Language of document : ECLI:EU:C:2018:433

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Ġunju 2018(*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni tas-sajd – Regolament (UE) Nru 1380/2013 – Artikolu 11 – Konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar – Protezzjoni tal-ambjent – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C-683/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

Deutscher Naturschutzring Dachverband der deutschen Natur- und Umweltschutzverbände eV

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għad-Deutscher Naturschutzring – Dachverband der deutschen Natur- und Umweltschutzverbände eV, minn R. Nebelsieck u K. Fock, Rechtsanwälte,

–        għall-Bundesamt für Naturschutz, minn W. Ewer, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro, M. Morales Puerta u B. Bertelmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-25 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn id-Deutscher Naturschutzring – Dachverband der deutschen Natur- und Umweltschutzverbände eV (iċ-Ċirku Ġermaniż għall-Protezzjoni tan-Natura – Organizzazzjoni Ġenerali tal-Assoċjazzjonijiet Ġermaniżi għall-Protezzjoni tan-Natura u tal-Ambjent, iktar ’il quddiem iċ-“Ċirku Ġermaniż għall-Protezzjoni tan-Natura”) u l-Bundesamt für Naturschutz (l-Uffiċċju Federali għall-Konservazzjoni tan-Natura, il-Ġermanja), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tiċħad talba tal-imsemmi ċirku intiża sabiex tobbligah jimpedixxi s-sajd bl-użu ta’ rkaptu rmunkat u għeżula fiż-żoni marittimi msejħa “Sylter Außenriff”, “Pommersche Bucht mit Oderbank” u “Pommersche Bucht”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montego Bay”), daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994. Din ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260).

4        L-Artikolu 91(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, intitolat “Nazzjonalità tal-basitmenti”, huwa redatt fit-termini li ġejjin:

“[…] Il-bastimenti għandu jkollhom in-nazzjonalità tal-Istat li tiegħu huma jistgħu jtajru l-bandiera. Għandha teżisti rabta sustanzjali bejn l-Istat u l-bastiment.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 94 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Obbligi tal-Istat tal-bandiera”, jistipula:

“1.      Kull Stat għandu jeżerċita b’mod effettiv il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu fi kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi u soċjali fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu.

2.      B’mod partikolari, kull Stat:

(a)      għandu jkollu reġistru marittimu li jinkludi l-ismijiet u l-karatteristiċi tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, minħabba d-daqs żgħir tagħhom, ma humiex koperti mir-regolamentazzjoni internazzjonali ġeneralment aċċettata; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1380/2013

6        Il-premessa 25 tar-Regolament Nru 1380/2013 tiddikjara:

“Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7),] id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE [tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102),] u d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)] jimponu ċerti obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali, żoni speċjali ta’ konservazzjoni u żoni protetti tal-baħar, rispettivament. Tali miżuri jistgħu jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt il-[Politika Komuni tas-Sajd]. Huwa, għalhekk, xieraq li l-Istati Membri jiġu awtorizzati jadottaw, fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni tagħhom, tali miżuri ta’ konservazzjoni li huma meħtieġa għall-konformità mal-obbligi tagħhom skont dawk l-atti tal-Unjoni fejn tali miżuri ma jaffettwawx l-interessi tas-sajd ta’ Stati Membri oħra. Fejn tali miżuri jistgħu jaffettwaw l-interessi tas-sajd ta’ Stati Membri oħra, is-setgħa li tiġi adottata tali miżura għandha tingħata lill-Kummissjoni u għandu jsir rikors għal kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri kkonċernati.”

7        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punt 20 tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(20)      ‘miżura teknika’ tfisser miżura li tirregola l-kompożizzjoni tal-qabdiet abbażi tal-ispeċi u d-daqs u l-impatti fuq komponenti tal-ekosistemi li jirriżultaw mill-attivitajiet tas-sajd billi jkunu stabbiliti l-kondizzjonijiett għall-użu u l-istruttura tal-irkaptu tas-sajd u r-restrizzjonijiet tal-aċċess għal żoni tas-sajd”.

8        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-fini li jinkisbu l-objettivi tal-PKS fir-rigward tal-konservazzjoni u sfruttament sostenibbli ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kif stipulat fl-Artikolu 2 l-Unjoni għandha tadotta miżuri ta’ konservazzjoni kif jinsabu fl-Artikolu 7.”

