waltrop u lil-Land (12) għall-pubblikazzjoni fuq is-sit internet tal-Gesamtschule Waltrop, mill‑25 ta’ Marzu 2009, ta’ dokument ippreparat minn studenta tal-klassi tal-Ispanjol, li fiha kien hemm riprodott, skont il-qorti tar-rinviju, ir-ritratt ta’ Cordoba:

Image not found

22.      Fil-qiegħ tal-immaġni, miksuba mill-portal “www.schwarzaufweiss.de” (li jikkorrispondi għal rivista diġitali tal-ivvjaġġar bl-istess isem), l-istudenta inkludiet ir-referenza għal dan is-sit internet, li ma kien fih ebda indikazzjoni dwar l-awtur tal-fotografija (13).

23.      D. Renckhoff jallega li huwa kien ta dritt sempliċi għall-użu tar-ritratt lill-operaturi tal-portal online tar-rivista biss. Għaldaqstant, jemmen li d-dehra tal-immaġini fuq is-sit internet tal-iskola tikser id-drittijiet tiegħu (ta’ awtur) li jawtorizza r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni pubblika tal-imsemmi ritratt.

B.      Il-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali

24.      It-talba ta’ D. Renckhoff quddiem il-qorti tal-prim’istanza ġiet milqugħha parzjalment, u l-Land ġie kkundannat sabiex ineħħi r-ritratt, u jħallas EUR 300 flimkien mal-interessi.

25.      Peress li s-sentenza mogħtija mill-qorti ġiet appellata miż-żewġ partijiet, il-qorti tal-appell irriformatha biss fis-sens li tipprojbixxi r-riproduzzjoni tar-ritratt sabiex jiddaħħal fuq l-internet. Skont din il-qorti, ir-rikorrent kien megħjun minn inġunzjoni kontra l-Land, skont l-Artikolu 97(1) tal-UrhG u minħabba r-responsabbiltà indiretta (Störerhaftung).

26.      Din is-sentenza ġiet appellata quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) kemm mil-Land (li jinsisti fuq iċ-ċaħda totali tat-talba) kif ukoll minn D. Renckhoff (li jitlob li jintlaqgħu t-talbiet kollha tiegħu).

27.      Il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk l-ikkupjar tax-xogħol protett fuq kompjuter u li dan jittella’ fuq is-sit internet tal-iskola jaqax taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens mogħti lill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28.      Il-qorti tar-rinviju temmen li l-parti l-kbira tar-rekwiżiti meħtieġa sabiex il-fatt inkwistjoni jiġi kklassifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku” huma sodisfatti. B’mod partikolari, rigward il-komunikazzjoni:

—      il-pubblikazzjoni fuq is-sit internet ma timplikax kuntatt fiżiku u dirett bejn il-persuni li jeżegwixxu x-xogħol u l-pubbliku destinatarju (14);

—      lanqas ma saret b’mezz tekniku speċifiku differenti mill-ewwel tqegħid tar-ritratt fuq in-net; u

—      billi offrew lill-utenti tas-sit internet tal-iskola aċċess għall-preżentazzjoni, bir-ritratt, li ma kienx ikollhom mingħajr l-intervent tagħhom, l-istudenta u l-għalliem tagħha aġixxew b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tagħhom (15).

29.      F’dak li jirrigwarda l-element l-ieħor, dak pubbliku, il-qorti tar-rinviju tibda billi taċċetta li “ma huwiex ċar jekk fiċ-ċirkustanzi attwali r-ritratt […] kienx ikkomunikat lil pubbliku ġdid fuq is-sit internet tal-iskola, jiġifieri, lil pubbliku li ma ġiex ikkunsidrat mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur meta awtorizza l-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tiegħu lill-pubbliku” (16).

30.      Madankollu, l-evalwazzjoni finali tagħha hija li “ma jistax jiġi kkunsidrat li l-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur li jagħti l-kunsens tiegħu għall-inseriment tax-xogħol tiegħu f’sit internet aċċessibbli liberament ma jaħsibx biss, bħala pubbliku, fl-utenti tal-Internet li jżuru dan is-sit internet direttament jew permezz ta’ link imqiegħed f’sit Internet ieħor, iżda wkoll fl-utenti tal-internet li jżuru siti internet oħrajn li jkun inserit fuqhom ix-xogħol tiegħu mingħajr il-kunsens tiegħu. Għalhekk, fl-opinjoni ta’ din il-Qorti dawn l-utenti tal-internet imsemmija l-aħħar huma pubbliku ġdid fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”.

31.      Hija tqis, ukoll, li n-nuqqas ta’ kunsens mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq il-kopja tar-ritratt fuq is-server tal-iskola u l-pubblikazzjoni sussegwenti tiegħu fuq l-internet jiddistingwi din il-kawża minn dawk li fihom intużaw hyperlinks jew “framing” (17). Għalhekk, id-drittijiet tal-awtur tal-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprevalu fuq id-dritt tal-utenti għal-libertà tal-espressjoni u informazzjoni fl-Artikolu 11 tagħha.

32.      Jissemma wkoll ir-rwol inevitabbli tal-utent fil-komunikazzjoni, meta jinkorpora u jżomm ix-xogħol fuq is-sit internet tiegħu stess, billi jiddeċiedi li jqiegħed ix-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għal kemm żmien, kontra d-dritt ta’ riproduzzjoni tal-awtur. Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ hyperlink li jirreferi għal sit tal-internet, il-link isir mingħajr skop minħabba li jitneħħa x-xogħol mis-sit oriġinali.

33.      Fl-aħħar nett, hija temmen li l-użu tar-ritratt permezz tat-tqegħid tiegħu fuq is-sit internet tal-iskola mingħajr skop ta’ lukru huwa inkonklussiv (18).

34.      F’din is-sitwazzjoni, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tressaq it-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ġej:

“L-inklużjoni, f’sit internet aċċessibbli mill-pubbliku, ta’ xogħol li huwa liberament disponibbli għall-utenti tal-internet kollha f’sit internet ieħor bl-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, tikkostitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta dan ix-xogħol l-ewwel jiġi kkopjat fuq server u sussegwentement, minn hemmhekk, jitniżżel fis-sit internet?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

A.      Il-proċedura

35.      Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Marzu 2017.

36.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mil-Land Nordrhein-Westfalen, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni.

37.      Inżammet seduta fis‑7 ta’ Frar 2018, li għaliha attendew rappreżentanti tal-Land, ta’ D. Renckhoff, tal-Gvern Taljan, tal-Gvern Franċiż u tal-Kummissjoni.

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet sabiex, waqt is-seduta, iressqu l-kummenti tagħhom dwar l-impatt tas-sentenza GS Media, kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29.

B.      Sintesi tal-argumenti tal-partijiet

39.      Għal-Land Nordrhein-Westfalen u għall-Gvern Taljan, f’din il-kawża ma saret ebda komunikazzjoni lill-pubbliku, minħabba li ma hemmx l-elementi meħtieġa mill-ġurisprudenza. B’mod partikolari, l-istudenta u l-għalliem tagħha ma aġixxewx deliberatament u b’għarfien sħiħ tar-riperkussjonijiet tal-aġir tagħhom (19). Barra minn hekk, peress li r-ritratt kien diġà disponibbli għall-utenti tal-internet fuq is-sit internet tar-rivista tal-ivvjaġġar, it-tqegħid tiegħu fuq is-sit internet tal-iskola ma offra ebda possibbiltà ta’ aċċess (għar-ritratt) li ma kienx hemm diġà. Għalhekk, lanqas ma saret komunikazzjoni lil pubbliku ġdid, skont il-ġurisprudenza (20).

40.      Il-Land jargumenta li, flimkien mal-Artikoli 17(2), dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, u 11, dwar il-libertà tal-espressjoni u informazzjoni, it-tnejn li huma fil-Karta, l-evalwazzjoni tal-interessi f’kunflitt għandha tqis id-dritt għall-edukazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 14, li taħtu l-istudenta inkludiet ir-ritratt bħala illustrazzjoni tax-xogħol tagħha. Fl-opinjoni tiegħu, id-dritt li jinħolqu portals jikkontribwixxi wkoll, bħal ma jagħmlu l-links, għat-tħaddim tajjeb tal-internet, tal-inqas meta x-xogħlijiet diġà jkunu liberament disponibbli fuq in-net.

41.      Fl-aħħar nett, il-Land ma jaqbilx mal-qorti tar-rinviju rigward ir-rwol li tagħti lill-utent. F’dan il-każ, ix-xogħol ġie sseparat mill-awtur tiegħu, li awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu, aċċessibbli għall-utenti kollha tal-internet, f’portal tal-internet amministrat minn terza persuna. B’dan il-mod, huwa ċeda volontarjament is-setgħa tiegħu ta’ teħid ta’ deċiżjoni dwar l-użu tar-ritratt. Barra minn hekk, ir-rinunzja tal-proprjetarju tax-xogħol li jippubblika referenza għad-drittijiet tal-awtur tiegħu timplika li huwa jikkonsenti li l-utent jifhem li x-xogħol ma kien protett minn ebda dritt speċjali. Fl-aħħar nett, huwa josserva li l-istudenta indikat is-sors tar-ritratt fix-xogħol tagħha u jenfasizza n-nuqqas ta’ skop ta’ lukru.

