Language of document : ECLI:EU:C:2018:696

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Settembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Attivitajiet professjonali fi knejjes jew f’organizzazzjonijiet oħrajn li l-etika tagħhom hija bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Rekwiżiti professjonali – Attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn l-etika tal-Knisja jew tal-organizzazzjoni – Kunċett – Differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Tkeċċija ta’ ħaddiem ta’ twemmin Kattoliku, li jeżerċita funzjoni maniġerjali, minħabba li reġa’ żżewweġ biċ-ċivil wara divorzju”

Fil-Kawża C‑68/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

IR

vs

JQ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano (Viċi President), R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Safjan, D. Šváby, A. Prechal, F. Biltgen (Relatur), K. Jürimäe, M. Vilaras u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Frar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal IR, minn B. Göpfert, Rechtsanwalt, kif ukoll minn M. Ruffert u G. Thüsing,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, A. Siwek u M. Szwarc, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑31 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn JQ u l-persuna li timpjegah, IR, dwar il-legalità tat-tkeċċija ta’ JQ iġġustifikata minn allegat ksur tal-obbligu ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn l-etika ta’ IR.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 4, 23, 24 u 29 tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxu:

“(4)      Id-dritt tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni minn diskriminazzjoni jikonstitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Elimazzjoni tal-Forom Kollha tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, mill-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet, iffirmata mill-Istati Membri kollha. Il-Konvenzjoni Nru 111 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol.

[…]

(23)      F’ċirkostanzi limitati ħafna, differenza ta’ trattament tista’ tkun ġustifikata fejn karatteristika marbuta ma’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, meta l-objettiv huwa leġittimu u l-ħtieġa proporzjonata. Dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu inklużi fl-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(24)      L-Unjoni Ewropea fid-Dikjarazzjoni Nru 11 tagħha dwar l-istatus tal-knejjes u l-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, annessa ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam, irrikonoxxiet espliċitament li tirrispetta u ma tippreġudikax l-istat taħt il-liġi nazzjonali tal-knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri u li ugwalment tirrispetta l-istat ta’ l-organizzazzjonijiet filosofiċi u dawk mhux konfessjonali. B’dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jistabilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar rekwiżiti tax-xogħol essenzjali, leġittimi u ġustifikati, li jistgħu jkunu meħtieġa biex tiġi eżerċitata attività professjonali.

[…]

(29)      Persuni li kienu soġġetti għal diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali għandhom ikollhom mezzi adegwati ta’ protezzjoni legali. Sabiex jingħata livell tal-protezzjoni aktar effettiv, l-assoċjazzjonijiet jew l-entijajiet legali għandhom ukoll ikunu awtorizzati biex jidħlu fi proċeduri, kif stabbilit mill-Istati Membri hekk tistabbilixxi, jew għan-nom jew in sostenn ta’ xi vittma, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta’ proċedura dwar ir-rappreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5        L-Artikolu 2(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]”

6        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.

2.      L-Istati Membri jistgħu jżommu leġislazzjoni nazzjonali fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva jew jipprovdu għal-leġislazzjoni futura li tinkorpora prattiċi nazzjonali eżistenti fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva li skond liema, fil-kaz ta’ attivitajiet tax-xogħol fi knejjes u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħrajn li l-ethos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin, differenza ta’ trattament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin ta’ persuna m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ dawn l-attivitajiet jew l-kuntest li fihom jitwettqu, ir-reliġjon jew it-twemmin ta’ persuna jikkostitwixxu rekwiżit ġenwin, leġittimu u ġġustifikat tax-xogħol meta jitqies l-ethos ta’ l-organizzazzjoni. Din id-differenza ta’ trattament għandha tiġi implimentata fir-rispett tad-dispożizzjonijiet u l-prinċipji kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, u m’għandhiex tiġġustifka diskriminazzjoni fuq xi bażi oħra.

Sakemm id-dispożizzjonijiet tagħha huma f’kull każ irrispettati, din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika d-dritt tal-knejjes u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, li l-ethos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin, li konformement mal-kostituzzjoni u l-liġijiet nazzjonali, jesiġu mingħand persuni li jaħdmu għalihom illi jaġixxu in buonafede u b’lealtà lejn l-etika ta’ l-organizzazzjoni.”

7        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.”

8        L-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw lilhom infushom milquta ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat lilhom, jippruvaw quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom wieħed jista’ jippresumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, il-prova li ma kienx hemm ksur prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tgħaddi fuq il-konvenut.”

 Id-dritt Ġermaniż

 Il-GG

9        L-Artikolu 4(1) u (2) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) tat‑23 ta’ Mejju 1949 (BGB1. 1949 I, p. 1, iktar ’il quddiem il-“GG”) jiddisponi:

“(1)      Il-libertà tal-fidi u tal-kuxjenza u l-libertà tat-twemmin reliġjuż u filosofiku huma invjolabbli.

(2)      Għandu jiġi ggarantit l-eżerċizzju liberu tar-reliġjon.”

