Language of document : ECLI:EU:C:2018:803

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 3 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ talba għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mingħajr deċiżjoni espliċita dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina – Direttiva 2011/95/UE – Artikoli 9 u 10 – Motivi ta’ persekuzzjoni abbażi tar-reliġjon – Prova – Leġiżlazzjoni Iranjana dwar l-apostasija – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46(3) – Rikors effettiv”

Fil-Kawża C‑56/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

Bahtiyar Fathi

vs

Predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President ta’ Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn E. Tóth, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn M. Gray, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (5)(b), tal-Artikolu 9(1) u (2) u tal-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), u tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Bahtiyar Fathi u l-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite (Direttur tal-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati, iktar ’il quddiem id-“DAB”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn B. Fathi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-konvenzjoni ta’ Genève

3        Il-Konvenzjoni li għandha x’taqsam mal-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954, u ġiet ikkompletata u emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjat, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li fir-rigward tiegħu daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

4        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, it-terminu “refuġjat” japplika għal kull persuna li “jkollha biża’ fondata minn persekuzzjoni minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sħubija tagħha fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, issib ruħha barra mill-pajjiż li tiegħu hija ċittadina u li ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx trid tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, jekk ma jkollhiex nazzjonalità u tkun tinsab barra mill-pajjiż fejn l-aħħar kellha r-residenza abitwali tagħha ma tistax jew, minħabba l-imsemmija biża’, ma tkunx trid tmur lura f’dak il-pajjiż”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-KEDB

5        Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tipprevedi, fl-Artikolu 15 tagħha, intitolat “Deroga f’każ ta’ stat ta’ urġenza”:

“1.      Fi żmien ta’ gwerra jew ta’ xi emerġenza pubblika oħra li thedded il-ħajja tan-nazzjon, kull Parti Kontraenti Għolja tista’ tieħu miżuri li jidderogaw mill-obbligi tagħha taħt din il-Konvenzjoni sal-punt strettament meħtieġ skont l-eżiġenzi tas-sitwazzjoni, sakemm dawk il-miżuri ma jkunux inkonsistenti mal-obbligi l-oħra tagħha taħt il-liġi internazzjonali.

2.      Id-dispożizzjoni ta’ qabel din ma tawtorizza ebda deroga mill-Artikolu 2 [“Id-dritt għall-ħajja”], ħlief fil-każijiet ta’ mewt li jirriżultaw minn atti leċiti tal-gwerra, u mill-Artikoli 3 [“Il-projbizzjoni tat-tortura”], 4(1) [“Il-projbizzjoni tal-iskjavitù”] u 7 [“Ebda piena mingħajr liġi”].

[…]”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2011/95

6        Id-Direttiva 2011/95 ħassret, b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2013, id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi bħala refuġjati jew bħala persuni li għal raġunijiet oħra jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni li tingħata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

7        Il-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95 tipprovdi:

“Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. […]”

8        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

h)      ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;”

[…]”

9        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.

2.      L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond [il-passat], inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.      L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

a)      il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

b)      id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

c)      il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

[…]

4.      Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut.

5.      Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

b)      l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant ikunu ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li tirrigwarda nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

c)      id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant;

d)      l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali kmieni kemm jista’ jkun, sakemm l-applikant jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; u

e)      il-kredibilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.”

10      L-Artikolu 9(1) u (2) tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.      Sabiex din titqies bħala att ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, att għandu:

a)      ikun serju biżżejjed fin-natura jew ripetizzjoni tiegħuli jikkostitwixxi vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-[KEDB]; jew

b)      ikunu akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individwu f’manjiera simili kif imsemmi f’punt (a).

2.      Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:

[…]

b)      miżuri legali, amministrattivi, miżuri mill-pulizija u/jew miżuri ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja;

c)      prosekuzzjoni jew kastig li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju;

[…]”

11      Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95:

“1.      L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni:

[…]

b)      il-kunċett ta’ reliġjon għandu partikolarment jinkludi t-twemmin teistiku, non-teistiku, u ateistiku, il-parteċipazzjoni fi, jew l-astenzjoni minn, qima formali fil-privat jew fil-pubbliku, jew b’mod individwali jew f’komunità ma’ oħrajn, atti oħra reliġjużi jew espressjonijiet ta’ opinjoni, jew forom ta’ kondotta personali jew kommunali bbażati fuq jew magħmula obbligatorji minn xi twemmin reliġjuż;

[…]

2.      Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.”

 Id-Direttiva 2013/32

12      Il-premessi 12, 53 u 54 tad-Direttiva 2013/32 jiddikjaraw:

“(12)      L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva hu li jiġu żviluppati aktar l-istandards għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali bl-għan li tiġi stabbilita proċedura komuni tal-asil fl-Unjoni.

[…]

(53)      Din id-Direttiva ma tittrattax dwar dawk il-proċeduri bejn l-Istati Membri li huma regolati mir-Regolament [Dublin III].

(54)      Din id-Direttiva għandha tapplika għal applikanti li għalihom japplika r-Regolament (UE) Nru 604/2013, flimkien u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.”

13      Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)      ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ jew ‘applikazzjoni’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li qed tfittex stat ta’ rifuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni barra mill-ambitu tad-[2011/95], li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

[…]”

14      L-Artikolu 31(8) tal-imsemmija direttiva jinqara kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li proċedura ta’ eżami konformi mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II tiġi mgħaġġla u/jew titmexxa fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu taħt l-Artikolu 43 jekk:

[…]

e)      l-applikant ikun għamel rappreżentazzjonijiet li b’mod ċar kienu inkonsistenti u kontradittorji li jkunu foloz jew manifestament improbabbli jew insuffiċjenti li jikkontradixxu informazzjoni vverfikata kif xieraq dwar il-pajjiż ta’ oriġini, li konsegwentement jwasslu biex it-talba tiegħu/tagħha ma tkunx tidher konvinċenti fir-rigward tad- jekk huwa/hija jikkwalifikaw/tikkwalifikax bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]; […]

[…]”

15      L-Artikolu 32(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“F’każijiet ta’ applikazzjonijiet bla bażi li fihom tapplika kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi elenkati fl-Artikolu 31(8) l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw applikazzjoni bħala manifestament bla bażi jekk tkun definita hekk fil-liġi nazzjonali.”

