Language of document : ECLI:EU:T:2018:814

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Novembru 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Exxtra Deep – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/1001))”

Fil-Kawża T‑82/17,

PepsiCo, Inc., stabbilita fi New York, New York (l-Istati Uniti) irappreżentata minn V. von Bomhard u J. Fuhrmann, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Rajh u D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Intersnack Group GmbH & Co. KG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Lampel u M. Pfaff, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-24 ta’ Novembru 2016 (Każ R 482/2016–4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn PepsiCo u Intersnack Group,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President tal-Awla, J. Schwarcz u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Frar 2017,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Mejju 2017,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ April 2017,

wara s-seduta tas-17 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-23 ta’ Settembru 2013, l-intervenjenti, Intersnack Group GmbH & Co. KG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Exxtra Deep.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 30 u 31 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 29: “Prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor; ġewż, ġewż tal-anakardju, pistaċċi, lewż, karawett, ġewż tal-Indi (imnixxef) mixwi, imnixxef, mielaħ, imħawwar, miksi u ppreparat; frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar; estratti tal-alka għall-ikel; prodotti tal-ġinġer bħal frott imnixxef”;

–        klassi 30: “Prodotti ta’ tnaqqir magħmula minn tapjoka, kassava, ross, qamħirrum, qamħ jew ċereali oħra kif ukoll prodotti magħmula mill-ġinġer bħal ħelu u frott tal-ġeli miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor; krakers melħin; bars tal-muesli prinċipalment magħmula minn ġewż, frott imnixxef, żerriegħa taċ-ċereali ppreparati; ċikkulata, prodotti taċ-ċikkulata; zlazi”;

–        klassi 31: “Ġewż, ġewż tal-anakardju, pistaċċi, lewż, karawett u żerriegħa mhux ipproċessati; alka għall-konsum mill-bniedem”.

4        Is-sinjal verbali Exxtra Deep ġie rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea fit-3 ta’ Frar 2014 taħt in-numru 012161981, għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”).

5        Fl-24 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti, PepsiCo, Inc., ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), minħabba li din it-trade mark kienet ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) ta’ dan ir-regolament)li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001).

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għall-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor; ġewż, ġewż tal-anakardju, pistaċċi, lewż, karawett, ġewż tal-Indi (imnixxef) mixwi, imnixxef, mielaħ, imħawwar, miksi u ppreparat” li jaqgħu taħt il-klassi 29 u għall-prodotti “tapjoka, kassava, ross, qamħirrum, qamħ jew ċereali oħra miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor; krakers melħin” li jaqgħu taħt il-klassi 30.

7        Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni indikat b’mod partikolari li l-kelma “deep”, li tfisser “profond”, kienet tintuża biex tikkaratterizza l-mewġ profond ta’ krisps, li hija forma li ħafna produtturi ta’ krisps jużaw għall-prodotti tagħhom. Għaldaqstant hija qieset li l-espressjoni “exxtra deep” tinftiehem mill-pubbliku rilevanti bħala deskrizzjoni tal-forma mmewwġa tal-krisps. Madankollu, hija qieset li din il-kunsiderazzjoni kienet applikabbli biss għall-krisps u għall-prodotti simili għall-krisps li jistgħu jinbiegħu taħt forma mmewġa. Għall-kuntrarju, għall-prodotti l-oħra, hija kkunsidrat li t-trade mark ikkontestata ma kinitx deskrittiva. Hija nnotat li, b’mod partikolari, il-frott u l-ħaxix imnixxef ma kienx jinbiegħ maqtugħ f’forma mmewġa, bħalma huma l-krisps. Hija għalhekk ikkonkludiet li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata kellha tinżamm għall-prodotti “frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” inklużi fil-klassi 29.

8        Fil-11 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem l-EUIPO kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Hija talbet li din id-deċiżjoni tiġi annullata sa fejn id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata ma ġietx iddikjarata għall-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” inklużi fil-klassi 29.

