Language of document : ECLI:EU:T:2018:660

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

9 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Rikors għal annullament – Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-bejgħ bl-imnut tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli u suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-aċċess u tal-oriġini ta’ telefonati fil-Ġermanja – Akkwist ta’ E-Plus minn Telefónica Deutschland – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE – Implimentazzjoni tas-sezzjoni mhux-ONM tal-impenji definittivi – Atti li ma jistgħux jiġu kkontestati – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑43/16,

1&1 Telecom GmbH, stabbilita f’Montabaur (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J.-O. Murach, avukat, u P. Alexiadis, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, M. Farley u C. Vollrath, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Telefónica Deutschland Holding AG, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Bauer, H.-J. Freund, B. Herbers u K. Baubkus, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-allegata deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri korrettivi mhux-ONM previsti fl-impenji definittivi li saru vinkolanti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4443 finali, tat-2 ta’ Lulju 2014, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti impenji (Każ M.7018 – Telefónica Deutschland/E-Plus)

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President tal-Awla, I. S. Forrester (Relatur) u E. Perillo, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C(2014) 4443 finali tat-2 ta’ Lulju 2014 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ M.7018 - Telefónica Deutschland/E-Plus), il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat l-akkwist (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni”) ta’ E-Plus Mobilfunk GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “E-Plus”) minn Telefónica Deutschland Holding AG (iktar ’il quddiem “Telefónica Deutschland”) kompatibbli mas-suq intern u mal-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), suġġett għall-osservanza minn Telefónica Deutschland ta’ ċerti impenji definittivi annessi mad-deċiżjoni msemmija (iktar ’il quddiem l-“impenji definittivi”). L-impenji definittivi jikkonsistu fi tliet sezzjonijiet: sezzjoni msejħa “operatur ta’ netwerk mobbli” (iktar ’il quddiem is-“sezzjoni ONM”), sezzjoni msejħa “operatur ta’ netwerk mobbli virtwali – aċċess għan-netwerk mobbli broadband” (iktar ’il quddiem is-“sezzjoni ONMV MBA”) u sezzjoni msejħa “operatur li ma għandux in-netwerk tiegħu” (iktar ’il quddiem is-“sezzjoni mhux-ONM”).

2        Skont is-sezzjoni ONM, Telefónica Deutschland tintrabat, essenzjalment, li toffri li tikri spettru ta’ frekwenzi lil ONM ġdid kif ukoll li tittrasferixxilu ċerti assi u li tipprovdilu ċerti servizzi meħtieġa sabiex jibda jidħol bħala ONM ġdid fis-suq Ġermaniż (trasferiment ta’ siti fin-netwerk, trasferiment ta’ ħwienet, ftehim ta’ roaming nazzjonali u tqassim ta’ netwerks tar-radju passivi).

3        Skont is-sezzjoni ONMV MBA, Telefónica Deutschland tintrabat, essenzjalment, li tikkonkludi ftehim dwar il-bejgħ ta’ 20 % tal-kapaċità sħiħa tan-netwerk tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni lil wieħed jew iktar (massimu ta’ tlieta) operaturi mhux-ONM. Il-kundizzjonijiet kummerċjali speċifiċi ta’ dan il-ftehim huma miftuħa għan-negozjar, iżda għandhom jikkonformaw mal-qafas li ġej: ix-xerrejja għandhom jintrabtu, għall-perijodu kuntrattwali inizjali kollu ta’ ħames snin, li jakkwistaw ċerta kapaċità tan-netwerk u l-kwantità korrispondenti ta’ traffiku bil-vuċi, data u messaġġi għal prezz stabbilit minn qabel li ma jiddependix fuq il-volum effettivament użat; Telefónica Deutschland għandha tikkonkludi tali ftehim ma’ mill-inqas xerrej wieħed qabel ma tkun tista’ timplimenta l-konċentrazzjoni; Telefónica Deutschland tintrabat li toffri lix-xerrejja 10 % addizzjonali tal-kapaċità sħiħa tan-netwerk tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni suġġett għal kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel.

4        Skont is-sezzjoni mhux-ONM, Telefónica Deutschland tintrabat b’mod partikolari għal dan li ġej (punti 77 u 78 tal-impenji definittivi):

“a)      aċċess 2G/3G/4G għall-bejjiegħa bl-ingrossa eżistenti;

[Telefónica Deutschland] tintrabat li toffri lil kull ONMV/fornituri ta’ servizzi li jiġu pprovduti attwalment fi prodotti 2G/3G/4G mingħand [Telefónica Deutschland] jew E-Plus il-possibbiltà li jestendu l-kuntratti eżistenti tagħhom mid-data tal-għeluq [tal-konċentrazzjoni] sa tmiem l-2025 (jew kwalunkwe data preċedenti li fiha [Telefónica Deutschland] tieqaf toffri prodotti 2G, 3G jew 4G lill-klijenti tagħha stess).

