Language of document : ECLI:EU:C:2018:771

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Settembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttivi 2006/123/KE, 2007/23/KE u 2013/29/UE – Tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi – Moviment liberu tal-oġġetti pirotekniċi li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ dawn id-direttivi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi restrizzjonijiet għall-ħażna u l-bejgħ tal-imsemmija oġġetti – Sanzjonijiet kriminali – Skema ta’ awtorizzazzjoni doppja – Direttiva 98/34/KE – Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’”

Fil-Kawża C‑137/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

Van Gennip BVBA,

Antonius Johannes Maria ten Velde,

Original BVBA,

Antonius Cornelius Ignatius Maria van der Schoot,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Frar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Van Gennip BVBA u Original BVBA, minn B. Deltour, advocaat,

–        għal Antonius Johannes Maria ten Velde u Antonius Cornelius Ignatius Maria van der Schoot, minn J. Surmont, advocaat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn J.‑F. De Bock u J. Moens, advocaten,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou u M. Vergou kif ukoll minn K. Georgiadis, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u K. Mifsud‑Bonnici, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 sa 36 TFUE, tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (ĠU 2007, L 154, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 4(1) u (2) u tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (ĠU 2013, L 178, p. 27).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra żewġ persuni ġuridiċi, jiġifieri Van Gennip BVBA u Original BVBA, kif ukoll kontra żewġ persuni fiżiċi, jiġifieri Antonius Johannes Maria ten Velde u Antonius Cornelius Ignatius Maria van der Schoot, dwar il-ksur, minn dawn il-persuni, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar, b’mod partikolari, il-ħażna u l-bejgħ ta’ oġġetti pirotekniċi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 98/34/KE

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8), jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

1)      ‘prodott’ kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut;

2)      ‘servizz’, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

[…]

3)      ‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

[…]

4)      ‘ħtiġiet oħra’, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

5)      ‘regola dwar is-servizzi’, ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[…]

11)      ‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

[…]

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dawk il-miżuri li l-Istati Membri jqisu meħtieġa skond it-Trattat għall-protezzjoni tal-persuni, b’mod partikolari il-ħaddiema, meta jiġu użati prodotti, sakemm dawn il-miżuri ma jaffettwawx il-prodotti.”

4        Skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

[…]”

 Id-Direttiva 2006/123

5        Il-premessa 76 tad-Direttiva 2006/123 hija fformulata kif ġej:

“Din id-Direttiva ma tikkonċernax l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [34 sa 36 TFUE] relatata mal-moviment liberu tal-merkanzija. Ir-restrizzjonijiet ipprojbiti skond id-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jkopru r-rekwiżiti applikabbli għal aċċess għal attivitajiet ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħhom u mhux applikabbli għal merkanzija.”

6        L-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli tal-liġi kriminali ta’ l-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà fil-provvista ta’ servizzi billi japplikaw dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li jirregolaw jew jaffettwaw speċifikament l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz b’elużjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva.”

7        Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

(a)      servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali;

(b)      is-servizzi finanzjarji […]

(ċ)      servizzi ta’ komunikazzjoni u networks elettroniċi, u faċilitajiet u servizzi assoċjati, rigward il-kwistjonijiet koperti mid-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/21/KE, 2002/22/KE u 2002/58/KE;

(d)      is-servizzi fil-qasam tat-trasport […]

(e)      servizzi ta’ aġenziji ta’ xogħol temporanju;

(f)      servizzi tal-kura tas-saħħa […]

(g)      servizzi awdjoviżivi […]

(h)      attivitajiet ta’ logħob tal-flus li jinvolvu mħatri ta’ flus f’logħob ta’ fortuna […]

(i)      attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali kif stipulat fl-Artikolu [51 TFUE];

(j)      servizzi soċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ djar b’għan soċjali, kura tat-tfal u appoġġ ta’ familji u persuni bżonnjużi b’mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat, minn fornituri li għandhom mandat mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat;

(k)      servizzi privati ta’ sigurtà;

(l)      servizzi provduti minn nutara u uffiċjali ġudizzjarji, li huma maħtura minn att uffiċjali tal-gvern.

3.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-qasam tat-tassazzjoni.”

8        Il-punt 1 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva 2006/123, jiddefinixxi il-kunċett ta’ “servizz” bħala “attività ekonomika mhux imħallsa [bħala persuna li taħdem għal rasha], normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu [57 TFUE]”.

9        Il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Liberta għall-Istabbiliment ta’ Fornituri”, jinkludi, fit-Taqsima I tiegħu, intitolata “Awtorizzazzjonijiet”, b’mod partikolari, l-Artikolu 10, li taħt it-titolu “Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju.

2.      Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

(a)      mhux-diskriminatorji;

(b)      iġġustifikati mir-raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)      proporzjonati ma’ dak l-objettiv ta’ interess pubbliku;

(d)      ċari u mingħajr ambigwità;

(e)      oġġettivi;

(f)      magħmulin disponibbli għal pubbliku minn qabel;

(g)      trasparenti u aċċessibbli.

[…]

7.      Dan l-Artikolu ma għandux iqiegħed f’dubju l-allokazzjoni tal-kompetenzi, fuq livell lokali jew reġjonali, ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri li jagħtu tali awtorizzazzjonijiet.”

 Id-Direttiva 2007/23

10      Il-premessi 2, 4, 10, 11, 13, 16 u 22 tad-Direttiva 2007/23 jipprovdu li:

“(2)      Dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi, ġaladarba jistgħu jikkawżaw ostakoli għall-kummerċ fil-Komunità, għandhom jiġu armonizzati sabiex jiggarantixxu l-moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi fis-suq intern waqt li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u għas-sikurezza u ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u għall-utenti aħħarija professjonali.

[…]

(4)      Id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 410)] tistabbilixxi rekwiżiti ta’ sikurezza għall-istabbilimenti fejn ikun hemm preżenti esplożivi, inklużi sustanzi pirotekniċi.”

[…]

(10)      L-użu ta’ oġġetti pirotekniċi u, b’mod partikolari, l-użu tal-logħob tan-nar, huwa suġġett għal drawwiet u tradizzjonijiet kulturali diverġenti ħafna fl-Istati Membri rispettivi. Minħabba f’hekk, huwa meħtieġ li l-Istati Membri ikunu permessi jieħdu miżuri nazzjonali sabiex jillimitaw l-użu jew il-bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ logħob tan-nar lill-pubbliku ġenerali għal raġunijiet ta’ sigurtà jew sikurezza pubblika.

