Language of document : ECLI:EU:C:2018:869

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fil-25 ta’ Ottubru 2018 (1)

Kawżi magħquda C350/17 u C351/17

Mobit Soc. cons. arl

vs

Regione Toscana (C350/17)

fil-preżenza ta’

Autolinee Toscane SpA,

Régie autonome des transports parisiens (RATP)

u

Autolinee Toscane SpA

vs

Mobit Soc. cons. arl (C351/17)

fil-preżenza ta’

Regione Toscana,

Régie autonome des transports parisiens (RATP)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ vjaġġaturi bil-ferrovija u bit-triq – Artikolu 5 – Għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi – Artikolu 8(2) – Sistema tranżitorja – Inapplikabbiltà tal-Artikolu 5 għall-għotjiet imwettqa bejn it-3 ta’ Diċembru 2009 u t-2 ta’ Diċembru 2019 – Artikolu 8(3) – Sistema tranżitorja – Inapplikabbiltà tal-Artikolu 5 għall-għotjiet imwettqa qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 – Artikolu 5(2) – Għoti dirett – Rekwiżit ta’ limitazzjoni tal-attivitajiet tal-operatur intern – Nuqqas ta’ osservanza – Assenza ta’ effett fuq proċedura għall-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti – Kunċetti ta’ ‘awtorità kompetenti u ta’ operatur intern’”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tas-6 ta’ April 2017, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) ressaq żewġ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiżi sabiex tinkiseb l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (2).

2.        Dawn it-talbiet tressqu, min-naħa, fil-kuntest ta’ tilwima bejn Mobit Soc. cons. arl, konsorzju li jiġbor diversi impriżi Taljani li joperaw fis-settur tat-trasporti u r-Regione Toscana (ir-reġjun tat-Toscana, l-Italja) fir-rigward tal-aġġudikazzjoni finali lil Autolinee Toscane SpA, impriża kkontrollata mir-Régie autonome des transports parisiens (iktar ’il quddiem ir-“RATP”), ta’ kuntratt għal servizzi pubbliċi tat-trasport lokali u, min-naħa l-oħra, ta’ tilwima li taqa’ taħt l-istess kuntest fattwali u li seħħet bejn Autolinee Toscane u Mobit.

3.        Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 5 u 8 tar-Regolament Nru 1370/2007 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li operatur, bħal Autolinee Toscane fil-kawża prinċipali, għandux jiġi eskluż minn proċedura għall-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti minħabba li dan l-operatur huwa kkontrollat minn operatur ieħor, jiġifieri r-RATP f’din it-tilwima, li bbenefika minn għoti dirett qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament (3).

4.        Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, nikkunsidra li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 ma tipprekludi, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, ta’ kuntratt għal servizzi pubbliċi ta’ trasport lil operatur bħal Autolinee Toscane.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 1370/2007 għandu bħala għan li jiddefinixxi l-mod kif, skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri sabiex jiggarantixxu l-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità ogħla jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.

6.        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jinkludi b’mod partikolari d-definizzjonijiet li ġejjin:

“[…]

b)      ‘awtorità kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità pubblika jew grupp ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew Stati Membri li għandhom is-setgħa jintervjenu fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri f’żona ġeografika partikolari, jew kwalunkwe korp li ngħata tali awtorità;

[…]

h)      ‘għotja diretta’ tfisser l-għotja ta’ kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta’ servizz pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel;

[…]

j)      ‘operatur intern’, tfisser entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta’ grupp ta’ awtoritajiet mill-inqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess;

[…]”

7.        Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, “[m]eta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt għal servizz pubbliku”.

8.        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “L-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku”, jipprovdi li:

“1.      Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. […]

2.      Sakemm mhux projbit mil-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali kompetenti, kemm jekk hi awtorità individwali jew grupp ta’ awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati għat-trasport pbbliku għall-passiġġieri u kemm jekk le, tista’ tiddeċiedi li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri hija nfisha jew tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament lill-entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta’ grupp ta’ awtorijajiet mill-anqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċità kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess. Fejn awtorità lokali kompetenti tieħu tali deċiżjoni, għandu japplika dan li ġej:

a)      sabiex jiġi determinat jekk l-awtorità lokali kompetenti teżerċitax tali kontroll, fatturi bħal ma huma l-grad ta’ rappreżentazjoni fuq korpi amministrattivi, ta’ ġestjoni jew superviżorji, l-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ dan fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni, il-proprjetà, l-influwenza effettiva u l-kontroll fuq deċiżjonijiet strateġiċi u fuq deċiżjonijiet individwali ta’ ġestjoni. Skond il-liġi Komunitarja, proprjetà ta’ 100 % mill-awtorità pubblika kompetenti, b’mod partikolari fil-każ ta’ sħubiji pubbliċi-privati, m’hix ħtieġa mandatorja għall-istabbiliment ta’ kontroll fit-tifsira ta’ dan il-paragrafu, sakemm hemm influenza pubblika dominanti u jista’ jiġi stabbilit kontroll abbażi ta’ kriterji oħrajn;

b)      il-kondizzjoni biex jiġi applikat dan il-paragrafu hija li l-operatur intern u kwalunkwe entità li fuqha dan l-operatur jeżerċita influwenza anke minima jwettqu l-attività pubblika kollha tiegħu tat-trasport ta’ passiġġieri fit-territorju ta’ l-awtorità lokali kompetenti, minkejja kwalunkwe linji ħerġin jew elementi anċillari oħra ta’ dik l-attività li jidħlu fit-territorju ta’ awtoritajiet lokali kompetenti ġirien, u ma jieħdux sehem f’sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra mit-territorju ta’ l-awtorità lokali kompetenti;

ċ)      minkejja l-punt (b), operatur intern jista’ jieħu sehem f’sejħiet għall-offerti ġusti u kompetittivi minn sentejn qabel it-tmiem tal-kuntratt għal servizz pubbliku mogħti lilu direttament taħt il-kondizzjoni li deċiżjoni finali tkun ittieħdet li s-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri koperti minn kuntratt ta’ operatur intern jiġu suġġetti għal sejħa għall-offerti ġusta u kompetittiva u li l-operatur intern ma jkun ikkonkluda l-ebda kuntratt għal servizz pubbliku ieħor mogħti direttament;

d)      fin-nuqqas ta’ awtorità lokali kompetenti, il-punti 2(a), (b) u (ċ) għandhom japplikaw għal awtorità nazzjonali għall-benefiċċju ta’ żona geografika li mhijiex nazzjonali, dment li l-operatur intern ma jieħux sehem f’sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra miż-żona li għalihom ikun ingħata l-kuntratt għal servizz pubbliku;

[…]

3.      Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern, għandha tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta’ sejħa kompetittiva għal offerti, ħlief fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi, 4, 5 u 6. Il-proċedura adottata għas-sejħa kompetittiva għal offerti għandha tkun miftuħa għall-operaturi kollha, għandha tkun ġusta u għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-non-diskriminazzjoni. Wara s-sottomissjoni ta’ offerti u kwalunkwe preselezzjoni, il-proċedura tista’ tinvolvi negozjati skond dawn il-prinċipji sabiex jiġi determinat l-aħjar mod biex jintlaħqu ħtiġiet speċifiċi jew kumplessi.

[…]”

9.        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Tranżizzjoni”, jipprovdi li:

“1.      Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. […].

2.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku bil-ferrovija u bit-triq għandu jikkonforma ma’ l-Artikolu 5 mit-3 ta’ Diċembru 2019. Matul dan il-perijodu ta’ transizzjoni l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jikkonformaw gradwalment ma’ l-Artikolu 5 sabiex jevitaw problemi strutturali serji b’mod partikolari relatati mal-kapaċità tat-trasport.