[Telefónica Deutschland] għandha tibgħat b’mod proattiv ittra ta’ impenn volontarju lil kull ONMV/fornituri ta’ servizz eżistenti li jkunu kkonkludew kuntratt ta’ aċċess għan-netwerk 2G, 3G jew 4G ma’ [Telefónica Deutschland] jew E-Plus, fis-seħħ fid-data tal-għeluq, li permezz tagħha hija tirrinunzja għad-dritt kuntrattwali tagħha ta’ xoljiment ordinarju kif stipulat fil-kuntratt ta’ provvista bl-ingrossa inkwistjoni sa tmiem l-2025 (jew kwalunkwe data preċedenti li fiha [Telefónica Deutschland] tieqaf toffri prodotti 2G, 3G jew 4G lill-klijenti tagħha stess). Dan ma jaffettwa bl-ebda mod id-dritt ta’ xoljiment straordinarja għal raġunijiet serji (kif previst mil-liġi).”

5        Sunt tad-Deċiżjoni C(2014) 4443 finali ġie ppubblikat fit-13 ta’ Marzu 2015 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, C 86, p. 10) u verżjoni mhux kunfidenzjali tal-imsemmija deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-15 ta’ Diċembru 2015 fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni.

6        Fit-12 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti, 1&1 Telecom GmbH (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “1&1”), ikkonkludiet kuntratt ONMV ma’ E-Plus li abbażi tiegħu E-Plus tatha l-aċċess għan-netwerks 2G/3G/4G tagħha (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ONMV ma’ E-Plus”).

7        Skont l-Artikolu 10 tiegħu, il-kuntratt ONMV ma’ E-Plus huwa konkluż għal perijodu minimu ta’ erba’ snin. Fit-tmiem tal-perijodu minimu, l-imsemmi kuntratt jiġi awtomatikament estiż għal perijodu ta’ żmien indeterminat, sakemm ma jiġix xolt minn waħda mill-partijiet qabel l-iskadenza tal-perijodu minimu jew, sussegwentement, fit-tmien ta’ kull trimestru kalendarju, permezz ta’ avviż bil-miktub minn qabel ta’ tnax-il xahar fiż-żewġ każijiet.

8        Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-kuntratt ONMV ma’ E-Plus jipprovdi dan li ġej:

“Sa fejn [1&1] hija pprovduta wkoll b’Servizzi ONMV jew servizzi komparabbli mingħand terz, [1&1] tintrabat li tattiva, fuq bażi ta’ medja annwali, 37 % matul l-ewwel sena mill-bidu tal-kummerċjalizzazzjoni, 43 % mit-13-il xahar mill-bidu tal-kummerċjalizzazzjoni sal-24 xahar u tal-inqas 46 % mill-25 xahar sat-48 xahar (tmiem tal-perijodu minimu) fuq il-bażi ta’ medja annwali (“Sehem minimu tas-suq”) tal-klijenti ġodda tagħha tal-bejgħ bl-imnut ta’ telefonija mobbli attivati b’suċċess li jkunu għamlu abbonament ta’ kull xahar għal perijodu minimu ta’ 24 xahar bi prezz bażiku ta’ kull xahar, li huma konnessi fuq il-bażi ta’ servizzi li huma fil-fatt ipprovduti minn E-Plus u li għalihom huma applikabbli l-prezzijiet indikati fl-Anness 2 ta’ dan il-kuntratt, fin-netwerk ta’ E-Plus jew fi kwalunkwe netwerk mobbli ieħor, li huwa affiljat ma’ E-Plus bis-saħħa tad-dritt tal-kumpanniji skont it-Taqsimiet 15 et seq tal-liġi Ġermaniża dwar l-impriżi b’ishma konġunti (AktG), bl-użu tas-Servizzi ONMV bħala klijenti ta’ 1&1 (“Rata grossa ta’ akkwist ta’ klijenti ġodda”). Fil-kuntest tal-kooperazzjoni, [1&1] għandha l-intenzjoni li tilħaq rata grossa ta’ akkwist ta’ klijenti ġodda ta’ 50 % […]”.

9        Ir-raba’ u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 5(1) tal-kuntratt ONMV ma’ E-Plus jipprovdu wkoll li fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu kuntrattwali ta’ attivazzjoni ta’ ċertu perċentwali ta’ klijenti ġodda fuq in-netwerk ta’ E-Plus, 1&1 għandha tħallas kumpens finanzjarju lil E-Plus.

10      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 15(7) tal-kuntratt ONMV ma’ E-Plus jipprovdi li kull tilwima marbuta mal-imsemmi kuntratt taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Düsseldorf (il-Ġermanja).