16      L-Artikolu 46(1) u (3) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)      deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

i)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

ii)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2),

iii)      meħuda fuq il-fruntiera jew fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Stat Membru kif deskritt fl-Artikolu 43(1);

iv)      li ma jsirx eżami f’konformità mal-Artikolu 39.

b)      rifjut li l-eżami ta’ applikazzjoni jinfetaħ mill-ġdid wara li tkun twaqqfet skont l-Artikoli 27 u 28;

c)      deċiżjoni li tirtira l-protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 45.

[…]

3.      Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.”

 Ir-Regolament Dublin III

17      Il-premessi 4, 5, u 19 tar-Regolament Dublin III jipprovdu:

“(4)      Il-konklużjonijiet [tal-Kunsill Ewropew, waqt il-laqgħa speċjali tiegħu] ta’ Tampere [fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 1999] ddikjaraw ukoll li [s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)      Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.”

[…]

(19)      Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati„ għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.”

18      L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida […]”

19      L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)      ‘applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva [2011/95];

[…]

d)      ‘eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva [2013/32] u d-Direttiva [2011/95] ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont dan ir-Regolament;

[…]”

20      L-Artikolu 3(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.”

21      L-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Dublin III jipprovdu, rispettivament, dritt għall-informazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, kif ukoll regoli dwar it-twettiq tal-intervista mal-applikant.

22      L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament huma redatti kif ġej:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

L- Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. […]”

23      Skont l-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament:

“Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.”

24      L-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III jipprovdi r-rimedji li għandu l-applikant għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

 Id-dritt Bulgaru

25      Fil-Bulgarija, l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali huwa rregolat biż-Zakon za ubezhishteto i bezhantsite (il-Liġi dwar l-Ażil u r-Refuġjati) fil-verżjoni tagħha ppubblikata fid-DV Nru 103, tas-27 ta’ Diċembru 2016 (iktar ’il quddiem iz-“ZUB”).

26      L-Artikolu 6(1) taz-ZUB jipprovdi:

“Is-setgħat mogħtija b’din il-liġi huma eżerċitati mill-uffiċjali tal-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati. Dawn jistabbilixxu l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u jassistu lill-barranin li japplikaw għal tali protezzjoni.”

27      L-Artikoli 8 u 9 taz-ZUB jirrigwardaw l-istatus ta’ refuġjat fil-Bulgarija, kif ukoll l-istatus umanitarju.

28      L-Artikolu 67a(2) taz-ZUB jipprevedi:

“Il-proċedura prevista f’din it-Taqsima għandha tinfetah:

1.      b’deċiżjoni tal-awtorità li fiha jsiru l-intervisti, fil-preżenza ta’ data li tistabbilixxi li r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea;

2.      fuq talba mill-Ministeru tal-Intern u mill-Aġenzija Statali ta’ “Sigurtà Nazzjonali” dwar ir-residenza illegali tal-persuna barranija fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija;

3.      fuq talba ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid ta’ responsabbiltà mill-ġdid mill-persuna barranija.”

29      L-Artikolu 68 taz-ZUB huwa fformulat f’dawn it-termini:

“Il-proċedura ordinarja għandha tinfetah:

(1)      permezz tar-reġistrazzjoni tal-persuna barranija wara l-preżentata minnha ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali;

[…]

(2)      Meta r-Repubblika tal-Bulgarija tinħatar bħala responsabbli jew tkun ħadet lura r-responsabbiltà ta’ persuna barranija […], il-proċedura prevista f’din it-taqsima tinfetah permezz tar-reġistrazzjoni tal-persuna barranija mal-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati wara t-trasferiment tagħha.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

30      B. Fathi huwa ċittadin Iranjan ta’ oriġini Kurda, li fl-1 ta’ Marzu 2016, ressaq quddiem id-DAB applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, abbażi tal-persekuzzjoni li allegatament sofra mill-awtoritajiet Iranjani għal raġunijiet reliġjużi u, b’mod partikolari, minħabba l-konverżjoni tiegħu lejn il-Kristjaneżmu bejn tmiem l-2008 u l-bidu tal-2009.

31      B. Fathi espona, fil-kuntest tad-diskussjonijiet tiegħu mal-awtoritajiet Bulgari, li kellu dixx tas-satellita illegali li biha kien jaqbad l-istazzjon televiżiv nisrani pprojbit “Nejat TV” u li huwa pparteċipa, f’okkażjoni waħda, bit-telefon, għal xandira tat-televiżjoni b’mod dirett. Għall-finijiet li jipprova dan il-fatt, B. Fathi ppreżenta quddiem l-awtoritajiet imsemmija ittra ta’ Nejat TV, tad-29 ta’ Novembru 2012. B. Fathi invoka wkoll il-pussess ta’ bibbja f’lingwa li jifhem u ddikjara li kien daħal f’kuntatt ma’ nsara oħrajn fl-okkażjoni ta’ laqgħat, madankollu mingħajr ma huwa membru ta’ komunità reliġjuża.

32      Matul Settembru 2009, huwa ġie arrestat għal jumejn mis-servizzi sigrieti Iranjani u ġie mistoqsi dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fix-xandira tat-televiżjoni msemmija iktar ’il fuq. Matul id-detenzjoni tiegħu, huwa jammetti li kkonverta lejn il-Kristjaneżmu.

