Language of document : ECLI:EU:T:2018:486

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

13 ta’ Lulju 2018 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika ekonomika u monetarja – Programm ta’ sostenn għall-istabbiltà ta’ Ċipru – Deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE dwar l-assistenza ta’ likwidità f’emerġenza wara talba tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru – Dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro tal‑25 ta’ Marzu, tat‑12 ta’ April, tat‑13 ta’ Mejju u tat‑13 ta’ Settembru 2013 dwar Ċipru – Deċiżjoni 2013/236/UE – Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika konkluż bejn Ċipru u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà – Rekwiżiti formali – Eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji nazzjonali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dritt għall-proprjetà – Aspettattivi leġittimi – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑680/13,

Dr. K. Chrysostomides & Co. LLC, stabbilita fin-Nikosija (Ċipru) u r-rikorrenti l-oħrajn li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-anness (1), irrappreżentati minn P. Tridimas, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. de Gregorio Merino, E. Dumitriu-Segnana, E. Chatziioakeimidou u E. Moro, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn B. Smulders, J.-P. Keppenne u M. Konstantinidis, sussegwentement minn Keppenne, Konstantinidis u L. Flynn, bħala aġenti,

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), inizjalment irrappreżentat minn N. Lenihan u F. Athanasiou, sussegwentement minn P. Papapaschalis u P. Senkovic u finalment minn M. Szablewska u K. Laurinavičius, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, avukat,

Il-Grupp tal-Euro, irrappreżentat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. de Gregorio Merino, E. Dumitriu-Segnana, E. Chatziioakeimidou u E. Moro, bħala aġenti,

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn B. Smulders, J.-P. Keppenne u M. Konstantinidis, sussegwentement minn Keppenne, Konstantinidis u L. Flynn, bħala aġenti,

konvenuti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sofrew minħabba d-Deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal‑21 ta’ Marzu 2013 dwar l-assistenza ta’ likwidità f’emerġenza wara talba ppreżentata mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru, id-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro tal‑25 ta’ Marzu, tat‑12 ta’ April, tat‑13 ta’ Mejju u tat‑13 ta’ Settembru 2013 dwar Ċipru, id-Deċiżjoni 2013/236/UE tal-Kunsill tal‑25 ta’ April 2013 indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli (ĠU 2013, L 141, p. 32), il-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika konkluż bejn Ċipru u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), kif ukoll ta’ atti u aġir oħrajn tal-Kummissjoni, tal-Kunsill, tal-BĊE u tal-Grupp tal-Euro marbuta mal-għoti ta’ assistenza finanzjarja lir-Repubblika ta’ Ċipru,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, J. Schwarcz, C. Iliopoulos, L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín u I. Reine, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑11 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      It-Trattat MES

1        Fit‑2 ta’ Frar 2012, ġie konkluż fi Brussell it-Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja (iktar ’il quddiem it-“Trattat MES”). Dan it-trattat daħal fis-seħħ fis‑27 ta’ Settembru 2012.

2        Il-premessa 1 tat-Trattat MES hija fformulata kif ġej:

“Fis‑17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti ta’ stabbiltà. Dan il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (‘MES’) ser jassumi l-kompiti li bħalissa huma mwettqa mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (‘FESF’) u mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (‘MESF’) fl-għoti, fejn ikun meħtieġ, ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro.”

3        Konformement mal-Artikoli 1 u 2, kif ukoll mal-Artikolu 32(2) tat-Trattat MES, il-partijiet kontraenti, jiġifieri l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem l-“IMME”), għandhom jistabbilixxu bejniethom istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (iktar ’il quddiem il-“MES”), li għandha personalità ġuridika.

4        L-Artikolu 3 tat-Trattat MES jiddeskrivi l-għan tal-MES kif ġej:

“L-għan tal-MES huwa l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament u l-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà taħt kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul, għall-benefiċċju tal-Membri fil-MES li jkunu għaddejjin, jew jinsabu mhedda, minn problemi serji ta’ finanzjament jekk dan ikun indipensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, il-MES għandu jkun intitolat jiġġenera fondi billi joħroġ strumenti finanzjarji jew billi jidħol fi ftehimiet jew arranġamenti finanzjarji jew ta’ xort’oћra ma’ Membri fil-MES, istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra.”

5        L-Artikolu 4(1) u (3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tat-Trattat MES jipprovdu:

“1.      Il-MES għandu jkollu Bord tal-Gvernaturi [Kunsill Governattiv] u Bord tad-Diretturi, kif ukoll Direttur Maniġerjali u persunal tiegħu stess ieħor li jitqies li jkun meħtieġ.

[…]

3.      L-adozzjoni ta’ deċiżjoni bi qbil reċiproku teħtieġ l-unanimità tal-membri li jkunu qegћdin jieħdu sehem fil-vot. L-astensjonijiet ma jżommux milli deċiżjoni tiġi adottata bi qbil reċiproku.

4.      B’deroga mill-paragrafu 3, għandha tintuża proċedura ta’ votazzjoni ta’ emerġenza f’każijiet fejn kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-[Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)] jikkonkludu li nuqqas li urġentement tiġi adottata deċiżjoni ta’ għoti jew implimentazzjoni ta’ assistenza finanzjarja, kif definit fl-Artikoli 13 sa 18, jipperikola s-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja taż-żona tal-euro […]”

6        L-Artikolu 5(3) tat-Trattat MES jipprevedi li “[l]-Membru tal-Kummissjoni […] inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-BĊE, kif ukoll il-President tal-Grupp tal-Euro (jekk ma jkunx il-President jew Gvernatur), jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi [Kunsill Governattiv] [tal-MES] bħala osservaturi”.

7        L-Artikolu 6(2) tat-Trattat MES jipprovdi li “[l]-Membru tal-Kummissjoni […] inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-BĊE jistgħu jaħtru osservatur kull wieħed [fil-Bord tad-Diretturi tal-MES]”.

8        L-Artikolu 12 tat-Trattat MES jiddefinixxi l-prinċipji li għalihom huwa suġġett is-sostenn għall-istabbiltà u jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, dan li ġej:

“Jekk ikun indispensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha, il-MES jista’ jipprovdi sostenn għall-istabbiltà lil Membru fil-MES soġġett għal kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul. Tali kondizzjonalità tista’ tvarja minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku sal-osservanza kontinwa ta’ kondizzjonijiet prestabbiliti ta’ eliġibbiltà.”

9        L-Artikolu 13 tat-Trattat MES jiddeskrivi l-proċedura tal-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà lil membru tal-MES kif ġej:

“1.      Membru fil-MES jista’ jindirizza talba għal sostenn għall-istabbiltà lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi [Kunsill Governattiv]. Tali talba għandha tindika l-istrument jew strumenti ta’ assistenza finanzjarja li għandhom jiġu kkunsidrati. Meta jirċievi tali talba, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi għandu jinkariga lill-Kummissjoni […], f’koordinazzjoni mal-BĊE, bil-kompiti li ġejjin:

(a)      l-istima tal-eżistenza ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament jew tal-Istati Membri tagħha, sakemm il-BĊE ma jkunx diġà ppreżenta analiżi taħt l-Artikolu 18[(2)];

(b)      l-istima jekk id-dejn pubbliku huwiex sostenibbli. Fejn xieraq u possibbli, tali stima hija mistennija li ssir flimkien mal-[Fond Monetarju Internazzjonali (FMI)];

(c)      l-istima tal-ħtiġijiet attwali jew potenzjali ta’ finanzjament tal-Membru konċernat fil-MES.

2.      Abbażi tat-talba mill-Membru fil-MES u l-istima msemmija fil-paragrafu 1, il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jagħti, fil-prinċipju, sostenn għall-istabbiltà lill-Membru konċernat fil-MES fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja.

3.      Jekk tiġi adottata deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiinkariga lill-Kummissjoni […] – f’koordinazzjoni mal-BĊE u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI – bil-kompitu li tinnegozja mal-Membru konċernat fil-MES, memorandum ta’ qbil (‘MoU’) li jispeċifika f’dettal il-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja. Il-kontenut tal-MoU għandu jirrifletti s-severità tad-dgħufijiet li għandhom jiġu inidrizzati u l-forma magħżula tal-assistenza finanzjarja. Fl-istess waqt, id-Direttur Maniġerjali tal-MES għandu jħejji proposta għal ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja, inklużi l-pattijiet finanzjarji u l-kondizzjonijiet u l-għażla ta’ strumenti, li għandhom jiġu adottati mill-Bord tal-Gvernaturi.

Il-MoU għandu jkun gћalkollox konsistenti mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika previsti fit-[Trattat FUE], partikolarment ma’ kull att fil-liġi tal-Unjoni Ewropea, inkluża kull opinjoni, twissija, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni indirizzata lill-Membru fil-MES konċernat.

4.      Il-Kummissjoni […] għandha tiffirma l-MoU f’isem il-MES, soġġett għall-konformità minn qabel tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 u l-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.

5.      Il-Bord tad-Diretturi għandu japprova l-ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja li jkun jispeċifika f’dettal l-aspetti finanzjarji tas-sostenn għall-istabbiltà li gћandu jingħata u, fejn applikabbli, il-ħlas tal-ewwel parti tal-assistenza.

[…]

7.      Il-Kummissjoni […] – f’koordinazzjoni mal-BĊE u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI – għandha tkun inkarigata timmonitorja l-konformità mal-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja.”

B.      Diffikultajiet finanzjarji tar-Repubblika ta’ Ċipru u talba għal assistenza finanzjarja

10      Matul l-ewwel xhur tas-sena 2012, ir-Repubblika Ellenika u d-detenturi tal-bonds privati tagħha qablu dwar, imbagħad ipproċedew bi, skambju ta’ titoli ta’ dejn Griegi b’telf sostanzjali fuq il-valur nominali tad-dejn Grieg li kellhom l-investituri privati (Private Sector Involvement (iktar ’il quddiem il-“PSI”)).

11      Bħala konsegwenza tal-espożizzjoni tagħhom għat-titoli li kienu s-suġġett tal-PSI, diversi banek stabbiliti f’Ċipru, fosthom Cyprus Popular Bank Public Co Ltd (iktar ’il quddiem il-“Laïki”) u Trapeza Kyprou Dimosia Etaireia Ltd (iktar ’il quddiem il-“BoC”), sofrew telf sinjifikattiv. B’kollox, dan it-telf kien jammonta għal iktar minn EUR 4 biljun u kien jirrappreżenta madwar 25 % tal-prodott domestiku gross (iktar ’il quddiem il-“PDG”) tar-Repubblika ta’ Ċipru.

12      Sussegwentement, il-Laïki, il-BoC u banek oħrajn stabbiliti f’Ċipru sofrew problemi ta’ sottokapitalizzazzjoni. Peress li ma baqax f’pożizzjoni li jipprovdi biżżejjed garanziji sabiex jikseb finanzjament mill-BĊE, il-Laïki talab, u kiseb, sostenn eċċezzjonali għal-likwidità (Emergency Liquidity Assistance, iktar ’il quddiem l-“ELA”) min-naħa tal-Kentriki Trapeza tis Kyprou (il-Bank ċentrali ta’ Ċipru, iktar ’il quddiem il-“BĊĊ”). L-ammont totali tal-ELA mogħti lil-Laïki kien ta’ EUR 3.8 biljun f’Mejju 2012 u qrib id-EUR 9.6 biljun fit‑3 ta’ Lulju 2012.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika ta’ Ċipru qieset li kien meħtieġ li tintervjeni insostenn tas-settur bankarju Ċiprijott, b’mod partikolari billi tirrikapitalizza lil-Laïki b’ammont li jilħaq il-EUR 1.8 biljun f’Ġunju 2012. Matul l-istess xahar, il-BoC iddikjara li huwa wkoll talab sostenn ta’ kapital lill-awtoritajiet Ċiprijotti, iżda dan ma kisbux.

14      F’dak iż-żmien, ir-Repubblika ta’ Ċipru kienet diġà qiegħda taffaċċja diffikultajiet finanzjarji u baġitarji sinjifikattivi. Peress li l-klassifikazzjoni tagħha kienet tniżżlet bi grad jew tnejn mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni Fitch, Moody’s u Standard & Poor’s fl-ewwel kwart tas-sena 2011, minħabba, b’mod partikolari, l-espożizzjoni tas-settur bankarju tagħha għall-ekonomija Griega, ir-Repubblika ta’ Ċipru sabet ruħha, wara Mejju 2011, fl-impossibbiltà ta’ rifinanzjament fis-swieq b’rati kompatibbli ma’ vijabbiltà baġitarja għal żmien twil. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika ta’ Ċipru kopriet il-bżonnijiet ta’ finanzjament tagħha, b’mod partikolari, billi ħarġet kambjali tat-teżor għal żmien verament qasir u billi kkonkludiet, f’Ottubru 2011, ftehim ta’ self uffiċjali ta’ ammont ta’ EUR 2.5 biljun mal-Federazzjoni Russa.

15      Fil‑25 ta’ Ġunju 2012, peress li l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni Fitch, b’segwitu għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni Moody’s u Standard & Poor’s, niżżlet il-grad tar-Repubblika ta’ Ċipru f’kategorija spekulattiva, it-titoli ta’ dejn ta’ din tal-aħħar ma baqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu ammessi kollateralment fit-tranżazzjonijiet monetarji tal-Eurosistema, li hija kkostitwita mill-Banek Ċentrali tal-IMME u l-BĊE, li jmexxu l-politika monetarja tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess jum, ir-Repubblika ta’ Ċipru ppreżentat lill-President tal-Grupp tal-Euro talba għal assistenza finanzjarja tal-MES jew tal-Fond Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja (iktar ’il quddiem il-“FESF”. Skont id-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Ċiprijott, l-intenzjoni tal-assistenza mitluba kienet li “jitnaqqsu r-riskji għall-ekonomija Ċiprijotta, b’mod partikolari dawk li ġejjin mill-effetti kollaterali negattivi matul is-settur finanzjarju tagħha, espost ħafna għall-ekonomija Griega”.

16      Permezz ta’ dikjarazzjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2012, il-Grupp tal-Euro indika li l-assistenza finanzjarja mitluba kienet ser tiġi pprovduta lir-Repubblika ta’ Ċipru jew mill-FESF, jew mill-MES, fil-kuntest ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku li kellu jiġi kkonkretizzat permezz ta’ memorandum ta’ qbil li n-negozjati tiegħu kienu ser jitmexxew, minn naħa, mill-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-BĊE u l-Fond Monetarju Internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“FMI”), u, min-naħa l-oħra, mill-awtoritajiet Ċiprijotti.

17      Fid‑29 ta’ Novembru 2012, rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-BĊE, tal-FMI u tar-Repubblika ta’ Ċipru stabbilixxew abbozz ta’ memorandum ta’ qbil.

18      Permezz ta’ dikjarazzjoni tal‑21 ta’ Jannar 2013, il-Grupp tal-Euro, minn naħa, indika li ftehim finali dwar programm ta’ aġġustament makroekonomiku jista’ jsir f’Marzu 2013 u, min-naħa l-oħra, inkoraġġixxa lill-partijiet ikkonċernati jagħmlu progress bil-għan li jiffinalizzaw il-komponenti tal-abbozz ta’ memorandum ta’ qbil.

19      F’Marzu 2013, ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-IMME l-oħrajn laħqu ftehim politiku dwar l-abbozz ta’ memorandum ta’ qbil.

20      Permezz ta’ dikjarazzjoni tas‑16 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-Euro laqa’ dan il-qbil kif ukoll l-impenn tal-awtoritajiet Ċiprijotti li jieħdu miżuri addizzjonali intiżi għall-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi interni, bil-għan li jillimitaw l-ammont ta’ assistenza finanzjarja marbuta mal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku msemmi fil-punt 18 iktar ’il fuq. Dawn il-miżuri jinkludu, b’mod partikolari, l-impożizzjoni ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji ta’ Ċipru, ir-ristrutturazzjoni u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek kif ukoll ir-rikapitalizzazzjoni interna tad-detenturi ta’ bonds ta’ livell inferjuri. Il-Grupp tal-Euro enfasizza wkoll li s-settur finanzjarju Ċiprijott għandu jkun suġġett għal tnaqqis xieraq sabiex tiġi rrimedjata l-fraġilità u l-kobor sinjifikattiv tiegħu meta mqabbel mal-PDG tar-Repubblika ta’ Ċipru. F’dan il-kuntest, il-Grupp tal-Euro indika li huwa kien ikkunsidra li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja li setgħet tiżgura l-istabbiltà finanzjarja tar-Repubblika ta’ Ċipru u taż-żona tal-euro kien, fil-prinċipju, iġġustifikat u stieden lill-partijiet ikkonċernati sabiex jgħaġġlu n-negozjati li kienu għaddejjin.

21      Fit‑18 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika ta’ Ċipru ordnat l-għeluq tal-banek fil-jiem ta’ xogħol tad‑19 u tal-20 ta’ Marzu 2013. Sussegwentement, l-awtoritajiet Ċiprijotti ddeċidew li jestendu dan l-għeluq sat‑28 ta’ Marzu 2013 sabiex jiġi evitat irtirar massiv ta’ flus mill-banek.

22      Fid‑19 ta’ Marzu 2013, il-Parlament Ċiprijott ċaħad abbozz ta’ liġi tal-Gvern Ċiprijott dwar il-ħolqien ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji kollha f’Ċipru. Għaldaqstant, il-Gvern Ċiprijott ressaq abbozz ġdid ta’ liġi li tipprevedi biss ir-ristrutturazzjoni ta’ żewġ banek Ċiprijotti, jiġifieri l-BoC u l-Laïki (iktar ’il quddiem il-“banek imsemmija”).

23      Fil‑21 ta’ Marzu 2013, għalkemm id-djun tal-Laïki u l-BoC li ġew mill-ELA kienu jammontaw għal EUR 9.5 biljun u għal EUR 1.9 biljun rispettivament, il-BĊE ppubblika stqarrija għall-istampa fejn indika dan li ġej:

“Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jżomm il-livell eżistenti tal-ELA [sal-]25 ta’ Marzu 2013.

Proroga għar-rimbors tista’ tiġi kkunsidrata biss jekk ikun stabbilit programm tal-[Unjoni jew tal-FMI] li jiżgura s-solvenza tal-banek ikkonċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24      Fit‑22 ta’ Marzu 2013, il-Parlament Ċiprijott adotta l-O peri exiyiansis pistotikon kai allon idrimaton nomos (Nru 17(I)/2013) (il-Liġi dwar ir-Riorganizzazzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u ta’ Stabbilimenti Oħrajn, EE, Anness I(I) Nru 4379, tat‑22 ta’ Marzu 2013, p. 117) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013”). Skont il-punt 3(1) u l-punt 5(1) ta’ din il-liġi, il-BĊĊ ġie inkarigat, flimkien mal-Ministeru għall-Finanzi Ċiprijott, mir-riorganizzazzjoni tal-istituzzjonijiet imsemmija mill-istess liġi. Għal dan il-għan, qabelxejn, il-punt 12(1) tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013 jipprevedi li l-BĊĊ jista’, permezz ta’ digriet, jirristruttura d-djun u l-obbligi ta’ istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, inkluż permezz ta’ tnaqqis, ta’ modifika, ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ novazzjoni tal-kapital nominali jew tal-bilanċ ta’ kwalunkwe tip ta’ krediti eżistenti jew futuri f’din l-istituzzjoni jew permezz ta’ konverżjoni ta’ titoli ta’ dejn f’fondi proprji. Sussegwentement, l-imsemmi punt jeskludi minn dawn il-miżuri d-depożiti assigurati, fis-sens tal-ħames paragrafu tal-punt 2 tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013, jiġifieri d-depożiti li jammontaw għal EUR 100 000 jew inqas. Il-punt 3(2)(a) u (b) ta’ din il-liġi jipprevedi li l-azzjonisti ta’ istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni jkunu l-ewwel li jbatu kull telf li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li l-kredituri ta’ tali istituzzjoni jbatu dan it-telf biss wara l-azzjonisti. Finalment, mill-punt 3(2)(d) tal-imsemmija liġi jirriżulta li l-miżuri adottati abbażi tal-imsemmija liġi ma jistgħux ipoġġu lill-kredituri tal-banek ikkonċernati f’sitwazzjoni finanzjarja inqas favorevoli minn dik li kieku jispiċċaw fiha f’każ ta’ likwidazzjoni ta’ dawn il-banek. Il-punt 12(14) tal-liġi inkwistjoni jippreċiża li, f’każ ta’ implimentazzjoni tal-miżura prevista fil-punt 12(1) tal-istess liġi, il-partijiet affettwati jirċievu, bi ħlas tat-talbiet tagħhom, mill-inqas l-ammont li setgħu rċevew, skont id-dritt Ċiprijott, f’każ ta’ likwidazzjoni tal-imsemmija banek.

25      Permezz ta’ dikjarazzjoni tal‑25 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-Euro indika li kien intlaħaq ftehim mal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar l-elementi essenzjali ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku futur, li kellu s-sostenn tal-IMME kollha kif ukoll tal-Kummissjoni, tal-BĊE u tal-FMI.

26      F’din id-dikjarazzjoni, huwa indikat, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Il-Grupp tal-Euro jirrikonoxxi l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni tas-settur finanzjarju msemmija fl-anness. Dawn il-miżuri ser iservu bħala bażi għar-ristrutturazzjoni tal-vijabbiltà tas-settur finanzjarju. B’mod partikolari, huma jiggarantixxu d-depożiti kollha ta’ inqas minn EUR 100 000, skont il-prinċipji tal-Unjoni.

Il-programm se jinkludi approċċ deċiżiv sabiex jiġu rrimedjati l-iżbilanċi tas-settur finanzjarju. Se jkun hemm tnaqqis xieraq tas-settur finanzjarju […]

Il-Grupp tal-Euro jħeġġeġ l-implimentazzjoni immedjata tal-ftehim bejn [ir-Repubblika ta’ Ċipru] u [r-Repubblika Ellenika] dwar il-fergħat Griegi tal-banek Ċiprijotti, li jipproteġi l-istabbiltà kemm tas-sistema bankarja Griega kif ukoll dik Ċiprijotta” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

27      L-anness ta’ din id-dikjarazzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Wara preżentazzjoni tal-abbozzi politiċi tal-awtoritajiet [tar-Repubblika ta’ Ċipru], li fil-maġġoranza tagħhom intlaqgħu mill-Grupp tal-Euro, intlaħaq ftehim fuq dan li ġej:

1. Il-Laïki għandu jingħalaq immedjatament – b’kontribuzzjoni sħiħa tal-azzjonisti, tad-detenturi ta’ bonds u tad-depożitanti mhux assigurati – skont riżoluzzjoni tal-[BĊĊ] bl-użu tal-qafas ta’ riżoluzzjoni bankarja li għadu kif ġie adottat.

2. Il-Laïki għandu jiġi diviż fi struttura annullabbli u f’bank riorganizzat. L-istruttura annullabbli għandha tispiċċa progressivament.

3. Il-bank riorganizzat għandu jiġi integrat fil-[BoC] bl-għajnuna tal-qafas ta’ riżoluzzjoni bankarja u wara konsultazzjoni mal-Bord tad-Diretturi tal-BoC u tal-Laïki. Huwa ser jipprovdi [ELA] li tammonta għal EUR [9] biljun. Huma biss id-depożiti mhux [assigurati] tal-BoC li se jibqgħu iffriżati sa meta tkun saret ir-rikapitalizzazzjoni u sussegwentement ikunu jistgħu jiġu ssuġġettati għal kundizzjonijiet adegwati.

4. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE għandu jipprovdi likwiditajiet lill-BoC filwaqt li josserva r-regoli applikabbli.

5. Il-BoC għandu jiġi rrikapitalizzat permezz ta’ konverżjoni tad-depożiti mhux [assigurati] f’fondi proprji b’kontribuzzjoni sħiħa tal-azzjonisti u tad-detenturi ta’ bonds.

6. Il-konverżjoni għandha ssir b’mod li tiżgura perċentwali mill-kapital ta’ 9 % fl-aħħar tal-programm.

7. Id-detenturi kollha tad-depożiti [assigurati] fil-banek kollha għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni totali skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-[Unjoni].

8. Il-baġit tal-programm (sa EUR 10 biljun) mhux ser iservi sabiex jiġu rrikapitalizzati l-Laïki jew il-[BoC]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

28      Bħalma ġie ppreċiżat fir-risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, kien stmat li, mill-EUR 10 biljun inklużi fil-baġit tal-programm, EUR 3.4 biljun jingħataw għall-bżonnijiet baġitarji tar-Repubblika ta’ Ċipru, EUR 4.1 biljun għar-riakkwist tat-titoli ta’ dejn ta’ din tal-aħħar, u EUR 2.5 biljun għar-rikapitalizzazzjoni u għar-ristrutturazzjoni ta’ banek Ċiprijotti oħrajn, barra l-banek imsemmija.

C.      Miżuri ta’ ristrutturazzjoni bankarja adottati mir-Repubblika ta’ Ċipru

29      Fil‑25 ta’ Marzu 2013, il-Gvernatur tal-BĊĊ issuġġetta lill-banek imsemmija għal proċedura ta’ riorganizzazzjoni.

30      Sussegwentement, ġew ippubblikati erba’ digrieti għal dan il-għan fuq il-bażi tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013, jiġifieri:

–        il-Kanonistiki Dioikitiki Praxi 96/2013, peri tis polisis ergasion ton en elladi ergasion tis Trapezas Kyprou Dimosias Etaireias Ltd Diatagma tou 2013 (Digriet 96/2013 dwar il-bejgħ ta’ ċerti tranżazzjonijiet tal-BoC fil-Greċja, att amministrattiv regolatorju Nru 96), tas-26 ta’ Marzu 2013 (EE, Anness III(I), Nru 4640, 26.3.2013, p. 745) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 96”);

–        il-Kanonistiki Dioikitiki Praxi 97/2013, peri tis polisis ergasion ton en elladi ergasion tis Cyprus Popular Bank Public Co Ltd Diatagma tou 2013 (Digriet 97/2013 dwar il-bejgħ ta’ ċerti tranżazzjonijiet tal-Laïki fil-Greċja, att amministrattiv regolatorju Nru 97), tas-26 ta’ Marzu 2013 (EE, Anness III(I), Nru 4640, 26.3.2013, p. 749) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 97”);

–        il-Kanonistiki Dioikitiki Praxi 103/2013, peri diasosis me idia mesa tis Trapezas Kyprou Dimosias Etaireias Ltd Diatagma tou 2013 (Digriet 103/2013 dwar ir-riorganizzazzjoni permezz ta’ mezzi proprji tal-BoC, att amministrattiv regolatorju Nru 103), tad-29 ta’ Marzu 2013 (EE, Anness III(I), Nru 4645, 29.3.2013, p. 769) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 103”);

–        il-Kanonistiki Dioikitiki Praxi 104/2013, peri tis Polisis Orismenon Ergasion tis Cyprus Popular Bank Public Co Ltd Diatagma tou 2013 (Digriet 104/2013 dwar il-bejgħ ta’ ċerti attivitajiet tal-Laïki, att amministrattiv regolatorju Nru 104), tad-29 ta’ Marzu 2013 (EE, Anness III(I), Nru 4645, 29.3.2013, p. 781) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 104”).

31      Id-Digrieti Nri 96 u 97 jipprevedu, rispettivament, il-bejgħ tal-fergħat tal-BoC u tal-Laïki stabbiliti fil-Greċja (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“fergħat Griegi”).

32      Il-punti 5 u 6 tad-Digriet Nru 103 jipprevedu rikapitalizzazzjoni tal-BoC, għall-ispejjeż, b’mod partikolari, tad-depożitanti mhux assigurati tiegħu u tal-azzjonisti tiegħu, sabiex ikun jista’ jkompli jipprovdi servizzi bankarji. Għalhekk, id-depożiti mhux assigurati tal-BoC ġew ikkonvertiti f’azzjonijiet ta’ dan tal-aħħar (37.5 % ta’ kull depożitu mhux assigurat), f’titoli konvertibbli, mill-BĊĊ, jew f’azzjonijiet jew f’depożiti (22.5 % ta’ kull depożitu mhux assigurat), u f’titoli li jistgħu jiġu kkonvertiti f’depożiti mill-BĊĊ (40 % ta’ kull depożitu mhux assigurat). Mit-titoli li setgħu jiġu kkonvertiti f’depożiti mill-BĊĊ, 25 % (10 % ta’ kull depożitu mhux assigurat) ġew irrilaxxati. Il-75 % li jifdal (30 % ta’ kull depożitu mhux assigurat) baqgħu mhux aċċessibbli għad-depożitanti. Il-punt 6(5) tad-Digriet Nru 103 jippreċiża li, jekk il-kontribuzzjonijiet tad-depożitanti mhux assigurati jeċċedu dak li huwa meħtieġ bil-għan li jinkiseb mill-ġdid il-kapital ta’ ekwità tal-BoC, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiddetermina l-ammont korrispondenti għall-kapitalizzazzjoni eċċessiva u tikkunsidrah daqslikieku l-konverżjoni qatt ma kienet saret. Id-Digriet Nru 103, konformement mal-punt 10 tiegħu, daħal fis-seħħ fis‑sitta ta’ filgħodu tad‑29 ta’ Marzu 2013.

33      Wara l-emendi prodotti mid-Digriet Nru 103 tat‑30 ta’ Lulju 2013, minn naħa, l-10 % tad-depożiti mhux assigurati, li qabel kienu ġew ikkonvertiti f’titoli konvertibbli jew f’azzjonijiet jew f’depożiti, ġew ikkonvertiti f’azzjonijiet tal-BoC. Mit-titoli konvertibbli, mill-BĊĊ, jew f’azzjonijiet, jew f’depożiti, li jifdal (12.5 % ta’ kull depożitu mhux assigurat) u dawk li jistgħu jkunu kkonvertiti f’depożiti mill-BĊĊ u għadhom ma ġewx irrilaxxati (30 % ta’ kull depożitu mhux assigurat), 12 % tqiegħdu f’kont kurrenti ġdid, filwaqt li 88 % tqiegħdu, f’ammonti indaqs, f’kontijiet ta’ depożitu b’terminu ta’ sitt xhur, ta’ disa’ xhur u ta’ tnax-il xahar.

34      Min-naħa l-oħra, il-valur nominali ta’ EUR 1 ta’ kull azzjoni ordinarja tal-BoC tnaqqas għal ċenteżmu. Sussegwentement, mitt azzjoni ordinarja b’valur nominali ta’ ċenteżmu ġew magħquda f’azzjoni ordinarja waħda b’valur nominali ta’ EUR 1. L-azzjonijiet ordinarji b’valur nominal ta’ ċenteżmu li n-numru tagħhom kien ta’ inqas minn 100 u li, għaldaqstant, ma setgħux jingħaqdu sabiex jifformaw azzjoni ordinarja ġdida b’valur nominali ta’ EUR 1 tneħħew.

35      Fir-rigward tad-Digriet Nru 104, id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-punti 2 u 5 tiegħu jipprevedu li, fis-sitta u għaxra ta’ filgħodu tad‑29 ta’ Marzu 2013, ċerti elementi ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet kellhom jiġu ttrasferiti mil-Laïki għall-BoC, inklużi d-depożiti ta’ inqas minn EUR 100 000 u d-dejn marbut mal-ELA. Id-depożiti ta’ iktar minn EUR 100 000 inżammu mil-Laïki, fl-istennija tal-likwidazzjoni tiegħu.

36      Wara l-emendi prodotti mid-digriet Nru 104 tat‑30 ta’ Lulju 2013, madwar 18 % tal-kapital ġdid tal-BoC ingħata lil-Laïki matul is-sena 2013.

37      Wara l-adozzjoni tad-Digrieti Nri 96, 97, 103 u 104 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“digrieti dannużi”), il-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI żvolġew diskussjonijiet ġodda mal-awtoritajiet Ċiprijotti sabiex jiffinalizzaw memorandum ta’ qbil.

D.      Għoti ta’ assistenza finanzjarja lir-Repubblika ta’ Ċipru

38      Permezz ta’ dikjarazzjoni tat‑12 ta’ April 2013, l-ewwel nett, il-Grupp tal-Euro laqa’ ftehim milħuq bejn l-awtoritajiet Ċiprijotti, minn naħa, u l-FMI, il-Kummissjoni u l-BĊE, min-naħa l-oħra. Dan indika li, fid-dawl ta’ dan il-ftehim, l-elementi meħtieġa nġabru għat-tnedija tal-proċeduri nazzjonali meħtieġa għall-approvazzjoni formali tal-ftehim dwar l-assistenza finanzjarja mitluba mir-Repubblika ta’ Ċipru. Dan qal ukoll li kien stenna li l-Kunsill Governattiv tal-MES ikun jista’ japprova dan il-ftehim sal‑24 ta’ April 2013, bil-kundizzjoni li jingħalqu l-proċeduri nazzjonali. It-tieni nett, il-Grupp tal-Euro qal li l-awtoritajiet Ċiprijotti kienu implimentaw miżuri deċiżivi ta’ riżoluzzjoni, ta’ ristrutturazzjoni u ta’ rikapitalizzazzjoni sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni fraġli u unika tas-settur finanzjarju Ċiprijott.

39      Matul il-laqgħa tal‑24 ta’ April 2013, l-ewwel nett, il-Kunsill Governattiv tal-MES ikkonferma, minn naħa, li l-Kummissjoni u l-BĊE kienu ġew inkarigati jwettqu l-evalwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(1) tat-Trattat MES u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE u l-FMI, kienet ġiet inkarigata tinnegozja l-memorandum ta’ qbil mar-Repubblika ta’ Ċipru. It-tieni nett, huwa ddeċieda li jagħti sostenn għall-istabbiltà lir-Repubblika ta’ Ċipru fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja (iktar ’il quddiem il-“FAF”), konformement mal-proposta tad-Direttur Ġenerali tal-MES. It-tielet nett, huwa approva abbozz ta’ memorandum ta’ qbil ġdid innegozjat, minn naħa, mill-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE u l-FMI, u, min-naħa l-oħra, mir-Repubblika ta’ Ċipru. Ir-raba’ nett, huwa inkariga lill-Kummissjoni tiffirma dan il-memorandum f’isem il-MES.

40      Fil‑25 ta’ April 2013, fuq il-bażi tal-Artikolu 136(1) TFUE, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/236/UE, indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli (ĠU 2013, L 141, p. 32). Din id-deċiżjoni tipprevedi sensiela ta’ “miżuri u [ta’] riżultati” sabiex jitnaqqas id-defiċit baġitarju tar-Repubblika ta’ Ċipru u tiġi stabbilita mill-ġdid is-solidità tas-sistema finanzjarja ta’ din tal-aħħar.

41      Fis‑26 ta’ April 2013, il-memorandum ta’ qbil ġdid (iktar ’il quddiem il-“Memorandum ta’ Qbil tas-26 ta’ April 2013”) ġie ffirmat mill-Viċi President tal-Kummissjoni, f’isem il-MES, mill-Ministru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru u mill-Gvernatur tal-BĊĊ.

42      Taħt it-titolu “Ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni [tal-banek imsemmija]”, il-punti 1.23 sa 1.28 ta’ dan il-memorandum ta’ qbil jipprovdu:

“1.23.      L-eżami tal-valur finanzjarju u kontabbli diġà msemmi rrivela li l-ikbar żewġ banek f’Ċipru kienu f’insolvenza. Sabiex tiġi solvuta din is-sitwazzjoni, il-Gvern implimenta pjan ta’ riżoluzzjoni u ta’ ristrutturazzjoni kbira. Sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ futur żbilanċjat u sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà tas-settur, filwaqt li ma tiġix affettwata l-kompetizzjoni, ġiet adottata strateġija li tinkludi erba’ partijiet, li ma tinvolvix l-użu tal-flus tal-kontributuri.

1.24      L-ewwel nett, l-attiv kollu (inkluż is-self fil-qasam tat-trasport marittimu) u l-passiv marbut mal-Greċja, stmati rispettivament fl-ammont ta’ EUR 16.4 u EUR 15-il biljun, skont l-ipoteżi sfavorevoli, ġew assenjati. L-attiv u l-passiv Grieg ġie akkwistat minn Piraeus Bank, li r-ristrutturazzjoni tiegħu għandha tittieħed taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet Elleniċi. Iċ-ċessjoni saret permezz ta’ ftehim iffirmat fis‑26 ta’ Marzu 2013. Peress li l-valur kontabbli tal-attiv jammonta għal EUR 19.2 biljun, dan it-trasferiment ippermetta li titnaqqas sostanzjalment l-espożizzjoni reċiproka bejn il-Greċja u Ċipru.

1.25      Fir-rigward tal-fergħa [tal-Laïki] fir-Renju Unit, id-depożiti kollha ġew ittrasferiti lill-fergħa fir-Renju Unit [tal-BoC]. L-attiv relatat ġie integrat fi ħdan il-[BoC].

1.26      It-tieni nett, il-[BoC] ser jakkwista – permezz ta’ proċedura ta’ xiri u ta’ assorbiment – l-attiv Ċiprijott [tal-Laïki], għall-valur ġust tagħhom, kif ukoll id-depożiti assigurati tagħhom u l-espożizzjoni tiegħu [għall-ELA], fil-valur nominali tagħhom. Id-depożiti mhux assigurtati [tal-Laïki] għandhom jinżammu mill-entità ta’ qabel. L-għan huwa li l-valur tal-attiv assenjat ikun ikbar mill-passiv assenjat b’mod li d-differenza tikkorrispondi għar-rikapitalizzazzjoni tal-[BoC] mil-[Laïki] li tammonta għal 9 % tal-attiv stmat skont ir-riskji li ġew assenjati. Il-[BoC] huwa suġġett għal rikapitalizzazzjoni tali li jintlaħaq, fl-aħħar tal-programm, proporzjon minimu ta’ fondi proprji (core tier one ratio) ta’ 9 %, skont l-ipoteżi sfavorevoli tal-istress test, u dan għandu jikkontribwixxi sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja u jiġu nnormalizzati l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament. Il-konverżjoni ta’ 37.5 % tad-depożiti mhux assigurati miżmuma fil-[BoC] f’azzjonijiet ordinarji, bi dritt ta’ vot sħiħ u drittijiet għal dividendi, tipprovdi l-parti l-kbira tal-bżonnijiet ta’ kapital, b’żieda supplimentari f’kapital proprju min-naħa tal-entità ta’ qabel [tal-Laïki]. Parti mid-depożiti mhux assigurati li jifdal tal-[BoC] għandha temporanjament tiġi ffriżata.

1.27      It-tielet nett, sabiex jiġi żgurat li l-għanijiet tal-kapitalizzazzjoni jintlaħqu, għandha ssir evalwazzjoni indipendenti iktar dettaljata u aġġornata tal-attiv [tal-banek imsemmija] skont l-eżiġenzi tal-qafas għar-riżoluzzjoni tal-fallimenti bankarji, għall-aħħar ta’ Ġunju 2013. Għal dan il-għan, it-termini ta’ referenza tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni indipendenti għandhom ikunu miftiehma sa mhux iktar tard min-nofs April 2013, b’konsultazzjoni mal-[Kummissjoni], il-[BĊE] u l-[FMI]. Wara din l-evalwazzjoni, għandha ssir, jekk ikun meħtieġ, konverżjoni addizzjonali tad-depożiti mhux assigurati f’azzjonijiet ordinarji, b’mod li jiġi żgurat li jintlaħaq minimu ta’ kapital proprju ta’ 9 % f’kundizzjonijiet ta’ kriżi fl-aħħar tal-programm. Jekk il-[BoC] jiġi kkapitalizzat b’mod eċċessiv fid-dawl ta’ dan l-għan, għandu jsir proċess ta’ xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet sabiex jiġu rrimborsati d-depożitanti tal-ammont li jikkorrispondi għall-kapitalizzazzjoni eċċessiva.

1.28      Finalment, fid-dawl tal-importanza sistematika tal-[BoC], huwa importanti li t-tranżazzjonijiet [tal-Laïki] jiġu integrati malajr, l-effiċjenza operazzjonali titjieb, l-irkupru tas-self improduttiv jiġi ottimizzat, bl-implimentazzjoni tal-irkupru mill-entità vijabbli, u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament normalizzati progressivament. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u jiġi żgurat li l-[BoC] jista’ jopera b’garanziji massimi għas-salvagwardja tal-istabbiltà u l-vijabbiltà kontinwa matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, il-BĊĊ, wara konsultazzjoni mal-Ministeru għall-Finanzi, għandu jaħtar Bord tad-Diretturi ġdid u Direttur Ġenerali ġdid fuq bażi ad interim sakemm l-azzjonisti l-ġodda tal-[BoC] jiġu organizzati fil-qafas ta’ assemblea ġenerali. Il-BĊĊ għandu jeżiġi lill-Bord tad-Diretturi jħejji pjan ta’ ristrutturazzjoni li jiddefinixxi l-għanijiet kummerċjali u l-politiki tal-kreditu tal-bank sal-aħħar ta’ Settembru 2013. Sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet kummerċjali normali ma jiġux affettwati, xi arranġamenti istituzzjonali għandhom jiġu redatti sal-aħħar ta’ Ġunju 2013 konformement mad-dritt Ċiprijott għall-protezzjoni tal-[BoC] minn riskji ta’ reputazzjoni u ta’ governanza.”

