Language of document : ECLI:EU:C:2018:908

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fl-14 ta’ Novembru 2018 (1)

Kawża C630/17

Anica Milivojević

vs

Raiffeisenbank St. Stefan-Jagerberg-Wolfsberg eGen

(talba għall-deċiżjoni preliminari mressqa mill-Općinski Sud u Rijeci (il-Qorti Muniċipali ta’ Rijeka, il-Kroazja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tas-servizzi — Kuntratti għall-provvista ta’ kreditu konklużi qabel l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea — Liġi nazzjonali retroattiva li tipprevedi n-nullità ta’ tali kuntratti b’elementi internazzjonali — Ammissibbiltà”






I.      Introduzzjoni

1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari magħmul mill-Općinski Sud u Rijeci (il-Qorti Muniċipali ta’ Rijeka, il-Kroazja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) jirrigwarda essenzjalment il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ liġi Kroata dwar in-nullità mid-data tal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ self, iggarantiti b’ipoteki fuq proprjetajiet Kroati, li kienu ġew konklużi bejn debituri Kroati u dawk li jsellfu barranin li ma kinux awtorizzati jipprovdu servizzi ta’ kreditu fil-Kroazja mill-Hrvatska narodna banka (il-Bank Nazzjonali tal-Kroazja). It-termini tat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni (2) huma wkoll rilevanti, minħabba li l-liġi inkwistjoni tinkludi l-kuntratti ta’ self konklużi qabel l-adeżjoni tal-Kroazja fl‑1 ta’ Lulju 2013.

2.        Il-qorti tar-rinviju għamlet tliet domandi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (3), u waħda li tindirizza l-element tat-tilwima msemmija fid-dettall iktar ’il fuq, li timplika li titqies il-liġi tal-Unjoni dwar il-moviment liberu u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-impatt ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni wara l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid. Kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet tal-aħħar.

A.      Il-kuntest ġuridiku

1.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE jgħid.

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.”

4.        L-Artikolu 63(1) TFUE jgħid:

“Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.”

2.      Il-liġi tal-Istat Membru

5.        Iz-Zakon o ništetnosti ugovora o kreditu s međunarodnim obilježjima sklopljenih u Republici Hrvatskoj s neovlaštenim vjerovnikom (il-Liġi dwar in-nullità ta’ kuntratti ta’ self b’elementi internazzjonali konklużi fir-Repubblika tal-Kroazja ma’ kreditur mhux awtorizzat, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017”) (4) tgħid kif ġej fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1, fl-Artikoli 2 sa 5 u fl-Artikoli 7 sa 11:

“Liġi rilevanti għan-nullità ta’ kuntratti ta’ kreditu b’elementi internazzjonali li kienu ġew konklużi fir-Repubblika tal-Kroazja bejn debituri u dawk li jsellfu mhux awtorizzati


Is-suġġett tal-Liġi


Artikolu 1


1) Din il-liġi tapplika għal kuntratti ta’ kreditu b’elementi internazzjonali li kienu konklużi fir-Repubblika tal-Kroazja bejn debituri u dawk li jsellfu mhux awtorizzati, bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti li kienu konklużi mid-debituri li ġejjin;

[…]

2) Din il-liġi tapplika b’mod ugwali għal atti ġuridiċi oħra stabbiliti fir-Repubblika tal-Kroazja bejn debituri u dawk li jsellfu mhux awtorizzati li jkollhom bħala għan tagħhom kuntratt ta’ kreditu b’elementi internazzjonali skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jew li jkunu bbażati fuq tali kuntratt.

Definizzjonijiet

Artikolu 2


Skont din il-liġi, it-terminu:

-‘debitur’ jirreferi għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li lilhom ikun ingħata kreditu bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ kreditu b’elementi internazzjonali, jew il-persuni kollha li jagħmlu profitt mingħand persuna li lilha jkun ingħata tali kreditu fil-kapaċità tagħha ta’ kodebitur, kreditur debitur, kreditur kodebitur jew garanti.

-‘min isellef mhux awtorizzat’ jirreferi għal kull persuna ġuridika li tkun tat il-kunsens tagħha li tagħti kreditu lil debitur skont kuntratt ta’ kreditu b’elementi internazzjonali, u li s-sede statutorja tagħha tkun tinsab barra mir-Repubblika tal-Kroazja fid-data tal-kuntratt b’elementi internazzjonali u li jipproponu jew jiipprovdu servizzi ta’ kreditu fir-Repubblika tal-Kroazja, anki jekk tali persuna li ssellef ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa b’regolamentazzjoni għall-provvista ta’ tali servizzi, u b’mod iktar preċiż, ma jkollhiexomx l-awtorizzazzjonijiet u/jew il-ftehim tal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Kroazja.

[…]

Nullità ta’ kuntratti ta’ kreditu


Artikolu 3


1) Kuntratti ta’ kreditu b’elementi internazzjonali li kienu konklużi fir-Repubblika tal-Kroazja bejn debituri u dawk li jsellfu mhux awtorizzati huma nulli u bla effett.

2) Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ma tistax tiġi invokata nullità meta kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu.

Nullità ta’ atti legali oħra


Artikolu 4


L-atti kollha notarili stabbiliti abbażi ta’, jew li jkollhom rabta ma’ kuntratt null u bla effett skont l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi għandhom ikunu nulli u bla effett.

Esklużjoni ta’ eżekuzzjoni furzata


Artikolu 5


Meta sentenza li tistabbilixxi n-nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu jew in-nullità ta’ att ta’ notarili bbażat fuq kuntratt null u bla effett tkun saret res judicata l-proċeduri kollha ta’ eżekuzzjoni kontra d-debitur quddiem il-qrati jew l-aġenziji finanzjarji għandhom jingħalqu fuq talba tad-debitur.

[…]

Effetti ta’ nullità


Artikolu 7


Kull parti kontraenti tkun obbligata trodd lura lill-parti l-oħra dok kollu li tkun irċeviet bis-saħħa tal-kuntratt null u bla effett, u jekk dan ma jkunx possibbli jew jekk in-natura ta’ dak li jkun ġie eżegwit tkun tipprekludi r-restituzzjoni, għandu jingħata kumpens xieraq fi flus, li għandu jiġi ffissat bħala funzjoni tal-prezz fis-seħħ fid-data li fiha tkun ingħatat id-deċiżjoni ġudizzjarja.


Kompetenza


Artikolu 8


1) Fil-kuntest ta’ tilwim dwar kuntratti ta’ kreditu b’karatteristiċi ta’ elementi internazzjonali skont din il-liġi, tkun tista’ tiġi ppreżentata azzjoni mibdija mid-debitur kontra min isellef mhux awtorizzat quddiem il-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu min isellef mhux awtorizzat ikollu s-sede tiegħu (ikun x’ikun il-post tal-kreditur mhux awtorizzat) jew quddiem il-qrati tal-post fejn id-debitur ikollu d-domiċilju jew is-sede tiegħu.

2) L-azzjoni istitwita kontra d-debitur minn min isellef mhux awtorizzat, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, tkun tista’ titressaq biss quddiem il-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu d-debitur ikollu d-domiċilju jew is-sede tiegħu. Id-dritt applikabbli għal kuntratti nulli u bla effett skont din il-liġi jkun, esklużivament, id-dritt Kroat, u l-qorti adita bl-azzjoni dwar in-nullità ta’ kuntratt bħal dan tapplika din il-liġi għal tali azzjoni, mingħajr ma teżamina jekk ikunux jeżistu preżunzjonijiet għall-applikazzjoni tal-liġi tal-post tal-konklużjoni tal-kuntratt bis-saħħa ta’ strumenti leġiżlattivi oħra.

Dispożizzjonijiet transitorji u finali


Artikolu 9


Din il-liġi hija bla ħsara għal drittijiet mogħtija lil debituri b’liġijiet speċjali meta dawn ikunu iktar favorevoli.