9        Permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad ir-rikors tar-rikorrenti. Huwa kkunsidra li t-trade mark ikkontestata ma kienet la deskrittiva u lanqas nieqsa minn karattru distintiv għall-prodotti “frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” inklużi fil-klassi 29. F’dan ir-rigward, huwa qabelxejn indika li, għall-kuntrarju tal-krisps tal-patata, il-ħaxix u l-frott ma kienx ġeneralment immewweġ. Huwa sussegwentement fakkar li krisp tal-patata jew prodott ta’ tnaqqir seta’ jkun abbażi ta’ ħaxix mingħajr ma jkun jikkonsisti f’ħaxixa huwa stess. Konsegwentement, il-pubbliku rilevanti jista’, l-iktar l-iktar, jipperċepixxi t-trade mark ikkontestata bħala riferiment għal tip partikolari ta’ qtugħ ta’ ħaxix jew frott, iżda mhux bħala deskrizzjoni tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti. Għalhekk, xejn ma jindika li t-terminu “deep” kien intrinsikament deskrittiv tal-ħaxix jew tal-frott. Test mentali ieħor huwa għalhekk meħtieġ sabiex il-pubbliku rilevanti jikkonkludi li dan it-terminu kien jiddeskrivi qatgħa speċifika tal-frott jew tal-ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

11      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lil kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

12      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tal-annessi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti

13      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Annessi A.7 sa A.17, mehmuża mar-rikors, ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

14      L-ammissibbiltà tal-Anness A.7, li jikkonsisti f’deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO, ma hijiex ikkontestata mill-partijiet. Għall-kuntrarju, l-ammissibbiltà ta’ diversi estratti tas-sit internet Wikipedia (Annessi A.10, A.13 u A.16), ta’ blog tat-tisjir (Anness A.15) ta’ forum għal diskussjonijiet online (Anness A.14) u ta’ sit internet relatat mal-ikel (Anness A.17) hija kkontestata kemm mill-intervenjenti kif ukoll mill-EUIPO. L-istess japplika, fil-fehma tal-intervenjenti, għall-ammissibbiltà ta’ tliet estratti mid-dizzjunarji online “dictionary.com” (Annessi A.9 u A.12) u Cambridge English Dictionary (Anness A.11) prodotti mir-rikorrenti. Dan jgħodd ukoll, fl-aħħar nett, għall-Anness A.8, li jikkonsisti f’estratt mis-sit internet tal-EUIPO prodott mir-rikorrenti, li juri l-prassi tal-EUIPO fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28(8) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 33(8) tar-Regolament 2017/1001).

15      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli l-Anness A.7, sa fejn dan ma huwiex prova fih innifisu, peress li huwa jirrigwarda l-prassi deċiżjonali tal-EUIPO li għaliha parti għandha d-dritt li tagħmel riferiment. Din il-konklużjoni tapplika wkoll għall-Anness A.8, dwar l-implimentazzjoni, mill-EUIPO, tal-Artikolu 28(8) tar-Regolament Nru 207/2009, f’dan il-każ permezz tal-pubblikazzjoni ta’ tieni lista mhux eżawrjenti ta’ termini kkunsidrati bħala li ma humiex koperti b’mod ċar mit-tifsira litterali tal-intestaturi tal-klassijiet għall-finijiet tad-dikjarazzjonijiet previsti mill-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 2015, BH Stores vs UASI – Alex Toys (ALEX), T-657/13, EU:T:2015:449, punt 26, u tat-18 ta’ Marzu 2016, Karl-May-Verlag vs UASI – Constantin Film Produktion (WINNETOU), T-501/13, EU:T:2016:161, punt 18).

16      Fit-tieni lok, l-annessi l-oħra tar-rikors li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2017/1001), b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi fattwali fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu skartati mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, ALEX, T-657/13, EU:T:2015:449, punt 25).

17      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt, allegat mir-rikorrenti, li l-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali jservu biss sabiex jikkompletaw elementi diġà ppreżentati quddiem l-EUIPO u intiżi li juru fatti magħrufa.

18      Qabelxejn, il-fatt, jekk ikun il-każ, li l-annessi inkwistjoni huma intiżi biss sabiex “jikkompletaw” elementi prodotti preċedentement ma jaffettwax il-fatt li l-Bord tal-Appell ma kellux elementi ta’ informazzjoni inklużi fl-imsemmija dokumenti (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Staatliche Porzellan-Manufaktur Meissen vs EUIPO, C-471/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:602, punti 26 u 27; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2017, Vignerons de la Méditerranée vs EUIPO – Bodegas Grupo Yllera (LE VAL FRANCE), T-216/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:201, punt 42, u tal-14 ta’ Diċembru 2017, GeoClimaDesign vs EUIPO – GEO (GEO), T-280/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:913, punti 19 u 20).