11      Fis-27 ta’ Frar 2015, Telefónica Deutschland bagħtet lir-rikorrenti ittra ta’ impenn volontarju skont il-punti 77 u 78 tal-impenji definittivi (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ impenn volontarju”). Fis-17 ta’ Awwissu 2015, Telefónica Deutschland bagħtet ittra lir-rikorrenti sabiex tiċċara ċerti kundizzjonijiet tal-ittra ta’ impenn volontarju (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ kjarifika”). Kemm l-ittra ta’ impenn volontarju kif ukoll l-ittra ta’ kjarifika ġew abbozzati fuq il-bażi ta’ mudell ta’ ittra standard intiż li jintbagħat lill-ONMV kollha u lill-fornituri kollha ta’ servizzi li jkunu kkonkludew kuntratt ta’ aċċess bl-ingrossa ma’ Telefónica Deutschland.

12      Il-klawżola 2 tal-ittra ta’ impenn volontarju, intitolata “Rinunzja għad-dritt ta’ xoljiment ordinarju”, tipprovdi dan li ġej:

“1.      Sa fejn il-[kuntratt ONMV ma’ E-Plus] jippermetti lil E-Plus ixxolji [dan il-kuntratt] [mingħajr raġuni] b’effett preċedenti għall-31 ta’ Diċembru 2025 f’nofsillejl, E-Plus qiegħda tirrinunzja permezz ta’ dan għal dan id-dritt ta’ xoljiment ordinarju bis-saħħa ta’ din il-klawżola 2 (“Rinunzja”). Konsegwentement, kwalunkwe xoljiment ordinarju minn E-Plus b’effett minn data preċedenti għall-31 ta’ Diċembru 2025 f’nofsillejl huwa pprojbit skont din il-klawżola 2 u huwa possibbli biss, skont il-modalitajiet previsti mill-[kuntratt ONMV ma’ E-Plus], mhux qabel il-31 ta’ Diċembru 2025 f’nofsillejl. Il-klawżola 1(2) għandha tapplika kif xieraq.

[…]

3.      Jekk il-[kuntratt ONMV ma’ E-Plus] jiġġedded sal-31 ta’ Diċembru 2025 f’nofsillejl jew sa data sussegwenti minħabba li ma jistax jiġi iktar xjolt minn E-Plus f’data preċedenti għall-31 ta’ Diċembru 2025 f’nofsillejl minħabba r-Rinunzja, ir-Rinunzja sseħħ bil-kundizzjoni li l-obbligi [ta’ 1&1], li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-partijiet kontraenti meta huma ftehmu dwar il-korrispettiv [ta’ 1&1] (pereżempju, ix-xiri ta’ kwantitajiet minimi) u li l-assenza tagħhom twassal għal żbilanċ fir-relazzjoni bejn is-servizzi pprovduti u korrispettivi, għandhom jibqgħu japplikaw flimkien mal-bqija tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali, sakemm fil-[kuntratt ONMV ma’ E-Plus] tkun ġiet speċifikata data għat-terminu ta’ dawn l-obbligi u din id-data tkun id-data li fiha l-[kuntratt ONMV ma’ E-Plus] seta’ jiġi xjolt minn E-Plus.”

13      Fit-18 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni li hija “[kienet] essenzjalment taqbel mal-kontenut tal-ittra ta’ impenn volontarju”.

14      Madankollu, mit-3 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti esprimiet f’diversi okkażjonijiet id-dubji tagħha lill-Kummissjoni dwar il-legalità tal- klawżola 2(3) tal-ittra ta’ impenn volontarju minħabba l-fatt li, fl-opinjoni tagħha, l-impenji definittivi kienu jobbligaw lil Telefónica Deutschland tibgħat ittra li biha hija tirrinunzja mingħajr kundizzjonijiet għad-dritt ta’ xoljiment ordinarju tagħha tal-kuntratt ONMV ma’ E-Plus sa tmiem l-2025.

15      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-28 ta’ Settembru 2015, it-tim responsabbli għall-każ fid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni, essenzjalment, ikkunsidra li Telefónica Deutschland ma kinitx kisret l-impenji definittivi bl-inklużjoni tal-klawżola 2(3) fl-ittra ta’ impenn volontarju (iktar ’il quddiem il-“messaġġ elettroniku tat-28 ta’ Settembru 2015”). Il-messaġġ elettroniku tat-28 ta’ Settembru 2015 kien jispeċifika li kienet biss opinjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni u mhux deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

16      Sussegwentement għall-messaġġ elettroniku tat-28 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti b’mod partikolari rrepetiet l-ilmenti tagħha f’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2015 indirizzata lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni. F’din l-ittra, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni formali dwar l-osservanza tal-impenji definittivi bl-ittra ta’ impenn volontarju.

