Language of document : ECLI:EU:C:2018:763

Edizzjoni Provviżorja

DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla għall-Eżami mill‑Ġdid)

 17 ta’ Settembru 2018  (*)


“Eżami mill-ġdid”

Fil-Kawża C‑542/18 RX,

li għandha bħala suġġett proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni, bis-saħħa tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fl‑20 ta’ Awwissu 2018,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla għall-Eżami mill-Ġdid),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

tagħti l-preżenti

Deċiżjoni

1        Il-proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni tikkonċerna s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Lulju 2018, Simpson vs Il‑Kunsill (T‑646/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:493). Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Ġunju 2016, Simpson vs Il‑Kunsill (F‑142/11 RENV, EU:F:2016:136), li permezz tagħha dan ċaħad ir-rikors tar-rikorrent intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tad‑9 ta’ Diċembru 2010 li tiċħad it-talba tiegħu għal avvanz fil-grad AD 9 wara li għadda mill-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/113/07 organizzata għar-reklutaġġ ta’ kapijiet ta’ unità ta’ grad AD 9, b’mod speċifiku ta’ lingwa Estonjana, fil-qasam tat-traduzzjoni, u tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2011 li tiċħad l-ilment tiegħu u, min-naħa l-oħra il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-dannu allegatament imġarrab. Dan id-digriet ingħata wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kunsill vs Simpson (T‑130/14 P, EU:T:2015:796), li tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Simpson vs Il‑Kunsill (F‑142/11, EU:F:2013:201), u li tagħmel riferiment għas-sentenza quddiem dan tal-aħħar.

2        Il-Qorti Ġenerali qieset li l-kulleġġ ġudikanti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ta dan l-aħħar digriet ma kienx ġie kkostitwit b’mod regolari.

3        Mill-Artikolu 256(2) TFUE jirriżulta li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali fuq appelli mid-deċiżjonijiet mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fejn ikun hemm periklu serju ta’ preġudizzju għall-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

4        Bis-saħħa tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Avukat Ġenerali Ewlieni jista’, meta jidhirlu li jkun hemm riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

5        Mill-Artikolu 193(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, f’dan ir-rigward, li meta tintalab tieħu konjizzjoni ta’ tali proposta ta’ eżami mill-ġdid, l-Awla għall-Eżami mill-Ġdid għandha tiddeċiedi jekk hemmx lok li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi eżaminata mill-ġdid u li, meta hekk ikun il-każ, id-deċiżjoni li tiġi eżaminata mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tindika biss il-kwistjonijiet li għandhom ikunu s-suġġett tal-eżami mill-ġdid.

6        F’dan il-każ, l-Awla għall-Eżami mill-Ġdid ikkunsidrat li hemm lok li jsir l-eżami mill-ġdid tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2018, Simpson vs Il‑Kunsill (T‑646/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:493).

7        Il-kwistjonijiet li ser jiġu eżaminati fl-eżami mill-ġdid huma indikati fil-punt 2 tad-dispożittiv tal-preżenti deċiżjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla għall-Eżami mill-Ġdid) tiddeċiedi:

1)      Hemm lok li jsir l-eżami mill-ġdid tas-sentenza tad19 ta’ Lulju 2018, Simpson vs IlKunsill (T646/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:493).

2)      L-eżami mill-ġdid għandu jitratta l-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad19 ta’ Lulju 2018, Simpson vs IlKunsill (T646/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:493), tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn l-imsemmija Qorti Ġenerali, fil-kapaċità tagħha bħala qorti ta’ appell, iddeċidiet li l-kulleġġ ġudikanti li ta d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal24 ta’ Ġunju 2016, Simpson vs IlKunsill (F142/11 RENV, EU:F:2016:136), kien kompost b’mod irregolari minħabba irregolarità li kienet taffettwa l-proċedura ta’ ħatra ta’ wieħed mill-Membri ta’ dan il-kulleġġ, li kkawżat ksur tal-prinċipju ta’ qorti legali stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

L-eżami mill-ġdid għandu jirrigwarda b’mod partikolari l-punt dwar jekk, bħal fil-każ tal-atti msemmija fl-Artikolu 277 TFUE, il-ħatra ta’ Mħallef tistax tkun suġġetta għal stħarriġ tal-legalità inċidentali jew jekk tali stħarriġ tal-legalità inċidentali huwiex – bħala prinċipju jew wara d-dekorriment ta’ ċertu perijodu ta’ żmien – eskluż jew limitat għal ċerti tipi ta’ irregolaritajiet sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà ġuridika u l-awtorità ta’ res judicata.

3)      Il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea huma mistiedna jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar l-imsemmija kwistjoni.

Firem