10      Konformement mal-Artikolu 140 tal-GG, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 136 sa 139 u 141 tal-Weimarer Reichsverfasssung (il-Kostituzzjoni ta’ Weimar), tal‑11 ta’ Awwissu 1919 (iktar ’il quddiem il-“WRV”), jagħmlu parti integrali mill-GG.

11      L-Artikolu 137 tal-WRV jipprevedi:

“1.      Ma teżistix knisja tal-Istat.

2.      Hija ggarantita l-libertà li jiġu fformati soċjetajiet reliġjużi. Huma jistgħu jingħaqdu mingħajr ebda restrizzjoni fit-territorju tar-Reich.

3.      Kull soċjetà reliġjuża għandha tirregola u tamministra l-affarijiet tagħha b’mod indipendenti fi ħdan il-konfini tal-liġi li tapplika għal kulħadd. Hija tikkonferixxi l-karigi tagħha mingħajr l-involviment tal-Istat jew tal-komunità ċivili.

[…]

7.      Assoċjazzjonijiet li għandhom l-iskop li jrawmu twemmin filosofiku fil-komunità għandu jkollhom l-istess status bħal soċjetajiet reliġjużi.”

12      Skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja), id-detenturi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni ekkleżjastika ggarantit fl-Artikolu 140 tal-GG, moqri flimkien mal-Artikolu 137(3) tal-WRV, huma mhux biss il-knejjes infushom bħala komunitajiet reliġjużi, iżda wkoll l-istituzzjonijiet kollha affiljati magħhom b’mod speċifiku, jekk u sa fejn dawn tal-aħħar jintalbu, skont l-identità proprja tal-knisja u konformement mal-għan tagħhom jew mal-missjoni tagħhom, jinkarigaw ruħhom bit-twettiq tal-kompiti u tal-missjonijiet tal-knisja.

 Il-Liġi dwar il-Protezzjoni Kontra t-Tkeċċija

13      Il-Kündigungsschutzgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni Kontra t-Tkeċċija) tal‑25 ta’ Awwissu 1969 (BGB1. 1969 I, p. 1317), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha:

“Tkeċċija soċjalment inġustifikata

(1)      It-tkeċċija ta’ ħaddiem impjegat li l-kuntratt tiegħu dam iktar minn sitt xhur mingħajr interruzzjoni fl-istess impriża hija legalment ineffettiva meta tkun soċjalment inġustifikata.

(2)      Tkeċċija hija soċjalment inġustifikata meta ma hijiex dovuta għal raġunijiet marbuta mal-persuna jew mal-imġiba tal-ħaddiem impjegat jew minħabba restrizzjonijiet urġenti fuq l-impriża, u li jipprekludu ż-żamma tal-impjegat f’din l-impriża. […]”

 L-AGG

14      L-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament) tal‑14 ta’ Awwissu 2006 (BGB1. 2006 I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”) hija intiża li tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Ġermaniż.

15      L-Artikolu 1 tal-AGG, li jiddetermina l-għan tal-liġi, jistabbilixxi:

“Din il-liġi għandha bħala għan li tipprevjeni jew li tillimita kull diskriminazzjoni abbażi tar-razza, tal-oriġini etnika, tas-sess, tar-reliġjon jew tat-twemmin, ta’ diżabbiltà, tal-età jew tal-identità sesswali.”

16      L-Artikolu 7(1) tal-AGG jiddisponi:

“Il-ħaddiema ma għandhom ikunu suġġetti għal ebda diskriminazzjoni abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1; din il-projbizzjoni tapplika wkoll meta l-persuna li tkun wettqet id-diskriminazzjoni sempliċement tassumi li teżisti waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1, fil-kuntest tal-fatt diskriminatorju.”

17      Skont l-Artikolu 9 tal-AGG:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 [ta’ din il-liġi], differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin hija ammissibbli wkoll fil-każ ta’ impjieg minn komunitajiet reliġjużi, minn istituzzjonijiet affiljati magħhom, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħhom, jew minn assoċjazzjonijiet li għandhom l-iskop li jrawmu reliġjon jew twemmin fil-komunità, meta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuxjenza stess tal-komunità reliġjuża jew tal-assoċjazzjoni, reliġjon jew twemmin partikolari jikkostitwixxu rekwiżit professjonali ġġustifikat, fid-dawl tad-dritt tagħhom għal awtonomija [tal-komunità reliġjuża jew tal-assoċjazzjoni] jew minħabba n-natura tal-attivitajiet tagħhom.

2.      Il-projbizzjoni ta’ differenzi fit-trattament abbażi ta’ reliġjon jew ta’ twemmin ma tippreġudikax id-dritt tal-komunitajiet reliġjużi msemmija fil-paragrafu 1, ta’ istituzzjonijiet affiljati ma’ dawn tal-aħħar, irrispettivament mill-forma legali tagħhom, jew ta’ assoċjazzjonijiet li għandhom l-għan li jrawmu reliġjon jew twemmin fil-komunità, li jirrikjedu mill-impjegati tagħhom li jaġixxu b’bona fide u b’lealtà skont il-kuxjenza tagħhom stess.”