Artikolu 10

1) Il-kuntratti ta’ kreditu b’elementi internazzjonali, skont din il-liġi, li kienu konklużi fir-Repubblika tal-Kroazja, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, bejn debituri u kredituri mhux awtorizzati, ikunu nulli u bla effett mid-data tal-konklużjoni tagħhom, li jirriżultaw bl-effetti indikati fl-Artikolu 7.

2) L-atti ġuridiċi oħra stabbiliti fir-Repubblika tal-Kroazja qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi bejn debituri u kredituri mhux awtorizzati, li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu b’elementi internazzjonali skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu li jkunu bbażati fuq kuntratt bħal dan, ikunu nulli u bla effett mid-data meta jiġu kkostitwiti u jkunu jimplikaw l-effetti msemmija fl-Artikolu 7.

Artikolu 11


Din il-liġi tidħol fis-seħħ tmint ijiem wara l-pubblikazzjoni tagħha fin-Narodne novine.

Zagreb, 14 ta’ Lulju 2017”

II.    Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6.        Fil‑5 ta’ Jannar 2007, Anica Milivojević (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), ċittadina tar-Repubblika tal-Kroazja, u żewġha, illum mejjet, kienu kkonkludew ma’ Raiffeisenbank St. Stefan-Jagerberg-Wolfsberg eGen (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”), lis-sede statutorja tagħha jinsab fir-Repubblika tal-Awstrija, kuntratt ta’ self li ma jiġġeddidx fl-ammont ta’ EUR 47 000. Din is-somma kienet ġiet ittrasferita fi flus kontanti fl-uffiċċju tal-konvenuta fl-Awstrija, u l-kuntratt inkwistjoni kien ġie konkluż bl-għajnuna ta’ intermedjarju residenti fil-Kroazja, li tħallas kummissjoni għal dan (5). Il-kreditu ntalab bil-għan li titkabbar u tiġi rrinnovata d-dar tar-rikorrenti, parzjalment għal raġunijiet privati u parzjalment sabiex jinkrew appartamenti fis-suq turistiku (6).

7.        Sabiex tiggarantixxu r-rimbors tas-self, fit‑12 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti ffirmat dikjarazzjoni quddiem nutar dwar il-ħolqien u r-reġistrazzjoni ta’ garanzija, li abbażi tiegħu kienet ġiet irreġistrata mar-Reġistru tal-Artijiet ipoteka fuq il-proprjetajiet immobbli tagħha.

8.        Fit‑23 ta’ April 2015 ir-rikorrenti bdiet proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju kontra l-konvenuta, fejn talbet għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ self li ma jiġġeddidx tal‑5 ta’ Jannar 2007 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”) kif ukoll tad-dikjarazzjoni quddiem nutar tat-12 ta’ Jannar 2007, u talbet ukoll il-kanċellament tal-iskrizzjoni tal-ipoteka magħmula fir-Reġistru tal-Artijiet.

9.        Il-qorti tar-rinviju ġabet il-proċeduri fi tmiemhom fit‑3 ta’ Lulju 2017, iżda reġgħet fetħet il-kawża b’deċiżjoni tal‑10 ta’ Awwissu 2017 minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017, peress li d-dispożizzjonijiet tagħha setgħu japplikaw għat-tilwima fill-kawża prinċipali. Il-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja ddikjara, fl-opinjoni tiegħu tal‑25 ta’ Mejju 2017 li dak li kien l-abbozz tal-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017kellu jitħalla jidħol fis-seħħ b’mod retroattiv, minħabba li l-għan tal-miżura ma setax jinkiseb b’xi mod ieħor.

10.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, mill-opinjoni tal-Gvern Kroat ma jirriżultax li hemm xi protezzjoni tad-drittijiet tad-debitur (tal-konsumaturi u/jew tan-negozji ż-żgħar) inkwistjoni kontra l-prattiki inġusti li jistgħu jkunu rrikonoxxuta mid-dritt tal-Unjoni bħala eċċezzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-kuntratti inkwistjoni huma dawk konklużi fil-perijodu bejn l-2000 u l-2010, u wara dak il-perijodu kien hemm l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, u b’hekk l-istabbilimenti ta’ kreditu barranin setgħu temporanjament jipprovdu servizzi finanzjarji mingħajr ebda permess mill-Bank Nazzjonali tal-Kroazja.

11.      L-Artikolu 3(1) tal-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 jipprevedi n-nullità ta’ kuntratti ta’ self b’elementi internazzjonali li ġew konklużi fil-Kroazja bejn debitur u min isellef mhux awtorizzat. Skont l-Artikolu 10, in-nullità jkollha effett mill-mument li fih ikun sar il-kuntratt u testendi għall-atti ġuridiċi l-oħra li rriżultaw minnu.

12.      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2 tal-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017, kreditur mhux awtorizzat huwa persuna ġuridika li, permezz ta’ kuntratt ta’ self b’elementi internazzjonali, tkun tat self lil debitur u, meta l-imsemmi kuntratt ikun ġie konkluż kellha s-sede statutorja tagħha barra mill-Kroazja u li tipprovdi jew toffri servizzi li jinvolvu l-approvazzjoni ta’ self fil-Kroazja, minkejja li ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti sabiex toffri tali servizzi, jew li ma jkollhiex permessi preskritti u/jew l-approvazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Kroazja.

13.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tgħid li kien ġie deċiż mill-qrati Kroati li l-kuntratti ta’ self ma humiex nulli skont id-dritt nazzjonali fis-seħħ fi-żmien meta dawn il-kuntratti ġew konklużi. Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll il-punt 3.2 tal-konklużjoni tat‑12 ta’ April 2016 tal-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja), qabel ma kien hemm il-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017, u magħmula wara laqgħa li kien hemm bejn il-President tal-Awla Ċivili tal-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) u l-Presidenti tal-Awli Ċivili taz-Županijski sudovi (il-Qrati tal-Kontea), li indikat li l-imsemmija kuntratti ma humiex nulli, minħabba li ebda konsegwenza bħal din ma hija prevista fiz-Zakon o bankama (il-Liġi dwar il-Banek), jew fiz-Zakon o kreditnim institucijama (il-Liġi dwar Stabbilimenti ta’ Kreditu), li kien il-każ sat‑30 ta’ Settembru 2015, meta dik il-konsegwenza kienet prevista fil-Liġi li temenda z-Zakon o potrošačkom kreditiranju (il-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur).

14.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tgħid li jibqa’ ma hemmx soluzzjoni dwar jekk, wara li titqies id-dikjarazzjoni tal-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja fl-opinjoni msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri li, bħala riżultat tal-effetti retroattivi tal-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017, “l-istess regoli ġuridiċi huma stabbiliti”, tkunx seħħet diskriminazzjoni kontra kreditur minħabba bidliet fl-istat ġuridiku tiegħu fil-kuntest ta’ tilwima pendenti u telf ekonomiku sostnut minnu fl-għamla ta’ lucrum cessans minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ interessi preskritti kuntrattwalment.

15.      Meta jkun hemm id-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratti ta’ self u tal-atti legali relatati l-oħra, il-konvenuta minn issa ’l quddiem ma titħalliex tipprovdi servizzi finanzjarji. Għalhekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan imurx kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq intern fl-Unjoni u, possibbilment, kontra l-moviment liberu tal-kapital.

16.      Ma hemmx qbil bejn il-partijiet dwar jekk il-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 wara kollox tapplikax għall-konvenuta; jekk il-liġi tal-Kroazja jew il-liġi tal-Awstrija tapplikax għall-kuntratt u jekk il-fatt li l-qrati tal-Kroazja ngħataw ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 8(1) u (2) tal-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017, huwiex kompatibbli mar-Regolament Nru 1215/2012.