33      B’deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2016, id-DAB ċaħad l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ B. Fathi bħala infondata, billi qies li l-istqarrija ta’ B. Fathi kien fiha kontradizzjonijiet sostanzjali u li ma kienu ġew stabbiliti la l-eżistenza ta’ persekuzzjoni jew ta’ riskju ta’ persekuzzjoni fil-futur, u lanqas dik ta’ riskju ta’ piena tal-mewt. Dan ikkunsidra wkoll li, fid-dawl tan-natura meqjus improbabbli tal-istqarrija kollha tal-persuna kkonċernata, id-dokument tad-29 ta’ Novembru 2012, ippreżentat minn B. Fathi sabiex jissostanzja l-konverżjoni tiegħu lejn il-Kristjaneżmu, kien falz.

34      B. Fathi talab l-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Administrativen sad Sofia-grad (qorti amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija). Dan isostni li d-DAB wettaq evalwazzjoni żbaljata tad-dokument imsemmi fil-punt preċedenti, li jipprova l-konverżjoni tiegħu lejn il-Kristjaneżmu. Dan iqis ukoll li l-awtorità msemmija ma qisitx biżżejjed l-informazzjoni li tgħid li l-“liġi Iżlamika dwar l-Apostasija” (liġi dwar ir-rinunzja tar-reliġjon) tipprevedi l-piena tal-mewt għal tali konverżjoni bħala proselitiżmu, “ostilità lejn Alla” u “insult lejn il-Profeta”. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li B. Fathi huwa ta’ oriġini Kurda, iżda li, skont dan tal-aħħar, il-problemi tiegħu fl-Iran huma kkawżati mir-relazzjonijiet tiegħu mal-insara u mill-konverżjoni tiegħu lejn il-Kristjaneżmu.

35      Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-insara fl-Iran, il-qorti tar-rinviju tindika li ġie rrappurtat li l-Gvern Iranjan qatel lil mill-inqas 20 persuna akkużata b’“ostilità lejn Alla”, li fosthom kien hemm għadd ta’ Kurdi Sunniti. Skont rapport tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) tal-15 ta’ April 2015, persuni reċentement konvertiti lejn il-Kristjaneżmu ġew ikkundannati, fl-Iran, għal pieni ta’ sena ta’ priġunerija u ta’ projbizzjoni ta’ tluq mit-territorju ta’ sentejn.

36      B. Fathi jsostni li għandu jiġi rikonoxxut bħala refuġjat abbażi tal-affiljazzjoni reliġjuża tiegħu u, fir-rigward tal-prova tal-fatti rilevanti, li għandu jiġi applikat il-prinċipju li jgħid li d-dubju għandu jibbenefika lill-applikant.

37      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)      Mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Dublin III], interpretat flimkien mal-premessa 12 u mal-Artikolu 17 tar-Regolament, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tippermetti li Stat Membru jadotta deċiżjoni li tikkostitwixxi eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament, ippreżentata fl-imsemmi Stat Membru, mingħajr ma tkun adottata deċiżjoni espliċita dwar ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru konformement mal-kriterji tar-Regolament, f’sitwazzjoni fejn ebda element tal-każ ineżami ma jagħti lok għall-applikazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 17 tar-Regolament?

2)      Mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Dublin III], interpretat flimkien mal-premessa 54 tad-Direttiva 2013/32, jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li tikkonċerna applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-istess regolament, f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm lok li tiġi applikata deroga prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament, hija meħtieġa l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Istat Membru jaċċetta li jeżamina l-applikazzjoni konformement mal-kriterji tar-Regolament, liema deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq il-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Dublin III] japplikaw għall-applikant?

3)      L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi proċedura ta’ rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, il-qorti għandha tevalwa, konformement mal-premessa 54 tad-Direttiva, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Dublin III] japplikawx għall-applikant, f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru ma adottax deċiżjoni espliċita dwar ir-responsabbiltà tiegħu sabiex jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali konformement mal-kriterji tar-Regolament? Fuq il-bażi tal-premessa 54 tad-Direttiva 2013/32, għandu jitqies li, fl-assenza ta’ elementi li jagħtu lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament [Dublin III], u f’sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kienet ġiet eżaminata mill-Istat Membru li quddiemu kienet tressqet fuq il-bażi tad-Direttiva 2011/95, is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament anki meta l-imsemmi Stat Membru ma jkunx adotta deċiżjoni espliċita dwar ir-responsabbiltà tiegħu konformement mal-kriterji tar-Regolament?

4)      Mill-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jeżistu raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq ir-“reliġjon” meta l-applikant la jkun ippreżenta dikjarazzjoni u lanqas dokumenti li jikkonċernaw l-elementi kollha koperti mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ reliġjon fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li għandhom importanza fundamentali sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata hijiex affiljata ma’ reliġjon partikolari?

5)      Mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li jeżistu raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq ir-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva, meta, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-applikant jallega li huwa s-suġġett ta’ persekuzzjoni minħabba r-reliġjon tiegħu, iżda ma jipprovdi ebda dikjarazzjoni u ebda prova fir-rigward taċ-ċirkustanzi karatteristiċi tal-affiljazzjoni ta’ persuna ma’ reliġjon partikolari u li jistgħu jikkostitwixxu raġuni sabiex wieħed iqis li l-persuna li hija s-suġġett ta’ persekuzzjoni hija affiljata ma’ din ir-reliġjon, ċirkustanzi li jinkludu dawk marbuta mal-fatt li wieħed iwettaq jew jastjeni milli jwettaq ċerti atti reliġjużi u mal-espressjoni ta’ twemmin reliġjuż, jew mal-mod kif wieħed jaġixxi b’mod individwali jew soċjali bbażat fuq twemmin reliġjuż jew impost minn dan it-twemmin?