 Id-dritt kanoniku

18      Skont il-Kanoni 1085 tal-Codex Iuris Canonici (il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku):

“(1)      [Tikkuntratta żwieġ invalidu] il-persuna li hija marbuta bir-rabta ta’ żwieġ preċedenti, anki mhux ikkonsmat.

(2)      Anki jekk l-ewwel żwieġ huwa invalidu jew ġie xolt minħabba kwalunkwe raġuni, ma huwiex permess li jiġi kkuntrattat żwieġ ieħor qabel ma n-nullità jew ix-xoljiment tal-ewwel żwieġ tiġi stabbilita legalment u b’ċertezza.”

19      Il-Grundordnung des kirchlichen Dienstes im Rahmen kirchlicher Arbeitsverhältnisse (ir-Regolament Bażiku Applikabbli għas-Servizz Ekkleżjastiku fil-Kuntest tar-Relazzjonijiet ta’ Impjieg fi ħdan il-Knisja) tat‑22 ta’ Settembru 1993 (Amtsblatt des Erzbistums Köln, p. 222, iktar ’il quddiem il-“GrO 1993”) jipprevedi kif ġej, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“Prinċipji bażiċi tas-servizz ekkleżjastiku

Il-persuni kollha attivi f’istituzzjoni tal-Knisja Kattolika għandhom jipparteċipaw flimkien permezz tax-xogħol tagħhom, indipendentement mill-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tad-dritt tax-xogħol, sabiex l-istituzzjoni tkun tista’ twettaq il-parti tagħha fil-missjoni tal-Knisja (servizz fil-komunità). […]”

20      L-Artikolu 4 tal-GrO 1993, intitolat “Obbligi ta’ lealtà”, jaqra kif ġej:

“(1)      L-impjegati Kattoliċi kollha huma marbuta jirrikonoxxu u josservaw il-prinċipji tad-duttrina Kattolika dwar il-fidi u l-moralità. Il-ħajja personali tal-impjegati għandha tkun xhieda tal-prinċipji tad-duttrina Kattolika dwar il-fidi u l-moralità; u dan jgħodd b’mod partikolari għall-impjegati fis-servizz pastorali, kateketiku u edukattiv, kif ukoll għal dawk li huma attivi abbażi ta’ missjoni kanonika. Dan jgħodd ukoll għall-impjegati li jeżerċitaw funzjonijiet maniġerjali.

(2)      L-impjegati Insara mhux Kattoliċi huma marbuta josservaw il-veritajiet u l-valuri tal-Vanġelu u jikkontribwixxu sabiex jimplimentawhom fl-istituzzjoni.

[…]

(4)      L-impjegati kollha huma marbuta jastjenu milli juru attitudni ostili fir-rigward tal-Knisja. Huma ma għandhomx, permezz tal-istil ta’ ħajja personali jew tal-imġiba tagħhom, jikkompromettu l-kredibbiltà tal-Knisja u tal-istituzzjoni li jaħdmu għaliha.”

21      L-Artikolu 5 tal-GrO 1993, intitolat “Ksur tal-obbligi ta’ lealtà”, jipprevedi:

“(1)      Meta impjegat ma jissodisfax iktar l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-persuna li timpjega għandha tipprova, permezz ta’ pariri, tikkonvinċi lill-impjegat itemm dan in-nuqqas b’mod sostenibbli. […] It-tkeċċija għandha tkun l-aħħar miżura li għandha tiġi kkunsidrata.

(2)      B’mod partikolari, il-ksur li ġej tal-obbligi ta’ lealtà huma kkunsidrati mill-Knisja bħala gravi għall-finijiet ta’ raġunijiet ta’ tkeċċija speċifiċi għall-Knisja:

[…]

–        il-konklużjoni ta’ żwieġ invalidu fir-rigward tal-fehim tal-fidi u tal-ordinament ġuridiku tal-Knisja,

[…]

(3)      Fil-każ [ta’ impjegati] li jeżerċitaw funzjonijiet maniġerjali […], imġiba li, konformement mal-paragrafu 2, ġeneralment titqies bħala raġuni għat-tkeċċija, teskludi l-possibbiltà għal dawn l-impjegati li jżommu l-impjieg tagħhom. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, it-tkeċċija tista’ tiġi evitata jekk raġunijiet gravi marbuta mal-każ partikolari jindikaw li t-tkeċċija tkun eċċessiva.”

