Language of document : ECLI:EU:C:2018:570

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Lulju 2018(*)(i)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 TFUE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal moviment liberu u għal residenza fit-territorju tal-Unjoni – Direttiva 2004/38/KE – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(b) – Sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata – Ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu – Applikazzjoni għal permess ta’ residenza – Eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant – Artikoli 15 u 31 – Protezzjoni ġudizzjarja effettiv – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47”

Fil-Kawża C-89/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (l-Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil) ta’ Londra, ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

Secretary of State for the Home Department

vs

Rozanne Banger,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Banger, minn A. Metzer, QC, u S. Saifolahi, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery, J. Kraehling u C. Crane kif ukoll minn S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennelly, QC,

–        għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Secretary of State for the Home Department (is-Segretarju tal-Istat għall-Intern, ir-Renju Unit) u Rozanne Banger dwar ir-rifjut li jinħareġ permess ta’ residenza lil din tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 6, 25 u 26 tad-Direttiva 2004/38 jiddikjaraw:

“(6)      Sabiex tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa u mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ membri ta’ familja taħt din id-Direttiva, u li għalhekk ma jgawdux minn dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, sabiex jiddeċiedi jekk id-dħul u r-residenza għandhomx jiġu awtorizzati lil dawn il-persuni, waqt li titqies ir-relazzjoni tagħhom maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika fuq iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.

[…]

(25)      Il-garanziji proċedurali għandhom jiġu wkoll speċifikati fid-dettall sabiex, fuq naħa jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom f’każ li jiġu mċaħħda milli jidħlu jew milli jgħixu fi Stat Membru ieħor, kif ukoll, fuq in-naħa l-oħra, ir-rispett tal-prinċipju li kwalunkwe azzjoni meħuda mill-awtoritajiet għandha tkun kompletament ġustifikata.

(26)      Fil-każijiet kollha, iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jistgħu jippreżentaw kawża ġudizzjarja jekk jiġu mċaħħda milli jidħlu jew milli jgħixu fi Stat Membru ieħor.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

a)      ir-raġel jew martu [konjuġi];

b)      is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

ċ)      id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

d)      il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

3)      ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2.      Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

a)      kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza, jew meta raġunijiet serji ta’ saħħa strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

b)      is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata.

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies.”

6        Skont l-Artikolu 8(5)(e) u (f) tal-istess direttiva:

“Biex jinħareġ ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni lill-membri tal-familja taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, li huma wkoll ċittadini ta’ l-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jiġu ppreżentati d-dokumenti li ġejjin:

[…]

e)      fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2)(a), dokument maħruġ mill-awtorità rilevanti fil-pajjiż ta’ oriġini jew mill-pajjiż minn fejn ġejjin li jiċċertifika li huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, jew prova ta’ eżistenza ta’ raġunijiet serji ta’ saħħa li strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

f)      f’każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2)(b), evidenza ta’ l-eżistenza ta’ relazzjoni stabbli maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

7        L-Artikolu 10(2)(e) u (f) tad-Direttiva 2004/38 huwa redatt kif ġej:

“Biex tinħareġ il-karta ta’ residenza, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dokumenti li ġejjin:

[…]

e)      fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2)(a), dokument maħruġ mill-awtorità rilevanti tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-pajjiż li ġejjin minnu li jiċċertifika li huma dipendenti jew membri tan-nukleu familjari taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, jew evidenza ta’ l-eżistenza ta’ raġunijiet serji ta’ saħħa li jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

f)      f’każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2)(b), evidenza ta’ l-eżistenza ta’ relazzjoni stabbli maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

8        L-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“Il-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.”

9        L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1. Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat [fejn xieraq], amministrattivi ta’ kumpens fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

[…]

3.      Il-proċeduri ta’ riżarċiment għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex disproporzjonata, b’mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 28.