42.      Il-Gvern Taljan isostni li x-xogħol ma kien protett minn ebda tip ta’ aċċess ristrett fuq l-internet, u għalhekk kien aċċessibbli mingħajr limitazzjoni. L-istudenta u l-għalliem tagħha ma jistgħux ikunu mistennija li jkunu kompletament konxji tal-illegalità tal-azzjonijiet tagħhom, peress li dawn ma kinux illegali.

43.      Għall-Gvern Taljan, għalhekk, hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni lil pubbliku “ġdid” fis-sens tal-ġurisprudenza (21) u t-teknika li użat l-istudenta ma kinitx differenti minn dik użata oriġinarjament. Fl-aħħar nett, huwa jiddikjara li l-awtorizzazzjoni inizjali kienet tinkludi l-aċċess għar-ritratt fir-rivista tal-ivvjaġġar online, mingħajr ma tillimitah għal ċerti kategoriji ta’ utenti tal-internet.

44.      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pubblikazzjoni tar-ritratt fuq is-sit internet tal-iskola hija komunikazzjoni lill-pubbliku, peress li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza: a) ġiet trażmess xogħol protett (22); b) il-kunċett ta’ komunikazzjoni għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, li jinkludi kwalunkwe trażmissjoni irrispettivament mill-mezz jew proċess tekniku (23); c) il-mezz tekniku jista’ jkun differenti (24) jew identiku (25); d) ma huwiex neċessarju li l-pubbliku li x-xogħol ikun tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu effettivament jaċċedi għalih (26); u e) il-pubbliku huwa magħmul minn numru indeterminat iżda kunsiderevoli ta’ destinatarji potenzjali u mhux minn grupp żgħir ta’ persuni interessati (27).

45.      Il-Kummissjoni, li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ċaħdet l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar il-hyperlinks għal din il-kawża (28), fis-seduta orali ppreżentat pożizzjoni ferm iktar sfumata. Hija ma insistiex fuq l-affermazzjoni tagħha li, fil-każijiet ta’ direzzjoni mill-ġdid permezz ta’ hyperlinks, il-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur iżomm is-setgħa tiegħu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, bħala differenza rilevanti ma’ dan il-każ. Minflok, hija kienet favur il-ħtieġa li, bħal fil-każ tas-sentenza GS Media, issir valutazzjoni individwalizzata tal-att ta’ komunikazzjoni, li tqis aspetti relatati ma’ għarfien sħiħ tal-imġiba tal-istudenta, b’mod partikolari, il-fatt li setgħet tippreżumi li r-ritratt kien liberament disponibbli għall-pubbliku.

46.      Bħall-Gvern Taljan, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-possibbli applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja introduċiet fl-Artikolu 52 tal-UrhG (29).

47.      Waqt is-seduta, D. Renckhoff iddefenda l-inapplikabbiltà għal din il-kawża tal-kriterji tas-sentenza GS Media. L-inseriment tar-ritratt fuq is-sit internet tal-iskola ma kellux il-kunsens tal-awtur, li kien imċaħħad mid-dritt tiegħu li jikkontrolla l-użu tax-xogħol tiegħu. Barra minn hekk, l-utent tal-internet li jżur dan is-sit huwa differenti minn dak tar-rivista tal-ivvjaġġar online.

48.      D. Renckhoff jirrifjuta, bħall-Gvern Franċiż, l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29, peress li l-użu tar-ritratt ma kienx obbligatorju jew meħtieġ u l-inklużjoni tiegħu fuq is-sit internet taċ-ċentru tat-tagħlim tmur lil hinn mill-kuntest strettament skolastiku. Il-Gvern Franċiż iżid li dan l-aġir imur kontra l-paragrafu 5 tal-istess artikolu, minħabba n-natura tiegħu ta’ sfruttament sproporzjonat tax-xogħol.

49.      Barra minn hekk, skont il-Gvern Franċiż, din il-kawża tikkonċerna, fuq kollox, id-dritt ta’ riproduzzjoni, ta’ kopja tal-immaġni fuq is-server tal-iskola (Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29), u, b’mod sussidjarju biss, il-komunikazzjoni lill-pubbliku. L-applikazzjoni tal-ipoteżijiet tas-sentenza tal-GS Media tmur kontra l-iskop li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

IV.    Analiżi tad-domanda preliminari

A.      Osservazzjonijiet preliminari u approċċ

50.      Fit-termini li hija fformulata fihom, id-domanda tal-qorti tar-rinviju hija limitata għall-eżaminazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu komunikazzjoni lill-pubbliku, kif ġew definiti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (30). Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet magħmulin minn din il-qorti jista’ jiġi dedott li, fir-realtà, hija għandha dubji biss dwar jekk ir-ritratt tqegħidx għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku ġdid, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija (31).

51.      B’mod partikolari, id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkonċernax l-azzjoni ta’ kkuppjar tar-ritratt fuq il-kompjuter, jew fuq is-server, tal-iskola u l-possibbiltà li jaqa’ taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29. Minħabba li llimitat id-domanda tagħha b’dan il-mod, naħseb li l-qorti, korrettament, għandha viżjoni unitarja tal-aġir inkwistjoni, qabel ma taqsmu f’żewġ kunċetti (ir-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku) relatati.

52.      Madankollu, minħabba r-rilevanza tal-każ għall-ħajja ta’ kuljum ta’ miljuni ta’ tfal tal-iskola fl-Ewropa, naħseb li għandhom jiġu analizzati fatturi utli oħra sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari. Għalhekk nipproponi li tintuża din l-iskema: a) fl-ewwel lok, ser neżamina r-referenza tal-Kummissjoni għall-klassifikazzjoni tar-ritratt ta’ Cordoba bħala xogħol protett (32); b) fit-tieni lok, ser neżamina l-karatteristiċi ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, kif iddeterminat mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi spjegata l-possibbli applikazzjoni tagħha għal din il-kawża; u c) ser nistudja, finalment, l-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29, għal meta jintuża xogħol protett għal finijiet purament edukazzjonali.

B.      Fuq il-protezzjoni tas-“sempliċi ritratti”

53.      Skont il-Kummissjoni, il-partijiet fit-tilwima nazzjonali jaqblu li r-ritratt inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza Painer (33). Bis-saħħa ta’ din is-sentenza, ritratt fotografiku jista’ jkun protett mid-drittijiet tal-awtur jekk “ikun kreazzjoni intellettwali tal-awtur li tirrifletti l-personalità ta’ dan tal-aħħar u li hija mmanifestata bl-għażla ħielsa u kreattiva tiegħu waqt il-ħolqien ta’ dawn ir-ritratti” (34).

54.      Jidhirli dubjuż, madankollu, li sempliċi ritratt tal-belt ta’ Cordoba, bil-pont Ruman fuq quddiem, jaqa’ taħt dawk ir-rekwiżiti msemmijin fis-sentenza Painer (u dan mingħajr l-intenzjoni li jiġu mnaqqsa l-kwalitajiet tiegħu). F’dak il-każ ġie ċċarat jekk, sabiex jiġi ppubblikat identikit magħmul mir-ritratt ta’ persuna, magħmul minn E. M. Painer, l-edituri tal-istampa konvenuti kellhomx bżonn l-awtorizzazzjoni tal-awtur, “peress li l-portata tal-protezzjoni mogħtija lil tali ritratt kienet ristretta, jew anki ineżistenti, minħabba l-possibbiltajiet ta’ kreazzjoni limitati li dan it-tip ta’ ritratt jippermetti” (35).

55.      Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 (36), il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet il-kriterji meħtieġa sabiex ir-ritratt tal-kawża Painer ikollu l-itwal protezzjoni (sebgħin sena post mortem auctoris) ta’ din id-Direttiva.

56.      Iżda l-fatt li s-“sempliċi ritratti” ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-kreattività dedotti mid-Direttiva 93/98 ma jfissirx li ma jgawdux il-protezzjoni inerenti fid-drittijiet tal-awtur. Dan għaliex l-imsemmi Artikolu 6 jagħti l-protezzjoni, taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, lir-“ritratti oħra”.

57.      Madankollu, skont id-digriet tar-rinviju, l-Artikolu 72(1) u (2), tal-UrhG jipproteġi r-ritratti (Lichtbilder) billi japplika għalihom id-dispożizzjonijiet li jipproteġu x-“xogħlijiet fotografiċi” (Lichtbildwerke). Għaldaqstant, huwa irrilevanti jekk l-immaġni ta’ Cordoba meħuda minn D. Renckhoff kellhiex jew le l-attributi mitluba għal xogħlijiet fotografiċi skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna u tad-Direttiva 93/98, peress li, skont il-liġi Ġermaniża, ir-ritratti kollha jgawdu l-protezzjoni tal-UrhG (37).