43      Fit‑30 ta’ April 2013, il-Parlament Ċiprijott approva l-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013.

44      Fit‑8 ta’ Mejju 2013, il-MES, ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-BĊĊ ikkonkludew ftehim dwar il-FAF. Fl-istess jum, il-Bord tad-Diretturi tal-MES approva dan il-ftehim kif ukoll proposta dwar il-modalitajiet ta’ ħlas lir-Repubblika ta’ Ċipru tal-ewwel parti tal-għajnuna li tammonta għal EUR 3 biljun. Din il-parti nqasmet f’żewġ ħlasijiet. L-ewwel wieħed, ta’ madwar EUR 2 biljun, sar fit‑13 ta’ Mejju 2013. It-tieni wieħed, ta’ madwar EUR 1 biljun, sar fis‑26 ta’ Ġunju 2013.

45      Permezz ta’ dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Mejju 2013, il-Grupp tal-Euro laqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-MES li tapprova l-ewwel parti tal-għajnuna u kkonferma li r-Repubblika ta’ Ċipru kienet implimentat il-miżuri miftiehma fil-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013.

46      Permezz ta’ dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Settembru 2013, il-Grupp tal-Euro laqa’, minn naħa, il-konklużjoni tal-ewwel missjoni ta’ kontroll tal-Kummissjoni, tal-BĊE u tal-FMI u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-BoC kien inħareġ mill-proċedura ta’ riżoluzzjoni fit‑30 ta’ Lulju 2013. Barra minn hekk, il-Grupp tal-Euro esprima s-sostenn tiegħu għall-ħlas tat-tieni parti tal-għajnuna. Dan il-ħlas ta’ madwar EUR 1.5 biljun sar fis‑27 ta’ Settembru 2013.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

47      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti, Dr. K. Chrysostomides & Co. LLC u l-partijiet l-oħrajn li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-Anness, ippreżentaw din l-azzjoni.

48      Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tikkundanna lill-konvenuti sabiex iħallsuhom l-ammonti indikati fl-anness tar-rikors, flimkien mal-interessi li jiddekorru mis‑16 ta’ Marzu 2013 sal-għoti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

–        sussidjarjament, tikkonstata li l-Unjoni u/jew il-konvenuti għandhom jassumu responsabbiltà mhux kuntrattwali u tiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi stabbilit it-telf li jista’ jiġi kkumpensat li huma effettivament sofrew;

–        tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

49      Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti talbu wkoll it-trattament prijoritarju ta’ din il-kawża, skont l-Artikolu 55(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991.

50      Permezz ta’ atti separati, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl‑14 ta’ Lulju 2014, fis‑16 ta’ Lulju 2014 u fit‑18 ta’ Awwissu 2014, rispettivament, il-Kunsill, il-BĊE u l-Kummissjoni invokaw eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991.

51      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

52      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew bħala manifestament infondat fid-dritt fis-sens tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

53      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala manifestament infondat fid-dritt fis-sens tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

54      Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn l-eċċezzjonijiet fit‑2 ta’ Ottubru 2014. F’dawn l-osservazzjonijiet, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà;

–        sussidjarjament, tgħaqqad l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mal-mertu;

–        tilqa’ t-talbiet tar-rikors.

55      Permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ Ġunju 2015, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tgħaqqad mal-mertu l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuti, konformement mal-Artikolu 114(4) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991.

56      Fit‑28 ta’ Lulju 2015, fit‑30 ta’ Lulju 2015 u fil‑31 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill, il-BĊE u l-Kummissjoni, rispettivament, ippreżentaw risposti.

57      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala manifestament infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

58      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

59      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u/jew infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

60      Fit‑23 ta’ Settembru 2015, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 83(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li ma kienx meħtieġ li jsir skambju ieħor ta’ noti.

61      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti talbu, konformement mal-Artikolu 83(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jiġu awtorizzati għal preżentata ta’ replika.

62      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2015, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba.

63      Fid‑9 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika tagħhom. Fid‑29 ta’ Jannar 2016, fil-11 ta’ Frar 2016 u fit-12 ta’ Frar 2016, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-BĊE, rispettivament, ippreżentaw il-kontrorepliki tagħhom.

64      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti talbu, minn naħa, iż-żamma ta’ seduta u, min-naħa l-oħra, li din il-kawża u l-Kawża T‑786/14, Bourdouvali et vs Il-Kunsill et, jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura. Il-konvenuti indikaw lill-Qorti Ġenerali li ma kellhom l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tat-tgħaqqid mitlub.

65      Fit‑18 ta’ April 2016, skont l-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jissospendi din il-proċedura sal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ttemm din l-istanza fil-Kawżi C‑8/15 P, Ledra Advertising vs Il-Kummissjoni u Il-BĊE, C‑9/15 P, Eleftheriou et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑10/15 P, Theophilou u Theophilou vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑105/15 P, Mallis u Malli vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑106/15 P, Tameio Pronoias Prosopikou Trapezis Kyprou vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑107/15 P, Chatzithoma vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑108/15 P, Chatziioannou vs Il-Kummissjoni u BĊE, u C‑109/15 P, Nikolaou vs Il-Kummissjoni u BĊE.

66      Wara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701), u Mallis et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702), li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja temmet l-istanza fil-proċeduri msemmija fil-punt 65 iktar ’il fuq, din il-proċedura tkompliet.

67      Fis‑27 ta’ Ottubru 2016, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet dwar il-konsegwenzi li kienu rriżultaw minn dawn iż-żewġ sentenzi f’din il-kawża. Il-partijiet onoraw din l-istedina fit-terminu mogħti.

68      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie maħtur għar-Raba’ Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

69      Fis‑27 ta’ April 2017, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad din il-kawża mal-Kawża T‑786/13, Bourdouvali et vs Il-Kunsill et, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

70      Fis‑17 ta’ Mejju 2017, fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat lura din il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

71      Fit‑18 ta’ Mejju 2017, fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura mingħajr ma tilqa’ t-talba għal trattament prijoritarju ppreżentata mir-rikorrenti. Fl-istess jum, il-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali stabbilixxa s-seduta tat‑12 ta’ Lulju 2017.

72      Fl‑14 ta’ Ġunju 2017, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Dawn tal-aħħar wieġbu fit-terminu mogħti.

73      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti talbu d-differiment tas-seduta, prevista għat‑12 ta’ Lulju 2017 (ara l-punt 71 iktar ’il fuq). Fis‑26 ta’ Ġunju 2017, il-President tar-Raba’ Awla Estiża laqa’ din it-talba u ddifferixxa s-seduta għall‑11 ta’ Settembru 2017.

74      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑11 ta’ Settembru 2017.

III. Id-dritt

75      Matul id-dħul fis-seħħ tad-digrieti dannużi (ara l-punti 30 sa 36 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti kienu jew depożitanti fl-imsemmija banek, jew azzjonisti tagħhom.

76      L-applikazzjoni tal-miżuri previsti mid-digrieti dannużi, kif emendati fit‑30 ta’ Lulju 2013 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“miżuri dannużi”), ikkawżat tnaqqis sostanzjali tal-valur tad-depożiti, tal-azzjonijiet u tal-bonds tar-rikorrenti, li ġie preċiżament iċċifrat minnhom f’anness mar-rikors.

77      Qabelxejn, ir-rikorrenti jaffermaw li l-adozzjoni tal-miżuri dannużi hija imputabbli lill-konvenuti. Dawn tal-aħħar adottaw ċerti atti (iktar ’il quddiem l-“atti kontenzjużi”), li permezz tagħhom, l-ewwel nett, obbligaw lir-Repubblika ta’ Ċipru tadotta l-miżuri dannużi sabiex tibbenefika minn għajnuna indispensabbli għaliha, it-tieni nett, approvaw l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri u, it-tielet nett, iffavorixxew jew għamlu permanenti l-implimentazzjoni tagħhom. Dan jirrigwarda, b’mod partikolari, l-atti li ġejjin:

–        id-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal‑25 ta’ Marzu 2013;

–        il-“ftehim tal-Grupp tal-Euro tal‑25 ta’ Marzu 2013”;

–        id-“deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal‑21 ta’ Marzu 2013 intiża għar-rimbors tal-ELA fis‑26 ta’ Marzu 2013 sakemm ma jintlaħaqx ftehim dwar pakkett ta’ salvataġġ”;

–        id-“deċiżjonijiet tal-BĊE li jkompli jagħti l-ELA”;

–        in-negozjar u l-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013;

–        l-atti l-oħrajn li permezz tagħhom il-konvenuti appoġġjaw u approvaw il-miżuri dannużi, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro tat‑12 ta’ April, tat‑13 ta’ Mejju u tat‑13 ta’ Settembru 2013, il-“kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li skonthom il-miżuri adottati mill-awtoritajiet Ċiprijotti kienu konformi mal-kundizzjonalità”, id-Deċiżjoni 2013/236 u l-approvazzjoni, mill-Kummissjoni u l-BĊE, tal-ħlas tad-diversi partijiet tal-FAF lir-Repubblika ta’ Ċipru.

78      Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li l-atti kontenzjużi ġew adottati mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-grupp esklużiv magħmul minn depożitanti jew azzjonisti tal-banek imsemmija, bi ksur gravi u serju tad-dritt tal-Unjoni.

79      Finalment, minn naħa, ir-rikorrenti jinnotaw li hemm rabta diretta bejn il-miżuri dannużi u t-telf li huma sofrew. Min-naħa l-oħra, huma jitolbu li jiġu kkumpensati għal dan it-telf.

A.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

80      Il-konvenuti jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors.

81      Hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 268 u t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali għandha biss il-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawżi li jirrigwardaw il-kumpens għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni jew l-aġenti tagħhom fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑1 ta’ April 2008, Ayyanarsamy vs Il-Kummissjoni u l-Ġermanja, T‑412/07, mhux ippubblikat, EU:T:2008:84, punt 24).

82      Skont il-ġurisprudenza, it-terminu “istituzzjoni”, użat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE ma għandux jinftiehem li jirreferi biss għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni mniżżla fl-Artikolu 13(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1992, SGEEM u Etroy vs BEI, C‑370/89, EU:C:1992:482, punt 16). Dan it-terminu jkopri wkoll, fir-rigward tas-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali stabbilita mit-Trattat FUE, il-korpi u l-organi l-oħrajn kollha tal-Unjoni stabbiliti permezz tat-Trattati u intiżi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni. Konsegwentement, l-azzjonijiet imwettqa minn dawn il-korpi u l-organi fl-eżerċizzju tal-kompetenzi attribwiti lilhom mid-dritt tal-Unjoni huma imputabbli lill-Unjoni, konformement mal-prinċipji ġenerali komuni għall-Istati Membri msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2002, Lamberts vs L-Ombudsman, T‑209/00, EU:T:2002:94, punt 49).

83      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu konjizzjoni ta’ talba għad-danni mressqa kontra l-Unjoni u bbażata fuq l-illegalità ta’ att jew ta’ aġir fejn l-awtur la huwa istituzzjoni, korp jew organu u lanqas wieħed mill-aġenti tagħhom fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu. Għalhekk, id-danni kkawżati mill-awtoritajiet nazzjonali fl-eżerċizzju tal-kompetenzi proprji tagħhom jistgħu biss iqiegħdu f’riskju r-responsabbiltà ta’ dawn tal-aħħar u l-qrati nazzjonali jibqgħu kompetenti biss sabiex jiżguraw il-kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1987, L’Étoile commerciale u CNTA vs Il-Kummissjoni, 89/86 u 91/86, EU:C:1987:337, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Frar 1998, Laga vs Il-Kummissjoni, T‑93/95, EU:T:1998:22, punt 47).

84      Min-naħa l-oħra, ma huwiex eskluż li l-Qorti Ġenerali tista’ tieħu konjizzjoni ta’ rikors intiż għall-kumpens għad-danni kkawżati minn azzjoni jew aġir li permezz tiegħu awtorità nazzjonali tiżgura l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni. F’każ bħal dan, għandu jiġi vverifikat, sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, jekk l-illegalità allegata insostenn tar-rikors twettqitx minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni jew minn wieħed mill-aġenti tagħhom fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu u, fir-realtà, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala imputabbli lill-awtorità nazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 1986, Krohn Import-Export vs Il-Kummissjoni, 175/84, EU:C:1986:85, punt 19). Dan huwa l-każ fejn l-awtoritajiet nazzjonali ma jkollhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jimplimentaw leġiżlazzjoni tal-Unjoni vvizzjata minn tali illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2002, Biret International vs Il-Kunsill, T‑174/00, EU:T:2002:2, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors intiż għall-kumpens għad-danni kkawżati minn atti jew aġir illegali tal-Kummissjoni jew tal-BĊE marbuta mal-kompiti mogħtija lilhom fil-kuntest tat-Trattat MES (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 54 sa 60).

86      F’dan il-każ, bla ħsara għall-identifikazzjoni tal-kawża determinanti tad-dannu allegat, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-adozzjoni tal-miżuri dannużi tista’ tkun l-oriġini immedjata tat-telf patrimonjali li r-rikorrenti qegħdin jallegaw li sofrew, jew bħala azzjonisti, jew bħala depożitanti, tal-banek imsemmija. Kif jirrikonoxxu r-rikorrenti, dawn il-miżuri ġew introdotti permezz tad-digrieti dannużi. Madankollu, id-digrieti dannużi, ippubblikati fid‑29 ta’ Marzu 2013 (ara l-punt 30 iktar ’il fuq) u, għal xi wħud, emendati fit‑30 ta’ Lulju 2013, ġew adottati minn awtorità Ċiprijotta, il-Gvernatur tal-BĊĊ, skont liġi Ċiprijotta, il-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013. L-adozzjoni ta’ din il-liġi u ta’ dawn id-digrieti saret qabel l-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 u ma kinitx formalment meħtieġa minn att tal-Unjoni, b’mod kuntrarju, pereżempju, għal att nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Għalhekk, id-digrieti dannużi ma humiex formalment imputabbli lill-Unjoni.

87      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-konvenuti jaffermaw li l-adozzjoni tad-digrieti dannużi lanqas ma hija, fir-realtà, imputabbli lill-Unjoni u, għalhekk, ma tistax tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni. Dawn id-digrieti huma esklużivament imputabbli lill-awtoritajiet Ċiprijotti, li adottawhom unilateralment, fl-eżerċizzju tas-setgħa sovrana tagħhom. Il-Kummissjoni u l-BĊE jippreċiżaw li l-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 isemmi l-miżuri dannużi għal finijiet storiċi u deskrittivi, bl-għoti tal-FAF ikun suġġett biss għall-adozzjoni ta’ miżuri futuri. Fir-rigward tal-pariri tekniċi pprovduti matul il-proċedura nazzjonali, il-Kummissjoni u l-BĊE jfakkru li dawn ma jistabbilixxux ir-responsabbiltà tal-Unjoni.

88      It-tieni nett, il-Kunsill u l-Kummissjoni jenfasizzaw li l-Grupp tal-Euro huwa laqgħa intergovernattiva informali li d-dikjarazzjonijiet tiegħu, mingħajr effetti ġuridiċi, huma imputabbli lil kull Stat Membru rrappreżentat u, konsegwentement, ma jistgħux jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Unjoni.

89      It-tielet nett, il-BĊE jfakkar li l-ELA taqa’ taħt il-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema. Il-BĊE jivverifika biss jekk din tinterferixxix fil-missjonijiet u l-għanijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (iktar ’il quddiem is-“SEBĊ”). Biex jagħmel dan, ladarba ma għandux il-fakultajiet sabiex jevalwa s-solvenza tal-banek Ċiprijotti, il-BĊE kellu jaqbel mal-evalwazzjonijiet li saru mill-BĊĊ, li kienu bbażati b’mod sinjifikattiv fuq il-perspettiva ta’ adozzjoni imminenti ta’ programm ta’ sostenn. Għaldaqstant, il-BĊE kellu jikkunsidra, b’mod inevitabbli, li l-approċċ tiegħu kellu jvarja jekk l-ebda programm ta’ dan it-tip ma jkun ġie adottat.

90      Fi kwalunkwe każ, fil‑21 ta’ Marzu 2013, il-BĊE ma adottax id-deċiżjoni skont l-Artikolu 14.4 tal-Protokoll Nru 4 tat-30 ta’ Marzu 2010 dwar l-Istatut tas-[SEBĊ] u tal-[BĊE] (ĠU 2010, C 83, p. 230, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-BĊE”), iżda ħareġ dikjarazzjoni sempliċi ta’ intenzjoni mingħajr effetti ġuridiċi u li tista’ tiġi emendata liberament, anki fl-ipoteżi fejn l-imsemmija dikjarazzjoni setgħet iżżid il-pressjoni sostnuta mill-awtoritajiet Ċiprijotti minħabba s-sitwazzjoni ħażina tal-finanzi pubbliċi u tal-banek Ċiprijotti.

91      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tirrileva li la t-Trattat MES u lanqas il-ġurisprudenza ma jobbligawha tiżgura li kulma jaqa’ taħt l-imsemmi trattat josserva d-dritt tal-Unjoni. Madankollu, ladarba hija żżomm ir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-trattati, minqux fl-Artikolu 17 TUE, fil-kuntest tal-MES, il-Kummissjoni żgurat il-konformità tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 mad-dritt tal-Unjoni. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 17 TUE ma jagħti l-ebda dritt lill-individwi u li l-ksur tiegħu ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni.

92      Ir-rikorrenti wieġbu li l-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors.

93      L-ewwel nett, huma jaffermaw li, anki jekk id-digrieti dannużi huma formalment atti sovrani u unilaterali tar-Repubblika ta’ Ċipru, il-miżuri dannużi huma, fir-realtà, imputabbli lill-konvenuti. Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni tiegħu tal‑25 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-Euro ddeċieda li jissuġġetta l-FAF għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri u, fid-dawl tat-“talba tal-BĊE għar-rimbors tal-ELA fis‑26 ta’ Marzu 2013”, il-FAF kienet indispensabbli sabiex jiġi evitat il-falliment tar-Repubblika ta’ Ċipru, li ma kellha ebda marġni ta’ manuvrar. Għalhekk, minħabba li l-Grupp tal-Euro eżiġa l-adozzjoni tal-miżuri dannużi, il-fatt li dawn ġew adottati qabel l-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 ma jaffettwax l-imputabbiltà tagħhom lill-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-miżuri dannużi ġew identifikati fil-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 u li l-implimentazzjoni tagħhom ġiet issorveljata mill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/236, kif ukoll il-kontenut tal-Artikolu 2(6) ta’ din id-deċiżjoni juru li dawn huma kundizzjonijiet li għalihom l-għoti tal-FAF ġie suġġett.

94      It-tieni nett, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-Grupp tal-Euro jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba li huwa korp previst mid-dritt primarju u l-kompiti tiegħu jitwettqu fil-kuntest tal-Unjoni Monetarja, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Barra minn hekk, minħabba li l-Grupp tal-Euro ġeneralment jiltaqa’ filgħaxija meta ssir il-laqgħa tal-Kunsill ECOFIN u jgħaqqad lill-Istati Membri li jirrappreżentaw 215 mill‑255 voti meħtieġa sabiex tinkiseb il-maġġoranza kkwalifikata fiż-żmien tal-fatti, id-deċiżjonijiet tiegħu dejjem jiġu segwiti mill-Kunsill.

95      Ir-rikorrenti jżidu li att mhux vinkolanti, bħal pubblikazzjoni, jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal‑25 ta’ Marzu 2013 hija vinkolanti. Il-Grupp tal-Euro ddeċieda li jissuġġetta l-FAF għal kundizzjonijiet preċiżi, li l-awtoritajiet Ċiprijotti, il-MES u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati qiesu bħala vinkolanti. B’mod partikolari, minħabba li l-Kunsill Governattiv tal-MES għandu l-istess kompożizzjoni tal-Grupp tal-Euro, dan seta’ biss, skont ir-rikorrenti, japprova din id-deċiżjoni, jew ikun marbut biha. Barra minn hekk, dan jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal‑25 ta’ Marzu 2013 innifisha, kif ukoll mir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tat‑13 ta’ Marzu 2014 dwar ir-rapport tal-inkjesta dwar ir-rwol u l-attivitajiet fil-pajjiżi “taħt il-programm” taż-żona tal-euro tat-“trojka”, jiġifieri l-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqisu li f’dan il-każ hija applikabbli, b’analoġija, il-ġurisprudenza li skontha, fejn att tal-Unjoni jawtorizza Stat Membru jieħu azzjoni, dan jaffettwa direttament is-sitwazzjoni ġuridika tal-individwi kkonċernati jekk ma hemmx dubju dwar l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru.

96      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-għoti tal-FAF ma jmurx lil hinn mill-ambitu tal-Unjoni. Fil-fatt, qabelxejn, dan l-għoti kien ġie deċiż mill-Grupp tal-Euro, korp tal-Unjoni, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni. Sussegwentement, il-FAF ingħatat formalment mill-MES, mekkaniżmu li l-ħtieġa tiegħu ġiet deċiża mill-Kunsill Ewropew, li l-għanijiet tiegħu huma strettament marbuta ma’ dawk tal-Unjoni, u li huwa kkontrollat u ssorveljat mill-Kummissjoni u l-BĊE. Finalment, il-FAF ġiet akkumpanjata mid-Deċiżjoni 2013/236, adottata lejliet l-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013.

97      It-tielet nett, ir-rikorrenti jirrilevaw li, konformement mal-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE, dan tal-aħħar għandu jiġi informat dwar kull tranżazzjoni tal-ELA u għandu d-dritt ta’ veto fuq tali tranżazzjoni. Il-fatt li l-BĊE ma għandu l-ebda kompetenza li jivverifika s-solvenza tal-banek ma jfissirx li d-deċiżjoni tiegħu tista’ tkun arbitrarja.

98      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li r-responsabbiltà tal-Unjoni tiġi stabbilita jekk, filwaqt li jaġixxu fil-kuntest tal-MES, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiksru d-dritt tal-Unjoni, jikkooperaw fl-adozzjoni ta’ att meħud bi ksur ta’ dan id-dritt jew jastjenu milli jiżguraw il-kompatibbiltà tal-att inkwistjoni mal-imsemmi dritt. Ir-responsabbiltà tal-Unjoni tiġi stabbilita wkoll minħabba li l-konvenuti approvaw il-miżuri dannużi.

99      Id-dibattitu bejn il-partijiet iqajjem, essenzjalment, żewġ mistoqsijiet, li l-Qorti Ġenerali se teżamina suċċessivament. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali għandha tiddetermina jekk il-miżuri dannużi, formalment imputabbli lir-Repubblika ta’ Ċipru, humiex, fir-realtà, imputabbli lill-konvenuti totalment jew parzjalment (ara l-punti 101 sa 193 iktar ’il quddiem).

100    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali għandha tiddetermina jekk ċerti atti jew aġir tal-konvenuti setgħux, indipendentement mill-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-miżuri dannużi, jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara l-punti 194 sa 207 iktar ’il quddiem).

1.      Fuq l-imputabbiltà lill-konvenuti tal-miżuri dannużi

101    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-verifika tal-imputabbiltà ta’ att jew ta’ aġir kontenzjuż lill-Unjoni tista’ tkun rilevanti, minn naħa, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, sa fejn din ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kumpens għad-dannu imputabbli mhux lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-organi tal-Unjoni jew lill-aġenti tagħhom fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, iżda lil Stat Membru jew lil entità oħra esterna tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-eżami dwar il-mertu ta’ rikors, peress li din tagħmel parti mill-elementi li jippermettulha li tiddetermina jekk ġietx issodisfatta waħda mit-tliet kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir li bih huma akkużati dawn l-istituzzjonijiet, dawn il-korpi jew dawn l-organi jew l-aġenti tagħhom fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom u d-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2017, Sotiropoulou et vs Il-Kunsill, T‑531/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:297, punt 57). F’dan il-każ, fir-rigward b’mod partikolari tal-argumenti tal-partijiet (ara l-punti 87 sa 98 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali tqis li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-imputabbiltà fil-kuntest tal-eżami tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali.

102    Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuti, fir-realtà, permezz tal-atti kontenzjużi (ara l-punt 77 iktar ’il fuq), obbligaw lir-Repubblika ta’ Ċipru tadotta l-miżuri dannużi. Minn dan jirriżulta li t-telf li r-rikorrenti, bħala azzjonisti jew depożitanti tal-banek imsemmija, sofrew minħabba dawn il-miżuri jista’ jitqies bħala li ġie kkawżat mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni jew mill-aġenti tagħhom fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, dak li l-konvenuti jikkontestaw.

103    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 81 sa 85 iktar ’il fuq, jekk il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-BĊE, kif ukoll il-Grupp tal-Euro, sa fejn dan jista’ jitqies bħala istituzzjoni tal-Unjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, eżiġewx, permezz tal-atti kontenzjużi (ara l-punt 77 iktar ’il fuq), l-adozzjoni tal-miżuri dannużi (ara l-punti 104 sa 182 iktar ’il quddiem) u, jekk ikun il-każ, jekk ir-Repubblika ta’ Ċipru kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tissupera tali rekwiżit (ara l-punti 183 sa 191 iktar ’il quddiem). F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li l-evalwazzjoni tan-natura vinkolanti jew mhux vinkolanti tal-atti kontenzjużi u tal-pressjoni ekonomika u finanzjarja li r-Repubblika ta’ Ċipru affaċċjat hija marbuta mad-determinazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ din tal-aħħar u għandha għalhekk, jekk ikun il-każ, tiġi eżaminata fil-parti ta’ din is-sentenza ddedikata għal din il-kwistjoni.

a)      Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-konvenuti, permezz tal-atti kontenzjużi, eżiġewx l-adozzjoni tal-miżuri dannużi

104    Hemm lok li jiġi eżaminat kull att kontenzjuż (ara l-punt 77 iktar ’il fuq) bil-għan li jiġi ddeterminat jekk jistax jiġi meqjus li, permezz ta’ wieħed jew diversi minnhom, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-BĊE kif ukoll il-Grupp tal-Euro, sa fejn dan jista’ jitqies bħala istituzzjoni tal-Unjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, imponewx l-adozzjoni tal-miżuri dannużi fuq ir-Repubblika ta’ Ċipru.

1)      Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal25 ta’ Marzu 2013

105    Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li permezz tad-dikjarazzjoni tiegħu tal‑25 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-Euro ssuġġetta l-għoti tal-FAF għall-adozzjoni tal-miżuri dannużi.

106    Qabel jiġi eżaminat il-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Grupp tal-Euro jistax jitqies bħala istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 iktar ’il fuq, huwa fil-fatt biss f’dan il-każ li att tal-Grupp tal-Euro, bħall-imsemmija dikjarazzjoni, jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 82 iktar ’il fuq, it-terminu “istituzzjoni” użat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jinkludi mhux biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mniżżla fl-Artikolu 13(1) TUE, iżda anki l-korpi u l-organi l-oħrajn kollha tal-Unjoni stabbiliti permezz tat-Trattati u intiżi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni.

107    Essenzjalment, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-Grupp tal-Euro ma huwiex istituzzjoni tal-Unjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Insostenn ta’ dan l-argument, il-Kunsill jibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq il-punt 61 tas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702), li minnha jirriżulta li l-Grupp tal-Euro la jista’ jiġi assimilat ma’ formazzjoni tal-Kunsill u lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat bħala korp jew organu tal-Unjoni. Issa, sa fejn il-Grupp tal-Euro la huwa formazzjoni tal-Kunsill, la korp u lanqas organu tal-Unjoni, huwa ma jistax jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ din tal-aħħar.

108    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 61 tas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb li tippreċiża li l-Grupp tal-Euro ma setax jiġi kklassifikat bħala korp jew organu tal-Unjoni “fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE”.

109    Issa, il-ġurisdizzjoni eżerċitata mill-qorti tal-Unjoni fil-kontenzjuż tal-legalità skont l-Artikolu 263 TFUE, tvarja kemm fir-rigward tal-għan tagħha kif ukoll tal-ilmenti li jistgħu jiġu invokati mill-ġurisdizzjoni li teżerċita fil-kontenzjuż tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1961, Vloeberghs vs L-Awtorità Għolja, 9/60 u 12/60, EU:C:1961:18, p. 425). Fil-fatt, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, ir-rikors għad-danni marbut ma’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għall-azzjonijiet jew għall-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet tagħha ġie stabbilit bħala rimedju awtonomu minn azzjonijiet ġudizzjarji oħrajn, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji nazzjonali u li huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu (sentenzi tat‑28 ta’ April 1971, Lütticke vs Il-Kummissjoni, 4/69, EU:C:1971:40, punt 6; tat‑12 ta’ April 1984, Unifrex vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, 281/82, EU:C:1984:165, punt 11, u tas‑7 ta’ Ġunju 2017, Guardian Europe vs L-Unjoni, T‑673/15, taħt appell, EU:T:2017:377, punt 53). Għalkemm ir-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE għandu l-għan li jneħħi miżura speċifika, ir-rikors għad-danni bbażat fuq l-Artikolu 340 TFUE għandu l-għan li jikseb kumpens għad-dannu kkawżat minn istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill, 5/71, EU:C:1971:116, punt 3, u tat‑18 ta’ Settembru 2014, Georgias et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑168/12, EU:T:2014:781, punt 32).

110    Għaldaqstant, indipendentement mill-klassifikazzjoni tiegħu bħala att li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, kull att ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni jew ta’ wieħed mill-aġenti tagħhom fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu jista’ jkun, bħala regola ġenerali, is-suġġett ta’ rikors għad-danni skont l-Artikolu 268 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2009, Arizmendi et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑440/03, T‑121/04, T‑171/04, T‑208/04, T‑365/04 u T‑484/04, EU:T:2009:530, punt 65). Bl-istess mod, aġir mhux deċiżjonali li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jista’ jkun il-bażi għal rikors għad-danni, anki jekk ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2003, Philip Morris International vs Il-Kummissjoni, T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 u T‑272/01, EU:T:2003:6, punt 123).

111    Minn dan jirriżulta li, fis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji stabbiliti permezz tat-Trattat FUE, ir-rikors għad-danni mhux kuntrattwali għandu għan kumpensatorju, intiż li, b’mod partikolari, jiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ parti fil-kawża, anki kontra atti jew aġir ta’ istituzzjonijiet, ta’ korpi jew ta’ organi tal-Unjoni jew ta’ wieħed mill-aġenti tagħhom fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, fir-rigward tal-għanijiet differenti u komplementari ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ rikorsi, ma jistax jitqies li l-kontenut tal-kunċett ta’ “istituzzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE huwa limitat neċessarjament għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

112    Għall-kuntrarju, l-identifikazzjoni tal-entitajiet tal-Unjoni li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “istituzzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għandha ssir skont il-kriterji proprji ta’ din id-dispożizzjoni, li huma differenti minn dawk li jiddeterminaw l-identifikazzjoni tal-korpi u tal-organi msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għall-ħtiġijiet tal-Artikolu 263 TFUE, il-kriterju rilevanti huwa marbut mal-possibbiltà tal-konvenut li jadotta atti intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punti 23 sa 25). Għall-kuntrarju, għall-ħtiġijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għandu jiġi ddeterminat jekk l-entità tal-Unjoni, li lilha l-att jew l-aġir inkriminat huwa imputabbli, ġietx stabbilita mit-Trattati u jekk hijiex intiża sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2002, Lamberts vs L-Ombudsman, T‑209/00, EU:T:2002:94, punt 49).

113    Issa, l-Artikolu 137 TFUE u l-Protokoll Nru 14 tas-26 ta’ Ottubru 2012 dwar il-Grupp tal-Euro (ĠU 2012, C 326, p. 283), anness mat-Trattat FUE, jipprevedu, b’mod partikolari, l-eżistenza, il-kompożizzjoni, il-modalitajiet tal-laqgħat u d-dmirijiet tal-Grupp tal-Euro. F’dan ir-rigward tal-aħħar, l-Artikolu 1 tal-imsemmi protokoll jipprovdi li l-Grupp tal-Euro jiltaqa’ “sabiex ikunu diskussi kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet speċifiċi li [l-ministri li jiffurmawh] jaqsmu fejn tidħol il-munita unika”. Dawn il-kwistjonijiet jaqgħu, skont l-Artikolu 119(2) TFUE, taħt l-azzjoni tal-Unjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 TUE, li jinkludu l-istabbiliment ta’ unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha hija l-euro. Minn dan isegwi li l-Grupp tal-Euro huwa entità tal-Unjoni formalment stabbilita mit-Trattati u intiża sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni. Għalhekk, l-atti u l-aġir tal-Grupp tal-Euro, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu attribwiti lilu mid-dritt tal-Unjoni, huma imputabbli lill-Unjoni.

114    Kwalunkwe soluzzjoni kuntrarja tmur kontra l-prinċipju tal-Unjoni tad-dritt, sa fejn din tkun tippermetti l-istabbiliment, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ta’ entitajiet li l-atti u l-aġir tagħhom ma jistgħux jistabbilixxu r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar.

115    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk il-Grupp tal-Euro, permezz tad-dikjarazzjoni tiegħu tal‑25 ta’ Marzu 2013, kienx eżiġa li r-Repubblika ta’ Ċipru tadotta l-miżuri dannużi. L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-dikjarazzjoni tal‑25 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-Euro ħareġ, b’mod tassew ġenerali, rapport ta’ ċerti miżuri li ġew miftiehma fuq livell politiku mar-Repubblika ta’ Ċipru, sabiex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, u ħabbar u ħeġġeġ ċerti approċċi futuri.

116    Min-naħa l-oħra, il-Grupp tal-Euro ma ħa l-ebda deċiżjoni definittiva la fir-rigward tal-għoti tal-FAF u lanqas fir-rigward tal-kundizzjonijiet li r-Repubblika ta’ Ċipru għandha tirrispetta sabiex tibbenefika minnha. B’mod partikolari, il-Grupp tal-Euro la indika li l-FAF għandha tingħata lir-Repubblika ta’ Ċipru biss jekk din tal-aħħar timplimenta l-miżuri dannużi, lanqas li l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni tas-settur finanzjarju, speċifikati fl-anness tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, għandhom jitqiesu bħala li jagħmlu parti mill-programm ta’ aġġustament makroekonomiku li r-Repubblika ta’ Ċipru għandha ssegwi skont l-Artikolu 12(1) tat-Trattat MES.

117    It-tieni nett, mid-dikjarazzjoni inkwistjoni jirriżulta li l-Grupp tal-Euro qies li l-possibbiltà li jagħti jew jiċħad l-assistenza mitluba ma taqax taħt il-kompetenza tiegħu, iżda taħt dik tal-Kunsill Governattiv tal-MES. Għalhekk, hemm lok li jitqies li, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti u minkejja l-eżistenza ta’ formulazzjonijiet fl-anness tagħha li setgħu jitqiesu bħala kategoriċi, inklużi dawk li skonthom, minn naħa, il-Laïki għandu jingħalaq immedjatament, b’kontribuzzjoni sħiħa tal-azzjonisti, tad-detenturi tal-bonds u tad-depożitanti mhux assigurati u, min-naħa l-oħra, il-BoC għandu jiġi rrikapitalizzat permezz ta’ konverżjoni tad-depożiti mhux assigurati f’fondi proprji b’kontribuzzjoni sħiħa tal-azzjonisti u tad-detenturi ta’ bonds (ara l-punt 27 iktar ’il fuq), id-dikjarazzjoni tal‑25 ta’ Marzu 2013 tal-Grupp tal-Euro kienet ta’ natura purament informattiva. Il-Grupp tal-Euro llimita ruħu sabiex jinforma lill-pubbliku bl-eżistenza ta’ ċerti ftehimiet adottati fil-livell politiku u jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-probabbiltà tal-għoti tal-FAF mill-MES (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Mallis u Malli vs Il-Kummissjoni u BĊE, T‑327/13, EU:T:2014:909, punti 56 sa 61).

118    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li, permezz tad-dikjarazzjoni tiegħu tal‑25 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-Euro eżiġa li r-Repubblika ta’ Ċipru tadotta l-miżuri dannużi.

2)      “Ftehim tal-Grupp tal-Euro tal25 ta’ Marzu 2013”

119    Bħalma kkonfermaw fir-risposta tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti qiesu wkoll li d-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal‑25 ta’ Marzu 2013 titkellem dwar l-eżistenza ta’ ftehim bl-istess data, li skontu l-membri tal-Grupp tal-Euro kienu ftiehmu minn qabel li l-FAF għandha tingħata lir-Repubblika ta’ Ċipru biss jekk din tal-aħħar tadotta l-miżuri dannużi, mingħajr l-ebda possibbiltà li tinnegozjahom.

120    L-eżistenza ta’ tali ftehim ma tirriżultax ċara u univokali mill-formulazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal‑25 ta’ Marzu 2013. Madankollu, ir-rikorrenti jiddeduċu l-eżistenza ta’ dan il-ftehim minn ċerti annessi tal-proċess, inkluża ittra mibgħuta mill-Ministru tal-Ekonomija Ġermaniż lill-Parlament Ġermaniż fit‑13 ta’ April 2013, sabiex jikseb l-approvazzjoni tad-deċiżjoni tal-MES għall-għoti tal-FAF lir-Repubblika ta’ Ċipru. Din l-ittra tinkludi silta fformulata kif ġej:

“Il-Grupp tal-Euro kkonkluda li, fil-kuntest tal-ftehim inizjali tal-Parlament Ċiprijott u tal-inċertezza tal-iżviluppi li sadanittant kienu qegħdin isiru, b’mod partikolari fis-settur bankarju Ċiprijott, programm potenzjali jista’ jitqies biss wara l-implimentazzjoni tal-miżuri li ġejjin:

–        separazzjoni tal-fergħat Griegi mis-settur bankarju Ċiprijott: l-ikbar fergħat Griegi tal-banek Ċiprijotti jinkisbu mis-settur bankarju Grieg;

–        likwidazzjoni tal-[Laïki] u ristrutturazzjoni tal-[BoC] mingħajr l-użu ta’ fondi ta’ programm ta’ assistenza potenzjali […]

Għalhekk, il-proprjetarji u kredituri oħrajn tal-banek huma involuti fil-miżuri ta’ ristrutturazzjoni msemmija hawn fuq kif ġej:

–        il-proprjetarji u d-detenturi ta’ dejn subordinat u ta’ bonds għandhom ibatu telf proporzjonali għall-ishma tagħhom fl-intier tagħhom;

–        id-depożiti [fdati] lil-Laïki […] ta’ iktar minn EUR 100 000 u li ma humiex suġġetti għall-protezzjoni tad-depożiti bankarji għandhom jikkontribwixxu biex ikopru l-ħtiġijiet finanzjarji tal-miżuri ta’ likwidazzjoni. Id-depożiti ta’ inqas minn EUR 100 000 u li huma suġġetti għall-protezzjoni tad-depożiti bankarji għandhom jiġu ttrasferiti għall-[BoC];

–        l-assi ta’ valur tal-Laïki […] għandhom jiġu ttrasferiti lill-[BoC]. L-assi ttrasferiti għandu jkollhom valur ogħla mill-obbligazzjonijiet ittrasferiti, sabiex il-Laïki […] tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-kapital tal-[BoC];

–        37.5 % tad-depożiti tal-[BoC] li ma humiex suġġetti għall-protezzjoni tad-depożiti bankarji għandhom jiġu kkonvertiti f’ishma tal-bank. [Parti supplimentari ta’ 22.5 % ta’ dawn id-depożiti] tista’ tiġi kkonvertita wkoll f’ishma, jekk ikun meħtieġ. L-għan huwa li jinkiseb proporzjon tal-kapital ta’ bażi ta’ 9 % fil-[BoC].”

121    Minn din is-silta jirriżulta li l-Ministru tal-Ekonomija Ġermaniż informa lill-Parlament Ġermaniż dwar l-eżistenza ta’ ftehim, bejn il-membri tal-Grupp tal-Euro, li ssuġġetta l-għoti tal-FAF għall-adozzjoni tal-miżuri dannużi - jew, għall-inqas, ta’ miżuri simili ħafna għalihom. L-eżistenza ta’ tali ftehim hija ssostanzjata minn diversi dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Ċiprijotti u xhieda quddiem kumitat ta’ inkjesta tal-Parlament Ċiprijott.