[…]”

 Id-dritt tar-Renju Unit

10      Id-Direttiva 2004/38 ġiet trasposta fid-dritt tar-Renju Unit bl-Immigration (European Economic Area) Regulations 2006 (ir-Regolamenti tal‑2006 fuq l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea), iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2006”), li kien applikabbli fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-2006 kien jistabbilixxi:

“(1) Bla ħsara għas-subparagrafu (2), għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, il-persuni segwenti għandhom jitqiesu bħala membri tal-familja ta’ persuna oħra:

a)      il-konjuġi tagħha jew is-sieħeb jew sieħba ċivili tagħha;

[…]”

11      L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“(1) Għall-finijiet tar-regolament preżenti, ‘membru tal-familja estiża’ jfisser kull persuna li ma tkunx membru tal-familja ta’ ċittadin taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] skont l-Artikolu 7(1)(a), (b), jew (ċ) u li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fis-subparagrafi (2), (3), (4) jew (5).

[…]

5.      Persuna tissodisfa l-kundizzjoni prevista fis-subparagrafu preżenti jekk din tkun is-sieħeb jew is-sieħba ta’ ċittadin taż-ŻEE (li ma tkunx is-sieħeb jew is-sieħba ċivili) u jekk din tista’ tipprova, b’mod sodisfaċenti għal min irid jiddeċiedi, li hija għandha relazzjoni stabbli maċ-ċittadin taż-ŻEE.

[…]”

12      L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“(1) Jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet fil-paragrafu (2), dawn ir-regolament japplika għal persuna li hija l-membru tal-familja ta’ ċittadin Brittaniku bħallikieku ċ-ċittadin Brittaniku kien ċittadin taż-ŻEE.

2.      Il-kundizzjonijiet huma s-segwenti:

a)      iċ-ċittadin Brittaniku jirrisjedi fi Stat taż-ŻEE bħala ħaddiem jew persuna li taħdem għal rasha jew kien qiegħed jirrisjedi b’dan il-mod qabel ma rritorna fir-Renju Unit; u,

b)      jekk il-membru tal-familja taċ-ċittadin Brittaniku jkun il-konjuġi jew is-sieħeb ċivili tiegħu, il-partijiet qegħdin jgħixu flimkien fl-Istat taż-ŻEE jew iżżewġu jew daħlu fi sħubija ċivili u kienu qegħdin jgħixu flimkien f’dak l-Istat qabel ma ċ-ċittadin Brittaniku rritorna fir-Renju Unit;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      R. Banger hija ċittadin tal-Afrika t’Isfel. Is-sieħeb tagħha, Philip Rado, huwa ċittadin tar-Renju Unit. Bejn is-sena 2008 u s-sena 2010, R.Banger u P. Rado għexu flimkien fl-Afrika t’Isfel. F’Mejju 2010, P. Rado aċċetta impjieg fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huwa għex f’dan l-Istat Membru flimkien ma’ R. Banger, sal-2013. Fl-imsemmi Stat Membru, din tal-aħħar ingħatat karta ta’ residenza bħala “membru tal-familja estiża” ta’ ċittadin tal-Unjoni.

14      Matul is-sena 2013, R. Banger u P. Rado ddeċidew li jistabbilixxu ruħhom fir-Renju Unit. R. Banger ippreżentat applikazzjoni għal karta ta’ residenza quddiem id-Dipartiment tal-Affarijiet Interni. Din il-karta ġiet irrifjutata minħabba li hija kienet is-sieħba mhux miżżewġa ta’ P. Rado u li l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-2006 kien jipprevedi li huwa biss il-konjuġu jew is-sieħeb irreġistrat ta’ ċittadin tar-Renju Unit li jista’ jitqies bħala membri tal-familja estiża ta’ tali ċittadin.

15      R. Banger ippreżentat rikors quddiem il-First-tier Tribunal (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, ir-Renju Unit) kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta t-talba tagħha għal karta ta’ residenza. Din il-qorti laqgħet dan ir-rikors. Sussegwentement id-Dipartiment tal-Affarijiet Interni ingħata permess jappella d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza quddiem l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Immigrazzjoni u l-Ażil), Ir-Renju Unit) fuq il-bażi li kien twettaq żball ta’ liġi.