Fi żmien sitt xhur wara l-ewwel nofs tal-perijodu ta’ transizzjoni l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport ta’ progress, li jenfasizza l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe għoti gradwali ta’ kuntratti għal servizz pubbliku skond l-Artikolu 5. Abbażi tar-rapporti ta’ progress ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri xierqa ndirizzati lill-Istati Membri.

3.      Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 2, m’għandux jittieħed kont tal-kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond id-dritt Komunitarju u nazzjonali:

a)      qabel is-26 ta’ Lulju 2000 abbażi ta’ proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

b)      qabel is-26 ta’ Lulju 2000 abbażi ta’ proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

ċ)      mis-26 ta’ Lulju 2000 u qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta’ proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

d)      mis-26 ta’ Lulju 2000 u qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta’ proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti.

Il-kuntratti msemmija f’(a) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu. Il-kuntratti msemmija f’(b) u (ċ) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu, iżda għal mhux għal aktar minn 30 sena. Il-kuntratti msemmija f’(d) jistgħu jibqgħu sakemm jiskadu, kemm-il darba jkollhom tul ta’ żmien limitat meta mqabbel mat-tul ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4.

Kuntratti għal servizz pubbliku jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu jekk it-tmiem tagħhom ikun ifisser konsegwenzi legali jew ekonomiċi eċċessivi u dment li l-Kummissjoni tkun tat l-approvazzjoni tagħha.

[…]”

B.      Id-dritt Taljan

10.      Il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, minbarra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1370/2007, huma rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-kawżi prinċipali r-regoli li joħorġu mid-decreto legislativo n. 422, del 19 novembre 1997, conferimento alle regioni ed agli enti locali di funzioni e compiti in materia di trasporto pubblico locale, a norma dell’articolo 4, comma 4, della legge n. 59, del 15 marzo 1997 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 422, tad-19 ta’ Novembru 1997, dwar l-għoti lir-reġjuni u lill-amministrazzjonijiet lokali ta’ funzjonijiet u missjonijiet fil-qasam tat-trasport pubbliku lokali skont l-Artikolu 4(4) tal-Liġi Nru 59, tal-15 ta’ Marzu 1997, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv tad-19 ta’ Novembru 1997”).

11.      L-Artikolu 18 tad-Digriet Leġiżlattiv tad-19 ta’ Novembru 1997, intitolat “Organizzazzjoni tas-servizzi ta’ trasport pubbliku reġjonali u lokali”, jipprovdi:

“[…]

2)      Bil-għan li tiġi inkoraġġuta t-tneħħija tal-istrutturi monopolistiċi u li jiġu introdotti regoli għall-funzjonament ta’ sejħiet għal offerti fil-ġestjoni tas-servizzi ta’ trasport reġjonali u lokali, għall-għoti ta’ servizzi, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali għandhom josservaw il-prinċipji tal-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 481 tal-14 ta’ Novembru 1995 u għandhom jiggarantixxu b’mod partikolari:

a)      l-użu ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti għall-għażla tal-operatur tas-servizz, abbażi tal-elementi tal-kuntratt għal servizz previst fl-Artikolu 19 u konformement mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi […]. Il-kumpanniji kif ukoll il-kumpanniji omm tagħhom, il-kumpanniji membri tal-istess grupp u s-sussidjarji li, fl-Italja jew barra mill-pajjiż, jibbenefikaw minn għoti ta’ kuntratti mhux konformi mad-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 5 u 8(3) tar-[Regolament Nru 1370/2007] u li t-terminu tagħhom jestendi għal wara t-3 ta’ Diċembru 2019 ma jistgħux jipparteċipaw f’ebda proċedura għall-għoti ta’ servizzi, anki jekk diġà mnedija. L-esklużjoni ma tapplikax għall-impriżi li ngħataw kuntratt ta’ servizzi li kien huwa stess suġġett tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti[…]”

III. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

12.      Mobit huwa grupp Taljan ta’ kumpanniji (“società consortile”) li jiġbor diversi impriżi fis-settur tat-trasport.

13.      Autolinee Toscane hija kumpannija Taljana kkontrollata mir-RATP permezz tal-kumpanniji RATP DEV SA u RATP DEV Italia Srl. Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, ir-RATP hija stabbiliment pubbliku maħluq u kkontrollat mill-Istat Franċiż, li fdalu kuntratti għal servizzi pubbliċi ta’ trasport sa mis-sena 1948. Il-kuntratt mogħti lir-RATP fi Franza, li kien fis-seħħ fil-mument tal-fatti rilevanti, jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2039.

14.      Permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-5 ta’ Ottubru 2013, ir-Regione Toscana bdiet proċedura intiża għall-għoti ta’ servizzi pubbliċi għal trasport lokali b’konċessjoni fit-territorju tagħha.

15.      Ir-Regione Toscana bagħtet stediniet għal offerta lill-uniċi żewġ entitajiet li kienu wrew l-interess tagħhom li jipparteċipaw fil-proċedura, jiġifieri Mobit u Autolinee Toscane.

16.      Fl-24 ta’ Novembru 2015, il-kuntratt ingħata provviżorjament lil Autolinee Toscane. L-aġġudikazzjoni definittiva lil Autolinee Toscane ġiet deċiża fit-2 ta’ Marzu 2016.

17.      Fil-15 ta’ April 2016, Mobit ikkontestat din id-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni finali quddiem it-Tribunale amministrativo della Toscana (il-Qorti Amministrattiva ta’ Toscana, l-Italja). Permezz tar-rikors tagħha, Mobit ikkontestat il-legalità tal-proċedura, billi invokat motivi bbażati fuq l-illegalità tal-parteċipazzjoni għas-sejħa għal offerti ta’ Autolinee Toscane u tan-nuqqasijiet li jaffettwaw l-offerta magħżula kif ukoll, sussidjarjament, l-illegalità tal-proċedura kollha.

18.      Autolinee Toscane ppreżentat rikors inċidentali sabiex tiġi eskluża l-offerta ppreżentata minn Mobit. Ir-RATP intervjeniet fil-kawża insostenn ta’ Autolinee Toscane.

19.      Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2016, it-Tribunale amministrativo della Toscana (il-Qorti Amministrattiva ta’ Toscana) laqgħet kemm ir-rikors prinċipali ta’ Mobit kif ukoll ir-rikors inċidentali ta’ Autolinee Toscane. Din il-qorti annullat l-atti u l-miżuri kkontestati li joħorġu mill-aġġudikazzjoni deċiża favur Autolinee Toscane, li l-offerta tagħha ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tas-sejħa għal offerti. Hija eskludiet ukoll l-offerta ta’ Mobit, u għaldaqstant din ma setgħetx tissostitwixxi l-offerta ta’ Autolinee Toscane fil-proċedura ta’ aġġudikazzjoni.

20.      Mobit appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn allegat b’mod partikolari ksur tal-Artikolu 2(b) u (j) tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007.

21.      B’mod partikolari, Mobit sostniet li Autolinee Toscane kellha tiġi eskluża mill-proċedura għall-għoti skont l-Artikolu 5(2)(b) u (d) tar-Regolament Nru 1370/2007, peress li hija kkontrollata minn impriża – ir-RATP – li bbenefikat minn għoti dirett fi Franza u li għandha tiġi kklassifikata bħala operatur intern fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

22.      Skont il-qorti tar-rinviju, jekk dan ir-regolament kellu jiġi interpretat bħala li jeżiġi, fil-kuntest ta’ proċedura permezz ta’ sejħa għal offerti, l-esklużjoni tal-impriżi li barra minn hekk ikunu bbenefikaw minn għoti dirett, hija tkun obbligata tirriforma s-sentenza tal-ewwel istanza, billi tiddikjara li Autolinee Toscane ma setgħetx ikollha l-kwalità ta’ offerent rebbieħ.