22      Il-Grundordnung für katholische Krankenhäuser in Nordrhein-Westfalen (ir-Regolament għall-Isptarijiet Kattoliċi fin-Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) tal‑5 ta’ Novembru 1996 (Amtsblatt des Erzbistums Köln, p. 321) jipprevedi:

“A.      Rabta mal-Knisja

[…]

(6)      Il-[GrO 1993] adottat fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni tal-Isqfijiet Ġermaniżi dwar is-servizz ekkleżjastiku, inklużi l-emendi u ż-żidiet, jorbot l-organu responsabbli. Id-diretturi tal-isptar u l-kapijiet tad-dipartimenti jitqiesu bħala impjegati li jeżerċitaw funzjonijiet maniġerjali fis-sens tal-imsemmi regolament.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23      IR hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ġermaniż. L-għan soċjali tagħha jikkonsisti fit-twettiq, b’mod partikolari permezz tal-ġestjoni tal-isptarijiet, tal-missjoni tal-Caritas (il-konfederazzjoni internazzjonali tal-organizzazzjonijiet Kattoliċi bi skop ta’ karità) bħala espressjoni tal-eżistenza u tan-natura tal-Knisja Kattolika Rumana. IR hija prinċipalment organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru u hija suġġetta għas-superviżjoni tal-Arċisqof Kattoliku ta’ Köln (il-Ġermanja).

24      JQ għandu twemmin Kattoliku. Huwa mħarreġ bħala tabib u ilu jaħdem ma’ IR mis-sena 2000 bħala Kap tad-Dipartiment tal-Mediċina Interna ta’ sptar, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż abbażi tal-GrO 1993.

25      JQ kien miżżewweġ skont ir-rit Kattoliku. L-ewwel mara tiegħu sseparat minn miegħu fl‑2005 u d-divorzju tagħhom ingħata f’Marzu 2008. Fix-xahar ta’ Awwissu 2008, JQ iżżewweġ biċ-ċivil lis-sieħba l-ġdida tiegħu, mingħajr ma kien ġie annullat l-ewwel żwieġ tiegħu.

26      Wara li saret taf b’dan iż-żwieġ il-ġdid, IR, permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Marzu 2009, keċċiet lil JQ, b’effett mit‑30 ta’ Settembru 2009.

27      JQ ippreżenta rikors kontra din it-tkeċċija quddiem l-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali, il-Ġermanja) billi sostna li ż-żwieġ mill-ġdid tiegħu ma kienx jikkostitwixxi raġuni valida ta’ tkeċċija. Skont JQ, it-tkeċċija tiegħu tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li, konformement mal-GrO 1993, iż-żwieġ mill-ġdid ta’ kap tad-dipartiment ta’ twemmin Protestant jew ateu ma kien ikollu l-ebda konsegwenza fuq ir-relazzjoni ta’ impjieg ta’ dan tal-aħħar ma’ IR.

28      IR sostniet li t-tkeċċija ta’ JQ kienet soċjalment iġġustifikata. Peress li dan tal-aħħar kien jeżerċita funzjonijiet maniġerjali fis-sens tal-Artikolu 5(3) tal-GrO 1993, huwa kien, billi kkonkluda żwieġ invalidu skont id-dritt Kanoniku, naqas b’mod serju milli jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol konkluż ma’ IR.

29      L-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali) laqgħet it-talba ta’ JQ. Wara li l-appell ippreżentat minn IR kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mil-Landesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijal Superjuri, il-Ġermanja), IR ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), li ċaħditu, b’sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, billi ddeċidiet, essenzjalment, li t-tkeċċija ta’ JQ ma kinitx iġġustifikata peress li, fil-każ ta’ żwieġ mill-ġdid, IR ma kinitx tkeċċi lil impjegati li jokkupaw l-istess tip ta’ pożizzjoni bħal JQ u li ma għandhomx twemmin Kattoliku.

30      IR ressqet il-kawża quddiem il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja). Din il-qorti, permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Ottubru 2014, annullat is-sentenza tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) u bagħtet lura l-kawża quddiem din tal-aħħar.

31      Il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) tqis li r-riżultat tal-kawża prinċipali jiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk it-tkeċċija ta’ JQ minn IR hijiex leġittima skont l-Artikolu 9(2) tal-AGG. Madankollu, din il-qorti tirrileva li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata konformement mad-dritt tal-Unjoni u li, għaldaqstant, ir-riżultat ta’ din il-kawża jiddependi fuq l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, li ġie traspost fid-dritt nazzjonali bl-Artikolu 9(2) tal-AGG.

32      B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk, bħala kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt privat, miżmuma mill-Knisja Kattolika, IR taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 u hijiex, għalhekk, intitolata li teħtieġ li l-impjegati tagħha jkollhom attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn l-etika ta’ din il-knisja. Skont din il-qorti, ma huwiex eskluż li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li tali kumpannija, inkorporata skont id-dritt privat u attiva fil-qasam tas-saħħa u li ssegwi l-prattiki tas-suq, tista’ tinvoka drittijiet speċifiċi tal-knisja.

33      F’dan ir-rigward, hija tistaqsi dwar jekk il-knejjes jew organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħra li l-etika tagħhom hija bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin jistgħux jiddeterminaw huma stess, b’mod definittiv, dak li jikkostitwixxi attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà “lejn l-etika ta’ l-organizzazzjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, u jekk jistgħux, f’dan ir-rigward, jipprevedu wkoll b’mod awtonomu – hekk kif inhu wkoll awtorizzat mid-dritt kostituzzjonali Ġermaniż – skala ta’ obbligi ta’ lealtà għall-istess funzjonijiet maniġerjali li tieħu inkunsiderazzjoni biss it-twemmin tal-impjegati.