16      Il-qorti tar-rinviju rrilevat, minn naħa, li l-unika differenza importanti bejn il-kawża li hija adita biha u l-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C-370/90, EU:C:1992:296), tinsab fiċ-ċirkustanza li R. Banger hija s-sieħba mhux miżżewġa ta’ ċittadin tal-Unjoni filwaqt li, f’din l-aħħar imsemmija kawża, is-sinjur u s-sinjura Singh kienu miżżewġin. Għaldaqstant, il-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza jistgħu jiġu applikati għal każijiet bħal dawk tal-kawża odjerna. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li, f’kulleġġ ġudikanti differenti, l-istess qorti kienet diġà ddeċidiet li r-Regolament tal-2006 ma kienx jipprovdi rimedju għal persuna li fir-rigward tagħha tkun ġiet miċħuda karta ta’ residenza fil-kwalità tagħha ta’ “membru tal-familja estiża”.

17      Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil)) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-prinċipji li jinsabu [fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh, C-370/90, EU:C:1992:296] għandhom l-effett li jeżiġu li Stat Membru joħroġ jew, alternattivament, li jiffaċilita l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lis-sieħeb mhux miżżewweġ u mhux ċittadin tal-Unjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li, wara li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu skont it-Trattat sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor, jirritorna ma’ tali sieħeb lejn l-Istat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu?

2)      Alternattivament, hemm rekwiżit li jinħareġ jew, alternattivament, li jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ tali permess ta’ residenza abbażi [tad-Direttiva 2004/38]?

3)      Fejn deċiżjoni li jiġi rrifjutat permess ta’ residenza ma tkunx ibbażata fuq evalwazzjoni estensiva [eżami estensiv] taċ-ċirkustanzi personali tar-rikorrent u ma tkunx iġġustifikata minn raġunijiet xierqa jew suffiċjenti, tali deċiżjoni tkun illegali għaliex tikser l-Artikolu 3(2) [tad-Direttiva 2004/38]?

4)      Regola ta’ dritt nazzjonali li tipprekludi li jsir appell quddiem qorti jew tribunal kontra deċiżjoni tal-poter eżekuttiv li tirrifjuta l-ħruġ ta’ karta ta’ residenza lil persuna li ssostni li hija membru tal-familja estiża, hija kompatibbli mad-Direttiva [2004/38]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

18      Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li, kif ripetutament iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C-370/90, EU:C:1992:296) u fid-Direttiva 2004/38, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawżi li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C-673/16, EU:C:2018:385, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-elementi inklużi fit-talba għal deċiżjoni preliminari, hemm lok li jitqies li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jobbliga lill-Istat Membru li ċittadin tal-Unjoni jkollu n-nazzjonalità tiegħu li jagħti permess residenza jew li jiffaċilta l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni lis-sieħeb jew sieħba mhux irreġistrat, ċittadin ta’ Stat terz u li miegħu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, meta l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni, wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor, skont il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, jirritorna mas-sieħeb tiegħu fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu sabiex jirrisjedi.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkollu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat u fil-miżuri adottati biex jagħtuh effett”.

21      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2004/38 hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE u li din id-direttiva għandha l-għan, b’mod partikolari, li ssaħħaħ dan id-dritt (sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C-456/12, EU:C:2014:135, punt 35, kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C-673/16, EU:C:2018:385, punt 18).

22      Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, dan japplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor għajr dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, u għall-membri tal-familja tagħhom, kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva, li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, li minn interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tal-aħħar tirregola biss il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istati Membri li ma jkunx dak li jkollu n-nazzjonalità tiegħu u li din id-direttiva ma tippermettix li jinkiseb dritt ta’ residenza dderivat favur ċittadini ta’ Stat terz, li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin ikollu n-nazzjonalità (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C-673/16, EU:C:2018:385, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fil-każ odjerna, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali għandha bħala l-għan tagħha talba għal permess ta’ residenza favur R. Banger, ċittadina ta’ Stat terz mir-Renju Unit, Stat Membru li P. Rado għandu n-nazzjonalità tiegħu, u li, meta tressqet din it-talba, dan tal-aħħar u R. Banger ma kinux miżżewġin u lanqas marbuta bi sħubija rreġisrata, iżda kienu ilhom jgħixu flimkien għal diversi snin.