58.      Għalkemm dan il-fattur seta’ kien importanti għar-riżultat tal-kawża, kieku din kienet qegħda tiżvolġi quddiem il-qrati ta’ Stat Membru li ma jipproteġix is-sempliċi ritratti, fil-Ġermanja din il-protezzjoni tingħata. Għaldaqstant, l-attenzjoni ma tistax tiġi ddevjata lejn il-kwalità artistika u kreattiva tar-ritratt ta’ D. Renckhoff. B’hekk, is-silenzju tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward jinftiehem aħjar.

C.      Fuq il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”

59.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat sensiela ta’ kriterji interpretattivi (38) dwar iż-żewġ komponenti ta’ dan il-kunċett (“att ta’ komunikazzjoni” u “pubbliku” destinatarju). Dawn ser neżaminahom iktar ’il quddiem, filwaqt li nagħmel enfasi fuq dawk li jistgħu jkunu iktar kontroversjali fir-rigward tal-fatti tal-kawża prinċipali.

1.      Att ta’ komunikazzjoni

60.      L-ebda waħda mill-partijiet ma tiddiskuti verament (la fil-kawża quddiem il-qrati nazzjonali u lanqas f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari) jekk, permezz tat-tqegħid fuq il-portal tal-Gesamtschule Waltrop tax-xogħol skolastiku, li kien jinkludi r-ritratt ta’ Cordoba, sarx trażmissjoni ta’ xogħol protett, irrispettivament mit-teknika użata (39), lil pubbliku li ma kienx preżenti fil-post minn fejn oriġinat il-komunikazzjoni.

61.      Kif iddikjarat il-qorti tar-rinviju, li naqbel mal-opinjoni tagħha dwar dan il-punt, “il-komunikazzjoni tar-ritratt fuq is-sit internet tal-iskola ma timplikax kuntatt fiżiku dirett bejn il-persuni li jinterpretaw jew iwettqu x-xogħol u l-pubbliku li jirċievi din il-komunikazzjoni. Għaldaqstant, […] tali komunikazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29”. Il-persuni li jiffurmaw dan il-pubbliku kellhom, għalhekk, aċċess għax-xogħol, irrispettivament jekk użawx din il-possibbiltà (40).

a)      Ir-rwol tal-utent u elementi suġġettivi

62.      L-ewwel kriterju ġurisprudenzjali sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni jirrigwarda “ir-rwol indispensabbli tal-utent u n-natura volontarja tal-intervent tiegħu” (41). Dan il-kriterju (42) jinkludi kemm fatturi suġġettivi tal-imġiba tal-persuna li tagħmel trażmissjoni (li hija meħtieġa li tintervjeni b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħha), kif ukoll ċirkustanzi oġġettivi, peress li l-azzjoni għandha tagħti aċċess għal xogħol protett (b’tali mod li, fin-nuqqas ta’ intervent bħal dan, il-“klijenti” ma jkunux jistgħu jgawdu x-xogħol divulgat jew ikunu jistgħu jagħmlu dan biss b’diffikultà) (43).

63.      Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, f’ċerti okkażjonijiet, ir-“rwol tal-utent” minn perspettiva purament oġġettiva, jiġifieri, tiżgura biss li, fin-nuqqas ta’ tali intervent mill-utenti, il-pubbliku l-ġdid ma kienx ikollu aċċess sabiex igawdi x-xogħol divulgat (44).

64.      Madankollu, is-sentenza GS Media rreferiet għal ċerti elementi suġġettivi li kkunsidrat adegwati sabiex jiġi ddeterminat jekk, fl-evalwazzjoni individwalizzata tal-att ta’ komunikazzjoni, ġiex sodisfatt ir-rekwiżit tar-“rwol indispensabbli tal-utent u [ta]n-natura volontarja tal-intervent tiegħu”. Għalhekk, għandha ssir referenza għalihom f’dan l-istadju tal-analiżi.

65.      Il-qorti tar-rinviju tipprovdi, minn din il-perspettiva, li l-istudenta u l-għalliem tagħha aġixxew b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-aġir tagħhom, minħabba li riedu jagħtu aċċess għall-preżentazzjoni, inkluż ir-ritratt, lill-utenti tas-sit internet tal-iskola, li mingħajr l-intervent tagħhom ma kienx ikollhom tali aċċess (45).

66.      Madankollu, dan l-approċċ ma jidħolx fil-fond biżżejjed fl-istudju tal-aġir allegatament dannuż tad-drittijiet tal-awtur. B’mod partikolari, ma jivvalutax kif xieraq: a) in-natura aċċessorja tar-ritratt, bħala parti mix-xogħol skolastiku; b) l-aċċessibbiltà “universali” għal din l-immaġni, li kienet ġiet imtella’ fin-net bil-kunsens tal-awtur tagħha, sabiex kwalunkwe utent tal-internet ikun jista’ jaraha; u c) il-kuntest skolastiku li fiha saret it-trażmissjoni, mingħajr “klijenti” jew skop ta’ lukru. Wieħed għandu jinvestiga kull wieħed minn dawn it-tliet fatturi.

1)      In-natura aċċessorja tax-xogħol rigward il-ħidma tal-istudent

67.      Għalkemm jista’ jkun ovvju, meta l-istudenta u l-għalliem tagħha inkorporaw xogħol fis-sit internet tal-iskola Ġermaniża għas-suġġett tal-lingwa Spanjola, l-intenzjoni tagħhom ma kinitx direttament li jippubblikaw ir-ritratt bħala tali, iżda li jqiegħdu x-xogħol kollu, li l-immaġni inkwistjoni ta’ Cordoba hija parti minnu.

68.      B’dan il-mod, għalhekk, huma jaspiraw li juru x-xogħol tagħhom lill-pubbliku interessat fit-tagħlim tal-Ispanjol fl-ambitu (neċessarjament imnaqqas) tal-iskola jew tal-familji, il-kollegi u l-ħbieb tagħhom fl-ambjent tagħhom. Għaldaqstant, ma nħossx li hemm xi għan li l-viżjoni tar-ritratt f’Cordoba tiġi estiża lil hinn mill-inseriment tar-ritratt fil-portal tar-rivista tal-ivvjaġġar (li r-riċevituri potenzjali tagħha x’aktarx huma ħafna iktar mill-viżitaturi li jkollha paġna skolastika modesta).

2)      Awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tax-xogħol

69.      It-tqegħid tar-ritratt fuq is-sit internet tal-iskola, ċertament, jinvolvi pubblikazzjoni mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju. Anki mingħajr ma jiġu eżaminati l-elementi kumplimentari ta’ dan l-aġir, jista’ jiġi dedott li jintlaħaq l-ewwel rekwiżit sabiex ikun hemm ksur tad-drittijiet tal-awtur (46).

70.      B’differenza minn dak li ġara fil-kawża GS Media, hawnhekk ma huwiex rilevanti jekk l-awturi tal-aġir ikkontestat (l-istudenta u l-għalliem tagħha) kinux jafu dwar l-illegalità tal-pubblikazzjoni tax-xogħol fuq l-internet minn terza persuna. Ngħid li ma huwiex rilevanti, minħabba li r-ritratt meħud minn D. Renckhoff deher fin-net legalment, jiġifieri, bl-awtorizzazzjoni tiegħu. Id-domanda xierqa, hawnhekk, hija jekk kienx meħtieġ li jkunu jafu li, sabiex jirriproduċu l-immaġini fuq is-sit internet tal-iskola tagħhom, kellhom bżonn b’mod inevitabbli l-kunsens tal-fotografu. Jekk dan huwa l-każ, wieħed jista’ jassumi li kienu jifhmu l-konsegwenzi tal-aġir tagħhom.

71.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, “b’mod partikolari għal individwi”, jista’ jkun diffiċli li jiġi vverifikat jekk il-proprjetarji tad-drittijiet fuq ix-xogħlijiet li jittellgħu fin-net ikunux taw il-kunsens tagħhom għall-pubblikazzjoni tagħhom fis-siti rispettivi (47).

72.      Għalkemm iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, kif spjegajt, huma differenti minn dawk tal-kawża GS Media (li kienet tikkonċerna hyperlinks li kienu jirrinvijaw għal xogħlijiet protetti, liberament disponibbli fuq sit internet l-ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur), naħseb li r-raġunamenti li saru f’dik is-sentenza dwar il-komponent suġġettiv tal-aġir ta’ persuni mingħajr skop ta’ lukru (48) jistgħu jiġu estiżi, mutatis mutandis, għal dan ir-rinviju preliminari (49).

73.      Minn dawn l-argumenti, tnejn huma notevoli, għall-każ tagħna hawnhekk:

-      Dak fejn jiġi indikat li persuna mingħajr skop ta’ lukru, anki meta tqiegħed xogħol protett għad-disponibbiltà tal-pubbliku, billi tagħti aċċess dirett għalih lil utenti oħra tal-internet, “ma tintervjenix, bħala regola ġenerali, b’kuxjenza sħiħa tal-konsegwenzi tal-aġir tagħha sabiex tagħti lil klijenti aċċess għal xogħol illegalment ippubblikat fuq l-internet”.