17.      Għalhekk l-Općinski sud u Rijeci (il-Qorti Muniċipali ta’ Rijeka) għaldaqstant għamlet d-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-Artikoli 56 u 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjonijiet [taż-Zakon o ništetnosti ugovora o kreditu s međunarodnim obilježjima sklopljenih u Republici Hrvatskoj s neovlaštenim vjerovnikom] ([i]l-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li jippreżentaw aspetti internazzjonali li ġew konklużi fir-Repubblika tal-Kroazja ma’ kreditur mhux awtorizzat[…]; u, b’mod partikolari, dik tal-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi, li tistabbilixxi n-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu u ta’ atti ġuridiċi oħra li huma konsegwenza tal-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn id-debitur (fis-sens tal-Artikolu 1 u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi) u l-kreditur mhux awtorizzat (fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2 tal-istess liġi) jew ma’ dispożizzjonijiet ibbażati fuqu, anki jekk ikunu ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi u dan mill-mument tal-konklużjoni tiegħu, bil-konsegwenza li kull waħda mill-partijiet kontraenti tkun obbligata trodd lura lill-parti l-oħra kull ma tkun irċeviet fuq il-bażi tal-kuntratt null u, meta dan ma jkunx possibbli jew meta n-natura tal-ftehim [tmur] kontra r-radd lura, ikollu jitħallas kumpens pekunjarju adegwat stabbilit skont il-prezzijiet fis-seħħ meta [tkun i]ngħatat id-deċiżjoni ġudizzjarja?

(2)      Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, b’mod partikolari, l-Artikoli 4(1) u 25 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-Artikolu 8(1) u (2) [taz-Zakon o ništetnosti ugovora o kreditu s međunarodnim obilježjima sklopljenih u Republici Hrvatskoj s neovlaštenim vjerovnikom (il-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu li jippreżentaw aspetti internazzjonali li ġew konklużi fir-Repubblika tal-Kroazja ma’ kreditur mhux awtorizzat (Narodne novine Nru 72/2017)], li jipprevedi li, fit-tilwim relatat ma’ kuntratti ta’ kreditu li jippreżentaw karatteristiċi internazzjonali fis-sens tal-imsemmija liġi, id-debitur jista’ jressaq lill-kreditur mhux awtorizzat quddiem il-qrati tal-Istat li fih huwa ddomiċiljat jew, irrispettivament [minn fejn il-kreditur mhux awtorizzat ikollu s-sede tiegħu,] quddiem il-qrati tal-post li fih il-kreditur għandu d-domiċilju personali jew tas-sede tiegħu, filwaqt li l-kreditur mhux awtorizzat, fis-sens tal-imsemmija liġi, jista’ jressaq proċeduri kontra d-debitur biss quddiem il-qrati tal-Istat li fih għandu d-domiċilju personali jew is-sede tiegħu?

(3)      Il-kuntratt jitqies li ġie konkluż minn konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u tal-kumplament tal-acquis tal-Unjoni Ewropea, meta l-benefiċjarju tal-kreditu jkun persuna fiżika li kkonkludiet kuntratt ta’ kreditu bil-għan li tinvesti f’appartamenti għal vaganzi biex jipprovdi akkomodazzjoni u joffri servizz ta’ ospitar privat ta’ turisti?

(4)      Il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tar-Repubblika tal-Kroazja huma kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ proċeduri intiżi għad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu u tad-dikjarazzjonijiet ta’ garanzija korrispondenti u għall-kanċellazzjoni ta’ iskrizzjoni ipotekarja fir-Reġistru tal-Proprjetà, meta, bil-għan li tiggarantixxi t-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu, l-imsemmija ipoteka saret fuq proprjetà immobbli tad-debitur li tinsab fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja?”

18.      Kif innutat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet għal konklużjonijiet biss fir-rigward tal-ewwel domanda. Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-konvenuta, mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Kummissjoni Ewropea. Kollha kienu preżenti għas-seduta li saret fil‑5 ta’ Settembru 2018.

III. Ġabra fil-qosor tal-osservazzjonijiet bil-miktub fir-rigward tal-ewwel domanda

19.      Il-konvenuta ssostni li l-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 ma hijiex applikabbli għaliha għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, il-konvenuta ma sellfitx b’mod mhux awtorizzat skont it-tifsira tal-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, u t-tieni nett, il-kuntratt ma kienx konkluż fil-Kroazja iżda fir-Repubblika tal-Awstrija, u dan qiegħdu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 2017 skont l-Artikolu 1 tagħha.

20.      Il-konvenuta tiddikjara li hija qatt ma kienet ipproponiet jew ipprovdiet servizzi ta’ kreditu fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja, hekk li hija ma tistax titqies bħala li sellfet b’mod mhux awtorizzat. Il-kuntratt kien ġie ffirmat mir-rikorrenti u wara ntbagħat lill-konvenuta fis-sede tagħha fl-Awstrija. Skont it-termini tal-kuntratt, dan tal-aħħar ġie konkluż fir-Repubblika tal-Awstrija.

21.      Il-konvenuta topera biss fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija, b’konformità mad-dritt Awstrijak. Il-fatt li l-kuntratt kien ġie konkluż ma’ ċittadini tal-Kroazja ma jfissirx li l-konvenuta kienet topera fir-Repubblika tal-Kroazja. Il-konvenuta ssostni li l-liġi Kroata b’mod attiv tippermetti liċ-ċittadini Kroati jagħmlu kuntratti ma’ barranin li jsellfu (7), u li d-dritt Kroat jipprevedi wkoll li l-kuntratti ta’ self jiġu konklużi fil-post fejn ikun jopera min isellef jew tad-domiċilju tiegħu fil-mument tal-preżentazzjoni tal-offerta (8). Il-konvenuta tinnota li r-rikorrenti stess kienet marret l-Awstrija, u tistaqsi għaliex il-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 hija diretta lejn il-konvenuta u mhux lejn ir-rikorrenti.

22.      Il-konvenuta ssostni wkoll li l-pożizzjoni tagħha hija sostnuta minn tliet sentenzi tal-qrati Kroati mogħtija wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 (9), u f’dan il-kuntest tiddubita jekk l-Istati Membri jistgħux jidderogaw mir-regoli tal-Unjoni dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għal kuntratt (10).

23.      Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tipprojbixxi kemm restrizzjonijiet fuq il-libertà fl-Istati Membri kollha kif ukoll id-diskriminazzjoni kontra dawk li jipprovdu servizzi li ma jkunux stabbiliti fl-Istat fejn jipprovduhom (11). L-effetti tal-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 huma iktar importanti għal dawk li jipprovdu servizzi ta’ self barranin milli għal dawk li jsellfu li jkunu stabbiliti fil-Kroazja, biex b’hekk isseħħ diskriminazzjoni indiretta (12), iżda hemm ukoll diskriminazzjoni diretta minħabba d-definizzjoni ta’ “min isellef mingħajr awtorizzazzjoni” stabbilita fl-Artikolu 2 tal-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017. Skont id-dritt tal-Unjoni, min jipprovdi servizzi u jkollu l-awtorizzazzjonijiet kollha fl-Istat Membru fejn min jipprovdi servizzi jkun stabbilit ikun ugwalment awtorizzat jipprovdi servizzi fi Stati Membri oħra (13). Il-konvenuta ssostni wkoll li l-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 tirrendi l-provvista ta’ servizzi fil-Kroazja inqas attraenti.

24.      Il-konvenuta tiddikjara li l-leġiżlatur Kroat fl-ebda okkażjoni ma spjega għaliex qies li s-sistema speċjali applikabbli skont il-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 għaċ-ċittadini barranin hija ġġustifikata sabiex jitħares l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika, jew is-saħħa pubblika tar-Repubblika tal-Kroazja u lanqas ma ġie osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità (14). Il-konvenuta ssostni li l-liġi ħolqot restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni.