9        L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Tipi ta’ miżuri ta’ konservazzjoni”, jipprovdi:

“[…]

(i)      miżuri meħtieġa għall-konformità mal-obbligi skont il-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu [11];

(j)      miżuri tekniċi kif imsemmija fil-paragrafu 2.

2.      Il-miżuri tekniċi jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, dawn li ġejjin:

[…]

(c)      limitazzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta’ ċerti rkapti tas-sajd, u fuq attivitajiet tas-sajd, f’ċerti żoni jew perijodi;

[…]

(e)      miżuri speċifiċi biex jimminimizzaw l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità tal-baħar u ekosistemi tal-baħar, inklużi miżuri biex jevitaw u jnaqqsu kemm jista’ jkun qabdiet mhux mixtieqa.”

10      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013, intitolat “Miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għall-finijiet ta’ konformità ma’ obbligi taħt il-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri b’dan jingħataw is-setgħa li jadottaw miżuri ta’ konservazzjoni li ma jaffettwawx bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħrajn li huma applikabbli għall-ilmijiet taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni tagħhom u li huma meħtieġa għall-fini tal-konformità mal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2008/56/KE, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/147/KE jew l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43/KEE, sakemm dawk il-miżuri jkunu kompatibbli mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2, jilħqu l-objettivi tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni li huma jkunu maħsuba biex jimplimentaw, u ma jkunux inqas stretti minn miżuri taħt il-liġi tal-Unjoni.

2.      Fejn Stat Membru (l-“Istat Membru inizjanti”) jqis li jeħtieġ li jiġu adottati miżuri għall-finijet ta’ konformità mal-objettivi msemmija fil-paragrafu 1 u Stati Membri oħra għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd li jkun se jiġi affettwat minn tali miżuri, il-Kummissjoni b’dan hija mogħtija s-setgħa li tadotta tali miżuri, fuq talba, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu [46]. Għal din il-fini, għandu japplika mutatis mutandis l-Artikolu [18](1) sa (4) u (6).”

11      L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kooperazzjoni reġjonali dwar miżuri ta’ konservazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn il-Kummissjoni tingħata setgħat, […] fil-każijiet previsti fl-[Artikolu 11], biex tadotta miżuri permezz ta’ atti delegati jew ta’ implimentazzjoni, fir-rigward ta’ miżura tal-Unjoni ta’ konservazzjoni li tapplika għal żona ġeografika rilevanti, l-Istati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett affettwat minn dawk il-miżuri jistgħu, fi skadenza li għandha tiġi stipulata fil-miżura ta’ konservazzjoni rilevanti u/jew fil-pjan pluriennali, jaqblu li jippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti biex jiksbu l-objettivi tal-miżuri rilevanti tal-Unjoni ta’ konservazzjoni, tal-pjanijiet pluriennali jew tal-pjanijiet speċifiċi dwar ir-rimi. […]”

 Id-Direttiva 92/43

12      Il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 92/43, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006, L 363, p. 368), tipprovdi:

“Billi hi meħtieġa sistema ġenerali ta’ protezzjoni għal ċerti speċi ta’ flora u fawna biex tikkumplimenta d-Direttiva 79/409/KEE [Direttiva tal-Kunsill tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)]; billi jrid isir provdiment għal miżuri ta’ l-immaniġġjar għal ċerti speċi, jekk l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom hekk jitlob, inkluża l-projbizzjoni ta’ ċerti mezzi ta’ qbid jew qtil, filwaqt li tagħti lok biex ikun hemm il-possibbiltà għal derogi skond ċerti kondizzjonijiet”.

13      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.”

14      Skont l-Artikolu 4(4) tal-imsemmija direttiva:

“Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.”

15      L-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skont l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.”

 Id-Direttiva 2004/35/KE

16      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357), intitolat “Is-suġġett”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas ta’ responsabbilità ambjentali ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’, għall-prevenzjoni u r-rimedju tad-danni ambjentali.”