23.      Konsegwentement, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 1 (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-projbizzjoni – prevista fis-subparagrafi ‘b’ u ‘d’ ta’ dan l-artikolu – li operatur intern jipparteċipa f’sejħiet għal offerti extra moenia), għandu jiġi applikat anki għall-kuntratti mogħtija fi żmien preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-istess regolament?

2)      Il-kwalifika ta’ ‘operatur intern’ – fis-sens tal-istess regolament u b’analoġija eventwali tar-ratio tagħha mal-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-fornituri ‘in house’ – tista’ b’mod astratt titqies li tkopri persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li ngħatat direttament, mill-awtorità Statali, kuntratt għall-provvista tas-servizz ta’ trasport lokali, fil-każ fejn, mill-aspett organizzattiv u ta’ kontroll, din tal-ewwel hija direttament marbuta mat-tieni waħda u fejn il-kapital azzjonarju tagħha huwa miżmum mill-Istat innifsu (integralment jew pro quota, f’dak il-każ, ma’ korpi pubbliċi oħra)?

3)      Fil-kaz ta’ għoti dirett ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, il-fatt li, wara l-għoti, l-awtorità Statali inkwistjoni toħloq korp pubbliku amministrattiv li għandu setgħat organizzattivi fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni (fejn barra minn hekk l-Istat iżomm id-dritt esklużiv li jagħti konċessjonijiet) – korp li ma jeżerċità l-ebda ‘kontroll simili’ fuq il-persuna li ngħatat direttament il-kuntratt għall-provvista tas-servizzi – huwa ċirkustanza li tista’ teskludi l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni mill-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolement?

4)      Il-fatt li d-data oriġinali ta’ skadenza ta’ għoti dirett ta’ kuntratt tmur lil hinn mit-terminu ta’ tletin sena li jgħalaq fit-3 ta’ Diċembru 2039 (terminu li beda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007) għandu jitqies li xorta waħda jimplika li l-għoti ma huwiex konformi mal-prinċipji previsti fid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 5 u 8(3) tal-istess regolament, jew inkella li din l-irregolarità għandha titqies li tiġi awtomatikament sanata, għall-finijiet kollha tal-liġi, billi l-imsemmija skadenza titnaqqas impliċitament ‘ex lege’ għal tali terminu ta’ tletin sena?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.      It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ġunju 2017.

25.      Mobit, Autolinee Toscane, ir-Regione Toscana, ir-RATP, il-Gvern Franċiż u Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

26.      Waqt is-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2018 dehru sabiex jinstemgħu fl-osservazzjonijiet tagħhom Mobit, Autolinee Toscane, ir-Regione Toscana, ir-RATP, il-Gvern Taljan u Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni.

V.      Analiżi

27.      Il-qorti tar-rinviju għamlet erba’ domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 sabiex jiġi stabbilit jekk operatur, bħalma hija Autolinee Toscane fil-kawża prinċipali, għandux jiġi eskluż minn proċedura għall-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti minħabba li dak l-operatur huwa kkontrollat minn operatur ieħor, jiġifieri r-RATP f’din it-tilwima, li bbenefika minn għoti dirett qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

28.      Fil-fehma tiegħi, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 ma tipprekludi, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti ta’ kuntratt għal servizzi pubbliċi ta’ trasport lil operatur bħalma hija Autolinee Toscane.

29.      Dan l-approċċ jirriżulta minn tliet motivi distinti u awtonomi, jiġifieri s-sistema tranżitorja stabbilita fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 (Taqsima A), is-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament (Taqsima B) u mir-rabta bejn l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament (Taqsima C).

30.      Għal skop ta’ eżawriment, fit-Taqsima D ser neżamina l-kunċetti ta’ “operatur intern” u ta’ “awtorità kompetenti”, li huma s-suġġett tat-tieni u tat-tielet domanda.

A.      Fuq l-applikabbiltà tas-sistema tranżitorja stabbilita fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għal proċedura ta’ għoti bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali

31.      L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-applikabbiltà tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għall-għotjiet diretti mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, din id-domanda tikkonċerna l-għoti dirett li minnu bbenefikat RATP fi Franza, li ma huwiex is-suġġett ta’ din it-tilwima, iżda li jista’, skont l-argument żviluppat minn Mobit, iwassal għall-esklużjoni ta’ Autolinee Toscane mill-proċedura għall-għoti inkwistjoni fl-imsemmija tilwima skont l-Artikolu 5(2)(b) ta’ dan ir-regolament (4).

32.      Issa, anki qabel ma tiġi eżaminata din id-domanda, wieħed għandu jistaqsi jekk awtorità kompetenti, bħar-Regione Toscana, kinitx obbligata tikkonforma ruħha mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti li ngħalqet fit-2 ta’ Mejju 2016, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (5).

33.      Fil-fehma tiegħi, u qabelxejn, mis-sistema tranżitorja stabbilita fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jirriżulta li l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ma japplikax fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (subtaqsima 1).

34.      Imbagħad, għal skopijiet ta’ eżawriment, ser neżamina argument invokat minn Mobit fejn sostniet li din is-sistema tranżitorja tikkonċerna biss l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament, u dan minkejja l-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 8(2) tal-istess regolament (subtaqsima 2).

35.      Fl-aħħar nett, ser nesponi l-motivi li għalihom għandha ssir distinzjoni bejn is-sistema tranżitorja stabbilita fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 minn dik prevista fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament (subtaqsima 3), fejn din l-aħħar sistema hija s-suġġett tat-Taqsima B ta’ dawn il-konklużjonijiet.

1.      Fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali

36.      Nirrileva li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedi li dan ir-regolament jidħol fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009. Madankollu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi ta’ trasport bil-ferrovija jew bit-triq għandu jkun konformi mal-Artikolu 5 tal-istess regolament b’effett mit-3 ta’ Diċembru 2019.

37.      Fi kliem ieħor, l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 tistabbilixxi perijodu tranżitorju ta’ għaxar snin, b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament u sat-2 ta’ Diċembru 2019, li matulu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma humiex obbligati jikkonformaw ruħhom mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament meta huma jagħtu kuntratt għal servizzi pubbliċi ta’ trasport bit-triq, bħalma huwa l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38.      Issa, il-kawża prinċipali tikkonċerna għoti li seħħ fit-2 ta’ Marzu 2016, jiġifieri qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu tranżitorju (6). Minn dan niddeduċi li r-Regione Toscana ma kinitx obbligata tikkonforma ruħha mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 fil-kuntest ta’ din it-tilwima.

39.      Il-pożizzjoni tkun differenti biss f’każ li l-għoti inkwistjoni fl-imsemmija tilwima jkun jaqa’ taħt sistema nazzjonali li timplimenta b’mod antiċipat l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007, ħaġa li hija espressament awtorizzata u anki inkoraġġuta mit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament. F’dak il-każ, ikun irid jitqies li r-Regione Toscana kienet effettivament obbligata tikkonforma ruħha mal-imsemmi Artikolu 5 fil-kuntest ta’ din l-istess tilwima, u dan sa fejn huwa stabbilit minn din is-sistema nazzjonali.