-      Dak li jenfasizza l-importanza li dan ix-xogħol kien “diġà disponibbli mingħajr ebda restrizzjoni ta’ aċċess fuq is-sit tal-internet li għalih il-hyperlink jippermetti li jsir aċċess”, jiġifieri, f’sitwazzjoni fejn “l-utenti tal-internet kollha seta’, bħala regola, jkollhom aċċess għalih anki fl-assenza ta’ tali intervent” (50).

74.      Jekk ikun hemm il-fatturi li jirreferu għalihom dawn iż-żewġ argumenti, jista’ jiġi dedott, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, li hemm nuqqas ta’ att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Dan l-effett ma jirriżultax, madankollu: a) meta l-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur javżaw li x-xogħol li jingħata aċċess għalih huwa “ippubblikat illegalment fuq l-internet” (51); jew b) meta, fejn jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dan ix-xogħol, dan isir b’tali mod li l-utenti tas-sit internet li jinsab fih ikunu jistgħu “jevitaw miżuri ta’ restrizzjoni meħuda mis-sit fejn jinsab ix-xogħol protett” (52). Lanqas ma jidħol fis-seħħ dan l-effett meta l-awtur ikun avża lil min jipprova jippubblika r-ritratt tiegħu fuq in-netwerk li huwa ma jawtorizzax dan.

75.      Jekk napplikaw din il-gwida għall-kawża inkwistjoni, jiġi osservat li:

-      Ma sar ebda riferiment għall-awtur tar-ritratt fuq il-paġna speċifika tar-rivista tal-ivvjaġġar li kien jidher fuqha (53). Għalhekk, b’mod leġittimu, wieħed jista’ jaħseb li kienet sempliċi immaġni tal-belt ta’ Cordoba użata bħala reklam turistiku u ma għandux il-protezzjoni dovuta tax-xogħlijiet protetti.

-      Ir-ritratt kien faċilment aċċessibbli (peress li ma kien akkumpanjat minn ebda tip ta’ restrizzjoni jew twissija) (54) fuq dan is-sit internet. Dan il-punt jikkontribwixxi, flimkien ma’ dak ta’ qablu, sabiex l-istudenta u l-għalliem tagħha setgħu jippresupponu, għal darb’oħra b’mod leġittimu, mingħajr bżonn ta’ riċerka ulterjuri, li r-ritratt kien liberament disponibbli għall-pubbliku.

76.      Ma naħsibx li dan id-diskors iwassal, kif isostni l-Land, għall-idea li l-awtur abbanduna d-drittijiet tal-awtur tiegħu u lanqas sabiex jissuġġerixxi li x-xogħol kien jinsab fid-dominju pubbliku.

77.      Madankollu, jista’ wieħed jaħseb li l-awtur tar-ritratt ta kunsens impliċitu sabiex jintuża minn terzi persuni? (55) Lanqas ma jidhirli li huwa indispensabbli li wieħed jasal għal dan ir-riżultat, meta, fil-fehma tiegħi, huwa possibbli li, permezz tat-teknika tas-suppożizzjonijiet, li wieħed jorbtu (simili fir-riżultat tiegħu) mal-aġir tal-fotografu li jawtorizza, fit-termini msemmijin hawn fuq, mad-divulgazzjoni tax-xogħol tiegħu fuq l-internet.

78.      Il-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn utent normali tal-internet, li ma għandux interess professjonali, u l-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, ma tistax twassal, sistematikament u b’mod ġeneralizzat, sabiex dan tal-ewwel jintalab li jkun iktar diliġenti minn dan tal-aħħar (56), f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur (57). B’mod speċifiku, ma naħsibx li huwa loġiku li l-utent b’dawk il-karatteristiċi jkollu l-oneru li jirriċerka jekk l-immaġni li, mingħajr restrizzjonijiet jew twissijiet, jinstabu fuq l-internet humiex protetti minn drittijiet tal-awtur, meta jkun irid jużahom għal skopijiet bħal dawk relatati mat-tagħlim. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-utent jista’ jippreżumi li l-awtur ma joġġezzjonax għall-użu ristrett ta’ dawn l-immaġni, għal skopijiet ta’ tagħlim.

79.      Altrimenti, ikun ristrett l-użu ta’ informazzjoni li n-net tipprovdi f’ammonti kbar. Din ir-restrizzjoni tista’ twassal għal detriment għal-libertajiet tal-espressjoni u tal-informazzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta. F’dan il-każ, barra minn hekk, taffettwa b’mod negattiv id-dritt għall-edukazzjoni tal-Artikolu 14(1) tal-Karta.

3)      Nuqqas ta’ skop ta’ lukru u nuqqas ta’ eżistenza ta’ “klijenti”

80.      It-tielet fattur relatat mal-evalwazzjoni tal-aġir tal-istudenta u tal-għalliem tagħha huwa li l-azzjoni tagħhom kienet mingħajr skop ta’ lukru (58). Għalkemm il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) ma tantx tattribwixxilu valur ermenewtiku (59), naħseb li għandu iktar rilevanza milli fil-fatt jingħatalu.

81.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għaqqdet l-eżistenza tal-iskop ta’ lukru mal-preżunzjoni ta’ aġir b’għarfien sħiħ dwar in-natura protetta tax-xogħol u n-nuqqas ta’ kunsens għall-pubblikazzjoni tiegħu fuq l-internet (60). Għalkemm ma tgħidx hekk espliċitament, hija temmen li, fil-każijiet ta’ aġir mingħajr skop ta’ lukru, għandu jiġi pprovat l-għarfien tan-natura illeċita tat-tqegħid tax-xogħol fuq l-internet, u għal din ir-raġuni għandhom jiġu ssodisfatti ċ-ċirkustanzi u l-elementi kollha ta’ kull każ.

82.      Fil-kawża prinċipali, kif spjegajt, in-nuqqas, fuq is-sit internet tar-rivista tal-ivvjaġġar, ta’ kwalunkwe twissija jew restrizzjoni tal-użu tar-ritratt seta’ wassal lill-istudenta biex taħseb li ma kien hemm xejn li jimpedixxi li din tużah fis-sit internet tal-iskola. Din il-preżunzjoni ma hijiex ekwivalenti għall-eżawriment tad-dritt, ipprojbit mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29, u għalhekk tista’ tiġi miċħuda mingħajr diffikultà. Hija tippermetti wkoll l-ibbilanċjar tad-drittijiet tal-awtur bil-“funzjonament tajjeb […] kif ukoll [l]-iskambju ta’ opinjonijiet u ta’ informazzjoni f’dan in-network” (61).

83.      In-nuqqas ta’ indikazzjonijiet ma jsaħħaħx, għall-kuntrarju, l-ipoteżi li studenta u l-għalliem tagħha kellhom għarfien sħiħ tan-natura protetta tax-xogħol u tal-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur.

84.      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni ġiet żviluppata f’ambitu kummerċjali, kif juri r-riferiment frekwenti għall-“klijenti”. Huwa preżunt li kumpannija (jew professjonist) partikolari tipprovdi lill-klijenti tagħha l-possibbiltà li jkollhom aċċess għal ċertu kontenut diġitali protett, irrispettivament mill-kunsens tal-proprjetarju. Fil-kuntest skolastiku, għall-kuntrarju (62), ma huwiex xieraq li dawk li jiksbu aċċess għar-ritratt permezz tax-xogħol imqiegħed fuq is-sit internet taċ-ċentru tat-tagħlim jiġu kkunsidrati bħala “klijenti”, fis-sens kummerċjali tal-kelma.

85.      Fil-qosor, dawn it-tliet fatturi flimkien (in-natura aċċessorja tal-immaġni fir-rigward tar-rapport skolastiku, l-aċċess liberu tar-ritratt, mingħajr ebda riferiment għal restrizzjonijiet fuq l-użu tiegħu u n-nuqqas ta’ aġir bi skop ta’ lukru tal-istudenta u l-għalliema) iwassluni sabiex naħseb li, f’dan il-każ, ma saritx komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

b)      It-teknika użata

86.      Fid-digriet tar-rinviju, jiġi analizzat, sussegwentement, jekk il-mezz tekniku użat mill-istudenta u l-għalliem tagħha sabiex itellgħu r-ritratt fis-sit internet tal-iskola kienx differenti minn dak użat għar-riproduzzjoni tar-ritratt fil-portal tar-rivista tal-ivvjaġġar, li l-awtur kien taha permess sabiex tużah.

87.      Kif inhuwa magħruf, it-trażmissjoni ta’ xogħol b’mezzi tekniċi differenti mix-xandir oriġinali jassumi li dan ser jiġi divulgat ma’ pubbliku differenti, filwaqt li l-użu tal-istess teknika timplika li għandu jkompli jiġi investigat jekk, verament, nistgħux nitkellmu dwar pubbliku ġdid (63).