19      Sussegwentement, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-natura magħrufa tal-fatti invokati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, minn naħa, l-organi tal-EUIPO jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq fatti magħrufa li ma ġewx invokati mill-applikant, mingħajr ma għandu jistabbilixxi l-eżattezza tagħhom, u, min-naħa l-oħra, l-applikant li l-EUIPO jopponilu fatti magħrufa jista’ jikkontesta l-eżattezza tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05 P, EU:C:2006:422, punti 50 sa 52), filwaqt li l-EUIPO għandu, f’tali sitwazzjoni u fid-dawl tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt li jippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali dokumenti insostenn tal-eżattezza ta’ fatt magħruf li ma ġiex stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, LG Electronics vs UASI, C-88/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:727, punt 29). Għall-kuntrarju, ma jistax jiġi rrikonoxxut lill-applikant id-dritt li jippreżenta għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali dokumenti għall-unika raġuni li dawn ikunu intiżi juru fatti magħrufa li, barra minn hekk, ma huwiex allegat li huma ġew invokati fid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Lulju 2014, MOL vs UASI, C-468/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2116, punt 42, u sentenza tal-5 ta’ Frar 2016, Kicktipp vs UASI – Italiana Calzature (kicktipp), T-135/14, EU:T:2016:69, punti 113 u 114). Fil-fatt, l-ammissjoni ta’ tali dritt ikollha l-konsegwenza li tillimita l-portata tal-obbligu, impost fuq l-applikant, li jipproduċi, sa mill-istadju tal-proċedura quddiem l-EUIPO, il-provi kollha insostenn tal-motivi u tal-argumenti tiegħu. F’dan il-każ, mill-ammissjoni tar-rikorrenti stess, il-fatt allegatament magħruf li krisp tal-patata huwa ħaxix imnixxef, imsajjar u ppreżervat kien diġà ġie invokat minnha quddiem il-Bord tal-Appell, filwaqt li d-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali huma, għall-biċċa l-kbira u skont il-kliem tar-rikorrenti, intiżi li “jikkompletaw” provi diġà prodotti.

20      Konsegwentement, l-Annessi A.9 sa A.17 għandhom jiġu skartati.

 Fuq il-mertu

21      Qabelxejn, għandu jiġi speċifikat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, kif kien diġà l-każ quddiem il-Bord tal-Appell, il-kawża hija limitata għall-prodotti li fir-rigward tagħhom id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata ma ġietx iddikjarata mill-istanzi tal-EUIPO, jiġifieri “frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” inkluż fil-klassi 29.

22      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 28(2), (4) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009, (li sar l-Artikolu 33(2), (4) u (5) tar-Regolament 2017/1001).

23      Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, qabel kollox, li huwa “inkoerenti u kompletament żbaljat” li jiġi konkluż li l-espressjoni “exxtra deep” hija deskrittiva tal-krisps tal-patata u tal-krisps tal-ħaxix, iżda mhux tal-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar”. Dawn il-prodotti tal-aħħar jikkorrispondu għall-indikazzjoni ġenerali inkluża taħt l-intestatura tal-klassi 29 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, li dejjem kienet ikkunsidrata bħala li tinkludi l-krisps tal-patata u l-krisps l-oħra tal-ħaxix.

24      Hija żżid li, fl-1999, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO kienet qieset, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti, li l-espressjoni “krisps tal-patata” kienet koperta mill-“ħaxix imnixxef” u li dawn il-prodotti kienu konsegwentement identiċi. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Bord tal-Appell tal-EUIPO u l-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-21 ta’ April 2005, PepsiCo vs UASI – Intersnack Knabber-Gebäck (RUFFLES) (T-269/02, EU:T:2005:138). Permezz ta’ prova prodotta qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, hija tindika wkoll deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tat-22 ta’ Marzu 2017 (Każ R 1659/2016–4), li, fil-kuntest ta’ rikors tal-intervenjenti kontra r-rifjut ta’ reġistrazzjoni, ikkunsidra li l-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” jista’ jieħu l-forma ta’ krisps.