40.      Madankollu, ma jirriżulta minn ebda element fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja li r-Repubblika Taljana jew ir-Regione Toscana kienu ddeċidew li jimplimentaw l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 b’mod antiċipat, jiġifieri qabel l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju. Mistoqsija fuq dan is-suġġett waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Gvern Taljan u r-Regione Toscana kkonfermaw li ma kienx hemm implimentazzjoni antiċipata. Madankollu, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika li dan huwa fil-fatt il-każ.

41.      Konsegwentement, b’mod prinċipali, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ma japplikax fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti mwettqa qabel l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju stabbilit fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ħlief fl-ipoteżi fejn dak l-għoti jaqa’ taħt sistema nazzjonali li timplimenta b’mod antiċipat l-imsemmi Artikolu 5, u dan sa fejn stabbilit minn din is-sistema.

2.      Fuq ir-relazzjonijiet bejn l-Artikolu 8(2), u l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007

42.      Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi eżenzjoni temporanja li tirrigwarda l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament fl-intier tiegħu, kif isostnu Autolinee Toscane, ir-Regione Toscana, ir-RATP u l-Gvern Franċiż.

43.      Madankollu, il-Kummissjoni, fil-linji gwida interpretattivi tagħha li jikkonċernaw ir-Regolament Nru 1370/2007, affermat li “f’dan il-kuntest huwa pertinenti biss l-Artikolu 5(3)” (7). Mobit sostniet din l-interpretazzjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

44.      Biex tiġġustifika din l-interpretazzjoni, il-Kummissjoni ressqet argument ta’ natura sistematika fil-linji gwida tagħha. Fil-fehma tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007, barra dawk inklużi fil-paragrafu 3 tiegħu huma “inqas stretti meta mqabbla mal-prinċipji ġenerali tat-Trattat u l-ġurisprudenza korrispondenti”. Fi kliem ieħor, il-fatt li “tiġi ffriżata” l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet matul il-perijodu tranżitorju jorbot lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ obbligi iktar stretti, jiġifieri dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali tat-trattat u mill-ġurisprudenza korrispondenti.

45.      Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni għandha tiġi miċħuda għat-tliet motivi li ġejjin.

46.      L-ewwel nett, hija tikkontradixxi l-formulazzjoni univokali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, li jirreferi għall-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament mingħajr preċiżazzjoni oħra.

47.      Imbagħad, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li “taqta’ x’inhi” l-portata ta’ sistema tranżitorja, bħal dik stabbilita fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, billi tipproċedi b’paraguni ta’ natura sistematika bejn l-obbligi li jirriżultaw rispettivament minn żewġ strumenti, f’dan il-każ dan ir-regolament u t-Trattat FUE. Tali proċess jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, preċedent perikoluż fir-rigward tal-prinċipji tas-separazzjoni tal-poteri u taċ-ċertezza legali.

48.      Fl-aħħar nett, jidhirli li l-Kummissjoni tixtieq tintroduċi mill-ġdid permezz ta’ interpretazzjoni restrizzjoni li ġiet miċħuda mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, għalkemm din ir-restrizzjoni tal-portata tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma kinitx tidher fl-ewwel abbozz ta’ dan ir-regolament kif adottat fit-23 ta’ Ottubru 2007, din ġiet miċħuda wkoll mil-leġiżlatur tal-Unjoni waqt l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija (8).

49.      Fil-fatt, fil-proposta tagħha għal regolament li jemenda, il-Kummissjoni kienet espressament ipproponiet li tirrestrinġi l-portata tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għall-Artikolu 5(3) biss ta’ dan ir-regolament (9). Issa, it-test finali tar-regolament li jemenda, kif adottat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, ma jinkludix tali restrizzjoni (10).

50.      Minn dan niddeduċi li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jistabbilixxi perijodu tranżitorju li matulu d-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ikunu nieqsa minn kull saħħa vinkolanti.

3.      Fuq ir-relazzjonijiet bejn l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007

51.      Għar-raġunijiet li ġejjin, nikkunsidra li l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 jistabbilixxu żewġ sistemi tranżitorji distinti, kif isostnu essenzjalment ir-RATP, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni.

52.      Nenfasizza b’mod preliminari, li l-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007, li kien mibdi bi proposta tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Lulju 2000, kien partikolarment twil u diffiċli. Wara mblokk twil fi ħdan il-Kunsill (11), sar tibdil sostanzjali fit-test inizjalment propost mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-mekkaniżmi tranżitorji previsti fl-Artikolu 8(2) u (3) ta’ dan ir-regolament huma, fil-parti l-kbira tagħhom, ir-riżultat tal-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill fil-11 ta’ Diċembru 2006 (12).

53.      Fl-ewwel lok, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirrigwardaw għotjiet imwettqa waqt perijodi differenti. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 huwa intiż li jiżgura tranżizzjoni għall-għotjiet ġodda, jiġifieri dawk mogħtija wara t-3 ta’ Diċembru 2009, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament (13). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament jipprovdi mekkaniżmu tranżitorju għall-għotjiet eżistenti, jiġifieri dawk mogħtija qabel it-3 ta’ Diċembru 2009.

54.      Fit-tieni lok, id-dati ta’ skadenza ta’ dawn iż-żewġ mekkaniżmi tranżitorji huma differenti. Minn naħa waħda, il-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jiskadi fit-2 ta’ Diċembru 2019. Jirriżulta, fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li din teżiġi l-osservanza tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament b’effett mit-3 ta’ Diċembru 2019.

55.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-kuntratti mogħtija fil-passat jistgħu jitkomplew sal-iskadenza tagħhom, filwaqt li jipprovdi data ta’ skadenza għall-parti l-kbira ta’ dawn il-kuntratti. Biex jittieħed eżempju konkret, il-kuntratt mogħti direttament mill-Istat Franċiż lir-RATP, li ġie invokat minn Mobit fil-kawża prinċipali, jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2039, iżda ma jkunx jista’ jibbenefika mis-sistema stabbilita fid-dispożizzjoni ċċitata qabel ħlief sad-data ta’ skadenza tat-3 ta’ Diċembru 2039 (14). Għaldaqstant, huwa evidenti li t-tul ta’ dan it-tieni mekkaniżmu tranżitorju ma jikkoinċidix ma’ dak tal-ewwel mekkaniżmu tranżitorju, li jiskadi fit-2 ta’ Diċembru 2019.

56.      Għaldaqstant, l-ewwel mekkaniżmu tranżitorju jtawwal l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 għall-għotjiet ġodda sat-3 ta’ Diċembru 2019, filwaqt li t-tieni mekkaniżmu tranżitorju jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għall-għotjiet eżistenti sal-iskadenza tagħhom jew sa data ta’ skadenza.

57.      Fit-tielet lok, il-portata tal-mekkaniżmu tranżitorju stabbilit fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 hija limitata għall-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li l-applikazzjoni tiegħu hija mtawla għall-għotjiet ġodda mwettqa bejn it-3 ta’ Diċembru 2009 u t-2 ta’ Diċembru 2019. Min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmu tranżitorju previst fl-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament ma jidhirx, fil-fehma tiegħi, li huwa limitat għal dispożizzjoni partikolari u, għaldaqstant, jirrigwarda d-dispożizzjonijiet kollha tar-regolament, liema dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati għall-għotjiet eżistenti (15).

58.      Fir-raba’ lok, il-kliem tal-bidu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, jiġifieri l-kliem “[m]ingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3” jissuġġerixxu l-eżistenza ta’ mekkaniżmu tranżitorju addizzjonali stabbilit fil-paragrafu 3. Bl-istess mod, l-espressjoni “[f]l-applikazzjoni tal-paragrafu 2” użata fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament tfakkar in-natura komplementari tal-mekkaniżmu previst f’din l-aħħar dispożizzjoni.