(11)      Huwa kunsiljabbli li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza għall-oġġetti pirotekniċi sabiex ikun protett il-konsumatur u sabiex jiġu evitati l-aċċidenti.

[…]

(13)      Fejn ikunu sodisfatti r-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza, m’għandux ikun possibbli għall-Istati Membri li jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu l-moviment liberu ta’ l-oġġetti pirotekniċi. Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar il-ħruġ ta’ liċenzji lil manifatturi, distributuri u importaturi mill-Istati Membri.

[…]

(16)      Konformement ma’ l-‘Approċċ il-Ġdid lejn l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tekniċi’ huwa kunsiljabbli li l-oġġetti pirotekniċi manifatturati b’konformità ma’ l-istandards armonizzati jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza msemmija f’din id-Direttiva.

[…]

(22)      Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u jassiguraw li dawn ir-regoli jiġu implimentati. Huwa meħtieġ li l-penali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

11      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli bil-ħsieb li jinkiseb il-moviment liberu ta’ l-oġġetti pirotekniċi fis-suq intern, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u ta’ sigurtà pubblika u l-protezzjoni u s-sikurezza tal-konsumaturi, u tqis l-aspetti rilevanti relatati mal-protezzjoni ta’ l-ambjent.

2.      Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza li l-oġġetti pirotekniċi għandhom jissodisfaw sabiex jitqiegħdu fis-suq.

[…]”

12      L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘Oġġett pirotekniku’ tfisser kwalunkwe oġġett li fih sustanzi esplożivi jew taħlita esplożiva ta’ sustanzi mfassla sabiex jipproduċu sħana, dawl, ħoss, gass jew duħħan jew taħlita ta’ dawn l-effetti permezz ta’ reazzjonijiet kimiċi esotermiċi sostnuti minnhom infushom;

[…]

8)      ‘Distributur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista li tagħmel oġġett pirotekniku disponibbli fis-suq fil-kors tan-negozju tagħha,

[…]”

13      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2007/23, intitolat “Moviment liberu”, jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu milli jitqiegħdu fis-suq l-oġġetti pirotekniċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti minn din id-Direttiva.

2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jipprekludu miżuri meħuda minn Stat Membru, liema miżuri jkunu ġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà jew sikurezza, jew protezzjoni ambjentali, li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-pussess, l-użu u/jew il-bejgħ lill-pubbliku ġenerali tal-logħob tan-nar tal-kategoriji 2 u 3, ta’ oġġetti pirotekniċi teatrali u ta’ oġġetti pirotekniċi oħra.

[…]”

14      L-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, jippreċiża li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha sabiex jiżguraw li l-oġġetti pirotekniċi, jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk, meta jkunu korrettament maħżuna u użati għall-għan li huma jkunu maħsuba għalih, huma ma jkunux ta’ periklu għas-saħħa u għas-sikurezza tal-persuni.”

15      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

 Id-Direttiva 2013/29

16      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2013/29, intitolat “Moviment liberu”, jipprovdi li:

“ 1.      L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu milli jkunu disponibbli fis-suq l-oġġetti pirotekniċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

2.      Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi miżuri meħuda minn Stat Membru, li jkunu ġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà jew saħħa u sikurezza, jew protezzjoni ambjentali, li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-pussess, l-użu u/jew il-bejgħ lill-pubbliku ġenerali tal-logħob tan-nar tal-Kategoriji F2 u F3, ta’ oġġetti pirotekniċi teatrali u ta’ oġġetti pirotekniċi oħra.

[…]”

17      L-Artikolu 45 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur, minn operaturi ekonomiċi, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiddaħħlu fis-seħħ. Tali regoli jistgħu jinkludu penali kriminali għal ksur serju.

Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi.”

18      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“Id-Direttiva 2007/23/KE, kif emendata mill-att elenkat fl-Anness IV, Parti A, b’dan titħassar b’effett mill-1 ta’ Lulju 2015, bla preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness IV, Parti B.”

19      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2013/29:

“Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

 Id-dritt Belġjan

20      L-Artikolu 5 tal-wet betreffende ontplofbare en voor de deflagratie vatbare stoffen en mengsels en de daarmede geladen tuigen (il-Ligi dwar is-Sustanzi u t-Taħlit Splużivi jew Inflammabbli u l-Makkinarju Ddedikat Għalih), tat-28 ta’ Mejju 1956 (Belgisch Staatsblad, tad‑9 ta’ Ġunju 1956, p. 3990), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-28 ta’ Mejju 1956 »), jipprovdi li:

“Il-ksur tad-dispożizzjonijiet adottati taħt l-Artikolu 1 huma punibbli bi priġunerija minn ħmistax-il jum sa sentejn u multa minn mitt frank sa elf frank, jew waħda biss minn dawn iż-żewġ pieni.”

21      L-Artikolu 200 tal-koninklijk besluit houdende algemeen reglement betreffende het fabriceren, opslaan, onder zich houden, verkopen, vervoeren en gebruiken van springstoffen (id-Digriet Irjali li Jirregola b’Mod Ġenerali l-Manifattura, il-Ħażna, iż-Żamma, il-Kwantità, it-Trasport u l-Użu tal-Prodotti Splużivi), tat-23 ta’ Settembru 1958 (Belgisch Staatsblad, tat-22 ta’ Diċembru 1958, p. 9075), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tat-23 ta’ Settembru 1958”), jipprovdi li:

“Kull splużiv, fi kwantitajiet ikbar minn dawk li jistgħu jinżammu minn kull persuna taħt l-Artikolu 265, jista’ jinżamm biss fi ħwienet jew imħażen debitament awtorizzati.”

22      L-Artikolu 257 ta’ dan id-digriet irjali jipprovdi:

“Il-bejgħ ta’ kull splużiv, fi kwantitajiet ikbar minn dawk li jistgħu jinżammu minn individwu u indikati fl-Artikolu 265, jista’ jsir biss jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

1°      ix-xerrej huwa fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ trasport kif imsemmi fl-Artikolu 72;

2°      ix-xerrej huwa fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni sabiex jaħżen jew iżomm provviżorjament dawn il-prodotti;

3°      ix-xerrej jipprova li għandu attività professjonali fis-settur tal-isplużivi, bħala manifattur, negozjant, jew utent ta’ splużivi.

