Language of document : ECLI:EU:C:2018:185

Kawża C470/16

North East Pylon Pressure Campaign Ltd
u
Maura Sheehy

vs

An Bord Pleanála et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Dritt għal azzjoni legali tal-membri tal-pubbliku kkonċernat – Rikors prematur – Kunċetti ta’ spiża mhux projbittiva u ta’ deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva relatati mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku – Applikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal‑15 ta’ Marzu 2018

1.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Dritt għal azzjoni legali tal-membri tal-pubbliku kkonċernat – Rekwiżit ta’ proċedura bi spiża mhux projbittiva – Portata – Talba għal awtorizzazzjoni biex jiġi ppreżentat rikors ġudizzjarju ppreżentata waqt proċedura li tista’ twassal għal awtorizzazzjoni għal żvilupp – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Artikolu 11(4))

2.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Dritt għal azzjoni legali tal-membri tal-pubbliku kkonċernat – Rekwiżit ta’ proċedura bi spiża mhux projbittiva – Portata – Rekwiżit limitat għall-ispejjeż relatati biss mal-parti tar-rikors ibbażata fuq il-ksur tar-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku konformement mal-imsemmija direttiva – Konsegwenzi

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Artikolu 11(4))

3.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn il-Komunità u l-Istati Membri bis-saħħa ta’ kompetenza kondiviża – Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus) – Inklużjoni

(Artikolu 267 TFUE; Konvenzjoni ta’ Aarhus; Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370)

4.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus) – Dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja – Rekwiżit ta’ proċedura bi spiża mhux projbittiva – Portata – Talba għal awtorizzazzjoni biex jiġi ppreżentat rikors ġudizzjarju ppreżentata waqt proċedura li tista’ twassal għal awtorizzazzjoni għal żvilupp – Inklużjoni

(Konvenzjoni ta’ Aarhus, Artikolu 9(3) u (4); Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370)

5.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus) – Dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja – Rekwiżit ta’ proċedura bi spiża mhux projbittiva – Portata – Spejjeż relatati mal-parti tar-rikors ibbażata fuq id-dritt nazzjonali tal-ambjent – Inklużjoni – Effett dirett – Assenza – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt proċedurali nazzjonali

(Konvenzjoni ta’ Aarhus, Artikolu 9(3) u (4); Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370)

6.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus) – Dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja – Direttiva 2011/92 – Dritt għal azzjoni legali tal-membri tal-pubbliku kkonċernat – Rekwiżit ta’ proċedura bi spiża mhux projbittiva – Deroga minn dan ir-rekwiżit f’każ ta’ rikors frivolu jew vessatorju jew fl-assenza ta’ rabta bejn il-ksur allegat tad-dritt nazzjonali u dannu – Inammissibbiltà

(Konvenzjoni ta’ Aarhus, Artikolu 9(4); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Artikolu 11(4)); Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370)

1.      L-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva japplika għal proċedura quddiem qorti ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha jiġi deċiż jekk rikors jistax jiġi awtorizzat matul proċedura għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni għal żvilupp, u dan iktar u iktar meta dan l-Istat Membru ma ddeterminax f’liema stadju rikors jista’ jiġi ppreżentat.

(ara l-punt 34, u d-dispożittiv 1)

2.      Meta rikorrent jinvoka kemm motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali fi kwistjonijiet ambjentali u kemm motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli oħra, ir-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva previst fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 japplika biss għall-ispejjeż relatati mal-parti tar-rikors ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

Meta, bħal fil-każ ta’ talba għall-awtorizzazzjoni li wasslet għall-proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż prinċipali, rikors dirett kontra proċess kopert mid-Direttiva 2011/92 tgħaqqad kunsiderazzjonijiet legali fir-rigward tar-regoli tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku ma’ argumenti ta’ natura oħra, huwa f’idejn il-qorti nazzjonali biex, ex æquo et bono u skont il-modalitajiet proċedurali nazzjonali applikabbli, tagħmel distinzjoni bejn dawk l-ispejjeż relatati ma’ kull wieħed miż-żewġ tipi ta’ argumenti, sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżit ta’ spiża mhux projbittiva jiġi applikat għall-parti tar-rikors ibbażata fuq ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

(ara l-punti 43, 44, u d-dispożittiv 2)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 46)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 47 sa 51)

5.      L-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ambjentali tal-Unjoni, ir-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva japplika għall-parti ta’ rikors li ma tkunx koperta mill-istess rekwiżit, kif jirriżulta, skont id-Direttiva 2011/92, mir-risposta mogħtija fil-punt 2 ta’ dan id-dispożittiv, sa fejn ir-rikorrent ifittex, b’dak ir-rikors, li jiżgura r-rispett għad-dritt nazzjonali tal-ambjent. Dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx effett dirett, iżda hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali li, sa fejn ikun possibbli, tkun konformi magħhom.

Konsegwentement, meta tkun involuta l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-ambjent, b’mod partikolari fit-twettiq ta’ proġett ta’ interess komuni, fis-sens tar-Regolament Nru 347/2013, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali li, sa fejn ikun possibbli, tkun konformi mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, b’tali mod li l-ispiża tal-proċeduri ġudizzjarji ma tkunx projbittiva.

(ara l-punti 57, 58, u d-dispożittiv 3)

6.      Stat Membru ma jistax jidderoga mir-rekwiżit li l-ispiża ta’ ċerti proċeduri ġudizzjarji ma tkunx projbittiva, impost mill-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali u mill-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92, meta rikors jitqies frivolu jew vessatorju, jew fl-assenza ta’ rabta bejn il-ksur allegat tad-dritt nazzjonali tal-ambjent u dannu ambjentali.

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li r-rekwiżit li l-proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva previst kemm fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jikkundannaw lil rikorrent għall-ispejjeż. Għalhekk huwa possibbli li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni fatturi bħal, b’mod partikolari, il-prospetti raġonevoli tas-suċċess tar-rikors jew jekk in-natura tiegħu hijiex frivola jew vessatorja, sakemm l-ammont tal-ispejjeż imposti fuq l-applikant ma jkunux għoljin wisq.

(ara l-punti 60, 61, 65, u d-dispożittiv 4)