122    Għalhekk, hemm lok li jitqies, l-ewwel nett, li kien hemm ftehim bejn ir-rappreżentanti tal-IMME li skontu l-FAF għandha tingħata lir-Repubblika ta’ Ċipru biss jekk din tadotta l-miżuri dannużi (jew, għall-inqas, miżuri simili ħafna għal dawn il-miżuri), it-tieni nett, li dan il-ftehim kien ta’ natura informali, sa fejn dan ma ġiex konkluż skont proċedura partikolari jew fuq bażi legali speċifika, it-tielet nett, li l-imsemmi ftehim ġie konkluż jew waqt laqgħa tal-Grupp tal-Euro tal‑25 ta’ Marzu 2013, jew qrib din id-data, u, ir-raba’ nett, li l-Ministru tal-Ekonomija Ġermaniż qies li l-ftehim inkwistjoni kien ġie konkluż mill-Grupp tal-Euro.

123    Issa, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 137 TFUE u tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro, il-Grupp tal-Euro huwa laqgħa informali tal-Ministri tal-IMME, li l-għan tagħha huwa li tiffaċilita l-iskambju ta’ opinjonijiet dwar ċerti kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet speċifiċi li jaqsmu fir-rigward ta’ munita unika (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Mallis u Malli vs Il-Kummissjoni u BĊE, T‑327/13, EU:T:2014:909, punt 41). Dan il-protokoll jippreċiża li l-laqgħat tal-Grupp tal-Euro huma mħejjija mir-rappreżentanti tal-Ministri responsabbli mill-finanzi tal-IMME u tal-Kummissjoni. Fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa raġonevoli li jiġi konkluż li l-Grupp tal-Euro huwa, fil-prinċipju, kompost minn ministri responsabbli mill-finanzi tal-IMME. Kif ikkonferma l-Kunsill matul is-seduta, dan kien il-każ f’dan il-każ, minħabba li l-ministri tal-IMME preżenti matul il-laqgħa tal-Grupp tal-Euro tal‑25 ta’ Marzu 2013 huma dawk responsabbli mill-kwistjonijiet finanzjarji.

124    It-tieni nett, il-Kunsill Governattiv tal-MES huwa, konformement mal-Artikolu 5(1) tat-Trattat MES, kompost mill-Ministri tal-Finanzi tal-IMME.

125    Għaldaqstant, kif jenfasizzaw ġustament ir-rikorrenti, il-membri tal-Kunsill Governattiv tal-MES u l-ministri li ltaqgħu fi ħdan il-Grupp tal-Euro huma, fil-prinċipju u fi kwalunkwe każ f’dan il-każ, l-istess persuni fiżiċi. Minn dan jirriżulta li, fil-prattika, huwa impossibbli jiġi ddeterminat a priori jekk ftehim “informali”, bħall-ftehim ta’ kundizzjonalità, ġiex konkluż minn dawn il-persuni fiżiċi bħala rappreżentanti tal-IMME fi ħdan il-Grupp tal-Euro jew bħala membri tal-Kunsill Governattiv tal-MES.

126    Madankollu, hemm lok li jitfakkar li l-FAF ingħatat mill-MES, skont ir-regoli u l-proċeduri previsti mit-Trattat MES, u mhux mill-Grupp tal-Euro.

127    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-ftehim ta’ kundizzjonalità ġie konkluż mill-Ministri tal-Finanzi tal-IMME li ltaqgħu fil‑25 ta’ Marzu 2013 bħala membri tal-Kunsill Governattiv tal-MES u mhux bħala membri tal-Grupp tal-Euro. L-indikazzjoni tal-Grupp tal-Euro fl-ittra tal-Ministru tal-Ekonomija Ġermaniż imsemmija fil-punt 120 iktar ’il fuq tista’ tiġi spjegata bil-fatt li r-rappreżentanti tal-IMME fil-Grupp tal-Euro li ltaqgħu f’din id-data huma, fil-prinċipju, l-istess persuni fiżiċi tal-membri tal-Kunsill Governattiv tal-MES.

128    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, bil-ħolqien tal-MES, l-IMME għażlu li jattribwixxu lil din l-organizzazzjoni internazzjonali, li għandha personalità ġuridika, kompetenzi konkreti u esklużivi fil-qasam tal-għoti ta’ assistenza finanzjarja lill-IMME f’diffikultà. L-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi huwa suġġett għar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku, speċifiċi għal organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni intergovernattiva, bid-dritt tal-Unjoni ikun applikabbli biss sa fejn it-Trattat MES jipprevedih speċifikament. Għalhekk, l-IMME stqarrew b’mod ċar li l-għoti tal-FAF jaqa’ kemm barra mill-isfera tal-attivitajiet tal-Unjoni, kif ukoll mill-qafas regolatorju tagħha.

129    Ċertament, l-IMME talbu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri l-Kummissjoni u l-BĊE, iwettqu ċerti kompiti għall-benefiċċju tal-MES. Madankollu, il-funzjonijiet fdati lil dawn l-istituzzjonijiet fil-kuntest tat-Trattat MES ma jinkludu l-ebda setgħa deċiżjonali proprja u l-attivitajiet eżerċitati mill-imsemmija istituzzjonijiet fil-kuntest tal-istess trattat jorbtu biss lill-MES (sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 161, u tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 53).

130    Fir-rigward tal-Grupp tal-Euro, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni u l-BĊE, dan ma huwiex imsemmi fit-Trattat MES bħala korp li jista’ jwettaq il-kompiti f’isem il-MES.

131    Għalhekk, ma hemmx lok għall-għoti lill-Ministri tal-Finanzi tal-IMME li ltaqgħu fi ħdan il-Grupp tal-Euro, bħala membri ta’ dan tal-aħħar, tas-setgħa li jantiċipaw jew jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill Governattiv tal-MES, minħabba li din is-setgħa tista’ tingħatalhom biss bħala membri ta’ dan il-bord, anki jekk il-ftehimiet dwar il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ FAF jiġu deċiżi fil-kuntest tal-laqgħa tal-Grupp tal-Euro.

132    Għalhekk, hemm lok li jitqies li l-ftehim ta’ kundizzjonalità ġie konkluż mir-rappreżentanti tal-IMME bħala membri tal-Kunsill Governattiv tal-MES.

133    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jitqies li l-Grupp tal-Euro, permezz ta’ ftehim ta’ kundizzjonalità, eżiġa l-adozzjoni tal-miżuri dannużi.

3)      “Deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal21 ta’ Marzu 2013 intiża għar-rimbors tal-ELA fis26 ta’ Marzu [2013] sakemm ma jintlaħaqx ftehim dwar pakkett ta’ salvataġġ”

134    Ir-rikorrenti jsemmu wkoll l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tal‑21 ta’ Marzu 2013 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq). Kif ippreċiżaw matul is-seduta, ir-rikorrenti jqisu li din l-istqarrija għall-istampa tħabbar id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE intiża għar-rimbors tal-ELA fis‑26 ta’ Marzu 2013, sakemm ma jintlaħaqx ftehim dwar pakkett ta’ salvataġġ.

135    Bħala tfakkira, l-istqarrija inkwistjoni hija fformulata kif ġej:

“Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jżomm il-livell eżistenti tal-ELA [sal-]25 ta’ Marzu 2013.

Proroga għar-rimbors tista’ tiġi kkunsidrata biss jekk ikun stabbilit programm tal-[Unjoni jew tal-FMI] li jiżgura s-solvenza tal-banek ikkonċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

136    Fl-ewwel lok, għandha tiġi ddeterminata l-portata ta’ din l-istqarrija. Għal dan il-għan, hemm lok li jitfakkru r-regoli prinċipali li jirregolaw l-ELA.

137    Mill-ftehim tas‑7 ta’ Frar 2013 dwar l-ELA jirriżulta li l-ELA hija ddefinita bħala l-provvista tal-“flus tal-bank ċentrali” jew ta’ kwalunkwe assistenza oħra li tista’ tirriżulta f’żieda tal-“flus tal-bank ċentrali” ta’ istituzzjoni finanzjarja, jew ta’ grupp ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, li qegħdin jaffaċċjaw problemi ta’ likwidità, mingħajr ma dawn it-tranżazzjonijiet ikunu parti mill-politika monetarja unika.

138    Skont dan l-istess ftehim, ir-responsabbiltà tal-ELA taqa’ fuq il-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat, li jassumi l-ispejjeż u r-riskji. Għalhekk, l-ELA hija bbażata, fil-prinċipju, fuq bażi legali nazzjonali. F’dan il-każ, jirriżulta mill-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-BĊE u mir-risposta tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali li l-ELA ngħatat lill-banek imsemmija mill-BĊĊ fuq il-bażi tal-punt 6(2)(e) u tal-punt 46(3) tal-O peri tis Kentrikis Trapezas tis Kyprou nomos tou 2002 (No. 138(I)/2002) (Liġi dwar il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru tal-2002, EE, Anness I(I), Nru 3624, 19.7.2002) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tad-19 ta’ Lulju 2002”). Skont l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-BĊĊ għandu, b’mod partikolari, jiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, din tawtorizza lill-BĊĊ “jagħti antiċipi għal kollaterali jew jagħti self għal kollaterali lill-banek għall-perijodu speċifiku u għal raġunijiet li [huwa] jista’ jindika”.

139    Kif jirriżulta mill-ittra tal-BĊĊ tal‑25 ta’ Lulju 2017 annessa mar-risposta tal-BĊE għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill Governattiv tal-BĊĊ, f’dokument tal‑31 ta’ Jannar 2011, jippreċiża l-prinċipji u l-proċeduri li jiddeterminaw il-provvista tal-ELA. Dan id-dokument jindika, b’mod partikolari, li l-BĊĊ jista’ japplika l-punt 46(3) tal-Liġi tad-19 ta’ Lulju 2002 sabiex tiġi pprovduta assistenza temporanja lil istituzzjoni ta’ kreditu ssorveljata solventi, iżda illikwida. L-imsemmi dokument jippreċiża li tali assistenza intiża sabiex tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja, tista’ titqies biss fil-każ ta’ riskju sistematiku potenzjali u, b’mod ġenerali, tingħata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

140    Minn dan id-dokument jirriżulta wkoll li, kif ir-rikorrenti jaqblu, l-ELA ma taqax taħt il-politika monetarja unika u għalhekk taqa’ fil-kamp tal-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE. Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

“Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jwettqu funzjonijiet oħra li ma jkunux dawk indikati f’dan l-Istatut kemm-il darba l-Kunsill Regolatorju ma jiddeċidiex, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti, li dawn ikunu qed ifixklu l-iskopijiet u l-kompiti ta’ l-SEBĊ. Dawn il-funzjonijiet jinvolvu responsabbiltà u l-obbligi tal-banek ċentrali nazzjonali u m’għandhomx jitqiesu bħala parti mill-funzjonijiet ta’ l-SEBĊ.”

141    F’dokument bl-isem “Proċeduri tal-[ELA]” u invokat insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-BĊE, dan tal-aħħar jindika li, skont l-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ngħata r-responsabbiltà li jirrestrinġi t-tranżazzjonijiet tal-ELA, jekk huwa jqis li dawn jinterferixxu fl-għanijiet u l-missjonijiet tas-SEBĊ. Għal dan il-għan, id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tat‑3 ta’ Novembru 2011 dwar il-proċeduri tal-ELA u l-ftehim tas‑7 ta’ Frar 2013 dwar l-ELA (ara l-punt 137 iktar ’il fuq) jipprevedu sistema ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE.

142    L-informazzjoni li l-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat għandu, għal dan il-għan, jipprovdi lill-BĊE dwar kwalunkwe tranżazzjoni tal-ELA tinkludi “l-evalwazzjoni tas-superviżur prudenzjali, għal żmien qasir u medju, tal-pożizzjoni tal-likwidità u s-solvenza tal-istituzzjoni li tirċievi l-ELA, fosthom il-kriterji użati biex tinstab konklużjoni pożittiva fir-rigward tas-solvenza”. Dan ir-rekwiżit għandu jinftiehem fid-dawl tal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju previst mill-Artikolu 123 TFUE, li l-parti essenzjali tiegħu hija riprodotta mill-Artikolu 21.1 tal-Istatut tal-BĊE. F’dan ir-rigward, il-BĊE jirrileva fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu li huwa dejjem qies li l-finanzjament tal-istituzzjonijiet finanzjarji solventi permezz tal-ELA kien kompatibbli ma’ din il-projbizzjoni, filwaqt li l-finanzjament ta’ istituzzjonijiet finanzjarji insolventi ma kienx. Id-dokument tal-BĊĊ tal‑31 ta’ Jannar 2011, imsemmi fil-punt 139 iktar ’il fuq, jikkorrobora din l-affermazzjoni, billi jindika li kwalunkwe provvista tal-ELA fil-każ ta’ problemi ta’ solvenza sottostanti tikser b’mod ċar l-Artikolu 123 TFUE u l-Artikolu 21.1 tal-Istatut tal-BĊE.

143    Issa, fiż-żmien tal-fatti, il-BĊE ma kellu l-ebda kompetenza fil-qasam tas-sorveljanza prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Unjoni, peress li din kienet taqa’ esklużivament taħt l-awtoritajiet ta’ sorveljanza prudenzjali nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiżgura l-konformità mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju, il-BĊE kien dipendenti fuq l-informazzjoni pprovduta lilu minn dawn l-awtoritajiet rigward is-solvenza tal-banek li jibbenefikaw mill-ELA.

144    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013 tindikax l-eżistenza ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE, kif essenzjalment sostnew ir-rikorrenti (ara l-punt 134 iktar ’il fuq), jew ta’ sempliċi dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, kif isostni l-BĊE (ara l-punt 90 iktar ’il fuq).

145    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE huwa l-korp kompetenti sabiex jipprojbixxi bank ċentrali nazzjonali milli jagħti l-ELA, meta dan jinterferixxi mal-għanijiet u l-missjonijiet tas-SEBĊ. Issa, l-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013 tindika li l-Kunsill Governattiv tal-BĊE “ddeċieda” li jżomm ċertu livell tal-ELA sal‑25 ta’ Marzu 2013. Minn dan isegwi li, b’mod impliċitu, iżda neċessarjament, mis‑26 ta’ Marzu 2013, iż-żamma ta’ dan il-livell tal-ELA ma tibqax permessa u li, kif tippreċiża din l-istqarrija, “[p]roroga għar-rimbors tista’ tiġi kkunsidrata biss jekk ikun stabbilit programm tal-[Unjoni jew tal-FMI] li jiżgura s-solvenza tal-banek ikkonċernati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

146    Għalhekk, għandu jitqies li, bħalma jsostnu r-rikorrenti, l-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013 tagħmel riferiment għall-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li topponi ż-żamma tal-livell eżistenti tal-ELA mis‑26 ta’ Marzu 2013 u li tissuġġetta l-proroga potenzjali tar-rimbors tagħha għall-konklużjoni ta’ programm ta’ assistenza finanzjarja li tiżgura s-solvenza tal-banek imsemmija (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal‑21 ta’ Marzu 2013”).

147    It-tielet nett, għandu jiġi eżaminat jekk jistax jiġi dedott mill-qari ta’ din l-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013 li l-BĊE eżiġa l-adozzjoni tal-miżuri dannużi mir-Repubblika ta’ Ċipru.

148    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013 tipprovdi biss obbligu fir-rigward ta’ riżultat. Fil-fatt, f’din l-istqarrija, il-BĊE ma jagħmel l-ebda riferiment, dirett jew indirett, għall-miżuri dannużi, iżda sempliċement jissuġġetta proroga potenzjali tar-rimbors tal-ELA għall-konklużjoni ta’ programm tal-Unjoni u tal-FMI li jiżgura s-solvenza tal-banek ikkonċernati. Din l-istqarrija bl-ebda mod ma tispeċifika l-karatteristiċi li tali programm għandu jkollu, lanqas ma ssemmi d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro, l-atti tal-MES jew in-negozjati pendenti dwar l-adozzjoni tal-miżuri dannużi.

149    Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-artikolu tal-istampa tas‑17 ta’ Ottubru 2014 bl-isem “Before a Bailout, E.C.B. Minutes Showed Doubts Over Keeping a Cyprus Bank Afloat” (Qabel rikapitalizzazzjoni, il-minuti tal-BĊE wrew dubji dwar is-sosteniment ta’ bank Ċiprijott), bl-ebda mod ma jpoġġi din l-evalwazzjoni fid-dubju. Fil-fatt, dan l-artikolu jirrapporta biss li “qari b’attenzjoni tal-minuti [tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE] jiżvela numru ta’ każijiet fejn ir-rappreżentanti tal-BĊE affermaw li, jekk Ċipru ma jagħmilx il-progress meħtieġ sabiex jiżgura l-programm ta’ salvataġġ ekonomiku, se jtemmu l-programm [tal-ELA mogħti lil-Laïki]”, mingħajr, fl-ebda mument, ma sostnew li dawn ir-rappreżentanti eżiġew li tali programm jieħu forma speċifika jew ikollu karatteristiċi partikolari.

150    Jekk wieħed jassumi li ġew ipprovati, il-kummenti li għadda membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE matul il-laqgħat tal-Grupp tal-Euro tal‑15 u tas-16 ta’ Marzu 2013 lanqas ma jissostanzjaw l-argument tar-rikorrenti. Skont artikolu tal-istampa tad‑19 ta’ Frar 2015, bl-isem “Did the troika defraud billions at the expense of thousands of depositors in Cyprus?” (It-Trojka ffrodat biljuni għad-detriment ta’ eluf ta’ depożitanti f’Ċipru?), li jirreferu għalih ir-rikorrenti, dan il-membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE hedded li jċaħħad lill-banek Ċiprijotti mill-aċċess għall-ELA. Madankollu, mill-kummenti rrapportati f’dan l-artikolu, ma jirriżulta bl-ebda mod li l-imsemmi membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, b’dan il-mod, kellu l-intenzjoni jissuġġetta l-proroga tan-nuqqas ta’ oppożizzjoni tal-BĊE għaż-żamma tal-livell tal-ELA għall-adozzjoni tal-miżuri dannużi. L-iktar l-iktar, seta’ jitqies, fid-dawl tax-xhieda quddiem kumitat ta’ inkjesta tal-Parlament Ċiprijott mill-Ministru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru fiż-żmien tal-fatti, li dawn il-kummenti kienu dwar l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji Ċiprijotti kollha. Issa, din it-taxxa, li l-introduzzjoni tagħha ġiet miċħuda mill-Parlament Ċiprijott fid‑19 ta’ Marzu 2013 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), ma hijiex inkluża fil-miżuri dannużi.

151    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, kif isostni essenzjalment il-BĊE, l-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013 ħalliet lir-Repubblika ta’ Ċipru libera li tieħu miżuri oħrajn li ma humiex il-miżuri dannużi bil-għan li tiżgura s-solvenza tal-banek imsemmija (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2016, Alcimos Consulting vs Il-BĊE, T‑368/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:438, punt 38). Għalhekk, ma jistax jitqies li, permezz ta’ din l-istqarrija għall-istampa jew tad-deċiżjoni li jsir riferiment għaliha fiha, il-BĊE eżiġa li r-Repubblika ta’ Ċipru tadotta dawn il-miżuri.

4)      “[Deċiżjonijiet] li tkompli tingħata l-ELA”, allegatament adottati mill-BĊE

152    Ir-rikorrenti jagħmlu distinzjoni bejn id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal‑21 ta’ Marzu 2013 (ara l-punti 134 sa 151 iktar ’il fuq) u dawk li huma jikklassifikaw bħala deċiżjonijiet tal-BĊE “li tkompli tingħata l-ELA”. Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu qabel l-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013.

153    Issa, f’dak iż-żmien, l-ELA kienet taqa’ biss taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza prudenzjali nazzjonali (ara l-punti 137 sa 143 iktar ’il fuq), minħabba li l-Kunsill Governattiv tal-BĊE, f’dan ir-rigward, kien kompetenti biss sabiex jirrestrinġi t-tranżazzjonijiet tal-ELA li huwa jqis li jinterferixxu fl-għanijiet u l-missjonijiet tas-SEBĊ. Għalhekk, għandu jitqies li l-atti tal-BĊE li r-rikorrenti jsemmu huma dawk li permezz tagħhom il-BĊE, qabel il-21 ta’ Marzu 2013, iddeċieda li ma jopponix l-ELA.

154    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li, permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-BĊE eżiġa l-adozzjoni tal-miżuri dannużi mir-Repubblika ta’ Ċipru. Għall-kuntrarju, matul is-seduta, ir-rikorrenti nfushom irrikonoxxew li huma invokaw dawn id-deċiżjonijiet sempliċement sabiex jenfasizzaw in-natura allegatament arbitrarja tad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal‑21 ta’ Marzu 2013.

155    Għalhekk, ma jistax jitqies li, permezz tad-“[deċiżjonijiet] li tkompli tingħata l-ELA” li ttieħdu qabel l-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013, il-BĊE eżiġa li r-Repubblika ta’ Ċipru tadotta l-miżuri dannużi.

5)      Atti sussegwenti

156    Fost l-atti kontenzjużi (ara l-ħames u s-sitt inċiż tal-punt 77 iktar ’il fuq) jidhru wkoll l-erba’ gruppi ta’ atti li ġejjin:

–        in-negozjar u l-konklużjoni tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 mill-Kummissjoni;

–        il-“kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li skonthom il-miżuri adottati mill-awtoritajiet Ċiprijotti kienu konformi mal-kundizzjonalità” u l-approvazzjoni, mill-Kummissjoni u l-BĊE, tal-ħlas tad-diversi partijiet tal-FAF lir-Repubblika ta’ Ċipru;

–        id-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro tat‑12 ta’ April, tat‑13 ta’ Mejju u tat‑13 ta’ Settembru 2013;

–        id-Deċiżjoni 2013/236.

157    Dawn l-atti ġew wara d-29 ta’ Marzu 2013 u, għaldaqstant, anki l-adozzjoni tad-digrieti dannużi. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-konvenuti, permezz tal-imsemmija atti, eżiġew l-adozzjoni tal-miżuri dannużi li jidhru f’dawn id-digrieti. Għalhekk, l-iktar l-iktar, dawn setgħu eżiġew l-adozzjoni tal-miżuri dannużi introdotti permezz tal-emendi li saru fid-digrieti dannużi fit‑30 ta’ Lulju 2013 u msemmija fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq. Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li l-atti kontenzjużi kollha huma parti minn “continuum”, li jibda permezz tal-aġir tal-konvenuti li wassal għall-adozzjoni tal-ftehim ta’ kundizzjonalità u jkompli bid-diversi interventi tagħhom qabel u wara l-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013. Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li kull wieħed minn dawn l-atti u l-aġir kien “konnessjoni meħtieġa fil-katina ta’ kundizzjonalità”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċaħda tal-konvenuti sabiex jadottaw wieħed mill-imsemmija atti kienet tkun tfisser il-falliment tal-miżuri dannużi, li għalhekk imbagħad ma kinux se jkunu jistgħu jiġu implimentati jew jibqgħu jiġu implimentati iktar.

158    Essenzjalment, l-argumenti tar-rikorrenti jwasslu sabiex jitqies li l-adozzjoni, mill-konvenuti, ta’ kull wieħed mill-atti msemmija fil-punt 156 iktar ’il fuq kienet kundizzjoni meħtieġa għaż-żamma jew għall-implimentazzjoni kontinwa, mir-Repubblika ta’ Ċipru, tal-miżuri dannużi. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-raġunament jibqa’ fl-ambitu tal-ispekulazzjoni. Fil-fatt, ma jirriżultax mill-atti tal-proċess li r-Repubblika ta’ Ċipru kien ikollha tħassar jew twaqqaf l-implimentazzjoni tal-miżuri dannużi li kieku wieħed mill-atti sussegwenti msemmija fil-punt 156 iktar ’il fuq ma ġiex adottat.

159    Madankollu, is-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari, l-argument tagħhom li skontu r-Repubblika ta’ Ċipru ma setgħetx, mingħajr ma tikser uħud minn dawn l-atti sussegwenti, tħassar il-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013 u d-digrieti dannużi jew twaqqaf l-implimentazzjoni tal-miżuri dannużi introdotti fid‑29 ta’ Marzu 2013, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-konvenuti obbligaw lir-Repubblika ta’ Ċipru żżomm jew tkompli timplimenta dawn il-miżuri. Għalhekk, id-dannu allegat jirriżulta mhux biss mill-adozzjoni tal-miżuri dannużi, iżda wkoll miż-żamma u l-implimentazzjoni kontinwa ta’ dawn tal-aħħar.

160    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-konvenuti, permezz tal-adozzjoni tal-atti msemmija fil-punt 156 iktar ’il fuq, eżiġewx li r-Repubblika ta’ Ċipru żżomm jew tkompli bl-implimentazzjoni tal-miżuri dannużi introdotti fid‑29 ta’ Marzu 2013. Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-konvenuti, permezz ta’ dawn l-atti, eżiġewx l-adozzjoni tal-miżuri dannużi introdotti permezz tal-emendi li saru għad-digriet dannużi fit‑30 ta’ Lulju 2013 u msemmija fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq.

161    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-konklużjoni tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 mill-Kummissjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li l-miżuri speċifiċi inklużi fih jinqasmu fi tliet gruppi, kull wieħed minnhom jirrigwarda għan differenti, jiġifieri, l-ewwel nett, l-istabbiliment mill-ġdid tas-saħħa tas-sistema finanzjarja Ċiprijotta u tal-fiduċja tad-depożitanti u tas-suq, it-tieni nett, il-kontinwazzjoni tal-proċess ta’ konsolidazzjoni fiskali u, it-tielet nett, l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali.

162    Il-miżuri dannużi huma msemmija fil-kuntest tal-ewwel wieħed minn dawn it-tliet gruppi. Qabelxejn, dawn huma deskritti fil-qosor fit-titolu “Progress sal-lum” u, sussegwentement, f’iktar dettall, fil-punti 1.23 sa 1.28 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 (ara l-punt 42 iktar ’il fuq).

163    B’mod preliminari, hemm lok li jiġi eżaminat l-argument tal-BĊE u tal-Kummissjoni, li skontu l-miżuri dannużi huma mniżżla fil-Memorandum ta’ Qbil għal finijiet purament storiċi u deskrittivi (ara l-punt 87 iktar ’il fuq).

164    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa indikat fil-premessi D u F tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, minn naħa, li l-FAF tingħata lir-Repubblika ta’ Ċipru bil-kundizzjoni li din tadotta l-miżuri speċifiċi inklużi fih u, min-naħa l-oħra, li l-Bord tad-Diretturi tal-MES jiddeċiedi, abbażi tar-rapporti tal-Kummissjoni u qabel ma jwettaq kull pagament, jekk dawn il-miżuri ġewx osservati. Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-ebda dispożizzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 ma tindika li r-Repubblika ta’ Ċipru tista’ tadotta biss ċerti miżuri ġodda. Minn qari tal-memorandum pjuttost jirriżulta li l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha inklużi fih, u għalhekk anki ż-żamma ta’ dawk li diġà ġew adottati qabel l-iffirmar tiegħu, tqieset bħala li kienet meħtieġa.

165    It-tieni nett, fil-punti 1.23 sa 1.28 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, il-miżuri li diġà ġew adottati jissemmew flimkien mal-miżuri li ser jiġu adottati. Issa, dawn tal-aħħar ikunu infondati fl-assenza tal-miżuri li diġà ġew adottati. Għalhekk, huwa indikat, fil-punt 1.26 tal-memorandum tas‑26 ta’ April 2013, li r-rikapitalizzazzjoni tal-BoC twettqet, b’mod partikolari, permezz ta’ konverżjoni tad-depożiti mhux assigurati f’ishma (miżura adottata diġà) u, fil-punt 1.27 tal-memorandum, li, jekk, wara evalwazzjoni tal-bżonnijiet ta’ kapital tal-BoC li għandha titwettaq sussegwentement, jitqies li l-BoC huwa sottokapitalizzat, ammont ikbar ta’ depożiti mhux assigurati għandu jiġi kkonvertit f’azzjonijiet, filwaqt li, jekk jitqies li l-BoC huwa eċċessivament ikkapitalizzat, id-depożitanti mhux assigurati għandu jkollhom id-dritt għal rimbors (miżura li għandha tiġi adottata).

166    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni u tal-BĊE li skontu l-miżuri dannużi huma mniżżla fil-Memorandum ta’ Qbil tas-26 ta’ April 2013 għal finijiet purament storiċi u deskrittivi u, għalhekk, għandu jitqies li l-punt 1.26 tal-Memorandum ta’ Qbil jeżiġi ż-żamma tal-miżuri dannużi introdotti fid‑29 ta’ Marzu 2013 bħala kundizzjoni għall-għoti tal-FAF. Fir-rigward tal-punt 1.27 ta’ dan il-memorandum, dan jirrigwarda l-konverżjonijiet addizzjonali tad-depożiti tal-BoC f’azzjonijiet, kif ġew introdotti fit‑30 ta’ Lulju 2013 permezz tal-emendi tad-Digriet Nru 103 imsemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq.

167    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ffirmat il-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 f’isem il-MES, konformement mal-Artikolu 13(4) tat-Trattat MES. Issa, kif tfakkar fil-punt 129 iktar ’il fuq, il-funzjonijiet fdati lill-Kummissjoni u lill-BĊE fil-kuntest tat-Trattat MES ma jinkludu l-ebda poter ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet speċifiku u l-attivitajiet ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-kuntest tal-istess trattat jorbtu lill-MES biss (sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 161, u tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 53). Għaldaqstant, ir-rekwiżit taż-żamma u l-implimentazzjoni kontinwa tal-miżuri dannużi kif ukoll ir-rekwiżit potenzjali tal-konverżjonijiet addizzjonali ta’ azzjonijiet tal-BoC, inklużi f’dan il-memorandum ta’ qbil, huma imputabbli biss lill-MES, u mhux lill-Kummissjoni.

168    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, permezz tal-konklużjoni tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, il-Kummissjoni la eżiġit iż-żamma u lanqas l-implimentazzjoni kontinwa tal-miżuri dannużi introdotti fid‑29 ta’ Marzu 2013 mir-Repubblika ta’ Ċipru, iżda pprovdiet biss assistenza operazzjonali lill-MES sabiex jiġi konkluż ftehim li għalih huma responsabbli biss il-MES u r-Repubblika ta’ Ċipru. L-istess konklużjoni għandha tintlaħaq fir-rigward tal-miżuri dannużi introdotti fit‑30 ta’ Lulju 2013 permezz tal-emendi li saru għad-digrieti dannużi u msemmija fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq.

169    Fit-tieni lok, anki jekk wieħed jassumi li jistgħu jitqiesu li eżiġew iż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa tal-miżuri dannużi jew l-adozzjoni tal-miżuri dannużi introdotti fit‑30 ta’ Lulju 2013 permezz tal-emendi li saru għad-digrieti dannużi u msemmija fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq, il-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, li “l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Ċiprijotti kienu konformi mal-kundizzjonalità” u l-approvazzjoni, mill-Kummissjoni u mill-BĊE, tal-ħlas tad-diversi partijiet tal-FAF lir-Repubblika ta’ Ċipru (ara t-tieni inċiż tal-punt 156 iktar ’il fuq) huma, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punti 167 u 168 iktar ’il fuq, imputabbli biss lill-MES. Fil-fatt, filwaqt li, skont l-Artikolu 13(7) tat-Trattat MES, il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE, għandha tara li jkun hemm konformità mal-kundizzjonalità marbuta mal-FAF, hija twettaq biss kompitu operazzjonali f’isem il-MES, li waħdu għandu setgħa deċiżjonali.

170    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro tat‑12 ta’ April, tat‑13 ta’ Mejju u tat‑13 ta’ Settembru 2013 (ara t-tielet inċiż tal-punt 156 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi rrilevat li, fihom, il-Grupp tal-Euro ma jagħmel l-ebda riferiment għall-ħtieġa taż-żamma jew tal-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri dannużi sabiex ir-Repubblika ta’ Ċipru tkun tista’ tibbenefika mid-diversi partijiet tal-FAF mogħtija mill-MES. Dan lanqas ma jagħmel riferiment għall-ħtieġa li jiġu adottati l-miżuri dannużi introdotti fit‑30 ta’ Lulju 2013 permezz tal-emendi li saru għad-digrieti dannużi u msemmija fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq. F’dawn id-dikjarazzjonijiet, essenzjalment, il-Grupp tal-Euro sempliċement jiddeskrivi fil-qosor ħafna u jilqa’ ċerti miżuri adottati mill-awtoritajiet Ċiprijotti, kif ukoll jesprimi l-opinjoni li skontha dawn il-miżuri jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-diffikultajiet finanzjarji li qiegħda taffaċċja r-Repubblika ta’ Ċipru. Fl-imsemmija dikjarazzjonijiet, il-Grupp tal-Euro jiddeskrivi wkoll l-istadji tal-passat u tal-futur tal-proċedura ta’ assistenza finanzjarja u jesprimi, b’mod partikolari, is-sostenn tiegħu għall-ħlas ta’ parti ġdida ta’ għajnuna.

171    Għalhekk, ma jistax jitqies li, permezz tad-dikjarazzjonijiet tat‑12 ta’ April, tat‑13 ta’ Mejju u tat‑13 ta’ Settembru 2013, il-Grupp tal-Euro eżiġa ż-żamma jew l-implimentazzjoni tal-miżuri dannużi jew l-adozzjoni tal-miżuri dannużi introdotti fit‑30 ta’ Lulju 2013 permezz tal-emendi li saru għad-digrieti dannużi u msemmija fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq.

172    Fir-raba’ lok, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2013/236 (ara r-raba’ inċiż tal-punt 156 iktar ’il fuq), li permezz tagħha l-Kunsill “approv[a] u inklud[a] fil-corpus tad-dritt tal-U[njoni]” il-kundizzjonijiet tal-għoti allegatament illegali tal-FAF, hemm lok li jiġi nnotat li, għall-kuntrarju ta’ dak li, essenzjalment, jallegaw ir-rikorrenti, mhux il-miżuri dannużi kollha huma msemmija speċifikament fiha. Fil-fatt, huma biss il-premessi 5 u 9 u l-Artikolu 2(6) ta’ din id-deċiżjoni, li ma jagħmlux riferiment dirett għall-maġġoranza tal-miżuri dannużi, li jikkonċernaw kwistjonijiet marbuta ma’ dawn il-miżuri.

173    Il-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2013/236 tinkludi silta fformulata kif ġej:

“Fi l-25 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-euro laħaq ftehim politiku mal-awtoritajiet Ċiprijotti fuq il-pedamenti ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku. Is-settur bankarju kellu jiġu ristrutturat u mċekken […]. Barra minn hekk, ir-rikapitalizzazzjoni tal-akbar żewġ banek kellha tiġi ġġenerata esklussivament minn ħdan dawk il-banek (jiġifieri mill-azzjonisti, detenturi tal-bonds u d-depożitanti).”

174    Il-premessa 9 tad-Deċiżjoni 2013/236 hija fformulata kif ġej:

“Fattur kritiku għat-tisħiħ tal-istabbilità finanzjarja f’Ċipru huwa li titqawwa r-reżiljenza tas-settur bankarju Ċiprijott u konsegwentement, minħabba r-rabtiet qawwija, li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro bħala entità sħiħa. Bħalissa qed isir tiċkin u ristrutturar sostanzjali tas-settur bankarju Ċiprijott. Il-Kamra tar-Rappreżentanti Ċiprijotta adottat leġiżlazzjoni li tistabbilixxi qafas komprensiv għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Bl-użu ta’ dak il-qafas il-ġdid, is-settur bankarju Ċiprijott iċċekken b’mod immedjat u b’mod sinifikanti. Għall-preżervazzjoni tal-likwidità fis-settur bankarju Ċiprijott, ġew imposti miżuri amministrattivi temporanji, inkluż kontrolli fuq il-kapital.”

175    F’dawn iż-żewġ premessi, il-Kunsill jiddeskrivi, b’mod ġenerali, it-tentattivi ta’ ristrutturazzjoni tas-settur finanzjarju diġà implimentati mill-awtoritajiet Ċiprijotti, iżda ma jipprovdix dettalji dwar il-kontenut tal-miżuri dannużi introdotti fid‑29 ta’ Marzu 2013, ħlief permezz ta’ riferiment ġenerali għar-rwol tal-azzjonarji u d-depożitanti tal-banek imsemmija fir-rikapitalizzazzjoni, lanqas ma jindika li dawn il-miżuri għandhom jinżammu jew li l-awtoritajiet Ċiprijotti għandhom ikomplu jimplimentawhom. Il-Kunsill lanqas ma jagħmel riferiment iktar speċifiku għall-miżuri dannużi introdotti fit‑30 ta’ Lulju 2013 permezz tal-emendi li saru fid-digrieti dannużi u msemmija fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq.

176    Fir-rigward tal-Artikolu 2(6) tad-Deċiżjoni 2013/236, dan jipprovdi:

“Bil-għan li tiġi rrestawrata l-istabbiltà tas-settur finanzjarju tiegħu, Ċipru għandu jkompli bir-riforma u r-ristrutturar mill-qiegħ tas-settur bankarju u jsaħħaħ il-banek vijabbli billi jirrestawra l-kapital tagħhom, jindirizza s-sitwazzjoni tal-likwidità tagħhom u jsaħħaħ is-superviżjoni tagħhom. Il-programm għandu jipprevedi dawn il-miżuri u riżultati:

(a)      li jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tal-likwidità tas-settur bankarju tiġi ssorveljata mill-qrib. Ir-restrizzjonijiet temporanji li ġew imposti dan l-aħħar fuq il-moviment ħieles tal-kapital […] għandhom jiġu ssorveljati mill-qrib. L-għan huwa li l-kontrolli għandhom jibqgħu fis-seħħ biss sakemm ikunu strettament meħtieġa […]. Il-pjanijiet ta’ finanzjament u ta’ kapital, fuq perijodu ta’ żmien medju, tal-banek lokali li jiddependu fuq il-finanzjament mingħand il-banek ċentrali jew li jirċievi l-għajnuna mill-Istat għandhom jirriflettu b’mod realistiku t-tnaqqis fl-ingranaġġ li hu antiċipat li jseħħ fis-settur bankarju, u jnaqqsu d-dipendenza fuq self minn banek ċentrali, filwaqt li jiġu evitati bejgħ bl-għaġġla tal-assi u kriżi tal-kreditu. Ir-regolamenti dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ likwidità għandhom jiġu aġġornati biex ma jkunx hemm konċentrazzjoni eċċessiva ta’ emittenti fil-futur;

(b)      li ssir valutazzjoni indipendenti tal-assi tal-[banek imsemmija] u li jiġu integrati malajr l-operazzjonijiet [tal-Laïki] ma’ dawk tal-[BoC]. Il-valutazzjoni trid isseħħ malajr sabiex il-konverżjoni tad-depożiti f’azzjonijiet tkun tista’ titlesta fil-[BoC];

(c)      li jiġu adottati r-rekwiżiti regolatorji meħtieġa rigward żieda fil-proporzjon minimu tal-adegwatezza kapitali ewlieni għal-Livell minimu ċentrali 1 għal 9 % sal-aħħar tal‑2013;

(d)      li jittieħdu passi biex jiġi minimizzat il-kost tar-ristrutturar tal-banek għall-kontribwenti. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu kummerċjali u koperattivi sottokapitalizzati jgħollu, sal-ogħla livell possibbli, il-kapital minn sorsi privati qabel ma jkunu awtorizzati miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. Kwalunkwe pjan ta’ ristrutturar għandu jiġi formalment approvat taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, qabel tiġi pprovduta tali għajnuna mill-Istat. […];

(e)      li jiġi żgurat li jinħoloq reġistru ta’ kreditu […];

(f)      li tissaħħaħ il-governanza tal-banek, inkluż billi jiġi pprojbit is-self lil membri indipendenti tal-bord jew lil partijiet relatati magħhom;

(g)      li jiġi mmassimizzat l-irkupru għal self mhux produttiv, filwaqt li jiġu minimizzati l-inċentivi għal inadempjenza strateġika minn min jissellef […];

(h)      li jiġu allineati r-regolazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet koperattivi ta’ kreditu ma’ dawk tal-banek kummerċjali;

(i)      li tiġi aċċertata l-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet kooperattivi ta’ kreditu u tiġi żviluppata, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni il-BĊE u l-FMI, strateġija għall-istruttura, il-funzjonament u l-vijabbiltà fil-ġejjieni tas-settur tal-istituzzjonijiet koperattivi ta’ kreditu […] sa nofs l-2015;

(j)      li jissaħħaħ il-monitoraġġ fuq id-djun tas-settur korporattiv u dak domestiku u li jiġi stabbilit qafas ta’ ristrutturar immirat tad-dejn tas-settur privat […];

(k)      li […] jittejjeb il-qafas ta’ kontra l-ħasil ta’ flus, u li tiġi żgurata trasparenza sħiħa tal-entitajiet […];

(l)      li tiġi introdotta superviżjoni obligatorja ibbażata fuq il-livelli ta’ kapitalizzazzjoni;

(m)      li jiġi integrat l-ittestjar tal-istress f’superviżjoni […] ta’ banek […]; u

(n)      li tiġi implimentata sistema unika ta’ rappurtar ta’ data għall-banek u istituzzjonijiet ta’ kreditu.”