Il-kundizzjoni li tissemma fil-punt 2 hija applikabbli biss jekk il-merkanzija mixtrija hija intiża għall-ħażna jew iż-żamma provviżorja fuq it-territorju Belġjan.

Il-bejjiegħ għandu jivverifika u jarkivja d-dokumenti kollha mibgħuta mix-xerrejja sabiex jipprova li l-obbligazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu huma osservati. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu, għal mhux inqas minn tliet xhur, għad-dispożizzjoni tal-uffiċjali tad-Direzzjoni Ġenerali Kwalità u Sigurtà tas-Servizz Pubbliku Federali Ekonomija, PME, Klassijiet medji u Enerġija u tal-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji tal-lokalitajiet fejn isir il-bejgħ.”

23      Skont l-Artikolu 260 tal-imsemmi digriet irjali:

“Il-bejjiegħa bl-imnut għandhom dejjem ikunu titolari ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħażna; huma ma jistgħux iżommu jew ibigħu kwantità minima kemm tkun minima ta’ splużivi oħra minn dawk indikati fl-Artikolu 261.

L-imħażen tagħhom għandhom ikunu rranġati u miżmuma kif stabbilit fl-Artikolu 251.”

24      L-Artikolu 261 tad-Digriet Irjali tat-23 ta’ Settembru 1958 jipprovdi:

“In-natura u l-kwantità ta’ splużivi li jistgħu jinżammu mill-bejjiegħa bl-imnut għandhom ikunu stabbiliti f’kull każ partikolari bid-digriet ta’ awtorizzazzjoni, li għandu jsegwi l-livell ta’ sigurtà li jippreżenta kull maħżen.

Dawn il-prodotti ma jistgħux jinżammu lil hinn mill-kwantitajiet li ġejjin:

[…]

2°      logħob tan-nar u murtali ta’ senjalazzjoni sa’ ħamsin kilogramma ta’ kompożizzjoni piroteknika kontenut fihom;

[…]”

25      L-Artikolu 265 ta’ dan id-digriet irjali jindika:

“L-ebda awtorizzazzjoni ma hija meħtieġa sabiex tinżamm:

[…]

7°      kwantità ta’ logħob tan-nar u murtali ta’ senjalazzjoni sa kilogramma ta’ impożizzjoni piroteknika kontenut fihom.”

26      L-Artikolu 300 tal-imsemmi digriet irjali jipprevedi:

“Il-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, b’eċċezzjoni tal-Artikolu 295, tad-digrieti adottati b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-digrieti ta’ awtorizzazzjoni, għandhom ikunu suġġetti għall-pieni stabbiliti bil-Liġi tat-28 ta’ Mejju 1956.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27      Original, kumpannija li s-sede tagħha huwa stabbilit f’Olen (il-Belġju), teżerċita l-attivitajiet ta’ importatur, ta’ kummerċjant bil-grossa u ta’ distributur ta’ oġġetti pirotekniċi. Għal dan il-għan hija għandha żewġ punti ta’ bejgħ f’Baerle-Duc (il-Belġju), komun li jinsab parzjalment fil-provinċja ta’ Brabant-Septentrional (il-Pajjiżi l-Baxxi) u li parti minnu hija marbuta mal-komun ta’ Baarle-Nassau (il-Pajjiżi l-Baxxi). Dawn il-punti ta’ bejgħ huma operati minn Van Gennip, kumpannija li s-sede tagħha jinsab f’Baerle-Duc. A. J. M. ten Velde u A. C. I. M. van der Schoot, żewġ ċittadini Olandiżi, huma l-persuni li jmexxu dawn il-punti ta’ bejgħ.

28      A. J. M. ten Velde u A. C. I. M. van der Schoot kif ukoll Van Gennip u Original jiffaċċjaw proċeduri kriminali abbażi tad-Digriet Irjali tat-23 ta’ Settembru 1958 u tal-Liġi tat-28 ta’ Mejju 1956, minħabba li, l-ewwel nett, ħażnu oġġetti pirotekniċi li l-piż tagħhom f’kompożizzjoni piroteknika kien eċċeda l-piż massimu li jinsab fuq l-awtorizzazzjoni li nħarġitilhom mill-awtoritajiet Belġjani, it-tieni nett, ħażnu oġġetti pirotekniċi f’postijiet mhux awtorizzati u, t-tielet nett, biegħu prodotti pirotekniċi lil persuni li ma humiex fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni idonea.

29      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, qabel kollox, li A. J. M. ten Velde u A. C. I. M. van der Schoot iqisu li l-inkriminazzjoni tal-ksur, kif previst mil-leġiżlazzjoni Belġjana, tmur kontra l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2013/29, sa fejn dan l-artikolu jirriżerva s-sanzjonijiet kriminali għal ksur serju biss. Madankollu, ebda wieħed mill-fatti li huma akkużati bihom ma jikkostitwixxu ksur ta’ tali natura. L-openbaar ministerie (il-prosekutur pubbliku, il-Belġju) isostni, min-naħa l-oħra, li din id-direttiva tħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jimponu jew sanzjonijiet amministrattivi jew sanzjonijiet kriminali, jew dawn iż-żewġ tipi ta’ sanzjonijiet flimkien.

30      Imbagħad, l-akkużati u l-prosekutur pubbliku ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk l-obbligu ta’ pussess fl-istess waqt ta’ awtorizzazzjoni federali fil-materja ta’ splużivi u ta’ permess tal-ambjent reġjonali huwiex konformi mad-Direttivi 2007/23 u 2013/29 kif ukoll mad-Direttiva 2006/123.

