Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2018 – Bezouaoui u HB Consultant vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-478/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Hacène Bezouaoui (Avanne, Franza), HB Consultant (Beure, Franza) (rappreżentanti : J.-F. Henrotte u N. Neyrinck, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat. Konsegwentement,

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 2075 finali, tal-10 ta’ April 2018, fuq il-Każ SA.46897 (2018/NN) – Franza għajnuna preżunta – CACES;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kunċett ta’ “imputabbiltà” li għalih isir riferiment fl-Artikolu 107 TFUE, sa fejn ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ taħriġ ta’ sigurtà għas-sewqan ta’ vetturi f’impjanti ta’ kostruzzjoni mill-organi ta’ ġbir awtorizzati mill-Istat [Organismes paritaires de collecte agréés] (OPCA) jinvolvi użu ta’ riżorsi tal-Istat, b’riżultat ta’ miżura imputabbli lill-Istat. B’hekk, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni li tagħha huma jitolbu l-annullament tmur kontra l-ġurisprudenza Pearle (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C-345/02, EU:C:2004:448).

2.    It-tieni motiv, ibbżat fuq il-ksur tal-kunċett ta’ “vantaġġ” li għalih isir riferiment fl-Artikolu 107 TFUE, inkwantu l-miżuri adottati mill-Istat Franċiż f’dan il-każ jagħtu vantaġġ lill-impriżi li jipprovdu taħriġ imsejjaħ “CACES®” (Certificat d’Aptitude à la Conduite En Sécurité), meta mqabbla ma’ dawk li jipprovdu taħriġ imsejjaħ “PCE®” (Permis à la Conduite d’Engins).

3.    It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-kunċett ta’ “selettività” li għalih isir riferiment fl-Artikolu 107 TFUE, inkwantu l-miżuri adottati huma ta’ natura selettiva. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet:

l-ewwel parti, ibbażata fuq l-argument li l-OPCA ma għandhomx setgħa li jiddiskriminaw bejn il-korsijiet ta’ taħriġ differenti li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet u li kollha huma rrikonoxxuti mill-Istat Franċiż;

it-tieni parti, ibbażata fuq l-argument li l-interventi tal-Istat Franċiż ikollhom bħala effett li jitqarrqu bl-OPCA fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ taħriġ li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali u li jistgħu jiġu rrimborsati;

it-tielet parti, ibbażata fuq l-argument li d-differenza fit-trattament bejn iż-żewġ sistemi ta’ formazzjoni (CACES® u PCE®) ma hijiex iġġustifikata bin-natura jew l-istruttura ġenerali ta’ sistema ta’ riferiment.

____________