25      Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 u 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunsiderazzjonijiet sistematiċi u teleoloġiċi li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 tas-sentenza odjerna, biex tqis li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ma jippermettux li jservu ta’ bażi għal dritt ta’ residenza dderivat favur ċittadini ta’ Stat terz, membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, fl-Istat Membru tal-oriġini ta’ dan tal-aħħar, da jgħodd ukoll fir-rigward tal-persuni previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, id-Direttiva 2004/38 ma tistax tagħti lok għal dritt ta’ ċittadin ta’ Stat terz, sieħeb mhux irreġistrat ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li dan tal-aħħar għandu n-nazzjonalità tiegħu, sabiex dan jingħata permess ta’ residenza ffaċilitat minn dan l-Istat Membru.

26      F’dan il-każ, isegwi li, minkejja li R. Banger tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata”, li jinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38, din id-Direttiva madankollu ma tistax tagħti lok għal dritt favur R. Banger sabiex din tingħata permess ta’ residenza ffaċilitat mir-Renju Unit.

27      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, f’ċerti każijiet, li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi, li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ma setgħux jibbenefikaw, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin ikollu n-nazzjonalità, jistgħu madankollu jkollhom tali dritt fuq il-bażi tal-Artikolu 21(1) TFUE (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C-673/16, EU:C:2018:385, punt 23).

28      Din il-kunsiderazzjoni hija bbażata fuq ġurisprudenza stabbilita li skontha essenzjalment, fl-assenza ta’ tali dritt ta’ residenza dderivat favur tali ċittadin ta’ Stat terz, iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun dissważ milli jitlaq l-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt ta’ residenza tiegħu, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, fi Stat Membru ieħor, minħabba l-fatt li ma għandux iċ-ċertezza li jkun jista’ jkompli fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ħajja tal-familja żviluppata jew ikkonsolidata maċ-ċittadin ta’ stat terz fl-Istat Membru ospitanti matul residenza effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C-456/12, EU:C:2014:135, punt 54, kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 24).

29      Skont din il-ġurisprudenza, il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ dan id-dritt ta’ residenza dderivat, bħala prinċipju, ma għandhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru differenti minn dak li jkollu n-nazzjonalità tiegħu. B’hekk, anki jekk din id-direttiva ma tkoprix il-każ ta’ ritorn tal-imsemmi ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu huwa jkollu n-nazzjonalità sabiex jirrisjedi, din għandha tiġi applikata b’analoġija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C-456/12, EU:C:2014:135, punti 50 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C-673/16, EU:C:2018:385, punt 25).

30      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(b) tal-imsemmija direttiva jikkonċerna speċifikament is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata. Din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li l-Istat Membru ospitanti għandu jiffavorixxi, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-dħul u r-residenza ta’ dan is-sieħeb.

31      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza favur ċittadini ta’ Stat terz previsti minn din id-dispożizzjoni, iżda timponi fuq dawn l-Istati Membri l-obbligu li jagħtu ċertu vantaġġ lit-talbiet imressqa minn ċittadini ta’ Stati terzi previsti fl-imsemmi artikolu meta mqabbla ma’ talbiet ta’ dħul u ta’ residenza mressqa minn ċittadini oħra ta’ Stati terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C-83/11, EU:C:2012:519, punt 21).

32      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 tas-sentenza odjerna tgħodd ukoll għas-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38. B’hekk, ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu relazzjoni ma’ ċittadin tal-Unjoni li jagħmel użu mid-dritt tiegħu għal moviment liberu li jirritorna sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, ma għandux, fil-mument li fih jirritorna dan iċ-ċittadin fl-aħħar imsemmi Stat Membru, jiġi ssuġġettat għal trattament inqas favorevoli minn dak previst mid-direttiva fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, ma’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu fi Stati Membri li ma humiex dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità.

33      Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li tiġi applikata b’analoġija, id-Direttiva 2004/38, inkluż l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(b), fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom jeħtieġ li jiġi ffavorizzat id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ Stati terzi previsti minn dan tal-aħħar.

34      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li skontu, fil-punt 63 tas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135), l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru tal-oriġini kien ġie limitat biss għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li huma “membri tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li ċittadin ta’ Stat terz li ma għandux il-kwalità ta’ membru tal-familja ma jistax jibbenefika, fl-Istat Membru ospitanti, minn dritt ta’ residenza dderivat skont id-Direttiva 2004/38 jew skont l-Artikolu 21(1) TFUE, l-imsemmija sentenza madankollu ma teskludix l-obbligu, ta’ dan l-Istat Membru, li jiffavorixxi d-dħul u r-residenza ta’ tali ċittadin konformement mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda li l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istat Membru li ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità tiegħu li jiffaċilita l-għoti ta’ permess ta’ residenza lis-sieħeb mhux irreġistrat, ċittadin ta’ Stat terz u li miegħu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, meta l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni, wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor, konformement mal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, jirritorna mas-sieħeb tiegħu sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità.