25      Ir-rikorrenti tindika barra minn hekk li, minn naħa, il-krisps tal-patata jissemmew separatament fil-lista alfabetika tal-klassi 29 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, u li, min-naħa l-oħra, ma huma inklużi fl-ebda waħda mil-listi ppubblikati mill-EUIPO relatati mat-termini tal-imsemmija lista alfabetika mhux koperti mill-indikazzjonijiet ġenerali inklużi fl-intestaturi ta’ klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice. Ir-rikorrenti ssemmi, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni Nru 1/2016 tad-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO tat-8 ta’ Frar 2016, id-dokument intitolat “Dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 28(8) tar-Regolament Nru 207/2009” li tinsab fuq is-sit internet tal-EUIPO kif ukoll il-listi, li huma annessi miegħu, ta’ termini kkunsidrati bħala mhux koperti b’mod ċar mit-tifsira litterali tal-intestaturi ta’ klassijiet rispettivi.

26      Skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-krisps tal-patata ma ġew inklużi fl-ebda waħda mil-listi msemmija iktar ’il fuq ifisser li l-EUIPO qies li huma “koperti b’mod ċar” mill-indikazzjonijiet ġenerali inklużi fl-intestatura tal-klassi 29 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

27      Dejjem bil-għan li jintwera li l-krisps tal-patata huma koperti mill-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” inkluż fil-klassi 29, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-patata hija ħaxixa, it-tieni nett, li l-krisps immewġin fil-fond jew il-krakers jistgħu jiġu mmanifatturati abbażi ta’ ħaxix ieħor minbarra l-patata jew il-frott u, it-tielet nett, li l-krisps jistgħu jkunu moqlija jew imnixxfin jew imsajrin, indipendentenent minn jekk ikunu krisps tal-patata, ta’ ħaxix ieħor jew tal-frott.

28      Skont ir-rikorrenti, għalhekk ma hemmx dubju li l-krisps tal-patata jikkonsistu f’ħaxix imnixxef u msajjar. Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li t-trade mark ikkontestata hija deskrittiva tal-krisps tal-patata kellha tapplika wkoll għall-ħaxix imnixxef u msajjar. Ir-rikorrenti żżid li t-tnixxif u t-tisjir huma metodi ta’ preżervazzjoni u li t-terminu “ippreżervat” ma għandux jinftiehem bħala li jirreferi strettament għat-terminu “prodotti ppreżervati” fis-sens ta’ ikel ippreżervat jew ġamm.

29      Konsegwentement, id-distinzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell bejn, minn naħa, “krisps jew prodott ta’ tnaqqir abbażi ta’ ħaxix” u, min-naħa l-oħra, “il-ħaxix u l-frott” hija diffiċli biex tinftiehem. Ir-rikorrenti tindika, f’dan ir-rigward, li l-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” inkluż fil-klassi 29 huma prodotti pproċessati u għalhekk ma humiex ħaxix jew frott frisk, li jaqgħu taħt il-klassi 31. Skont ir-rikorrenti, għalkemm il-krisps tal-patata huma identiċi għall-“ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” u għalkemm il-mewġ profond, jew saħansitra profond ħafna, huwa karatteristika rilevanti tal-krisps tal-patata, kif irrikonoxxa l-Bord tal-Appell, ma jistax jiġi ddikjarat li mewġ “profond” ma huwiex karatteristika tal-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar”. L-iżball tal-Bord tal-Appell kien li rriduċa dawn il-prodotti għall-materja prima tagħhom minflok ma ħa inkunsiderazzjoni l-prodott lest.

30      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li s-sempliċi fatt li t-trade mark ikkontestata tkopri wkoll prodotti ta’ tnaqqir speċifiċi ma jimplikax li dawn il-prodotti ma jaqgħux taħt l-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestatura tal-klassi 29 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice. Huwa komuni li jiġu inklużi fil-lista tal-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark kemm l-indikazzjonijiet ġenerali kif ukoll prodotti speċifiċi koperti minn dawn l-indikazzjonijiet ġenerali. F’tali każ, jekk it-trade mark tkun ċarament deskrittiva tal-prodotti speċifiċi, hija ma tkunx tista’ tiġi rreġistrata għall-indikazzjoni ġenerali li tkopri dawn il-prodotti.