 Id-Direttiva 79/409

17      L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 79/409 jipprovdi:

“Il-preservazzjoni, il-manutenzjoni u r-ripristinar tal-bijotopi u l-habitats għandhom jinkludu primarjament l-miżuri li ġejjin:

(a)      kreazzjoni ta’ żoni protetti”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Fil-15 ta’ Settembru 2005, il-Bundesministerium für Umwelt, Naturschutz und nukleare Sicherheit (il-Ministeru Federali tal-Ambjent, tal-Protezzjoni tan-Natura u tas-Sigurezza Nukleari, il-Ġermanja) adotta, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 79/409, il-Verordnung über die Festsetzung des Naturschutzgebietes “Pommersche Bucht” (Regolament li jistabbilixxi ż-żona naturali protetta “Pommersche Bucht”) (BGBl. 2005 I, p. 2778). Dan ir-regolament jipprovdi li, f’din iż-żona li tinsab fil-Baħar Baltiku, kull att li jista’ jwassal għad-distruzzjoni, għad-degradazzjoni, għat-tibdil jew għad-disturb fit-tul taż-żona naturali protetta huwa pprojbit. Madankollu, is-sajd marittimu professjonali ġie espressament eskluż minn din il-projbizzjoni.

19      Fit-12 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/23/KE li tadotta, skont id-Direttiva 92/43, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku (ĠU 2008, L 12, p. 1), li skontha ż-żona “Sylter Außenriff”, li tinsab fil-Baħar tat-Tramuntana, ġiet inkluża f’dan l-elenku.

20      Fit-13 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/25/KE li tadotta, skont id-Direttiva 92/43, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali (ĠU 2008, L 12, p. 383), li skontha ż-żona “Pommersche Bucht mit Oderbank”, li tinsab fil-Baħar Baltiku, ġiet inkluża f’dan l-elenku.

21      Sal-lum, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja la indikat dawn iż-żoni bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 92/43, u lanqas ma adottat miżuri ta’ konservazzjoni.

22      It-tliet żoni kkonċernati jinsabu lkoll f’ilmijiet li jaqgħu fiż-Żona Ekonomika Esklużiva Ġermaniża. Hemmhekk, is-sajd marittimu huwa pprattikat permezz ta’ rkapti rmunkati u għeżula, li jaffettwaw is-sikek u s-sandbanks u għandhom ukoll il-konsegwenza mhux mixtieqa li jaqbdu foċini u tjur tal-baħar.

23      Fit-30 ta’ Lulju 2014, iċ-Ċirku Ġermaniż għall-Protezzjoni tan-Natura ppreżenta lill-Uffiċċju Federali għall-Konservazzjoni tan-Natura talba sabiex tiġi pprojbita kull teknika ta’ sajd marittimu li tuża rkaptu rmunkat jew għeżula fiż-żoni “Sylter Außenriff”, “Pommersche Bucht mit Oderbank” u “Pommersche Bucht”, billi l-użu ta’ tali teknika ma kienx kompatibbli mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43. Barra minn hekk, din il-projbizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja ta’ prevenzjoni u ta’ reparazzjoni, fis-sens tal-punti 10 u 11 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35, li, konformement mal-Artikolu 5(3), mal-Artikolu 6(2) u mal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet kompetenti huma marbuta li jieħdu.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2014 tal-Uffiċċju Federali għall-Konservazzjoni tan-Natura, it-talba taċ-Ċirku Ġermaniż għall-Protezzjoni tan-Natura ġiet miċħuda. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonferamta b’deċiżjoni ta’ dan l-istess uffiċċju tad-19 ta’ Diċembru 2014.

25      Sussegwentement, iċ-Ċirku Ġermaniż għall-Protezzjoni tan-Natura ressaq azzjoni kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja).

26      Bħala difiża, l-Uffiċċju Federali għall-Konservazzjoni tan-Natura jsostni li, għal raġunijiet ta’ kompetenza, huwa ma jistax jadotta l-miżuri mitluba miċ-Ċirku Ġermaniż għall-Protezzjoni tan-Natura, billi din il-kompetenza hija, konformement mal-Artikolu 3(1)(d) TFUE, esklużivament tal-Unjoni. Ċertament, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw ċerti miżuri ta’ konservazzjoni, iżda, billi tali miżuri jista’ jkollhom effett fuq il-bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra, dawn il-miżuri jistgħu jittieħdu biss, skont dan l-istess artikolu, mill-Kummissjoni.

27      Billi qieset li l-azzjoni setgħet tkun fondata biss jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u mhux il-Kummissjoni, setgħet tadotta l-miżuri mitluba mir-rikorrent, il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 11 tar-Regolament [Nru 1380/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-miżuri adottati minn Stat Membru, applikabbli għal ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, li huma neċessarji sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva [92/43], li jkollhom effetti fuq il-bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra u li jipprojbixxu kompletament, fiż-żoni Natura 2000, is-sajd marittimu professjonali permezz ta’ rkaptu rmunkat u xbieki fissi [għeżula] (“għeżula u xbieki tat-tħabbil” [pariti u għeżula])?