25.      Ir-Repubblika tal-Kroazja tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel tliet domandi. Fir-rigward tal-ewwel domanda il-Gvern isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti tinterpreta d-dritt tal-Unjoni mid-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni Ewropea (15). Billi r-Repubblika tal-Kroazja ssieħbet mal-Unjoni Ewropea fl‑1 ta’ Lulju 2013, u li n-nullità tal-kuntratt tibda sseħħ mid-data tal-konklużjoni tiegħu, jiġifieri l‑5 ta’ Jannar 2007, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tagħti risposta għall-ewwel domanda.

26.      Il-Gvern Kroat isostni wkoll li l-ewwel domanda hija ipotetika. Il-qorti tar-rinviju għadha ma ddeterminatx jekk il-kuntratt kienx konkluż fil-Kroazja (16).

27.      F’dak li jirrigwarda l-mertu, il-Gvern Kroat jikkontendi li l-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 kienet adottata bil-għan leġittimu li jkun protett l-għadd kbir ta’ ċittadini Kroati li, fil-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, kienu kkonkludew kuntratti ta’ kreditu ma’ dawk li kienu jsellfu u jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom mingħajr l-awtorizzazzjonijiet mitluba mill-awtoritajiet tal-Kroazja.

28.      Skont il-Gvern Kroat, l-Artikoli 53 u 63 TFUE jistgħu biss jiġu invokati biex ikunu protetti attivitajiet legali pjuttost milli insostenn ta’ dawk illegali, u ebda operatur ma jista’ jkollu aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar (17). Il-Gvern Kroat żżid tgħid li l-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 kienet adottata wara li kienu ġew eżawriti r-rimedji legali l-oħra kollha għall-protezzjoni taċ-ċittadini Kroati kontra dawk l-attivitajiet illegali.

29.      Fl-aħħar nett, il-Gvern Kroat jinnota li l-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 tipprevedi biss retroattività “falza” jew “kważi-retroattività”, minħabba li l-liġi dwar in-nullità ma tapplikax għal sitwazzjonijiet ġuridiċi li jkunu ġew estinti. Ma hemm l-ebda reġistru ta’ dawk li jsellfu mhux awtorizzati fil-Kroazja, sabiex b’hekk il-“kważi retroattività” kienet l-uniku mod effikaċi ta’ protezzjoni għal dawk li jsellfu. L-assenza ta’ reġistru ta’ dawk li jsellfu barranin ifisser ukoll li huwa impossibbli jkunu imposti sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi fuqhom b’mod uniformi.

30.      Il-Kummissjoni ma għamlet ebda argumenti speċifiċi dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda. Madankollu, hija tiddikjara li kieku l-qorti nazzjonali kellha tiddeċiedi li tapplika d-dritt Awstrijak, id-dritt tal-Unjoni ma jkunx rilevanti għat-tilwima. Il-Kummissjoni, għalhekk, tagħti risposta għad-domandi magħmula fl-ipoteżi li l-kuntratt ikun irregolat mid-dritt Kroat.

31.      Il-Kummissjoni targumenta li d-dritt tal-Unjoni japplika ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali minħabba li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji fit-Trattat ta’ adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid, japplika d-dritt tal-Unjoni mid-data tal-adeżjoni għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li jinqalgħu qabel l-adeżjoni ta’ dak l-Istat Membru ġdid mal-Komunitajiet (18). Ma hemm ebda deroga bħal din fit-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (19). Minħabba li l-effetti tal-kuntratt inkwistjoni ma kinux ġew estinti fl‑1 ta’ Lulju 2013, it-tilwima fil-kawża prinċipali hija rregolata mild-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tibbaża wkoll, b’mod iktar ġenerali, fuq il-fatt li l-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 kienet daħlet fis-seħħ wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja.

32.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE, il-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 hija kemm diskriminatorja abbażi tan-nazzjonalità tal-Istat Membru li fih min jipprovdi servizzi jkun stabbilit (20), kif ukoll bħala miżura li tapplika mingħajr distinzjoni li tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (21).

33.      Dwar l-ewwel aspett, il-Kummissjoni targumenta li dawk li jsellfu mhux awtorizzati stabbiliti barra l-Kroazja huma ttrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk li jsellfu mhux awtorizzati stabbiliti fil-Kroazja, minħabba li ma hemmx effett retroattiv fil-liġi applikabbli għan-nullità ta’ ċerti kuntratti konklużi minn dawk li jsellfu mhux awtorizzati stabbiliti fil-Kroazja, (22) u fi kwalunkwe każ, skont sentenza tal-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) tat‑12 ta’ April 2016, in-nullità tista’ tapplika biss għall-kuntratti ta’ kreditu konklużi mill-konsumaturi.

34.      Dwar l-aħħar aspett, il-Kummissjoni ssostni li meta dawk li jsellfu futuri bl-awtorizzazzjonijiet neċessarji kollha fl-Istati Membri ta’ oriġini tagħhom ma jitħallewx jipprovdu servizzi ta’ self fil-Kroazja, dan huwa ksur manifest tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (23). Barra minn hekk, in-nullità mid-data li fiha jkun ġie konkluż kuntratt ta’ kreditu u l-obbligi fir-rigward ta’ ħlas lura imposti mil-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 jagħmlu inqas attraenti, sal-punt li jagħmluha impossibbli, il-provvista ta’ servizzi.

35.      Il-Kummissjoni tiddikjara li, jekk dispożizzjoni restrittiva tkun diskriminatorja, hija tista’ tkun iġġustifikata biss għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika, stabbiliti fl-Artikoli 51 u 52 TFUE (24). Ir-raġunijiet imperattivi ta’ ordni pubbliku li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni fuq il-libertajiet iggarantiti bl-Artikoli 49 u 56 TFUE, ma jistgħux jiġġustifikaw restrizzjonijiet diskriminatorji (25).

36.      Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, fir-rigward ta’ ostakoli applikabbli mingħajr distinzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ċerti raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħal-lealtà ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-protezzjoni ta’ min jirċievi servizzi minn servizzi mogħtija minn persuni mhux ikkwalifikati, iż-żamma tar-reputazzjoni tajba tas-settur finanzjarju nazzjonali u l-funzjonament tajjeb ta’ servizzi finanzjarji (26). Madankollu, il-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 ma ssemmi l-ebda wieħed minn dawn l-għanijiet, ma tipproteġihomx b’xi mod koerenti u hija sproporzjonata, b’mod partikolari meta titqies il-kamp wiesa’ ta’ applikazzjoni tagħha għall-kuntratti ta’ kreditu kollha b’element barrani. Ir-retroattività tal-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 tippreġudika wkoll iċ-ċertezza legali.

37.      Fl-aħħar nett, filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina fil-prinċipju l-miżura kontestata b’rabta ma’ waħda biss mil-libertajiet, jiġifieri l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-moviment liberu tal-kapital jekk ikun jidher, miċ-ċirkustanzi tal-każ, li waħda minnhom tkun kompletament sekondarja b’rabta mal-oħra u tkun tista’ titqies flimkien mal-oħra (27), il-Kummissjoni żżid tgħid li, fi kwalunkwe każ, il-Liġi tal-14 ta’ Lulju 2017 hija wkoll inkonsistenti mal-moviment liberu tal-kapital previst fl-Artikolu 63(1) TFUE (28).

IV.    Kunsiderazzjonijiet

A.      Osservazzjonijiet preliminari

1.      Ammissibbiltà

38.      L-argumenti magħmula mill-Gvern Kroat, jiġifieri li d-deċiżjoni tar-rinviju hija ta’ natura ipotetika minħabba li l-qorti tar-rinviju għad jonqosha tiddeċiedi jekk il-kuntratt inkwistjoni huwiex irregolat mil-liġi Kroata jew dik Awstrijaka għandhom jiġu miċħuda. Il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma għandhiex tingħata l-ġenb (29).