31      Fl-aħħar nett, A. C. I. M. van der Schoot iqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodotti splużivi li fihom iktar minn 1 kilo (kg) ta’ kompożizzjoni piroteknika lil individwi li ma għandhomx awtorizzazzjoni idonea, tmur kontra d-Direttivi 2007/23 u 2013/29.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-ksur segwenti għal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar l-oġġetti pirotekniċi jikkostitwixxi ‘ksur serju’ fis-sens tal-Artikolu 45 tad-[Direttiva 2013/29]:

a)      il-bejgħ ta’ oġġetti pirotekniċi sa 2[.]666 kg ta’ kompożizzjoni piroteknika […] li tinsab fihom, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 265(7), u tal-Artikolu 257 [tad-Digriet Irjali tat-23 ta’ Settembru 1958,] li jippreklud[u] l-bejgħ ta’ oġġetti pirotekniċi [li fihom iktar minn] kilogramma ta’ [kompożizzjoni piroteknika] meta l-konsumatur ma jkollux awtorizzazzjoni amministrattiva miksuba individwalment biex iżomm oġġetti pirotekniċi [li fihom] kwantità superjuri [minn din];

b)      il-fatt li tinqabeż il-ħażna massima ddefinita u l-fatt li ma jiġux osservati l-postijiet ta’ ħażna previsti f’awtorizzazzjoni federali dwar il-logħob tan-nar, meta jkun diġà jeżisti permess tal-ambjent reġjonali għall-ħażna, fil-postijiet ikkonċernati, tal-kwantitajiet superjuri effettivament ikkonċernati;

c)      il-ħażna provviżorja ħafna ta’ oġġetti pirotekniċi fi kwantitajiet żgħar ħafna, f’diversi postijiet mhux speċifikament awtorizzati għall-ħażna, fil-perimetru ta’ ħanut li jbiegħ bl-imnut oġġetti pirotekniċi li jkollu wkoll awtorizzazzjoni federali fir-rigward ta’ logħob tan-nar kif ukoll permess tal-ambjent reġjonali?

2)      Il-prinċipju ta’ moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi, kif previst mill-Artikolu 6(1) tad-[Direttiva 2007/23/KE] (li sar l-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 2013/29]), moqri, jekk ikun il-każ, flimkien mal-Artikolu 10 tad-[Direttiva 2006/123], jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-depożiti ta’ oġġetti pirotekniċi konformi mad-[Direttiva 2007/23], marbuta mal-bejgħ bl-imnut, għar-rekwiżit doppju li jkollhom, minn naħa, awtorizzazzjoni maħruġa fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-manifattura, il-ħażna, iż-żamma, il-kwantità, it-trasport u l-użu tal-prodotti splussivi u, min-naħa l-oħra, awtorizzazzjoni maħruġa fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni relattiva għall-istabbilimenti mhux xierqa, peress li ż-żewġ sistemi ta’ awtorizzazzjoni jfittxu essenzjalment l-istess għan (il-prevenzjoni tar-riskji għas-sigurtà) u peress li waħda minn dawn is-sistemi ta’ awtorizzazzjoni (f’dan il-każ dik li tirrigwarda l-prodotti splussivi) tiffissa limitu massimu baxx (ħafna) għall-ħażna ta’ logħob tan-nar għal party (sa 50 kg ta’ [kompożizzjoni piroteknika], jiġifieri b’mod attiv)?

3)      Il-prinċipju ta’ moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi, kif previst mill-Artikolu 4[2] tad-[Direttiva 2013/29] u mill-Artikolu 6(2) tad-[Direttiva 2007/23] (moqrija, jekk ikun il-każ, flimkien mal-Artikoli 34 [sa] 36 [TFUE]), flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi ż-żamma jew l-użu mill-konsumaturi u l-bejgħ lilhom ta’ logħob tan-nar għal party (logħob tan-nar tal-kategoriji 2 u 3 fis-sens tad-[Direttiva 2007/23]) li fihom iktar minn 1 kg ta’ kompożizzjoni piroteknika?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

33      Għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, A. J. M. ten Velde u A. C. I. M. van der Schoot sostnew li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi ż-żamma jew l-użu mill-konsumaturi u l-bejgħ lil dawn tal-aħħar ta’ logħob tan-nar li fih kompożizzjoni piroteknika ta’ iktar minn 1 kg, tikkostitwixxi regolament tekniku, u, b’mod iktar preċiż, “ħtiġiet oħra”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34. Fil-fehma tagħhom, peress li din il-leġiżlazzjoni ma ġietx innotifikata mir-Renju tal-Belġju lill-Kummissjoni, din hija illegali u inapplikabbli.

34      Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Belġjan sostna, b’mod partikolari, li l-imsemmija leġiżlazzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja “għall-protezzjoni tal-persuni, b’mod partikolari il-ħaddiema, meta jiġu użati prodotti”, fis-sens tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, u li għaldaqstant din id-direttiva ma hijiex applikabbli.

35      F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija effettivament intiża sabiex tipproteġi s-sigurtà pubblika, hija madankollu ma tirrigwardax l-użu ta’ oġġetti pirotekniċi, iżda l-bejgħ tagħhom. Għaldaqstant din il-leġiżlazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34.

36      Min-naħa l-oħra, għad irid jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix “regolament tekniku” fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u jekk hijiex, bħala tali, suġġetta għall-obbligu li tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

37      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” ikopri erba’ kategoriji ta’ miżuri, jiġifieri, l-ewwel nett l-“[i]speċifikazzjoni teknika”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, it-tieni nett il-“ħtiġiet oħra”, kif iddefiniti fil-punt 4 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, it-tielet nett, ir-“regola dwar is-servizzi” msemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva u, r-raba’ nett, “il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tal-istess direttiva (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika”, għandu jitfakkar li din tippreżumi li l-miżura nazzjonali tirreferi neċessarjament għall-prodott jew għall-imballaġġ tiegħu bħala tali u tiffissa għaldaqstant waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott, bħad-dimensjonijiet, id-denominazzjoni ta’ bejgħ, l-imballaġġ, l-ittikkettjar jew l-immarkar (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Ivansson et, C‑307/13, EU:C:2014:2058, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlazzjoni Belġjana ma tirreferix għall-oġġetti pirotekniċi jew għall-imballaġġ tagħhom innifishom, b’tali mod li din il-leġiżlazzjoni ma tiffissax waħda mill-karatteristiċi meħtieġa minn dawn il-prodotti. Għaldaqstant, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix “speċifikazzjoni teknika” fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34.

