Language of document : ECLI:EU:C:2018:478

Kawża C-1/17

Petronas Lubricants Italy SpA

vs

Livio Guida

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte d’appello di Torino)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Artikolu 20(2) – Persuna li timpjega li ġiet imħarrka quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih hija ddomiċiljata – Kontrotalba tal-persuna li timpjega – Determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Ġunju 2018

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Dritt li tippreżenta kontrotalba – Kontrotalba bbażata fuq kreditu miksub mill-persuna li timpjega wara l-preżentata tat-talba oriġinali – Inklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 20(2))

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Règlement no 44/2001 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol –Dritt li tippreżenta kontrotalba – Kundizzjoni – Oriġini komuni, kuntrattwali jew fattwali, tal-kontrotalba u tat-talba oriġinali

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 20(2))

1.      L-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkonferixxi lill-persuna li timpjega d-dritt li tressaq, quddiem il-qorti adita b’mod regolari bit-talba prinċipali mressqa minn ħaddiem, kontrotalba bbażata fuq kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu konkluż bejn il-persuna li timpjega u d-detentur inizjali tal-kreditu f’data sussegwenti għat-tressiq tat-talba oriġinali.

Fir-rigward tal-kontrotalbiet, ir-regola prevista fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ġiet inkorporata fl-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline, C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 22). Madankollu, mill-kliem stess tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-invokazzjoni, mill-ħaddiem, tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tiegħu ma għandux jaffettwa d-dritt li titressaq kontrotalba quddiem il-qorti adita bit-talba prinċipali. Minn dan isegwi li, sakemm l-għażla, għall-ħaddiem, tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina t-talba tiegħu tiġi rrispettata, l-għan li jiġi privileġġat dan il-ħaddiem ikun intlaħaq u ma hemmx lok li tiġi llimitata l-possibbiltà li tiġi eżaminata din it-talba flimkien mal-kontrotalba fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

Fl-aħħar nett, peress li l-qorti li quddiemha tressqet it-talba prinċipali mressqa mill-ħaddiem ma hijiex magħrufa bil-quddiem mill-persuna li timpjega, ma jistax ikun rilevanti li din ma akkwistatx il-krediti li fuqhom hija bbażata l-kontrotalba wara li ġiet adita din il-qorti.

(ara l-punti  26-28, 33, 34 u d-dispożittiv)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 29, 30)