177    Fost dawn il-“miżuri u riżultati”, l-uniċi li jistgħu jitqiesu bħala relatati mal-miżuri dannużi huma dawk imsemmija, minn naħa, fl-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236 u li huma dwar l-integrazzjoni tal-Laïki fil-BoC u dwar il-konverżjoni tad-depożiti f’ishma fi ħdan il-BoC u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 2(6)(d) tal-istess deċiżjoni u li huma dwar it-tnaqqis fl-ispiża tar-ristrutturazzjoni bankarja sostnuta mill-persuni taxxabbli.

178    Qabelxejn, fir-rigward tal-integrazzjoni tal-Laïki fil-BoC, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236 jidentifika biss, f’termini ġenerali, miżura li r-Repubblika ta’ Ċipru kellha tadotta. Din id-dispożizzjoni ma tindikax li l-integrazzjoni tal-Laïki fil-BoC għandha titwettaq skont il-modalitajiet partikolari. Għalhekk, mill-inqas, l-awtoritajiet Ċiprijotti gawdew minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu dawn il-modalitajiet. Issa, l-integrazzjoni tal-Laïki fil-BoC ma setgħetx, bħala tali, tkun ivvizzjata minn waħda mill-illegalitajiet li qegħdin jilmentaw dwarhom ir-rikorrenti. L-iktar l-iktar, il-modalitajiet tal-implimentazzjoni ta’ din il-miżura setgħu jinkludu tali illegalità. Konsegwentement, anki jekk wieħed jassumi li ġie pprovat, id-dannu li r-rikorrenti jikkunsidraw li sofrew minħabba l-integrazzjoni tal-Laïki fil-BoC ma jirriżultax mill-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236, iżda mill-miżuri ta’ applikazzjoni adottati mir-Repubblika ta’ Ċipru sabiex timplimenta din l-integrazzjoni.

179    Sussegwentement, fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispiża tar-ristrutturazzjoni bankarja sostnuta mill-persuni taxxabbli, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(6)(d) tad-Deċiżjoni 2013/236 huwa ristrett sabiex, minn naħa, jeżiġi, f’termini ġenerali, l-adozzjoni tal-miżuri għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, jeżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ natura kummerċjali u kooperattiva sottokapitalizzati jgħollu, sa fejn huwa l-iktar possibbli, il-kapital minn sorsi privati qabel ma jingħataw l-għajnuna mill-Istat. L-Artikolu 2(6)(d) tad-Deċiżjoni 2013/236 ma jagħmel l-ebda riferiment għal mod speċifiku li għandu jiġi implimentat għal dan il-għan u għalhekk jagħti lir-Repubblika ta’ Ċipru marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv f’dan ir-rigward. Din l-interpretazzjoni hija ssostanzjata mill-fatt li din id-dispożizzjoni hija relatata kemm mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ natura kummerċjali, kif ukoll mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kooperattivi, filwaqt li tal-ewwel biss kienu s-suġġett tal-miżuri dannużi. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tinqara bħala li teżiġi ż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa, mir-Repubblika ta’ Ċipru, tal-miżuri dannużi.

180    Finalment, fir-rigward tal-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti fdati lill-BoC, hemm lok li jiġi nnotat li l-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236 jeżiġi valutazzjoni indipendenti tal-assi tal-banek imsemmija li għandha titlesta f’terminu li jippermetti li din il-konverżjoni titwettaq. Minn dan isegwi b’mod impliċitu, iżda neċessarjament, li, bla ħsara għall-fattibbiltà prattika ta’ tali eżerċizzju, l-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236 ma jippermettix li l-awtoritajiet Ċiprijotti jannullaw il-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti tal-BoC. Issa, fiċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-banek imsemmija, ir-rekwiżit taż-żamma u tal-implimentazzjoni kontinwa ta’ din il-konverżjoni seta’, indipendentement mill-modalitajiet preċiżi, jinvolvi waħda jew iktar mill-illegalitajiet invokati mir-rikorrenti.

181    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Kunsill, permezz tal-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236, eżiġa li r-Repubblika ta’ Ċipru żżomm jew tkompli timplimenta l-miżura dannuża li tikkonsisti fil-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti mhux assigurati tal-BoC. Għall-kuntrarju, il-Kunsill, permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/236, ma eżiġiex iż-żamma u l-implimentazzjoni kontinwa, mir-Repubblika ta’ Ċipru, tal-miżuri dannużi l-oħrajn introdotti fid‑29 ta’ Marzu 2013 jew l-adozzjoni ta’ dawk introdotti wara din id-data permezz tal-emendi li saru għad-digrieti dannużi u msemmija fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq.

182    Għalhekk, konformement mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 103 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika ta’ Ċipru kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevita li tissodisfa r-rekwiżit taż-żamma jew tal-implimentazzjoni kontinwa tal-miżura dannuża msemmija, mill-inqas b’mod impliċitu, fl-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236 u li hija dwar il-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti tal-BoC.

b)      Fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-Repubblika ta’ Ċipru kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevita li tissodisfa r-rekwiżit taż-żamma jew tal-implimentazzjoni kontinwa tal-miżura ta’ konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti tal-BoC.

183    Id-Deċiżjoni 2013/236 ġiet adottata mill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, taħt l-awtorità tat-“Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment [ta]l-Artikolu 136(1), flimkien mal-Artikolu 126(6)”. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fis-Serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li hija intiża għall-pubblikazzjoni tal-atti legalment vinkolanti.

184    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 136(1) TFUE jipprovdi li:

“Sabiex ikun assigurat il-funzjonament tajjeb ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, il-Kunsill għandu, skond il-proċedura rilevanti minn fost dawk previsti fl-Artikoli 121 u 126, bl-eċċezzjoni tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 126(14), jadotta miżuri speċifiċi [għall-IMME] sabiex:

a)      tissaħħaħ il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom;

b)      jiġu stabbiliti l-linji gwida ta’ politika ekonomika għalihom, waqt li jkun assigurat li dawn ikunu kompatibbli ma’ dawk adottati għall-Unjoni kollha u li jinżammu taħt sorveljanza.”

185    L-Artikolu 126(6) TFUE, li jirrigwarda l-proċedura li skontha d-Deċiżjoni 2013/236 ġiet adottata, jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, u wara li jqis kwalunkwe osservazzjoni potenzjali tal-Istat Membru kkonċernat, għandu “jiddeċiedi”, wara evalwazzjoni globali, jekk hemmx defiċit eċċessiv f’dan l-Istat Membru.

186    Għalhekk, id-Deċiżjoni 2013/236 tikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Bħala tali, meta din id-deċiżjoni kienet fis-seħħ, din kienet obbligatorja għar-Repubblika ta’ Ċipru fl-intier tagħha, inkluż l-Artikolu 2(6)(b) tagħha.

187    In-natura obbligatorja tad-Deċiżjoni 2013/236 hija kkonfermata kemm mill-formulazzjoni u s-sustanza tagħha kif ukoll mill-kuntest u l-intenzjoni tal-awtur tagħha. Fil-fatt, fl-ewwel lok, jekk il-premessi 7, 10, 11, 13 u 14 huma miktuba fil-kundizzjonal, id-dispożizzjonijiet tagħha huma kompletament ifformulati f’termini mandatorji, kif joħroġ b’mod ċar mill-użu sistematiku tal-kelma “għandu” fl-Artikoli 1 u 2 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 21). Għalhekk, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2013/236 jipprovdi li r-Repubblika ta’ Ċipru “għand[ha] [t]implimenta b’mod rigoruż programm ta’ aġġustament makroekonomiku […] li l-elementi prinċipali tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.” B’mod partikolari, kif diġà ġie nnotat fil-punt 176 iktar ’il fuq, l-Artikolu 2(6) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li “[r-Repubblika ta’ Ċipru] għand[ha] [t]kompli bir-riforma u r-ristrutturar mill-qiegħ tas-settur bankarju u [s]saħħaħ il-banek vijabbli billi [t]irrestawra l-kapital tagħhom, [t]indirizza s-sitwazzjoni tal-likwidità tagħhom u [s]saħħaħ is-superviżjoni tagħhom.” Għal dan il-għan, il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku “għandu jipprevedi”, kif ġie nnotat fil-punti 176 u 177 iktar ’il fuq, “miżuri u riżultati”, fosthom il-miżura ta’ twettiq rapidu ta’ valutazzjoni indipendenti tal-assi tal-banek imsemmija sabiex tiġi permessa l-konverżjoni tad-depożiti f’azzjonijiet fi ħdan il-BoC.

188    Fit-tieni lok, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li d-Deċiżjoni 2013/236 kienet intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti u li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li jikkonferixxilha tali effetti. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kunsill jirrikonoxxi espressament li qies li kien meħtieġ, meta adotta din id-deċiżjoni, li “jagħmel li[r-Repubblika ta’] Ċipru d-destinatarj[a] ta’ att b’effetti legali vinkolanti”.

189    It-tieni nett, hemm lok li jitfakkar li d-Deċiżjoni 2013/236 ġiet adottata fil‑25 ta’ April 2013, jiġifieri, minn naħa, l-għada tal-laqgħa tal‑24 ta’ April 2013, li matulha l-Kunsill Governattiv tal-MES iddeċieda, b’mod partikolari, li jagħti sostenn għall-istabbiltà tar-Repubblika ta’ Ċipru fil-forma ta’ FAF u approva abbozz ġdid ta’ memorandum ta’ qbil u, min-naħa l-oħra, il-jum ta’ qabel l-iffirmar tal-kuntratt tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 (ara l-punti 39 sa 41 iktar ’il fuq).

190    F’dan il-kuntest, skont ir-risposta tal-Kunsill għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, id-Deċiżjoni 2013/236 kienet taqa’ taħt “prattika komuni li żviluppat mill-bidu tal-kriżi fiż-żona tal-euro, li skontha l-kundizzjonalità marbuta mal-assistenza, li kienet is-suġġett ta’ qbil fuq livell intergovernattiv bejn l-Istat Membru benefiċjarju u l-MES, tingħaqad mad-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 136 TFUE” bil-għan li “tiġi ggarantita l-korrispondenza u l-koerenza bejn il-qasam tal-azzjoni intergovernattiva u dak tal-azzjoni tal-Unjoni”.

191    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, skont l-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236, ir-Repubblika ta’ Ċipru ma kellha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tirrevoka l-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti tal-BoC.

c)      Konklużjoni fuq l-imputabbiltà tal-konvenuti tal-adozzjoni, iż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa tal-miżuri dannużi

192    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi konkluż li ż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa, mir-Repubblika ta’ Ċipru, tal-miżura dannuża ta’ konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti mhux assigurati tal-BoC hija, tal-inqas parzjalment, imputabbli lill-Unjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors sa fejn dan jirrigwarda din il-miżura, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236.

193    Mill-banda l-oħra, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika ta’ Ċipru kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni, iż-żamma u l-implimentazzjoni kontinwa tal-miżuri dannużi l-oħrajn ma jistgħux ikunu imputabbli lill-konvenuti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma għandiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

2.      Fuq l-impenn tar-responsabbiltà tal-Unjoni bħala riżultat ta’ ċerti atti u aġir tal-konvenuti

194    L-argumenti tar-rikorrenti jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-adozzjoni tal-miżuri dannużi jew, eventwalment, iż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa tagħhom hijiex imputabbli lill-konvenuti, ċerti atti jew aġir ta’ dawn b’rabta mal-għoti tal-FAF, stabbilixxew ir-responsabbiltà tal-Unjoni. L-ewwel nett, dan jirrigwarda l-atti u l-aġir li permezz tagħhom id-digrieti dannużi ġew, skont ir-rikorrenti, “approvati mill-Kummissjoni, il-BĊE, il-Grupp tal-Euro u l-Kunsill”, it-tieni nett, l-aġir tal-Kummissjoni u tal-BĊE relatat mal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, it-tielet nett, il-komunikazzjoni, mill-konvenuti, u b’mod partikolari mill-Grupp tal-Euro, ta’ assigurazzjonijiet preċiżi fir-rigward tan-nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżuri dannużi u, ir-raba’ nett, id-diversi deċiżjonijiet adottati mill-BĊE fir-rigward tal-ELA li bbenefikat minnha l-Laïki.

195    Hemm lok li jiġi ddeterminat, fir-rigward ta’ kull wieħed mill-atti jew aġir, jekk tistax tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni.

196    L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegata approvazzjoni tad-digrieti dannużi mill-konvenuti (ara l-punt 194 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jiddeskrivux bi preċiżjoni l-atti jew l-aġir li jsemmu, iżda sempliċement jagħmlu riferiment għall-“kundizzjonalità li l-istituzzjonijiet konvenuti approvaw billi qablu li tingħata assistenza finanzjarja”. Madankollu, huwa possibbli jiġi dedott mill-istruttura tal-argumenti tagħhom li hawnhekk huma jipprevedu, qabelxejn, is-sorveljanza, mill-Kummissjoni u l-BĊE, tal-implimentazzjoni tal-miżuri dannużi skont l-Artikolu 13(7) tat-Trattat MES u, sussegwentement, is-sorveljanza tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/236 u, finalment, id-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro tat‑12 ta’ April u tat‑13 ta’ Mejju 2013. Insostenn tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni (5/66, 7/66, 13/66 sa 16/66 u 18/66 sa 24/66, mhux ippubblikata, EU:C:1967:31, p. 317), li minnha jirriżulta li r-responsabbiltà tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita bħala riżultat tal-approvazzjoni, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ atti li kkawżaw dannu lil rikorrenti.

197    F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tinnota li s-sorveljanza, mill-Kummissjoni u l-BĊE, tal-implimentazzjoni tal-miżuri dannużi skont l-Artikolu 13(7) tat-Trattat MES għandha tiġi eżaminata flimkien mal-aġir l-ieħor ta’ dawn l-istituzzjonijiet relatat mal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 (ara l-punti 201 sa 204 iktar ’il quddiem).

198    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li s-sorveljanza, mill-Kummissjoni u l-BĊE, tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/236 taqa’ taħt kompetenza proprja mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lil istituzzjonijiet tal-Unjoni u, għaldaqstant, tista’ twassal għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

199    Finalment, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro tat-12 ta’ April u tat-13 ta’ Mejju 2013, għandu jitfakkar, kif enfasizzat fil-punt 113 iktar ’il fuq, li l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14 tas-26 ta’ Ottubru 2012 dwar il-Grupp tal-Euro jipprovdi li l-Grupp tal-Euro jiltaqa’ “sabiex ikunu diskussi kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet speċifiċi li [l-ministri li jifformawh] jaqsmu fejn tidħol il-munita unika”. Dawn il-kwistjonijiet jaqgħu, skont l-Artikolu 119(2) TFUE, taħt l-azzjoni tal-Unjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 TUE, li jinkludu l-istabbiliment ta’ unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha hija l-euro.

200    Fid-dikjarazzjonijiet tiegħu tat‑12 ta’ April u tat‑13 ta’ Mejju 2013, il-Grupp tal-Euro sempliċement iddeskriva fil-qosor ħafna u laqa’ ċerti miżuri adottati mill-awtoritajiet Ċiprijotti kif ukoll esprima l-opinjoni li skontha dawn il-miżuri setgħu, b’mod partikolari, jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-diffikultajiet finanzjarji li r-Repubblika ta’ Ċipru kienet qiegħda taffaċċja (ara l-punt 170 iktar ’il fuq). Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt 199 iktar ’il fuq, ma jistax jitqies li l-espressjoni ta’ tali opinjoni mill-Grupp tal-Euro tmur lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilu mid-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, din tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni.

201    It-tieni nett, ir-rikorrenti semmew diversi aġir tal-Kummissjoni u tal-BĊE relatati mal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, jiġifieri n-negozjar u l-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 mill-Kummissjoni u s-sorveljanza tal-adozzjoni tal-miżuri dannużi mill-BĊE u mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(7) tat-Trattat MES. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kompiti fdati lill-Kummissjoni u lill-BĊE mit-Trattat MES ma jiżnaturawx l-kompetenzi li t-Trattati UE u FUE jikkonferixxu lil dawn l-istituzzjonijiet. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Kummissjoni, l-Artikolu 13(3) u (4) tat-Trattat MES jimponilha l-obbligu li tiżgura l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-memoranda ta’ qbil konklużi mill-MES, sabiex hija iżżomm, fil-kuntest tat-Trattat MES, ir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, kif jirriżulta mill-Artikolu 17(1) TUE, li skontu hija “għandha tippromwovi l-interess ġenerali ta’ l-Unjoni” u “għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni”. Għalhekk, hija għandha tastjeni milli tiffirma memorandum ta’ qbil li jkollha dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 56 sa 59).

202    Konsegwentement, rikorrent għandu d-dritt li jinvoka kontra l-Kummissjoni aġir illegali marbut mal-adozzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 f’isem il-MES fil-kuntest ta’ rikors għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u Il-BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 55).

203    B’mod kuntrarju għall-allegazzjonijiet tal-BĊE, ma jistax jiġi dedott mis-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C 8/15 P to C 10/15 P, EU:C:2016:701), li l-aġir illegali tal-Kummissjoni marbut mal-adozzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil huwa l-uniku aġir illegali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tat-Trattat MES li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Fil-fatt, qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dik is-sentenza li n-natura legali tal-atti tal-MES, li jorbtu biss lill-MES u ma jaqgħux fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma hijiex waħda li tipprekludi l-invokazzjoni, fil-konfront tal-Kummissjoni u tal-BĊE, ta’ aġir illegali marbut, jekk ikun il-każ, mal-adozzjoni ta’ memorandum ta’ qbil f’isem il-MES, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni mhux kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 53 sa 55). Sussegwentement, jekk huwa minnu li l-Artikolu 17(1) TUE u l-Artikolu 13(3) u (4) tat-Trattat MES jimponu fuq il-Kummissjoni obbligi li ma jaqgħux fuq il-BĊE (ara l-punt 201 iktar ’il fuq), jibqa’ l-fatt li, permezz tal-funzjonijiet tiegħu fil-kuntest tat-Trattat MES, il-BĊE jikkontribwixxi s-sostenn tiegħu għall-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni skont l-Artikolu 282(2) TFUE (sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 165). Finalment, għandu jiġi enfasizzat li, bħalma ssostni l-Kummissjoni, il-BĊE għandu jirrispetta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) meta dan jaġixxi fil-kuntest ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 67). Minn dan isegwi li l-aġir illegali marbut mas-sorveljanza tal-applikazzjoni ta’ miżuri dannużi mill-BĊE u mill-Kummissjoni jista’ jintuża kontrihom fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

204    In-negozjar u l-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 mill-Kummissjoni kif ukoll is-sorveljanza tal-applikazzjoni ta’ miżuri dannużi mill-BĊE u mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(7) tat-Trattat MES jistgħu għalhekk jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Unjoni.

205    It-tielet nett, fir-rigward tal-komunikazzjoni, mill-konvenuti u, b’mod partikolari mill-Grupp tal-Euro, ta’ assigurazzjonijiet preċiżi fir-rigward tan-nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżuri dannużi, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni superjuri intiż għall-protezzjoni tal-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1992, Mülder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:1992:217, punt 15), li l-ksur tiegħu minn istituzzjoni tal-Unjoni jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C‑152/88, EU:C:1990:259, punt 26).

206    Konsegwentement, il-komunikazzjoni, mill-konvenuti u, b’mod partikolari, mill-Grupp tal-Euro, ta’ assigurazzjonijiet preċiżi fir-rigward tan-nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżuri dannużi jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni.

207    Ir-raba’ nett, id-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE fir-rigward tal-ELA huma atti adottati minn istituzzjoni tal-Unjoni fl-eżerċizzju ta’ kompetenza attribwita lilha mid-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, jistgħu jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Unjoni.

3.      Konklużjoni fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

208    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jitqies li l-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors sa fejn dan jirrigwarda, l-ewwel nett, l-allegata approvazzjoni tad-digrieti dannużi mill-konvenuti, it-tieni nett, l-obbligu taż-żamma jew tal-implimentazzjoni tal-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti mhux assigurati tal-BoC kif jirriżulta mill-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236, it-tielet nett, in-negozjar u l-iffirmar, mill-Kummissjoni, tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, ir-raba’ nett, is-sorveljanza, mill-Kummissjoni u mill-BĊE, tal-applikazzjoni tal-miżuri dannużi skont l-Artikolu 13(7) tat-Trattat MES, il-ħames nett, il-komunikazzjoni allegata ta’ assigurazzjonijiet preċiżi, mill-konvenuti, u b’mod partikolari mill-Grupp tal-Euro, li ma kinux se jiġu adottati l-miżuri dannużi u, is-sitt nett, id-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE fir-rigward tal-ELA.

B.      Fuq l-ammissibbiltà

209    Il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-BĊE jsostnu li dan ir-rikors huwa, totalment jew parzjalment, inammissibbli. L-argumenti tagħhom jirrigwardaw, minn naħa, il-konformità mar-rekwiżiti formali applikabbli (ara l-punti 210 sa 234 iktar ’il quddiem) u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ eżawriment tar-rimedji nazzjonali (ara l-punti 235 sa 242 iktar ’il quddiem).

1.      Fuq l-osservanza tar-rekwiżiti formali

210    Il-Kunsill u l-BĊE jaffermaw li r-rikors ma jissodisfax r-rekwiżiti formali applikabbli. L-ewwel nett, il-BĊE jallega li r-rikors ma josservax ir-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991. Qabelxejn, ir-rikorrenti ma stabbilixxew l-ebda eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali allegat li bih ġew akkużati l-konvenuti u d-dannu allegat. B’mod partikolari, ir-rikorrenti baqgħu ma spjegawx kif il-BĊE seta’, fid-dawl tar-rwol purament konsultattiv tiegħu fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri dannużi, ikun responsabbli għad-dannu allegat. Sussegwentement, ir-rikorrenti ma ddeskrivewx suffiċjentement id-dannu li qegħdin jallegaw li sofrew, minħabba li huma ma wrewx li, kieku l-banek imsemmija tpoġġew f’likwidazzjoni minflok ma spiċċaw suġġetti għall-miżuri dannużi, huma kienu jitilfu porzjon inqas sinjifikattiv mid-depożiti tagħhom. Finalment, l-argumenti legali tar-rikorrenti huma daqstant dgħajfin li l-allegata illegalità tal-miżuri adottati mill-BĊE ma hijiex issostanzjata suffiċjentement.

211    It-tieni nett, il-Kunsill isostni li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991 sa fejn dan jirrigwarda d-Deċiżjoni 2013/236. Fil-fatt, ir-rikors ma jippermettix li jiġu identifikati, bil-grad ta’ preċiżjoni meħtieġ, la l-illegalità li r-rikorrenti jqisu li din id-deċiżjoni hija vvizzjata minnha, la r-raġunijiet għaliex huma jqisu li teżisti rabta kawżali bejn din l-illegalità u d-dannu li huma allegaw li sofrew u lanqas il-portata preċiża tal-involviment tal-Kunsill fit-twettiq ta’ dan id-dannu. Il-Kunsill jikkonkludi li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda l-imsemmija deċiżjoni.

212    Ir-rikorrenti jitolbu li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi miċħuda.

213    L-ewwel nett, huma jaffermaw li r-rikors jistabbilixxi rabta kawżali diretta bejn l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet konvenuti u d-dannu li huma sofrew. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-argument tal-BĊE dwar id-deskrizzjoni tad-dannu, ir-rikorrenti jqisu li dan jikkonċerna l-mertu u mhux l-ammissibbiltà tar-rikors.

214    It-tieni nett, huma jirrilevaw li huma ressqu ir-raġunijiet li għalihom id-Deċiżjoni 2013/236, li tinkludi l-kundizzjonijiet tal-FAF fid-dritt tal-Unjoni, hija illegali u kkawżat id-dannu allegat.

215    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni, u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża, it-talbiet u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenuti jippreparaw id-difiża tagħhom u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors jirriżultaw, minn tal-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u komprensibbli, mit-test tar-rikors stess (digriet tat‑28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, EU:T:1993:39, punt 20, u s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑277/97, EU:T:1999:124, punt 29).

216    Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors intiż għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni jew mill-aġenti tagħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li bih ir-rikorrenti jakkuża lill-konvenut, ir-raġunijiet għaliex ir-rikorrent iqis li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li jallega li sofra, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑387/94, EU:T:1996:120, punt 107, u tad‑29 ta’ Jannar 1998, Dubois et Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑113/96, EU:T:1998:11, punt 30).

217    Qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet imsemmija fil-punti 210 sa 214 iktar ’il fuq fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u filwaqt li jitqies ukoll li għandu jiġi kkunsidrat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward tar-rikapitalizzazzjoni interna, li għaliha ġew suġġetti l-azzjonisti tal-Laïki, huma relatati ma’ atti jew aġir li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni, għandu jiġi osservat li dawn l-allegazzjonijiet huma wisq impreċiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tevalwahom. Fil-fatt, ir-rikorrenti, essenzjalment, sempliċement jallegaw li l-azzjonijiet tal-Laïki “tħassru”, bħala konsegwenza tal-miżuri dannużi, mingħajr kontroparti finanzjarja, jew li l-valur ekonomiku tagħhom “tħassar kompletament”.

218    Issa, mill-atti tal-proċess u, b’mod partikolari, mill-elementi msemmija fil-punti 30 sa 36 iktar ’il fuq, jirriżulta li d-digrieti dannużi ma jipprevedux li l-azzjonijiet tal-Laïki huma suġġetti għal xi miżura ta’ rikapitalizzazzjoni interna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li wieħed jifhem kif il-konvenuti setgħu, billi pprovdew is-sostenn tagħhom għall-miżuri dannużi inklużi fid-digrieti dannużi, jikkontribwixxu għat-twettiq tad-dannu li l-azzjonisti tal-Laïki kienu vittmi tiegħu. Minn dan isegwi li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 215 u 216 iktar ’il fuq, dan ir-rikors huwa manifestament inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda l-kumpens għad-dannu li r-rikorrenti sofrew minħabba l-allegat tħassir tal-azzjonijiet tal-Laïki.

219    B’dan kollu ppreċiżat, għandu jiġi vverifikat jekk dan ir-rikors huwiex konformi mar-rekwiżiti formali deskritti fil-punti 215 u 216 iktar ’il fuq, sa fejn jirrigwarda l-atti u l-aġir li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, l-allegata approvazzjoni tad-digrieti dannużi mill-konvenuti, it-tieni nett, l-obbligu taż-żamma jew tal-implimentazzjoni tal-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti mhux assigurati tal-BoC kif jirriżulta mill-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236, it-tielet nett, in-negozjar u l-iffirmar, mill-Kummissjoni, tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, ir-raba’ nett, is-sorveljanza, mill-Kummissjoni u mill-BĊE, tal-adozzjoni tal-miżuri dannużi skont l-Artikolu 13(7) tat-Trattat MES, il-ħames nett, l-allegata komunikazzjoni ta’ assigurazzjonijiet preċiżi, mill-konvenuti, u b’mod partikolari mill-Grupp tal-Euro, li ma kinux se jiġu adottati l-miżuri dannużi u, is-sitt nett, id-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE fir-rigward tal-ELA.

220    L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegata approvazzjoni tad-digrieti dannużi mill-konvenuti, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tiġi stabbilita rabta kawżali bejn, minn naħa, is-sorveljanza tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/236 u d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro tat‑12 ta’ April u tat‑13 ta’ Mejju 2013 u, min-naħa l-oħra, id-dannu allegat, ir-rikorrenti jinvokaw biss is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni (5/66, 7/66, 13/66 sa 16/66 u 18/66 sa 24/66, mhux ippubblikata, EU:C:1967:31, p. 317), li minnha jirriżulta li r-responsabbiltà tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita bħala riżultat tal-approvazzjoni, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ atti li kkawżaw dannu lil rikorrent.

221    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dikjarazzjonijiet tiegħu tat-12 ta’ April u tat-13 ta’ Mejju 2013, il-Grupp tal-Euro, li ma huwiex kompetenti sabiex jadotta deċiżjonijiet vinkolanti, sempliċement iddeskriva fil-qosor ħafna u laqa’ ċerti miżuri adottati mill-awtoritajiet Ċiprijotti kif ukoll esprima l-opinjoni li skontha dawn il-miżuri setgħu, b’mod partikolari, jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-diffikultajiet finanzjarji li r-Repubblika ta’ Ċipru kienet affaċċjat (ara l-punt 170 iktar ’il fuq). Għalhekk, permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Grupp tal-Euro esprima fil-konfront tar-Repubblika ta’ Ċipru opinjoni ta’ natura mhux vinkolanti u li ma kinitx torbot lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

222    Fir-rigward tas-sorveljanza, mill-Kummissjoni u mill-BĊE, tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/236 jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE, u jekk ikun il-każ mal-FMI, tissorvelja l-progress miksub mir-Repubblika ta’ Ċipru fl-implimentazzjoni tal-programm tagħha. L-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li l-Kummissjoni għandha, qabelxejn, flimkien mal-BĊE u, jekk ikun il-każ, mal-FMI, teżamina, flimkien mal-awtoritajiet Ċiprijotti, l-emendi jew l-aġġornamenti tal-programm li jistgħu jkunu meħtieġa, sussegwentement, tipprovdi, b’mod kontinwu, pariri u gwidi fir-rigward tar-riformi baġitarji, finanzjarji u strutturali u, finalment, tevalwa, b’mod regolari, l-impatt ekonomiku tal-programm u tirrakkomanda l-korrezzjonijiet meħtieġa sabiex jissaħħu t-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol, tiġi żgurata r-riorganizzazzjoni baġitarja meħtieġa u jitnaqqsu l-effetti soċjali negattivi. L-ebda wieħed minn dawn l-obbligi imposti fuq il-Kummissjoni ma jinvolvu setgħa deċiżjonali jew vinkolanti. Kwalunkwe approvazzjoni li setgħet toħroġ il-Kummissjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħha skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/236, għalhekk, kienet ta’ natura mhux vinkolanti u, konsegwentement, ma kinitx torbot lill-awtoritajiet Ċiprijotti.

223    Minn dan jirriżulta li r-Repubblika ta’ Ċipru, li ma kinitx obbligata li tadotta l-miżuri dannużi (ara l-punti 105 sa 155 iktar ’il fuq), lanqas kellha għalfejn titlob lill-Kummissjoni, lill-BĊE jew lill-Grupp tal-Euro l-awtorizzazzjoni sabiex tadottahom. Kif jirriżulta mill-punti 221 u 222 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, il-BĊE u l-Grupp tal-Euro, fi kwalunkwe każ, ma taw l-ebda awtorizzazzjoni ta’ din in-natura lill-awtoritajiet Ċiprijotti permezz tal-atti jew l-aġir imsemmija f’dawn il-punti.

224    Mill-banda l-oħra, fis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni (5/66, 7/66, 13/66 sa 16/66 u 18/66 sa 24/66, mhux ippubblikata, EU:C:1967:31, p. 317), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-responsabbiltà tal-Komunità Ewropea ġiet stabbilita minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet awtorizzat, bi żball, l-adozzjoni, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ta’ ċerti miżuri ta’ salvagwardja fil-qasam agrikolu. F’dik il-kawża, l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni kienet kundizzjoni meħtieġa għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Għalhekk, l-avveniment li stabbilixxa r-responsabbiltà tal-Komunità ma kienx is-sempliċi approvazzjoni, minn waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, tal-miżuri adottati minn Stat Membru, iżda l-awtorizzazzjoni ta’ dawn il-miżuri, li fl-assenza tagħha ma kinux jiġu implimentati.

225    Għalhekk, is-sempliċi riferiment għas-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni (5/66, 7/66, 13/66 sa 16/66 u 18/66 sa 24/66, mhux ippubblikata, EU:C:1967:31, p. 317) ma jippermettix li jinftiehem kif l-approvazzjoni tal-miżuri dannużi setgħet tipprovoka t-telf patrimonjali li r-rikorrenti jinvokaw.

226    Minn dan isegwi li dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn dan jirrigwarda l-allegata approvazzjoni tal-adozzjoni tad-digrieti dannużi mill-konvenuti.

227    It-tieni nett, fir-rigward tal-obbligu taż-żamma jew tal-implimentazzjoni kontinwa tal-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti mhux assigurati tal-BoC kif jirriżulta mill-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti jidentifikaw bi grad ta’ preċiżjoni suffiċjenti, minn naħa, l-aġir li huma jimputaw lill-Kunsill, jiġifieri li, b’dik id-deċiżjoni, “approva u integra fil-korp tad-ditt tal-U[njoni]” il-kundizzjonijiet tal-għoti allegatament illegali tal-FAF, u, min-naħa l-oħra, in-natura u l-estent tal-allegat dannu, li huma t-tnejn deskritti fid-dettall fil-korp tar-rikors promotur u fl-anness tiegħu. Kif jirriżulta mill-punt 159 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jispjegaw ukoll bi preċiżjoni suffiċjenti r-rabta kawżali li hemm, skonthom, bejn l-aġir tal-Kunsill li fir-rigward tiegħu huma jinvokaw l-illegalità u d-dannu allegat.

228    It-tielet nett, fir-rigward tal-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil tas-26 ta’ April 2013, huwa possibbli li l-argumenti tar-rikorrenti jiġu interpretati fis-sens li dawn iqisu li, li kieku l-Kummissjoni ma aċċettatx li tiffirma l-Memorandum ta’ Qbil tas-26 ta’ April 2013, il-MES u r-Repubblika ta’ Ċipru ma kinux ikunu jistgħu jaqblu li ż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa tal-miżuri dannużi introdotti fid-29 ta’ Marzu 2013 u l-adozzjoni tal-miżuri dannużi introdotti fit-30 ta’ Lulju 2013 bl-emendi għad-digrieti dannużi msemmija fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq kienu kundizzjoni neċessarja għall-għoti tal-FAF.

229    Id-deċiżjoni tal-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil tas-26 ta’ April 2013 huwa għalhekk, tal-inqas parzjalment, l-oriġini tad-dannu invokat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti identifikaw ir-raġunijiet li għalihom huma jqisu li hemm rabta kawżali bejn l-aġir tal-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil tas-26 ta’ April 2013, minn naħa, u d-dannu invokat, min-naħa l-oħra.

230    Mill-banda l-oħra, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-negozjar tal-Memorandum ta’ Qbil tas-26 ta’ April 2013 ma huma s-suġġett tal-ebda żvilupp speċifiku u ddettaljat fil-partijiet tas-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti iddedikati għall-argumentazzjoni ġuridika. B’mod partikolari, xejn f’dawn is-sottomissjonijiet bil-miktub ma jippermetti l-identifikazzjoni tar-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti jqisu li l-aġir tal-Kummissjoni jew tal-BĊE fil-kuntest tan-negozjar tal-Memorandum ta’ Qbil tas-26 ta’ April 2013 ikkontribwixxa sabiex jiġi kkawżat id-dannu allegat.

231    Ir-raba’ nett, fir-rigward tas-sorveljanza, mill-Kummissjoni u mill-BĊE, tal-adozzjoni tal-miżuri dannużi skont l-Artikolu 13(7) tat-Trattat MES, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 228 u 229 iktar ’il fuq japplikaw mutatis mutandis.

232    Il-ħames nett, il-komunikazzjoni mill-konvenuti u, b’mod partikolari, mill-Grupp tal-Euro, ta’ assigurazzjonijiet preċiżi fir-rigward tan-nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżuri dannużi ħolqot, skont ir-rikorrenti, aspettattivi leġittimi fi ħdanhom li nkisru bl-adozzjoni tal-imsemmija miżuri. Permezz ta’ hekk, ir-rikorrenti identifikaw, bi preċiżjoni suffiċjenti, l-illegalità li l-konvenuti ġew akkużati li wettqu u r-raġunijiet li għalihom huma jqisu li teżisti rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat.

233    Is-sitt nett, ir-rikorrenti indikaw li d-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE fir-rigward tal-ELA kkontribwixxew għall-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u tad-dritt għall-proprjetà kif ukoll iggravaw id-diffikultajiet ekonomiċi tal-Laïki u, għaldaqstant, id-dannu li sofrew. Għalhekk, huma identifikaw, bi preċiżjoni suffiċjenti, l-illegalità li biha huma jqisu li d-deċiżjonijiet huma vvizzjati u r-raġunijiet li għalihom huma jqisu li teżisti rabta każwali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat.

234    Minn dan isegwi li dan ir-rikors huwa konformi mar-rekwiżiti formali applikabbli sa fejn jirrigwarda, l-ewwel nett, l-obbligu taż-żamma jew tal-implimentazzjoni tal-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti mhux assigurati tal-BoC kif jirriżulta mill-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236, it-tieni nett, l-iffirmar, mill-Kummissjoni, tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, it-tielet nett, is-sorveljanza, mill-Kummissjoni u mill-BĊE, tal-adozzjoni tal-miżuri dannużi skont l-Artikolu 13(7) tat-Trattat MES, ir-raba’ nett, il-komunikazzjoni allegata ta’ assigurazzjonijiet preċiżi, mill-konvenuti u, b’mod partikolari, mill-Grupp tal-Euro, li ma kinux se jiġu adottati l-miżuri dannużi u, il-ħames nett, id-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE fir-rigward tal-ELA.

2.      Fuq l-allegat nuqqas ta’ eżawriment tar-rimedji nazzjonali

235    Fil-kuntest tal-argumenti tagħha relatati mad-dannu allegat, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, sa fejn il-kawża immedjata ta’ dan id-dannu tinsab fil-miżuri nazzjonali, fejn l-ebda dannu anċillari ma jista’ jiġi attribwit biss lill-Unjoni u fejn l-illegalitajiet invokati huma biss indirettament marbuta mal-allegati azzjonijiet tal-Unjoni, ir-rikorrenti għandhom jeżawrixxu r-rimedji ġudizzjarji nazzjonali qabel ma l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens tagħhom.

236    Ir-rikorrenti jwieġbu li, skont il-ġurisprudenza, huma ma kinux marbuta li jressqu azzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali qabel ma jadixxu lill-Qorti Ġenerali, sa fejn, minn naħa, il-miżuri dannużi huma imputabbli lill-Unjoni u, min-naħa l-oħra, dawn il-qrati ma setgħux jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva lir-rikorrenti.

237    Sa fejn jistgħu jiġu interpretati li huma dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, u mhux biss dwar id-dannu allegat, l-argumenti tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

238    Skont il-ġurisprudenza, ir-rikors għad-danni skont l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 340 TFUE għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-individwi kollha kemm hi u l-ammissibbiltà tiegħu tista’ b’hekk issib ruħha suġġetta, f’ċerti każijiet, għall-eżawriment tar-rimedji nazzjonali li huma possibbli għall-ksib tal-annullament ta’ deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali, ladarba dawn ir-rimedji nazzjonali jiżguraw b’mod effikaċi l-protezzjoni tal-individwi kkonċernati billi jistgħu jwasslu għall-kumpens tad-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 1989, Roquette frères vs Il-Kummissjoni, 20/88, EU:C:1989:221, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Diċembru 2006, É. R. et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑138/03, EU:T:2006:390, punt 40).

239    F’sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014, Holcim (Romania) vs Il-Kummissjoni (T‑317/12, EU:T:2014:782, punti 73 sa 77), il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-każijiet fejn l-inammissibbiltà hija kkawżata min-nuqqas ta’ eżawriment tar-rimedji nazzjonali jeżistu biss fl-ipoteżi fejn in-nuqqas ta’ eżawriment tar-rimedji nazzjonali jfixkel lill-qorti tal-Unjoni milli tidentifika n-natura u l-kwantità tad-dannu invokat quddiemha, bir-riżultat li r-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, kif interpretati mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 215 u 216 iktar ’il fuq, ma kinux ġew issodisfatti.

240    Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tista’ tidentifika n-natura u l-kwantità tad-dannu allegat li r-rikorrenti ddeskrivew, bi preċiżjoni suffiċjenti, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u fl-annessi ta’ dawn. Għaldaqstant, u mingħajr il-ħtieġa li jiġi ddeterminat jekk l-atti u l-aġir imsemmija fil-punt 234 iktar ’il fuq setgħux jiġu suġġetti għal azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali, ma jistax jitqies li dan ir-rikors huwa inammissibbli biss għar-raġuni li r-rikorrenti ma eżawrixxewx ir-rimedji nazzjonali.