17      B’ittra tad-19 ta’ Novembru 2015, iffirmata mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni, dan tal-aħħar ikkunsidra li “[l]-impenji [definittivi] ma [kinux] jipprekludu lil Telefónica milli tinkludi l-klawżola [2(3)], fit-test tal-ittra ta’ impenn volontarju” u li “dan [kien] jirrifletti l-fatt li l-għan ta’ din il-kundizzjoni [kien] biss li jiġi żgurat li l-bilanċ kummerċjali tal-[kuntratt ONMV ma’ E-Plus] (kif innegozjat u konkluż fil-bidu) ma [jiġix] eliminat wara l-estensjoni tiegħu bis-saħħa tal-impenji definittivi”. Konsegwentement, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni kkonkluda li, “[f]id-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, [huwa ma kienx], f’dan l-istadju, irċieva elementi li jissuġġerixxu li l-ittra ta’ impenn volontarju mibgħuta minn Telefónica fl-4 ta’ Marzu 2015 u ssupplimentata fis-17 ta’ Awwissu b’ittra ta’ kjarifika [ma kinux] konformi mal-impenji definittivi” u li, “[k]onsegwentement, f’dan l-istadju, [huwa] ma [kien] jara l-ebda raġuni sabiex tittieħed azzjoni ulterjuri fil-konfront ta’ Telefónica jew sabiex tiġi adottata kwalunkwe deċiżjoni dwar l-osservanza tal-impenji definittivi minn Telefónica”.

18      Dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra l-allegata deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015, li għaliha jsir riferiment fil-punt 17 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem l-“ittra tad-19 ta’ Novembru 2015”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-25 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sabiex tikkontesta r-regolarità tal-preżentata tar-rikors. B’digriet tat-22 ta’ Ġunju 2016, 1&1 Telecom vs Il-Kummissjoni (T‑43/16, EU:T:2016:402), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

21      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Marzu 2016, Telefónica Deutschland talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Settembru 2016, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. Telefónica Deutschland ippreżentat in-nota tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tagħha fit-termini mogħtija.

22      B’mod parallel ma’ din il-kawża, ir-rikorrenti kienet ippreżentat ukoll rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2014) 4443 finali permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 2015 u rreġistrat taħt in-numru T‑307/15. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti rrinunzjat madankollu għall-atti u l-Kawża T‑307/15 tħassret permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Ottubru 2017, 1&1 Telecom vs Il-Kummissjoni (T‑307/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:773).

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkluża fl-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015;

–        tordna li l-Kummissjoni teżiġi li Telefónica Deutschland tipproduċi ittra ġdida ta’ impenn volontarju li tkun strettament limitata għall-obbligu li huwa impost fuqha, skont il-punt 78 tal-impenji definittivi;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Telefónica Deutschland titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

26      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ewwel kap ta’ talbiet, intiż għall-annullament tal-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015

27      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Telefónica Deutschland, tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel kap ta’ talbiet tar-rikorrenti minħabba li l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 ma tikkostitwixxix att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

28      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni, qabelxejn, li l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 sempliċement tesprimi opinjoni dwar il-kompatibbiltà tal-ittra ta’ impenn volontarju mal-impenji definittivi. Issa, l-espressjoni ta’ opinjoni ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat. Sussegwentement, l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 ma kinitx meħtieġa minħabba l-eżistenza tal-proċedura mħaffa ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim prevista fl-impenji definittivi u tal-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Düsseldorf għar-riżoluzzjoni tat-tilwim kollu fil-kuntest tal-kuntratt ONMV ma’ E-Plus. Fl-aħħar nett, l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 ma tipproduċi ebda effett ġuridiku fir-rigward tar-rikorrenti, peress li r-relazzjoni legali bejn Telefónica Deutschland u r-rikorrenti hija rregolata biss mill-impenji definittivi u mill-kuntratt ONMV ma’ E-Plus.

29      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u ssostni li l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 tikkostitwixxi fil-fatt att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

30      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-forma tal-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 ma hijiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk hija tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat. Issa, l-imsemmija ittra tistabbilixxi definittivament il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-legalità tal-klawżola 2(3) tal-ittra ta’ impenn volontarju. Barra minn hekk, hija tipproduċi effetti legali fuq ir-rikorrenti sa fejn hija tista’ tiġi invokata minn Telefónica Deutschland u tirrendi impossibbli kwalunkwe waħda mill-possibbiltajiet eżistenti fi tmiem il-perijodu minimu tal-kuntratt ONMV ma’ E-Plus, jiġifieri l-estensjoni tagħha mingħajr l-obbligu ta’ xiri minimu. B’dan il-mod, l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 timponi piż fuq ir-rikorrenti.