6)      Mill-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95, interpretat flimkien mal-Artikoli 18 u 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u mill-kunċett ta’ reliġjon fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva, jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali:

a.      il-kunċett ta’ reliġjon fis-sens tad-dritt tal-Unjoni jeskludi l-aġir li jikkostitwixxi ksur tad-dritt kriminali nazzjonali tal-Istati Membri? Tali aġir li jikkostitwixxi ksur tad-dritt kriminali fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant jista’ jikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni?

b.      Fil-kuntest tal-projbizzjoni ta’ proselitiżmu u tal-projbizzjoni ta’ atti li jmorru kontra r-reliġjon li fuqha huma bbażati l-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, għandhom jitqiesu li huma legali restrizzjonijiet previsti sabiex jitħarsu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor u sabiex jitħares l-ordni pubbliku ta’ dan il-pajjiż? F’sitwazzjoni fejn il-ksur tal-projbizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huwa punit bil-piena kapitali, l-eżistenza stess ta’ dawn il-projbizzjonijiet tikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija tad-Direttiva, anki f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni ma tagħmilx riferiment espliċitu għal reliġjon partikolari?

7)      Mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95, interpretat flimkien mal-Artikolu 4(5)(b) tad-Direttiva, mal-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi għandha tkun ibbażata esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti prodotti mill-applikant, iżda li jista’ jkun rikjest li jiġu ssostanzjati l-elementi neqsin, li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ reliġjon fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, f’sitwazzjoni fejn:

–        mingħajr din l-informazzjoni, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkollha tiġi miċħuda bħala infondata fis-sens tal-Artikolu 32, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 31(8)(e), tad-Direttiva 2013/32, u

–        id-dritt nazzjonali jirrikjedi li l-awtorità kompetenti tistabbilixxi l-fatti rilevanti kollha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u fejn il-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut hija meħtieġa tindika li l-persuna kkonċernat la invokat u lanqas ipproduċiet provi?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

38      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tesponi, fil-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, li r-rikors ippreżentat quddiemha huwa dirett kontra d-deċiżjoni li biha d-DAB ċaħad fil-mertu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ B. Fathi.

39      F’dan il-kuntest, din tenfasizza li, wara l-introduzzjoni ta’ din it-talba, din ġiet irreġistrata u B. Fathi ġie mismugħ personalment darbtejn. Din iżżid li, minn perspettiva formali, ittieħdet biss deċiżjoni sostantiva dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu, u li l-ebda deċiżjoni espliċita ma ttieħdet, fuq il-bażi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, li tistabbilixxi li l-imsemmija talba kienet eżaminata mir-Repubblika tal-Bulgarija bħala l-Istat li l-kriterji msemmija fil-Kapitolu III jindikaw bħala responsabbli. Għaldaqstant, din tistaqsi jekk ir-Regolament Dublin III japplikax għall-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali kollha li jsiru fit-territorju ta’ Stat Membru jew biss għall-proċeduri ta’ trasferiment tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

40      F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tesponi li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ B. Fathi, kien fis-seħħ l-Artikolu 67a taz-ZUB, li abbażi tiegħu l-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tinfetah b’deċiżjoni tal-awtorità li quddiemha għandhom isiru l-intervisti, “fil-preżenza ta’ data li tistabbilixxi li r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea”.

41      Fin-nuqqas ta’ dejta li tistabbilixxi li l-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ B. Fathi jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru ieħor, infetħet mid-DAB il-“proċedura ordinarja” intiża biex dan jiddeċiedi fuq il-mertu ta’ din it-talba, skont l-Artikolu 68(1) taz-ZUB. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju la tindika li B. Fathi ma ġiex informat bil-ftuħ ta’ din il-proċedura u lanqas li dan qajjem xi oġġezzjoni f’dan ir-rigward.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jwettqu l-eżami fil-mertu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ dan ir-regolament, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni espliċita ta’ dawn l-awtoritajiet li tistabbilixxi, fuq il-bażi tal-kriterji previsti mill-imsemmi regolament, li r-responsabbiltà għal dan l-eżami kienet taqa’ fuq dan l-Istat Membru.

43      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, dan jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida. L-Artikolu 2(b) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu, “applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ bħala applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, tali applikazzjoni tinftiehem bħala t-“talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex stat ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja”.

44      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba ta’ B. Fathi, ċittadin ta’ pajjiż terz, li ġiet miċħuda mid-DAB, hija intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus umanitarju, li jikkorrispondi għall-istatus tal-protezzjoni sussidjarja, previsti rispettivament fl-Artikoli 8 u 9 taz-ZUB. Isegwi, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 14 tal-konklużjonijiet tiegħu, li t-talba ta’ B. Fathi, bħala talba mressqa minn ċittadin ta’ pajjiż terz fil-Bulgarija, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu.

45      Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, irrispettivament minn dak li jkun, bħala prinċipju tiġi eżaminata unikament mill-Istat Membru li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament juru li huwa responsabbli. Il-Kapitolu IV tal-imsemmi regolament jidentifika, b’mod preċiż, is-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jitqies bħala responsabbli mill-eżami ta’ tali applikazzjoni permezz ta’ deroga minn dawn il-kriterji.

46      Barra minn hekk, Stat Membru li quddiemu titressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali huwa marbut li jsegwi l-proċeduri previsti fil-Kapitolu VI tal-istess regolament għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 58).

47      Fost id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, l-Artikolu 20(1) tiegħu jipprovdi li l-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-regolament għandu jibda “hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru”.

48      Għalhekk, il-mekkaniżmi stabbiliti mir-Regolament Dublin III sabiex jinġabru l-elementi neċessarji fil-kuntest ta’ dan il-proċess huma intiżi sabiex jiġu applikati mas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi espressament li huwa wara s-sottomissjoni ta’ tali applikazzjoni li l-applikant għandu jiġi informat, b’mod partikolari, dwar il-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, dwar l-organizzazzjoni ta’ intervista individwali u dwar il-possibbiltà li jipprovdi informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 86 u 87).