241    L-iktar l-iktar, jista’ jitqies li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżentazzjoni, minn attur wieħed jew iktar, ta’ azzjoni quddiem qorti nazzjonali intiża għall-kumpens ta’ dannu bħal dak f’dan ir-rikors, jista’ jkollha effett fuq il-fondatezza tal-mertu ta’ dan ir-rikors. Skont il-ġurisprudenza, meta, fl-ewwel lok, persuna tkun ippreżentat żewġ azzjonijiet intiżi għall-kumpens għall-uniku u l-istess dannu, wieħed kontra awtorità nazzjonali, quddiem qorti nazzjonali, u l-ieħor kontra istituzzjoni tal-Unjoni, quddiem il-qorti tal-Unjoni u, fit-tieni lok, ikun hemm ir-riskju li, minħabba evalwazzjonijiet differenti ta’ dan id-dannu miż-żewġ qrati aditi, l-imsemmija persuna tiġi kkumpensata insuffiċjentement jew abbużivament, il-qorti tal-Unjoni għandha, qabel ma tiddeċiedi dwar id-dannu, tistenna li l-qorti nazzjonali tkun ħadet deċiżjoni dwar l-azzjoni ppreżentata quddiemha permezz ta’ deċiżjoni li ttemm l-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni, 5/66, 7/66, 13/66 sa 16/66 u 18/66 sa 24/66, mhux ippubblikata, EU:C:1967:31, p. 344, u tat‑13 ta’ Diċembru 2006, É. R. et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑138/03, EU:T:2006:390, punt 42). F’każ bħal dan, il-qorti tal-Unjoni għandha tistenna li l-qorti nazzjonali tkun iddeċidiet qabel ma tiddeċiedi dwar l-eżistenza u l-quantum tad-dannu. Mill-banda l-oħra, huwa possibbli, għall-qorti tal-Unjoni, anki qabel mal-qorti nazzjonali tkun iddeċidiet, li tiddetermina jekk l-aġir li bih hija akkużata l-istituzzjoni konvenuta huwiex ta’ natura li twassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014, Holcim (Romania) vs Il-Kummissjoni, T‑317/12, EU:T:2014:782, punt 80).

242    Għaldaqstant, anki jekk attur wieħed jew iktar ippreżentaw, f’dan il-każ, quddiem il-qrati Ċiprijotti, azzjoni intiża għall-kumpens ta’ dannu bħal dak f’dan ir-rikors, xejn ma għandu jżomm il-Qorti Ġenerali milli tiddeċiedi dwar l-illegalitajiet allegati, anki jekk dan tagħmlu qabel ma dawn il-qrati jagħtu deċiżjoni.

C.      Konklużjoni fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

243    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors u li dan tal-aħħar huwa ammissibbli, sa fejn dan jirrigwarda, l-ewwel nett, l-obbligu taż-żamma jew tal-implimentazzjoni tal-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti mhux assigurati tal-BoC kif jirriżulta mill-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236, it-tieni nett, l-iffirmar, mill-Kummissjoni, tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, it-tielet nett, is-sorveljanza, mill-Kummissjoni u mill-BĊE, tal-applikazzjoni tal-miżuri dannużi skont l-Artikolu 13(7) tat-Trattat MES, ir-raba’ nett, il-komunikazzjoni allegata ta’ assigurazzjonijiet preċiżi, mill-konvenuti u, b’mod partikolari, mill-Grupp tal-Euro, li ma kinux se jiġu adottati l-miżuri dannużi u, il-ħames nett, id-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE fir-rigward tal-ELA.

244    Mill-banda l-oħra, fir-rigward ta’ atti u aġir oħrajn li bihom ir-rikorrenti jakkużaw lill-konvenuti, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikors huwa parzjalment inammissibbli u, parzjalment, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu. Għalhekk, se jiġi eżaminati fil-mertu biss il-motivi u l-argumenti tal-partijiet li huma marbuta mal-atti u mal-aġir imsemmija fil-punt 243 iktar ’il fuq.

D.      Fuq il-mertu

245    Minn ġurisprudenza stabbilita, applikabbli mutatis mutandis għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, jirriżulta li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa suġġett għall-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih tkun ġiet akkużata l-istituzzjoni tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu invokat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u Il-BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs Il-BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 65). Sa fejn dawn it-tliet kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv, il-fatt li waħda minnhom ma tiġix issodisfatta jkun biżżejjed sabiex rikors għad-danni jiġi miċħud (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 14).

246    F’dan il-każ, għandu l-ewwel jiġi eżaminat jekk l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, dwar l-illegalità tal-aġir li l-konvenuti ġew akkużati bih, hijiex issodisfatta.

247    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat diversi drabi li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jeżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tkun intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u Il-BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

248    Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jaffermaw li l-konvenuti aġixxew mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-grupp esklużiv magħmul mid-depożitanti jew mill-azzjonisti tal-banek imsemmija, bi ksur gravi u serju tat-tliet regoli tad-dritt tal-Unjoni intiżi sabiex jipproteġu lill-individwi, jiġifieri d-dritt għall-proprjetà, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

249    Il-Kunsill u l-BĊE jwieġbu, essenzjalment, li la l-atti u l-aġir imsemmija fil-punt 243 iktar ’il fuq u lanqas il-miżuri dannużi ma huma vvizzjati minn ksur tad-dritt tal-Unjoni.

250    Ladarba tqis li d-dannu invokat huwa imputabbli biss lir-Repubblika ta’ Ċipru, il-Kummissjoni tastjeni milli tiddefendi b’mod sistematiku l-legalità ta’ miżuri li din tal-aħħar adottat unilateralment u tillimita ruħha, essenzjalment, għal preżentata ta’ osservazzjonijiet immirati fir-rigward tal-illegalitajiet invokati mir-rikorrenti.

251    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-allegat ksur, l-ewwel nett, tad-dritt għall-proprjetà (ara l-punti 252 sa 402 iktar ’il quddiem), it-tieni nett, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara l-punti 404 sa 439 iktar ’il quddiem) u, it-tielet nett, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara 440 sa 508 iktar ’il quddiem).

1.      Fuq l-eżistenza ta’ ksur potenzjali tad-dritt għall-proprjetà

252    Ir-rikorrenti jsostnu li ġew imċaħħda mid-dritt għall-proprjetà tagħhom tad-depożiti li kienu fdaw lill-banek imsemmija jew tal-azzjonijiet tagħhom miżmuma minn dawn il-banek, bi ksur tal-Artikolu 17(1) tal-Karta u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”).

253    Il-konvenuti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

254    Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta. Kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza nnifisha tal-imsemmi dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

255    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 12 tat-Trattat MES jirriżulta li l-adozzjoni ta’ memorandum ta’ qbil bħal dak tas‑26 ta’ April 2013 jissodisfa għan ta’ interess ġenerali segwit mill-Unjoni, jiġifieri l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Fil-fatt, is-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni. Sa fejn il-banek, sors essenzjali ta’ finanzjament għall-impriżi, ikunu spiss interkonnessi, il-falliment ta’ bank wieħed jew iktar jista’ jespandi b’mod rapidu għall-banek l-oħrajn fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stati Membri oħrajn, u, konsegwentement, ikollu effetti konsegwenzjali negattivi f’setturi oħrajn tal-ekonomija (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 71 u 72 u l-ġurisprudenza ċċitata; il-Qorti EDB, 10 ta’ Lulju 2012, Grainger et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2012:0710DEC003494010, punti 39 u 42, u 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punt 103).

256    Fis-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 73 sa 75), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali msemmi fil-punt 255 iktar ’il fuq u fid-dawl tar-riskju imminenti ta’ telf finanzjarju li għalih kienu ser jiġu esposti d-depożitanti fil-banek imsemmija fil-każ ta’ falliment ta’ dawn tal-aħħar, tlieta mill-miżuri dannużi deskritti fil-punti 31 sa 35 iktar ’il fuq ma jikkostitwixxux, kif jirriżulta mill-punti 1.23 sa 1.27 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza nnifisha tad-dritt għall-proprjetà tal-imsemmija depożitanti u ma jistgħux, għalhekk, jitqiesu bħala restrizzjonijiet inġusti tiegħu. Fost dawn il-miżuri hemm, l-ewwel nett, l-integrazzjoni, fil-BoC, tad-depożiti assigurati tal-Laïki u ż-żamma tad-depożiti mhux assigurati mal-Laïki, fl-istennija tal-likwidazzjoni tiegħu, it-tieni nett, il-konverżjoni ta’ 37.5 % tad-depożiti mhux assigurati tal-BoC f’ishma, bi dritt ta’ vot sħiħ u bi drittijiet għad-dividendi u, it-tielet nett, l-iffriżar temporanju ta’ parti oħra minn dawn id-depożiti mhux assigurati, bil-kundizzjoni li, jekk il-BoC ikun eċċessivament ikkapitalizzat fid-dawl tal-għan li jintlaħaq livell minimu ta’ kapital proprju ta’ 9 % f’kundizzjonijiet ta’ kriżi, għandu jitwettaq xiri lura ta’ azzjonijiet sabiex id-depożitanti mhux assigurati jiġu rrimborsati bl-ammont li jikkorrispondi għall-kapitalizzazzjoni eċċessiva (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi”).

257    Mill-banda l-oħra, fis-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701), il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx il-konformità mad-dritt għall-proprjetà ta’ żewġ miżuri dannużi oħrajn. Essenzjalment, dawn jirrigwardaw, minn naħa, il-miżura dwar il-bejgħ ta’ fergħat Griegi, kif jirriżulta mill-punt 1.24 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 u li hija prevista mid-Digrieti Nri 96 u 97 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, dik li tikkonċerna t-tnaqqis tal-valur nominali ta’ EUR 1 ta’ kull azzjoni ordinarja tal-BoC għal valur nominali ta’ ċenteżmu, li hija prevista mid-Digriet Nru 103 u l-emendi li sarulu fit‑30 ta’ Lulju 2013 u li tipparteċipa fir-rikapitalizzazzjoni tal-BoC imsemmija fil-punt 1.26 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 (ara l-punt 34 iktar ’il fuq) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, it-“tieni sensiela ta’ miżuri dannużi”).

258    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-konformità mad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti tal-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi (ara l-punti 259 sa 324 iktar ’il quddiem) u, it-tieni nett, dik tat-tieni sensiela ta’ miżuri dannużi (ara l-punti 326 sa 360 iktar ’il quddiem). It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-argumenti, li jirriżultaw mill-ksur tal-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE, tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tar-rekwiżiti ta’ ekwità u ta’ koerenza, li r-rikorrenti jqajmu insostenn tal-ilment tagħhom dwar il-ksur tad-dritt għall-proprjetà (ara l-punti 362 sa 402 iktar ’il quddiem).

a)      Fuq l-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi

259    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li, kif qieset il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701) (ara l-punti 255 u 256 iktar ’il fuq), l-għan segwit mill-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi huwa ta’ interess ġenerali. Madankollu, ir-rikorrenti jikkontestaw l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, li skontha l-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi ma kinitx tikkostitwixxi intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza nnifisha tad-dritt għall-proprjetà tad-depożitanti tal-banek imsemmija u ma setgħetx, għalhekk, titqies bħala li tirrestrinġi dan id-dritt b’mod inġust. F’dan ir-rigward, huma ressqu tliet argumenti, l-ewwel wieħed, dwar in-natura tal-eżami li sar mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza (ara l-punti 260 sa 266 iktar ’il quddiem) u, it-tieni wieħed, dwar il-provi prodotti mill-partijiet rikorrenti fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza (ara l-punti 263 sa 266 iktar ’il quddiem) u, it-tielet wieħed, dwar il-konformità mar-rekwiżiti li skonthom kull restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà għandha tiġi prevista mil-liġi u proporzjonata għall-għan segwit (ara l-punti 267 sa 324 iktar ’il quddiem).

1)      Fuq in-natura tal-eżami mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C8/15 P sa C10/15 P)

260    Ir-rikorrenti jirrilevaw li, fis-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016 Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701), il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement eżaminat l-eżistenza ta’ ksur potenzjali tad-dritt għall-proprjetà tad-depożitanti mill-perspettiva tal-inklużjoni, fil-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, tal-punti 1.23 sa 1.27, dwar, b’mod partikolari, l-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx l-aġir tal-konvenuti li l-illegalità tiegħu qiegħda tiġi invokata f’din il-kawża. Dan l-aġir huwa parti minn continuum li beda bl-interventi tal-konvenuti qabel l-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil u kompla bl-interventi tagħhom wara l-iffirmar tiegħu. Issa, il-punti 1.23 sa 1.27 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 jiddeskrivu miżuri li ġew adottati qabel l-iffirmar tiegħu u li huma imputabbli lill-konvenuti.

261    Dan l-argument jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P) (EU:C:2016:701). Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, li ma jistax jitqies li, billi ppermettiet l-adozzjoni tal-punti 1.23 sa 1.27 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, il-Kummissjoni kkontribwixxiet għall-ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti. Madankollu, għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fil-punti 73 u 74 tal-istess sentenza, jekk l-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi, kif jirriżulta mill-punti 1.23 sa 1.27 ta’ dan il-memorandum, tiksirx, fiha nnifisha, id-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti. Għalhekk, ir-raġunament ippreżentat fl-imsemmija punti huwa dwar l-illegalità intrinsika ta’ dawn il-miżuri. Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li skontha l-aġir inkriminat huwa parti minn continuum, din diġà ġiet miċħuda fil-punt 158 iktar ’il fuq.

262    Għalhekk, l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq il-provi prodotti mir-rikorrenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C8/15 P sa C10/15 P, EU:C:2016:701).

263    Ir-rikorrenti jaffermaw li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701), fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għall-proprjetà għandha tinqara fid-dawl tat-talbiet stretti tar-rikorrenti f’din il-kawża. Fil-fatt, huwa evidenti li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminaw l-inqas prova intiża li tistabbilixxi ksur tad-dritt għall-proprjetà. Issa, f’din il-kawża, ir-rikorrenti pproduċew numru ta’ provi dwar iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni “tad-dikjarazjoni tal-Grupp tal-Euro” u li jispjegaw l-aġir tal-konvenuti qabel u wara din id-dikjarazzjoni. Dawn il-provi, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx fis-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701), għandhom jiġu suġġetti għal eżami metikoluż f’dan il-każ sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri dannużi jikkostitwixxux indħil sproporzjonat fid-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti u sabiex jiġi ggarantit id-dritt tagħhom għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

264    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-provi li r-rikorrenti jagħmlu riferiment għalihom jirrigwardaw, l-ewwel nett, l-imputabbiltà tal-miżuri dannużi lill-konvenuti u r-realtà tad-dannu invokat. Bħala tali, dawn il-provi ma humiex ta’ natura li juru li l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701), fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali ksur huma inapplikabbli f’dan il-każ.

265    Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud it-tieni argument tar-rikorrenti sa fejn dan jirrigwarda l-provi dwar l-imputabbiltà tal-miżuri dannużi lill-konvenuti u dwar ir-realtà tad-dannu invokat.

266    Madankollu, sa fejn ċerti provi li r-rikorrenti jagħmlu riferiment għalihom jistgħu jitqiesu bħala intiżi li jistabbilixxu li l-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi hija vvizzjata minn ksur tad-dritt għall-proprjetà, dawn għandhom, sa fejn huwa meħtieġ, jiġu eżaminati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-argumenti tar-rikorrenti dwar ir-rekwiżiti li skonthom kull restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà għandha tiġi prevista mil-liġi u proporzjonata għall-għan segwit.

3)      Fuq l-osservanza tar-rekwiżiti li skonthom kull restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà għandha tiġi prevista mil-liġi u proporzjonata għall-għan segwit

267    Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi hija vvizzjata minn ksur manifest tad-dritt għall-proprjetà tagħhom, sa fejn dawn il-miżuri ma ġewx previsti mil-liġi u ġew adottati mingħajr ma ngħatatilhom il-possibbiltà li jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom u minkejja l-eżistenza ta’ miżuri inqas restrittivi, bħal tnaqqis progressiv ta’ depożiti skont l-ammont tagħhom. F’dan ir-rigward, fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti diġà indikaw li mill-Artikolu 17(1) tal-Karta jirriżulta li kull restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà għandha minnufih tiġi prevista mil-liġi u proporzjonata għall-għan segwit.

268    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-konformità tal-ewwel sensiela tal-miżuri dannużi mar-rekwiżiti li skonthom kull restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà għandha, minn naħa, tiġi prevista mil-liġi u, min-naħa l-oħra, tkun proporzjonata għall-għan segwit. Permezz ta’ hekk, il-Qorti Ġenerali għandha tqis li, konformement mal-punt 1.27 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, id-depożiti mhux assigurati tal-BoC li kienu ġew iffriżati setgħu jkunu suġġetti għal konverżjoni f’azzjonijiet, kif ġara f’dan il-każ (ara l-punti 32 u 33 iktar ’il fuq).

i)      Fuq ir-rekwiżit li skontu kull restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà għandha tiġi prevista mil-liġi

269    Insostenn tal-allegazzjoni tagħhom li skontha l-miżuri dannużi ma kinux previsti mil-liġi, ir-rikorrenti jinvokaw il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB rigward l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li teżiġi li kull restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà tkun ibbażata fuq kuntest ġuridiku ċar, prevedibbli u aċċessibbli.

270    Issa, skont ir-rikorrenti, l-ebda regola tad-dritt tal-Unjoni ma kienet tippermetti lill-konvenuti, fiż-żmien tal-fatti, jadottaw il-miżuri dannużi, li ma humiex, barra minn hekk, konformi “mar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, tar-regolarità tal-proċedura u tal-prevedibbiltà”. Għalhekk, il-miżuri dannużi ġew adottati mill-gvernatur tal-BĊĊ fuq il-bażi tas-setgħa diskrezzjonali, mogħtija lilu minn liġi mhux preċiża li la tipprevedi proċedura ta’ kumpens ċara, lanqas dritt għal protezzjoni legali, filwaqt li xejn ma ġie previst fil-livell ta’ Ċipru jew tal-Unjoni sabiex jiġu kkonsultati l-partijiet interessati jew sabiex l-azzjonisti u d-depożitanti tal-banek imsemmija jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom.

271    Il-Kunsill u l-BĊE jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

272    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt, hemm lok, fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 356). Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, it-termini “previst mil-liġi” mhux biss jeżiġu li l-miżura inkriminata jkollha bażi fid-dritt intern, iżda jipprevedu wkoll il-kwalità tal-liġi inkwistjoni, billi jeżiġu li din tkun aċċessibbli għall-persuni interessati u prevedibbli fir-rigward tal-effetti tagħha (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 13 ta’ Lulju 2010, Kurić et vs Is-Slovenja, CE:ECHR:2010:0713JUD002682806, punt 363).

273    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi ġietx adottata fl-assenza ta’ qafas leġiżlattiv ċar, aċċessibbli u prevedibbli u li jipprovdi sistema ta’ kumpens u protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti.

274    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-miżuri dannużi ġew adottati mill-gvernatur tal-BĊĊ, skont il-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013, li ġiet approvata mill-Parlament Ċiprijott.

275    Huwa minnu li, kif, essenzjalment, jaffermaw ir-rikorrenti, il-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013 tagħti prerogattivi wisgħin lill-BĊĊ. Dan jista’, b’mod partikolari, jirristruttura d-djun u l-obbligi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni (punt 12(1) tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013, ara l-punt 24 iktar ’il fuq), jeżiġi, indipendentement mill-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi u statutorji oħrajn, iż-żieda fil-kapital ta’ tali istituzzjoni (punt 8(1) tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013) u jordna l-bejgħ ta’ ċerti attivitajiet tagħha, mingħajr ma jkun meħtieġ li jinkiseb il-kunsens tal-bord tad-diretturi jew tal-azzjonisti tagħha (punt 9(1) tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013). Madankollu, is-sempliċi fatt li jistgħu jiġu adottati numru ta’ miżuri skont il-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013 jew li dawn ikollhom portata wiesgħa ma jfissirx li din il-liġi għandha nuqqas ta’ ċarezza, ta’ preċiżjoni jew ta’ prevedibbiltà.

276    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013 tipprevedi sensiela ta’ garanziji għall-benefiċċju tal-kredituri u l-azzjonisti tal-banek ikkonċernati. L-ewwel nett, il-punt 3(2)(a) u (b) ta’ din il-liġi jipprevedi li l-azzjonisti ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jkunu l-ewwel li jbatu kull telf li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li l-kredituri ta’ tali istituzzjoni jsofru telf biss wara l-azzjonisti. Fir-rigward tal-punt 3(2)(d) tal-imsemmija liġi, huwa previst li l-miżuri adottati fuq il-bażi ta’ din il-liġi ma jistgħux iqiegħdu lill-kredituri f’sitwazzjoni finanzjarja inqas favorevoli minn dik li kieku jkunu fiha f’każ ta’ likwidazzjoni tal-istituzzjoni inkwistjoni. Il-punt 12(14) tal-liġi inkwistjoni jippreċiża li, fl-ipoteżi ta’ ristrutturazzjoni, skont il-punt 12(1) tal-istess liġi, tad-djun u tal-obbligi ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, il-partijiet affettwati għandhom jirċievu, bħala pagament tal-krediti tagħhom, għall-inqas l-ammont li kienu jirċievu, skont id-dritt Ċiprijott, f’każ ta’ likwidazzjoni tal-imsemmija istituzzjoni (ara l-punt 24 iktar ’il fuq).

277    It-tieni nett, anki jekk jitqies li r-rekwiżit li kull restrizzjoni għad-dritt għall-proprjetà għandha tkun prevista mil-liġi jeħtieġ li l-proċedura ta’ kumpens għat-telf li jirriżulta minn tali restrizzjoni tkun ukoll, fejn applikabbli, prevista mil-liġi, mill-punt 26(1) tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013 jirriżulta li kull parti li tqis lilha nnifisha li ġiet indebitament leża fid-dritt għall-proprjetà tagħha permezz tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni żżomm id-dritt li tadixxi lill-qorti nazzjonali kompetenti sabiex titlob li tiġi kkumpensata. Il-punt 26(2) u (3) ta’ din il-liġi jippreċiża li, jekk il-parti affettwata tqis li l-pożizzjoni finanzjarja tagħha ddeterjorat b’mod sinjifikattiv, meta mqabbla mas-sitwazzjoni li kienet tkun fiha li kieku l-ebda miżura ta’ riżoluzzjoni ma ttieħdet u li kieku l-bank ikkonċernat ġie llikwidat direttament, din tista’ titlob kumpens għat-telf li sofriet biss mingħajr preġudizzju għat-tranżazzjoni konkluża jew għal kwalunkwe att jew miżura adottata fuq il-bażi tal-imsemmija liġi.

278    F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti jaffermaw li, konformement mal-punt 26(3) tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013, l-ilmenti mressqa ma jistgħux ikunu la kontra l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, ħlief fil-każijiet previsti fil-punt 29 ta’ din il-liġi, u lanqas kontra l-persuna li tibbenefika mit-trasferiment tal-attivitajiet, tal-beni jew tal-assi li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni. Ir-rikorrenti jqisu li, konsegwentement, huwa impossibbli li wieħed jifhem kontra min tista’ titressaq azzjoni.

279    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-kwistjoni li jiġi identifikat kontra min tista’ titressaq azzjoni intiża għall-kumpens għad-danni kkawżati illegalment permezz ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni adottata skont il-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013 taqa’ taħt id-dritt Ċiprijott. L-atti tal-proċess ma jippermettux li tissolva din il-kwistjoni li, fi kwalunkwe każ, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċidiha fil-kuntest ta’ din l-kawża. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li la l-formulazzjoni tal-punt 26(3) tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013, lanqas l-atti tal-proċess ma jippermettu li jitqies li l-preżentata ta’ talba intiża għall-kumpens għad-danni kkawżati illegalment permezz ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni adottata skont din il-liġi hija, fil-prattika, impossibbli. Barra minn hekk, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti nnifishom, il-punt 29 tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013 jipprevedi li r-responsabbiltà tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tiġi stabbilita f’każ ta’ frodi, ta’ mala fide jew negliġenza gravi.

280    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-punt 22 tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013, qabelxejn, jipprevedi li għandha ssir evalwazzjoni, bil-għan li jiġu implimentati l-miżuri ta’ riżoluzzjoni, mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, imbagħad jagħti lil din tal-aħħar marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa ħafna. Ir-rikorrenti jirrilevaw li, konformement mal-punt 22(7) ta’ din il-liġi, l-imsemmija evalwazzjoni ma tistax tiġi suġġetta għal eżami ġudizzjarju separat, iżda għandha tiġi eżaminata flimkien mad-deċiżjoni meħuda skont “din it-taqsima”. Skont ir-rikorrenti, minn dan jirriżulta li l-partijiet li jqisu li l-pożizzjoni finanzjarja tagħhom iddeterjorat wara miżura ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkontestaw evalwazzjoni li saret b’diskrezzjoni kompleta tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Issa, huwa diffiċli li wieħed jifhem b’liema mod din l-evalwazzjoni tista’ tiġi kkontestata b’mod effikaċi sakemm hija nnifisha ma tiżvelax sottovalutazzjoni.

281    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-ebda ħaġa fil-punt 22 tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013 ma tippermetti li tali evalwazzjoni tkun tista’ torbot lill-qorti nazzjonali adita b’talba għal kumpens. Għalhekk, hemm lok li jitqies li r-rikorrenti ma rnexxielhomx juru li din id-dispożizzjoni, fil-prattika, tagħmel il-preżentazzjoni ta’ tali talba impossibbli jew ineffikaċi.

282    It-tielet nett, ma jistax jitqies li l-miżuri dannużi ma jinkludu l-ebda garanzija li tippermetti lir-rikorrenti jaffermaw l-opinjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-proċeduri applikabbli għandhom joffru opportunità xierqa lill-persuna kkonċernata sabiex tressaq il-każ tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti. Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-rekwiżit, li jikkostitwixxi rekwiżit inerenti għall-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, hemm lok li jitqiesu l-proċeduri applikabbli minn perspettiva ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 368 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-Qorti EDB, 20 ta’ Lulju 2004, Bäck vs Il-Finlandja, CE:ECHR:2004:0720JUD003759897, punt 56). Għalhekk, l-imsemmi rekwiżit ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-persuna interessata għandha, fiċ-ċirkustanzi kollha, tipprova tafferma l-opinjoni tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti qabel l-adozzjoni tal-miżuri li jippreġudikaw id-dritt għall-proprjetà tagħha (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 19 ta’ Settembru 2006, Maupas et vs Franza, CE:ECHR:2006:0919JUD001384402, punti 20 u 21). Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux sanzjoni u ġew adottati fil-kuntest ta’ urġenza partikolari. F’dan l-aħħar rigward, fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif fakkar il-BĊE matul is-seduta, dan jirrigwarda l-prevenzjoni ta’ riskju imminenti ta’ kollass tal-banek imsemmija għas-salvagwardja tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Ċiprijotta u, għalhekk, jiġi evitat kontaġju fi Stati Membri oħrajn fiż-żona tal-euro. Issa, l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel, fil-kuntest fejn eluf ta’ depożitanti u azzjonisti tal-banek imsemmija setgħu effettivament sostnew l-opinjoni tagħhom quddiem il-BĊĊ qabel l-adozzjoni tad-digriet dannużi, kienet inevitabbilment iddewwem l-adozzjoni tal-miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ tali kollass. It-twettiq tal-għan li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Ċiprijotta u, għalhekk, li jiġi evitat kontaġju fi Stati Membri oħrajn fiż-żona tal-euro, kien ikun espost għal riskji sinjifikattivi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punt 139).

283    Madankollu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuna interessata għandha tkun tista’ tibbenefika minn proċedura ġudizzjarja li tippreżenta l-garanziji proċedurali meħtieġa, b’tali mod li tippermetti lill-qrati nazzjonali jieħdu deċiżjoni b’mod effettiv u ekwu dwar il-kawżi li jirrigwardaw il-ksur tad-dritt għall-proprjetà allegat. Issa, kif jirriżulta mill-punti 277 u 279 sa 281 iktar ’il fuq, dan huwa minnu f’dan il-każ.

284    Fir-raba’ lok, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, l-ineżistenza, fiż-żmien tal-fatti, ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ rikapitalizzazzjoni interna tal-banek ma tfissirx li ma kienx permess li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Minn din l-ineżistenza lanqas ma jirriżulta li ma kienx permess li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jipprovdu s-sostenn tagħhom għall-implimentazzjoni, mill-awtoritajiet Ċiprijotti, ta’ tali miżuri jew li jeżiġu ż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa tagħhom.

285    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma rnexxielhomx jistabbilixxu li l-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi ma kinitx prevista mil-liġi.

ii)    Fuq ir-rekwiżit li skontu kull restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà għandha tkun proporzjonata għall-għan imfittex

286    Ir-rikorrenti jallegaw li l-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi ma hijiex proporzjonata għall-għan imfittex, sa fejn dawn ġie impost fuqhom piż eċċessiv. Minn naħa, huma kellhom iħallsu għall-iżbalji imputabbli lill-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, fl-assenza ta’ intervent preċedenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lit-traskuraġni tal-BĊE, li l-“politika liberali” tiegħu fil-qasam tal-ELA ikkontribwixxiet b’mod sostanzjali għall-akkumulazzjoni tad-dejn tal-Laïki. Min-naħa l-oħra, il-konvenuti ma ħadux inkunsiderazzjoni miżuri alternattivi inqas restrittivi tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti.

287    Il-Kunsill u l-BĊE jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

288    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 73 sa 75), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’mod espliċitu, dwar il-proporzjonalità għall-għan imfittex tal-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi, filwaqt li kkonkludiet li dawn ma jikkostitwixxux intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza nnifisha tad-dritt għall-proprjetà tad-depożitanti tal-banek imsemmija. Issa, ir-rikorrenti ma spjegawx għaliex din il-konklużjoni ma tistax tiġi trasposta għal każ inkwistjoni. Għalhekk, hemm lok li jitqies li din tapplika, mutatis mutandis, għal dan l-ilment.

289    Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ilment tagħhom dwar in-nuqqas ta’ proporzjonalità tal-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi ma jippermettux, f’dan il-każ, li wieħed jasal għal konklużjoni differenti minn dik li waslet għaliha il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 73 sa 75), f’dan ir-rigward.

290    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà ma għandhiex tkun eċċessiva. Minn naħa, ir-restrizzjoni inkwistjoni għandha tissodisfa l-għan tal-interess ġenerali mfittex u tkun meħtieġa u proporzjonata għal dan il-għan. Min-naħa l-oħra, il-“kontenut essenzjali”, jiġifieri l-essenza, tad-dritt għall-proprjetà qatt ma għandu jiġi ppreġudikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 355 u 360; tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punti 53 u 54, u tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 200).

291    Meta, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jissejħu, f’kuntest kumpless u evoluzzjonarju, sabiex jagħmlu għażliet tekniċi u jwettqu previżjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi, xorta waħda hemm lok li l-imsemmija istituzzjonijiet jingħataw setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tan-natura u l-portata tal-miżuri li huma insostenn tagħhom jew li skonthom jeħtieġu ż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa. F’kuntest bħal dan, il-kundizzjoni marbuta mal-illegalità tal-aġir li bih hija akkużata istituzzjoni teżiġi li jiġi stabbilit nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Nikolaou vs Il-Qorti tal-Awdituri, C‑220/13 P, EU:C:2014:2057, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 68).

292    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina, qabelxejn, il-kapaċità tal-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi li tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan imfittex (ara l-punti 293 sa 299 iktar ’il fuq), sussegwentement, in-natura proporzjonata u meħtieġa tagħha għall-kisba ta’ dan l-għan (ara l-punti 300 sa 313 iktar ’il fuq) u, finalment, il-kwistjoni dwar jekk l-inkonvenjenzi li toħloq humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-imsemmi għan (ara l-punti 317 sa 323 iktar ’il fuq).

–       Fuq il-kapaċità tal-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi li tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan imfittex

293    Konformement mal-ġurisprudenza, għandha tiġi vverifikata l-kapaċità tar-restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà eżaminata sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 203).

294    F’dan il-każ, minn naħa, għandu jitfakkar li l-adozzjoni tal-miżuri dannużi rrispondiet għal sitwazzjoni fejn, li kieku ma ġewx rikapitalizzati, il-banek imsemmija kienu jkunu esposti għal riskju ta’ rtirar f’daqqa ta’ flus mill-banek mad-data tal-iskadenza tal-perijodu tal-għeluq tal-banek ordnat fit‑18 ta’ Marzu 2013, b’tali mod li kienu jirriskjaw li jkollhom iwaqqfu t-tranżazzjonijiet tagħhom u jiġu mhedda b’falliment mhux ikkontrollat. Kif enfasizza l-BĊE bħala risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-effetti ta’ tali inadempjenzi setgħu kienu ta’ natura sistematika, li jheddu lir-Repubblika ta’ Ċipru b’inadempjenza sovrana u b’riskju li dan jinxtered malajr f’banek oħrajn, b’mod partikolari Ċiprijotti. Il-fiduċja tad-depożitanti ta’ dawn il-banek u s-solvenza tar-Repubblika ta’ Ċipru, garanti ta’ ċerti djun tal-Laïki, kienu jiġu affettwati u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha ta’ Ċipru kienet tiġi mhedda. Kif irrilevaw il-Kummissjoni u l-BĊE, riskju ta’ kontaġju fi Stati Membri oħrajn, jew anki fis-sistema bankarja kollha taż-żona tal-euro, ma setax għalhekk jiġi eskluż.

295    Fid-dawl tal-atti tal-proċess, ma jistax jiġi konkluż li din l-analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja Ċiprijotta u tal-Unjoni fid-data tal-adozzjoni tal-miżuri dannużi kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet vagi tar-rikorrenti, li minħabba ċ-ċokon tal-ekonomija Ċiprijotta l-inadempjenza tagħha kien ikollha impatt limitat fuq iż-żona tal-euro, ma ġewx issostanzjati. Barra minn hekk, dawn l-allegazzjonijiet jinjoraw id-daqs tas-settur finanzjarju Ċiprijott, li kien jirrappreżenta tmien darbiet il-PDG Ċiprijott fiż-żmien tal-fatti, kif ukoll r-riskju ta’ kontaġju fi Stati Membri oħrajn.

296    Issa, skont il-punt 1.26 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, il-konverżjoni ta’ 37.5 % tad-depożiti mhux assigurati tal-BoC kienet intiża li tippermetti lil dan jilħaq, “fl-aħħar tal-programm, proporzjon minimu ta’ fondi proprji […] ta’ 9 %, skont l-ipoteżi sfavorevoli tal-istress test”. Skont il-punt 1.27 tal-istess memorandum ta’ qbil, konverżjonijiet addizzjonali ta’ depożiti, bħal dawk imsemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, kellhom l-għan li jiżguraw li dan l-għan seta’ jintlaħaq sal-aħħar tal-programm. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 294 iktar ’il fuq, ma kienx manifestament irraġonevoli li jitqies li dawn il-miżuri setgħu jistabbilizzaw is-sistema finanzjarja, billi jippermettu, b’mod partikolari, kif jirriżulta wkoll mill-punt 1.26 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, li “tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja u jiġu nnormalizzati l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament”.

297    Fir-rigward tal-miżura dannuża li permezz tagħha l-BoC kellu jieħu lura d-depożiti assigurati tal-Laïki, filwaqt li d-depożiti mhux assigurati tiegħu jibqgħu jinżammu fl-entità preċedenti, fl-istennija tal-likwidazzjoni tiegħu, din kienet tfittex li, kif jirriżulta mill-istqarrija għall-istampa tal-BĊĊ tas‑26 ta’ Marzu 2013, tippermetti d-diviżjoni tal-Laïki fi struttura annullabbli u f’bank riorganizzat. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 294 iktar ’il fuq, ma kienx manifestament irraġonevoli li jitqies li din il-miżura setgħet tistabbilizza s-sistema finanzjarja, billi tevita l-falliment mhux ikkontrollat tal-Laïki.

298    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li d-daqs eċċessiv tas-settur finanzjarju Ċiprijott kien fost il-kawżi prinċipali tal-kriżi bankarja. Kif jirriżulta mill-introduzzjoni ta’ rapport tal-FMI ta’ Mejju 2013, l-iżbilanċi interni u esterni sinjifikattivi li kienu diġà qed jaffettwaw l-ekonomija Ċiprijotta qabel il-kriżi finanzjarja ġew aggravati permezz tas-settur finanzjarju dgħajjef u daqs sproporzjonat. Espost wisq għall-Greċja, dan is-settur irrappreżenta, kif diġà ntqal (ara l-punt 295 iktar ’il fuq), iktar minn 800 % tal-PDG Ċiprijott.

299    Issa, l-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi tinkludi, b’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ haircut fuq depożiti mhux assigurati tal-BoC u kellha għalhekk tippermetti li jiċkien id-daqs tas-settur finanzjarju Ċiprijott. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 298 iktar ’il fuq, ma kienx manifestament irraġonevoli li jitqies li din il-haircut kienet tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro.

–       Fuq il-proporzjonalità u n-neċessità tal-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi

300    Konformement mal-ġurisprudenza, għandu jiġi vverifikat jekk ir-restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà eżaminata taqbiżx il-limiti ta’ x’inhu xieraq u neċessarju għall-kisba tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. B’mod partikolari, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas restrittiva (ara is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

301    F’dan il-każ, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jaffermaw, essenzjalment, li l-alternattivi inqas restrittivi tad-dritt għall-proprjetà tagħhom mill-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi ma ttieħdux inkunsiderazzjoni. Skont ir-rikorrenti, kien ikun possibbli li tissalva l-ekonomija tar-Repubblika ta’ Ċipru billi jiġu imposti fuqhom piżijiet inqas onerużi minn dawk li sostnew. It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li huma ġew suġġetti għal esproprjazzjoni u ma ngħatawx, fuq din il-bażi, kumpens li seta’ jitqies li kien ġust, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

302    L-ewwel nett, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ alternattivi inqas restrittivi, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, kif jirrileva b’mod xieraq il-Kunsill, kwalunkwe approċċ għajr dak li finalment intlaħaq qbil dwaru ma kienx fattibbli jew ma kienx jippermetti li jinkisbu r-riżultati mistennija. Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet Ċiprijotti adottaw il-miżuri dannużi biss wara li ġiet miċħuda, mill-Parlament Ċiprijott, miżura inqas restrittiva għall-interessi tar-rikorrenti mill-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi, jiġifieri il-ħolqien ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji kollha ta’ Ċipru (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

303    Sussegwentement, skont rapport tal-FMI ta’ Mejju 2013, l-assunzjoni, mill-baġit tar-Repubblika ta’ Ċipru, tal-ispiża ta’ rikapitalizzazzjoni tal-banek imsemmija wasslet għal żieda fid-dejn pubbliku Ċiprijott għal livell insostenibbli. Fil-fatt, mill-punt 11 ta’ dan ir-rapport jirriżulta li fil-każ ta’ injezzjoni ta’ kapital pubbliku favur il-banek imsemmija, dan id-dejn kien jilħaq livell ta’ madwar 150 % tal-PDG Ċiprijott u kien jirriskja li jiżdied iktar. Issa, skont il-FMI, il-persuni taxxabbli Ċiprijotti kienu jispiċċaw mgħobbija żżejjed, filwaqt li d-daqs tas-settur bankarju, li kien fost il-kawżi prinċipali tal-kriżi (ara l-punt 298 iktar ’il fuq), kien jibqa’ eċċessiv u ta’ theddida għar-Repubblika ta’ Ċipru.

304    Finalment, mill-punt 11 tar-rapport imsemmi fil-punt 303 iktar ’il fuq jirriżulta li l-approċċi li ma jiġġenerawx dejn, bħal dawk tar-rikapitalizzazzjoni diretta tal-banek imsemmija mill-MES jew il-bejgħ pur u sempliċi tagħhom, ma kinux disponibbli. Fir-rigward tal-ħruġ miż-żona tal-euro, dan kien isolvi biss parzjalment id-diffikultajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru u kien jimponi telf kunsiderevoli kemm fuq il-persuni taxxabbli kif ukoll fuq id-depożitanti assigurati.

305    Madankollu, ir-rikorrenti jqisu li, minn naħa, xorta waħda kellhom jitqiesu miżuri oħrajn u, min-naħa l-oħra, li l-konvenuti naqsu mit-twettiq tal-obbligu tagħhom li jieħdu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet komparabbli ma’ dik tar-Repubblika ta’ Ċipru, jiġifieri dik tal-erba’ Stati Membri l-oħrajn li qabel kienu bbenefikaw minn assistenza finanzjarja, jiġifieri l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża.

306    Minn naħa, fir-rigward tal-eżistenza tal-miżuri alternattivi inqas restrittivi, ir-rikorrenti jallegaw li kien perfettament fattibbli, anki fit-termini li fih kellu jkun hemm qbil dwar dawn il-miżuri ta’ salvataġġ, li tiġi pprovduta sistema alternattiva ta’ haircut li kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-portata tad-depożiti fdati lill-banek imsemmija. Skont ir-rikorrenti, kien possibbli li, b’mod partikolari, ikun previst jew haircut ikkalkolata bħala perċentwali tal-ammont ta’ depożitu ogħla minn EUR 100 000, jew sistema progressiva li skontha l-perċentwali tal-haircut jiżdied lil hinn minn ċerti livelli minimi.

307    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rnexxielhom jipproduċu l-ebda prova konkreta insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, li, barra minn hekk, ma humiex ikkwantifikati. Ir-rikorrenti fl-ebda mument ma jippreċiżaw f’liema perċentwali jew lil hinn minn liema livell minimu l-haircut għandha tapplika, lanqas ma jistabbilixxu li l-approċċ li jirrakkomandaw li kien jippermetti lill-BoC jikseb il-proporzjon minimu ta’ fondi proprji previst fil-punt 1.26 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013.