34      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun interpretat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, hija jkollha, fid-dawl tar-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u bl-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, tiddeċiedi jekk u sa fejn l-Artikolu 9(2) tal-AGG jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, kif ukoll, fil-każ fejn din id-dispożizzjoni nazzjonali ma twassalx għal interpretazzjoni konformi, jekk l-imsemmija dispożizzjoni għandhiex tibqa’ kompletament jew parzjalment inapplikabbli.

35      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tagħtix dritt suġġettiv lil individwu, li dan tal-aħħar jista’ jinvoka quddiem il-qrati nazzjonali u li, f’tilwim bejn persuni privati, jobbliga lil dawk il-qrati ma japplikawx dispożizzjonijiet nazzjonali mhux konformi ma’ din il-projbizzjoni. Filwaqt li tirrikonoxxi li l-Karta ma daħlitx fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Diċembru 2009 u li t-tkeċċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħet fix-xahar ta’ Marzu 2009, l-imsemmija qorti tippreċiża li ma jistax jiġi eskluż li, anki qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta, il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin kienet diġà teżisti bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, konformement mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, din tipprevali fuq id-dritt nazzjonali, inkluż id-dritt kostituzzjonali.

36      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżit ta’ attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà huwiex konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-[Direttiva 2000/78] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Knisja tista’, fir-rigward ta’ organizzazzjoni bħall-konvenut f’din it-tilwima, tiddeċiedi b’mod vinkolanti li għandha ssir distinzjoni, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ attitudni ta’ lealtà u ta’ bona fide li għandu jiġi ssodisfatt minn impjegat li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali, bejn l-impjegati li jappartejnu ma’ din il-knisja u l-impjegati li jappartjenu ma’ knisja oħra jew li ma jappartjenu ma’ ebda knisja?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

A)      Għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal fil-każ inkwistjoni l-Artikolu 9(2) tal-[AGG], li tiġġustifika, skont l-immaġni li l-Knisja għandha tagħha nnifisha, tali differenza fit-trattament ibbażata fuq l-affiljazzjoni reliġjuża tal-impjegat?

B)      Liema huma l-kundizzjonijiet li japplikaw, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78/KE, għar-rekwiżit li għandu jiġi ssodisfatt mill-impjegati ta’ knisja jew ta’ organizzazzjoni oħra msemmija f’din id-dispożizzjoni, ta’ attitudni ta’ lealtà u ta’ bona fide fid-dawl tal-etika tal-organizzazzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda u t-tieni parti tat-tieni domanda

38      Permezz tal-ewwel domanda u tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li knisja jew organizzazzjoni oħra li l-etika tagħha hija bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, u li tamministra sptar fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt privat, tista tiddeċiedi, b’mod definittiv, li tissuġġetta lill-impjegati tagħha li jeżerċitaw pożizzjonijiet maniġerjali għal rekwiżiti ta’ attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà li jvarjaw skont it-twemmin jew in-nuqqas ta’ twemmin ta’ dawk l-impjegati u, jekk dan ma huwiex il-każ, liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom għandu jiġi vverifikat, f’kull każ partikolari, jekk dawn ir-rekwiżiti humiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

39      Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, huwa importanti, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, li jiġi ddeterminat jekk il-fatt li, fil-kawża prinċipali, l-entità li teħtieġ li l-impjegati tagħha jkollhom attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà hija kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt privat, jistax jimpedixxi lil din milli tinvoka din id-dispożizzjoni.

40      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tan-natura ġenerali tat-termini użati fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae, jiġifieri “knejjes u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati”, kunsiderazzjonijiet dwar in-natura u l-forma ġuridika tal-entità kkonċernata ma jistgħux ikollhom effett fuq l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, ir-referenza għal organizzazzjonijiet privati tkopri l-istabbilimenti li, bħal IR, huma kkostitwiti skont id-dritt privat.

41      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 japplikaw biss għal knejjes u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħra “li l-ethos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin”.

42      Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 jagħmel referenza għall-“persuni li jaħdmu” għal tali knejjes jew organizzazzjonijiet, li jfisser li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jkopri, bħall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, l-attivitajiet professjonali tagħhom.

43      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kwistjoni tal-istħarriġ, mill-qrati nazzjonali, tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest ta’ kawża li kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, li din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta knisja jew organizzazzjoni oħra li l-etika tagħha hija bbażata fuq reliġjon jew twemmin issostni, insostenn ta’ deċiżjoni jew ta’ att bħaċ-ċaħda ta’ kandidatura għal impjieg magħha, li, minħabba n-natura tal-attivitajiet ikkonċernati jew il-kuntest li fih jitwettqu dawn l-attivitajiet, ir-reliġjon tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etika ta’ din il-knisja jew ta’ din l-organizzazzjoni, tali allegazzjoni għandha, skont il-każ, tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv li jirrikjedi li jiġi żgurat, fil-każ inkwistjoni, li l-kriterji stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 59).