39.      Ma hemmx fatti ipotetiċi fil-kawża prinċipali (30), u r-regoli tal-dritt tal-Unjoni, li tagħhom il-qorti tar-rinviju talbet l-interpretazzjoni, diġà juru effetti legali (31). Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun kostretta taħdem fuq ipoteżijiet (32), hekk li l-qorti tar-rinviju finalment tiddeċiedi li l-kuntratt huwa rregolat mil-liġi tal-Kroazja, ma jrendix is-sentenza bħala waħda konsultattiva (33), b’mod partikolari meta r-Regolament Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali, invokata mill-konvenuta, għandu rabta mill-qrib mar-Regolament Nru 1215/2012, li dwaru l-qorti tar-rinviju bagħtet tliet domandi għal deċiżjoni preliminari.

40.      Risposta għall-ewwel domanda hija, għalhekk, meħtieġa għar-riżoluzzjoni effettiva ta’ tilwima (34), b’mod partikolari meta, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-qsim tar-responsabbiltajiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, “ma jistax jintalab li, qabel ma tagħmel ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tagħmel il-konstatazzjonijiet fattwali kollha u l-evalwazzjonijiet ta’ dritt kollha li hija mistennija tagħmel bħala parti mill-funzjoni ġudizzjarja tagħha. Fil-fatt, huwa biżżejjed li s-suġġett tal‑kawża prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi prinċipali għas-sistema ġuridika [tal-Unjoni] jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 23 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil‑proċedura quddiem din tal-aħħar” (35).

41.      L-ewwel domanda hija, għalhekk, ammissibbli.

2.      L-applikabbiltà “ratione temporis” tad-dritt tal-Unjoni

42.      Kif argument mill-Kummissjoni (ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet), skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja fit-Trattat ta’ adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid, japplika d-dritt tal-Unjoni mid-data tal-adeżjoni għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li kien hemm qabel l-adeżjoni ta’ dak l-Istat Membru ġdid mal-Komunitajiet (36). Fis-seduta ma ġie ppreżentat xejn li kien jissuġġerixxi li l-pożizzjoni ta’ debituri bħar-rikorrenti kienu inklużi fin-negozjati mar-Repubblika tal-Kroazja. Kif ġie nnotat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, ma hemmx deroga bħal din fit-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (37).

43.      L-effetti tal-kuntratt inkwistjoni ma kinux ġew estinti fl‑1 ta’ Lulju 2013; għalhekk it-tilwima fil-kawża prinċipali hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni. L-approċċ ġenerali għall-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni ratione temporis meta Stat Membru jaderixxi mal-Unjoni ikun wieħed ta’ effetti ġuridiċi kontinwi. Relazzjonijiet legali li ma jkunux ġew eżawriti fil-mument tal-adeżjoni ta’ Stat Membru “għandhom jadattaw għall-qafas legali ġdid” (38). Ma huwiex ikkontestat li l-kuntratt inkwistjoni għandu effetti ġuridiċi kontinwi, minħabba li għadu suġġett għal garanzija b’ipoteka, li r-rikorrenti titlob fil-kawża prinċipali li titħassar, u l-kuntratt stess jgħid li huwa jintemm fil-31 ta’ Ottubru 2021. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ ħlas, wara l-adeżjoni, ta’ pretensjoni taħt kuntratt konkluż qabel l-adeżjoni, kien irregolat mid-dritt tal-Unjoni (39).

44.      Id-dritt tal-Unjoni huwa, għalhekk, applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

3.      Liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huma rilevanti?

45.      Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li meta materja tkun ġiet suġġetta għal armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata magħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dritt primarju (40), bħal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE u l-moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 63 TFUE.

46.      Id-Direttiva 2013/36/UE daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Lulju 2013, u, bla ħsara għal kundizzjonijiet, din id-Direttiva tiggarantixxi l-provvisti ta’ servizzi ta’ kreditu transkonfinali (41). Madankollu, il-kuntratt inkwistjoni kien ġie ffirmat, u l-fondi ngħataw, fil‑5 ta’ Jannar 2007, u fi kwalunkwe każ id-Direttiva 2013/36 ma hijiex miżura li tipprovdi armonizzazzjoni eżawrjenti.

47.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet reċentement li “[m]ill-premessa 15 [tad-Direttiva 2013/36] jirriżulta wkoll li din tal-aħħar għandha l-għan li ssir l-armonizzazzjoni li tkun neċessarja u suffiċjenti sabiex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ awtorizzazzjonijiet u ta’ sistemi ta’ sorveljanza prudenzjali, sabiex b’hekk ikun possibbli l-għoti ta’ awtorizzazzjoni unika rrikonoxxuta fl-Unjoni kollha u l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sorveljanza prudenzjali mill-Istat Membru ta’ oriġini” (42).

48.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tilwima fil-kawża prinċipali għandha tinqata’ skont id-dritt primarju tal-Unjoni, u b’mod iktar speċifiku abbażi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE, u bl-esklużjoni tal-moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 63 TFUE (43).

49.      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi deċiż jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt waħda jew oħra mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE, għandu jitqies l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (44).

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “fid-dawl tar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-attività ta’ stabbiliment ta’ kreditu li tikkonsisti fl-għoti ta’ krediti tikkostitwixxi servizz fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE” (45). Leġiżlazzjoni nazzjonali “li l-għan tagħha jirrigwarda prinċipalment il-provvista ta’ servizzi finanzjarji taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk tista’ tinvolvi jew tikkonċerna l-movimenti ta’ kapital” (46). Min-naħa l-oħra, “il-miżuri nazzjonali li s-suġġett tagħhom jittratta b’mod prinċipali l-movimenti ta’ kapital, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE” (47).

51.      Il-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 ma turi l-ebda karatteristika li tissuġġerixxu li għandha l-għan ta’ regolamentazzjoni tas-swieq tal-kapital. Għall-kuntrarju, hija indirizzata għal relazzjonijiet bejn “debituri u dawk li jsellfu mhux awtorizzati”; hija limitata għal “kuntratti ta’ kreditu” biss, iktar milli tikkonċerna b’mod iktar ġenerali s-suq usa’ tal-kapital. Huma biss kuntratti ta’ kreditu li għandhom jiġu ddikjarati nulli u bla effett.

52.      Minħabba li l-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 tostakola li jkun hemm aċċess għas-suq finanzjarju Kroat għal kumpanniji stabbiliti barra mill-Kroazja, hija tolqot primarjament il-libertà li libertà li jiġu pprovduti servizzi u ma hemmx argument li dan l-effett huwa biss sekondarju għal kull ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital (48). L-effetti restrittivi ta’ dawk ir-regoli fuq il-moviment liberu tal-kapital huma biss konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjoni imposta fuq il-provvisti ta’ servizzi, u ma hemmx ħtieġa li jitqies jekk ir-regoli jkunux kompatibbli mal-Artikolu 63 TFUE (49).

53.      Għandu jiġi nnutat li, f’kull każ, restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital għandhom ikunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (50) daqs kemm għandha tkun restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Kif ġie osservat mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Trustees of the P Panayi Accumulation & Maintenance Settlements, f’sitwazzjonijiet purament intra-Komunitarji, kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali, ir-relazzjoni bejn il-libertà ta’ stabbiliment, il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ ma jkollhiex soluzzjoni, minħabba li l-kundizzjonijiet li jirregolaw dawk il-libertajiet fundamentali huma ġeneralment identiċi (51).

54.      Għalhekk, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ma taqbilx ma’ dan l-aspett tal-analiżi tiegħi, u tiddeċiedi li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija rregolata mill-moviment liberu tal-kapital milli mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 tibqa’ inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara l-analiżi tiegħi iktar ’il quddiem fil-punti 66 sa 69).

