Language of document : ECLI:EU:C:2018:558

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Lulju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni – It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu – Post tal-provvista tas-servizzi – Kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bejn żewġ Stati Membri – Rotta kkostitwita minn diversi stadji u mwettqa b’diversi mezzi ta’ trasport”

Fil-Kawża C‑88/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

Zurich Insurance plc,

Metso Minerals Oy

vs

Abnormal Load Services (International) Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Abnormal Load Services (International) Ltd, minn M. Komonen, asianajaja,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u P. Lacerda, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn M. Schöll, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Aalto u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Zurich Insurance plc, kumpannija ta’ assigurazzjoni stabbilita fl-Irlanda (iktar ’il quddiem “Zurich”), u Metso Minerals Oy, kumpannija rregolata mid-dritt Finlandiż (iktar ’il quddiem “Metso”) u, min-naħa l-oħra, Abnormal Load Services (International) Ltd, kumpannija stabbilita fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem “ALS”), rigward il-pagament ta’ danni għat-telf ta’ merkanzija waqt it-trasport ta’ din magħmul minn ALS.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxu:

“(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjon.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

4        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II ta’ dan, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprevedi, fil-punt 1 tiegħu:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      a)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)      għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

ċ)      jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a)”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5        Metso, fil-kwalità ta’ speditur, u ALS, fil-kwalità ta’ trasportatur, ikkonkludew kuntratt rigward it-trasport ta’ kraxer ċilindrokoniku (iktar ’il quddiem il-“kraxer”) minn Pori (il-Finlandja) lejn Sheffield (ir-Renju Unit).

6        Il-kraxer ġie, qabel kollox, ittrasportat permezz ta’ trakk b’low loader minn Pori għal Rauma (il-Finlandja), fejn inħatt u ġie misjuq għal fuq vapur permezz tal-propulsjoni mekkanika tiegħu stess. Wara li ġie ttrasportat bil-baħar sal-port ta’ Hull (ir-Renju Unit), il-kraxer instaq barra mill-vapur, ukoll permezz tal-propulsjoni mekkanika tiegħu stess, u ġie mbagħad mgħobbi fuq trakk ieħor. Fl-aħħar nett, il-kraxer intbagħat minn Hull bit-triq iżda sparixxa qabel ma ġie kkunsinnat lid-destinatarju tiegħu f’Sheffield.

7        Zurich irrimborsat lil Metso l-valur tal-kraxer, wara li tnaqqas l-eċċess previst mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

8        Bir-rikors tagħhom ippreżentat quddiem is-Satakunnan käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Satakunta, il-Finlandja), Zurich u Metso talbu li ALS tiġi kkundannata tħallashom, bħala danni, l-ammont li jikkorrispondi għall-valur tal-kraxer. ALS talbet li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

9        B’digriet tal-5 ta’ April 2012, is-Satakunnan käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Satakunta) iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-tilwima.

10      Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Marzu 2013, l-imsemmija qorti kkundannat lil ALS tħallas lil Zurich u lil Metso l-ammont mitlub fir-rikors tagħhom.

11      ALS appellat minn din is-sentenza quddiem il-Vaasan hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Vaasa, il-Finlandja). B’sentenza tat-30 ta’ Marzu 2015, din il-qorti kkonkludiet li l-qrati Finlandiżi ma għandhomx ġurisdizzjoni, taħt il-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex jieħdu konjizzjoni tal-imsemmija tilwima u ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli.

12      Zurich u Metso appellaw mis-sentenza tal-Vaasan hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Vaasa, il-Finlandja) quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja). Din il-qorti tqis li, f’dan il-każ, fejn il-postijiet ta’ spedizzjoni u ta’ kunsinna tal-kraxer previsti fil-kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija jinsabu f’żewġ Stati Membri differenti, għandu jiġi eżaminat jekk it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżisti biss post wieħed ta’ provvista tas-servizz ta’ trasport, jiġifieri dak tal-post fejn it-trasport jintemm u fejn il-merkanzija tiġi kkunsinnata lid-destinatarju, jew jekk il-kuntratt ta’ trasport inkwistjoni għandux l-istess karatteristiċi bħal dak li ta lok għas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439), bil-konsegwenza li r-rikorrent ikollu l-possibbiltà li jagħżel bejn mill-inqas żewġ qrati differenti.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-post(ijiet) tal-provvista ta’ servizzi fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 kif għandhom jiġu ddeterminati fil-każ ta’ kuntratt li jirrigwarda t-trasport ta’ merkanzija bejn Stati Membri u t-trasport huwa kompost minn partijiet differenti li għalihom jintużaw modi differenti ta’ trasport?”.