31      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni u d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni huma kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-impenji definittivi. Il-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha tkun kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, taħt piena li ċċaħħad lir-rikorrenti mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

32      It-tielet nett, huwa irrilevanti jekk l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 kinitx meħtieġa jew ikkonċernatx kwistjoni ta’ dritt. Bl-istess mod, il-fatt li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40) ma jipprevedix qafas għaċ-ċaħda permezz ta’ deċiżjoni tal-ilmenti minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-impenji huwa wkoll irrilevanti.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li minn ġurisprudenza stabbilita li tikkonċerna l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk att jistax ikun is-suġġett ta’ tali rikors, għandha tingħata importanza lill-kontenut stess ta’ dan l-att, peress li l-forma li fiha dan ikun ġie ttieħed hija, bħala prinċipju, irrilevanti f’dan ir-rigward (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punti 42 u 43, u tad-19 ta’ Jannar 2017, Il-Kummissjoni vs Total u Elf Aquitaine, C‑351/15 P, EU:C:2017:27, punt 35).

34      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li huma biss il-miżuri intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, billi jibdlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punti 29, u tad-19 ta’ Jannar 2017, Il-Kummissjoni vs Total u Elf Aquitaine, C‑351/15 P, EU:C:2017:27, punt 36).

35      Għaldaqstant, ir-rikors għal annullament huwa, bħala prinċipju, miftuħ biss fir-rigward ta’ miżura li permezz tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tistabbilixxi definittivament, fi tmiem proċedura amministrattiva, il-pożizzjoni tagħha. Għall-kuntrarju, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati l-atti intermedji, li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, kif ukoll l-atti konfermattivi jew dawk purament eżekuttivi, peress li huma ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti awtonomi minn dawk tal-att tal-istituzzjoni tal-Unjoni li huwa ppreparat, ikkonfermat u eżegwit (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 55; tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Ferriere Nord, C‑516/06 P, EU:C:2007:763, punt 29, u tad-19 ta’ Jannar 2017, Il-Kummissjoni vs Total u Elf Aquitaine, C‑351/15 P, EU:C:2017:27, punt 37).

36      F’dan il-każ, għandu jiġi għaldaqstant iddeterminat jekk, permezz tal-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni adottatx att li jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

37      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li, bl-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015, li l-kontenut tagħha tfakkar fil-punt 17 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, essenzjalment, minn naħa, interpretat l-impenji definittivi f’dan il-kuntest u, min-naħa l-oħra, ikkonkludiet li ma kienx hemm lok li jittieħdu miżuri fil-konfront ta’ Telefónica Deutschland jew li tiġi adottata deċiżjoni dwar l-osservanza tal-impenji definittivi.

38      Fl-ewwel lok, sa fejn l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015, moqrija flimkien mal-messaġġ elettroniku tat-28 ta’ Settembru 2015, tinterpreta l-impenji definittivi bħala li ma jipprekludux lil Telefónica Deutschland milli tinkludi l-klawżola 2(3), fit-test tal-ittra ta’ impenn volontarju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, manifestazzjoni ta’ opinjoni bil-miktub jew sempliċi dikjarazzjoni ta’ intenzjoni ma tistax tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ natura li tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, peress li ma tistax tipproduċi effetti legali jew ma hijiex intiża li tipproduċi tali effetti (digrieti tal-2 ta’ Settembru 2009, E.ON Ruhrgas u E.ON Földgáz Trade vs Il-Kummissjoni, T‑57/07, mhux ippubblikat, EU:T:2009:297, punt 31; tat-12 ta’ Frar 2010, Il-Kummissjoni vs CdT, T‑456/07, EU:T:2010:39, punt 55, u s-sentenza tat-15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, EU:T:2015:515, punt 96).

39      Ċertament, għalkemm l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali proposta mill-Kummissjoni ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, huwa minnu, kif issostni r-rikorrenti, li l-applikazzjoni tagħha għal sitwazzjoni partikolari tista’, bħala prinċipju, tipproduċi effetti legali (ara d-digriet tat-2 ta’ Settembru 2009, E.ON Ruhrgas u E.ON Földgáz Trade vs Il-Kummissjoni, T‑57/07, mhux ippubblikat, EU:T:2009:297, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 sempliċement tikkonferma l-impenji definittivi mingħajr ma tibdel is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Minkejja li l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 tieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali li tfaċċaw wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni C(2014) 4443 finali, jiġifieri l-ittra ta’ impenn volontarju, hija tillimita ruħha, essenzjalment, li tirrepeti l-kontenut tal-impenji definittivi mingħajr ma fiha elementi ġodda ta’ fatt jew ta’ dritt fir-rigward tagħhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2004, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑521/03 P, mhux ippubblikat, EU:C:2004:778, punt 47, u tas-17 ta’ Frar 2011, RapidEye vs Il-Kummissjoni, T‑330/09, mhux ippubblikat, EU:T:2011:48, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, la l-ittra ta’ impenn volontarju, u lanqas l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015, ma jistgħu jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, sa fejn huma biss l-impenji definittivi li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ Telefónica Deutschland u tal-operaturi mhux-ONM li jkunu jixtiequ jibbenefikaw mis-sezzjoni mhux-ONM tal-impenji definittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il-Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 51).

