Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2018 – The Goldman Sachs Group vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-419/14) 1

(“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Ksur uniku u kontinwat – Imputabbiltà tal-ksur – Preżunzjoni – Żball ta’ evalwazzjoni – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Ċertezza legali – Prinċipju ta’ responsabbiltà personali – Ġurisdizzjoni sħiħa”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: The Goldman Sachs Group, Inc. (New York, New York, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: W. Deselaers, J. Koponen u A. Mangiaracina, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Giolito, L. Malferrari, H. van Vliet u J. Norris-Usher, aġenti)

Intervenjenti insostenn tal-konvenuta: Prysmian SpA (Milano, l-Italja) u Prysmian Cavi e Sistemi Srl (Milano) (rappreżentanti: C. Tesauro, F. Russo u L. Armati, avukati)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139 finali tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim [ŻEE] (Każ AT.39610 – Kejbils tal-Elettriku), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud.

The Goldman Sachs Group, Inc. għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Prysmian SpA u Prysmian Cavi e Sistemi Srl għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

____________

1     ĠU C 282, 25.8.2014.