 Fuq it-tielet domanda

36      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 21(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni li tiċħad l-għoti ta’ permess ta’ residenza lis-sieħeb mhux irreġistrat, ċittadin ta’ Stat terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni, li, wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor, konformement mal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, jirritorna mas-sieħeb tiegħu sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, għandha tkun ibbażata fuq eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u għandha tkun immotivata.

37      Kif ġie rrilevat fil-punt 31 tas-sentenza odjerna, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, applikabbli b’analoġija f’każ ta’ ritorn bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jagħtu ċertu vantaġġ lit-talbiet imressqa minn ċittadini ta’ Stati terzi previsti fl-imsemmija dispożizzjoni meta mqabbla ma’ talbiet ta’ dħul u ta’ residenza mressqa minn ċittadini oħra ta’ Stati terzi.

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jissodisfaw dan l-obbligu, l-Istati Membri għandhom, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, jipprovdu għall-possibbiltà tal-persuni previsti fl-ewwel subpragrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva li jiksbu deċiżjoni fuq it-talba tagħhom li tkun ibbażata fuq eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tagħhom u li, f’każ ta’ rifjut, tkun immotivata (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C-83/11, EU:C:2012:519, punt 22).

39      Fil-kuntest tal-imsemmi eżami tas-sitwazzjoni personali tal-applikant, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni fatturi differenti li jistgħu jkunu rilevanti skont il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C-83/11, EU:C:2012:519, punt 23).

40      Fid-dawl kemm ta’ nuqqas ta’ regoli iktar preċiżi fid-Direttiva 2004/38 u tal-użu tal-kelmiet “skond il-leġislazzjoni nazzjonali” fl-Artikolu 3(2) tagħha, għandu jiġi kkonstatat li kull Stat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla ta’ fatturi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri ospitanti għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tinkludi kriterji li jkunu konformi mat-tifsira normali tal-kelma “jiffaċilita” u li ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C-83/11, EU:C:2012:519, punt 24).

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni li tiċħad l-għoti ta’ permess ta’ residenza lis-sieħeb mhux irreġistrat, ċittadin ta’ Stat terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni, li, wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor, konformement mal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, jirritorna mas-sieħeb tiegħu sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, għandha tkun ibbażata fuq eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u għandha tkun immotivata.

 Fuq ir-raba’ domanda

42      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju li, f’kulleġġ ġudikanti differenti, il-qorti tar-rinviku ddeċidiet li r-Regolament tal-2006 ma kienx jipprovdi right of appeal lill-persuni previsti mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38. Huwa f’dan il-kuntest li għandha tinftiehem ir-raba’ domanda. Il-qorti tar-rinviju b’hekk tistaqsi mhux dwar l-assenza possibbli ta’ stħarriġ ġudizzjarju għall-imsemmija persuni, iżda dwar jekk id-Direttiva 2004/38 teżiġix l-eżistenza ta’ rimedju li jippermetti lill-qorti twettaq stħarriġ kemm legali kif ukoll fattwali.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi previsti minn din id-dispożizzjoni għandu jkollhom rimedju li jippermetti lill-qorti twettaq stħarriġ kemm legali kif ukoll fattwali sabiex jikkontestaw deċiżjoni li tiċħad l-għoti ta’ permess ta’ residenza adottata fil-konfront tagħhom.

44      Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38, il-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 ta’ din tal-aħħar għandhom japplikaw b’analoġija għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Skont l-Artikolu 31(1) ta’ din id-direttiva, il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn xieraq, amministrattivi fl-Istat Membru ospitanti biex jikkontestaw deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħhom minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

45      Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jsemmux espressament il-persuni previsti, b’mod partikolari, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38.