49      F’dan il-każ, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħu, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżulta bl-ebda mod li l-awtoritajiet Bulgari ma stabbilixxewx il-kompetenza tagħhom skont il-kriterji previsti mir-Regolament Dublin III wara li kkonstataw li r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma kinitx taqa’ fuq Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 67a taz-ZUB. Fil-fatt, id-dubji espressi f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju jittrattaw biss il-fatt li ebda deċiżjoni espliċita ma ġiet adottata mill-awtorità kompetenti Bulgara wara l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

50      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan il-proċess għandux jitlesta permezz tat-teħid ta’ deċiżjoni espliċita li tistabbilixxi, abbażi tal-kriterji previsti mill-imsemmi regolament, ir-responsabbiltà tal-imsemmi Stat Membru biex iwettaq tali eżami, għandha tingħata risposta għal din id-domanda mhux biss billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kliem tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-istruttura ġenerali tar-regoli li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnu, kif ukoll tal-għanijiet imfittxija minnha (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, X, C‑213/17, EU:C:2018:538, punt 26).

51      L-ewwel nett, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprevedix espressament obbligu għall-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun saret applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li jadotta, b’mod espliċitu, deċiżjoni li tistabbilixxi r-responsabbiltà tiegħu taħt il-kriterji previsti mill-imsemmi regolament, u lanqas il-forma li għandha tieħu tali deċiżjoni.

52      It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III jifforma parti mill-Kapitolu II tiegħu, li jirrigwarda l-prinċipji ġenerali u l-garanziji għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Fost il-garanziji msemmija, li għandhom jiġu osservati mill-Istat Membru li jkun qiegħed jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, hemm id-dritt għall-informazzjoni tal-applikant, previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. Dan id-dritt għall-informazzjoni jirrigwarda mhux biss il-kriterji sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli, il-ġerarkija ta’ tali kriterji fil-passi differenti tal-proċedura u t-tul ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-fatt li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata fi Stat Membru wieħed tista’ twassal għall-ħatra ta’ dak l-Istat Membru bħala responsabbli skont dan l-istess regolament, anki jekk din ir-responsabbiltà ma tkunx abbażi ta’ dawk il-kriterji.

53      Sussegwentement, l-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali” jipprovdi b’mod speċifiku, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, b’deroga mill-Artikolu 3(1) ta’ dan, kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, anki jekk dan l-eżami ma jkunx ir-responsabbiltà tiegħu taħt il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament, fejn tali Stat Membru għalhekk isir l-Istat Membru responsabbli u jassumi l-obbligi marbuta ma’ din ir-responsabbiltà. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din il-fakoltà hija intiża sabiex tippermetti lil kull Stat Membru li jiddeċiedi b’mod sovran, skont kunsiderazzjonijiet politiċi, umanitarji jew prattiċi, li jaċċetta li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, anki jekk dan ma jkunx responsabbli għaliha skont dawn il-kriterji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Halaf, C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 37).

54      Finalment, it-Taqsima IV, intitolata “Salvagwardji proċedurali”, tal-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III tipprevedi, fil-każ ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment tal-applikant, in-notifika lil dan tal-aħħar ta’ tali deċiżjoni, li fiha wkoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli. Min-naħa l-oħra, dan ir-Regolament ma jinkludix, soġġett għas-salvagwardji previsti fl-Artikoli 4 u 5 tiegħu, tali garanziji proċedurali speċifiċi meta, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru li jkun qed jiddetermina liema huwa l-Istat Membru responsabbli jikkonkludi li ma hemmx lok li jsir trasferiment tal-applikant lejn Stat Membru ieħor minħabba n-nuqqas ta’ dejta li tistabbilixxi li r-responsabbiltà għall-eżami ta’ dik it-talba taqa’ fuq Stat Membru ieħor u li l-Istat Membru li jagħmel id-determinazzjoni msemmija huwa, abbażi tal-kriterji stabbiliti mir-regolament imsemmi, responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

55      It-tielet nett, fost l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Dublin III hemm dak li jiġu stabbiliti r-regoli ta’ organizzazzjoni li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, bil-għan li jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli u, hekk kif jirriżulta mill-premessi 4 u 5 tiegħu, li tkun permessa d-determinazzjoni minnufih tal-Istat Membru responsabbli sabiex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u li ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 57).

56      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi testwali, kuntestwali u teleoloġiċi, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi għandha tkun li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jwettqu l-eżami fil-mertu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ dan ir-regolament, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni espliċita ta’ dawn l-awtoritajiet li tistabbilixxi, fuq il-bażi tal-kriterji previsti mill-imsemmi regolament, li r-responsabbiltà għal dan l-eżami kienet taqa’ fuq dan l-Istat Membru.

 Fuq it-tielet domanda

57      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tindika li hija adita b’rikors ippreżentat minn B. Fathi kontra d-deċiżjoni tad-DAB li ċaħdet fil-mertu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu, u li hija kompetenti sabiex jitwettaq l-eżami previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32. Din iżżid li, skont il-liġi nazzjonali, hija marbuta li tevalwa jekk ġietx osservata l-proċedura ta’ adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

58      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan il-kuntest, li mill-premessa 54 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li din għandha tapplika għall-applikanti li għalihom japplika r-Regolament Dublin III “flimkien u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament”.

59      Għaldaqstant, din tistaqsi jekk, bħala qorti tal-ewwel istanza adita b’appell kontra deċiżjoni ta’ rifjut li tingħata protezzjoni internazzjonali, hija għandhiex tivverifika ex officio l-osservanza tal-kriterji u tal-mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, previst fir-Regolament Dublin III.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għandux, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni li tikkunsidra bħala infondata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu, il-qorti ta’ Stat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni għandhiex teżamina ex officio jekk il-kriterji u l-mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni msemmija, kif stabbiliti fir-Regolament Dublin III, ġewx applikati b’mod korrett.

61      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 46(1)(a) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) tagħha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkollu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, b’mod partikolari, kontra d-deċiżjoni li tikkunsidra bħala infondata applikazzjoni għal protezzjoni li titressaq quddiemhom minn dan l-applikant, li tista’ tinftiehem li tkun intiża għall-kisba ta’ status ta’ rifuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

62      L-Artikolu 46(3) tal-istess direttiva jippreċiża l-portata tad-dritt għal rimedju effettiv li l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom kontra d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet tagħhom. B’hekk, dan jipprovdi li, sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti tal-liġi, inkluż, jekk ikun il-każ, eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva [2011/95], għall-inqas fil-kuntest tal-proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal tal-ewwel istanza.