41      L-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 ma tikkostitwixxix lanqas eżami mill-ġdid tal-obbligi ta’ Telefónica Deutschland fid-dawl ta’ fatti ġodda u sostanzjali, iżda sempliċi repetizzjoni tagħhom, kif indikati fl-impenji definittivi u li saru vinkolanti bid-Deċiżjoni C(2014) 4443 finali wara eżami tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 hija att purament konfermattiv. Għandha issir għalhekk distinzjoni bejn din il-kawża minn dawk li fihom l-att ikkontestat kien ġie kkunsidrat li ma huwiex purament konfermattiv ta’ deċiżjoni preċedenti minħabba l-fatt li kien ġie adottat fuq il-bażi ta’ elementi ta’ fatt u ta’ dritt li huma differenti minn dawk eżaminati preċedentement u fuq il-bażi ta’ raġunijiet differenti minn dawk li kienu l-bażi tad-deċiżjoni preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, EU:T:2015:515, punt 107).

42      Dan japplika iktar u iktar peress li Telefónica Deutschland ma hijiex id-destinatarja tal-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 u li din tal-aħħar ma ġietx adottata abbażi tal-Artikolu 8(4) u (5), tar-Regolament Nru 139/2004. L-imsemmija ittra ma tistax għalhekk tkun ta’ natura li tbiddel bi kwalunkwe mod l-obbligi ta’ Telefónica Deutschland kif jirriżultaw mill-impenji definittivi u lanqas, konsegwentement, is-sitwazzjoni legali ta’ terzi, bħalma hija r-rikorrenti, b’mod ġenerali jew fir-rigward ta’ Telefónica Deutschland.

43      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li Telefónica Deutschland tista’ tipprova tuża l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 sabiex issostni li l-klawżola 2(3) tal-ittra ta’ impenn volontarju timponi fuq ir-rikorrenti l-osservanza tal-obbligi ta’ xiri minimu pprovdut fl-Artikolu 5(1) tal-kuntratt ONMV ma’ E-Plus sa tmiem l-2025 fil-każ ta’ estensjoni ta’ dan il-kuntratt sa din id-data skont l-impenji definittivi, ma jbiddel bl-ebda mod in-natura tal-imsemmija ittra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, l-Italja vs Il-Kummissjoni, C-301/03, EU:C:2005:727, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tat-2 ta’ Settembru 2009, E.ON Ruhrgas u E.ON Földgáz Trade vs Il-Kummissjoni, T‑57/07, mhux ippubblikat, EU:T:2009:297, punt 49). Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punti 40 sa 42 iktar ’il fuq, l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 sempliċement tirrepeti l-kontenut tal-impenji definittivi mingħajr ma hija intiża sabiex tipproduċi effetti legali proprji. L-interpretazzjoni tal-impenji definittivi mogħtija mill-Kummissjoni fl-imsemmija ittra ma żżid xejn għad-drittijiet u għall-obbligi li jirriżultaw minnha u bl-ebda mod ma torbot qorti nazzjonali li jkollha tiddeċiedi tilwima bejn il-partijiet fuq dan is-suġġett.

44      Minn dan isegwi li l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015, sa fejn hija tinterpreta l-portata tal-impenji definittivi, ma tikkostitwixxix deċiżjoni, iżda sempliċi dikjarazzjoni li ma hijiex legalment vinkolanti li l-Kummissjoni hija awtorizzata li tagħmel fil-kuntest tas-sorveljanza a posteriori tal-implimentazzjoni korretta tad-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet (ara, b’analoġija, id-digriet tas-17 ta’ Frar 2011, RapidEye vs Il-Kummissjoni, T‑330/09, mhux ippubblikat, EU:T:2011:48, punt 44).

45      Fit-tieni lok, sa fejn l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 tikkunsidra li ma hemmx lok li jittieħdu kwalunkwe miżuri fil-konfront ta’ Telefónica Deutschland jew li tiġi adottata deċiżjoni dwar l-osservanza tal-impenji definittivi b’risposta għat-talbiet f’dan is-sens tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex suffiċjenti li ittra tkun intbagħtet minn istituzzjoni tal-Unjoni lid-destinatarju tagħha, bħala tweġiba għal mistoqsija fformulata minn dan tal-aħħar, sabiex tali ittra tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala att fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE li tiftaħ għalhekk il-possibbiltà tar-rimedju tar-rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1993, Zunis Holding et vs Il-Kummissjoni, T‑83/92, EU:T:1993:93, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma għandha l-ebda dritt individwali li tobbliga lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li permezz tagħha hija tikkonstata li Telefónica Deutschland kisret l-impenji definittivi u tieħu miżuri sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva skont l-Artikolu 8(4) jew (5) tar-Regolament Nru 139/2004, u dan anki meta l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw tali deċiżjoni huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tas-27 ta’ Jannar 2015, UNIC vs Il-Kummissjoni, T‑338/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:59, punt 29, u tal-24 ta’ Novembru 2015, Delta Group agroalimentare vs Il-Kummissjoni, T‑163/15, mhux ippubblikat, EU:T:2015:911, punti 29 u 39). L-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 ma tistax għalhekk tikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tipproduċi effetti legali fir-rigward tar-rikorrenti, ta’ natura li jbiddlu s-sitwazzjoni ġuridika tagħha.

