Language of document :

Appell ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2018 minn Shanxi Taigang Stainless Steel Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-23 ta’ April 2018 fil-Kawża T-675/15, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-436/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Shanxi Taigang Stainless Steel Co. Ltd (rappreżentanti: E. Vermulst, J. Cornelis, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Eurofer, Association Européenne de l'Acier, ASBL

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-23 ta’ April 2018, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il-Kummissjoni (T-675/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:209) ;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1429 1 tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2015 i jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan, sa fejn dan ir-regolament jikkonċerna lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż esposti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-appell odjern kif ukoll għall-dawk marbuta mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-675/15.

Sussidjarjament:

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġeneral u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li s-sentenza appellata interpretat b’mod illegali t-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 2 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea billi qrat f’din id-dispożizzjoni kundizzjoni għall-għażla tal-pajjiż analogu li ma tirriżultax mill-kliem tagħha.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni billi ddeċidiet li bħala prinċipju ma humiex possibbli aġġustamenti għall-valur normali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, is-sentenza appellata kisret din id-dispożizzjoni.

____________

1     ĠU 2015 L 224, p. 10.

2     ĠU 2009 L 343, p. 51.