B’mod partikolari:

(a)      L-Artikolu 11 tar-Regolament [Nru 1380/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘miżuri ta’ konservazzjoni’ jinkludi t-tekniki ta’ sajd imsemmija fl-ewwel domanda?

(b)      L-Artikolu 11 tar-Regolament [Nru 1380/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra’ jinkludi wkoll il-bastimenti tas-sajd ta’ Stat Membru ieħor bil-bandiera tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja?

(c)      L-Artikolu 11 tar-Regolament [Nru 1380/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ [miżuri li] ‘jilħqu l-objettivi [għanijiet] tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni’ jinkludi wkoll il-miżuri adottati mill-Istat Membru li sempliċement jinkoraġixxu l-ilħuq tal-għanijiet speċifikati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni msemmija?

(2)      L-Artikolu 11 tar-Regolament [Nru 1380/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-miżuri adottati minn Stat Membru, applikabbli għal ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, li huma neċessarji sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6 tad-[Direttiva 2004/35] f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali?

(3)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għal waħda mid-domandi preliminari preċedenti jew għat-tnejn li huma: Il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd, prevista fl-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tipprekludi l-adozzjoni minn Stat Membru tal-miżuri msemmija?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

 Fuq l-ammissibbiltà

28      L-Uffiċċju Federali għall-Konservazzjoni tan-Natura jsostni li l-ewwel domanda hija inamissibbli billi din tirreferi għall-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013, meta huma biss l-Artikolu 11(2) et seq. ta’ dan ir-regolament li huma applikabbli għal miżuri bħalma huma dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, EU:C:2010:601, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Issa, f’dan il-każ, l-argumentazzjoni esposta mill-Uffiċċju Federali għall-Konservazzjoni tan-Natura ma turix li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika jew li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li sarulha, iżda tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-diversi paragrafi tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tipprovdi.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-ewwel domanda tiġi ddikjarata inammissibbli.

 Fuq il-mertu

32      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jadotta, għal ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, il-miżuri li huma neċessarji sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43 li jkollhom effetti fuq il-bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra u li jipprojbixxu kompletament, fiż-żoni Natura 2000, is-sajd marittimu professjonali permezz ta’ rkaptu rmunkat u għeżula.

33      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013, l-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw miżuri ta’ konservazzjoni li ma jkollhomx effetti fuq il-bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra, li huma applikabbli fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom u li huma neċessarji għat-twettiq tal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2008/56, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/147 jew l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43, sakemm dawn il-miżuri jkunu kompatibbli mal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni li huma għandhom jimplimentaw u ma jkunux inqas stretti mill-miżuri taħt id-dritt tal-Unjoni.

34      Fir-rigward, qabelxejn, tal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43, li huma dawk li għalihom l-adozzjoni tal-miżuri msemmija mill-qorti tar-rinviju hija intiża twieġeb, jirriżulta mill-kliem ta’ dan l-Artikolu 6 li dawn jikkonsistu, għall-Istati Membri, fl-impenn li jieħdu “l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva”.

35      Ladarba l-qorti tar-rinviju tifformula d-domanda tagħha billi tikkonstata li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, ma hemmx lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tippronunzja ruħha f’dan ir-rigward.

36      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tindika li d-domanda tagħha tirrigwarda “b’mod partikolari” l-interpretazzjoni ta’ tliet kunċetti użati fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013, jiġifieri, l-ewwel nett, il-kunċett ta’ “miżuri ta’ konservazzjoni”, it-tieni nett, il-kunċett ta’ “miżuri li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni” u, it-tielet nett, il-kunċett ta’ “bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra”. Għalhekk, huwa opportun li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża kull wieħed minn dawn il-kunċetti.

37      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta’ “miżuri ta’ konservazzjoni”, għandu jiġi kkonstatat li t-termini użati fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament ma jippermettux li tiġi ddeterminata l-portata ta’ dan il-kunċett. Madankollu, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan li hija tfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2011, Société fiduciaire nationale d’expertise comptable, C-119/09, EU:C:2011:208, punt 25).