47      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament Nru 139/2004 u lanqas ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tas-7 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88) ma jipprevedu proċedura li permezz tagħha partijiet terzi għal konċentrazzjoni jistgħu jressqu lment formali quddiem il-Kummissjoni fil-konfront tal-partijiet fl-imsemmija konċentrazzjoni għal ksur tal-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni li tiddikjara l-imsemmija konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern, anki meta dawn it-terzi huma potenzjalment benefiċjarji ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Anki jekk kienet lakuna fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, huwa, jekk ikun il-każ, il-leġiżlatur u mhux il-qorti tal-Unjoni li għandu jimliha.

48      Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li huwa previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 sa 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) u fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), għandu jiġi kkonstatat li ma jeżisti ebda obbligu għall-Kummissjoni li twieġeb għall-ilmenti li jistgħu jiġu ppreżentati minħabba nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet b’deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Il-ġurisprudenza dwar iċ-ċaħda ta’ lment fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat hija għalhekk irrilevanti għal din il-kawża.

49      Għaldaqstant, l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015, li permezz tagħha l-Kummissjoni tinforma lir-rikorrenti, essenzjalment, li hija ma kienet sejra tieħu ebda miżura fil-konfront ta’ Telefónica Deutschland, ma tipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tas-27 ta’ Jannar 2015, UNIC vs Il-Kummissjoni, T‑338/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:59, punt 29, u tal-24 ta’ Novembru 2015, Delta Group agroalimentare vs Il-Kummissjoni, T‑163/15, mhux ippubblikat, EU:T:2015:911, punti 29 u 39).

50      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 ma tikkostitwixxix deċiżjoni (ara l-punt 44 iktar ’il fuq) u ma tipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti (ara l-punt 49 iktar ’il fuq), l-argumenti tar-rikorrenti li bihom tipprova tistabbilixxi li hija kienet direttament u individwalment ikkonċernata mill-imsemmija ittra huma ineffettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs max.mobil, C‑141/02 P, EU:C:2005:98, punt 70, u d-digriet tas-23 ta’ Settembru 2011, Vivendi vs Il-Kummissjoni, T‑567/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:528, punti 16 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Il-konklużjoni fformulata fil-punti 44 u 49 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkontestata permezz tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li ċ-ċaħda tal-ewwel kap ta’ talbiet minħabba inammissibbiltà hija ta’ natura li tikser id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

52      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jiksbu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja ġie formalment stabbilit permezz tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jipprovdi li “[k]ull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu”.

53      Barra minn hekk, skont il-kliem tal-Artikolu 19 TUE, “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva [protezzjoni ġudizzjarja effettiva] fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”.

54      Konsegwentement, it-Trattat FUE, permezz tal-Artikolu 263 tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiża sabiex tiżgura l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, billi jafdha lill-qorti tal-Unjoni. F’din is-sistema, persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà msemmija fl-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw direttament atti tal-Unjoni, għandhom il-possibbiltà li jinvokaw l-invalidità ta’ tali atti quddiem il-qrati nazzjonali u li jwasslu lil dawn tal-aħħar, li ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jikkonstataw huma stess l-invalidità ta’ dawn l-atti, jistaqsu f’dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari.

55      It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-kontroll tal-konċentrazzjonijiet għandu bħala għan li jipprovdi lill-impriżi kkonċernati l-awtorizzazzjoni neċessarja u minn qabel għat-twettiq ta’ kull konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Ewropea. Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, dawn l-impriżi jistgħu jipproponu xi impenji lill-Kummissjoni sabiex tinkiseb deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni tagħhom mas-suq intern (sentenza tas-6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 448).

56      Skont l-istadju li fih waslet il-proċedura amministrattiva, l-impenji proposti għandhom jippermettu lill-Kummissjoni jew li tikkunsidra li l-konċentrazzjoni nnotifikata ma tqajjimx iktar dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari (Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 139/2004), jew li tirrispondi għall-oġġezzjonijiet li saru fil-kuntest tal-investigazzjoni fil-fond (Artikolu 18(3) moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004). Dawn l-impenji jippermettu għalhekk, qabelxejn, li jiġi evitat il-ftuħ ta’ fażi ta’ investigazzjoni fil-fond jew, imbagħad, li tiġi evitata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiddikjara l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq intern (sentenza tas-6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 449).