55.      Fl-aħħar nett, il-konvenuta hija żbaljata meta ssostni li kienet biss tagħti servizzi ta’ kreditu fl-Awstrija, u b’hekk timplika li l-element transkonfinali li huwa meħtieġ qabel ma jkun jista’ japplika l-Artikolu 56 TFUE kien nieqes fil-kawża prinċipali.

56.      Ma kienx ikkontestat li s-self inkiseb permezz ta’ intermedjarju residenti fil-Kroazja, u li s-self inkwistjoni kien iggarantit b’ipoteka fuq proprjetà li tinsab fil-Kroazja, fejn id-debitur huwa residenti. Dan huwa biżżejjed meqjus il-fatt li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex japplika l-Artikolu 56 TFUE “teħtieġ il-preżenza ta’ element barrani” (52), jiġifieri li l-Artikolu 56 TFUE jipprojbixxi restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni fir-rigward ta’ ċittadini tal-Istati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li għaliha jkunu intiżi s-servizzi, u s-sitwazzjoni ma hijiex waħda limitata fl-aspetti kollha għal Stat Membru wieħed (53).

B.      Fil-mertu

57.      Il-kunċett ta’ “restrizzjoni” jestendi għall-miżuri meħuda minn Stat Membru li, għalkemm applikabbli mingħajr distinzjoni, jaffettwaw l-aċċess għas-suq fir-rigward tal-impriżi ta’ Stati Membri oħra u b’hekk jimpedixxi l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (54).

58.      Il-liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 tikkostitwixxi restrizzjoni minħabba li l-kuntratti konklużi mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Bank Nazzjonali tal-Kroazja huma ddikjarati nulli. Il-partijiet huma pprojbiti milli jeżegwixxu klawżoli ta’ kuntratt ta’ servizz li jikkonċerna ċittadini ta’ Stat Membru (l-Awstrija) li huma stabbiliti fi Stat Membru (l-Awstrija) li ma huwiex dak tal-persuna li għaliha huwa maħsub is-servizz (il-Kroazja).

59.      Madankollu l-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 hija diskriminatorja kontra impriżi mwaqqfa barra mill-Kroazja li jkunu jixtiequ jipprovdu servizzi ta’ kreditu f’dak l-Istat Membru għal żewġ raġunijiet.

60.      Fl-ewwel lok, id-definizzjoni ta’ “min isellef mhux awtorizzat” tal-Artikolu 2 tal-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 tirreferi għal “kull persuna ġuridika […] li s-sede tagħha tkun tinsab barra mir-Repubblika tal-Kroazja”. Dan ifisser li l-liġi ma tapplikax għal dawk li jsellfu stabbiliti fil-Kroazja.

61.      Fit-tieni lok, kif innutat mill-Kummissjoni (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), jidher li dawk li jsellfu mhux awtorizzati stabbiliti barra mill-Kroazja jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk li jsellfu mhux awtorizzati ġewwa l-Kroazja minħabba l-assenza ta’ retroattività fil-leġiżlazzjoni applikabbli għan-nullità ta’ ċerti kuntratti konklużi minn dawk li jsellfu mhux awtorizzati stabbiliti ġewwa l-Kroazja, (55) u fid-dawl tas-sentenza tal-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) tat‑12 ta’ April 2016, fis-sens li n-nullità tista’ tapplika biss għall-kuntratti ta’ kreditu ta’ konsumaturi.

62.      Għalhekk, il-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 tista’ tiġi ġġustifikata biss għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika, stabbiliti fl-Artikoli 52(1) TFUE (56), bl-esklużjoni ta’ ċerti raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet applikabbli mingħajr distinzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħalma hija l-fedeltà ta’ kuntratti kummerċjali, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-protezzjoni ta’ min jirċievi servizzi minn servizzi mogħtija minn persuni mhux ikkwalifikati, iż-żamma tar-reputazzjoni tajba tas-settur finanzjarju nazzjonali u l-funzjonament tajjeb ta’ servizzi finanzjarji (57) (ara l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni ċċitati fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

63.      Fis-seduta sar riferiment mill-Gvern Kroat għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku, il-preżervazzjoni tar-reputazzjoni tas-settur finanzjarju u tal-funzjonament tajjeb tiegħu, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ ċittadini Kroati u, b’mod partikolari, il-parti iktar dgħajfa f’kuntratt, kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi. Issemma wkoll il-fatt li bejn l-2000 u 2010 ċ-ċittadini Kroati kienu ħadu tliet elef krediti minn dawk li jsellfu mhux awtorizzati, qrib EUR 360 miljun, iżda din id-data preċiża ma setatx tinkiseb minħabba n-natura illegali tal-attivitajiet. Dawn id-dikjarazzjonijiet kienu ntiżi bħala prova li l-attività kienet tinfluwenza l-funzjonament tas-servizzi finanzjarji fil-Kroazja u li l-ħolqien ta’ sistema parallela ta’ krediti illeċiti kienet għamlet ħsara lis-sistema finanzjarja tal-Istat u lill-ordni pubbliku.

64.      Il-Gvern Kroat qal ukoll li dan kien jolqot ix-xorti ta’ ħafna eluf ta’ ċittadini Kroati u li l-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 kienet miżura tal-aħħar darba, u kien sar ukoll suġġeriment mill-Gvern Kroat li dawk li jsellfu potenzjali ta’ valur ta’ kreditu dubjuż kienu ġew ikkuntattjati bil-għan li tiġi akkwistata l-proprjetà tagħhom, bħalma kien juri l-fatt li fuq il-gżira ta’ Rab kien bidlu l-idejn 220 proprjetà b’dan il-mod, u kienu nfetħu 344 kawża.

65.      Kif diġà semmejt (ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet), raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ma jistgħux jiġu invokati għal restrizzjonijiet diskriminatorji għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-kunsiderazzjonijiet invokati mill-Gvern Kroat ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-Liġi tal-14 ta’ Lulju 2017 konformement mal-Artikolu 52(1) TFUE, kemm jekk fir-rigward tal-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-liġi.

66.      Ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jikkostitwixxi raġuni politika leġittima sabiex issir liġi li tipprevedi n-nullità tal-kuntratti kollha ta’ kreditu b’aspetti internazzjonali, u li tapplika retroattivament għall-kuntratti konklużi sa minn sbatax-il sena ilu ’l hawn. Id-diffikultajiet li b’mod ġenerali kienu mtennija u li jidhru f’osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Kroat (ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ma kinux biżżejjed imsaħħa bi provi fis-seduta, fi grad li kien ikun suffiċjenti bħala prova ta’ motiv leġittimu ta’ deroga meta jiġu bbilanċjati mal-livell tal-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi impost bil-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017.

67.      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li rekwiżiti speċifiċi f’termini ta’ kwalifiki jew awtorizzazzjonijiet imposti mill-Istat Membru li fih jiġu pprovduti s-servizzi għandhom ikunu oġġettivament meħtieġa u ma għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi (58).

68.      Bis-saħħa tan-natura ġenerali tagħha l-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 manifestament teċċedi l-limiti ta’ dak li kien meħtieġ sabiex jintlaħaq kull għan leġittimu li seta’ kellha.

69.      Li jittaffa d-dannu (fl-ordni pubbliku) jista’ jkun iġġustifikat biss b’regola ġenerali li tiddikjara nulli u bla effett kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali li kienu ilhom hemm sa minn 17-il sena ilu ’l hawn (u li pproduċew l-effetti tagħhom għal diversi snin, minkejja l-assenza ta’ awtorizzazzjoni mill-Bank Nazzjonali tal-Kroazja) billi l-Gvern Kroat jipproduċi provi konvinċenti ta’ problema urġenti li tkun teħtieġ azzjoni estrema. Huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li “huwa l-Istat Membru li jkollu l-intenzjoni li jipprevalixxi ruħu minn għan adattat sabiex jilleġittima l-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li għandu jagħti lill-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni l-elementi kollha li jistgħu jippermettu lil din tal-aħħar li tiżgura ruħha li l-miżura msemmija tissodisfa b’mod xieraq ir-rekwiżiti derivanti mill-prinċipju ta’ proporzjonalità” (59). Għadha ma nġabitx prova bħal din.