39      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kategorija ta’ “ħtiġiet oħra”, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “ħtieġa oħra” fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, miżura nazzjonali għandha tikkostitwixxi “kondizzjoni” li tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni, in-natura jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ikkonċernat (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat, bħalma jagħmel l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-leġiżlazzjoni Belġjana tissuġġetta l-bejgħ ta’ oġġetti pirotekniċi li fihom kompożizzjoni piroteknika ta’ iktar minn 1 kg għall-pussess ta’ awtorizzazzjoni min-naħa tax-xerrej. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni meħtieġa ma tikkostitwixxix kundizzjoni imposta fir-rigward tal-prodott ikkonċernat iżda fir-rigward tax-xerrejja potenzjali kif ukoll, b’mod indirett, fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi li jbigħu l-oġġetti pirotekniċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ April 2005, Lindberg, C‑267/03, EU:C:2005:246, punt 87, u tat-13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 29).

41      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li tikkostitwixxi “ħtieġa oħra” fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34.

42      Għal dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, il-kategorija tar-“regoli dwar is-servizzi”, għandu jitfakkar li, taħt il-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, tikkostitwixxi tali regoli kull ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 1 ta’ din l-istess direttiva, li jirreferu għal “kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi” (sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 74).

43      Fil-kawża ineżami, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni ma tistax taqa’ taħt il-kategorija ta’ “regoli dwar is-servizzi” tas-Soċjetà tal-Informatika fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

44      Għal dak li jirrigwarda, fir-raba’ lok, il-kategorija tal-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas ma taqa’ taħt din il-kategorija peress li, hekk kif l-Avukat Ġenerali ppreċiża fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-leġiżlazzjoni ma tipprojbixxix il-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġetti pirotekniċi li fihom kompożizzjoni piroteknika ta’ iktar minn 1 kg, iżda tissuġġetta din il-kummerċjalizzazzjoni għall-kundizzjoni li x-xerrej ikun fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jitqies li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kunċett ta’ “regolament tekniku”, fis-sens tad-Direttiva 98/34, suġġett għall-obbligu ta’ notifika taħt l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, li fin-nuqqas ta’ din in-notifika tali regolament ikun inapplikabbli.

 Fuq it-tielet domanda

46      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob jekk il-prinċipju ta’ moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi, kif previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/23 u fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2013/29, moqrija, jekk ikun il-każ, flimkien mal-Artikoli 34 sa 36 TFUE, u flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi ż-żamma jew l-użu mill-konsumaturi u l-bejgħ lil dawn tal-aħħar ta’ logħob tan-nar li fih kompożizzjoni piroteknika ta’ iktar minn 1 kg.

47      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu qabel kollox jiġi enfasizzat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li A. C. I. M. van der Schoot huwa akkużat li biegħ logħob tan-nar li jaqa’ taħt il-kategoriji 2 u 3, fis-sens tad-Direttiva 2007/23, u li l-kompożizzjoni piroteknika tiegħu kienet ta’ iktar minn 1 kg, lil individwu li ma kienx fil-pussess tal-awtorizzazzjoni neċessarja għal dan il-għan. Peress li dawn il-fatti seħħew fit-23 ta’ Diċembru 2012 u, konsegwentement, kif jirriżulta mill-Artikoli 48 u 49 tad-Direttiva 2013/29, qabel l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħha, id-Direttiva 2007/23 hija applikabbli ratione temporis għall-proċeduri prinċipali.

48      Imbagħad, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 2 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2007/23, din għandha l-għan prinċipali li topponi ostakoli għall-iskambji intrakomunitarji li jirriżultaw mid-differenzi tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirregolaw it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi li hija tiddefinixxi u għaldaqstant li tiżgura l-moviment liberu fis-suq intern tal-imsemmija oġġetti, filwaqt li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-sigurtà pubblika kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà tal-konsumaturi u tal-utenti professjonali (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑220/15, EU:C:2016:815, punt 40).

49      Għal dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-oġġetti pirotekniċi, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23 jipprevedi li l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu l-kummerċjalizzazzjoni tal-oġġetti pirotekniċi fl-Unjoni Ewropea kollha, sakemm il-miżuri li huma jadottaw ma jkunux jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva jew taħt is-sorveljanza tas-suq prevista fl-Artikolu 14(6) tal-istess direttiva (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑220/15, EU:C:2016:815, punt 43).

50      Fil-każ ineżami, sa fejn it-tielet domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni kemm tal-Artikoli 34 sa 36 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/23, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali sabiex jillimitaw, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà jew ta’ sikurezza, jew anki ta’ protezzjoni ambjentali, l-użu jew il-bejgħ lil individwi ta’ ċerti kategoriji ta’ logħob tan-nar. Il-possibbiltà għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri b’dan il-mod tirriżulta mill-fatt, hekk kif jidher mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva, li l-użu ta’ oġġetti pirotekniċi u, b’mod partikolari, ta’ logħob tan-nar, huwa rregolata minn drawwiet u tradizzjonijiet kuluturali li huma diverġenti ħafna fl-Istati Membri.

51      Peress li l-kwistjoni tal-użu u tal-bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ logħob tan-nar taqa’ għaldaqstant taħt id-Direttiva 2007/23, b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tagħha, ma hemmx għalfejn tingħata interpretazzjoni tal-Artikoli 34 sa 36 TFUE.

52      Fl-aħħar nett huwa paċifiku li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ logħob tan-nar li fih kompożizzjoni piroteknika ta’ iktar minn 1 kg, lil konsumaturi li ma humiex fil-pussess tal-awtorizzazzjoni meħtieġa għal dan il-għan, tirrestrinġi l-moviment liberu ta’ dan il-logħob tan-nar. Issa, hekk kif ġie ppreċiżat fl-punt 49 tas-sentenza preżenti, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23, restrizzjoni għall-moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva hija, fil-prinċipju, ipprojbita.

53      Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 50 tas-sentenza preżenti, tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ sikurezza pubblika jew anki ta’ protezzjoni ambjentali.

54      F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan sostna, waqt is-seduta, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tipproteġi l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika u ma tistax titqies li hija manifestament sproporzjonata.

55      Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ proporzjonalità, għalkemm finalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, matul evalwazzjoni globali tal-punti kollha tad-dritt u tal-fatt rilevanti, jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li ntalbet tipprovdi lil din il-qorti risposta utli, hija madankollu kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet, ibbażati fuq il-proċess li hija għandha quddiemha kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, tali li jippermettu lill-imsemmija qorti tiddeċiedi fil-kawża pendenti quddiemha.