44      Barra minn hekk, il-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 jirreferi għal-liġijiet nazzjonali fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija direttiva kif ukoll għall-prattiki nazzjonali eżistenti f’dik l-istess data ma jistax jiġi interpretat bħala li jawtorizza lill-Istati Membri jeżentaw minn stħarriġ ġudizzjarju effettiv l-osservanza tal-kriterji stabbiliti minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 54).

45      Il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja insostenn ta’ dan ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv u bbażati fuq l-għan tad-Direttiva 2000/78, fuq il-kuntest tal-Artikolu 4(2) tagħha, fuq il-garanziji meħtieġa minn Stati Membri, taħt l-Artikoli 9 u 10 tagħha, sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva u l-protezzjoni ta’ persuni li jqisu li jkunu sfaw vittmi ta’ diskriminazzjoni, kif ukoll fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 47 sa 49), japplikaw, bl-istess mod, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn organizzazzjoni privata ssostni, insostenn ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, in-nuqqas ta’ osservanza minn dan tal-aħħar ta’ attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn l-etika ta’ din l-organizzazzjoni, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva.

46      Fil-fatt, meta mqabbel mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, dan it-tieni subparagrafu jippreċiża li, fost ir-rekwiżiti professjonali li knisja jew organizzazzjoni pubblika jew privata oħra li l-etika tagħhom hija bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin jistgħu jirrikjedu mill-persuni li jaħdmu għalihom, hemm rekwiżit li dawn il-persuni jkollhom attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn l-etika ta’ din il-knisja jew organizzazzjoni. Madankollu, kif jirriżulta inter alia mill-frażi “[s]akemm id-dispożizzjonijiet tagħha huma f’kull każ irrispettati”, din il-fakultà għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2000/78, b’mod partikolari tal-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, li għandhom ikunu jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, kif tfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

47      Kuntrarjament għal dak li sostnew, inter alia, IR u l-Gvern Ġermaniż, l-eżami tal-legalità ta’ rekwiżit ta’ attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà meħtieġa minn knisja jew organizzazzjoni oħra li l-etika tagħhom hija bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin ma jistax jitwettaq biss fid-dawl tad-dritt nazzjonali, iżda għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll il-kriterji li huma stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, li l-kwistjoni tal-osservanza tagħhom ma tistax tiġi eskluża mill-istħarriġ ġudizzjarju effettiv.

48      L-Artikolu 17 TFUE ma huwiex ta’ natura li jinvalida din il-konklużjoni. Fil-fatt, minn naħa, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik tad-Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-istatus tal-knejjes u ta’ organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam. Il-fatt li din id-dikjarazzjoni hija ċċitata espliċitament fil-premessa 24 tad-Direttiva 2000/78 juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni neċessarjament ħa inkunsiderazzjoni l-imsemmija dikjarazzjoni waqt l-adozzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari tal-Artikolu 4(2) tagħha, peress li din id-dispożizzjoni tirreferi preċiżament għal-liġijiet u għall-prattiki nazzjonali fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 17 TFUE jesprimi n-newtralità tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni mill-Istati Membri tar-relazzjonijiet tagħhom mal-knejjes u mal-assoċjazzjonijiet jew mal-komunitajiet reliġjużi, dan l-artikolu ma huwiex ta’ natura li jeżenta l-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 minn stħarriġ ġudizzjarju effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 56 sa 58).

49      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi enfasizzat, fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li differenza fit-trattament fir-rigward tar-rekwiżit ta’ attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn l-etika tal-persuna li timpjega, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma huwiex ikkontestat li dan ir-rekwiżit huwa esklużivament ibbażat fuq it-twemmin tal-impjegati, għandha tosserva, inter alia, il-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva.

50      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta espressament li huwa minħabba n-“natura” tal-attivitajiet ikkonċernati jew il-“kuntest” li fih dawn jitwettqu li r-reliġjon jew it-twemmin jistgħu, skont il-każ, jikkostitwixxu rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etika tal-knisja jew tal-organizzazzjoni inkwistjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, il-legalità, mill-perspettiva ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin hija suġġetta għall-eżistenza oġġettivament verifikabbli ta’ rabta diretta bejn ir-rekwiżit professjonali impost mill-persuna li timpjega u l-attività kkonċernata. Tali rabta tista’ tirriżulta jew min-natura ta’ din l-attività, pereżempju meta din tinvolvi l-parteċipazzjoni fid-determinazzjoni tal-etika tal-knisja jew tal-organizzazzjoni inkwistjoni jew f’kollaborazzjoni mal-missjoni tagħha ta’ proklamazzjoni, jew mill-kundizzjonijiet li fihom l-imsemmija attività għandha titwettaq, bħan-neċessità li tiġi żgurata rappreżentazzjoni kredibbli tal-knisja jew tal-organizzazzjoni esterna tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 62 u 63).