70.      Barra minn hekk, meta l-Istati Membri jistrieħu fuq rekwiżiti prevalenti ta’ interess pubbliku sabiex jiġġustifikaw regoli li jistgħu jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huma għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, inkluża ċ-ċertezza legali (60). Skont il-formulazzjoni klassika tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Fedesa, “għalkemm b’mod ġenerali l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jippermettix li miżura Komunitarja tibda sseħħ f’xi żmien qabel il-pubblikazzjoni tagħha, b’mod eċċezzjonali jista’ jkun hemm deroga meta l-għan li jkollu jintlaħaq hekk ikun jitlob u meta debitament jitħarsu l-aspettattivi ta’ dawk interessati” (61).

71.      Il-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali huwa n-nuqqas ta’ osservanza ta’ Stat Membru taċ-ċertezza legali meta jiġġustifika restrizzjoni għar-regoli tal-moviment liberu; iżda dan ma jagħmel l-ebda differenza għall-applikazzjoni tar-regola sostantiva (62). Fil-proċess ma hemmx prova li kienu tqiesu l-aspettattivi leġittimi tal-konvenuta, anki jekk il-kuntratt inkwistjoni kien ġie konkluż għaxar snin qabel id-deċiżjoni tal-leġiżlatur Kroata, riflessa fil-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017, sabiex il-kuntratt jiġi ddikjarat null u bla effett b’effett retroattiv.

72.      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni effettivament jipproteġi debituri li jkunu ġew ittrattati inġustament fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ kreditu għal konsumatur b’element barrani. Dan jidher mill-ġurisprudenza voluminuża tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi (63) f’tali kuntest fattwali (64). Jekk jinqalgħu ċirkustanzi bħal dawn fil-Kroazja, din il-ġurisprudenza evidentement tkun tapplika (65).

V.      Konklużjoni

73.      Għalhekk nipproponi r-risposta li ġejja għall-ewwel domanda magħmula mill-Općinski sud u Rijeci (il-Qorti Muniċipali ta’ Rijeka):

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi n-nullità ta’ kuntratti ta’ self, u retrospettivament mid-data tal-konklużjoni tagħhom, flimkien ma’ atti ġuridiċi li jirriżultaw minn tali kuntratti ta’ self, meta jsiru bejn min isellef li jkun stabbilit fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li għaliha jkunu intiżi s-servizzi, għalkemm min isellef ma jkollux l-awtorizzazzjonijiet rikjesti mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru fil-mument meta jiġi konkluż il-kuntratt.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2012, L 112, p. 21.


3      ĠU 2012, L 351, p. 1.


4      Narodne novine [Gazzetta Uffiċjali], Nru 72/2017.


5      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni li ma kinux ikkontestati f’dan ir-rigward.


6      Ibid.


7      Isir riferiment dwar dan għall-Artikolu 28(3) taz-Zakon o deviznom poslovanju (il-Liġi Kroata dwar Transazzjonijiet tal-Kambju Barrani).


8      Isir riferiment dwar dan għall-Artikolu 252(2) taz-Zakon o obveznim odnosima (il-Liġi Kroata dwar l-Obbligazzjonijiet, Narodne novine, Nru 35/2005, 41/2008, 125/2011, 78/2015).


9      Isir riferiment dwar dan għas-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2017 mogħtija miz-Županijski sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb, il-Kroazja) fil-Kawża Gž-3798/15 u fis-sentenzi mogħtija fit-18 ta’ Ottubru 2017 u fil-Kawża Gž-1811/17 u għas-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża Gž-2459/2017 miz-Županijski sud u Splitu (il-Qorti tal-Konteata’ Split, il-Kroazja), kif ukoll għal diversi sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza, jiġifieri s-sentenzi mogħtija mill-Općinski građanski sud u Zagrebu(il-Qorti Ċivili Muniċipali ta’ Żagreb) fil-Kawżi P‑7448/14, P‑123/17, P‑4873/13 u P‑1677/16, is-sentenza mogħtija mill-Općinski građanski sud u Zagrebu, Stalna služba u Sesvetama (il-Qorti Ċivili Muniċipali ta’ Żagreb, Fergħa Permanenti ta’ Sesvete), fil-Kawża P‑2334/2015 u s-sentenzi mogħtija mill-Općinski građanski sud u Varaždinu (il-Qorti Ċivili Muniċipali ta’ Varaždin, il-Kroazja) fil-Kawżi P‑137/16 u P‑1095/14.


10      Il-konvenuta tagħmel riferiment għar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008 L 177 p. 6).


11      Il-konvenuta tagħmel riferiment għas-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen (33/74, EU:C:1974:131, punt 22) u tal‑25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda (C‑288/89, EU:C:1991:323, punt 10).


12      Il-konvenuta tagħmel riferiment għas-sentenza tat‑3 ta’ Frar 1982, Seco u Desquenne & Giral (62/81 u 63/81, EU:C:1982:34).


13      Il-konvenuta tagħmel riferiment għas-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 1991, Säger (C‑76/90, EU:C:1991:331, punt 12); tas‑26 ta’ Ottubru 1999, Eurowings Luftverkehr (C‑294/97, EU:C:1999:524, punt 33) u tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑264/03, EU:C:2005:620, punt 66).


14      Il-konvenuta tagħmel riferiment għas-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet (C‑385/99, EU:C:2003:270, punt 68).


15      Il-Kroazja ssemmi d-digriet tal‑5 ta’ Novembru 2014, VG Vodoopskrba (C‑254/14, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2354, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Il-Kroazja tagħmel riferiment għall-Artikolu 1 tal-Liġi tal‑14 ta’ Lulju 2017 u għas-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Il-Gvern Kroat jagħmel riferiment għas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il-Kummissjoni, (T‑347/03, EU:T:2005:265, punt 102).


18      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS (C‑122/96, EU:C:1997:458, punt 14); tad‑29 ta’ April 1999, Ciola (C‑224/97, EU:C:1999:212, punti 27 sa 34) u tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz- Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 50).


19      Ara n-nota 2 iktar ’il fuq.


20      F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda (C‑288/89, EU:C:1991:323, punt 10).


21      F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, (C‑384/93, EU:C:1995:126, punti 28 u 34); tal‑15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑255/04, EU:C:2006:401, punt 37); tal‑25 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑356/08, EU:C:2009:401, punt 39); tat‑12 ta’ Lulju 2012, HIT u HIT LARIX (C‑176/11, EU:C:2012:454, punt 16), u tat‑18 ta’ Jannar 2018, Wind 1014 u Daell (C‑249/15, EU:C:2018:21, punt 21).


22      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-Artikolu 19j tal-Liġi dwar il-Kreditu tal-Konsumaturi (Narodne novine, Nri 75/2009, 112/2012, 143/2013, 147/2013, 9/2015, 78/2015, 102/2015 u 52/2016), imdaħħal permezz tal-Liġi li Timmodifika u Tikkumplimenta l-Liġi dwar Kreditu tal-Konsumaturi (Narodne novine, Nru 102/2015).


23      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-Artikolu 33 u għall-Anness 1 tad-Direttiva 2013/36 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki f’ĠU 2017, L 20, p. 1 u ĠU 2013, L 208, p. 73); kif ukoll għas-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑355/98, EU:C:2000:113, punti 37 u 38) u tal‑25 ta’ Lulju 1991, Säger (C‑76/90, EU:C:1991:331, punt 14).


24      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, EU:C:2003:493, punt 34) u tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60, punti 25 u 26).


25      Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 25).