308    Madankollu, huwa possibbli li jiġi dedott mill-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li dan l-approċċ kien jippermetti li jiġu allokati biss għar-rikapitalizzazzjoni tal-BoC ammonti ta’ kapital inqas minn dawk stabbiliti mill-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi. Fil-fatt, fid-dawl tar-rekwiżit tal-protezzjoni tad-depożiti assigurati, il-haircut li r-rikorrenti jikkunsidraw kienet tikkonċerna biss, bħall-ewwel sensiela tal-miżuri dannużi, id-depożiti ogħla minn EUR 100 000. Iżda, għall-kuntrarju tal-imsemmija miżuri, din il-haircut kienet tikkonċerna biss perċentwali tad-depożiti inkwistjoni.

309    Issa, jew dan il-perċentwali ma kienx għoli biżżejjed sabiex jippermetti lill-BoC jikseb il-livell ta’ kapital proprju msemmi fil-punti 1.26 u 1.27 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, f’liema każ l-approċċ rrakkomandat mir-rikorrenti ma kienx jippermetti li jinkiseb l-għan imfittex, jew l-imsemmi perċentwali kien għoli biżżejjed għal dan il-għan, f’liema każ ir-rikorrenti sofrew telf li ma deherx li kien sostanzjalment inqas minn dak li sofrew b’riżultat tal-ewwel sensiela tal-miżuri dannużi. Dan kien ikun il-każ anki meta l-haircut effettivament applikata kienet ogħla minn dak li kien strettament meħtieġ sabiex il-BoC jikseb livell ta’ kapital proprju ogħla minn dak imsemmi fil-punti 1.26 u 1.27 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013. Fil-fatt, konformement mal-punt 1.27 tal-memorandum, li jirriproduċi l-essenza tal-punt 6(5) tad-Digriet Nru 103, huwa previst li, jekk il-BoC kellu jkun eċċessivament ikkapitalizzat fid-dawl tal-għan intiż għal livell minimu ta’ kapital proprju ta’ 9 % f’ċirkustanzi ta’ kriżi, dan ikollu jixtri lura l-azzjonijiet sabiex jirrimborsa d-depożitanti mhux assigurati l-ammont korrispondenti għall-kapitalizzazzjoni eċċessiva.

310    Fi kwalunkwe każ, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità, għall-awtoritajiet Ċiprijotti, li tittieħed azzjoni matul l-adozzjoni tal-miżuri dannużi. Ir-rapidità li biha ġew adottati l-miżuri dannużi bl-ebda mod ma tikkostitwixxi, kif essenzjalment jimplikaw ir-rikorrenti, indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tagħhom għal amministrazzjoni tajba, iżda tixhed l-urġenza tas-sitwazzjoni li kienet tinsab fiha r-Repubblika ta’ Ċipru fiż-żmien tal-fatti. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 282 iktar ’il fuq, din l-azzjoni kienet tirrigwarda l-prevenzjoni ta’ riskju imminenti ta’ kollass tal-banek imsemmija għas-salvagwardja tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Ċiprijotta u, għalhekk, l-evitar ta’ kontaġju fi Stati Membri oħrajn fiż-żona tal-euro. L-iżvilupp ta’ sistema differenzjata ta’ haircut bħal dik irrakkomandata mir-rikorrenti f’tali kuntest kien jeżiġi li l-awtoritajiet Ċiprijotti jassumu approċċ partikolarment sensittiv u inċert sabiex jiġi żgurat li l-perċentwali u l-livelli minimi magħżula jippermettu lill-BoC jikseb il-livell minimu ta’ kapital proprju msemmi fil-punti 1.26 u 1.27 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, b’tali mod li r-rikapitalizzazzjoni tiegħu tiġi esposta għal riskji sinjifikattivi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punt 139).

311    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet komparabbli, hemm lok li jiġi rrilevat li l-miżuri li jista’ jiġi suġġett għalihom l-għoti ta’ assistenza finanzjarja pprovduta mill-MES (jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, korpi jew istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew tal-Istati) sabiex jissolvew id-diffikultajiet finanzjarji li jiltaqa’ magħhom Stat li jeħtieġ jirrikapitalizza s-sistema bankarja tiegħu jistgħu jvarjaw fundamentalment minn każ għal ieħor skont l-esperjenza miksuba u skont ġabra ta’ ċirkustanzi partikolari. B’mod partikolari, fosthom jista’ jkun hemm is-sitwazzjoni ekonomika tal-Istat benefiċjarju, l-importanza tal-għajnuna fid-dawl tal-ekonomija kollha, il-possibbiltajiet li l-banek ikkonċernati jerġgħu jsiru ekonomikament vijabbli u r-raġunijiet li wasslu għad-diffikultajiet li dawn iltaqgħu magħhom, inklużi, jekk ikun il-każ, id-daqs eċċessiv tas-settur bankarju tal-Istat benefiċjarju meta mqabbel mal-ekonomija nazzjonali tiegħu, l-iżvilupp ta’ sitwazzjoni ekonomika internazzjonali jew ta’ probabbiltà ogħla ta’ interventi futuri tal-MES (jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, korpi jew istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew tal-Istati) insostenn ta’ Stati oħrajn f’diffikultà li jistgħu jeħtieġu limitu preventiv tal-ammonti ddedikati għal kull intervent.

312    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement iqabblu l-importanza (assoluta u relattiva) tal-assistenza finanzjarja li minnha bbenefikaw, minn naħa, ir-Repubblika ta’ Ċipru u, min-naħa l-oħra, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża. Għalhekk, ir-rikorrenti la wrew u lanqas allegaw li s-setturi finanzjarji rispettivi tal-IMME l-oħrajn li bbenefikaw minn assistenza finanzjarja, inkluż dak tar-Repubblika Ellenika, kienu, bħal dak tar-Repubblika ta’ Ċipru (ara l-punti 298 iktar ’il fuq), ikkaratterizzati minn dimensjoni eċċessiva fid-dawl tad-daqs tal-ekonomiji nazzjonali rispettivi ta’ dawn l-IMME. Għall-kuntrarju, mill-atti tal-proċess jirriżulta li s-setturi finanzjarji rispettivi ta’ dawn l-Istati Membri kellhom inqas żbilanċi minn dak tar-Repubblika ta’ Ċipru. Għalhekk, artikolu tal-istampa ddatat l-20 ta’ Marzu 2013 jirrapporta l-kummenti ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, li skonthom is-settur bankarju Ċiprijott kellu “ċirkustanzi uniċi”, minħabba li l-ebda pajjiż ieħor fl-Ewropa, mill-viċin jew mill-bogħod, ma kellu settur bankarju hekk żbilanċjat.

313    Ir-rikorrenti lanqas ma juru li l-esperjenza miksuba u d-differenzi relatati mas-sitwazzjoni ekonomika tal-IMME ikkonċernati jew mal-possibbiltajiet li l-banek ikkonċernati jerġgħu jsiru ekonomikament vijabbli, l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali jew anki probabbiltà ogħla ta’ interventi futuri tal-MES insostenn ta’ Stati oħrajn f’diffikultà li jistgħu jeħtieġu limitu preventiv tal-ammonti stabbiliti għal kull intervent, ma setgħux jiġġustifikaw differenza fit-trattament bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru, minn naħa, u l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża, min-naħa l-oħra.

314    It-tieni nett, fir-rigward tal-għoti ta’ kumpens ġust lir-rikorrenti u meta wieħed jippreżupponi li l-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi tista’ titqies li tinvolvi ċ-ċaħda tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, mingħajr il-ħlas ta’ somma raġonevoli fid-dawl tal-valur tal-beni inkwistjoni, ċaħda ta’ proprjetà tikkostitwixxi normalment ksur eċċessiv tad-dritt għall-proprjetà (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 21 ta’ Frar 1986, James et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1986:0221JUD 000879379, punt 54). Fir-rigward ta’ titolu, l-ammont dovut jiġi evalwat fid-dawl tal-valur veru tas-suq ta’ dan it-titolu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża, u mhux fid-dawl tal-valur nominali tiegħu jew tal-ammont li d-detentur tiegħu ttama li jipperċepixxi fil-mument tal-akkwist tiegħu (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD 006306614, punt 112). F’dan il-każ, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tqis b’mod astratt l-ammont ta’ kumpens ipotetiku li r-rikorrenti kellhom jipperċepixxu fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Madankollu, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ rikapitalizzazzjoni, l-imsemmija banek seta’ jkollhom iwaqqfu l-operazzjonijiet tagħhom u setgħu jiġu mhedda b’falliment mhux irregolat (ara l-punt 294 iktar ’il fuq). Issa, ir-rikorrenti baqgħu ma stabbilixxewx li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-valur veru tas-suq tal-assi tagħhom kien tali li kien hemm lok li jitħallsu kumpens.

315    Minn naħa u fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 277, 279 u 281 iktar ’il fuq, il-punt 26 tal-Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013 jipprovdi li kull parti li tqis li tkun ġiet indebitament leża fid-dritt għall-proprjetà tagħha b’miżuri ta’ riżoluzzjoni żżomm id-dritt li tadixxi lill-qorti nazzjonali kompetenti sabiex titlob li tiġi kkumpensata. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li huma ġew illegalment imċaħħda mill-għoti ta’ kumpens ġust.

316    Għalhekk, ma jistax jitqies li l-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi taqbeż il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija.

–       Fuq l-inkonvenjenzi kkawżati mill-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi

317    Konformement mal-ġurisprudenza, għandu jiġi vverifikat li l-inkonvenjenzi ġġenerati mir-restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà eżaminata ma humiex sproporzjonati mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punti 205 u 209).

318    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-kostituzzjoni ta’ depożiti miżmuma f’bank ma hijiex eżentata minn kull riskju. Fil-fatt, fiż-żmien tal-fatti, l-Artikolu 7(1a) tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252), kif emendata bid-Direttiva 2005/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2005, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 85/611/KEE, 91/675/KEE, 92/49/KEE u 93/6/KEE u d-Direttivi 94/19/KE, 98/78/KE, 2000/12/KE, 2001/34/KE, 2002/83/KE u 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex tiġi stabbilita struttura organizzattiva ġdida għall-kumitati dwar is-servizzi finanzjarji (ĠU 2005, L 79, p. 9), u bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Marzu 2009 (ĠU 2009, L 68, p. 3), obbligaw lill-Istati Membri jiżguraw li l-garanzija għal depożiti kollha ta’ kull depożitant għandha tkun stabbilita għal EUR 100 000 f’każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-depożitanti kellhom ikunu konxji tar-riskju ta’ telf, f’każ ta’ indisponibbiltà tad-depożiti, tal-ammonti kollha ogħla minn EUR 100 000 jew parti minnhom li bihom huma kienu fdaw lill-banek imsemmija.

319    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-punt 3(2)(a) u (b) tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013 tipprevedi li l-azzjonisti ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jkunu l-ewwel li jbatu kull telf li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li l-kredituri ta’ tali istituzzjoni ma jbatux dan it-telf, jekk mhux wara l-azzjonisti. Minn dan jirriżulta li huwa biss wara l-azzjonisti tal-banek imsemmija li d-depożitanti għandhom ibatu t-telf li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-miżuri dannużi.

320    It-tielet nett, għandu jitfakkar li l-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013 tiggarantixxi lid-depożitanti tal-banek imsemmija livell ta’ protezzjoni għall-inqas ugwali għal dak li kieku jibbenefikaw minnu f’każ ta’ likwidazzjoni ta’ dawn il-banek. Infatti, mill-punt 3(2)(D) ta’ din il-liġi jirriżulta li l-miżuri adottati abbażi tal-imsemmija liġi ma jistgħux ipoġġu lill-kredituri tal-banek ikkonċernati f’sitwazzjoni finanzjarja inqas favorevoli minn dik li kieku jispiċċaw fiha f’każ ta’ likwidazzjoni ta’ dawn il-banek. Il-punt 12(14) tal-imsemmija liġi jippreċiża li, f’każ ta’ implimentazzjoni ta’ ristrutturazzjoni, skont il-punt 12(1) tal-istess liġi, id-djun u l-obbligi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, il-partijiet affettwati għandhom jirċievu, bħala pagament tal-krediti tagħhom, għall-inqas l-ammont li kienu jirċievu, skont id-dritt Ċiprijott, f’każ ta’ likwidazzjoni tal-imsemmija banek (ara l-punt 24 iktar ’il fuq).

321    F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li, fl-assenza ta’ intervent pubbliku, il-banek imsemmija probabbli kien ikollhom jiġu llikwidati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punti 3(2)(d) u l-punt 12(14) tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013 ippermettew għalhekk li jiġi ggarantit li l-partijiet affettwati ma jispiċċawx, minħabba l-applikazzjoni tal-ewwel sensiela tal-miżuri dannużi, f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dik li kienu jkunu fiha kieku l-awtoritajiet Ċiprijotti ma intervjenewx (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Wahl fil-kawża Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:102, punt 90).

322    Ir-raba’ nett, hemm lok li jitfakkar li, konformement mal-punt 1.27 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, il-punt 6(5) tad-Digriet Nru 103 jipprevedi li, jekk il-kontribuzzjonijiet tad-depożitanti mhux assigurati tal-BoC jaqbżu dak li huwa meħtieġ għall-kisba mill-ġdid tal-kapital proprju, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiddetermina l-ammont li jikkorrispondi għall-kapitalizzazzjoni eċċessiva u tittrattah daqslikieku l-konverżjoni qatt ma saret.

323    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl ukoll tal-importanza tal-għanijiet segwiti (ara l-punti 254 u 255 iktar ’il fuq), l-inkonvenjenzi li rriżultaw mill-applikazzjoni għar-rikorrenti tal-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi ma humiex manifestament sproporzjonati.

324    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi ma tistax titqies bħala intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza nnifisha tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-Kunsill, permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/236, eżiġa ż-żamma u l-implimentazzjoni kontinwa ta’ miżura vvizzjata minn ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, lanqas li l-Kummissjoni u l-BĊE, billi pprovdew is-sostenn tagħhom għall-ewwel sensiela ta’ miżuri dannużi, ikkontribwixxew għal tali ksur.

325    Għandu issa jiġi eżaminat jekk, billi pprovdew is-sostenn tagħhom għat-tieni sensiela ta’ miżuri dannużi, il-Kummissjoni u l-BĊE kkontribwixxewx fi ksur ta’ dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti.

b)      Fuq it-tieni sensiela ta’ miżuri dannużi

326    Il-Qorti Ġenerali għandha teżamina, fl-ewwel lok, il-konformità mad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti tat-tnaqqis tal-valur nominali ta’ EUR 1 ta’ kull waħda mill-azzjonijiet ordinarji tagħha għall-valur nominali ta’ ċenteżmu (ara l-punti 327 sa 331 iktar ’il quddiem) u, fit-tieni lok, dik tal-bejgħ tal-fergħat Griegi (ara l-punti 332 sa 359 iktar ’il quddiem).

1)      Fuq it-tnaqqis tal-valur nominali tal-azzjonijiet ordinarji tal-BoC

327    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx li, bħall-konverżjoni tad-depożiti mhux assigurati fdati lill-BoC, it-tnaqqis tal-valur nominali ta’ EUR 1 ta’ kull waħda mill-azzjonijiet ordinarji tal-BoC għall-valur nominali ta’ ċenteżmu, previst mid-Digriet Nru 103 u li jipparteċipa fir-rikapitalizzazzjoni tal-BoC imsemmija fil-punt 1.26 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, kellu l-għan li jikseb mill-ġdid il-kapital proprju tal-BoC u għalhekk jiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Ċiprijotta u taż-żona tal-euro kumplessivament, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 255 iktar ’il fuq.

328    Madankollu, ir-rikorrenti jaffermaw li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 267, 269, 270, 301, 305 u 306 iktar ’il fuq, il-miżura li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-valur nominali tal-azzjonijiet tal-BoC ma ġietx adottata f’kundizzjonijiet previsti mil-liġi u ma hijiex proporzjonata għall-għan segwit.

329    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punti 272 sa 284 iktar ’il fuq, din il-miżura, li hija espressament prevista mid-Digriet Nru 103, kif emendata, ġiet adottata f’kundizzjonijiet previsti mil-liġi.

330    L-imsemmija miżura hija wkoll proporzjonata għall-għan imfittex, minħabba li r-raġunijiet sostnuti fil-punti 289 sa 325 iktar ’il fuq japplikaw għaliha mutatis mutandis. B’mod partikolari, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li t-tnaqqis tal-valur nominali tal-azzjonijiet tal-BoC kien intiż li jikkontribwixxi għar-rikapitalizzazzjoni ta’ dan, kif jissemma fil-punt 1.26 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013. Bħala tali u fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 294 sa 296 iktar ’il fuq, din il-miżura kienet xierqa sabiex tikkontribwixxi għall-għan tal-iżgurament tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Ċiprijotta u taż-żona tal-euro kumplessivament. Sussegwentement, hemm lok li jitqies li l-imsemmija miżura ma taqbiżx il-limiti ta’ x’inhu xieraq u neċessarju għall-kisba ta’ dan il-għan. Fil-fatt, għar-raġunijiet sostnuti fil-punti 302 sa 313 iktar ’il fuq, l-alternattivi inqas restrittivi li jagħmlu riferiment għalihom ir-rikorrenti jew ma kinux fattibbli, jew ma kinux jippermettu li jinkisbu r-riżultati mistennija. Finalment, għandu jitqies li, fid-dawl tal-importanza tal-għan segwit, il-miżura inkwistjoni ma toħloqx inkonvenjenzi sproporzjonati. Fil-fatt, minn naħa, jekk il-kostituzzjoni ta’ depożiti miżmuma f’istituzzjonijiet ta’ kreditu, bħall-banek imsemmija, ma hijiex eżentata minn kull riskju, dan ikun iktar u iktar il-każ fil-każ tal-akkwist ta’ azzjonijiet ta’ tali istituzzjonijiet. Għall-kuntrarju tad-depożitanti, li d-depożiti tagħhom huma, għall-inqas parzjalment, protetti f’każ ta’ indisponibbiltà ta’ depożiti, l-azzjonisti tal-banek jassumu għalkollox, fil-prinċipju, ir-riskju tal-investimenti tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-punt 3(2)(a) u (b) tal-Liġi tat‑22 ta’ Marzu 2013 tipprevedi li l-azzjonisti ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jkunu l-ewwel li jbatu kull telf li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li l-kredituri ta’ tali istituzzjoni ma jbatux dan it-telf biss wara l-azzjonisti. Għalhekk, l-azzjonisti tal-BoC għandhom ikunu konxji tar-riskju ta’ telf tal-investiment tagħhom. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, bħad-depożitanti tal-BoC, l-azzjonisti tiegħu kienu bbenefikaw mill-garanziji msemmija fil-punti 12(14) tal-Liġi ta‑22 ta’ Marzu 2013.

331    Konsegwentement, ma jistax jitqies li t-tnaqqis tal-valur nominali tal-azzjonijiet tal-BoC jikkostitwixxi intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza nnifisha tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti.

2)      Fuq il-bejgħ tal-fergħat Griegi

332    Ir-rikorrenti jsostnu li l-bejgħ tal-fergħat Griegi ma jistax jitqies bħala oġġettivament iġġustifikat u lanqas bħala li huwa previst mil-liġi jew konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

333    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-bejgħ ta’ fergħat Griegi msemmi fil-punt 1.24 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 u previst mid-Digrieti Nri 96 u 97 kien, bħalma huwa sostnut fil-miżuri dannużi eżaminati preċedentement, iġġustifikat permezz tal-għan ta’ interess pubbliku li huwa dak li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Ċiprijotta u taż-żona tal-euro kumplessivament, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 255 iktar ’il fuq.

334    Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li dan il-bejgħ kien intiż, fid-dawl tal-espożizzjoni reċiproka bejn il-Greċja u Ċipru, għall-prevenzjoni ta’ distabbilizzazzjoni ġenerali tas-sistemi finanzjarji ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri.

335    F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-premessa 302 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/455 tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna mill-istat SA.34826 (2012/C), SA.36005 (2013/NN) implimentata mill-Ġreċja għal Piraeus Bank Group rigward ir-rikapitalizzazzjoni u r-ristrutturar ta’ Piraeus Bank S.A. (ĠU 2015, L 80, p. 49) jirriżulta li l-bejgħ ta’ attivitajiet Griegi ta’ tliet banek Ċiprijotti u, b’mod partikolari, ta’ fergħat Griegi tal-banek imsemmija, kellhom l-għan li jissalvagwardjaw l-istabbiltà tas-sistema bankarja Griega u li jagħmlu dan b’tali mod li l-banek Ċiprijotti setgħu jbigħu l-attivitajiet qabel ma jirriskjaw li jitilfu l-valur.

336    Ċertament, ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni qieset li l-bejgħ ta’ dawn il-fergħat kien meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja Griega ma joħorġux kjarament mid-Deċiżjoni 2015/455. Madankollu, minħabba li r-rikorrenti, essenzjalment, qablu fir-risposta tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, dawn ir-raġunijiet ġew esposti f’rapport intern tal-BĊE tas‑27 ta’ Jannar 2013. Minn dan id-dokument jirriżulta, essenzjalment, li l-għan ta’ bejgħ potenzjali ta’ fergħat Griegi kien li jiġi evitat kull effett ta’ kontaġju tas-sistema bankarja Ċiprijotta fis-sistema finanzjarja Griega u, għalhekk, li tinżamm l-istabbiltà ta’ din tal-aħħar. Dan kien jirrigwarda l-prevenzjoni ta’ rtirar ta’ flus wiesa’ fil-Greċja fil-każ ta’ falliment tal-Laïki jew ta’ haircut tad-depożiti fdati lill-BoC. Fil-fatt, kif ippreċiża l-BĊE bħala risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, kien hemm biża’ li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali ta’ Ċipru u fid-dawl tal-fatt li d-depożiti tagħhom ġew suġġetti għas-sistema Ċiprijotta ta’ garanzija għal depożiti (ara l-punt 456 iktar ’il quddiem), il-proprjetarji tad-depożiti kkostitwiti fi ħdan dawn il-fergħat ifittxu li joħorġu l-flus f’daqqa.

337    Il-vijabbiltà tal-fergħat Griegi, jew dik tal-banek imsemmija, li għalihom dawn kien jappartjenu, kienet tiġi affettwata b’mod negattiv, filwaqt li l-valur tal-assi tagħhom kien konsegwentement jitnaqqas. Tali żviluppi kienu jirriskjaw li titqiegħed f’perikolu l-fiduċja rkuprata mill-pubbliku fis-settur bankarju Grieg, li d-depożiti tiegħu bdew jiżdiedu wara sentejn ta’ telf ddikjarat. Kien hemm riskju għoli ta’ ħruġ ta’ flus f’daqqa fil-Greċja li, indirettament, seta’ jiggrava l-kapaċità dgħajfa ta’ finanzjament tal-banek Griegi u jeżiġi żieda fl-ELA mogħtija lil dawn il-banek fuq livell li potenzjalment jaqbeż il-kapaċità reali tal-banek ċentrali tal-Eurosistema.

338    Min-naħa l-oħra, mir-risposti tar-rikorrenti, tal-Kummissjoni u tal-BĊE għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-bejgħ ta’ fergħat Griegi kien intiż li jipproteġi s-sistema bankarja Ċiprijotta minn effett ta’ kontaġju li huwa riżultat ta’, b’mod partikolari, deterjorament possibbli tas-sitwazzjoni ekonomika tal-Greċja. Fil-fatt, kif ġie indikat f’rapport tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2013, li għalih din tirriferi fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, is-sistema bankarja Ċiprijotta u, b’mod partikolari, il-Laïki kienu partikolarment esposti għad-diffikultajiet tal-ekonomija Griega.

339    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi eżaminat, minn naħa, jekk il-bejgħ tal-fergħat Griegi kienx previst mil-liġi u, min-naħa l-oħra, jekk, fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali msemmi fil-punti 333 u 334 iktar ’il fuq, dan kienx jikkostitwixxi intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti.

340    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 272 sa 284 iktar ’il fuq, il-bejgħ ta’ fergħat Griegi kien previst mil-liġi.

341    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-bejgħ ta’ fergħat Griegi, qabelxejn, hemm lok li jitqies li dan kien xieraq għall-kisba tal-għan imfittex billi titnaqqas l-espożizzjoni reċiproka tas-sistema bankarja Griega u dik Ċiprijotta.

342    Sussegwentement, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-għanijiet imfittxija setgħu nkisbu permezz ta’ miżuri inqas vinkolanti mill-bejgħ ta’ fergħat Griegi. Fil-kuntest tal-ilment tagħhom ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, ċertament, ir-rikorrenti jaffermaw li t-“tqassim tal-ispiża tar-rikapitalizzazzjoni interna bejn il-persuni taxxabbli Ċiprijotti” ppermetta li jinkisbu dawn l-għanijiet.

343    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li kif, essenzjalment, ikkonfermaw ir-rikorrenti matul is-seduta, tali miżura hija ekwivalenti għal sempliċi assunzjoni, mill-baġit tar-Repubblika ta’ Ċipru, tal-ispiża ta’ rikapitalizzazzjoni u ta’ ristrutturazzjoni tal-banek imsemmija. Issa, l-ewwel nett, tali approċċ ma kienx fattibbli. Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni bħala risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika ta’ Ċipru ma kellhiex, fiż-żmien tal-fatti, il-fondi meħtieġa għal dan il-għan. Hija kienet ukoll imċaħħda mill-aċċess għas-swieq ta’ kapital internazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti fir-risposta tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, huwa diffiċli li wieħed jara kif ir-Repubblika ta’ Ċipru setgħet tirrikapitalizza l-banek imsemmija mingħajr assistenza finanzjarja esterna.

344    Issa, hemm lok li jitfakkar li l-ammont tal-FAF, limitat għal EUR 10 biljun, ġie kkalkolat skont il-ħtiġijiet finanzjarji tar-Repubblika ta’ Ċipru fl-assenza ta’ kull injezzjoni ta’ kapital pubbliku favur xi banek. Sa fejn, skont ir-rapport ta’ Marzu 2013 tal-Pacific Investment Management Company (PIMCO) (iktar ’il quddiem ir-“rapport PIMCO”), ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek imsemmija, sal-aħħar tas-sena 2012, eżiġiet ammont totali ta’ madwar EUR 7.8 biljun, is-soluzzjoni li jirrakkomandaw ir-rikorrenti ħtieġet jew żieda fl-ammont tal-FAF, jew l-użu ta’ parti sostanzjali tal-ammont tagħha għall-finijiet ta’ rikapitalizzazzjoni tal-banek imsemmija.

345    L-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ għażliet ippreżentat żewġ diffikultajiet kbar, li r-rikorrenti fl-ebda ħin ma spjegaw kif r-Repubblika ta’ Ċipru setgħet issolvihom. Minn naħa, il-MES ma kellu l-ebda obbligu li jagħti FAF lir-Repubblika ta’ Ċipru ta’ ammont ogħla minn EUR 10 biljun. Għall-kuntrarju, il-MES seta’ leġittimament iqis li kien hemm lok li jiġi limitat id-daqs ta’ dan il-baġit, b’mod partikolari għas-salvagwardja tal-kapaċità ta’ interventi futuri. Min-naħa l-oħra, żieda fl-ammont tal-FAF għall-finijiet ta’ rikapitalizzazzjoni tal-banek imsemmija kienet tikkontribwixxi sabiex jiżdied id-dejn pubbliku Ċiprijott għal livell insostenibbli (ara l-punt 303 iktar ’il fuq).

346    It-tieni waħda minn dawn l-għażliet, fid-dawl tal-atti tal-proċess, ma baqgħetx vijabbli. Minn naħa, li wieħed juża parti sostanzjali minn EUR 10 biljun tal-FAF għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek imsemmija kienet inkompatibbli mal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-FAF, li pprevedew li din ma kinitx se tintuża għal dan il-għan. Min-naħa l-oħra, indipendentement minn dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali approċċ neċessarjament eżiġa riallokazzjoni tal-ammonti mogħtija lir-Repubblika ta’ Ċipru fuq il-bażi tal-FAF. Għalhekk, is-EUR 7.8 biljun kollha jew parti minnhom li kellhom jiġu ddedikati għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek imsemmija ma setgħux jibqgħu jiġu ddedikati għall-ħtiġijiet baġitarji tar-Repubblika ta’ Ċipru, għax-xiri mill-ġdid, minn din tal-aħħar, tat-titoli ta’ dejn jew għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek Ċiprijotti apparti l-banek imsemmija. Issa, ir-rikorrenti jirrikonoxxu huma stess li, fin-nuqqas ta’ assistenza finanzjarja, ir-Repubblika ta’ Ċipru ma kinitx, probabbilment, tkun kapaċi tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha, b’tali mod li s-solvenza tagħha kienet tispiċċa kompromessa. Fid-dawl tar-riskji li rriżultaw għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kumplessivament, irriżulta probabbli li l-FAF ma tippermettix li jinkiseb l-għan ta’ interess ġenerali mfittex.

347    It-tieni nett, b’mod kuntrarju għall-bejgħ ta’ fergħat Griegi, is-sempliċi assunzjoni, mill-baġit tar-Repubblika ta’ Ċipru, tal-ispejjeż ta’ rikapitalizzazzjoni u ta’ ristrutturazzjoni tal-banek imsemmija ma kinitx tkun xierqa sabiex titnaqqas l-espożizzjoni reċiproka tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika ta’ Ċipru. Fil-fatt, tali miżura ħalliet intatti r-rabtiet bejn il-banek imsemmija u s-sistema bankarja Griega.

348    Finalment, fir-rigward tal-inkonvenjenzi ġġenerati mill-bejgħ tal-fergħat Griegi, ċertament, mill-premessa 294 tad-Deċiżjoni 2015/455 jirriżulta li Piraeus Bank kien kiseb il-portafolli tas-self tal-operazzjonijiet Griegi tat-tliet banek Ċiprijotti, inklużi l-banek imsemmija, bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li l-prezz tal-bejgħ tal-imsemmija fergħat naqas sabiex jitqies it-telf futur stmat mill-kumpannija PIMCO fil-qafas ta’ stress test. Skont ir-risposta tal-BĊE għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, dan it-test kellu l-għan li jiddetermina l-bżonnijiet ta’ kapital tal-banek parteċipanti u kien parti minn awditu tas-sistema bankarja Ċiprijotta li PIMCO kienet ġiet inkarigata li twettaq mill-BĊĊ u li wettqitu, taħt il-gwida ta’ kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-BĊĊ, tal-Kummissjoni, tal-BĊE, tal-MES, tal-Awtorità Bankarja Ewropea u tal-FMI bħala osservatur. Minn dan it-test irriżulta li r-riskju li t-telf mis-self kien jaqbeż dak li kien diġà ġie antiċipat permezz tat-tnaqqis tal-prezz tal-bejgħ kien limitat.

349    Il-Kummissjoni indikat ukoll, fil-premessa 298 tad-Deċiżjoni 2015/455, li l-korrispettiv finalment imħallas mill-Piraeus Bank sabiex jikseb l-attivitajiet fil-Greċja tat-tliet banek Ċiprijotti kkonċernati, inklużi l-fergħat Griegi, kien ħafna iktar dgħajjef mill-valur kontabilistiku tal-portafoll miksub, kif ukoll inqas mil-valur tas-self wara li kien aġġustat ’l isfel sabiex jirrifletti t-telf mis-self antiċipat fil-qafas tal-istress test. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezz ta’ akkwist seta’ jitqies bħala negattiv, u dan ġie kkonfermat mill-fatt li Piraeus Bank kien irreġistra avvjament negattiv sinjifikattiv wara l-akkwist u l-kapital tiegħu kiber.

350    Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-banek imsemmija sofrew telf patrimonjali sinjifikattiv minħabba l-bejgħ tal-fergħat Griegi. Kif jirriżulta mill-premessa 74 tad-Deċiżjoni 2015/455:

“L-assi ttrasferiti lill-[Piraeus Bank] kienu jammontaw għal madwar EUR 18,9 biljun u l-obbligazzjonijiet kienu jammontaw għal madwar EUR 15-il biljun. Madankollu, il-partijiet għat-tranżazzjoni qablu li jieħdu f’kunsiderazzjoni l-ammont ta’ telf li kien previst fir-rapport tal-[kumpannija] PIMCO għall-banek f’Ċipru, taħt xenarju avvers […]. Skont ir-rapport ta’ PIMCO, il-valur tal-assi li kellhom jiġu ttrasferiti lill-[Piraeus Bank] kienu jammontaw għal madwar EUR 16,5 biljun. L-obbligazzjonijiet ittrasferiti kienu jammontaw għal madwar EUR 14,5 biljun.”

351    Madankollu, mill-premessi 75 u 303 tad-Deċiżjoni 2015/455 jirriżulta li dan il-bejgħ twettaq fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja, li matulha tliet offerenti ppreżentaw offerti, bl-unika waħda valida tkun ta’ Piraeus Bank.

352    Ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda argument li seta’ juri li din il-proċedura ta’ bejgħ kienet ivvizzjata. Huma sempliċement jindikaw li l-prezz tal-fergħat Griegi ġie kkalkolat abbażi tal-valutazzjoni mwettqa minn PIMCO fil-kuntest tar-rapport tagħha, li r-rwol tagħha essenzjalment kien li tenfasizza l-bżonnijiet ta’ fondi proprji tal-banek imsemmija, mingħajr il-parteċipazzjoni tal-bord jew tal-azzjonisti u tad-depożitanti tagħhom, minkejja n-nuqqas ta’ qbil bejn il-Bordijiet tad-Diretturi rispettivi tagħhom, mingħajr trasparenza u bi ksur tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS).

353    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa li skontha l-prezz tal-bejgħ tal-fergħat Griegi ġie “kkalkulat”. Issa, din il-premessa hija żbaljata, minħabba li l-prezz kien ir-riżultat tal-aħjar offerta proposta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ aġġudikazzjoni pubblika (ara l-punt 351 iktar ’il fuq).

354    It-tieni nett, anki jekk wieħed jassumi li r-riżultat tar-rapport PIMCO, li l-għan tiegħu ma kienx speċifikament li jivvaluta l-fergħat Griegi fid-dawl tal-bejgħ, iżda li jevalwa, b’mod iktar ġenerali, il-valur tal-banek Ċiprijotti skont xenarju bażi u xenarju sfavorevoli, kien ivvizzjat minn żball, il-bejgħ ta’ dawn il-fergħat ma kienx, fih innifsu, ivvizzjat. Fil-fatt, bl-ebda mod ma huwa stabbilit li l-offerenti li pparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ tal-fergħat Grieg ma tħallewx joffru prezz differenti minn dak li ħareġ mir-rapport PIMCO.

355    It-tielet nett, ir-rikorrenti jinvokaw, fil-kuntest tar-risposta tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, dikjarazzjoni tal-BĊĊ tas‑7 ta’ Ġunju 2013, li minnha jirriżulta li l-prezz u l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ tal-fergħat Griegi ġew iddeterminati “fuq livell politiku” mir-Repubblika ta’ Ellenika u r-Repubblika ta’ Ċipru matul iż-żewġ laqgħat tal-Grupp tal-Euro matul ix-xahar ta’ Marzu 2013. Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li huma invokaw din id-dikjarazzjoni sabiex juru li l-bejgħ tal-fergħat Griegi twettaq wara proċess mingħajr trasparenza, bi prezz li ma kienx dak tas-suq.

356    Madankollu, il-konklużjonijiet li r-rikorrenti jiddeduċu mid-dikjarazzjoni tal-BĊĊ tas-7 ta’ Ġunju 2013 ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil-fatt, mingħajr ma jkun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar is-saħħa probatorja tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li f’dan il-proċess xejn ma jindika li l-prezz u l-kundizzjonijiet li dwarhom qablu l-awtoritajiet Griegi u Ċiprijotti “fuq livell politiku” kienu jorbtu lill-offerenti li pparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ tal-fergħat Griegi.

357    Lanqas il-konklużjonijiet li r-rikorrenti jiddeduċu mill-artikolu tal-istampa tad‑19 ta’ Frar 2015 bl-isem “Did the troika defraud billions at the expense of thousands of depositors in Cyprus?” (It-Trojka ffrodat biljuni għad-detriment ta’ eluf ta’ depożitanti f’Ċipru?) ma jissostanzjaw l-argument tagħhom. Fil-fatt, b’mod kuntrarju għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, minn dan l-artikolu bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Grupp tal-Euro “aċċetta” li l-bejgħ tal-fergħat Griegi għandu jitwettaq bi prezz sinjifikattivament iktar baxx mill-valur tagħhom. Minn dan lanqas ma jirriżulta li l-BĊE “kkontempla u ddefinixxa” dan il-bejgħ u wisq inqas li ddetermina l-prezz. Ċertament, l-imsemmi artikolu jallega li “l-uffiċjali tal-BĊE u tal-Kummissjoni ħolqu pjan ambizzjuż”, li skontu l-banek Ċiprijotti għandhom jiġu sfurzati jċedu “l-fergħat Griegi kollha tagħhom sabiex jipproteġu lill-Griegi minn xokk Ċiprijott”. Madankollu, għal dan il-għan, l-artikolu inkwistjoni huwa bbażat fuq ir-rapport intern tal-BĊE tas‑27 ta’ Jannar 2013 imsemmi fil-punt 336 iktar ’il fuq u li jeżamina x-xenarji differenti għas-separazzjoni tal-fergħat Griegi u l-banek imsemmija fid-dawl tar-riskju ta’ kontaġju fis-sistema finanzjarja Griega. Issa, kif jirrileva b’mod xieraq il-BĊE, il-fatt li s-servizzi tiegħu eżaminaw tali xenarji f’dokument intern ma jfissirx li l-BĊE “kkontempla u ddefinixxa” l-bejgħ ta’ fergħat Griegi, jew li kellu rwol fid-determinazzjoni tal-prezz tal-bejgħ. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-punti 351 sa 356 iktar ’il fuq, dan il-prezz jirriżulta minn proċedura miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja.

358    Konsegwentement, anki fid-dawl tal-importanza tal-għanijiet imfittxija, ma jistax jitqies li l-inkonvenjenzi ġġenerati mill-bejgħ tal-fergħat Griegi huma sproporzjonati.

359    Għalhekk, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx jistabbilixxu li l-bejgħ tal-fergħat Griegi, previst mid-Digrieti Nri 96 u 97 u msemmi fil-punt 1.24 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, ikkostitwixxa intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza nnifisha tad-dritt għall-proprjetà tagħhom.

360    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jitqies li t-tieni sensiela ta’ miżuri dannużi hija vvizzjata minn ksur tad-dritt għall-proprjetà. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni u l-BĊE, billi pprovdew is-sostenn tagħhom għaż-żewġ sensieli ta’ miżuri dannużi msemmija fil-punti 256 u 257 iktar ’il fuq, ma kkontribwixxewx għal ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti. Il-Kunsill, permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/236, lanqas ma eżiġa ż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa ta’ miżura vvizzjata minn illegalità ta’ din in-natura.

361    L-argumenti tar-rikorrenti, li jirriżultaw minn ksur tal-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif ukoll minn nuqqas ta’ ekwità u ta’ koerenza, ma setgħux iqiegħdu din il-konklużjoni fid-dubju.

c)      Fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE, tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tar-rekwiżiti ta’ koerenza u ta’ ekwità

362    Sabiex juru l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE, tar-rekwiżiti ta’ ekwità u ta’ koerenza u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li huma inerenti għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, li minnu nnifsu huwa wieħed mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn kull restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti jaffermaw, essenzjalment, tliet sensieli ta’ argumenti.

363    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Grupp tal-Euro kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, billi ddeċieda dwar miżuri dannużi bi ksur tal-“prinċipji ta’ bażi tad-demokrazija”. Ir-rikorrenti jqisu li minn dawn il-prinċipji jirriżulta li, minħabba l-għarfien dirett tagħhom dwar il-kumpannija u l-bżonnijiet tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali jinsabu, fil-prinċipju, fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw dak li jaqa’ taħt l-interess pubbliku. Issa, skont ir-rikorrenti, l-adozzjoni tal-miżuri dannużi ma ġietx verament deċiża mill-awtoritajiet Ċiprijotti, iżda, fir-realtà, ġiet imposta mill-Grupp tal-Euro, li ma huwiex responsabbli quddiem l-ebda elettorat, ma huwiex ikkonċernat mill-interessi nazzjonali tar-Repubblika ta’ Ċipru u ma għandux għarfien dirett tal-kumpannija u tal-bżonnijiet tagħha. Għall-kuntrarju, il-Grupp tal-Euro ħa deċiżjoni bbażata fuq it-tħassib u l-eżiġenzi tas-selliefa.