31      L-EUIPO jfakkar, l-ewwel nett, il-prattika stabbilita tiegħu li oġġezzjoni bbażata fuq il-karattru deskrittiv tapplika mhux biss għall-prodotti u għas-servizzi li għalihom it-termini li jikkomponi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma direttament deskrittivi, iżda wkoll għall-kategorija iktar wiesgħa li tinkludi mill-inqas potenzjalment subkategorija identifikabbli jew prodotti u servizzi speċifiċi li għalihom it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija direttament deskrittiva. Fl-assenza ta’ limitu xieraq mill-applikant għat-trade mark, oġġezzjoni bbażata fuq il-karattru deskrittiv tirrigwarda neċessarjament il-kategorija usa’ bħala tali. Din il-prattika kienet kontinwament ikkonfermata mill-qorti tal-Unjoni Ewropea.

32      L-EUIPO jirrileva sussegwentement li l-kwistjoni prinċipali, f’dan il-każ, hija jekk il-kategorija ġenerali tal-prodotti “frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” li taqa’ taħt il-klassi 29 tinkludix il-prodotti speċifiċi “ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor; ġewż, ġewż tal-anakardju, pistaċċi, lewż, karawett, ġewż tal-Indi (imnixxef) mixwi, imnixxef, mielaħ, imħawwar, miksi u ppreparat”, inklużi f’din l-istess klassi, li għalihom it-trade mark ikkontestata ġiet iddikjarata invalida minħabba li hija kienet deskrittiva u, konsegwentement, mhux distintiva.

33      Skont l-EUIPO:

–        jew il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-“ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” li jaqa’ taħt il-klassi 29 ma jkoprix il-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor”, inklużi f’din l-istess klassi u, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkonfermata u l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi miċħud;

–        jew il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-“ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” li jaqa’ taħt il-klassi 29 ikopri l-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor”, inklużi f’din l-istess klassi u, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata u l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi milqugħ.

34      L-intervenjenti tfakkar qabel kollox li t-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata għall-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata” u għall-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar”. Hija ssostni sussegwentement li teżisti differenza fin-natura u fil-manifattura bejn l-ewwel u t-tieni. Minn naħa, il-ħaxix u l-prodotti magħmula mill-ħaxix jippreżentaw differenza fin-natura. Min-naħa l-oħra, il-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata” huma mmanifatturati permezz “tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor”, filwaqt li l-“frott u ħaxix” huwa “ippreżervat, imnixxef u msajjar”.

35      Il-krisps tal-patata jaqgħu b’mod ċar taħt il-kategorija tal-prodotti magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor. Kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-krisps tal-patata ma humiex ħaxix, iżda iktar huma prodotti magħmula minn ħaxix. Għalhekk, ikun żbaljat li jiġi ddikjarat li l-krisps tal-patata jaqgħu fil-kategorija tal-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar”.

36      Konsegwentement, l-intervenjenti ssostni li l-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti ma jistax jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, it-trade mark ikkontestata bħala deskrittiva tal-prodotti inkwistjoni. Patata, tkunx ippreżervata, imnixxfa jew imsajra, tista’ titqatta’, tiġi mitħuna jew tiġi ppreparata b’modi differenti, iżda bħala ħaxixa, hija ma tistax fiha nnifisha tiġi deskritta bħala “profonda”. Huwa għalhekk neċessarju li jitwettaq test ieħor mentali, li fl-ebda każ ma jkun immedjat, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li t-terminu “deep” jiddeskrivi qatgħa speċifika tal-prodotti kkontestati. L-espressjoni “exxtra deep” tippreżenta natura mhux preċiża tal-prodotti inkwistjoni u tibqa’, l-iktar l-iktar, allużiva dwar mod partikolari ta’ qtugħ ta’ ħaxix jew frott.

