Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2018 mil-Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fis-7 ta’ Ġunju 2018 fil-Kawża T-72/17 – Gabriele Schmid vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

(Kawża C-514/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark (rappreżentanti: I. Hödl, Rechtsanwältin, S. Schoeller, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Gabriele Schmid, L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata mogħtija fis-7 ta’ Ġunju 2018 mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-Kawża T-72/17, sa fejn il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motiv prinċipali tar-rikors u annullat id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-7 ta’ Diċembru 2016 (Każ R 1768/2015-4), u tiddeċiedi hija nnifisha fil-kawża; sussidjarjament

tannulla s-sentenza appellata mogħtija fis-7 ta’ Ġunju 2018 mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-Kawża T-72/17, sa fejn il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motiv prinċipali tar-rikors u annullat id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-7 ta’ Diċembru 2016 (Każ R 1768/2015-4), u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza, Gabriele Schmid, għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ppreżentat appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) mogħtija fis-7 ta’ Ġunju 2018 fil-Kawża T-72/17, EU:T:2018:335, li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-7 ta’ Diċembru 2016 (Każ R 1768/2015-4) rigward proċedimenti ta’ revoka bejn G. Schmid u l-Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark, sa fejn din is-sentenza tikser l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 1 (li sar l-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2017/1001).

L-appell huwa bbażat fuq żewġ aggravji: il-ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2017/1001) u tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 18(2) tar-Regolament 2017/1001).

Bl-ewwel aggravju tagħha, li huwa maqsum f’erba’ partijiet, l-appellanti tilmenta b’mod partikolari dwar l-evalwazzjoni żbaljata tal-użu ta’ indikazzjoni ġeografika protetta li ġiet irreġistrata bħala trade mark individwali b’mod konformi mal-funzjoni essenzjali tagħha, l-iżball ta’ liġi fir-rekwiżit tal-identità tal-produttur, l-assenza ta’ ġurisprudenza dwar il-funzjoni ta’ garanzija tal-kwalità ta’ trade marks individwali inkwantu trade marks ta’ kwalità li jinkludu indikazzjoni ġeografika protetta kif ukoll dwar l-użu tat-trade mark mill-membri tad-detentriċi tal-liċenzja.

Bit-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta dwar l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 18(2) tar-Regolament 2017/1001), b’mod partikolari dwar l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali rigward il-kwistjoni tal-użu legali tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea minn terzi, jiġifieri l-assoċjazzjoni komposta mill-membri tagħha, u dwar l-attribuzzjoni ta’ dan l-użu lill-proprjetarja tat-trade mark.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata), ĠU 2009, L 78, p. 1.