88.      Il-qorti tar-rinviju, il-Land u l-Gvern Taljan isostnu li t-teknika użata mill-istudenta kienet l-istess bħal dik użata mir-rivista tal-ivvjaġġar fuq is-sit internet tagħha. Il-Kummissjoni, li ma tikkontestax dan l-element identiku, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kkontestat l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza dwar il-hyperlinks għal dan il-każ, teorija li bidlet xi ftit matul is-seduta.

89.      Fl-opinjoni tiegħi, kollox jindika li r-riproduzzjoni preċedenti tal-immaġni, bi kwalunkwe mezz (kemm jekk tinżamm kopja fuq stikka tal-memorja jew fuq il-kompjuter), u t-tniżżil sussegwenti tagħha f’xi portal tan-net jikkorrispondu għall-istess teknika użata mir-rivista tal-ivvjaġġar sabiex ittella’ l-imsemmi ritratt fis-sit internet tagħha.

90.      Il-fatt li din it-teknika hija applikata, f’dan il-każ, b’mod differenti minn dak użat bil-hyperlinks (li fir-rigward tagħhom l-azzjoni ssir biss fin-net), ma timplikax li jinbidlu l-kriterji sabiex tiġi eżaminata l-kundizzjoni relatata mal-“att ta’ komunikazzjoni”. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-pubbliku li x-xogħol imqiegħed fis-sit internet tal-iskola kien immirat lejh jikkostitwixxix pubbliku ġdid (64).

2.      Il-pubbliku destinatarju

a)      De minimis?

91.      L-eżaminazzjoni tal-“pubbliku” li hija mmirata għalih il-komunikazzjoni jibda, invarjabbilment, mill-aspett kwantitattiv: għandu jiġi speċifikat, qabel kollox, jekk huwiex “numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali, li jimplika numru ta’ persuni pjuttost kunsiderevoli”; fit-tieni lok biss għandu jiġi vverifikat jekk huwiex pubbliku “ġdid” (65). Il-loġika ta’ din il-ġurisprudenza hija li grupp żgħir ta’ nies li jirċievu t-trażmissjoni ta’ xogħol ma jistax jiġi kklassifikat legalment bħala “pubbliku”, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

92.      Sabiex jiġi stabbilit jekk jinqabiżx il-limitu de minimis (66) għandu jitqies l-effett kumulattiv iġġenerat mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet, billi jiġi evalwat in-numru ta’ nies li jkollhom aċċess għalih mhux biss simultanjament, iżda, ukoll suċċessivament (67).

93.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-komunikazzjoni fuq sit internet, mingħajr restrizzjonijiet ta’ aċċess, tindirizza lill-grupp ta’ utenti potenzjali (utenti tal-internet) ta’ dan is-sit (68). Għaldaqstant, l-element oġġettiv, jiġifieri, il-mezz ta’ trażmissjoni huwa essenzjali, pjuttost milli r-rieda suġġettiva ta’ min jużah.

94.      Ma hemm ebda evidenza li t-tqegħid tax-xogħol tal-istudenta fis-sit internet tal-iskola sar b’restrizzjonijiet ta’ aċċess (pereżempju, limitat għall-għalliema, il-ġenituri tal-istudenti jew għall-istudenti). Għalhekk, jekk kwalunkwe utent tal-internet seta’ jikkonsulta s-sit u jaċċedi għax-xogħol protett (ir-ritratt), it-trażmissjoni kienet kapaċi tilħaq grupp ta’ nies potenzjalment numeruż, jiġifieri, “pubbliku” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

b)      Dwar jekk il-pubbliku huwiex “ġdid”

95.      Dan il-kriterju jimplika li pubbliku jitqies bħala “ġdid” biss jekk ikun pubbliku li lilu tkun saret it-trażmissjoni jkun differenti minn dak ikkunsidrat għat-trażmissjoni inizjali, jiġifieri, meta jista’ jiġi deskritt bħala “ikbar” (69) minn dak oriġinarjament maħsub.

96.      Sa fejn, f’din il-kawża, kemm il-pubblikazzjoni tar-ritratt mir-rivista tal-ivvjaġġar online, kif ukoll it-tlugħ tiegħu fis-sit internet fil-kuntest tax-xogħol skolastiku, kienu disponibbli għal kull navigatur tal-internet, mingħajr restrizzjonijiet, peress li dan il-pubbliku, li għalih iż-żewġ siti internet offrew aċċess potenzjali, kien l-istess wieħed fiż-żewġ każijiet (il-komunità ta’ utenti tal-internet).

97.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar din il-konklużjoni minħabba li temmen li: a) meta l-utent idaħħal u jżomm ix-xogħol fis-sit internet tiegħu stess, iwettaq rwol inevitabbli fil-komunikazzjoni; b) il-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur li jagħti l-kunsens tiegħu sabiex ix-xogħol tiegħu jidher fuq sit internet liberament aċċessibbli jaħseb biss fil-pubbliku li jżur dan is-sit internet, direttament jew permezz ta’ link; u c) jekk tiġi aċċettata l-ipoteżi opposta dan ifisser li jiġu eżawriti d-drittijiet tal-awtur, li huwa espressament ipprojbit mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29.

98.      Ma naħsibx li dawn ir-riżervi jippermettu li l-pubbliku jiġi kklassifikat bħala “ġdid” f’din il-kawża (70). Il-Qorti tal-Ġustizzja użat kriterji f’dan ir-rigward, li tapplika dejjem, kemm għat-trażmissjonijiet ta’ xogħlijiet b’sinjali tar-radju u tat-televiżjoni (71), kif ukoll għat-trażmissjonijiet permezz ta’ hyperlinks fin-net (72), jiġifieri, irrispettivament mill-mezz tekniku. Dan il-pubbliku jeżisti meta, minn naħa waħda, mingħajr l-intervent tal-utent ma jkunx jista’ jgawdi x-xogħol u, min-naħa l-oħra, ma kienx ikkunsidrat meta ngħatat l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid għad-dispożizzjoni oriġinali (73).

99.      Fir-rigward tal-intervent tal-istudenta u tal-għalliem tagħha, diffiċli li wieħed jaħseb li dawk li kellhom aċċess għall-portal tal-internet tal-iskola ma setgħux jagħmlu dan bl-istess mod (u mingħajr diffikultà kbira) billi jmorru fuq is-sit internet tar-rivista tal-ivvjaġġar, fejn ġie ppubblikat oriġinarjament ir-ritratt ta’ Cordoba. Il-pubbliku magħmul minn utenti ġenerali tal-internet huwa, għalhekk, l-istess wieħed meta jżur is-sit internet tar-rivista tal-ivvjaġġar u meta jżur il-portal tal-iskola.

100. Peress li l-immaġni tista’ tinstab faċilment u legalment (jiġifieri, bil-kunsens tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur) mill-utenti tal-internet kollha, ma huwiex ċar kif l-intervent tal-istudenta u l-għalliem tagħha jista’ jkun deċiżiv sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess lil ammont ikbar ta’ persuni.

101. Il-loġika tal-internet hija li, meta l-aċċess għall-immaġni mqiegħda fuq in-netwerk bil-kunsens tal-awtur tagħha jkun liberu u bla ħlas, mingħajr indikazzjonijiet jew avviżi għall-kuntrarju, ikun impossibbli li jiġu ssegmentati n-numru jew kategoriji tal-potenzjali viżitaturi, jew li jiġi pprovdut li xi persuni, u mhux oħrajn, igawdu tali aċċess.

102. Sa issa, jekk nillimitaw ruħna għall-ambitu tal-internet, li huwa dak rilevanti għal dan il-każ, l-element ta’ pubbliku ġdid kien relatat, pjuttost, maċ-ċirkustanza li ċertu grupp ta’ utenti ngħataw aċċess għal xogħol protett u setgħu jevitaw il-miżuri ta’ restrizzjoni adottati fuq is-sit oriġinali. F’din l-ipoteżi, ċertament ikun “pubbliku ġdid, li ma ttieħidx inkunsiderazzjoni mit-titulari tad-dritt tal-awtur meta huma awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali” (74)

103. Barra minn hekk, f’dan il-każ, ma nkisret ebda miżura ta’ protezzjoni (li ma teżistix) u lanqas ma ngħata aċċess għal xogħol li kien jinstab fuq l-internet mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju. In-nuqqas ta’ dawn iż-żewġ elementi oġġettivi, flimkien mal-kontinwità sostanzjali fin-numru ta’ viżitaturi possibbli taż-żewġ siti internet li kien fihom l-immaġni fotografika, irendu possibbli l-affermazzjoni li ma kienx hemm komunikazzjoni lil pubbliku ġdid, fis-sens diskuss hawn fuq.