59.      Fil-ħames lok, l-intenzjoni li jiġu stabbiliti żewġ mekkaniżmi tranżitorji distinti toħroġ ukoll mill-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill (16), li minnha ħareġ it-test tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1370/2007.

60.      Bħala konklużjoni, u kif spjega ċar il-Gvern Franċiż waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-Regolament Nru 1370/2007 ippreveda tliet sistemi distinti skont id-data tal-għoti tal-kuntratt, bil-għan li jiġu rrikonċiljati l-obbligi li tinfetaħ il-kompetizzjoni, iċ-ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi.

61.      Is-sistema definittiva tirrigwarda l-għotjiet ġodda mwettqa mit-3 ta’ Diċembru 2019, li għandhom ikunu konformi mar-Regolament Nru 1370/2007 kollu kemm hu.

62.      L-ewwel sistema tranżitorja tikkonċerna l-għotjiet ġodda mwettqa bejn it-3 ta’ Diċembru 2009 u t-2 ta’ Diċembru 2019, li għalihom l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament hija sospiża skont l-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament.

63.      It-tieni sistema tranżitorja teskludi l-applikazzjoni tar-regolament għall-għotjiet imwettqa qabel it-3 ta’ Diċembru 2009, skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament.

64.      Fit-taqsima li ġejja, ser neżamina l-applikabbiltà ta’ din l-aħħar sistema fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali.

B.      Fuq l-applikabbiltà tas-sistema tranżitorja stabbilita fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 għal kuntratt li jaqa’ taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament u li jiskadi wara t-terminu ta’ tletin sena previst f’din id-dispożizzjoni (l-ewwel u r-raba’ domanda)

65.      Permezz tal-ewwel u tar-raba’ domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament japplika għall-għoti dirett ta’ kuntratt imwettaq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, u dan peress li dan il-kuntratt jiskadi wara t-terminu ta’ tletin sena previst għall-kuntratti li jaqgħu taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-istess regolament.

66.      Nerġa’ nenfasizza li l-“għoti dirett ta’ kuntratt” imsemmi f’din id-domanda ma sarx mir-Regione Toscana fil-proċedura li tat lok għall-kawża prinċipali, peress li dik il-proċedura kienet is-suġġett ta’ sejħa għal offerti wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1370/2007.

67.      Fir-realtà, din id-domanda tirrigwarda l-għoti dirett li minnu bbenefikat ir-RATP fi Franza qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk Autolinee Toscane għandhiex tiġi eskluża mill-proċedura tal-għoti inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba li hija kkontrollata mir-RATP (17).

68.      L-istess bħal pożizzjonijiet li ħadu l-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni, jidhirli li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, u b’mod partikolari l-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, ma japplikax għall-għoti dirett imwettaq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

69.      Fl-ewwel lok, mill-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 jirriżulta li din is-sistema tranżitorja tirrigwarda kull kuntratt mogħti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, li seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009 (18).

70.      Fit-tieni lok, l-għan tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 huwa tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, skont il-modalitajiet previsti f’din id-dispożizzjoni, għall-kuntratti mogħtija qabel it-3 ta’ Diċembru 2009. Din l-esklużjoni tista’ tieħu, fil-fehma tiegħi, żewġ forom distinti.

71.      Minn naħa waħda, il-validità ta’ tali kuntratti ma tistax tiġi kkontestata minħabba ksur tar-Regolament Nru 1370/2007, u b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tiegħu. Dan joħroġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, li skontu l-kuntratti msemmija “jistgħu jibqgħu fis-seħħ”.

72.      Min-naħa l-oħra, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament “m’għandux jittieħed kont” ta’ tali kuntratti. Minn din id-dispożizzjoni niddeduċi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma għandhomx jieħdu inkunsiderazzjoni kuntratti mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament meta huma jipproċedu għall-għoti skont l-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament.

73.      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, huwa biss dan it-tieni effett li huwa rilevanti peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li Autolinee Toscane tiġi eskluża mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni minħabba l-għoti dirett li minnu bbenefikat ir-RATP qabel it-3 ta’ Diċembru 2009.

74.      Fit-tielet lok, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 jistabbilixxi t-tul ta’ din is-sistema tranżitorja, li jvarja skont id-data u t-tip tal-għoti ta’ kuntratt.

75.      F’dan ir-rigward, mill-konstatazzjonijiet fattwali mwettqa mit-Tribunale amministrativo della Toscana (il-Qorti Amministrattiva tat-Toscana), li ġew riprodotti mill-qorti tar-rinviju (19) u li ma ġewx ikkontestati mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li:

–        l-għoti dirett li minnu bbenefikat ir-RATP fi Franza jmur lura għas-sena 1948, u

–        il-kuntratt mogħti lir-RATP fi Franza, li kien fis-seħħ fil-mument tal-fatti rilevanti, jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2039.

76.      Konsegwentement, il-kuntratt li bbenefikat minnu r-RATP fi Franza jaqa’ taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, u dan kif irrilevat il-qorti tar-rinviju.

77.      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, dan it-tip ta’ kuntratt jista’ “jibq[a] fis-seħħ sakemm jiskad[i], iżda għal mhux għal aktar minn 30 sena”.

78.      Hija ħasra li din l-aħħar dispożizzjoni ma tispeċifikax il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ tletin sena, u dan kif irrilevaw Mobit u l-Kummissjoni. Fit-teorija, jista’ jkun hemm diversi bidu tad-dekorrenza, bħalma hija d-data tal-proposta inizjali ta’ regolament ippreżentata mill-Kummissjoni (26 ta’ Lulju 2000), kif issuġġeriet Mobit, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1370/2007 (3 ta’ Diċembru 2009), id-data tal-jum ta’ wara l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju stabbilit fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament (3 ta’ Diċembru 2019), id-data tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni jew ukoll id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak il-kuntratt.

79.      Nikkunsidra madankollu li d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1370/2007 għandha tiġi adottata bħala l-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu ta’ tletin sena, u dan għaż-żewġ raġunijiet li ġejjin. Minn naħa, l-użu ta’ data li tirrigwarda l-kuntratt ikkunsidrat ma jippermettix li tiġi applikata soluzzjoni uniformi għall-kuntratti kollha li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament. Tali sitwazzjoni toħloq diffikultajiet ta’ applikazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti u inċertezza legali għall-operaturi attivi fis-settur tat-trasport.

80.      Min-naħa l-oħra, nirrileva li din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-kuntratti kollha konklużi qabel it-3 ta’ Diċembru 2009, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, jidhirli li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li din id-data tirrappreżenta wkoll il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ tletin sena stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament għall-kuntratti li jaqgħu taħt il-punti (b) u (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, kif ippreżumew il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Franċiż.

81.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li skont qari tad-dispożizzjonijiet rilevanti, dan it-terminu ta’ tletin sena jiskadi fit-3 ta’ Diċembru 2039 (20).

82.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk il-kuntratt mogħti mill-Istat Franċiż lir-RATP jistax jibbenefika mis-sistema tranżitorja stabbilita fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, minkejja l-fatt li dan il-kuntratt jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2039, jiġifieri wara t-3 ta’ Diċembru 2039, li hija d-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ tletin sena.

83.      F’dan ir-rigward, Mobit sostniet li l-kuntratt mogħti lir-RATP ma huwiex, minħabba t-tul tiegħu, konformi mad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Din il-pożizzjoni jidhirli madankollu li hija bbażata fuq konfużjoni bejn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u l-effetti ta’ din is-sistema tranżitorja.