63      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, f’dak li jirrigwarda l-kliem “għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi”, li hemm lok, sabiex ma titneħħilhomx it-tifsira normali tagħhom, li jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, jadattaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li t-trattament tar-rikorsi msemmija jinkludi eżami, mill-qorti, tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jippermettulha twettaq evalwazzjoni aġġornata tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 110).

64      F’dan ir-rigward, l-espressjoni “ex nunc” tenfasizza l-obbligu tal-qorti li twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-punti ġodda li jirriżultaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors. Min-naħa tiegħu, l-aġġettiv “sħiħ” li jinsab fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jikkonferma li l-qorti għandha teżamina l-elementi li l-awtorità responsabbli mid-determinazzjoni ħadet jew kellha tieħu inkunsiderazzjoni (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 111 u 113).

65      Hekk kif irrilevat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami sħiħa tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali rregolata minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li r-rimedji previsti b’mod speċifiku fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III huma previsti fl-Artikolu 27 tiegħu, liema ħaġa tirriżulta wkoll mill-premessa 19 tal-istess regolament.

66      Issa, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 12 tad-Direttiva 2013/32, l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva huwa li jiġu żviluppati standards dwar il-proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri.

67      Ċertament, il-premessa 54 tad-Direttiva 2013/32 tipprovdi li din għandha tapplika għall-applikanti li għalihom japplika r-Regolament Dublin III, flimkien u mingħajr preġudizzju għal dak ir-regolament.

68      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat, skont l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32, minn applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni li tikkunsidra bħala infondata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandha tivverifika ex officio l-applikazzjoni korretta tal-kriterji u tal-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, skont ir-Regolament Dublin III.

69      Fil-fatt, minn naħa, mill-premessa 53 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta espressament li din ma hijiex intiża li tapplika għall-proċeduri bejn l-Istati Membri rregolati mir-Regolament Dublin III.

70      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(d) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament “eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” tfisser “kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva [2013/32] u d-Direttiva [2011/95] ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont [l-imsemmi] Regolament”.

71      Minn dan isegwi, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ma huwiex l-obbligu tal-qorti nazzjonali li quddiemha tressaq rikors kontra deċiżjoni adottata fit-tmiem tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, kif iddefinita f’din id-dispożizzjoni, li teżamina ex officio jekk il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli taħt ir-Regolament Dublin III ġietx applikata b’mod korrett.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għandu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni li tikkunsidra bħala infondata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu, il-qorti ta’ Stat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni ma hijiex marbuta li teżamina ex officio jekk il-kriterji u l-mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni msemmija, kif stabbiliti fir-Regolament Dublin III, ġewx applikati b’mod korrett.

 Fuq ir-raba’, il-ħames, u s-seba’ domanda

73      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jqis lilu nnifsu sempliċement bħala “nisrani”, mingħajr, madankollu, ma identifika ruħu bħala membru ta’ komunità reliġjuża tradizzjonali, u li huwa ma pproduċiex provi u lanqas dikjarazzjonijiet li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk u kif dan jipprattika r-reliġjon tiegħu. Din tindika wkoll li ma jidhirx b’mod ċar jekk it-twemmin tal-applikant jeħtieġx it-twettiq ta’ atti fl-isfera pubblika u jekk l-istqarrijiet tal-applikant humiex suffiċjenti sabiex konvinzjonijiet partikolari jitqiesu bħala reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95. Issa, huwa biss fir-rigward tal-elementi pubbliċi marbuta mar-reliġjon nisranija li l-attur tal-persekuzzjonijiet jista’ jagħmel rabta bejn applikant għall-protezzjoni internazzjonali u din ir-reliġjon.

74      Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 31(8)(e) tagħha, jippermetti li tiġi miċħuda applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala manifestament infondata meta l-kundizzjonijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet ikunu sodisfatti. Madankollu, din tqis li n-nuqqas ta’ kjarifika taċ-ċirkustanzi rilevanti li jwasslu biex applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li manifestament titqies bħala infondata ma tistax tkun ir-riżultat tal-inerzja proċedurali tal-awtorità amministrattiva.

75      Madankollu, f’dan il-każ, l-elementi li jippermettu li jiġu stabbiliti l-elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ “reliġjon”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, jaqgħu taħt id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li tista’ tkun meħtieġa l-prova ta’ ċerti aspetti relatati mal-ħajja privata fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi ċċarat jekk huwiex legali li l-applikant jiġi intervistat, fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, dwar il-manifestazzjoni tat-twemmin tiegħu jew dwar l-imġiba tiegħu fir-rigward tar-reliġjon li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tar-raba’, il-ħames u s-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali li jinvoka, insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, riskju ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet ibbażati fuq ir-reliġjon għandux, sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu dwar it-twemmin reliġjuż tiegħu, jippreżenta dikjarazzjonijiet jew jipproduċi dokumenti dwar l-elementi kollha tal-kunċett ta’ “reliġjon”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

77      Skont l-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, “[l]-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni: […] il-kunċett ta’ reliġjon għandu partikolarment jinkludi t-twemmin teistiku, non-teistiku, u ateistiku, il-parteċipazzjoni fi, jew l-astenzjoni minn, qima formali fil-privat jew fil-pubbliku, jew b’mod individwali jew f’komunità ma’ oħrajn, atti oħra reliġjużi jew espressjonijiet ta’ opinjoni, jew forom ta’ kondotta personali jew kommunali bbażati fuq jew magħmula obbligatorji minn xi twemmin reliġjuż”

78      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/83, li din id-dispożizzjoni tagħti definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “reliġjon”, billi tintegra l-komponenti tagħha kollha, sew jekk pubbliċi jew privati, kollettivi jew individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 63).