104. Dan ir-riżultat, kif diġà pprovdejt, ma jimplikax li jkun hemm tip ta’ eżawriment tad-drittijiet tal-awtur, għall-kuntrarju tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29. Dan jirrappreżenta, pjuttost, il-konsegwenza loġika tal-mod li bih il-proprjetarju tad-dritt fuq ir-ritratt ċeda l-użu tiegħu, filwaqt li kien jaf jew suppost kien jaf li n-nuqqas ta’ kwalunkwe miżura ta’ protezzjoni kontra l-ikkupjar tal-immaġni seta’ jwassal lin-navigaturi tal-internet jaħsbu li kienet liberament disponibbli għall-pubbliku.

105. F’din l-ordni tal-affarijiet, ma naħsibx li jkun eċċessiv li jkun meħtieġ li professjonist, meta jippubblika xogħol fuq l-internet, waħdu jew permezz ta’ terzi persuni, jieħu l-miżuri xierqa, anki ta’ natura teknika, sabiex mill-inqas iħalli rekord tad-drittijiet tiegħu tal-awtur u tar-rieda tiegħu li jikkontrolla d-divulgazzjoni tax-xogħol tiegħu, filwaqt li jevita d-dehra kuntrarja.

106. Jiena nemmen ukoll li r-rekwiżit ta’ din id-diliġenza ma jnaqqasx il-livell għoli ta’ protezzjoni dovuta lill-proprjetarji tad-drittijiet tal-immaġini (li jibqgħu intatti jekk jiżdiedu t-twissijiet meħtieġa) u jgħin sabiex jinżamm bilanċ bejniethom u bejn l-utenti tan-net, mingħajr ma titgħawweġ il-loġika tal-internet.

107. Fl-aħħar nett, il-proprjetarju tad-dritt ma jitlifx il-kontroll tal-kopja tar-ritratt użata fuq is-sit internet tal-iskola, li jista’ jordna t-tneħħija tiegħu minn fuqu, jekk jiddeċiedi li qiegħed jikkawżalu dannu.

108. Fil-qosor, għal dawn ir-raġunijiet kollha, nemmen li r-risposta għad-domanda tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) għandha tkun fin-negattiv.

D.      Fuq l-eċċezzjoni tal-użu għal skopijiet edukattivi

109. Purament, ir-risposta li nissuġġerixxi ma teħtieġx li jiġu użati l-eċċezzjonijiet possibbli għad-drittijiet tal-awtur, stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29, u l-qorti tar-rinviju lanqas ma tistaqsi dwar dan.

110. Huwa possibbli li s-silenzju ta’ din il-qorti huwa minħabba li temmen li r-regola li biha l-leġiżlatur Ġermaniż introduċa, fil-liġi nazzjonali tiegħu, dawk l-eċċezzjonijiet ma tippermettix li jiġi aċċettat każ bħal dan (75).

111. Madankollu, kemm sabiex nagħti preżentazzjoni kompluta kif ukoll f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-proposta tiegħi, għandha tiġi analizzata l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29 għal dan il-każ, peress li, fis-sentenza li ser tagħti, tista’ tagħti lill-qorti tar-rinviju preċiżazzjonijiet addizzjonali li jistgħu jkunu utli għaliha, lil hinn minn dawk strettament relatati mad-domanda tagħha, rigward l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (76).

112. Skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu eċċezzjonijiet għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni, komunikazzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Fosthom insibu li l-użu tax-xogħlijiet protetti huwa biss għall-iskop ta’ “illustrazzjoni għat-tagħlim” (77). Il-Gvern Taljan jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tintuża, sussidjarjament, din l-eċċezzjoni u l-Kummissjoni tosserva li l-Ġermanja kienet ser tintroduċiha fl-Artikolu 52 tal-UrhG.

113. Sakemm ma inix sejjer żball, din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda taffaċċja l-eċċezzjoni tal-ittra (a). Għalkemm il-ġurisprudenza tagħha teħtieġ interpretazzjoni restrittiva tal-ambitu tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet, peress li jistgħu jaffettwaw id-dritt ta’ proprjetà fuq il-kreazzjonijiet intellettwali (78), wieħed ma għandux jinsa li d-dritt għall-edukazzjoni huwa wkoll stabbilit fl-Artikolu 14(1) tal-Karta (79). Konsegwentement, l-interpretazzjoni għandha tirrispetta l-bilanċ raġonevoli bejn iż-żewġ drittijiet.

1.      Skop edukattiv

114. L-eċċezzjoni għad-drittijiet tal-awtur, meta l-użu tax-xogħlijiet protetti jkollu skopijiet edukattivi biss, ma tistax titnaqqas għall-espressjoni minima tagħha, li jiġri jekk tkun limitata sabiex tippermetti lill-għalliema jakkumpanjaw il-kontenut tal-korsijiet jew lezzjonijiet tagħhom b’illustrazzjonijiet.

115. Interpretazzjoni li tagħti valur ikbar lid-dritt għall-edukazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tal-Karta, tista’ tenfasizza r-rwol attiv, u mhux sempliċement passiv, tal-istudenti, filwaqt li tippermettilhom jużaw ukoll u bl-istess skop ta’ tagħlim (tal-student, jekk applikabbli), stampi protetti bid-drittijiet tal-awtur. Dan jikkontribwixxi sabiex l-edukazzjoni twettaq il-kompitu prinċipali tagħha, li huwa l-iżvilupp sħiħ tal-personalità umana (80).

116. L-eċċezzjoni ma tapplikax biss għar-riproduzzjoni ta’ materjal protett u għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tiegħu fuq l-internet bil-ħsieb tar-riċerka xjentifika. Id-dispożizzjoni tqiegħed dan il-ħsieb u dak tar-riċerka edukattiva fuq l-istess livell, u għalhekk il-benefiċjarji tagħhom għandhom ikunu kemm l-istudenti kif ukoll l-għalliema ta’ edukazzjoni li ma hijiex universitarja, meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni l-oħra.

117. Fil-fatt, waqt is-seduta, kien hemm ċerta qbil li ma kien ikun hemm ebda komunikazzjoni lill-pubbliku (skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29) kieku x-xogħol tal-istudenta ttella’ fuq sit internet tal-iskola li l-aċċess għalih kien limitat għall-ambjent skolastiku. Minkejja li din l-interpretazzjoni naħseb li fiha eċċess riduttiv (81), naħseb li tirrifletti l-konnessjoni bejn l-iskop tat-tagħlim u l-inklużjoni tar-ritratt fis-sit internet tal-iskola.

2.      Indikazzjoni tas-sors u l-isem tal-awtur

118. L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29 jagħmel l-eċċezzjoni għal skopijiet edukattivi suġġetta għall-fatt li “is-sors, magħdud l-isem tal-awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli”.

119. Barra minn hekk, ix-xogħol imtella’ fuq il-portal tal-iskola żied mal-inseriment tar-ritratt l-isem tar-rivista (Schwarzaufweiss), li kien jinsab fiha. L-istudenta u l-għalliem aġixxew b’kawtela, mingħajr ma jistgħu jiġu akkużati li ma semmewx l-isem tal-fotografu, li ma kienx jinstab fil-qiegħ tal-immaġni.

3.      Skop mhux kummerċjali

120. Bl-istess mod, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29 jeħtieġ li l-użu, għal skopijiet edukattivi, tax-xogħol protett “ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali”.

121. Ma hemm l-ebda dubju, kif diġà osservajt, li t-tqegħid tax-xogħol tas-suġġett tal-Ispanjol fil-portal tal-iskola ma kellux skop kummerċjali. Rigward il-ġustifikazzjoni, l-użu ta’ immaġni meħuda mill-internet, meta jkun xogħol diġitali, issa huwa essenzjali għal ċerti attivitajiet ta’ tagħlim.

4.      It-test tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29

122. Jekk l-użu tar-ritratt jaqa’ taħt l-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29, ikun għada fadallu jgħaddi mit-test tal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, li jeħtieġ l-analiżi tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu (82). Għal din ir-raġuni ser insegwi l-istess metodu bħal fil-konklużjonijiet tiegħi tal-kawża Stichting Brein (83).

123. Fl-ewwel lok, fil-każ ta’ użu fil-kuntest tat-tagħlim mingħajr skop ta’ lukru, jidher ċar li dan ma jmurx kontra l-użu normali tax-xogħol (it-tieni pass tat-test). Permezz tal-inseriment tiegħu fis-sit internet tal-iskola, la l-istudenta la l-għalliem (u lanqas l-iskola jew il-Land) ma jieħdu benefiċċji ekonomiċi eventwali derivati mill-preżenza tar-ritratt fin-net, u lanqas ma jiksbu vantaġġ kummerċjali, għad-detriment tal-awtur.

124. Interess leġittimu ieħor (it-tielet stadju tat-test) jista’ jkun li jissemma’ l-isem tal-awtur, għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet morali tiegħu. Madankollu, id-drittijiet morali ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva 2001/29, kif żgurat fil-premessa 19 tagħha.

125. L-iktar punt delikat jikkorrispondi għall-ewwel pass tat-test, li jitlob li l-eċċezzjonijiet jiġu applikati biss għal ċerti każi speċjali.