Fuq id-domanda preliminari

14      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt dwar it-trasport ta’ merkanzija bejn Stati Membri f’diversi stadji u permezz ta’ diversi modi ta’ trasport, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm il-post ta’ spedizzjoni kif ukoll il-post ta’ kunsinna tal-merkanzija jikkostitwixxu postijiet ta’ provvista tas-servizz ta’ trasport, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

15      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi, prevista fit-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, tindika bħala li għandha ġurisdizzjoni l-qorti tal-“post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi”.

16      Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-“post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi”, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fil-każ ta’ pluralità ta’ postijiet ta’ provvista ta’ servizzi fi Stati Membri differenti, għandu, fil-prinċipju, jinftiehem b’post ta’ eżekuzzjoni l-post li għandu l-eqreb rabta bejn il-kuntratt u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni li, bħala regola ġenerali, ikun il-post tal-provvista prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Wood Floor Solutions Andreas Domberger, C‑19/09, EU:C:2010:137, punt 33).

17      Fir-rigward ta’ din l-istess dispożizzjoni, b’rabta ma’ titjira diretta mwettqa mill-parti kontraenti tal-passiġġier ikkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li wettqet analiżi tas-servizzi li l-provvista tagħhom kienet tikkorrispondi għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ trasport bl-ajru ta’ persuni, ikkonkludiet li l-uniċi postijiet li għandhom rabta diretta mal-imsemmija servizzi, ipprovduti b’eżekuzzjoni tal-obbligi marbuta mas-suġġett ta’ dan il-kuntratt, huma dawk ta’ tluq u ta’ wasla tal-ajruplan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punti 40 u 41).

18      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-post ta’ tluq u l-post ta’ wasla tal-ajruplan għandhom jiġu kkunsidrati, bl-istess mod, bħala l-postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi li huma s-suġġett tal-imsemmi kuntratt ta’ trasport bl-ajru, li jiġġustifika l-ġurisdizzjoni, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal kumpens ibbażata fuq dan il-kuntratt ta’ trasport, bl-għażla f’idejn ir-rikorrent, tal-qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab il-post ta’ tluq jew il-posta ta’ wasla tal-ajruplan, kif dawn il-postijiet huma miftiehma fl-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punti 43 u 47).

19      F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandux jitqies bħala l-post ta’ provvista ta’ servizzi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jiżgura rabta mill-qrib bejn il-kuntratt ta’ trasport u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni mhux biss il-post ta’ kunsinna tal-merkanzija, iżda wkoll il-post ta’ spedizzjoni ta’ din.

20      F’dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 sa 53 tal-konkużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija, il-post ta’ spedizzjoni ta’ din għandu rabta mill-qrib man-natura essenzjali tas-servizzi li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt.

21      Fil-fatt, waqt trasport ta’ merkanzija, huwa fil-post ta’ spedizzjoni li t-trasportatur għandu jeżegwixxi parti importanti mill-provvista ta’ servizz miftiehma, jiġifieri li jirċievi l-merkanzija, li jistivaha b’mod xieraq u, b’mod ġenerali, li jipproteġiha sabiex ma ġġarrabx ħsara.

22      L-eżekuzzjoni skorretta tal-obbligi kuntrattwali marbuta mal-post ta’ spedizzjoni ta’ merkanzija, bħal, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ stivar, tista’ twassal għal eżekuzzjoni skorretta tal-obbligi kuntrattwali fil-post ta’ destinazzjoni tat-trasport.

23      Għaldaqstant għandu jitqies bħala post ta’ provvista tas-servizz, fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jiżgura rabta mill-qrib bejn il-kuntratt ta’ trasport u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, mhux biss il-post ta’ provvista, iżda wkoll il-post ta’ spedizzjoni ta’ merkanzija.

24      Din is-soluzzjoni tissodisfa r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, għaliex hija tippermetti kemm lir-rikorrent kif ukoll lill-konvenut li jidentifikaw il-qrati tal-post tal-ispedizzjoni u tal-kunsinna tal-merkanzija, kif huma mniżżla fil-kuntratt ta’ trasport, bħala l-qrati li jistgħu jiġu aditi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition, C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 41).

25      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt dwar it-trasport ta’ merkanzija bejn Stati Membri f’diversi stadji, b’waqfiet, u permezz ta’ diversi modi ta’ trasport, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm il-post ta’ spedizzjoni kif ukoll il-post ta’ kunsinna tal-merkanzija jikkostitwixxu postijiet ta’ provvista tas-servizz ta’ trasport, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

26      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt dwar it-trasport ta’ merkanzija bejn Stati Membri f’diversi stadji, b’waqfiet, u permezz ta’ diversi modi ta’ trasport, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm il-post ta’ spedizzjoni kif ukoll il-post ta’ kunsinna tal-merkanzija jikkostitwixxu postijiet ta’ provvista tas-servizz ta’ trasport, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.