57      L-Artikolu 8(2) tar-Regolament 139/2004 jippermetti, fil-fatt, lill-Kummissjoni li fid-deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern, skont il-kriterju ddefinit fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament, tinkludi kundizzjonijiet u impenji intiżi li jiggarantixxu li l-impriżi kkonċernati josservaw l-impenji li huma ħadu fir-rigward tagħha sabiex il-konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq intern (sentenza tas-6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 450).

58      Jirriżulta għalhekk mill-kliem stess tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004 li l-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deciżjoni, tirrendi vinkolanti l-impenji offruti mill-impriżi kkonċernati, meta huma ta’ natura li jirrendu l-konċentrazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 452).

59      B’dan il-mod, billi tirrendi vinkolanti aġir partikolari ta’ operatur fil-konfront ta’ terzi, deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ indirettament tagħti lok għal effetti legali erga omnes li l-impriża kkonċernata ma kinitx tkun kapaċi toħloq waħedha.

60      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-impenji definittivi, Telefónica Deutschland intrabtet, b’mod legalment vinkolanti, li tibgħat “b’mod proattiv” ittra ta’ impenn volontarju lill-ONMV jew lill-fornituri kollha ta’ servizzi eżistenti li jkunu kkonkludew kuntratt ta’ aċċess għan-netwerk 2G, 3G jew 4G magħha jew ma’ E-Plus, li permezz tagħha hija tirrinunzja għad-dritt kuntrattwali tagħha ta’ xoljiment ordinarju kif indikat fil-kuntratt ta’ provvista bl-ingrossa inkwistjoni sa tmiem l-2025 (punt 78 tal-impenji definittivi). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-impenji definittivi indirettament ħolqu effetti legali għall-benefiċċju tat-terzi koperti mid-dispożizzjonijiet tas-sezzjoni mhux-ONM, li l-osservanza tagħhom huwa suġġett għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali kompetenti, bla ħsara għas-setgħat irrikonoxxuti lill-Kummissjoni, f’dan il-qasam, mid-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, bla ħsara għall-possibbiltà tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-impenji definittivi u li tieħu l-miżuri li hija tqis xierqa permezz ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 139/2004, huwa kompletament leċitu għat-terzi koperti mid-dispożizzjonijiet tas-sezzjoni mhux-ONM, li r-rikorrenti tista’ tkun inkluża fiha, li jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti. Sussegwentement, huma dawn tal-aħħar li għandhom jiddeċiedu tali tilwim dwar l-implimentazzjoni tal-impenji definittivi. F’dan il-kuntest, kull opinjoni espressa mill-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-impenji definittivi tikkostitwixxi biss interpretazzjoni possibbli li, kuntrarjament għad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 288 TFUE, għandha sempliċement valur persważiv u li ma torbotx lill-qrati nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 267 TFUE, dawn il-qrati jistgħu jew għandhom jagħmlu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità jew l-interpretazzjoni tal-impenji definittivi jew tad-Deċiżjoni C(2014) 4443 finali.

61      Dan japplika iktar u iktar f’dan il-każ fejn it-tilwima bejn ir-rikorrenti u Telefónica Deutschland tirrigwarda l-mod kif din tal-aħħar timplimenta l-obbligi kuntrattwali tagħha taħt il-kuntratt ONMV ma’ E-Plus, kif emendati permezz tal-impenji definittivi. Issa, jirriżulta espressament mill-Artikolu 15(7) tal-kuntratt ONMV ma’ E-Plus li kull tilwima marbuta mal-imsemmi kuntratt taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Düsseldorf.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015 ma tikkostitwixxix att deċiżjonali li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. Konsegwentement, l-ewwel kap ta’ talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-tieni kap ta’ talbiet, intiż li tordna lill-Kummissjoni li timponi fuq Telefónica Deutschland tibgħat ittra ġdida ta’ impenn volontarju

63      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Telefónica Deutschland, issostni li t-tieni kap ta’ talbiet huwa inammissibbli peress li dan jikkostitwixxi tentattiv ta’ ksib ta’ kumpens fil-forma ta’ ordni.

64      F’dan ir-rigward, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, 53/85, EU:C:1986:256, punt 23, u tal-24 ta’ Jannar 1995, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑74/92, EU:T:1995:10, punt 75).

65      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li t-tieni kap ta’ talbiet għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli kif ukoll, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

66      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni u minn Telefónica Deutschland, skont it-talbiet tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà miċħuda permezz tad-digriet tat-22 ta’ Ġunju 2016, 1&1 Telecom vs Il-Kummissjoni (T‑43/16, EU:T:2016:402).

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      1&1 Telecom GmbH għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni u minn Telefónica Deutschland Holding AG, bl-eċċezzjoni ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà miċħuda permezz tad-digriet tat-22 ta’ Ġunju 2016, 1&1 Telecom vs Il-Kummissjoni (T43/16, EU:T:2016:402).

Frimodt Nielsen

Forrester

Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Ottubru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.