364    Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

365    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 105 sa 133 iktar ’il fuq, ma jistax jitqies li l-Grupp tal-Euro eżiġa li r-Repubblika ta’ Ċipru tadotta l-miżuri dannużi. Għalhekk, dan l-argument jista’ biss jiġi miċħud, mingħajr il-ħtieġa li jiġi ddeterminat jekk il-ksur allegat tal-“prinċipji ta’ bażi tad-demokrazija” huwiex xieraq għall-evalwazzjoni ta’ ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti.

366    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jaffermaw li l-BĊE kien injora r-rekwiżiti ta’ ekwità u ta’ koerenza, sa fejn huwa ddeċieda li jsostni r-rikapitalizzazzjoni interna tal-banek imsemmija, anki jekk, f’ittra tal‑11 ta’ Frar 2013, indirizzata lid-diretturi eżekuttivi rispettivi tal-imsemmija banek, id-direttur tal-uffiċċju tal-gvernatur tal-BĊĊ assigurahom, f’isem l-Eurosistema, li d-drittijiet tad-depożitanti tagħhom ma humiex se jkunu ristretti.

367    Il-konvenuti ma ħadux pożizzjoni fir-rigward ta’ dan l-argument.

368    F’dan ir-rigward, bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ ekwità u ta’ koerenza allegat huwiex xieraq għall-evalwazzjoni ta’ ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa konfuż ma’ wieħed minn dawk li huma jinvokaw insostenn tal-ilment tagħhom ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li miegħu, konsegwentement, se jiġi eżaminat (ara l-punti 407 sa 423 iktar ’il quddiem).

369    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkritikaw l-aġir tal-BĊE fir-rigward tal-ELA. Skont ir-rikorrenti, dan l-aġir huwa vvizzjat minn inġustizzja, inkonsistenza u ksur tal-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li ġie kkontestat mill-BĊE.

370    L-ewwel nett, insostenn tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, li l-kuntest ġuridiku li jirregola l-intervent tal-BĊE fir-rigward tal-ELA jikser il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ koerenza, li jagħmlu parti integrali mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, u jikser ir-rekwiżit li skontu kull restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà għandha tiġi prevista mil-liġi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-ELA hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jkun solventi. Issa, skont ir-rikorrenti, il-kunċett ta’ solvenza għall-finijiet tal-ELA ma huwiex iddefinit legalment. Għalhekk, il-BĊE ma huwiex meħtieġ li jiddetermina jekk il-benefiċjarju potenzjali jissodisfax kundizzjoni stretta ta’ solvenza prevista mil-liġi, iżda jista’, għall-kuntrarju, iqis li bank huwa solventi, u konsegwentement jibqa’ jawtorizza l-ELA, fuq il-bażi tal-possibbiltà tal-għoti ta’ assistenza finanzjarja.

371    Fl-istess ħin, il-BĊE jista’, minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Grupp tal-Euro u kif għamel f’dan il-każ, jinfluwenza b’mod determinanti d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ għajnuna u l-kundizzjonijiet li jiġi suġġett għalihom. Dan jipparteċipa wkoll, minħabba l-appartenenza tiegħu fit-trojka, fis-sorveljanza tal-konformità, mir-Repubblika ta’ Ċipru, mal-kundizzjonalità. Minn dan jirriżulta “perikolu morali” manifest, minħabba li l-BĊE jista’ japprova l-ELA b’mod liberu billi jemmen li jista’ jitlob r-rimbors tagħha bħala kundizzjoni ta’ kwalunkwe assistenza finanzjarja.

372    It-tieni nett, ir-rikorrenti jaffermaw li l-BĊE aġixxa b’inkonsistenza u b’inġustizzja billi ma opponiex, sal‑21 ta’ Marzu 2013, l-ELA lill-banek imsemmija, filwaqt li ddikjara li din kienet irriżervata għall-banek solventi. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-BĊE kien diġà jaf bl-insolvenza tal-Laïki qabel il-21 ta’ Marzu 2013. Insostenn tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw, minn naħa, ir-rapport PIMCO, li minnu jirriżulta li l-Laïki u l-BoC kienu “ekonomikament insolventi”, u, min-naħa l-oħra, artikolu tal-istampa ddatat is-17 ta’ Ottubru 2014 u msemmi fil-punt 149 iktar ’il fuq, li minnu jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Gvernatur tal-Bundesbank kien diġà invoka l-insolvenza tal-Laïki matul laqgħa tal-Kunsill Governattiv ta’ Diċembru 2012.

373    It-tielet nett, ir-rikorrenti jilmentaw, essenzjalment, dwar in-natura inkonsistenti, sproporzjonata u inġusta tal-aġir tal-BĊE, sa fejn dan tal-aħħar, inizjalment, bejn Ottubru 2011 u Marzu 2013, wera atitudni liberali billi ħaffef l-għoti lil-Laïki ta’ aċċess potenzjalment illimitat għall-ELA, sabiex, sussegwentement, fil‑21 ta’ Marzu 2013, waqqaf ħesrem l-ELA.

374    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti żiedu, fl-istadju tar-replika, li ma humiex f’pożizzjoni li jikkontestaw l-analiżi li wasslet lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE sabiex jadotta d-deċiżjoni tal‑21 ta’ Marzu 2013. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, din id-deċiżjoni ma għandha l-ebda motivazzjoni u tista’ ma tkunx ir-riżultat ta’ analiżi ġenwina. F’dan ir-rigward, kif iċċaraw ir-rikorrenti matul is-seduta, l-imsemmija deċiżjoni tindika n-nuqqas ta’ adattament tal-kuntest ġuridiku fir-rigward tal-ELA.

375    Il-ħames nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-aġir tal-BĊE fir-rigward tal-ELA jikkostitwixxi ksur manifest u gravi tas-setgħat diskrezzjonali li għandu l-BĊE skont l-Artikolu 14.4 tal-Istatut tiegħu.

376    Il-konvenuti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

377    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li huwa fl-adozzjoni tal-miżuri dannużi li tista’ tinstab l-oriġini immedjata tat-telf patrimonjali li r-rikorrenti jallegaw li sofrew (ara l-punt 86 iktar ’il fuq). Issa, kif jirriżulta mill-punti 134 sa 155 iktar ’il fuq, il-BĊE ma eżiġiex l-adozzjoni tal-miżuri dannużi la permezz tal-istqarrija għall-istampa tiegħu tal‑21 ta’ Marzu 2013, la permezz tad-deċiżjoni li fiha hemm riferiment għaliha, lanqas permezz tad-deċiżjonijiet preċedenti li “tibqa’ tingħata l-ELA”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-illegalitajiet potenzjali li jaffettwaw dawn l-atti jistgħu jistabbilixxu nuqqas ta’ proporzjonalità tal-miżuri dannużi jew nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit li skontu kull restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà għandu jkun previst mil-liġi. Din il-konklużjoni hija sinjifikattiva b’mod partikolari fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ adattament allegat tal-qafas ġuridiku fir-rigward tal-ELA (ara l-punti 370, 371 u 374 iktar ’il fuq). Fil-fatt, minħabba li dan il-qafas ġuridiku ma huwiex l-istess bħal dak li fih ġew adottati l-miżuri dannużi (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 272 sa 284, 329 u 340 iktar ’il fuq), in-nuqqas ta’ adattament allegat bl-ebda mod ma jindika li dawn il-miżuri ma ġewx adottati f’kundizzjonijiet previsti mil-liġi.

378    Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jirrilevawx li l-aġir tal-BĊE fir-rigward tal-ELA huwa vvizzjat minn illegalità.

379    L-ewwel nett, il-kritika tar-rikorrenti li tallega nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kunċett ta’ solvenza ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, il-fatt li l-BĊE, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu skont l-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE u tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa tiegħu, jista’ jinterpreta jew japplika kunċett finanzjarju fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ekonomika kumplessa, ma jistax, bħala tali, jikkostitwixxi illegalità.

380    Lanqas l-argument tar-rikorrenti, li skontu l-multipliċità tal-funzjonijiet tal-BĊE tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba n-nuqqas ta’ koerenza jew il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ma jista’ jintlaqa’. F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-portata tar-rekwiżit ta’ koerenza fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità ta’ miżura. Skont il-ġurisprudenza, miżura hija adegwata biss sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imfittex jekk hija verament tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 53). Issa, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jispjegaw kif il-multipliċità allegata tal-funzjonijiet tal-BĊE u l-“perikolu morali” li jirriżulta minnha jistgħu jfixklu milli jintlaħaq, b’mod koerenti u sistematiku, l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro li l-miżuri dannużi jfittxu. Huma lanqas ma jistabbilixxu kif dan il-fatt jista’ jippreġudika d-dritt tagħhom għal amministrazzjoni tajba.

381    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-atti tal-proċess ma jissostanzjawx l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-multipliċità tal-funzjonijiet tal-BĊE. Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-BĊE fil-Grupp tal-Euro, għandu jitfakkar li d-dikjarazzjonijiet tal‑25 ta’ Marzu (ara l-punti 105 sa 118 iktar ’il fuq), tat‑12 ta’ April, tat‑13 ta’ Mejju u tat‑13 ta’ Settembru 2013 (ara l-punti 170 u 171 iktar ’il fuq) huma l-uniċi atti kontenzjużi li l-Grupp tal-Euro huwa l-awtur tagħhom. Issa, mill-punti 116 u 117 iktar ’il fuq jirriżulta li d-dikjarazzjoni tal‑25 ta’ Marzu 2013 hija ta’ natura purament informattiva u ma tesprimi l-ebda deċiżjoni definittiva la fir-rigward tal-għoti tal-FAF, lanqas fir-rigward tal-kundizzjonijiet li r-Repubblika ta’ Ċipru għandha tirrispetta sabiex tibbenefika minnha. Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tat‑12 ta’ April, tat‑13 ta’ Mejju u tat‑13 ta’ Settembru 2013, dawn sempliċement, kif ġie kkonstatat fil-punt 170 iktar ’il fuq, jiddeskrivu fil-qosor ħafna u jilqgħu ċerti miżuri adottati mill-awtoritajiet Ċiprijotti, kif ukoll jesprimu l-opinjoni li skontha dawn il-miżuri jistgħu, b’mod partikolari, jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-diffikultajiet finanzjarji li r-Repubblika ta’ Ċipru kienet qiegħda taffaċċja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li jitqies li l-parteċipazzjoni tal-BĊE fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro ppermettiet lill-BĊE jinfluwenza b’mod determinanti l-għoti tal-FAF jew il-kundizzjonalità li r-Repubblika ta’ Ċipru kellha tirrispetta sabiex tibbenefika minnha.

382    Fir-rigward tal-appartenenza tal-BĊE għat-trojka, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li s-sorveljanza tal-konformità mal-kundizzjonalità tippreżumi li din tal-aħħar tkun ġiet iddeterminata minn qabel. Għall-kuntrarju ta’ dak li, essenzjalment, isostnu ir-rikorrenti, il-BĊE għalhekk ma jistax, mir-rwol ta’ sorveljanza mogħti lilu mill-Artikolu 13(7) tat-Trattat MES, jikseb is-setgħa li jitlob ir-rimbors bħala kundizzjoni għal kwalunkwe assistenza finanzjarja.

383    It-tieni nett, ma jistax jitqies li l-BĊE aġixxa b’mod inkonsistenti, arbitrarju jew inġust, billi ma opponiex l-ELA sal‑21 ta’ Marzu 2013, għalkemm allegatament kien diġà jaf bl-insolvenza tal-Laïki f’data preċedenti.

384    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE, ir-rwol tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huwa biss, f’dan il-każ, li jivverifika jekk l-ELA interferixxietx mal-għanijiet u l-missjonijiet tas-SEBĊ. B’mod partikolari, il-Kunsill Governattiv għandu, sabiex jiżgura l-konformità mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju msemmi fl-Artikolu 123 TFUE u fl-Artikolu 21.1 tal-Istatut tal-BĊE, jivverifika li l-ELA ma ngħatatx lil bank insolventi (ara l-punt 142 iktar ’il fuq). Kif ġie rrilevat fil-punt 143 iktar ’il fuq, fiż-żmien tal-fatti, il-BĊE ma kellu l-ebda kompetenza fil-qasam tas-sorveljanza prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Unjoni, peress li din taqa’ esklużivament taħt l-awtoritajiet ta’ sorveljanza prudenzjali nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BĊE kien dipendenti fuq l-informazzjoni pprovduta lilu minn dawn l-awtoritajiet rigward is-solvenza tal-banek li qegħdin jibbenefikaw mill-ELA. Madankollu, skont is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-BĊE, li r-rikorrenti ma kkontestawx f’dan ir-rigward, il-BĊĊ, minn Settembru 2011, informa lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE bl-evalwazzjoni tiegħu, li skontha l-banek imsemmija baqgħu solventi. Minħabba li s-solidità finanzjarja ta’ dawn il-banek iddeterjorat progressivament, kif jerġa’ jafferma l-BĊE mingħajr ma ġie kkontradett mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-BĊĊ fir-rigward tas-solvenza tal-Laïki kull ma jmur kienet qiegħda tiġi bbażata fuq il-possibbiltà tal-għoti imminenti ta’ assistenza finanzjarja lir-Repubblika ta’ Ċipru. Meta din il-possibbiltà tneħħiet minħabba li, fid‑19 ta’ Marzu 2013, il-Parlament Ċiprijott ċaħad il-ħolqien ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji kollha, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE kien kontra ż-żamma tal-livell eżistenti tal-ELA għall-banek ikkonċernati. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-President tal-BĊE ppreżentati matul il-konferenza stampa tal‑4 ta’ April 2013, il-Kunsill Governattiv qies, meta ttieħdet id-deċiżjoni tal‑21 ta’ Marzu 2013, li, “fl-assenza ta’ programm, dawn il-banek ma kinux solventi u vijabbli” u li “f’dak iż-żmien, […] l-ebda programm ma kien stabbilit”.

385    Is-sempliċi fatt li kumpannija privata bħal PIMCO jew membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE kien diġà preċedentement esprima opinjoni differenti minn dik tal-BĊĊ fir-rigward tas-solvenza tal-Laïki ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan il-kunsill kellu diġà jeskludiha – u għalhekk jopponi ż-żamma tal-livell eżistenti tal-ELA f’data preċedenti.

386    It-tielet nett, lanqas ma jista’ jitqies li l-BĊE aġixxa b’mod inkonsistenti, sproporzjonat u inġust billi oppona, fil‑21 ta’ Marzu 2013, iż-żamma tal-livell eżistenti tal-ELA, għalkemm kien awtorizza l-ELA wara Ottubru 2011. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal‑21 ta’ Marzu 2013 bl-ebda mod ma tikkostitwixxi bidla f’daqqa mingħajr ġustifikazzjoni, iżda sempliċement tirrispondi għal bidla fiċ-ċirkustanzi, li ġiet deskritta fil-punt 384 iktar ’il fuq.

387    Ir-raba’ nett, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti li tivvizzja d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal‑21 ta’ Marzu 2013.

388    Il-BĊE jitlob li dan l-argument jiġi miċħud. Minn naħa, huwa jallega li, minħabba li tressaq biss fl-istadju tar-replika, dan l-argument huwa ġdid u, għaldaqstant, inammissibbli.

389    Min-naħa l-oħra, il-BĊE jfakkar li d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal‑21 ta’ Marzu 2013 ma hijiex ippubblikata. Issa, skont il-BĊE, l-ineżistenza tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma tistax tiġi dedotta min-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-BĊĊ, il-komunikazzjoni tal-imsemmija motivazzjoni lir-rappreżentant tal-BĊĊ matul il-laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE hija biżżejjed.

390    Qabelxejn, hemm lok li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE tiġi miċħuda, billi n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li jaqgħu taħt il-ksur tal-rekwiżiti formali essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxi, bħala tali, motiv ta’ ordni pubbliku, li l-Qorti Ġenerali tista’, fi kwalunkwe mument, tqajjem ex officio (ara, f’dan sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, EU:C:1997:73, punt 24; tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, u tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34).

391    Għalhekk, hemm lok li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan l-argument.

392    Għandu jitfakkar li, fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni jkollha, bħall-BĊE f’dan il-każ, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali jieħu importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu tal-BĊE li jimmotiva suffiċjentement id-deċiżjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 69).

393    Skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-awtur tiegħu, b’mod li tippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti tal-Unjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha. F’dan ir-rigward, qabelxejn, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, b’mod partikolari l-kontenut tal-att u n-natura tal-motivi invokati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 88). Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

394    Sussegwentement, motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jagħrfu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 372, u tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 46).

395    Finalment, eżami tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jistax isir biss fuq il-bażi ta’ deċiżjoni formalment adottata. Madankollu, dokumenti oħrajn, bħal stqarrija għall-istampa, jistgħu jippermettu li jiġu magħrufa l-elementi essenzjali tad-deċiżjoni inkwistjoni u jippermettu lill-persuni interessati jsiru jafu r-raġunijiet għaliex din ittieħdet kif ukoll lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 71).

396    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi osservat li huwa biss fuq il-bażi tal-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013 li r-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE li ma pprovda l-ebda raġuni insostenn tad-deċiżjoni tiegħu tal-istess jum li jopponi ż-żamma tal-livell eżistenti tal-ELA mis‑26 ta’ Marzu 2013. Madankollu, din l-istqarrija għall-istampa u din id-deċiżjoni ma għandhomx jitħalltu ma’ xulxin. Kif jirriżulta mill-punti 145 u 146 iktar ’il fuq, l-imsemmija stqarrija għall-istampa sempliċement tindika l-eżistenza tal-imsemmija deċiżjoni. Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-BĊE jirriżulta li din id-deċiżjoni ma kienet suġġetta għall-ebda pubblikazzjoni u li l-motivi tagħha ġew ikkomunikati lir-rappreżentant tal-BĊĊ, li kien l-unika destinatarju tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk l-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013 tippermettix lill-persuni interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni li din tagħmel riferiment għaliha u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

397    F’dan ir-rigward, qabelxejn, mill-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013 li “[l]-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jżomm il-livell eżistenti tal-ELA [sal-]25 ta’ Marzu 2013” u li “proroga għar-rimbors tista’ tiġi kkunsidrata biss jekk ikun stabbilit programm tal-[Unjoni jew tal-FMI] li jiżgura s-solvenza tal-banek ikkonċernati” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]. Minn dan jirriżulta, b’mod impliċitu, iżda neċessarju, li s-solvenza tal-banek imsemmija ma kinitx tiġi żgurata fl-assenza ta’ tali programm. L-osservazzjonijiet tal-President tal-BĊE esposti matul il-konferenza stampa tal‑4 ta’ April 2013 (ara l-punt 384 iktar ’il fuq) fir-rigward tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Marzu 2013 tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE jikkorroboraw din l-interpretazzjoni:

“[L-ELA] tista’ tingħata biss lill-banek solventi u vijabbli. Issa, jirriżulta li, fl-assenza ta’ programm, dawn il-banek ma setgħux ikunu solventi u vijabbli. F’dak iż-żmien, il-Kunsill Governattiv qies li l-ebda programm ma kien stabbilit u għaldaqstant kellu jagħmel dak li għamel”.

398    Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, meta ġiet ippubblikata l-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013, l-eżistenza u n-natura tad-diffikultajiet affaċċjati mir-Repubblika ta’ Ċipru u mill-banek imsemmija kienu magħrufa. Kien magħruf ukoll li r-Repubblika ta’ Ċipru kienet ressqet talba għal assistenza finanzjarja lill-President tal-Grupp tal-Euro, li tali assistenza kellha tingħatalha fil-kuntest ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku li kellu jiġi kkonkretizzat permezz ta’ memorandum ta’ qbil u li l-Parlament Ċiprijott kien ċaħad l-impożizzjoni ta’ miżura li l-awtoritajiet Ċiprijotti kienu ħadu r-responsabbiltà sabiex jadottawha għall-finijiet ta’ mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni bil-għan li jillimitaw l-ammont tal-assistenza finanzjarja marbuta ma’ dan il-programm (ara, b’mod partikolari, il-punti 13 sa 15, 18 u 20 sa 22 iktar ’il fuq).

399    Finalment, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 142 iktar ’il fuq, ir-regoli li jirregolaw l-ELA jipprojbixxu l-għoti tagħha lil istituzzjonijiet ta’ kreditu insolventi.

400    Konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-formulazzjoni tal-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013, fil-qosor kemm hi fil-qosor, ippermettiet li r-rikorrenti jifhmu, fir-rigward b’mod partikolari tal-kuntest, ir-regoli ġuridiċi applikabbli u l-osservazzjonijiet tal-President tal BĊE li saru matul il-konferenza stampa tal‑4 ta’ April 2013, li l-insolvenza tal-banek imsemmija fl-assenza ta’ programm ta’ aġġustament xieraq kienet ta’ ostakolu għaż-żamma tal-livell eżistenti tal-ELA. Din l-istqarrija għall-istampa tippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal‑21 ta’ Marzu 2013 għandu jiġi miċħud.

401    Il-ħames nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jagħmlu biss affermazzjonijiet, u bl-ebda mod ma jispjegaw kif l-aġir tal-BĊE fir-rigward tal-ELA huwa vvizzjat minn ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

402    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx jistabbilixxu li l-aġir tal-BĊE fir-rigward tal-ELA kien ivvizzjat minn ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE u tar-rekwiżiti ta’ ekwità u ta’ koerenza. Għalhekk, it-tielet sensiela ta’ argumenti tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

403    Billi t-tliet sensiliet ta’ argumenti tar-rikorrenti ġew miċħuda, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14.4 tar-Istatut tal-BĊE, tar-rekwiżiti ta’ ekwità u ta’ koerenza u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq l-eżistenza ta’ ksur potenzjali tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

404    Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, C‑369/09 P, EU:C:2011:175, punt 122). Id-dritt li wieħed jinvoka dan il-prinċipju jippreżumi li xi assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ingħataw lill-persuna interessata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Fil-fatt, dan id-dritt jappartjeni lil kwalunkwe individwu li fir-rigward tiegħu istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, billi tatu assigurazzjonijiet preċiżi, ħolqot aspettattivi ġġustifikati (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

405    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jqisu li l-konvenuti wettqu ksur serju tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Huma jaffermaw li l-konvenuti pprovdewlhom assigurazzjonijiet konsistenti u preċiżi li l-miżuri dannużi ma kinux se jiġu imposti fuq ir-Repubblika ta’ Ċipru. Dawn l-assigurazzjonijiet irriżultaw, l-ewwel nett, minn ittra tal‑11 ta’ Frar 2013 indirizzata lid-diretturi eżekuttivi rispettivi tal-imsemmija banek mid-direttur tal-uffiċċju tal-gvernatur tal-BĊĊ, f’isem l-Eurosistema, it-tieni nett, mill-impenn tal‑21 ta’ Jannar 2013 tal-Grupp tal-Euro fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi offruta l-FAF fuq il-bażi ta’ ftehim politiku, milħuq f’Novembru 2012, it-tielet nett, mit-trattament irriżervat għall-IMME li bbenefikaw minn assistenza finanzjarja qabel ir-Repubblika ta’ Ċipru u, ir-raba’ nett, mid-deċiżjoni tal-BĊE li tiġi awtorizzata l-ELA għal perijodu kunsiderevoli.

406    Ir-rikorrenti jżidu li dawn l-atti u aġir jistgħu jirriżultaw f’aspettattivi leġittimi fi ħdanhom, mhux biss meħuda individwalment, iżda anki flimkien. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, dawn l-atti u aġir għandhom effett kumulattiv li jsaħħaħ l-assigurazzjoni li skontha l-ebda miżura ta’ rikapitalizzazzjoni interna ma għandha tiġi adottata.

a)      Fuq l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi bbażata fuq l-ittra tal11 ta’ Frar 2013

407    Ir-rikorrenti jaffermaw li, f’ittra tal‑11 ta’ Frar 2013, indirizzata lid-diretturi eżekuttivi rispettivi tal-banek imsemmija, id-direttur tal-uffiċċju tal-gvernatur tal-BĊĊ, f’isem l-Eurosistema, ipprovdielhom assigurazzjonijiet ċari, preċiżi, inkundizzjonati u konformi mal-liġi li d-drittijiet tad-depożitanti tagħhom ma kinux ser ikunu ristretti (ara wkoll il-punti 366 sa 368 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru, minn naħa, li skont l-Artikolu 282(1) TFUE, l-Eurosistema hija magħmula mill-BĊE u mill-banek ċentrali tal-IMME u tmexxi l-politika monetarja tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-istqarrija tal-missjoni tal-Eurosistema tindika li din tal-aħħar titkellem b’vuċi waħda. Għalhekk, kull osservatur raġonevoli jippreżumi li l-ittra inkwistjoni kienet torbot lill-Eurosistema, inkluż il-BĊE, li kiser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti billi sussegwentement eżiġa li r-Repubblika ta’ Ċipru tikkonforma mal-ftehim ta’ kundizzjonalità. Madankollu, fil-każ li l-BĊE qies li din l-ittra ma ppreżentatx korrettament il-pożizzjoni tiegħu, huwa kellu jagħmel dikjarazzjoni pubblika sabiex jikkoreġi l-iżbalji li fiha. Issa, il-BĊE ma għamel l-ebda dikjarazzjoni ta’ dan it-tip, u għalhekk stabbilixxa r-responsabbiltà tiegħu.

408    Il-konvenuti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

409    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li fl-ittra tal‑11 ta’ Frar 2013, xejn ma jippermetti li qarrej prudenti u avżat jikkonkludi li l-kontenut tagħha huwa imputabbli lill-Eurosistema jew lill-BĊE.

410    Fil-fatt, qabelxejn, din l-ittra hija indirizzata lid-diretturi eżekuttivi rispettivi tal-banek imsemmija minn persuna li tiffirma fil-kwalità ta’ Kap tal-Komunikazzjoni u tal-Kabinett tal-Gvernatur (“Head of Governor’s Office and Communications”) tal-BĊĊ. Din il-persuna fl-ebda ħin ma tafferma li hija kienet qiegħda tesprimi ruħha f’isem l-Eurosistema. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mit-test innifsu tal-imsemmija ittra, din sempliċement tesprimi l-opinjoni tal-BĊĊ u ma tagħmel l-ebda riferiment la għall-korpi u lanqas għar-regoli ta’ funzjonament tal-Eurosistema:

“Wara l-pubblikazzjoni ta’ artikolu ppubblikat fil-Financial Times iddatat l-10 ta’ Frar 2013 u bl-isem ‘Salvataġġ radikali propost għal Ċipru’, il-[BĊĊ] jixtieq jenfasizza li kull azzjoni intiża li tnaqqas jew tirrestrinġi d-dritt għall-proprjetà tad-depożitanti, jew li ċċaħħadhom minnu, tikkontradixxi d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru u tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-[KEDB], dispożizzjonijiet li jipproteġu d-dritt għall-proprjetà u li huma kruċjali għall-funzjonament tal-ekonomija tas-suq.

Konsegwentement, kull suġġeriment kuntrarju mhux talli ma huwiex legalment infondat talli ma jistax jittieħed bis-serjetà.”

411    Huwa minnu li, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, il-logo tal-BĊĊ huwa inkluż fl-intestatura ta’ din l-ittra, segwit, sottostanti u f’ittri kapitali, bl-espressjonijiet “Central Bank of Cyprus” u “Eurosystem”.

412    Madankollu, is-sempliċi preżenza ta’ din l-intestatura ma tistax tippermetti li qarrej prudenti u avżat jikkunsidra li din l-ittra hija imputabbli lill-Eurosistema. Għall-kuntrarju, l-impressjoni li din l-intestatura tagħti hija, minn naħa, li l-imsemmija ittra hija fformulata f’isem il-BĊĊ u mhux l-Eurosistema u, min-naħa l-oħra, li l-kelma “Eurosystem” hija ta’ natura purament informattiva, li tindika sempliċement l-appartenenza tal-BĊĊ fl-Eurosistema bħala bank ċentrali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-ittri li jifformaw il-kelma “Eurosystem” fl-intestatura tal-ittra tal‑11 ta’ Frar 2013 jinsabu taħt dawk li jifformaw l-espressjoni “Central Bank of Cyprus” u huma kjarament iżgħar minn dawn tal-aħħar.

413    It-tieni nett, kif ir-rikorrenti nnifishom jirrikonoxxu fir-risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-kelma “Eurosystem” probabbli tifforma parti integrali mil-logo tal-BĊĊ u tidher, bħala tali, fuq l-ittri u d-dokumenti kollha, jew għall-inqas fuq il-maġġoranza tagħhom li dan tal-aħħar joħroġ. Għalhekk, l-ebda konklużjoni ma tista’ ssir minħabba s-sempliċi preżenza ta’ din l-espressjoni fl-ittra tal‑11 ta’ Frar 2013, ħlief li jitqies li l-ittri kollha, jew għall-inqas, il-maġġoranza tagħhom maħruġa mill-BĊĊ huma imputabbli lill-Eurosistema biss minħabba li dawn isemmu li l-ewwel wieħed jappartjeni għat-tieni waħda.

414    It-tielet nett, in-nota f’qiegħ il-paġna tal-ittra tal‑11 ta’ Frar 2013, li tidentifika l-indirizz u s-sit internet tal-BĊĊ, ma tagħmilx riferiment għall-Eurosistema.

415    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-banek ċentrali nazzjonali jeżerċitaw żewġ tipi ta’ funzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, dawk li huma previsti mill-Istatut tal-BĊE u, it-tieni nett, dawk li ma humiex. Dawn tal-aħħar la jistgħu jkunu imputabbli lis-SEBĊ u lanqas lill-Eurosistema. Fil-fatt, kif ġustament jenfasizza l-BĊE, l-Artikolu 14.4 tal-Istatut tal-BĊE jipprevedi li l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jeżerċitaw funzjonijiet oħrajn minbarra dawk speċifikati fl-Istatut tal-BĊE, sakemm il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma jiddeċidix, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, li dawn jinterferixxu mal-għanijiet u mal-missjonijiet tas-SEBĊ. Għall-kuntrarju, il-funzjonijiet li l-banek ċentrali nazzjonali jwettqu taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess u b’riskju tagħhom stess ma għandhomx jitqiesu bħala parti mill-funzjonijiet tas-SEBĊ (ara l-punti 138 sa 140 iktar ’il fuq).

416    Issa, fiż-żmien tal-fatti, l-Istatut tal-BĊE ma jagħmilx riferiment, fost il-missjonijiet tal-BĊE u tas-SEBĊ, għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ rikapitalizzazzjoni jew ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Għalhekk, dan jirrigwarda l-funzjonijiet li l-banek ċentrali nazzjonali jeżerċitaw taħt ir-responsabbiltà u bir-riskju tagħhom stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, qarrej prudenti u avżat ma setax raġonevolment iqis li affermazzjoni magħmula mill-BĊĊ fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ rikapitalizzazzjoni jew ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji kienet imputabbli lill-Eurosistema u rabtet lil din tal-aħħar. Għall-kuntrarju, tali qarrej għandu neċessarjament iqis li l-BĊĊ kien esprima lilu nnifsu fl-ittra tal‑11 ta’ Frar 2013 f’ismu stess u bħala bank ċentrali nazzjonali.

417    Għall-kuntrarju ta’ dak li, essenzjalment, jallegaw ir-rikorrenti, la l-Artikolu 282(1) TFUE u lanqas l-istqarrija tal-missjoni tal-Eurosistema ma jqiegħdu f’dubju din il-konklużjoni.

418    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 282(1) TFUE, hemm lok li jiġi rrilevat li dan jikkonċerna esklużivament ir-rwol tal-Eurosistema fil-qasam tal-politika monetarja. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

“Il-[BĊE], flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali, jikkostitwixxu s-[SEBĊ]. Il-[BĊE] flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali [tal-IMME], li jikkostitwixxu l-Eurosistema, għandhom iwettqu l-politika monetarja ta’ l-Unjoni.”

419    Għalhekk, ir-rikorrenti jistgħu raġonevolment jiddeduċu, mill-Artikolu 282(1) TFUE, li l-Eurosistema għandha tiggarantixxi ż-żamma tal-valur tad-depożiti fdati lill-banek imsemmija fil-każ tar-rikapitalizzazzjoni jew tar-riżoluzzjoni tagħhom.

420    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-istqarrija tal-missjoni tal-BĊE u tal-Eurosistema, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li din hija sempliċi dikjarazzjoni ta’ intenzjoni mingħajr l-ebda valur ġuridiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2015, ClientEarth u International Chemical Secretariat vs ECHA, T‑245/11, EU:T:2015:675, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li, bħala tali, la ġiet ippubblikata fis-Serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li għandha l-għan li tippubblika atti legalment vinkolanti, u lanqas fis-Serje Ċ tiegħu, li tippubblika informazzjoni, rakkomandazzjonijiet u pariri li jikkonċernaw l-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Expedia, C‑226/11, EU:C:2012:795, punt 30). Fil-fatt, kif ġustament enfasizza l-BĊE fir-risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, din id-dikjarazzjoni hija, min-natura tagħha stess, ta’ natura purament aspirazzjonali u ma għandhiex l-għan li timponi obbligi fuq l-awturi tagħha, jew li tidentifika b’mod eżawrjenti l-missjonijiet u l-kompetenzi kollha tal-membri tal-Eurosistema.

421    It-tieni nett, il-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni ma jippermettix li jitqies li l-Eurosistema għandha xi kompetenza fil-qasam tal-protezzjoni tad-depożiti bankarji f’każ ta’ rikapitalizzazzjoni jew ta’ riżoluzzjoni ta’ bank. Għall-kuntrarju, minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li l-għan prinċipali tal-Eurosistema huwa ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Ċertament, din id-dikjarazzjoni tindika wkoll li l-Eurosistema, li taġixxi bħala l-awtorità finanzjarja prinċipali, hija intiża sabiex tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja u sabiex tippromwovi l-integrazzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Madankollu, qarrej prudenti u avżat ma setax jikkonkludi, raġonevolment, minn affermazzjoni tant vaga, li l-Eurosistema kienet kompetenti sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet li għalihom jistgħu jiġu suġġetti r-rikapitalizzazzjoni jew ir-riżoluzzjoni potenzjali tal-banek imsemmija.

422    Bl-istess mod, l-indikazzjonijiet li skonthom “[f]ilwaqt li josservaw l-istatus ġuridiku tal-membri tagħha, l-Eurosistema u l-persunal tagħha għandhom jaġixxu espliċitament f’koeżjoni u unità” u, “[b]’dan l-ispirtu u b’ħidma bħala tim, l-Eurosistema għandha titkellem b’vuċi waħda u tkun qrib iċ-ċittadini Ewropej” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali], ma jistgħux raġonevolment jiġu interpretati li jfissru li kwalunkwe komunikazzjoni min-naħa ta’ bank ċentrali nazzjonali li huwa parti mill-Eurosistema ssir f’isem dan tal-aħħar. Dan pjuttost jirrigwarda dikjarazzjoni ta’ intenzjoni ta’ natura ġenerali u impreċiża li, l-iktar l-iktar, tapplika fl-oqsma fejn l-Eurosistema hija kompetenti.

423    Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti baqgħu ma stabbilixxewx li mill-ittra tal‑11 ta’ Frar 2013 huma setgħu jiddeduċu aspettattivi leġittimi li l-miżuri dannużi ma kinux se jiġu adottati. Għalhekk, ma jistax jitqies, a fortiori, li l-BĊE kiser, permezz tal-atti u l-aġir sussegwenti għal din l-ittra, l-imsemmija aspettattivi.

b)      Fuq l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi bbażati fuq l-“impenn tal21 ta’ Jannar 2013 tal-Grupp tal-Euro fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi offruta l-FAF fuq il-bażi ta’ ftehim politiku, milħuq f’Novembru 2012”

424    Ir-rikorrenti jaffermaw li l-Grupp tal-Euro qajjem fi ħdanhom aspettattivi leġittimi li l-miżuri dannużi ma kinux se jiġu adottati, billi dan impenja ruħu, fil‑21 ta’ Jannar 2013, li jagħti l-FAF lir-Repubblika ta’ Ċipru fuq il-bażi ta’ ftehim politiku milħuq f’Novembru 2012 u li ma pprevediex l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Bħala risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kkonfermaw li l-“impenn” li jagħmlu riferiment għalih huwa d-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal‑21 ta’ Jannar 2013 deskritta fil-punt 18 iktar ’il fuq.

425    Il-konvenuti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

426    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal‑21 ta’ Jannar 2013, xejn ma jista’ jkun ta’ assigurazzjoni preċiża li l-FAF tkun suġġetta biss għall-kundizzjonijiet previsti fl-abbozz tal-Memorandum ta’ Qbil li, f’din id-data, kien is-suġġett tan-negozjati bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru, minn naħa, u l-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, fl-imsemmija dikjarazzjoni, il-Grupp tal-Euro bl-ebda mod ma impenja ruħu li jagħti l-FAF lir-Repubblika ta’ Ċipru mitluba minnha, iżda sempliċement iddeskriva dawn in-negozjati f’termini vagi u ġenerali u inkoraġġixxa lill-partijiet ikkonċernati jagħmlu progress bil-għan li jiffinalizzaw il-komponenti tal-abbozz ta’ memorandum ta’ qbil.

427    Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-punti 123 sa 129 iktar ’il fuq, l-għoti tal-FAF jaqa’ taħt il-kompetenzi tal-MES u mhux taħt dawk tal-Grupp tal-Euro, li lanqas kien parti min-negozjati mar-Repubblika ta’ Ċipru sabiex jiġi ffinalizzat l-abbozz ta’ memorandum ta’ qbil msemmi fid-dikjarazzjoni tal‑21 ta’ Jannar 2013. Għaldaqstant, anki jekk din tal-aħħar tinkludi assigurazzjonijiet fir-rigward tal-għoti tal-FAF lir-Repubblika ta’ Ċipru, dawn l-assigurazzjonijiet ma humiex ġejjin minn awtorità kompetenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 404 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2009, Nintendo u Nintendo of Europe vs Il-Kummissjoni, T‑13/03, EU:T:2009:131, punt 208, u tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs Il-BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 79).

428    Fit-tielet lok, l-abbozz ta’ memorandum ta’ qbil imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal‑21 ta’ Jannar 2013 u stabbilit fid‑29 ta’ Novembru 2012 qatt ma ġie konkluż. Kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tas‑16 ta’ Marzu 2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti impenjaw ruħhom, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ dan l-abbozz ta’ memorandum, sabiex jieħdu miżuri li kellhom jiġu approvati mill-Parlament Ċiprijott, li jinkludu l-ħolqien ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji kollha (ara l-punti 19 u 20 iktar ’il fuq). Issa, il-ħolqien ta’ din it-taxxa ġie miċħud mill-Parlament Ċiprijott (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma setgħux leġittimament jistennew li l-FAF tingħata xorta waħda lir-Repubblika ta’ Ċipru fuq il-bażi tal-imsemmi abbozz ta’ memorandum ta’ qbil.

429    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti baqgħu ma stabbilixxewx li huma setgħu jiddeduċu aspettattivi leġittimi mid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal‑21 ta’ Jannar 2013.

c)      Fuq l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi bbażati fuq it-trattament irriżervat għall-IMME li bbenefikaw minn assistenza finanzjarja qabel ir-Repubblika ta’ Ċipru

430    Ir-rikorrenti jsostnu li huma ddeduċew aspettattivi leġittimi li l-miżuri dannużi ma kinux ser jiġu adottati fuq il-bażi tal-fatt li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lil Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro, jiġifieri l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża, ma kienx ġie suġġett għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

431    Il-konvenuti ma ħadux espliċitament pożizzjoni dwar dan l-argument.

432    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li, matul il-fażijiet li ppreċedew il-kriżi finanzjarja internazzjonali, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja ma ġiex suġġett għall-adozzjoni ta’ miżuri komparabbli mal-miżuri dannużi ma jistax, bħala tali, jitqies bħala assigurazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti li tista’ tagħti lok għall-aspettattivi leġittimi tal-azzjonisti u tad-depożitanti tal-banek imsemmija li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lir-Repubblika ta’ Ċipru mhux se jkun suġġett għalihom (ara, f’dan is-sens b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 65 u 66).

433    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-miżuri li għalihom jista’ jkun suġġett l-għoti ta’ assistenza finanzjarja pprovduta mill-MES (jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, korpi jew istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew tal-Istati) biex isolvu d-diffikultajiet finanzjarji affaċċjati minn Stat li jeħtieġ rikapitalizzazzjoni tas-sistema bankarja tiegħu jistgħu jvarjaw sostanzjalment minn każ għal ieħor fid-dawl tal-esperjenza miksuba u ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi partikolari (ara l-punt 311 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ impenn ċar u espliċitu tal-awtoritajiet kompetenti, ma huwiex possibbli jitqies li r-rikorrenti setgħu leġittimament jistennew li l-għoti tal-FAF ikun suġġett għal kundizzjonijiet identiċi jew anki simili għal dawk li għalihom l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lill-Irlanda, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja u lir-Repubblika Portugiża kien ġie suġġett.