56      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-abbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipproteġi l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika, għandu jitfakkar li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw, skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom u li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn żmien għal ieħor, ir-rekwiżiti tal-ordni pubblku u tas-sigurtà pubblika. Għaldaqstant, l-Istati Membri biss huma kompetenti sabiex iżommu l-ordni pubbliku u jissalvagwardjaw is-sigurtà interna fit-territorju tagħhom u jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedu, skont il-partikolaritajiet tal-kuntesti soċjali u tal-importanza li huma jagħtu għal għan leġittimu fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, il-miżuri li jistgħu jwasslu għal riżultati konkreti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1999, Heinonen, C‑394/97, EU:C:1999:308, punt 43; tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie, C‑54/99, EU:C:2000:124, punt 17, u tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 23).

57      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-invokazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija, li għandha tinftiehem b’mod ristrett u li l-portata tagħha ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri mingħajr il-kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑503/03, EU:C:2006:74, punt 45; u tad-19 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑319/06, EU:C:2008:350, punt 30, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2017, E, C‑193/16, EU:C:2017:542, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fi kwalunkwe każ, il-kunċett ta’ ordni pubbliku jippresupponi l-eżistenza, minbarra mit-tifxkil ta’ ordni pubbliku li jinvolvi kull ksur tal-liġi, ta’ theddida ġenwina, attwali u biżżejjed serja, li għandha impatt fuq interess fundamentali tas-soċjetà (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑503/03, EU:C:2006:74, punt 46; tad-19 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑319/06, EU:C:2008:350, punt 50, u tas-17 ta’ Novembru 2011, Aladzhov, C‑434/10, EU:C:2011:750, punt 35).

59      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-oġġetti pirotekniċi jikkostitwixxu prodotti min-natura tagħhom perikolużi li jistgħu, b’mod partikolari l-oġġetti pirotekniċi li fihom kompożizzjoni piroteknika ta’ iktar minn 1 kg, ikunu ta’ ħsara għas-sigurtà tal-persuni. Huwa ġustament indika wkoll li dawn l-oġġetti pirotekniċi, minħabba n-natura tagħhom stess u skont iċ-ċirkustanzi li fihom jintużaw, jistgħu jkunu ta’ problema għall-ordni pubbliku.

60      Għaldaqstant, il-fatt li l-bejgħ lill-individwi ta’ oġġetti pirotekniċi, li fihom kompożizzjoni piroteknika ta’ iktar minn 1 kg, huwa suġġett għall-kisba minn dawn l-individwi ta’ awtorizzazzjoni huwa tali li jipprevjeni l-ħsara lill-ordni pubbliku u lis-sigurtà pubblika peress li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li tiġi kkontrollata jew, skont il-każ, limitata l-kwantità ta’ kompożizzjoni piroteknika li tinsab fil-pussess ta’ persuna. Konsegwentement, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tidher li hija xierqa sabiex tipproteġi l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika.

61      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tipproteġi l-għanijiet imfittxija, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/23 jagħti lill-Istati Membri marħni ta’ diskrezzjoni kbir rigward il-miżuri li dawn jistgħu jadottaw sabiex jiggarantixxu l-ordni pubbliku, is-sigurtà u s-sikurezza pubblika, jew anki l-protezzjoni ambjentali. Fost dawn il-miżuri, li jistgħu jirrigwardaw kemm il-pussess kif ukoll l-użu u l-bejgħ ta’ ċerti prodotti pirotekniċi, jinsabu l-miżuri ta’ projbizzjoni kif ukoll dawk ta’ restrizzjoni.

62      Fil-każ ineżami, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprevedix projbizzjoni assoluta ta’ bejgħ ta’ prodotti pirotekniċi, iżda tissuġġettahom sempliċement għall-kundizzjoni li l-konsumatur ikun fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni minn qabel meta jixtri logħob tan-nar jew murtali ta’ sinjalizzazzjoni li fihom kompożizzjoni piroteknika ta’ iktar minn 1 kg.

63      Isegwi li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrestrinġi l-bejgħ ta’ ċerti prodotti pirotekniċi lill-konsumatur.

64      Barra minn hekk, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, miżuri inqas restrittivi, bħar-reġistrazzjoni wara x-xiri ta’ prodotti li fihom ċertu piż ta’ kompożizzjoni piroteknika, ma jidhrux li huma tant effikaċi sabiex jipproteġu l-interessi fundamentali invokati mill-Gvern Belġjan. Huwa minnu li tali formalità tippermetti li tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ kompożizzjoni piroteknika miksuba minn konsumatur, iżda mhux li tiġi influwenzata l-kwantità li tista’ tinkiseb u lanqas, konsegwentement, li ssir ġlieda daqshekk effikaċi kontra l-ħsara lill-interessi fundamentali inkwistjoni. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu protetti l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi, kif previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/23, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi ż-żamma jew l-użu mill-konsumaturi u l-bejgħ lilhom ta’ logħob tan-nar li fih kompożizzjoni piroteknika ta’ iktar minn 1 kg sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika u ma tmurx lill hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu protetti dawn l-interessi fundamentali, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq it-tieni domanda

66      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ moviment liberu ta’oġġetti pirotekniċi, kif previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23, moqri, jekk ikun il-każ, flimkien mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħażna ta’ oġġetti pirotekniċi li huma konformi mad-Direttiva 2007/23 u intiżi għal bejgħ bl-imnut, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni doppja, jiġifieri awtorizzazzjoni federali għall-isplużivi u permess tal-ambjent reġjonali, minkejja li dawn iż-żewġ skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom l-istess għan, li f’dan il-każ huwa l-prevenzjoni tar-riskji għas-sigurtà u li l-ewwel waħda minn dawn l-iskemi tiffissa limitu massimu baxx wisq għall-ħażna tal-logħob tan-nar.

67      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2007/23.

68      Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-premessa 4 ta’ din id-direttiva u mill-Artikolu 14(1) tagħha jirriżulta li l-ħażna ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ħlief sa fejn il-kundizzjonijiet li fihom l-oġġetti pirotekniċi kkonċernati jiġu maħżuna ma għandhomx jikkompromettu l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti essenzjali ta’ sigurtà msemmija f’din id-direttiva.

69      Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħażna ta’ oġġetti pirotekniċi li huma konformi mad-Direttiva 2007/23 u intiżi għal bejgħ bl-imnut, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni doppja, ma jistax ikollha impatt fuq il-konformità ta’ dawn l-oġġeti pirotekniċi mal-imsemmija rekwiżiti.