37      Permezz ta’ prova prodotta waqt is-seduta, l-intervenjenti tirreferi għal deċiżjoni tat-30 ta’ Awwissu 2004 tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO (Każ 2940/2004) li fiha hija tqis, fil-kuntest tal-eżami tax-xebh, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1) (li sar l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa stess sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001), tal-frott u tal-ħaxix imnixxef, minn naħa, u tal-krisps tal-patata, min-naħa l-oħra, li dawn iż-żewġ prodotti huma differenti f’dak li jirrigwarda n-natura u l-iskop tagħhom.

38      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tat-“trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi.”

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu għan ta’ interess ġenerali li jeżiġi li l-indikazzjonijiet jew is-sinjali deskrittivi tal-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni jistgħu liberament jintużaw minn kulħadd (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, MacLean-Fogg vs UASI (LOKTHREAD), T-339/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:172, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jidentifikaw karatteristiċi tal-prodott jew tas-servizz li għalih qed issir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, huma magħrufa li huma inkapaċi li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni sabiex tippermetti lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz li t-trade mark tirreferi għalih jagħmel, f’akkwist ulterjuri, l-istess għażla jekk l-esperjenza tkun pożittiva jew li jagħmel għażla oħra jekk l-esperjenza tkun negattiva (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, LOKTHREAD, T‑339/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:172, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni indikata minn din id-dispożizzjoni, għandu jippreżenta mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni rabta suffiċjentement diretta u konkreta ta’ natura li tippermetti lill-pubbliku kkonċernat li jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2007, LOKTHREAD, T-339/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:172, punt 29; tas-7 ta’ Lulju 2011, Cree vs UASI (TRUEWHITE), T‑208/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:340, punt 14, u tal-14 ta’ Jannar 2016, Zitro IP vs UASI (TRIPLE BONUS), T‑318/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:1, punt 20).

42      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 39 sa 41 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal jista’ biss jitwettaq b’teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ kif jifhimha l-pubbliku rilevanti (ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, MEM vs UASI (MONACO), T‑197/13, EU:T:2015:16, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikonoxximent tan-natura deskrittiva ta’ trade mark japplika mhux biss għall-prodotti li għalihom hija direttament deskrittiva, iżda wkoll għall-kategorija iktar wiesgħa li għaliha jappartjenu dawn il-prodotti fl-assenza ta’ limitu adegwat magħmul mill-applikant tat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2009, Wella vs UASI (TAME IT), T‑471/07, EU:T:2009:328, punt 18; tas-16 ta’ Diċembru 2010, Fidelio vs UASI (Hallux), T‑286/08, EU:T:2010:528, punt 37, u tal-15 ta’ Lulju 2015, Australian Gold vs UASI – Effect Management & Holding (HOT), T‑611/13, EU:T:2015:492, punt 44).

44      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li teżisti ċerta sovrappożizzjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u dak tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament sa fejn is-sinjali deskrittivi ta’ ċerti prodotti u servizzi msemmija fl-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament huma wkoll neċessarjament nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament, f’dak li jirrigwarda dawn l-istess prodotti u servizzi (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2013, Airbus vs UASI (NEO), T‑236/12, EU:T:2013:343, punti 42 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-pubbliku rilevanti, li huwa, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prodotti inkwistjoni u tal-elementi verbali tal-lingwa Ingliża li jifformaw it-trade mark ikkontestata, il-pubbliku ġenerali li jitkellem bl-Ingliż fl-Unjoni b’livell baxx ta’ attenzjoni. Hija lanqas ma tikkontesta t-tifsira tal-espressjoni “exxtra deep”, kif tirriżulta mill-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri “eċċezzjonalment profonda”.

46      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li rrikonoxxa l-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għall-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor”, inklużi fil-klassi 29, filwaqt li jeskludih għall-prodotti “frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” inklużi fl-istess klassi, minkejja li l-ewwel prodotti huma koperti mill-kategorija ġenerali kkostitwita mit-tieni prodotti. Għalhekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma bbażax il-konsegwenzi tar-rikonoxximent tan-natura deskrittiva tat-trade mark ikkontestata għal ċerti prodotti speċifiċi fuq l-evalwazzjoni tan-natura deskrittiva tagħha għal prodotti oħra li jaqgħu taħt kategorija iktar ġenerali ta’ prodotti.

