Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-3 ta’ Awwissu 2018 – French Data Network, La Quadrature du Net, Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs vs Premier ministre, Garde des Sceaux, ministre de la Justice

(Kawża C-512/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: French Data Network, La Quadrature du Net, Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs

Konvenuti: Premier ministre, Garde des Sceaux, ministre de la Justice

Domandi preliminari

L-obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata, impost lill-fornituri fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet permissivi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58/KE] tat-12 ta’ Lulju 2002 1 , għandu jitqies, b’mod partikolari fid-dawl tal-garanziji u kontrolli sussegwentement inerenti fil-ġabra u fl-użu ta’ din id-data ta’ konnessjoni, bħala indħil iġġustifikat mid-dritt għas-sigurtà ggarantit fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u r-rekwiżiti tas-sigurtà nazzjonali, li r-responsabbiltà għalihom taqa’ biss fuq l-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea?

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2000/31/KE] tat-8 ta’ Ġunju 2000 2 , moqrija fid-dawl tal-Artikoli 6, 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru jintroduċi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lill-persuni li l-attività tagħhom tikkonsisti fl-offerta ta’ aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jiżguraw, anki gratwitament, billi jqiegħdu servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, il-ħażna ta’ sinjali, ta’ kitbiet, ta’ immaġini, ta’ ħsejjes jew ta’ messaġġi ta’ kull natura pprovduti minn destinatarji ta’ dawn is-servizzi, iż-żamma tad-data b’mod li jkun jista’ jiġi identifikat kull min ikkontribwixxa għall-ħolqien tal-kontenut jew ta’ wieħed mill-kontenuti tas-servizzi pprovduti minnhom, sabiex l-awtorità ġudizzjarja tkun tista’, jekk ikun il-każ, tirrikorri għall-komunikazzjoni ta’ din id-data bil-għan li tiżgura l-osservanza tar-regoli relatati mar-responsabbiltà ċivili jew kriminali?

____________

1     Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).

2     Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).