38      Issa, il-kuntest li fih l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 jaqa’ huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-miżuri ta’ konservazzjoni stipulati fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament jinkludu l-miżuri tekniċi msemmija fl-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament, li fosthom jidhru, fil-punt (c), il-miżuri dwar “limitazzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta’ ċerti rkapti tas-sajd, u fuq attivitajiet tas-sajd, f’ċerti żoni jew perijodi”.

39      Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, miżuri bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li jipprojbixxu, fl-ilmijiet tal-Unjoni, is-sajd permezz ta’ rkaptu rmunkat u għeżula, jistgħu jikkostitwixxu miżuri ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament Nru 1380/2013 u għalhekk jaqgħu taħt l-Artikolu 11(1) ta’ dan tal-aħħar.

40      L-għan imfittex mill-imsemmi Artikolu 11(1) jikkorrobora din il-konklużjoni.

41      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 25 u mill-kliem stess tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013, l-għan sottostanti din id-dispożizzjoni jikkonsisti f’li tippermetti lil Stat Membru, bil-kundizzjoni prinċipali li ma jaffettwax il-bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra, li jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi imposti fuqu, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43.

42      Issa, fost il-miżuri li Stat Membru jista’ jkollu jadotta sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi imposti fuqu taħt l-Artikolu 6, hemm, kif il-ħmistax-il permessa tad-Direttiva 92/43 issemmi, il-projbizzjoni, għall-protezzjoni ta’ ċerti speċi, ta’ ċerti metodi ta’ qbid jew qtil, b’mod partikolari tal-fawna tal-baħar.

43      Iċ-Ċirku Ġermaniż għall-Protezzjoni tan-Natura u l-Gvern Portugiż isostnu, ċertament, li l-kunċett ta’ “miżuri ta’ konservazzjoni” jipprevedi biss il-miżuri li jfittxu għan marbut mal-Politika Komuni tas-Sajd, filwaqt li l-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija għandhom portata iktar wiesgħa, peress li dawn huma adottati bil-ħsieb tal-ħarsien tal-ambjent.

44      Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li miżuri li jipprojbixxu l-użu ta’ ċertu tagħmir u teknika tas-sajd għandhom ukoll effett fuq speċi oħra minbarra dawk mistada, ma huwiex suffiċjenti sabiex dawn il-miżuri jkunu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija politika.

45      Fil-fatt, l-argumentazzjoni kuntrarja ma tostakolax l-eżami tat-termini u tal-istruttura tal-Artikoli 7 u 11 tar-Regolament Nru 1380/2013, li l-validità tagħhom ma hijiex ikkontestata. Dawn l-artikoli ma jinkludu ebda esklużjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri li jillimitaw it-teknika tas-sajd awtorizzata bil-ħsieb li jħarsu l-ambjent. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 7(1)(d) u 2(e) ta’ dan ir-regolament jipprevedi b’mod espliċitu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu l-prattiċi tas-sajd li għandhom effett dgħajjef fuq l-ekosistema tal-baħar u, b’mod iktar wiesa’, l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi intiżi sabiex inaqqsu għall-minimu l-effetti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar.

46      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunċett ta’ “miżuri li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni”, ċertament, prima facie, l-użu tal-verb “jintlaħqu” jista’ jinftiehem bħala li jesprimi l-obbligu, għall-miżuri previsti, li jippermettu li jitwettaq, permezz tagħhom biss, l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

47      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/43, in-netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni previst minn din id-direttiva, li għalih jirreferu t-termini “żoni Natura 2000”, użati mill-qorti tar-rinviju, għandu l-għan li jiżgura ż-żamma jew, jekk ikun il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tipi ta’ habitats naturali u ta’ habitats ta’ speċi kkonċernati fil-medda naturali tagħhom.

48      Fid-dawl tan-natura ta’ dan l-għan u tal-inklużjoni ta’ dawn il-habitats f’ekosistemi kumplessi, miżura partikolari ta’ konservazzjoni tista’ biss, b’mod ġenerali, tikkontribwixxi, flimkien ma’ miżuri oħra, sabiex l-imsemmija għanijiet jintlaħqu mingħajr ma tista’, waħidha, tkun suffiċjenti sabiex dawn jintlaħqu. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 fis-sens li dan jawtorizza biss l-adozzjoni ta’ miżuri li, waħidhom, huma suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan iċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha.