51      Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tliet kriterji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox, ippreċiżat li l-użu tal-aġġettiv “ġenwin” ifisser li l-appartenenza mar-reliġjon jew mat-twemmin li fuqhom hija bbażata l-etika tal-knisja jew tal-organizzazzjoni kkonċernata għandha tkun neċessarja minħabba l-importanza tal-attività professjonali inkwistjoni għall-affermazzjoni ta’ din etika jew għall-eżerċizzju minn din il-knisja jew minn din l-organizzazzjoni tad-dritt tagħha għall-awtonomija, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 17 TFUE u fl-Artikolu 10 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 50 u 65).

52      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-użu, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tat-terminu “leġittimu” juri li huwa ried jiżgura li r-rekwiżit ta’ appartenenza mar-reliġjon jew mat-twemmin li fuqhom hija bbażata l-etika tal-knisja jew tal-organizzazzjoni inkwistjoni ma jintużax għal finijiet oħra mhux relatati ma’ din l-etika jew mal-eżerċizzju minn din il-knisja jew minn din l-organizzazzjoni tad-dritt tagħha għall-awtonomija (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 66).

53      Finalment, it-terminu “ġġustifikata” jimplika mhux biss li l-istħarriġ tal-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 jista’ jitwettaq minn qorti nazzjonali, iżda wkoll li l-knisja jew l-organizzazzjoni li imponiet rekwiżit professjonali jkollha l-obbligu li turi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ kull każ partikolari, li l-allegat riskju ta’ ksur tal-etika tagħha jew tad-dritt tagħha għall-awtonomija huwa probabbli u serju, b’tali mod li l-impożizzjoni ta’ tali rekwiżit hija effettivament meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 67).

54      F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li l-qrati nazzjonali għandhom jivverifikaw jekk dan ir-rekwiżit huwiex xieraq u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 68).

55      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 49 sa 54 ta’ din is-sentenza jirriżulta li knisja jew organizzazzjoni pubblika jew privata oħra li l-etika tagħha hija bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin tista’ tittratta b’mod differenti, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn din l-etika, lill-impjegati tagħha li jokkupaw pożizzjonijiet maniġerjali, skont l-appartenenza tagħhom mar-reliġjon jew mat-twemmin ta’ din il-knisja jew ta’ din l-organizzazzjoni oħra, biss jekk, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet professjonali kkonċernati jew tal-kuntest li fih dawn jitwettqu, ir-reliġjon jew it-twemmin jikkostitwixxu rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-imsemmija etika.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm finalment hija l-qorti nazzjonali, li hija biss għandha kompetenza sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk l-impożizzjoni ta’ attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà biss għal dawk l-impjegati li jokkupaw pożizzjonijiet maniġerjali li għandhom reliġjon jew twemmin li fuqhom hija bbażata l-etika tal-knisja jew tal-organizzazzjoni kkonċernata hijiex impożizzjoni ta’ rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, il-Qorti tal-Ġustizzja hija madankollu kompetenti sabiex tagħti indikazzjonijiet, misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali sottomessi lilha, ta’ natura li jippermettu lil din l-istess qorti tiddeċiedi dwar it-tilwima konkreta li jkollha quddiemha.

57      F’dan il-każ, ir-rekwiżit inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jirrigwarda l-osservanza ta’ element partikolari tal-etika tal-Knisja Kattolika, jiġifieri n-natura sagra u inseparabbli ta’ żwieġ reliġjuż.

58      L-adeżjoni ma’ dan il-kunċett ta’ żwieġ ma jidhirx li huwa neċessarju għall-affermazzjoni tal-etika ta’ IR b’kunsiderazzjoni tal-attivitajiet professjonali eżerċitati minn JQ, jiġifieri l-provvista, fl-ambjent ta’ sptar, ta’ kura u ta’ pariri mediċi kif ukoll il-ġestjoni ta’ dipartiment ta’ mediċina interna li huwa kien il-kap tiegħu. Għalhekk ma jidhirx li din hija kundizzjoni ġenwina tal-attività professjonali, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, li hija kwistjoni li għandha, madankollu, tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

59      Il-konstatazzjoni li l-adeżjoni għal dan il-komponent tal-etika tal-organizzazzjoni kkonċernata ma jistax jikkostitwixxi, f’dan il-każ, rekwiżit professjonali ġenwin, hija kkorroborata mill-fatt, ikkonfermat minn IR waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u msemmi mill-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, li pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà medika b’funzjonijiet maniġerjali, simili għal dik il-pożizzjoni li kienet okkupata minn JQ, ġew fdati lil impjegati ta’ IR li ma kinux Kattoliċi u, għaldaqstant, li ma kinux marbuta mal-istess rekwiżit ta’ attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn l-etika ta’ IR.