26      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda (C‑288/89, EU:C:1991:323, punt 14); tal‑10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments (C‑384/93, EU:C:1995:126, punt 44), tad‑9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop (C‑34/95 sa C‑36/95, EU:C:1997:344, punt 53); tat‑30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C‑451/03, EU:C:2006:208, punt 38), u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Citroën Belux (C‑265/12, EU:C:2013:498, punti 38 sa 40); kif ukoll għas-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas‑16 ta’ Mejju 2017, Netfonds (E‑08/16, EFTA Court Report 2017, p. 163, punt 113).


27      Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz (C‑452/04, EU:C:2006:631, punti 30 u 34).


28      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment b’mod partikolari għas-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 1999, Trummer u Mayer (C‑222/97, EU:C:1999:143, punt 23); tas‑26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑478/98, EU:C:2000:497, punt 18); tal‑4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑483/99, EU:C:2002:327, punt 40); tal‑4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑367/98, EU:C:2002:326, punti 44 u 45); tat‑13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑98/01, EU:C:2003:273, punt 43); tat‑28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑282/04 u C‑283/04, EU:C:2006:608, punt 18); tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑171/08, EU:C:2010:412, punt 48); tal‑1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Dijkman-Lavaleije (C‑233/09, EU:C:2010:397, punt 31), tas‑26 ta’ April 2012, van Putten (C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punti 32 sa 36); tat‑8 ta’ Mejju 2013, Libert et (C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 44); tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Itelcar (C‑282/12, EU:C:2013:629, punt 14); tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Essent et (C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑25 ta’ Jannar 2017, Festersen (C‑370/05, EU:C:2007:59, punt 24).


29      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Audace et (C‑114/15, EU:C:2016:813, punt 34).


30      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C‑467/04, EU:C:2006:610, punti 44 u 45).


31      Ara, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża RO (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:644, punt 34).


32      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża RO (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:644, punt 3).


33      Ara l-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU EU:C:2018:517, punt 32, b’riferiment għas-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 38) u tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punti 28 u 29).


34      Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll reċentement is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko (C‑448/17, EU:C:2018:745, punti 55 sa 58) fejn domanda preliminari kienet ġiet iddikjarata ammissibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja, anki għalkemm kien ġie argumentat li l-qorti tar-rinviju ma kinitx ser tiddeċiedi dwar in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali rilevanti jekk organizzazzjoni tal-konsumaturi kellha tingħata locus standi.


36      Enfasi tiegħi. Kif innotat iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tagħmel riferimenti għas-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha (C‑122/96, EU:C:1997:458, punt 14); tad‑29 ta’ April 1999, Ciola (C‑224/97, EU:C:1999:212, punti 27 sa 34); tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 50).


37      Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Nemec (C‑256/15, EU:C:2016:619, punt 40). Ara prinċipalment f’dan ir-rigward is-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 1997, Saldahna u MTS (C‑122/96, EU:C:1997:458); tal‑14 ta’ Ġunju 2007, O2 Czech Téléfonica (C‑64/06, EU:C:2007:348); tat‑12 ta’ Novembru 2009, Elektrownia Pątnów II (C‑441/08, EU:C:2009:698); tal‑15 ta’ April 2010, CIBA (C‑96/08, EU:C:2010:185); tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72), u tat-12 ta’ Settembru 2013 Kuso (C‑614/11, EU:C:2013:544). Inqiegħed fil-ġenb is-sentenza tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Jannar 2006, Ynos (C‑302/04, EU:C:2006:9) minħabba li fatti rilevanti seħħew wara li l-ordinament ġuridiku tal-Ungerija kien ġie approssimat mad-direttiva rilevanti iżda qabel l-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni fl‑1 ta’ Mejju 2004.


39      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Nemec (C‑256/15, EU:C:2016:954, punti 21 sa 27 u b’mod partikolari punt 23).


40      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Artikolu 33 u l-anness 1 tad-Direttiva 2013/36.


42      Enfasi tiegħi. Ara sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Buccioni (C‑594/16, EU:C:2018:717, punt 23).


43      Għandu jiġi nnutat li fil‑5 ta’ Jannar 2007, id-data tal-kuntratt, il-Kroazja kienet marbuta, skont l-Artikolu 57(1) tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom (ĠU 2005, L 26 p. 3), li ma tieħu “l-ebda miżura jew azzjoni li tagħmel il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ servizzi minn ċittadini jew kumpaniji Komunitarji u mill-Bożnja u Ħerzegovina li huma stabbiliti” f’Parti għall-Ftehim, “li mhix dik tal-persuni li għaliha huma intiżi s-servizzi ferm aktar restrittivi meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti fil-jum ta’ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim”, jiġifieri l-1 ta’ Frar 2005 (http://europa.eu/rapid/press-release_IP-05-122_en.htm?locale=en). Skont l-Artikolu 57(2), nuqqas ta’ qbil fir-rigward tal-Artikolu 57(1) għandhom jiġu solvuti b’konsultazzjoni bejn il-partijiet.


44      Ara reċentement il-punt 17 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Fidelity Funds (C‑480/16, EU:C:2017:1015, punt 17), li jirreferi għas-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Dijkman-Lavaleije (C‑233/09, EU:C:2010:397, punt 26), u tal‑21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith (C‑560/13, EU:C:2015:347, punt 31).


45      Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner Raith (C‑560/13, EU:C:2015:347, punt 32).


47      Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, Wagner Raith (C‑560/13, EU:C:2015:347, punt 34).


48      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (C‑48/15, EU:C:2016:356, punti 39 sa 41).


49      Ara b’analoġija s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz (C‑452/04, EU:C:2006:631, punt 49).


50      Ara, pereżempju s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Itelcar (C‑282/12, EU:C:2013:629, punt 32).


51      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Trustees of the P Panayi Accumulation & Maintenance Settlements (C‑646/15, EU:C:2016:1000, punt 41). L-Avukat Ġenerali tirreferi fil-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża SGI (C‑311/08, EU:C:2009:545, punti 37 sa 38), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-libertà ta’ stabbiliment kienet applikabbli – sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI (C‑311/08, EU:C:2010:26, punt 36).


52      Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, The Gibraltar Betting and Gaming Association (C‑591/15, EU:C:2017:449, punt 46).


53      Enfasi tiegħi. Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, The Gibraltar Betting and Gaming Association (C‑591/15, EU:C:2017:449, punti 32 u 33, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


54      Punt 56 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Laezza (C‑375/14, EU:C:2015:788), li jirreferi għas-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2013, SOA Nazionale Costruttori (C‑327/12, EU:C:2013:827, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 67).


55      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-Artikolu 19j tal-Liġi dwar il-Kreditu tal-Konsumatur (Narodne novine, Nri 75/2009, 112/2012, 143/2013, 147/2013, 9/2015, 78/2015, 102/2015 u 52/2016), imdaħħal permezz ta’ liġi li tikkumplimenta u timmodifika l-liġi dwar kreditu għall-konsumatur (Narodne novine, Nru 102/2015).


56      Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 26).


57      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 1991 Collectieve Antennevoorziening Gouda (C‑288/89, EU:C:1991:323, punt 14); tal‑10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments (C‑384/93, EU:C:1995:126, punt 44), tad‑9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop (C‑34/95 sa C‑36/95, EU:C:1997:344, punt 53); tat‑30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C‑451/03, EU:C:2006:208, punt 38), u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Citroën Belux (C‑265/12, EU:C:2013:498, punti 38 sa 40); kif ukoll għas-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas‑16 ta’ Mejju 2017, Netfonds (E‑08/16, EFTA Court Report 2017, p. 163, punt 113).


58      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, Säger (C‑76/90, EU:C:1991:331, punt 15).


59      Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


60      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


61      Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fédesa et (C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 45).


62      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Motter (C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 52).


63      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.


64      Ara, pereżempju, reċentement is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703), tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750), u tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367).


65      Ara wkoll, pereżempju, id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66) u s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443).