434    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti baqgħu ma stabbilixxewx li huma setgħu jiddeduċu aspettattivi leġittimi mill-fatt li l-għoti ta’ FAF lil Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro ma kienx ġie suġġett għall-adozzjoni ta’ miżuri komparabbli mal-miżuri dannużi.

d)      Fuq l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi bbażati fuq il-fatt li l-BĊE ddeċieda li jawtorizza l-ELA għal perijodu kunsiderevoli

435    Ir-rikorrenti jqisu li jistgħu jiddeduċu l-aspettattivi leġittimi mill-fatt li l-BĊE, matul perijodu estiż, awtorizza lill-BĊĊ sabiex jagħti l-ELA lil-Laïki.

436    Il-konvenuti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

437    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma jispjegaw kif il-fatt li l-BĊE, matul perijodu estiż, awtorizza lill-BĊĊ sabiex jagħti l-ELA lil-Laïki seta’ qajjem fi ħdanhom aspettattivi leġittimi li l-miżuri dannużi ma kinux se jiġu adottati. Għalhekk, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx jistabbilixxu li huma setgħu jiddeduċu aspettattivi leġittimi minn dan il-fatt.

438    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jitqies li r-rikorrenti ma setgħux jiddeduċu aspettattivi leġittimi mill-atti u mill-aġir imsemmija fil-punt 405 iktar ’il fuq, meħudin individwalment. Għaldaqstant, dawn l-atti u l-aġir lanqas ma setgħu, meħudin flimkien, b’effett kumulattiv, joħolqu aspettattivi leġittimi fi ħdanhom.

439    Minn dan jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ biss jiġi miċħud.

3.      Fuq l-eżistenza ta’ ksur potenzjali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

440    Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 54). L-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati josservaw dan il-prinċipju bħala regola superjuri tad-dritt tal-Unjoni li tipproteġi l-individwi (sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756 punt 87, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 110).

441    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u, għaldaqstant, in-natura komparabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-atti inkwistjoni, filwaqt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jkopri l-imsemmija atti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

442    Peress li r-rikorrenti invokaw il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huwa l-kompitu tagħhom li jidentifikaw bi preċiżjoni s-sitwazzjonijiet komparabbli li fihom huma jqisu li ġew ittrattati b’mod differenti jew is-sitwazzjonijiet differenti li fihom huma jqisu li ġew ittrattati b’mod identiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il-Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 311).

443    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuti kisru dan il-prinċipju f’ħames aspetti, u dan ġie kkontestat mill-konvenuti.

a)      Fuq l-eżistenza tadiskriminazzjoni potenzjali fir-rigward tal-kredituri tal-Laïki li l-pretensjonijiet tagħhom huma bbażati fuq l-ELA

444    Ir-rikorrenti jsostnu li d-depożitanti mhux assigurati tal-Laïki ġew iddiskriminati meta mqabbla mal-kredituri tiegħu li l-pretensjonijiet tagħhom huma bbażati fuq l-ELA. Sa fejn id-dejn tal-Laïki li ġie mill-ELA ġie ttrasferit lill-BoC, dawn il-kredituri jistgħu, fil-fatt, jindirizzaw lill-BoC, filwaqt li d-dejn tal-Laïki fir-rigward tad-depożitanti mhux assigurati jkun annullat.

445    Ir-rikorrenti jżidu li t-trasferiment tad-dejn tal-Laïki li oriġina mill-ELA lill-BoC impona piż kunsiderevoli fuq dan tal-aħħar. Konsegwentement, kategoriji oħrajn ta’ rikorrenti ġew iddiskriminati wkoll. Fil-fatt, it-trasferiment inkwistjoni, minn naħa, wassal għall-impożizzjoni ta’ limiti drastiċi fuq il-pretensjonijiet tad-depożitanti tal-BoC u, min-naħa l-oħra, naqqas il-valur tal-azzjonijiet tal-imsemmija banek. Il-BĊE, li huwa l-oriġini tal-ELA, kif ukoll il-konvenuti l-oħrajn iffavorixxew l-interessi proprji tagħhom għad-detriment ta’ dawk tar-rikorrenti.

446    Il-konvenuti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

447    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li t-trasferiment tad-dejn li oriġina mill-ELA lill-BoC huwa wieħed mill-kundizzjonijiet tal-għoti tal-FAF. Fil-fatt, il-punt 1.26 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 jipprevedi:

“[Il-BoC] ser jakkwista - permezz ta’ proċedura ta’ xiri u ta’ assorbiment - l-attiv Ċiprijott [tal-Laïki], għall-valur ġust tagħhom, kif ukoll id-depożiti assigurati tagħhom u l-espożizzjoni tiegħu għall-[ELA], fil-valur nominali tagħhom. Id-depożiti mhux assigurtati [tal-Laïki] għandhom jinżammu mill-entità ta’ […] qabel.”

448    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, kif ir-rikorrenti rrikonoxxew fir-risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-provvista tal-ELA taqa’ taħt il-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali, minħabba li l-BĊE kien kompetenti biss sabiex jipprojbixxi lil dawn milli jagħtu l-ELA meta din tinterferixxi mal-għanijiet u l-missjonijiet tas-SEBĊ (ara l-punti 137 sa 143 iktar ’il fuq). Konformement ma’ dan it-tqassim tal-kompetenzi, kien biss il-BĊĊ li ta l-ELA lil-Laïki u, għalhekk, dan tal-aħħar kellu d-dejn mal-BĊĊ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif il-BĊE ġustament sostna, il-BĊĊ biss kellu, skont kuntratt ta’ self konkluż mal-Laïki, dritt għal rimbors tad-dejn li oriġina mill-għoti tal-ELA lil dan tal-aħħar. Għaldaqstant, il-kategoriji tal-persuni li, fid-dawl tal-argumenti tar-rikorrenti (ara l-punti 444 u 445 iktar ’il fuq), ġew suġġetti għal differenza fit-trattament minħabba trasferiment tad-dejn tal-Laïki li oriġina mill-ELA lill-BoC huma l-BĊĊ, minn naħa, u d-depożitanti mhux assigurati u l-azzjonisti tal-banek imsemmija, min-naħa l-oħra.

449    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, operatur privat li, bħad-depożitanti mhux assigurati tal-banek imsemmija u l-azzjonisti tal-BoC, jaġixxi biss fl-interess patrimonjali privat tiegħu u, min-naħa l-oħra, bank ċentrali tal-Eurosistema, li d-deċiżjonijiet tiegħu kienu esklużivament iggwidati minn għanijiet ta’ interess pubbliku, jinsabu f’sitwazzjoni differenti fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 441 iktar ’il fuq. Is-sempliċi fatt li depożitanti u bank ċentrali tal-Eurosistema li d-deċiżjonijiet tiegħu huma ggwidati minn tali għanijiet għandhom l-istess titolu ta’ dejn fil-konfront tal-istess bank ma jistax jinvalida din il-konklużjoni, b’tali mod li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jeżiġi li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni jiġu ttrattati bl-istess mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 92, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21 punti 108 u 109).

450    Issa, f’dan il-każ, il-BĊĊ kiseb id-dejn li oriġina mill-ELA sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali, li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ wieħed miż-żewġ banek Ċiprijotti l-iktar importanti u, b’hekk, is-sistema finanzjarja tal-pajjiż. Fil-fatt, mill-punti 138 u 139 iktar ’il fuq jirriżulta li l-BĊĊ ta l-ELA lil-Laïki fl-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tiegħu skont id-dritt Ċiprijott. B’mod partikolari, mir-risposta tal-BĊE għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali u tal-ittra tal-BĊĊ li hija annessa magħhom jirriżulta li l-ELA hija strument intiż li jippermetti lill-BĊĊ iwettaq il-kompitu li jiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fdat lilu permezz tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 6(2)(e) u tal-punt 46(3) tal-Liġi tad-19 ta’ Lulju 2002.

451    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif ġustament jenfasizzaw il-Kummissjoni u l-BĊE, id-dejn li oriġina mill-ELA kien assigurat permezz tal-assi tal-Laïki. Għalhekk, bħala kreditur, il-BĊĊ kien, għall-kuntrarju tad-depożitanti mhux assigurati tal-banek imsemmija, kreditur ipprivileġġat. Sa fejn huwa paċifiku bejn il-partijiet li, f’każ ta’ likwidazzjoni ta’ bank, id-dejn tad-depożitanti tiegħu jitħallas bi prijorità għall-kontribut tal-azzjonisti tiegħu, l-azzjonisti tal-BoC ma jistgħux, a fortiori, isostnu li huma kienu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-BĊĊ.

452    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li s-sitwazzjonijiet rispettivi tal-BĊĊ, minn naħa, u tad-depożitanti mhux assigurati tal-banek imsemmija u tal-azzjonisti tal-BoC, min-naħa l-oħra, ma kinux komparabbli. Għalhekk, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx jistabbilixxu li l-konvenuti ddiskriminaw dawn il-kategoriji ta’ persuni meta mqabbla mal-BĊĊ.

b)      Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni potenzjali fir-rigward tad-depożitanti fil-fergħat Griegi

453    Ir-rikorrenti jqisu li sofrew diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità meta mqabbla mad-depożitanti fil-fergħat Griegi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, filwaqt li l-għoti tal-FAF kien suġġett għall-adozzjoni, mill-awtoritajiet Ċiprijotti, ta’ miżura ta’ rikapitalizzazzjoni interna li affettwat id-depożiti fil-banek imsemmija f’Ċipru, dan ma kienx suġġett għal kundizzjoni simili fir-rigward tad-depożiti li saru f’dawn l-istess banek fil-Greċja. Dawn id-depożiti kellhom jiġu ttrasferiti f’bank Grieg, bħala konsegwenza tal-akkwist minn dan il-bank tal-fergħat Griegi, u setgħu għalhekk, fil-prinċipju, ma jiġux affettwati. Issa, fl-assenza ta’ kull ġustifikazzjoni oġġettiva, tali differenza fit-trattament tikser il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jew hija pprojbita mill-Artikolu 18 TFUE.

454    Il-konvenuti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

455    Ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li l-fergħat Griegi kienu fergħat fis-sens tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2006, L 177, p. 1). L-ewwel nett, bħala tali, dawn il-fergħat kienu jikkostitwixxu partijiet mingħajr personalità ġuridika tal-banek imsemmija u jwettqu direttament it-tranżazzjonijiet kollha, jew parti minnhom, inerenti għall-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

456    It-tieni nett, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2005/1 u d-Direttiva 2009/14, id-depożitanti tal-imsemmija fergħat kienu koperti mis-sistema Ċiprijotta ta’ garanzija għal depożiti.

457    It-tielet nett, mill-premessa 21 u mill-Artikoli 40 sa 43 tad-Direttiva 2006/48 jirriżulta li r-responsabbiltà għas-sorveljanza tas-solidità finanzjarja tal-fergħat Griegi u, b’mod partikolari, tas-solvenza tagħhom, għandha tkun tal-awtoritajiet Ċiprijotti, minħabba li l-awtoritajiet Griegi huma responsabbli biss għas-sorveljanza tal-likwidità ta’ dawn il-fergħat u tal-politiki monetarji.

458    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti depożitanti fil-banek imsemmija f’Ċipru u d-depożitanti fil-fergħat Griegi għamlu depożiti fl-istess banek, koperti mill-istess sistema ta’ garanzija għal depożiti u suġġetti għall-istess regoli. F’dan il-kuntest, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn għandu jitqies li differenza relatata biss mal-post fejn saru d-depożiti hija, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, biżżejjed sabiex jiġi konkluż li s-sitwazzjonijiet previsti huma differenti. B’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġi evitat effett ta’ kontaġju, li fuqha jistrieħ il-Kunsill, ma tikkonċernax id-differenza oġġettiva ta’ sitwazzjoni, iżda l-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet komparabbli. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti depożitanti fil-banek imsemmija f’Ċipru u dik tad-depożitanti fil-fergħat Griegi kienu komparabbli.

459    Issa, għall-kuntrarju tad-depożiti fil-fergħat Griegi, id-depożiti fil-banek imsemmija f’Ċipru ġew suġġetti għal miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Għalhekk, għandu jitqies li r-rikorrenti depożitanti fil-banek imsemmija f’Ċipru kienu suġġetti għal trattament sfavorevoli meta mqabbla mad-depożitanti fil-fergħat Griegi.

460    L-argumenti tal-BĊE ma jistgħux iqiegħdu din il-konklużjoni f’dubju. Minn naħa, il-BĊE jsostni li kull diskriminazzjoni li sofrew ir-rikorrenti għandha titqies bħala “diskriminazzjoni inversa”, li ma hijiex ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni.

461    Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni jaqbel, f’sitwazzjonijiet li ma jippreżentaw l-ebda fattur ta’ rabta ma’ kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet previsti minn dan id-dritt u fejn l-elementi rilevanti kollha tagħhom huma ristretti għal Stat Membru wieħed, mal-fatt li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru jirċievu, mingħand dan l-Istat, trattament inqas favorevoli minn dak ta’ ċittadini ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 1994, Steen, C‑132/93, EU:C:1994:254, punt 11, u tal‑1 ta’ April 2008, Il-Gvern ta’ Communauté française u Gouvernement wallon, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 33).

462    Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tapplikax għall-atti u l-ommissjonijiet li permezz tagħhom waħda jew diversi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jikkontribwixxu għal tali trattament jew jeżiġu ż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa tiegħu. Issa, f’dan il-każ, għandu speċifikament jiġi ddeterminat jekk l-istituzzjonijiet konvenuti setgħux jipprovdu s-sostenn tagħhom għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil li jissuġġetta l-għoti tal-FAF għal trattament ta’ inugwaljanza jew jeżiġu ż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa tiegħu.

463    Għaldaqstant, anki jekk wieħed jassumi li l-allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni bejn id-depożitanti tal-banek Ċiprijotti u d-depożitanti fil-fergħat Griegi ta’ dawn l-istess banek jistgħu jinftiehmu li jirreferu għal sitwazzjoni li l-aspetti rilevanti kollha tagħha huma limitati għal Stat Membru wieħed, l-argument tal-BĊE, li skontu kull diskriminazzjoni li jsofru r-rikorrenti għandha titqies bħala “diskriminazzjoni inversa”, li ma hijiex ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni, jista’ biss jiġi miċħud.

464    Min-naħa l-oħra, il-BĊE jirrileva li l-bejgħ ta’ fergħat Griegi sar bil-prezz tas-suq u, konsegwentement, żamm il-fondi proprji tal-banek ikkonċernati. Għaldaqstant, dan il-bejgħ ma kkawża l-ebda żvantaġġ supplimentari għar-rikorrenti.

465    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex persuna tkun tista’ tikkritika istituzzjoni tal-Unjoni talli kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeħtieġ li t-trattament inkwistjoni jkun jittratta żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn. Madankollu, l-eżistenza ta’ tali żvantaġġ ma tistax tiġi miċħuda biss għar-raġuni li d-differenza fit-trattament inkwistjoni ma wasslitx għal konsegwenzi ekonomiċi sfavorevoli, minħabba li l-iżvantaġġ li għandu jitqies fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ jkun ukoll tali li jaffettwa s-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata permezz ta’ differenza fit-trattament (ara, f’dan sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 39 u 44). Issa, l-argumenti tal-BĊE jirrigwardaw esklużivament l-assenza ta’ telf patrimonjali supplimentari li r-rikorrenti sofrew minħabba l-bejgħ tal-fergħat Griegi. Għaldaqstant, anki jekk jiġi pprovat, dan il-fatt ma jistax, fih innifsu, ikun biżżejjed sabiex juri l-assenza ta’ diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt tal-Unjoni. L-iktar l-iktar, kif jidher li qiegħed iqis ukoll il-BĊE, l-imsemmi fatt jista’ jkun rilevanti sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità ta’ differenza potenzjali fit-trattament għall-għan segwit. Madankollu, l-ewwel nett, il-kwistjoni rilevanti tibqa’ jekk ir-rikorrenti depożitanti fil-banek imsemmija f’Ċipru kinux f’sitwazzjoni simili għal dik tad-depożitanti fil-fergħat Griegi, kif inhu l-każ f’dan il-każ (ara l-punt 458 iktar ’il fuq).

466    Konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 441 iktar ’il fuq, hemm lok għalhekk li jiġi eżaminat jekk teżistix, f’dan il-każ, ġustifikazzjoni oġġettiva għad-differenza fit-trattament li r-rikorrenti depożitanti fil-banek imsemmija f’Ċipru ġew suġġetti għaliha meta mqabbla mad-depożitanti fil-fergħat Griegi.

467    Kif ġie indikat fil-punti 335 sa 337 iktar ’il fuq, din id-differenza fit-trattament wieġbet, b’mod partikolari, għall-bżonn li jiġi evitat kull effett ta’ kontaġju mis-sistema bankarja Ċiprijotta għas-sistema finanzjarja Griega. Fil-fatt, kif ir-rikorrenti qablu fir-risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, mir-rapport intern tal-BĊE anness mar-replika jirriżulta li haircut tad-depożiti fil-fergħat Griegi seta’ jkun ta’ riskju li jwassal għal irtirar estensiv ta’ depożiti fil-Greċja, li, indirettament, seta’ jaggrava l-kapaċità dgħajfa ta’ finanzjament tal-banek Griegi, filwaqt li għalhekk jeżiġi żieda fl-ELA mogħtija lil dawn il-banek sa livell li potenzjalment jaqbeż il-kapaċità reali tal-banek ċentrali tal-Eurosistema.

468    Ir-rikorrenti wieġbu li tali argumenti ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni indirettament ibbażata fuq in-nazzjonalità bħal dik li ġew suġġetti għaliha.

469    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta din tkun, minn naħa, ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, meta din id-differenza tkun proporzjonata għall-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 47).

470    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni ta’ jekk id-differenza fit-trattament bejn ir-rikorrenti depożitanti fil-banek imsemmija f’Ċipru u d-depożitanti fil-fergħat Griegi kinitx ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, hemm lok li jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 255 u 256 iktar ’il fuq u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD 006306614, punti 103 u 138), l-għan tal-prevenzjoni ta’ distabbilizzazzjoni ġenerali tas-sistema finanzjarja Griega permezz ta’ kontaġju mis-sistema bankarja Ċiprijotta għandu jitqies bħala oġġettiv u raġonevoli.

471    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-proporzjonalità tad-differenza fit-trattament bejn ir-rikorrenti depożitanti fil-banek imsemmija f’Ċipru u d-depożitanti fil-fergħat Griegi, għandu jitfakkar li differenza fit-trattament hija proporzjonata meta hija kapaċi li tilħaq l-għanijiet imfittxija u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, C‑380/09 P, EU:C:2012:137, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

472    Issa, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punt 341 sa 358 iktar ’il fuq, għandu jiġi nnotat li din id-differenza fit-trattament tista’ tilħaq l-għanijiet imfittxija u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu.

473    Konsegwentement, il-fatt li l-FAF, minn naħa, kienet suġġetta għall-adozzjoni, mill-awtoritajiet Ċiprijotti, ta’ miżura li tordna haircut tad-depożiti fil-banek imsemmija f’Ċipru u, min-naħa l-oħra, ma ġietx suġġetta għal kundizzjoni simili fir-rigward tad-depożiti fil-Greċja kien oġġettivament iġġustifikat u għalhekk ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

474    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-argument tar-rikorrenti li skontu l-Grupp tal-Euro kien preċedentement inkoraġġixxa l-PSI minkejja l-effett ta’ kontaġju li dan seta’ jkollu fuq il-banek Ċiprijotti.

475    Essenzjalment, dan l-argument iwassal sabiex jitqies li l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Ċiprijotta ma tteħditx inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni ta’ ċerti miżuri maħsuba sabiex isolvu d-diffikultajiet finanzjarji tar-Repubblika Ellenika u li, b’mod reċiproku, ħlief għat-twettiq ta’ “inkosistenza ferm kbira” inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Griega ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni sussegwenti tal-miżuri intiżi li jsolvu d-diffikultajiet finanzjarji tar-Repubblika ta’ Ċipru.

476    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrilevat li r-raġunijiet għaliex il-Grupp tal-Euro u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu jiffavorixxu l-PSI ma jistgħux jiġu evalwati mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari li fihom ġie konkluż il-PSI. Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punti 311 u 433 iktar ’il fuq, il-miżuri li għalihom jista’ jiġi suġġett l-għoti ta’ assistenza finanzjarja pprovduta mill-MES (jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, korpi jew istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew tal-Istati) sabiex jissolvew id-diffikultajiet finanzjarji li jiltaqa’ magħhom Stat li jeħtieġ jirrikapitalizza s-sistema bankarja tiegħu jistgħu jvarjaw fundamentalment minn każ għal ieħor skont l-esperjenza miksuba u skont ġabra ta’ ċirkustanzi partikolari.

477    Issa, ir-rikorrenti fl-ebda mument ma wrew li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti u tal-esperjenza miksuba, il-fatt li l-Grupp tal-Euro kien preċedentement inkoraġġixxa l-PSI minkejja l-effett ta’ kontaġju li dan seta’ jkollu fuq il-banek Ċiprijotti kien jiġġustifika li r-riskju ta’ kontaġju għas-sistema bankarja Griega ma jitteħidx inkunsiderazzjoni f’dan il-każ.

478    Konsegwentement, hemm lok li jitqies li r-rikorrenti ma baqgħu ma wrewx l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba t-trattament differenzjat tad-depożiti tagħhom u ta’ dawk fil-fergħat Griegi.

c)      Fuq l-eżistenza ta’ ksur potenzjali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ibbażat fuq diskriminazzjoni fir-rigward tad-depożitanti fil-banek imsemmija fejn id-depożiti ma jaqbżux il-EUR 100 000

479    Ir-rikorrenti jsostnu li dawk li fosthom id-depożiti tagħhom fil-banek imsemmija qabżu l-EUR 100 000 kienu suġġetti għal diskriminazzjoni meta mqabbla mad-depożitanti ta’ dawn il-banek li d-depożiti tagħhom, ma qabżux dan l-ammont. Fil-fatt, id-depożiti ta’ EUR 100 000, jew inqas, kienu koperti kompletament mis-sistema ta’ garanzija għal depożiti Ċiprijotti, filwaqt li d-depożiti ta’ ammont ogħla kienu koperti biss sa EUR 100 000. Il-fatt li d-Direttiva 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2005/1 u d-Direttiva 2009/14, imponiet li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema li tippermetti li jiġu koperti d-depożiti kollha tal-istess depożitant sa EUR 100 000, ma jiġġustifikax li d-depożitanti mhux assigurati jitwaqqfu milli jiksbu kumpens f’każ ta’ likwidazzjoni, u lanqas ma jispjega għaliex depożitant li għandu depożiti ta’ EUR 100 000 ma jsofri l-ebda haircut, filwaqt li depożitant li għandu depożiti ta’ EUR 1 000 000 jsofri haircut ta’ 90 %.

480    Il-Kunsill u l-BĊE jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

481    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-diskriminazzjoni li jilmentaw dwarha r-rikorrenti tikkonċerna, fir-realtà, żewġ aspetti distinti tal-miżuri dannużi.

482    L-ewwel nett, dan jirrigwarda l-miżura msemmija fil-punt 5 tad-Digriet Nru 104 li jipprevedi, konformement mal-punt 1.26 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013, li d-dejn tal-Laïki għandu jiġi ttrasferit lill-BoC fil-konfront ta’ kull wieħed mid-depożitanti tiegħu sal-limitu ta’ EUR 100 000, filwaqt li l-ammonti ogħla minn EUR 100 000 inżammu mil-Laïki, fl-istennija tal-likwidazzjoni tiegħu (ara l-punt 35 iktar ’il fuq). Għandu jiġi kkonstatat li din il-miżura tapplika indistintament għad-depożitanti kollha tal-Laïki. Essenzjalment, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, din ma tistabbilixxi l-ebda differenza fit-trattament bejn dawn id-depożitanti skont l-ammont tad-depożiti li bihom huma fdaw lil dan il-bank.

483    Is-sempliċi fatt li t-trasferiment fil-BoC tad-depożiti fdati lil-Laïki huwa suġġett għal limitu massimu ta’ EUR 100 000 għal kull depożitant u, konsegwentement, seta’ jkollu konsegwenzi differenti fuq dawn id-depożitanti skont l-ammont tad-depożiti tagħhom, ma jistax iqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju. Kwalunkwe differenza ta’ din in-natura tirriżulta, fil-fatt, mill-applikazzjoni ta’ limitu massimu ta’ garanzija ta’ EUR 100 000 previst mill-Artikolu 7(1a) tad-Direttiva 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2005/1 u d-Direttiva 2009/14, li l-illegalità tagħha ma ġietx invokata mir-rikorrenti. Issa, dan jirrigwarda kriterju oġġettiv u adattat għall-ħtiġijiet tal-funzjonament tas-sistema bankarja tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑30 ta’ Settembru 2009, Arkema vs Il-Kummissjoni, T‑168/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:367, punt 115). Fil-fatt, is-sittax-il premessa tad-Direttiva 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2005/1 u d-Direttiva 2009/14, tipprovdi li l-livell ta’ garanzija msemmi iktar ’il fuq huwa intiż li, minn naħa, ma jħallix proporzjon sinjifikattiv wisq tad-depożiti mingħajr protezzjoni, fl-interess kemm tal-konsumaturi u kif ukoll tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u, min-naħa l-oħra, li jqis l-ispiża ta’ finanzjament tas-sistemi ta’ garanzija u li ma jiġix impost livell ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni kollha li, f’ċerti każijiet, jista’ jkollu l-effett li jinkoraġġixxi amministrazzjoni ħażina tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

484    It-tieni nett, dan jirrigwarda miżuri ta’ konverżjoni ta’ azzjonijiet tal-BoC, previsti mid-Digriet Nru 103, kif emendat, u li l-essenza tagħhom tinsab fil-punti 1.26 u 1.27 tal-Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013. Din il-miżura tipprevedi li l-haircut tad-depożiti mhux assigurati tal-BoC tapplika biss għad-depożitanti ta’ dan il-bank li d-depożiti tagħhom jaqbżu l-EUR 100 000. Għalhekk, minn dan jirriżulta, kif ġustament isostnu r-rikorrenti, differenza fit-trattament bejn id-depożitanti tal-BoC skont jekk l-ammont tad-depożiti li huma fdaw lil dan tal-aħħar jaqbiżx il-EUR 100 000 jew le.

485    Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, din id-differenza fit-trattament bl-ebda mod ma tikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni. Kif il-Kunsill u l-BĊE ġustament jirrilevaw, id-depożitanti li d-depożiti tagħhom fil-banek imsemmija jaqbżu l-EUR 100 000 jinsabu f’sitwazzjoni ġuridikament differenti minn dik tad-depożitanti li d-depożiti tagħhom fil-banek imsemmija ma jaqbżux dan l-ammont. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 7(1a) tad-Direttiva 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2005/1 u d-Direttiva 2009/14, id-depożiti ta’ dawn tal-aħħar kienu, f’każ ta’ indisponibbiltà ta’ depożiti, kompletament koperti mis-sistema Ċiprijotta ta’ garanzija għal depożiti, filwaqt li d-depożiti ta’ dawk tal-ewwel kienu koperti biss sa EUR 100 000.

486    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ebda diskriminazzjoni illegali kontra r-rikorrenti li d-depożiti tagħhom fil-banek imsemmija qabżu l-EUR 100 000 ma tista’ tiġi kkonstatata f’dan il-każ.

d)      Fuq l-eżistenza ta’ ksur potenzjali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ibbażat fuq diskriminazzjoni fir-rigward tad-depożitanti u tal-azzjonisti tal-banek tal-IMME l-oħrajn li bbenefikaw minn assistenza finanzjarja qabel ir-Repubblika ta’ Ċipru

487    Ir-rikorrenti jqisu li huma ġew iddiskriminati meta mqabbla mad-depożitanti u l-azzjonisti tal-banek stabbiliti fl-IMME li bbenefikaw minn assistenza finanzjarja simili għall-FAF qabel ir-Repubblika ta’ Ċipru. L-ewwel nett, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-ammont ta’ din l-assistenza kien kull darba ogħla minn dak tal-FAF mogħtija lir-Repubblika ta’ Ċipru, iżda d-depożiti u l-azzjonijiet tal-banek ta’ dawn l-Istati Membri ma ġewx affettwati. It-tieni nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-banek Griegi bbenefikaw minn għajnuna ta’ EUR 50 biljun bħala kumpens għall-effett tal-PSI, għalkemm dan tal-aħħar affettwa b’mod iktar serju lill-banek imsemmija milli lill-banek Griegi.

488    Minn dan ir-rikorrenti jiddeduċu li huma ġew indirettament iddiskriminati minħabba n-nazzjonalità tagħhom, bi ksur tal-Artikolu 18 TFUE u tal-Artikolu 21 tal-Karta. Fir-rigward tar-Repubblika ta’ Ċipru, din ġiet iddiskriminata meta mqabbla mal-IMME l-oħrajn li bbenefikaw minn għajnuna simili għall-FAF.

489    Il-Kunsill u l-BĊE jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

490    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-miżuri li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ assistenza finanzjarja pprovduta mill-MES sabiex jissolvew id-diffikultajiet finanzjarji li jiltaqa’ magħhom Stat li qiegħed jaffaċċja ħtiġijiet ta’ rikapitalizzazzjoni tas-sistema bankarja tiegħu jistgħu jvarjaw fundamentalment minn każ għal ieħor skont ġabra ta’ fatturi minbarra l-importanza tal-għajnuna fil-kuntest tad-daqs tal-ekonomija ta’ dan l-Istat. Dawn il-fatturi jistgħu b’mod partikolari jinkludu, kif ġie indikat fil-punt 311 iktar ’il fuq, is-sitwazzjoni ekonomika tal-Istat benefiċjarju, il-possibbiltajiet li l-banek ikkonċernati jerġgħu jsiru ekonomikament vijabbli, ir-raġunijiet li wasslu għad-diffikultajiet li dawn iltaqgħu magħhom, inklużi, jekk ikun il-każ, id-daqs eċċessiv tas-settur bankarju tal-Istat benefiċjarju meta mqabbel mal-ekonomija nazzjonali tiegħu, l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali jew ta’ probabbiltà kbira ta’ interventi futuri tal-MES (jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, korpi jew istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew tal-Istati) insostenn ta’ Stati oħrajn f’diffikultà li jistgħu jeħtieġu limitu preventiv tal-ammonti ddedikati għal kull intervent.

491    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti, li kellhom, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 442 iktar ’il fuq, jidentifikaw bi preċiżjoni s-sitwazzjonijiet komparabbli li kienu suġġetti għal trattament differenzjat, bl-ebda mod ma spjegaw, lil hinn minn diversi riferimenti għall-importanza (assoluta u relattiva) tal-assistenza finanzjarja mogħtija lil erba’ Stati Membri kkonċernati li l-munita tagħhom hija l-euro, kif is-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar kienet, fiż-żmien tal-fatti, komparabbli ma’ dik tar-Repubblika ta’ Ċipru (ara l-punti 311 u 312 iktar ’il fuq).

492    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma baqgħu ma stabbilixxewx li huma kienu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tad-depożitanti u tal-azzjonisti tal-banek stabbiliti fl-IMME li bbenefikaw minn għajnuniet simili għall-FAF qabel ir-Repubblika ta’ Ċipru.

493    Għalhekk, ma huwiex possibbli jitqies li l-fatt li l-għoti tal-FAF kien suġġett għall-adozzjoni ta’ miżuri intiżi li jċekknu d-daqs tas-settur finanzjarju Ċiprijott, għalkemm l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lil Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro ma kienx suġġett għall-adozzjoni tal-istess miżuri, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tar-rikorrenti jew, li jiġi preżuppost li dawn jistgħu jinvokaw ksur tal-imsemmi prinċipju fir-rigward ta’ terzi, mir-Repubblika ta’ Ċipru.

e)      Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni potenzjali fir-rigward tal-membri tas-settur bankarju kooperattiv Ċiprijott

494    Huwa paċifiku bejn il-partijiet li, minn naħa, ir-Repubblika ta’ Ċipru rrikapitalizzat, b’EUR 1.5 biljun, l-organu ċentrali Ċiprijott Co-operative Central Bank (iktar ’il quddiem iċ-“CCB”) u l-istituzzjonijiet kooperattivi ta’ kreditu affiljati miegħu (iktar ’il quddiem, maċ-CCB, is-“settur bankarju kooperattiv”), u, min-naħa l-oħra, l-għoti tal-FAF ma kienx suġġett għall-kundizzjoni li ma jintużax għal dan il-għan. F’dan l-aħħar rigward, il-partijiet jaqblu li l-EUR 1.5 biljun allokati għar-rikapitalizzazzjoni tas-settur bankarju kooperattiv Ċiprijott oriġinaw mill-FAF.

495    B’mod invers, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-għoti tal-FAF kien suġġett għall-kundizzjoni li din tal-aħħar ma tintużax għall-finijiet ta’ rikapitalizzazzjoni tal-banek imsemmija. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jqisu li huma kienu suġġetti għal diskriminazzjoni illegali meta mqabbla mal-membri tas-settur bankarju kooperattiv.

496    Il-konvenuti ma jikkontestawx li l-membri tas-settur bankarju kooperattiv, li ma kinux suġġetti għal rikapitalizzazzjoni interna, irċevew trattament iktar favorevoli mir-rikorrenti. Madankollu, il-konvenuti jsostnu li tali differenza fit-trattament bl-ebda mod ma kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni illegali.

497    Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 441 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni kinux f’sitwazzjoni komparabbli u, jekk ikun il-każ, jekk id-differenza fit-trattament li kienu suġġetti għaliha kinitx oġġettivament iġġustifikata.

498    Bħala risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, minn naħa, ir-rikorrenti indikaw li s-settur bankarju kooperattiv u l-banek imsemmija kienu f’sitwazzjoni komparabbli. Fil-fatt, skonthom, is-settur bankarju kooperattiv u l-banek imsemmija kienu joperaw fl-istess suq u kienu f’pożizzjoni kompetittiva bejniethom. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li s-sitwazzjoni tal-membri tas-settur bankarju kooperattiv kienet kompletament komparabbli ma’ dik tad-depożitanti tal-banek imsemmija. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, ħadd minnhom ma seta’ jinżamm responsabbli għaċ-ċirkustanzi li wasslu lir-Repubblika ta’ Ċipru sabiex titlob assistenza finanzjarja.

499    Għall-kuntrarju, il-Kunsill u l-BĊE jqisu li l-membri tas-settur bankarju kooperattiv kienu f’sitwazzjoni differenti minn dik tar-rikorrenti. Essenzjalment, id-differenzi invokati mill-BĊE u l-Kunsill huma tnejn. L-ewwel nett, dawn huma relatati mal-importanza rispettiva tal-banek imsemmija u tas-settur bankarju kooperattiv mill-perspettiva tal-istabbiltà finanzjarja u, it-tieni nett, mal-gravità u man-natura tad-diffikultajiet li kienu qegħdin jaffaċċjaw dawn iż-żewġ kategoriji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

500    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-importanza rispettiva, mill-perspettiva tal-istabbiltà finanzjarja, tal-banek imsemmija u tas-settur bankarju kooperattiv, il-BĊE jenfasizza li dan tal-aħħar kellu rwol sinjifikattiv fis-suq Ċiprijott tad-depożiti u tal-kreditu u li r-rikapitalizzazzjoni interna tiegħu kellha konsegwenzi iktar negattivi minn dik tal-banek imsemmija fuq l-attività ekonomika nazzjonali u, konsegwentement, fuq is-sitwazzjoni baġitarja tar-Repubblika ta’ Ċipru.

501    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-prinċipju, il-persuna li tallega l-fatti insostenn ta’ talba għandha tipproduċi l-provi tar-realtà ta’ dawn il-fatti (digriet tal‑25 ta’ Jannar 2008, Provincia di Ascoli Piceno u Comune di Monte Urano vs Apache Footwear et, C‑464/07 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2008:49, punt 9; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 113). Madankollu, f’dan il-każ, il-BĊE ma pproduċa l-ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet relatati mar-rwol ekonomiku tas-settur bankarju kooperattiv, lanqas ma jistabbilixxi li r-rikapitalizzazzjoni interna ta’ dan tal-aħħar kellha konsegwenzi iktar dannużi minn dawk tal-banek imsemmija fuq is-sitwazzjoni baġitarja tar-Repubblika ta’ Ċipru. Meta mistoqsi dwar dan matul is-seduta, il-BĊE ma pprovdiex iktar dettalji.

502    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-BĊE fir-rigward tal-importanza rispettiva tal-banek imsemmija u tas-settur bankarju kooperattiv mill-perspettiva tal-istabbiltà finanzjarja.

503    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-diffikultajiet li kienu affaċċjaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu inkwistjoni, il-Kunsill u l-BĊE jsostnu li l-banek imsemmija kienu f’sitwazzjoni ekonomika iktar serja mis-settur bankarju kooperattiv. B’mod partikolari, kif jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-BĊE quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, is-settur bankarju kooperattiv ma kienx, għall-kuntrarju tal-banek imsemmija, insolventi fiż-żmien tal-fatti. Fil-fatt, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-banek imsemmija kienu insolventi meta ġew adottati l-miżuri dannużi. Għall-kuntrarju, mit-taqsima 3.1 tad-divulgazzjonijiet magħmula miċ-CCB f’Mejju 2013, skont it-tielet pilastru tal-Qafas ta’ Basel u mir-risposti tal-BĊE matul is-seduta, jirriżulta li, fil‑31 ta’ Diċembru 2012, il-proporzjonijiet tas-solvenza kkonsolidati ta’ dan l-organu ċentrali u tat-92 istituzzjoni ta’ kreditu kooperattivi affiljati miegħu kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji applikabbli. Il-punt 20 tar-rapport tal-FMI ta’ Mejju 2013 jikkorrobora din il-konklużjoni, sa fejn dan jirrileva li s-settur kooperattiv Ċiprijott kien ġie meqjus bħala globalment solventi.

504    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-differenza verifikabbli sinjifikattiva bejn ir-rikorrenti u l-membri tas-settur bankarju kooperattiv tinsab fin-natura solventi jew insolventi tal-banek ikkonċernati. Fil-fatt, għall-kumplament, iż-żewġ każijiet jirrigwardaw id-depożitanti jew l-investituri f’bank Ċiprijott li jeħtieġ jiġi rrikapitalizzat sabiex ikompli l-attivitajiet tiegħu u li, għal dan il-għan, jeħtieġ jew riżorsi pubbliċi, jew rikapitalizzazzjoni interna.

505    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx, bħala tali, li s-solvenza tista’ tikkostitwixxi kriterju rilevanti sabiex tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament bejn diversi banek. Madankollu, matul is-seduta, huma sostnew li d-differenzi li invokaw il-konvenuti għal dan il-għan, inkluża dik relatata mas-solvenza tal-banek inkwistjoni, jikkonċernaw ir-“razzjonalizzazzjoni ex post ta’ inġustizzja”. Fil-fatt, il-konvenuti ma invokawx dawn id-differenzi ħlief “xi snin iktar tard” sabiex jispjegaw għaliex id-depożitanti u l-azzjonisti tal-banek imsemmija kienu fil-mira.

506    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-atti tal-proċess ma jissostanzjawx l-argumenti tar-rikorrenti. Fil-fatt, mill-punt 11 tar-rapport ta’ Mejju 2013 tal-FMI jirriżulta li l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn il-banek solventi u l-banek insolventi kienet waħda mir-raġunijiet għaliex ir-rikapitalizzazzjoni interna tal-banek imsemmija kienet ipprivileġġata minn taxxa eċċezzjonali fuq id-depożiti, assigurati u mhux assigurati, fdati lill-banek Ċiprijotti kollha. Għalhekk, hemm lok li jitqies li, fiż-żmien tal-fatti, trattament differenzjat tal-banek Ċiprijotti, skont jekk dawn kinux solventi jew le, kien meqjus bħala mixtieq.

507    Konsegwentement, minħabba li s-sitwazzjoni tal-membri tas-settur bankarju kooperattiv ma hijiex komparabbli ma’ dik tar-rikorrenti, l-ebda diskriminazzjoni illegali kontra dawn tal-aħħar ma tista’ tiġi kkonstatata f’dan il-każ.

508    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma rnexxilhomx juru l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tagħhom. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-Kunsill, permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/236, eżiġa ż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa ta’ miżura vvizzjata minn ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, lanqas li l-Kummissjoni u l-BĊE, billi pprovdew is-sostenn tagħhom għall-miżuri dannużi, ikkontribwixxew għal ksur ta’ dan il-prinċipju.

509    Minn dan isegwi li l-ewwel kundizzjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ, b’tali mod li t-talbiet għad-danni mressqa mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

 IV.      Fuq l-ispejjeż

510    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

511    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-BĊE.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Dr. K. Chrysostomides & co. LLC u r-rikorrenti l-oħrajn, li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-anness huma kkundannati jsostnu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

 

      Reine

Mogħtija f’seduta pubblika fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2018.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħrajn hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.