126. Għalkemm il-każ preżenti huwa uniku, is-soluzzjoni mogħtija lilu jista’ jkollha konsegwenzi rilevanti għal numru ta’ studenti u professuri (u għal fotografi wkoll) f’kuntesti simili. Fil-fatt, ma huwiex riskjuż li wieħed jassumi li l-aġir deskritt hawnhekk iseħħ ripetutament kuljum fl-Istati Membri.

127. Issa, jekk f’dawn il-każijiet kollha jkun hemm iċ-ċirkustanzi analizzati hawn, interpretazzjoni bbilanċjata ta’ dan l-aħħar pass tat-test, li ser inqis simultanjament ma’ interessi leġittimi oħra (f’dan il-każ, dawk derivati mid-dritt għall-edukazzjoni), tippermetti li jiġi dedott li n-numru ta’ atti identiċi jew simili ma huwiex importanti, iżda huwa importanti li l-profili tagħhom ikunu speċifikati b’mod suffiċjenti sabiex ma jmorrux kontra l-użu normali tax-xogħlijiet u ma jippreġudikawx b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tal-proprjetarju tad-drittijiet fuq dan l-użu. Allura, taħt din ir-riżerva, dan ikun l-istess każ konkret (84).

128. Fil-qosor, finalment, l-eċċezzjoni għall-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29 hija applikabbli.

V.      Konklużjoni

129. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) kif ġej:

“L-inklużjoni, f’sit internet ta’ skola, mingħajr skop ta’ lukru u fejn jissemma s-sors ta’ oriġini, ta’ xogħol skolastiku li jinkludi immaġni fotografika li kwalunkwe utent tal-internet kellu aċċess liberu u ħieles għaliha, meta din l-immaġni diġà kienet tidher, mingħajr twissijiet dwar ir-restrizzjonijiet tal-użu tagħha, fuq il-portal tal-internet ta’ rivista tal-ivvjaġġar, ma tikkostitwixxix tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni.”


1      Lingwaoriġinali: l-Ispanjol.


2      Iktar ’il quddiem se nirreferi għalih, mingħajr distinzjoni, bħala “Land” jew l-“Land Nordrhein-Westfalen”.


3      Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Eugen Ulmer (C‑117/13, EU:C:2014:2196), punt 42. Ara l-ispjegazzjonijiet dwar kif l-espressjoni “tqegħid għad-dispożizzjoni” dehret fid-drittijiet internazzjonali tal-awtur, li wasslu għad-Direttiva 2001/29, f’Walter, M.M., “Article 3 — Right of communication to the public”, f’Walter, M.M./Von Lewinski, S., European Copyright Law — A Commentary, Oxford, 2010, p. 978.


4      Dawk li ssottomettew osservazzjonijiet f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari jemmnu dan ukoll, peress li jibbażaw l-allegazzjonijiet rispettivi tagħhom fuq il-ġurisprudenza dwar l-att ta’ komunikazzjoni.


5      Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


6      Il-frażi “ma hemm xejn agħar minn immaġni ċara ta’ kunċett imċajpar”, attribwita lill-fotografu Amerikan Ansel Adams, forsi tista’ tgħin sabiex nifhmu din is-sekwenza ta’ kawżi.


7      Tas‑16 ta’ Marzu 2000 (ĠU 2000, L 89, p. 6).


8      Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem “Il-Konvenzjoni ta’ Berna”).


9      Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ Ottubru 1993 li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU 1993, L 290, p. 9; minn issa ’l quddiem: id-“Direttiva 93/98”).


10      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 372, p. 12).


11      Liġi tad‑9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. I p. 1273), emendata l-aħħar fil‑1 ta’ Settembru 2017 (BGBl. I p. 3346). Iktar ’il quddiem l-“UrhG”.


12      Il-Land Nordrhein-Westfalen jeżerċita l-ispezzjoni skolastika fuq il-korporazzjoni muniċipali li minnha tiddependi l-iskola, li hija l-persuna li timpjega tal-għalliema.


13      Waqt is-seduta, ir-rappreżentant ta’ D. Renckhoff irrimarka li fl-“impressum” tar-rivista tal-ivvjaġġar online kien hemm twissija dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-kontenut tagħha. Madankollu, fil-fatti tad-digriet tar-rinviju ma kien hemm xejn rigward dan. Hija l-qorti tar-rinviju, fejn applikabbli, li għandha tevalwa dawn il-fatti.


14      B’riferiment għas-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2011, Circul Globus Bucureşti, (C‑283/10, EU:C:2011:772), punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.


15      Tirreferi, fost oħrajn, għas-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16      Issir riferiment, fost oħrajn, għas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media, (C‑160/15, iktar ’il quddiem, mingħajr distinzjoni, “sentenza GS Media” jew “kawża GS Media”, EU:C:2016:644), punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata. Il-qorti tinterpreta li, fi kwalunkwe każ, il-komunikazzjoni saret permezz ta’ teknika identika, u għalhekk għandu jiġi mistoqsi jekk il-komunikazzjoni saritx lil dan il-pubbliku ġdid jew le, peress li dan l-aspett huwa sussidjarju għall-ewwel wieħed.


17      Skont is-sentenza GS Media, punti 31 u 45.


18      Fl-opinjoni tagħha, “għalkemm in-natura ta’ lukru tat-tqassim ta’ xogħol protett ma hijiex irrilevanti sabiex dan it-tqassim jiġi kklassifikat bħala ’komunikazzjoni lill-pubbliku’ jew le, b’mod partikolari, meta jiġi ddeterminat l-ammont ta’ kumpens possibbli għal dan it-tqassim (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 204 sa 206), mingħajr dubju lanqas ma hija essenzjali f’dan ir-rigward (ara s-sentenza […] tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 49, iżda wkoll is-[sentenza GS Media], punt 55)”.


19      Għall-kuntrarju ta’ dak stabbilit fis-sentenza GS Media, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.


20      B’differenza mill-qorti tar-rinviju, il-Land jemmen li, f’dan il-każ, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar hyperlinks u “framing”, tapplika għal dan il-każ u jiċċita s-sentenzi GS Media, punt 52; u dik tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), punt 18; kif ukoll il-kawża tal‑21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International (C‑348/13, EU:C:2014:2315), punt 15.


21      Huwa jiċċita, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 2017, Stichting Brein (C‑527/15, EU:C:2017:300), punt 31 u l-ġurisprudenza msemmija hemm; u tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, iktar ’il quddiem, “sentenza Stichting Brein II”, EU:C:2017:456), punti 31 u 44.


22      B’riferiment għas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379), punt 38.


23      Hija tinvoka s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631), punt 193.


24      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C‑607/11, EU:C:2013:147), punt 26.


25      Kawża tal‑21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International (C‑348/13, EU:C:2014:2315), punt 15.


26      Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), punt 19.


27      Sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379), punti 41 sa 44.


28      B’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), punt 26; u GS Media, punti 41 u 47 sa 51.


29      Hija tirreferi għas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Eugen Ulmer (C‑117/13, EU:C:2014:2196), punt 55.


30      Ara l-elementi prinċipali milħuqa minn din il-ġurisprudenza fis-sentenza Stichting Brein II, punti 19 sa 34.


31      Ibidem, punt 28. Il-qorti tar-rinviju, fil-punt 38 tad-digriet tar-rinviju, titlaq mill-punt li r-ritratt imqiegħed fuq l-internet fil-kuntest tax-xogħol tal-istudenta huwa offrut lil pubbliku ġdid.


32      Punt 4 tal-osservazzjonijiet tagħha.


33      Sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011 (C‑145/10, EU:C:2011:798).


34      Ibidem, punt 99.


35      Ibidem, punt 85.


36      Skont dan l-artikolu, “Fotografiji li huma oriġinali fis-sens li huma l-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur innifsu għandhom ikunu protetti skond l-Artikolu 1. L-ebda kriterji oħra m’għandhom ikunu applikati biex jistabbilixxu l-eliġibilità tagħhom għall-protezzjoni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-protezzjoni ta’ fotografiji oħra”.


37      Id-differenza, għal skopijiet prattiċi, tinsab, kif ġie ċċarat fis-seduta, fil-perijodu ta’ protezzjoni: għax-xogħlijiet fotografiċi huwa ta’ sebgħin sena post mortem auctoris (Artikolu 64 tal-UrhG), filwaqt li għas-sempliċi ritratti l-perijodu jonqos għal ħamsin sena mill-ewwel pubblikazzjoni tagħhom (Artikolu 72(3) tal-UrhG).


38      Ara d-dikjarazzjoni tagħha f’Stichting Brein II, punti 19 sa 29.


39      Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:913), punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.


40      Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, skont is-sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Stichting Brein (C‑527/15, EU:C:2017:300), punti 35 u 36.


41      Sentenza GS Media, punt 35.


42      L-oriġini tiegħu tista’ tiġi rrintraċċata fil-Gwida dwar il-Konvenzjoni ta’ Berna sabiex jiġi stabbilit b’liema mod l-intervent tat-trażmettitur ta’ xogħol lil pubbliku kien rilevanti li l-awtur ma kienx inizjalment kkunsidra.