79      F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “b’mod partikolari”, li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “reliġjon” li jinsab fiha tagħti biss lista mhux eżawrjenti tal-elementi li jistgħu jikkaratterizzaw dan il-kunċett fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq il-biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba r-reliġjon.

80      B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta minn din id-definizzjoni, il-kunċett ta’ “reliġjon” ikopri, minn naħa, il-fatt li wieħed ikollu twemmin teistiku, mhux teistiku jew ateistiku, u dan, fid-dawl tal-ġeneralità tat-termini użati, jenfasizza li din tirreferi kemm għar-reliġjonijiet “tradizzjonali” kif ukoll għal twemmin ieħor, u, min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni, individwali jew f’komunità, jew in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni, f’ċerimonji reliġjużi, liema ħaġa timplika li n-nuqqas ta’ appartenenza għal komunità reliġjuża ma tistax waħedha tkun determinanti fl-evalwazzjoni ta’ dan il-kunċett.

81      Fir-rigward, barra minn hekk, tal-kunċett ta’ “reliġjon” imsemmi fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li wkoll għandu, hekk kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett, li tista’ tkopri kemm il-forum internum, jiġifieri l-fatt li persuna jkollha twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża, peress li r-reliġjon tista’ tesprimi ruħha taħt kull waħda minn dawn il-forom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et, C‑426/16, EU:C:2018:335, punt 44, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat, C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jiġi rikjest minn applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jinvoka riskju ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet marbuta ma’ reliġjon li, sabiex isostni t-twemmin reliġjuż tiegħu, jagħmel dikjarazzjonijiet jew jippreżenta dokumenti dwar kull wieħed mill-elementi koperti mill-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95.

83      Fil-fatt, u hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-atti li jistgħu, f’każ li l-applikant jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jitwettqu mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż kontra dan l-applikant għal raġunijiet marbuta mar-reliġjon, għandhom jiġu evalwati skont is-severità tagħhom. Għalhekk, dawn jistgħu, fid-dawl ta’ dan il-kriterju, jiġu kklassifikati bħala “persekuzzjoni” mingħajr ma jkun hemm bżonn li dawn jaffettwaw kull wieħed mill-elementi tal-kunċett ta’ reliġjon.

84      Madankollu, l-applikant għandu debitament jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu dwar l-allegata konverżjoni reliġjuża tiegħu, peress li waħedhom, id-dikjarazzjonijiet dwar it-twemmin reliġjuż jew is-sħubija f’komunità reliġjuża jikkostitwixxu biss il-punt tat-tluq tal-proċess ta’ eżami tal-fatti u taċ-ċirkustanzi previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 49, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 28).

85      F’dan ir-rigward, mill-kliem stess tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jqisu li huwa d-dmir tal-applikant li jippreżenta kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 50).

86      Fil-kuntest tal-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, abbażi tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, fejn ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma humiex sostnuti minn provi dokumentali jew oħrajn, dawk l-aspetti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi stipulati fl-Artikolu 4(5)(a) sa (e) ta’ din l-istess direttiva jkunu ssodisfatti.

87      Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm, b’mod partikolari, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-applikant ikunu nstabu li huma koerenti u plawsibbli u li ma jkunux imorru kontra l-informazzjoni ġenerali u speċifika u rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu, kif ukoll il-fatt li l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 33). Jekk ikun il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra wkoll l-ispjegazzjonijiet fornuti għal dak li jirrigwarda l-assenza ta’ provi u l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bbażati fuq biża’ ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet reliġjużi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tal-applikant, b’mod partikolari t-twemmin reliġjuż tiegħu u ċ-ċirkustanzi tal-ksib ta’ dan it-twemmin, il-mod kif għandu l-intenzjoni li jgħix il-fidi jew l-ateiżmu tiegħu, ir-relazzjoni tiegħu mal-aspetti dottrinali, ritwali jew preskrittivi ta’ reliġjon li huwa jiddikjara li jappartjeni għaliha jew li jrid jitbiegħed minnha, ir-rwol eventwali tiegħu fit-trażmissjoni tal-fidi tiegħu jew ukoll sensiela ta’ fatturi reliġjużi u fatturi tal-identità, etniċi jew ta’ tipoloġija.

89      Finalment, f’dak li jirrigwarda d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-possibbiltà li titressaq prova ta’ ċerti aspetti marbuta mal-ħajja privata fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, fis-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406), il-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, qieset li l-metodi ta’ evalwazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti, tad-dikjarazzjonijiet u tal-provi dokumentali jew oħrajn ippreżentati insostenn ta’ tali talbiet għandhom ikunu konformi mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u familjari, l-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda speċifikament mistoqsijiet iddettaljati dwar il-prattiki sesswali ta’ applikant, li b’mod partikolari jidħlu fl-isfera intima tal-individwu. Madankollu, il-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma ssemmi kunsiderazzjonijiet simili fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’, il-ħames u s-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali li jinvoka, insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, riskju ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet ibbażati fuq ir-reliġjon ma għandux, sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu dwar it-twemmin reliġjuż tiegħu, jippreżenta dikjarazzjonijiet jew jipproduċi dokumenti dwar l-elementi kollha tal-kunċett ta’ “reliġjon”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, l-applikant għandu jsostni b’mod kredibbli l-allegazzjonijiet imsemmija, billi jippreżenta provi li jippermettu lill-awtorità kompetenti tivverifika l-veraċità tagħhom.

 Fuq is-sitt domanda

91      Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont l-informazzjoni li ġiet ippreżentata lilha, fl-Iran, il-“liġi Iżlamika dwar l-Apostasija” (liġi dwar ir-rinunzja tar-reliġjon) tipprevedi l-piena tal-mewt għall-bidla fit-twemmin reliġjuż taċ-ċittadini Iranjani bħala proselitiżmu, “ostilità lejn Alla” u “insulta lill-Profeta”. Din iżżid li, anki jekk tali leġiżlazzjoni ma tirrigwardax speċifikament ir-reliġjon nisranija, persuni li jkunu kkonvertew lejn il-Kristjaneżmu fl-Iran ġew ikkundannati għal pieni ta’ priġunerija ta’ sena u ta’ sentejn ta’ projbizzjoni ta’ tluq mit-territorju. Issa, fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn B. Fathi hija mmotivata minn persekuzzjoni li kien vittma tagħha minħabba tali konverżjoni.

