Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2018 – Altice Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-425/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Altice Europe NV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: R. Allendesalazar Corcho u H. Brokelmann, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 2418 finali tal-24 ta’ April 2018 li timponi multa għall-implimentazzjoni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 1 (Każ M.7993 – Altice vs PT Portugal, proċedimenti skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament);

sussidjarjament, teżerċita l-kompetenza illimitata tagħha sabiex tnaqqas sostanzjalment il-multi imposti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni; u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 u tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, sa fejn fid-deċiżjoni kkontestata l-kunċett ta’ “implimentazzjoni” ta’ konċentrazzjoni huwa użat lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u mit-tifsira tiegħu.

Ir-rikorrenti ssostni li l-“implimentazzjoni” ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 teħtieġ iktar minn “eżerċizzju ta’ influwenza determinanti” fuq impriża u li ebda element minn dawk invokati fid-deċiżjoni kkontestata ma huwa ekwivalenti għal “implimentazzjoni”. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li bl-estensjoni indebita tal-kunċett ta’ “implimentazzjoni”, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ legalità stipulat fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif ukoll il-preżunzjoni ta’ innoċenza ggarantita mill-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

It-tieni motiv ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi tal-Kummissjoni sa fejn fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet kisbet il-kontroll esklużiv ta’ PT Portugal.

Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi żbalji ta’ fatt u ta’ liġi sa fejn din tikkonkludi li r-rikorrenti kisbet il-kontroll esklużiv ta’ PT Portugal u implimentat l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni billi kisbet dan il-kontroll ta’ PT Portugal.

It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

Il-klawżoli preparatorji allegatament inklużi fil-ftehim ta’ ċessjoni huma min-natura tagħhom aċċessorji u ma kkostitwixxewx implimentazzjoni bikrija ta’ konċentrazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma eżerċitatx influwenza determinanti fuq PT Portugal qabel il-konklużjoni tal-ftehim. Il-Kummissjoni ma setgħetx raġonevolment tibbaża ruħha fuq is-seba’ elementi previsti fit-Taqsima 4.2.1. tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi l-eżerċizzju mir-rikorrenti ta’ kontroll effettiv fuq PT Portugal. Finalment, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi żbalji ta’ fatt u ta’ liġi sa fejn tistabbilixxi li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni lir-rikorrenti tikkontribwixxi għall-konklużjoni tal-eżerċizzju tal-kontroll.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ ne bis in idem, ta’ proporzjonalità u ta’ projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja; eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 4(1) u 14(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

Billi timponi fuq l-istess persuna żewġ multi għall-istess aġir fuq il-bażi ta’ żewġ dispożizzjonijiet li jipproteġu l-istess interess ġuridiku, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stipulat fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, stipulat fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja bbażata fuq il-prinċipji ġenerali komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri. Eċċezzjoni ta’ illegalità hija mqajma skont l-Artikolu 277 TFUE fir-rigward tal-Artikoli 4(1) u 14(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, li jippermettu lill-Kummissjoni tissanzjona lill-istess persuna darbtejn għall-istess aġir, diġà sanzjonat skont l-Artikoli 7(1) u 14(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-multi huma illegali u jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 sa fejn timponi multi fuq ir-rikorrenti minkejja l-assenza ta’ negliġenza jew intenzjoni u l-assenza ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi ma tindikax il-motivazzjoni tal-ammont tal-multi. Id-deċiżjoni kkontestata tikser ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn timponi t-tieni multa skont l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament għal aġir diġà ssanzjonat skont l-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament. Finalment, il-multi ġew adottati bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ammont tagħhom.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU 2004, L 24, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 139/2004”).