49      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, b’mod iktar wiesa’, li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex it-test ta’ proporzjonalità jkun issodisfatt, miżura għandha tkun ta’ natura li tikkontribwixxi għall-għan imfittex u mhux neċessarjament li tilħqu waħidha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C-201/15, EU:C:2016:972, punt 92).

50      Konsegwentement, il-kunċett ta’ “miżuri li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni” għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi l-miżuri adottati minn Stat Membru, li sempliċement jinkoraġġixxu t-twettiq tal-obbligi speċifikati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kkonċernata.

51      Issa, miżuri, bħalma huma dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li jipprojbixxu kompletament is-sajd marittimu professjonali permezz ta’ rkaptu rmunkat u għeżula jistgħu jinkoraġġixxu ż-żamma jew, jekk ikun il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid, ta’ tipi ta’ habitats naturali u ta’ habitats ta’ speċi marittimi li jinsabu fiż-żoni kkonċernati u, bħala konsegwenza, jaqgħu taħt l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013.

52      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kunċett ta’ “bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra”, il-kliem tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 ma jinkludi ebda indikazzjoni dwar l-elementi kostituttivi ta’ dan il-kunċett.

53      Madankollu, mill-Artikolu 91(1) u mill-Artikolu 94(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, li l-Unjoni hija marbuta tosserva, jirriżulta li l-bastimenti għandu jkollhom in-nazzjonalità tal-Istat li tiegħu huma awtorizzati li jtajru l-bandiera u li kull Stat għandu jeżerċita b’mod effettiv il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu.

54      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “bastiment tas-sajd ta’ Stati Membri oħra”, użat fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013, għandu jinftiehem bħala li jirreferi biss għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru għajr dak li jkun qiegħed jeżerċita is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu fiż-żona kkonċernata u li jkunu suġġetti, fuq din il-bażi, għall-ġurisdizzjoni u għall-kontroll effettivi tal-Istat Membru li tiegħu huma jtajru l-bandiera.

55      Issa, sa fejn il-qorti tar-rinviju stess ikkonstatat, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domanda tagħha, li l-miżuri li hija ssemmi għandhom effetti fuq tali bastimenti, dawn il-miżuri ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu adottati unilateralment, fuq din il-bażi, minn Stat Membru.

56      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi Stat Membru milli jadotta, għal ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, il-miżuri li huma neċessarji sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43 u li jipprojbixxu kompletament, fiż-żoni Natura 2000, is-sajd marittimu professjonali permezz ta’ rkaptu rmunkat u għeżula, ladarba tali miżuri għandhom effetti fuq il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stati Membri oħra.

 Fuq it-tieni domanda

57      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ miżuri, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għal ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, li huma neċessarji sabiex dan ikun jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2004/35.

58      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 jirriżulta li l-fakultà li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi hija limitata għall-miżuri li huma neċessarji għall-Istati Membri sabiex dawn ikunu konformi mal-obbligi stipulati minn tliet dispożizzjonijiet speċifiċi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, jiġifieri l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2008/56, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/147 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43.

59      B’hekk, dan l-Artikolu 11(1) ma jsemmix id-Direttiva 2004/35 u l-kliem tiegħu ma jinkludi ebda indizju li jippresupponi li l-lista tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom din id-dispożizzjoni tirreferi ma hijiex eżawrjenti.

60      Barra minn hekk, ladarba l-imsemmi Artikolu 11(1) jistabbilixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali, stipulata fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1380/2013, li tipprovdi li l-kompetenza għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni hija tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C-554/13, EU:C:2015:377, punt 42).

61      Konsegwentement, kieku l-leġiżlatur ried jistabbilixxi fakultà miftuħa għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji sabiex Stat Membru jkun jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2004/35, huwa kellu jindikaha espressament.

62      Minn dan isegwi li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ miżuri, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għal ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, li huma neċessarji sabiex dan ikun jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2004/35.

 Fuq it-tielet domanda

63      Peress li t-tielet domanda saret biss fil-każ li r-risposta għall-ewwel jew għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi Stat Membru milli jadotta, għal ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, il-miżuri li huma neċessarji sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u li jipprojbixxu kompletament, fiż-żoni Natura 2000, is-sajd marittimu professjonali permezz ta’ rkaptu rmunkat u għeżula, ladarba tali miżuri għandhom effetti fuq il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stati Membri oħra.

2)      L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ miżuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għal ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, li huma neċessarji sabiex dan ikun jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.