60      Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx li huwa ġġustifikat fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk IR stabbilixxietx li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kien jeżisti riskju probabbli u serju ta’ ksur tal-etika tagħha jew tad-dritt tagħha għall-awtonomija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 67).

61      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda u għat-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        minn naħa, li knisja jew organizzazzjoni oħra li l-etika tagħha hija bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, u li tamministra sptar fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt privat, ma tistax tiddeċiedi li tissuġġetta lill-impjegati tagħha li jeżerċitaw pożizzjonijiet maniġerjali għal rekwiżiti ta’ attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn din l-etika b’distinzjoni li tvarja skont it-twemmin jew in-nuqqas ta’ twemmin ta’ dawk l-impjegati, mingħajr ma din id-deċiżjoni tkun tista’, jekk ikun il-każ, tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv sabiex jiġi żgurat li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva huma ssodisfatti, u

–        min-naħa l-oħra, li differenza fit-trattament, f’termini ta’ rekwiżiti ta’ attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn l-imsemmija etika, bejn impjegati li jokkupaw pożizzjonijiet maniġerjali, skont it-twemmin jew in-nuqqas ta’ twemmin tagħhom, hija konformi ma’ din id-direttiva biss jekk, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet professjonali kkonċernati jew tal-kuntest li fih dawn jitwettqu, ir-reliġjon jew it-twemmin jikkostitwixxu rekwiżit professjonali li huwa ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etika tal-knisja jew tal-organizzazzjoni inkwistjoni u konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni domanda

62      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali għandhiex l-obbligu, fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi, li ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali li ma tistax tiġi interpretata b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78.

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma l-qrati nazzjonali li għandhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u fl-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, jiddeċiedu jekk u sa fejn dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 9(2) tal-AGG, tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 mingħajr interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tqis li huwa impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Għalhekk, f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva 2000/78.

67      Fil-każ li jkun impossibbli għaliha li twettaq tali interpretazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali konformi mad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-Direttiva 2000/78 ma tistabbilixxix hija stess l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, li joriġina minn diversi strumenti internazzjonali u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, iżda għandha biss l-għan li tistabbilixxi, f’dawn l-istess oqsma, qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq diversi raġunijiet, fosthom ir-reliġjon jew it-twemmin, hekk kif jirriżulta mit-titolu u mill-Artikolu 1 tagħha (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Min-naħa l-oħra, qorti nazzjonali li tinsab fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt preċedenti għandha l-obbligu li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u li tiggarantixxi l-effett sħiħ tiegħu billi ma tapplikax, jekk ikun meħtieġ, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jmorru kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin (ara, fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 35).

69      Fil-fatt, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li ta lill-Karta l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, dan il-prinċipju kien jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin hija għalhekk ta’ natura mandatorja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta, u hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tikkonferixxi lill-individwi dritt invokabbli li huma jistgħu effettivament jinvokaw f’tilwima bejniethom f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 76).

70      Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju, ladarba hija tqis li huwa impossibbli għaliha li tiżgura interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, li ma tapplikax din id-dispożizzjoni.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li qorti nazzjonali, adita b’kawża bejn żewġ partijiet privati, hija obbligata, meta ma tkunx tista’ tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, tiżgura l-protezzjoni ġuridika tal-individwi li tirriżulta mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta, u tiggarantixxi l-effett sħiħ tad-drittijiet li jirriżultaw minnhom, billi, skont il-bżonn, ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

 Fuq l-ispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        minn naħa, li knisja jew organizzazzjoni oħra li l-etika tagħha hija bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, u li tamministra sptar fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt privat, ma tistax tiddeċiedi li tissuġġetta lill-impjegati tagħha li jeżerċitaw pożizzjonijiet maniġerjali għal rekwiżiti ta’ attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn din l-etika b’distinzjoni li tvarja skont it-twemmin jew in-nuqqas ta’ twemmin ta’ dawk l-impjegati, mingħajr ma din id-deċiżjoni tkun tista’, jekk ikun il-każ, tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv sabiex jiġi żgurat li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva huma ssodisfatti, u

–        min-naħa l-oħra, li differenza fit-trattament, f’termini ta’ rekwiżiti bħal attitudni ta’ bona fide u ta’ lealtà lejn l-imsemmija etika, bejn impjegati li jokkupaw pożizzjonijiet maniġerjali, skont it-twemmin jew in-nuqqas ta’ twemmin tagħhom, hija konformi ma’ din id-direttiva biss jekk, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet professjonali kkonċernati jew tal-kuntest li fih dawn jitwettqu, ir-reliġjon jew it-twemmin jikkostitwixxu rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etika tal-knisja jew tal-organizzazzjoni inkwistjoni u konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

2)      Qorti nazzjonali, adita b’kawża bejn żewġ partijiet privati, hija obbligata, meta ma tkunx tista’ tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, tiżgura l-protezzjoni ġuridika tal-individwi li tirriżulta mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin, li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta, u tiggarantixxi l-effett sħiħ tad-drittijiet li jirriżultaw minnhom, billi, skont il-bżonn, ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.