84.      Fil-fatt, u minn naħa, mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 jirriżulta li s-sistema tranżitorja tapplika għall-kuntratti kollha mogħtija qabel it-3 ta’ Diċembru 2009, u dan indipendentement mit-tul tagħhom. Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament jippreċiża mhux it-tip ta’ kuntratt li jaqa’ taħt din is-sistema, iżda tassew l-effetti u t-tul tal-imsemmija sistema.

85.      Skont din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, ma hemmx dubju li l-kuntratt mogħti mill-Istat Franċiż lir-RATP jista’ tassew jibbenefika mis-sistema tranżitorja stabbilita fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 u dan minkejja l-fatt li dan il-kuntratt jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2039, kif sostnew Autolinee Toscane, ir-RATP, ir-Regione Toscana, il-Gvern Franċiż u Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni. Madankollu, dan il-kuntratt jista’ jibbenefika minn din is-sistema biss matul it-terminu ta’ tletin sena previst għall-kuntratti li jaqgħu taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, li jiskadi fit-3 ta’ Diċembru 2039.

86.      Konsegwentement, l-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma jistax jiġi applikat għal kuntratt bħalma huwa dak li bbenefikat minnu r-RATP ħlief b’effett mill-4 ta’ Diċembru 2039. It-tul relattivament twil ta’ din is-sistema tranżitorja jista’ jsib spjegazzjoni, b’mod partikolari, fid-diffikultà li jintlaħaq ftehim fi ħdan il-Kunsill fuq l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament (21).

87.      Fid-dawl ta’ dan kollu, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel u għar-raba’ domanda kif ġej. L-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 5(2) u (3) ta’ dan ir-regolament ma japplikax, matul terminu ta’ tletin sena li jiskadi fit-3 ta’ Diċembru 2039, għal kuntratt li jaqa’ taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, u dan minkejja l-fatt li dan il-kuntratt jiskadi wara t-3 ta’ Diċembru 2039.

88.      L-istess bħar-risposta proposta fit-Taqsima A ta’ dawn il-konklużjonijiet, din ir-risposta tippermetti li tingħata risposta għad-domandi kollha magħmula mill-qorti tar-rinviju. Sussidjarjament, ser neżamina fit-taqsima li ġejja jekk l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 jistax jiġi interpretat fis-sens li impriża għandha tiġi eskluża minn proċedura ta’ sejħa għal offerti minħabba li hija kkontrollata minn impriża li qabel kienet ibbenefikat minn għoti dirett.

C.      Fuq in-natura tas-sanzjoni marbuta mar-rekwiżit ta’ limitazzjoni tal-attivitajiet tal-operaturi interni stabbilit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007

89.      It-tieni u t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq premessa li teħtieġ eżami speċifiku, jiġifieri l-possibbiltà, jew l-obbligu, li tiġi eskluża impriża, bħal Autolinee Toscane fil-kawża prinċipali, minn proċedura għall-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, minħabba li dik l-impriża jew l-impriża li tikkontrollaha, bħalma hija r-RATP f’din it-tilwima, ibbenefikat minn għoti dirett fis-sens tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament.

90.      Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, nikkunsidra li din il-premessa hija żbaljata. Fil-fatt, naqbel mal-pożizzjoni esposta mill-Kummissjoni li skontha impriża ma tistax tiġi eskluża minn proċedura għall-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti minħabba li hija bbenefikat, barra minn hekk, minn għoti dirett.

91.      Infakkar li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 joffri lill-awtorità kompetenti l-libertà li tagħżel bejn proċedura għall-għoti dirett, irregolata mill-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, u proċedura għall-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, li taqa’ taħt l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament.

92.      Madankollu, din il-libertà tal-għażla kienet suġġetta għal rekwiżit ta’ limitazzjoni ġeografika tal-attività tal-operatur intern meta l-awtorità kompetenti tagħżel li tipproċedi b’għoti dirett. Dan il-prinċipju tal-limitazzjoni, li l-portata tiegħu ġiet ippreċiżata fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, huwa intiż li jipprevjeni eventwali distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni, fi proċedura ta’ sejħa għal offerti, ta’ operatur intern li jgawdi minn kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli fil-kuntest ta’ kuntratt ieħor mogħti mingħajr sejħa għal offerti.

93.      Ebda waħda mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestat il-prinċipju ta’ dan ir-rekwiżit ta’ limitazzjoni tal-attivitajiet tal-operatur intern. Min-naħa l-oħra, dawn il-partijiet taw fehmiet diverġenti f’dak li jikkonċerna s-sanzjoni prevista f’każ ta’ ksur ta’ dan ir-rekwiżit.

94.      Il-qorti tar-rinviju bdiet mill-ipoteżi li din is-sanzjoni tikkonsisti fl-esklużjoni tal-operaturi interni minn kull proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti. Din il-pożizzjoni ġiet difiża minn Mobit u mill-Gvern Taljan.

95.      Min-naħa l-oħra, Autolinee Toscane, ir-Regione Toscana, ir-RATP, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni sostnew li l-parteċipazzjoni ta’ operatur intern fi proċedura ta’ sejħa għal offerti twassal mhux għall-esklużjoni ta’ dak l-operatur minn din il-proċedura, iżda tassew għall-invalidità tal-għoti dirett li jkun gawda minnu dak l-operatur.

96.      Fil-fehma tiegħi, in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ limitazzjoni stabbilit fl-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma jista’ jkollu ebda effett fuq il-proċedura tal-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament.

97.      Fl-ewwel lok, nirrileva li r-rekwiżit ta’ limitazzjoni huwa previst fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, li jirregola l-għotjiet diretti, u mhux l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-għotjiet permezz ta’ sejħa għal offerti.

98.      Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007. Fil-fatt, jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 5(2)(b) ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari mill-kliem “il-kondizzjoni biex jiġi applikat dan il-paragrafu hija”, li r-rekwiżit ta’ limitazzjoni tal-attivitajiet tal-operatur intern huwa kundizzjoni għall-validità tal-proċeduri għall-għoti intern.

99.      Fit-tielet lok, il-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 tiffavorixxi wkoll kontra l-esklużjoni tal-operaturi li jkunu bbenefikaw minn għoti dirett peress li teżiġi espressament li din il-proċedura tkun “miftuħa għall-operaturi kollha”. F’dan ir-rigward nenfasizza li l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-proċeduri għall-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti, ma jinvolvix u lanqas ma jirreferi għar-rekwiżit ta’ limitazzjoni stabbilit fl-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmi regolament, u lanqas ebda rekwiżit simili.

100. Ċertament, il-qari formali tal-kliem “kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern” li bihom tinfetaħ l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, jista’ jissuġġerixxi li l-operaturi interni kollha huma awtomatikament esklużi mill-proċeduri għall-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti. Fir-realtà, din l-espressjoni tirrigwarda neċessarjament biss lill-operaturi interni tal-awtorità kompetenti kkonċernata, jiġifieri dik li tipproċedi għall-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti.

101. Fil-fatt, il-portata ta’ dawn il-kliem ma hijiex dik li teskludi kull operatur intern mill-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti, iżda fil-fatt dik li timponi s-sejħa għal offerti kull darba li awtorità kompetenti ma tipproċedix b’għoti dirett konformement mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007. Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati li jirrikorru kemm għall-għoti dirett, kif ukoll għall-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti (22), u huma obbligati wkoll, meta jagħżlu din l-aħħar proċedura, li jiftħuha għal kull operatur.

102. Fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni hija konformi ma’ wieħed mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-Regolament Nru 1370/2007, jiġifieri ż-żieda fl-użu tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku ta’ trasport (23). Skont din l-interpretazzjoni, fil-fatt, il-parteċipazzjoni ta’ operatur intern fi proċedura ta’ sejħa għal offerti tista’ tiġi ssanzjonata bl-invalidità tal-għotjiet diretti li minnhom huwa jkun ibbenefika (24). Fil-fehma tiegħi, ftit li xejn hemm dubju li din is-sanzjoni tista’ tiddisswadi lil operatur intern milli jipparteċipa fi proċedura ta’ sejħa għal offerti. Madankollu, kull operatur intern iżomm kompletament id-dritt li jipparteċipa fi proċeduri ta’ sejħa għal offerti, li l-effettività tagħhom hija għaldaqstant ippreżervata.

103. Minn dan kollu niddeduċi li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti ta’ kuntratt għal servizzi pubbliċi ta’ trasport, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lil operatur ikkontrollat minn operatur ieħor li jkun ibbenefika minn għoti dirett qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

104. Min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni ta’ operatur intern fi proċedura għall-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti tista’, jekk ikun il-każ, tqajjem dubju dwar il-validità tal-għoti dirett li minnu tkun ibbenefikat dik l-impriża jew l-impriża li tikkontrollaha, jekk wieħed jippreżumi li l-Artikolu 5 jkun applikabbli (25). Nenfasizza li fil-fehma tiegħi din il-kwistjoni toħroġ mis-suġġett tal-kawża prinċipali.

D.      Fuq il-kunċetti ta’ “operatur intern” u ta’ “awtorità kompetenti” msemmija fl-Artikolu 2(b) u (j) kif ukoll fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 (it-tieni u t-tielet domanda)

105. L-istess bħall-pożizzjonijiet sostnuti mir-RATP, minn Autolinee Toscane, mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni, jidhirli li ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

106. Fil-fatt, mir-risposti li pproponejt fit-taqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li r-Regolament Nru 1370/2007 ma jipprekludix, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti ta’ kuntratt għal servizzi pubbliċi ta’ trasport lil operatur bħalma hija Autolinee Toscane.

107. Madankollu, għal skopijiet ta’ eżawriment, ser nirrispondi fil-qosor għat-tieni u għat-tielet domanda f’din it-taqsima.

108. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(j) u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li tista’ tikkwalifika bħala “operatur intern” persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li għandha kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport lokali mogħti direttament mill-awtorità statali, li hija marbuta direttament ma’ dik l-awtorità mill-perspettiva tal-organizzazzjoni tagħha u tal-kontroll tagħha, u li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-Istat.

109. Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti, din id-domanda hija intiża li tiċċara l-istatus tar-RATP fir-rigward ta’ dan ir-regolament.

110. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fil-parti l-kbira tagħha minn konstatazzjonijiet ta’ natura fattwali li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali.

111. B’mod iktar preċiż, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-awtorità kompetenti teżerċitax fuq l-operatur ikkonċernat “kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess”, fid-dawl tal-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 1370/2007.

112. Kif ġustament enfasizzat Mobit, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala operatur intern, huwa irrilevanti l-fatt li operatur, bħar-RATP, għandu l-forma legali ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku. Ir-Regolament Nru 1370/2007 fil-fatt ma jagħmel ebda distinzjoni bejn impriżi pubbliċi u impriżi privati, skont il-premessa 12 tiegħu.

113. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt li kien is-suġġett ta’ għoti dirett konformement ma’ din id-dispożizzjoni jistax, sussegwentement, jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu minħabba t-trasferiment tas-setgħa li jiġu organizzati s-servizzi ta’ trasport ikkonċernati lil stabbiliment li ma jeżerċitax “kontroll simili” fuq offerent li jingħata l-kuntratt direttament għal dawn is-servizzi.

114. Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, din id-domanda hija mmotivata min-neċessità li tiġi identifikata l-awtorità kompetenti f’dak li jikkonċerna s-servizzi ta’ trasport ipprovduti mir-RATP. Skont dik il-qorti, din l-awtorità kompetenti tista’ tkun kemm l-Istat Franċiż, li żamm id-dritt effettiv li jiddisponi fuq il-konċessjoni mogħtija lir-RATP, kif ukoll is-Syndicat des transports d’Île-de-France (iktar ’il quddiem is-“STIF”), li huwa entità pubblika amministrattiva li ma għadhiex ikkontrollata mill-Istat Franċiż sa mis-sena 2004 u li lilha ġew devoluti funzjonijiet ta’ organizzazzjoni tat-trasport fir-reġjun ta’ Pariġi. L-imsemmija qorti tenfasizza madankollu li s-STIF ma għandhiex kompetenza f’dak li jikkonċerna l-kontroll, il-modalitajiet, is-suġġett u l-għotjiet tal-konċessjoni mogħtija “ex lege” lir-RATP.

115. Għal darba oħra, għandi l-impressjoni li r-risposta għal din id-domanda tiddependi fil-parti l-kbira mill-verifiki fattwali li hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel.

116. Fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” stabbilit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 1370/2007, hemm tliet każijiet li jistgħu jiġu kkontemplati wara t-trasferiment tas-setgħa li jiġu organizzati s-servizzi tat-trasport ikkonċernati lis-STIF:

–        l-Istat Franċiż żamm, waħdu, is-setgħa li jintervjeni fit-trasporti pubbliċi tal-vjaġġaturi fiż-żona ġeografika kkonċernata;

–        din is-setgħa hija llum maqsuma bejn l-Istat Franċiż u s-STIF, jew

–        l-imsemmija setgħa hija esklużivament miżmuma mis-STIF.

117. Għaldaqstant, sabiex jiġi deċiż jekk il-kuntratt mogħti direttament lir-RATP jibqax jaqa’ taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fl-ewwel lok, jekk l-Istat Franċiż u/jew is-STIF għandhomx jiġu kklassifikati bħala awtoritajiet kompetenti. Fit-tieni lok, hija għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet ta’ “kontroll simili” u ta’ limitazzjoni tal-attivitajiet tal-operatur intern humiex issodisfatti.

118. Skont il-formulazzjoni tad-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-STIF ma teżerċitax “kontroll simili” fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, fuq ir-RATP. Konsegwentement, il-kuntratt miżmum mir-RATP jibqa’ jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni, minkejja t-trasferiment lis-STIF tas-setgħa li torganizza s-servizzi ta’ trasport ikkonċernati, jekk, minn naħa, l-awtorità statali żżomm, waħedha jew flimkien mas-STIF, is-setgħa li tintervjeni fit-trasporti pubbliċi tal-vjaġġaturi fiż-żona ġeografika kkonċernata (u għaldaqstant, tista’ tkun ikklassifikata bħala “awtorità kompetenti”), u min-naħa l-oħra, jekk dik l-awtorità tkompli teżerċita “kontroll simili” fuq l-offerent li jingħata l-kuntratt.

119. Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari.

120. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(j) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tiġi kklassifikata bħala “operatur intern” persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li għandha kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport lokali mogħti direttament mill-awtorità statali, bil-kundizzjoni li din l-awtorità teżerċita fuq dik il-persuna “kontroll simili” għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess.

121. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament Nru 1370/2007, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(b) tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment tas-setgħa li jiġu organizzati s-servizzi ta’ trasport, tal-awtorità statali lil stabbiliment li ma jeżerċitax “kontroll simili” fuq l-offerent li jingħata l-kuntratt, ma jwassalx għall-esklużjoni tal-kuntratt mogħti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni bil-kundizzjoni, min-naħa, li l-awtorità statali żżomm, waħedha jew flimkien ma’ dan l-istabbiliment, is-setgħa li tintervjeni fit-trasporti pubbliċi ta’ vjaġġaturi fiż-żona ġeografika kkonċernata (u, għaldaqstant, tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità kompetenti”) u, min-naħa l-oħra, li dik l-awtorità tkompli teżerċita “kontroll simili” fuq l-offerent li jingħata l-kuntratt.

VI.    Konklużjoni

122. Fid-dawl ta’ dan kollu, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja):

1)      L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ma japplikax fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti mwettqa qabel l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju stabbilit fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ħlief fl-ipoteżi fejn dak l-għoti jaqa’ taħt sistema nazzjonali li timplimenta b’mod antiċipat l-imsemmi Artikolu 5, u dan sa fejn stabbilit minn din is-sistema.

2)      Sussidjarjament, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ma japplikax, matul terminu ta’ tletin sena li jiskadi fit-3 ta’ Diċembru 2039, għal kuntratt li jaqa’ taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, u dan minkejja l-fatt li dan il-kuntratt jiskadi wara t-3 ta’ Diċembru 2039.

3)      Sussidjarjament, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-għoti permezz ta’ sejħa għal offerti ta’ kuntratt għal servizzi pubbliċi ta’ trasport, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lil operatur ikkontrollat minn operatur ieħor li jkun ibbenefika minn għoti dirett qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

4)      Sussidjarjament, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(j) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tiġi kklassifikata bħala “operatur intern” persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li għandha kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport lokali mogħti direttament mill-awtorità statali, bil-kundizzjoni li din l-awtorità teżerċita fuq dik il-persuna “kontroll simili” għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(b) tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment tas-setgħa li jiġu organizzati s-servizzi ta’ trasport, tal-awtorità statali lil stabbiliment li ma jeżerċitax “kontroll simili” fuq l-offerent li jingħata l-kuntratt, ma jwassalx għall-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni bil-kundizzjoni, minn naħa, li l-awtorità statali żżomm, waħedha jew flimkien ma’ dan l-istabbiliment, is-setgħa li tintervjeni fit-trasporti pubbliċi ta’ vjaġġaturi fiż-żona ġeografika kkonċernata (u, għaldaqstant, tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità kompetenti”) u, min-naħa l-oħra, li dik l-awtorità tkompli teżerċita “kontroll simili” fuq l-offerent li jingħata l-kuntratt.


1      Lingwa oriġinali: il‑Franċiż.


2      ĠU 2007, L 315, p. 1.


3      Ara l-punti 21 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


4      Ara l-punti 21 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


5      Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


6      Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


7      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida interpretattivi li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (ĠU 2014, C 92, p. 1), punt 2.6.1.


8      ĠU 2016, L 354, p. 22. Dan ir-regolament li jemenda daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2017 skont l-Artikolu 2 tiegħu.


9      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri, 30 ta’ Jannar 2013, COM(2013) 28 final, p. 7 u 16.


10      Ara l-Artikolu 1(9) tar-Regolament 2016/2338.


11      Ara, b’mod partikolari, il-proposta rriveduta tal-Kummissjoni tar-Regolament tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew dwar is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq il-ferroviji u t-toroq, 20 ta’ Lulju 2005, COM(2005) 319 finali, p. 4 : “Wara li għaddew ħames snin, din il-proposta għadha bblukkata mill-Kunsill. Ma setax jintlaħaq kompromess biex tinstab pożizzjoni komuni, minħabba li l-Istati Membri huma maqsuma wisq dwar kemm it-trasport ta’ l-art għandu jinfetaħ għall-kompetizzjoni, speċjalment fid-dawl tad-disparità ta’ l-esperjenzi li saru f’okkażjoijiet meta dan il-ftuħ seħħ.”


12      Pożizzjoni komuni (KE) Nru 2/2007 adottata mill-Kunsill, 11 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2007, C 70E, p. 1, ara b’mod partikolari p. 9 u 17).


13      Ara l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1370/2007.


14      Ara l-punti 75 sa 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Barra l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007, il-mekkaniżmu tranżitorju stabbilit fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament jista’ b’mod partikolari jikkonċerna l-obbligu li jiġi stabbilit kuntratt għal servizz pubbliku (Artikolu 3), ir-regoli dwar il-kumpens (Artikolu 4(1) u (2) u Artikolu 6) jew ukoll dawk li jfasslu t-tul tal-kuntratt (Artikolu 4(3) u (4)).


16      Pożizzjoni komuni (KE) Nru 2/2007 adottata mill-Kunsill, 11 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2007, C70E, p. 1), p. 17 : “Bil-ħsieb li l-awtoritajiet u l-operaturi jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw għall-qafas leġiżlattiv il-ġdid, il-Kunsill jagħmel diversi modifiki għall-arranġamenti transitorji proposti mill-Kummissjoni. L-ewwelnett, ir-Regolament jidħol fis-seħħ tliet snin wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament. Tnax-il sena wara dan, il-kuntratti ta’ servizz pubbliku bil-ferrovija u bit-triq għandhom jingħataw skond ir-Regolament. […]


      Fir-rigward ta’ kuntratti konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, il-Pożizzjoni Komuni tipprevedi arranġament transitorju li jsegwi ħafna lill-propsti li l-Parlament ressaq fl-ewwel qari. Il-Kunsill ifittex bilanċ bejn, minn naħa waħda, ir-rispett tal-prinċipju ‘pacta sunt servanda’ u, min-naħa l-oħra, li jiġi evitat li jingħalqu s-swieq għal perijodi twal iżżejjed. [...]” (Korsiv miżjud minni).


17      Ara l-punti 21 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


18      Nenfasizza li ż-żewġ dati li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 jikkorrispondu, min-naħa, mad-data li fiha l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta inizjali ta’ regolament tagħha (26 ta’ Lulju 2000) u, min-naħa l-oħra, mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament (3 ta’ Diċembru 2009). Ara l-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 2/2007 adottata mill-Kunsill, 11 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2007, C 70E, p. 1), b’mod partikolari p. 17.


19      Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Infakkar li, skont ir-regoli klassiċi ta’ kalkolu tat-termini, meta terminu jkun espress fi snin, id-dies ad quem hija l-ġurnata tal-aħħar sena li fiha d-data tikkorrispondi ma’ dik tad-dies a quo. Ara l-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-kalkolu tat-Termini ta’ Limitazzjoni, li saret f’Basel fis-16 ta’ Mejju 1972. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal din il-konvenzjoni fis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Toeters u Verberk (C‑171/03, EU:C:2004:714, punt 34).


21      Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      In-natura reċiprokament esklużiva taż-żewġ proċeduri għall-għoti previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 hija kkonfermata mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ għoti dirett stabbilit fl-Artikolu 2(h) ta’ dan ir-regolament: “[L]-għotja ta’ kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta’ servizz pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel.”


23      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 6 u 7 tar-Regolament Nru 1370/2007.


24      Infakkar li r-regolamenti huma obbligatorji fl-elementi kollha tagħhom u huma applikabbli direttament fl-ordinament intern tal-Istati Membri bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regolament, minħabba n-natura stess tiegħu u l-funzjoni tiegħu fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, huwa kapaċi li jagħti lill-individwi drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproteġu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1971, Politi, 43/71, EU:C:1971:122, punt 9, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2002, Muñoz u Superior Fruiticola, C‑253/00, EU:C:2002:497, punt 27).


25      Ara, f’dan ir-rigward, Taqsima B, punti 65 sa 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.