92      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni, taħt piena ta’ eżekuzzjoni jew ta’ priġunerija, ta’ aġir li jmur kontra r-reliġjon tal-Istat tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali tistax tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

93      Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95, sabiex jitqies bħala “att ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1, Taqsima A tal-Konvenzjoni ta’ Genève, att għandu jkun serju biżżejjed min-natura jew mill-karattru ripetut tiegħu li jikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li minnhom ma tista’ ssir ebda deroga skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB, jew għandu jkun akkumulu ta’ diversi miżuri, inkluż ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li huwa serju biżżejjed li jaffettwa lil individwu b’mod paragunabbli. Skont l-Artikolu 9(2)(b) u (c) ta’ din id-direttiva, l-“atti ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jistgħu b’mod partikolari jieħdu l-forma ta’ “miżuri legali, amministrattivi, miżuri mill-pulizija u/jew miżuri ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja;” u “prosekuzzjoni jew kastig li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju”.

94      Hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-direttiva msemmija jirriżulta li l-eżistenza ta’ “vjolazzjoni serja” tal-libertà tar-reliġjon li taffettwa lill-persuna kkonċernata b’mod sinjifikattiv hija neċessarja sabiex l-atti kkonċernati jkunu jistgħu jitqiesu bħala persekuzzjoni (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 59).

95      Dan ir-rekwiżit jiġi sodisfatt meta l-applikant għal protezzjoni internazzjonali, minħabba l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jesponi ruħu għal riskju reali, b’mod partikolari, ta’ proċeduri jew ta’ trattamenti jew pieni inumani jew degradanti li jirriżultaw minn wieħed mill-atturi msemmija fl-Artikolu 6 tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 67).

96      F’dan il-każ, għandu jitqies li l-fatt li leġiżlazzjoni, bħall-Liġi dwar l-apostasija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi l-piena tal-mewt jew ta’ priġunerija, jista’, fih innifshu, jikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95, kemm-il darba tali sanzjoni tkun effettivament applikata fil-pajjiż ta’ oriġini li jkun adotta tali leġiżlazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punt 56).

97      Fil-fatt, tali piena tikkostitwixxi sanzjoni sproporzjonata jew diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 9(2)(c) ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punt 57).

98      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’kawżi dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ atti marbutin mal-eżerċizzju tal-libertà ta’ reliġjon, hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti mill-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jistabbilixxu, abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant u tad-dokumenti eventwalment ippreżentati minnu, jew ta’ kull informazzjoni minn sorsi affidabbli, jekk, fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, il-piena tal-mewt jew ta’ priġunerija prevista minn tali leġiżlazzjoni hijiex applikata fil-prattika. Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn l-elementi ta’ informazzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddeċiedu jekk għandux jitqies li, effettivament, l-applikant għandu biża’ fondata li, ladarba jirritorna lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikun ippersegwitat (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punti 59 u 60).

99      Il-punt imqajjem mill-qorti tar-rinviju dwar jekk, fil-pajjiż ta’ oriġini, il-projbizzjoni hekk ippenalizzata titqiesx li hija neċessarja sabiex tħares l-ordni pubblika jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, huwa irrilevanti. Meta tkun eżaminata applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, l-awtorità kompetenti għandha tiddetermina jekk hemmx biża’ fondata ta’ persekuzzjoni fis-sens tad-Direttiva 2011/95, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-miżura tal-pajjiż ta’ oriġini minn fejn jirriżulta r-riskju ta’ persekuzzjoni tkun taqa’ jew le taħt il-kunċetti ta’ ordni pubblika jew ta’ drittijiet u ta’ libertajiet ta’ dak il-pajjiż.

100    Għal dak li jikkonċerna wkoll l-Artikoli 10 u 18 tal-Karta, imsemmija wkoll mill-qorti tar-rinviju, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux, fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda preliminari, tagħrif speċifiku supplimentari.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni, taħt piena ta’ eżekuzzjoni jew ta’ priġunerija, ta’ aġir li jmur kontra r-reliġjon tal-Istat tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali tista’ tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, sakemm tali projbizzjoni tkun, fil-prattika, infurzata b’tali sanzjonijiet mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq l-ispejjeż

102    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jwettqu l-eżami fil-mertu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ dan ir-regolament, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni espliċita ta’ dawn l-awtoritajiet li tistabbilixxi, fuq il-bażi tal-kriterji previsti mill-imsemmi regolament, li r-responsabbiltà għal dan l-eżami kienet taqa’ fuq dan l-Istat Membru.

2)      L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, għandu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni li tikkunsidra bħala infondata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu, il-qorti ta’ Stat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni ma hijiex marbuta li teżamina ex officio jekk il-kriterji u l-mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni msemmija, kif stabbiliti fir-Regolament Nru 604/2013, ġewx applikati b’mod korrett.

3)      L-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali li jinvoka, insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, riskju ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet ibbażati fuq ir-reliġjon ma għandux, sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu dwar it-twemmin reliġjuż tiegħu, jippreżenta dikjarazzjonijiet jew jipproduċi dokumenti dwar l-elementi kollha tal-kunċett ta’ “reliġjon”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, l-applikant għandu jsostni b’mod kredibbli l-allegazzjonijiet imsemmija, billi jippreżenta provi li jippermettu lill-awtorità kompetenti tivverifika l-veraċità tagħhom.

4)      L-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni, taħt piena ta’ eżekuzzjoni jew ta’ priġunerija, ta’ aġir li jmur kontra r-reliġjon tal-Istat tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali tista’ tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, sakemm tali projbizzjoni tkun, fil-prattika, infurzata b’tali sanzjonijiet mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.