70      Fit-tieni lok, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2006/123.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2006/123 tapplika, skont l-Artikolu 2(1) tagħha, għas-servizzi pprovduti mill-fornituri li għandhom l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru, bl-esklużjoni tal-attivitajiet u tal-oqsma msemmija fl-Artikolu 2(2) u (3) tagħha.

72      Madankollu, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax attività msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123 u ma tidħolx fil-qasam fiskali.

73      Barra minn hekk, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, is-“servizz” għandu jinftiehem bħala kull attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 57 TFUE. Barra minn hekk, il-premessa 76 tal-imsemmija direttiva tippreċiża li r-restrizzjonijiet ipprojbiti skont id-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jkopru r-rekwiżiti applikabbli għall-aċċess għal attivitajiet ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħhom u mhux applikabbli għal merkanzija bħala tali.

74      Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrigwarda formalment il-ħażna tal-oġġetti pirotekniċi, u mhux l-aċċess għall-attività ta’ bejgħ bl-imnut ta’ dawn tal-aħħar jew l-eżerċizzju tagħha, il-ħażna ta’ oġġetti pirotekniċi intiżi sabiex jinbiegħu tikkostitwixxi, għall-bejjiegħa bl-imnut, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prerekwiżit indispensabbli għal din l-attività ta’ bejgħ bl-imnut.

75      Fil-fatt, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkopri l-“bejjiegħa bl-imnut” u, konsegwentement, il-ħażna bl-għan tal-bejgħ. Min-naħa l-oħra, il-fatt li, fil-kuntest ta’ attività ta’ bejgħ bl-imnut, iż-żamma ta’ logħob tan-nar li fih kompożizzjoni piroteknika ta’ iktar minn ċertu kwantità hija suġġetta għal awtorizzazzjoni, għandu effett kemm fuq l-aċċess għal din l-attività kif ukoll fuq l-eżerċizzju tagħha.

76      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-attività ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tikkostitwixxi “servizz” fis-sens tal-punt tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punti 91 kif ukoll 97).

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħażna ta’ oġġetti pirotekniċi intiżi għall-bejgħ bl-imnut għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni doppja, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

78      Peress li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità tal-imsemmija leġiżlazzjoni mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123, sa fejn hija tissuġġetta l-ħażna ta’ oġġetti pirotekniċi li huma konformi mad-Direttiva 2007/23 u intiżi għal bejgħ bl-imnut għall-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni doppja, għandu jiġi, minn naħa, ippreċiżat li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu ta’ pussess fl-istess waqt ta’ awtorizzazzjoni federali u ta’ awtorizzazzjoni reġjonali ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi motiv ta’ inkompatibbiltà mad-Direttiva 2006/123 peress li, skont l-Artikolu 10(7) ta’ din id-direttiva, dan l-artikolu tal-aħħar ma jistax jimmina “l-allokazzjoni tal-kompetenzi, fuq livell lokali jew reġjonali, ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri li jagħtu tali awtorizzazzjonijiet”.

79      Huwa importanti, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dawn iż-żewġ skemi ta’ awtorizzazzjonijiet jissodisfawx l-obbligi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/123.

80      Skont din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu mhux diskriminatorji, iġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonati ma’ dan l-għan, u dan jimplika li huma għandhom ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu li l-imsemmi għan jintlaħaq u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jinkiseb (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 70). Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni teħtieġ li dawn il-kundizzjonijiet għall-għoti jkunu ċari u mhux ambigwi, oġġettivi, trasparenti, aċċessibbli u reżi pubbliċi minn qabel.

81      Hija ġurisprudenza stabbilita li finalment huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali, li hija l-unika qorti kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża pendenti quddiemha, li tiddetermina jekk miżura tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 80 tas-sentenza preżenti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija mitluba tipprovdi lil din il-qorti risposta utli, hija kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet, ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li ġew sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, tali li jippermettu lill-imsemmija qorti tiddeċiedi (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 55; tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 77, u tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Fil-każ ineżami, l-ewwel nett, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kundizzjonijiet għall-għoti taż-żewġ sistemi ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni huma ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa pubblika, għal dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni federali, u l-protezzjoni tal-ambjent, għal dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni reġjonali.

83      Għaldaqstant, hekk kif sostna l-Gvern Belġjan waqt is-seduta, it-tieni domanda hija bbażata, sa fejn issemmi li ż-żewġ skemi ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jsegwu l-istess għan, fuq premessa żbaljata.

84      It-tieni nett, huwa paċifiku li minħabba l-pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjonijeit federali u reġjonali, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dawn l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni huma reżi pubbliċi minn qabel u huma trasparenti u aċċessibbli.

85      It-tielet nett, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li dawn il-kundizzjonijiet ma josservawx il-kriterju dwar iċ-ċarezza u n-nuqqas ta’ ambigwità, imsemmi fl-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, minħabba l-fatt li ż-żewġ skemi ta’ awtorizzazzjoni jaqdu l-istess għan. Fil-fatt, qabel kollox, dan il-kriterju jirreferi għan-neċessità li l-kundizzjonjiet ikun sempliċi biex jinftiehmu minn kulħadd billi tiġi evitata kwalunkwe ambivalenza fil-formulazzjoni tagħha. Sussegwentement, kif diġà ġie ppreċiżat fil-punt 82 tas-sentenza preżenti, dawn iż-żewġ skemi ta’ awtorizzazzjoni jipproteġu interessi pubbliċi differenti. Fl-aħħar nett, waqt is-seduta, il-Gvern Belġjan indika li l-kisba ta’ kull waħda minn dawn l-awtorizzazzjonijiet hija suġġetta għal kundizzjonijiet differenti u preċiżi.

86      Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, il-kundizzjonijiet għall-għoti taż-żewġ skemi ta’ awtorizzazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru li huma ċari u mhux ambigwi.