46      F’dan ir-rigward, kir irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “membri tal-familja” jintuża, f’dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2004/38, bħala li jiġbor fih ukoll il-persuni previsti fl-Artikolu 3(2) ta’ din tal-aħħar. B’mod partikolari, l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, li jikkonċerna l-ħruġ ta’ karta ta’ residenza lill-“membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni”, jsemmi, fil-paragrafu 2(e) u (f), id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati, għall-ħruġ ta’ din il-karta ta’ residenza, mill-persuni previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(a) u (b) tal-imsemmija direttiva. Bl-istess mod, l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 2004/38, li jikkonċerna d-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni “lill-membri tal-familja”, isemmi fil-paragrafi e) u f), il-persuni previsti fl-Artikolu 3(2) ta’ din tal-aħħar.

47      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 38 tas-sentenza odjerna, l-Isati Membri għandhom, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, jipprevedu l-possibbiltà li l-persuni previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, ikunu jistgħu jiksbu deċiżjoni dwar it-talba tagħhom, li tkun ibbażata fuq eżami fid-dettall tas-sitwazzjoni personali tagħhom u li, fil-każ ta’ rifjut, din id-deċiżjoni tkun immotivata.

48      Issa, peress li id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 għandhom jingħataw interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti naxxenti mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C-300/11, EU:C:2013:363, punt 50), dawn il-persuni għandu jkollhom rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni adottata, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li jippermetti li tiġi mistħarrġa fattwalment u legalment il-legalità ta’ din id-deċiżjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov, C-430/10, EU:C:2011:749, punt 41).

49      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2004/38 huma applikabbli għall-persuni previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(b) ta’ din tal-aħħar.

50      Fir-rigward tal-portata ta’ dawn il-garanziji proċedurali, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, persuna prevista mill-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva għandha d-dritt li titlob li jiġi vverifikat minn qorti jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha baqgħux fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni ddefinit mill-imsemmija direttiva (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C-83/11, EU:C:2012:519, punt 25).

51      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika b’mod partikolari jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ibbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed. Barra minn hekk, dan l-istħarriġ għandu jkopri l-osservanza tal-garanziji proċedurali, li għandha importanza fundamentali li jippermetti lil qorti tivverifika jekk ġewx issodisfatti l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ April 2017, Fahimian, C-544/15, EU:C:2017:255, punti 45 u 46). Fost dawn il-garanziji huwa inkluż, konformement mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, l-obbligu ta’ dawn l-awtoritajiet li jwettqu eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u li jimmotivaw kull ċaħda ta’ dħul jew ta’ residenza.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għar-raba’ domanda li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi previsti minn din id-dispożizzjoni għandu jkollhom rimedju sabiex jikkontestaw deċiżjoni li tiċħad l-għoti ta’ permess ta’ residenza adottata fil-konfront tagħhom, li wara li dan jiġi eżerċitat il-qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ ċaħda hijiex ibbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed u jekk ġewx osservati l-garanziji proċedurali. Fost dawn il-garanziji huwa inkluż l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jwettqu eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u li jimmotivaw kull ċaħda ta’ dħul jew ta’ residenza.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istat Membru li ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità tiegħu li jiffaċilita l-għoti ta’ permess ta’ residenza lis-sieħeb mhux irreġistrat, ċittadin ta’ Stat terz u li miegħu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, meta l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni, wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor, konformement mal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, jirritorna mas-sieħeb tiegħu sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità.

2)      L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni li tiċħad l-għoti ta’ permess ta’ residenza lis-sieħeb mhux irreġistrat, ċittadin ta’ Stat terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni, li, wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor, konformement mal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, jirritorna mas-sieħeb tiegħu sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, għandha tkun ibbażata fuq eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u għandha tkun immotivata.

3)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi previsti minn din id-dispożizzjoni għandu jkollhom rimedju sabiex jikkontestaw deċiżjoni li tiċħad l-għoti ta’ permess ta’ residenza adottata fil-konfront tagħhom, li wara li dan jiġi eżerċitat il-qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ ċaħda hijiex ibbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed u jekk ġewx osservati l-garanziji proċedurali. Fost dawn il-garanziji huwa inkluż l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jwettqu eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u li jimmotivaw kull ċaħda ta’ dħul jew ta’ residenza.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


i Fil-punt 39 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.