43      Sentenza Stichting Brein II, punt 26.


44      Sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379), punti 45 u 46, fejn ma saritx analiżi separata tal-elementi suġġettivi, li jidhru li huma indissolubbilment assoċjati mal-għanijiet.


45      Ara l-punt 24 tad-digriet tar-rinviju.


46      Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke (C‑301/15, EU:C:2016:878), punt 34.


47      Sentenza GS Media, punt 46.


48      Għalkemm se nittratta l-eżistenza tal-għan ta’ lukru iktar ’il quddiem, għandu jiġi enfasizzat minn issa.


49      It-teorija kontra l-estrapolazzjoni tipprovdi li l-ġurisprudenza GS Media tirreferi biss għal dawk il-links li jirreferu lura lejn sit internet fejn ikun diġà jinstab ix-xogħol, filwaqt li hawn l-immaġini hija mtella’ fuq is-sit tagħhom stess, filwaqt li jagħmluha aċċessibbli direttament għal terzi persuni. Naħseb, madankollu, li din id-disparità ma hijiex rilevanti sabiex jiġu evalwati l-komponenti suġġettivi u ċ-ċirkustanzi l-oħra tal-aġir ikkontestat fis-sentenza GS Media. Dan ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni waqt is-seduta.


50      Sentenza GS Media, punt 48.


51      Ibidem, punt 49.


52      Ibidem, punt 50.


53      Nirreferi għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54      Il-proprjetarju tiegħu seta’ ħa miżuri sabiex jipprevjeni li r-ritratt jiġi kkuppjat, billi juża kwalunkwe metodu tekniku ta’ sigurtà eżistenti.


55      Is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke (C‑301/15; EU:C:2016:878), punt 35, tippermetti l-possibbiltà ta’ kunsens impliċitu. Madankollu, titlaq mill-fatt li l-utent li jixtieq juża xogħol jaf jew jista’ jkun jaf min huwa l-awtur u, għalhekk, tippreskrivi l-obbligu tiegħu li jinformah b’mod effettiv u minn qabel, li ma jseħħx f’dan il-każ. Ara l-punti 38 u 39 ta’ dik is-sentenza.


56      Kien hemm tendenza lejn eċċess fl-atitudni flessibbli tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, li jista’ jinjora dan billi juża protezzjoni sproporzjonata. Din l-atitudni tikkontribwixxi, barra minn hekk, għal żieda potenzjali fil-kunflitti mal-utenti li għandhom fiduċja (u jixtiequ jemmnu) fit-trasparenza u fl-aċċessibbiltà libera għall-informazzjoni eżistenti fin-net. Il-proprjetarju tad-dritt għalhekk jeħtieġ li jkollu ċertu diliġenza fil-protezzjoni tiegħu.


57      Ara argument b’saħħtu favur dan l-ibbilanċjar mill-ġdid f’Elkin-Koren, N., “Copyright in a Digital Ecosystem, Okediji, R.L. (ed.), Copyright Law in an Age of Limitations and Exceptions, Cambridge University press, New York, 2017, p. 132 et seq, b’mod partikolari p. 159.


58      F’sentenzi riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ġie kkunsidrat dan l-element suġġettiv; ara dawk tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein (C-527/15, EU:C:2017:300), punt 49; u Stichting Brein II, punt 46.


59      Punt 39 tad-digriet tar-rinviju.


60      Sentenza GS Media, punt 51: “meta t-tqegħid ta’ hyperlinks isir bi skop ta’ lukru, jista’ jkun mistenni mill-awtur ta’ tali tqegħid li jwettaq il-verifiki neċessarji sabiex jiżgura li x-xogħol ikkonċernat ma huwiex ippubblikat illegalment fuq is-sit li jwasslu għalih l-imsemmija hyperlinks, b’mod li hemm lok li jiġi preżunt li dan it-tqegħid ikun sar b’kuxjenza sħiħa tan-natura protetta tal-imsemmi xogħol u tal-assenza eventwali ta’ awtorizzazzjoni ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur”.


61      Ibidem, punt 45.


62      L-evalwazzjoni ta’ dan il-kriterju tista’ tkun differenti jekk l-iskola titlob li jsir ħlas bi flus sabiex wieħed iżur is-sit internet li jagħti aċċess għax-xogħol li jinkorpora r-ritratt.


63      Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:913), punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.


64      Ibidem, punt 50, b’mod kuntrarju.


65      Sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379), punt 41; tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:913), punt 45; u Stichting Brein II, punt 41.


66      Kif stabbilit fis-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF (C‑135/10, EU:C:2012:140), punt 86.


67      Ibidem, punt 87.


68      Sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:913), punti 46 u 47; u tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), punt 22.


69      Aġġettiv użat fil-Gwida għall-Konvenzjoni ta’ Berna.


70      Forsi f’dan il-kuntest aħjar jintuża l-kunċett ta’ “pubbliku supplimentari”.


71      Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631), punti 197 u 198.


72      Sentenza Stichting Brein II, punti 44 u 45.


73      Sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379), punt 60.


74      Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), punt 31.


75      L-Artikolu 52a tal-UrhG jagħmel distinzjoni bejn xogħlijiet f’format żgħir (“Werke geringen Umfangs”) tal-punt 1, li l-komunikazzjoni tagħhom tkun limitata għaċ-ċirku tal-istudenti li jipparteċipaw f’kull lezzjoni, u x-xogħlijiet (“Werke”) tal-punt 2 li għandu jkollhom il-kunsens tal-awtur f’kull każ. Dan l-artikolu tħassar bl-Artikolu 1(7) tal-Liġi għall-adattament tad-drittijiet tal-awtur għan-neċessitajiet attwali tas-soċjetà tal-informazzjoni, tal-1 ta’ Settembru 2017 (“Gesetz zur Angleichung des Urheberrechts an die aktuellen Erfordernisse der Wissensgesellschaft”; l-aħħar emenda tal-UrhG, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2018). Dan ġie sostitwit bl-Artikolu 60a l-ġdid dwar l-użu legalment awtorizzat għall-edukazzjoni, ix-xjenza u l-istituzzjonijiet, li l-paragrafu 1 tiegħu biddel il-forma tax-xogħol bħala kriterju sabiex jiġi ddeterminat l-ambitu tal-użu awtorizzat, għall-perċentwali massimu tax-xogħol (15 %) li għandu jiġi kkuppjat, mqiegħed għad-dispożizzjoni jew ikkomunikat lill-pubbliku. Din l-emenda ma taffettwax ratione temporis il-każ inkwistjoni.


76      Dawn id-dettalji jistgħu jgħinu, meta jasal iż-żmien, l-interpretazzjoni tar-regoli nazzjonali fid-dawl ta’ dawk tad-dritt tal-Unjoni Unjoni li jittrasponuhom.


77      Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29.


78      Sentenza tal‑10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254), punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.


79      Fl-aħħar nett, f’dawn il-każijiet hija enfasizzata l-funzjoni soċjali tal-proprjetà privata rrikonoxxuta fil-ġurisprudenza, li tippermetti li dan id-dritt jiġi limitat, sakemm ir-restrizzjonijiet jikkorrispondu għal għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni u ma jikkostitwixxux intervent eċċessiv u intollerabbli li jaffettwa l-essenza tad-dritt garantit. Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8) punt 113; u tat‑12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA (C‑347/03, EU:C:2005:285), punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata.


80      Dan huwa rikonoxxut fl-Artikolu 26(2), tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948 u fl-Artikolu 13(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti permezz tar-riżoluzzjoni 2200 A (XXI), tas‑16 ta’ Diċembru 1966, fis-seħħ mit‑3 ta’ Jannar 1976, skont l-Artikolu 27 tiegħu.


81      Minħabba l-karatteristiċi ta’ sit internet tal-iskola, ma naħsibx li hemm ħafna differenza bejn il-wiri tar-ritratt fl-intranet, fl-extranet jew fuq il-portal tal-internet tal-iskola: il-pubbliku li se jinnaviga dan is-sit probabbilment ikun identiku fit-tliet każijiet, jiġifieri l-istudenti u l-membri tal-familja jew il-ħbieb tagħhom, kif ukoll l-għalliema.


82      Madankollu, naqbel mas-suġġeriment li tiġi evitata applikazzjoni mekkanika ta’ dan it-test, fuq il-bażi tan-natura kumulattiva tat-tliet kriterji, u nippreferi li titqies l-importanza ta’ kull wieħed minn dawk l-elementi. Ara Hilty, R.M./Geiger, Ch./Griffiths, J., “Declaration: A balanced interpretation of the ‘three-step test’ in copyright law”, International Review of Intellectual Property and Competition Law, 6/2008, p. 707 sa 713, b’mod partikolari, p. 709.


83      Kawża C‑527/15, EU:C:2016:938, punti 73 sa 81.


84      Ara proċedura simili fis-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Eugen Ulmer (C‑117/13, EU:C:2014:2196), punt 34.