87      Ir-raba’ nett, il-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-iskemi ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex nondiskriminatorji, proporzjonati u oġġettivi. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li twettaq din il-verifika. Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-kundizzjonijiet imposti, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk il-limitu ta’ 50 kg ta’ kompożizzjoni piroteknika, previst mill-iskema ta’ awtorizzazzjoni federali, jikkostitwixxix limitu li huwa adatt sabiex jiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex u jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan tal-aħħar.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħażna ta’ oġġetti pirotekniċi li huma konformi mad-Direttiva 2007/23 u intiżi għal bejgħ bl-imnut għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni doppja, jiġifieri awtorizzazzjoni federali għall-isplużivi u permess tal-ambjent reġjonali, sa fejn il-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel domanda

89      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminat fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-ksur li bih huma akkużati l-akkużati fil-proċeduri prinċipali jikkostitwixxux “ksur serju”, fis-sens tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 2013/29, b’tali mod li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu jingħataw sanzjonijiet kriminali.

90      Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatti li għalihom l-akkużati fil-proċeduri prinċipali huma akkużati seħħew bejn it-22 ta’ Novembru 2010 u s-27 ta’ Jannar 2013. Issa, peress li dawn il-fatti seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/29, din ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali. L-imsemmija fatti jaqgħu, minħabba f’hekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2007/23.

91      Barra minn hekk, tnejn mill-istanzi ta’ ksur imsemmija fil-kuntest tal-ewwel domanda huma ksur tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa abbażi tal-leġiżlazzjoni Belġjana li tipprevedi sistema ta’ awtorizzazzjoni doppja għall-ħażna tal-oġġetti pirotekniċi bl-għan li jinbiegħu. Hekk kif ġie ppreċiżat fil-punti 67 u 77 tas-sentenza preżenti, din il-leġiżlazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2007/23, iżda dak tad-Direttiva 2006/123.

92      Għaldaqstant, fil-każ ineżami, hija biss l-inkriminazzjoni tal-ksur li jikkonsisti fil-bejgħ, lil konsumaturi, ta’ oġġetti pirotekniċi li fihom kompożizzjoni piroteknika ta’ iktar minn 1 kg, mingħajr ma dawn ikunu fil-pussess tal-awtorizzazzjoni neċessarja għal dan il-għan, li ġiet adottatata abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm ratione materiae u ratione temporis tad-Direttiva 2007/23.

93      Madankollu, hemm lok li jitfakkar li, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 2013/29, tali fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, MA.T.I. SUD u Duemme SGR, C‑523/16 u C‑536/16, EU:C:2018:122, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

94      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda għandha tinftiehem bħala li tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2007/23, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jimponu sanzjonijiet kriminali u, min-naħa l-oħra, jekk id-Direttiva 2006/123 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-Istati Membri jipprevedu sanzjonijiet kriminali f’każ ta’ ksur ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħażna ta’ oġġetti pirotekniċi li huma konformi mad-Direttiva 2007/23 u intiżi għal bejgħ bl-imnut, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni doppja.

95      Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2007/23, għandu jitfakkar li dan l-artikolu la jiddetermina l-inkriminazzjoni u lanqas is-sanzjonijiet applikabbli, iżda sempliċement jindika li l-Istati Membri għandhom l-obbligu jipprevedu tali sanzjonijiet.

96      Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li dan l-artikolu ma jippreċiżax in-natura tas-sanzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jadottaw, iżda jipprevedi li dawn għandu jkollhom natura effettiva, proporzjonata u dissważiva, mill-kliem stess ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jiddeterminaw in-natura tas-sanzjonijiet applikabbli u jistgħu, konsegwentement, jimponu sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati konformement mad-Direttiva 2007/23, sakemm dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

97      Minn dan jirriżulta, minn naħa, li sanzjonijiet kriminali jistgħu jingħataw fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2007/23. Issa, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punti 91 u 92 tas-sentenza preżenti, hija biss l-inkriminazzjoni kriminali tal-bejgħ ta’ oġġetti pirotekniċi, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tad-Direttiva 2007/23, peress li inkriminazzjoni kriminali relattiva għall-ħażna ta’ dawn l-oġġetti pirotekniċi, bl-għan li jinbiegħu, kif previst mis-sistema ta’ awtorizzazzjoni doppja, hija rregolata, min-naħa tagħha, mid-Direttiva 2006/123.

98      Minn dan jirriżulta, minn naħa, li minkejja li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2007/23, b’differenza mill-Artikolu 45 tad-Direttiva 2013/29, ma kienx jipprevedi b’mod espliċitu li l-Istati Membru setgħu jadottaw sanzjonijiet kriminali għall-ksur serju, din id-dispożizzjoni ma kinitx teskludi tali possibbiltà. Għaldaqstant, dan l-Artikolu 45 ma jistax jitqies li huwa lex mitior.

99      Għandu jitfakkar li huwa wkoll l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika li s-sanzjonijiet applikabbli huma effettivi, proporzjonati u dissważivi. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ dawn is-sanzjonijiet, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punti 41 u 44).

100    Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/123, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva, din ma taffettwax ir-regoli tad-dritt kriminali tal-Istati Membri bil-kundizzjoni li hija ma jkollhiex l-effett li tevadi r-regoli msemmija fl-imsemmija direttiva.

101    Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ ksur ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħażna ta’ oġġetti pirotekniċi li huma konformi mad-Direttiva 2007/23 u intiżi għal bejgħ bl-imnut, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni doppja, sakemm ir-regoli nazzjonali tad-dritt kriminali ma jkollhomx l-effett li jevadu dawk tad-Direttiva 2006/123.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2007/23 u l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membru jistgħu jadottaw sanzjonijiet kriminali sakemm, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2007/23, dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u sakemm, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2006/123, ir-regoli nazzjonali tad-dritt kriminali ma jkollhomx l-effett li jevadu r-regoli ta’ din l-istess direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

103    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-prinċipju ta’ moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi, kif previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi ż-żamma jew l-użu mill-konsumaturi u l-bejgħ lilhom ta’ logħob tan-nar li fih kompożizzjoni piroteknika ta’ iktar minn 1 kg sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika u ma tmurx lill hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu protetti dawn l-interessi fundamentali, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

2)      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħażna ta’ oġġetti pirotekniċi li huma konformi mad-Direttiva 2007/23 u intiżi għal bejgħ bl-imnut għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni doppja, jiġifieri awtorizzazzjoni federali għall-isplużivi u permess tal-ambjent reġjonali, sa fejn il-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

3)      L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2007/23 u l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membru jistgħu jadottaw sanzjonijiet kriminali sakemm, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2007/23, dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2006/123, sakemm ir-regoli nazzjonali tad-dritt kriminali ma jkollhomx l-effett li jevadu r-regoli ta’ din l-istess direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.