47      Kif jirrileva b’mod espliċitu l-EUIPO, il-kwistjoni prinċipali li għandha titwieġeb f’din il-kawża hija dik dwar jekk il-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor”, humiex koperti mill-kategorija tal-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar”.

48      Fid-deskrizzjoni tal-prodotti inklużi fil-klassi 29 li għalihom it-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), xejn ma jippermetti li jitqies a priori li l-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor”, huma koperti mill-kategorija tal-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar”. Minn naħa, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti huma separati b’punt u virgola. Issa, punt u virgola tistabbilixxi distinzjoni bejn żewġ kategoriji differenti ta’ prodotti li jaqgħu fl-istess klassi, b’differenza għall-virgoli li jservu biex jisseparaw artikoli fl-istess kategorija ta’ prodotti (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Louis Vuitton Malletier vs UASI, C-97/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:324, punt 96). Min-naħa l-oħra, l-ebda kelma jew espressjoni, bħal, pereżempju, “b’mod partikolari”, “inklużi” jew “partikolarment”, ma tippermetti li jiġi kkunsidrat li waħda mill-kategoriji hija inkluża fl-oħra (ara, fir-rigward tat-terminu “b’mod partikolari”, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, HOT, T-611/13, EU:T:2015:492, punt 45; ara wkoll, fir-rigward tat-terminu “partikolarment”, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2005, Wilfer vs UASI (ROCKBASS), T-315/03, EU:T:2005:211, punti 3 u 64, u tat-12 ta’ Novembru 2008, Scil proteins vs UASI – Indena (affilene), T-87/07, mhux ippubblikata, EU:T:2008:487, punti 38 u 39; ara fl-aħħar nett, fir-rigward tat-terminu “inklużi”, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Louis Vuitton Malletiervs UASI, C-97/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:324, punt 97).

49      Sussegwentement, kif issostni r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-kategorija “frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” tikkorrispondi għal waħda mill-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestatura tal-klassi 29 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice (“Laħam, ħut, tjur domestiku u selvaġġ; estratti tal-laħam; frott u ħxejjex ippreservati, iffriżati, imqadda u msajra; ġeli, ġammijiet, frott frisk jew imnixxef mgħolli biz-zokkor; bajd; ħalib u prodotti tal-ħalib; xaħmijiet u żjut li jittieklu.”).

50      Madankollu, din il-kunsiderazzjoni waħedha ma hijiex ta’ natura li tippermetti li jiġi konkluż li l-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor”, huma koperti mill-kategorija tal-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar”.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, il-Komunikazzjoni Nru 4/03 tad-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar l-użu tal-intestaturi ta’ klassijiet fil-listi ta’ prodotti u servizzi għall-applikazzjonijiet u għar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks Komunitarji, li tgħid li, b’mod partikolari, “l-użu ta’ ċerta indikazzjoni ġenerali li tinsab fl-intestatura ta’ klassi tkopri l-prodotti jew is-servizzi kollha li jifformaw parti minn din l-indikazzjoni ġenerali u klassifikati b’mod korrett fl-istess klassi” (it-tieni paragrafu tal-punt IV,) ma kinitx għadha fis-seħħ.

52      Il-Komunikazzjoni Nru 2/12 tad-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO, tal-20 ta’ Ġunju 2012, dwar l-użu tal-intestaturi ta’ klassijiet fil-lista ta’ oġġetti u servizzi għall-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet tat-trade mark Komunitarja, filwaqt li ħassret il-Komunikazzjoni Nru 4/03, stabbilixxiet approċċ litterali, fil-punt VIII tagħha, li jikkonsisti fl-għoti lit-termini ta’ indikazzjoni ġenerali t-tifsira naturali u abitwali tagħhom. Is-subparagrafu (i) tat-tieni paragrafu tal-punt II tal-Komunikazzjoni Nru 1/13 tad-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO, tas-26 ta’ Novembru 2013, ikkonferma li dan l-approċċ kien applikabbli anki meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni kienet tindika biss uħud mill-indikazzjonijiet ġenerali ta’ intestatura ta’ klassi. Fl-aħħar nett, il-leġiżlatur ikkonferma dan l-approċċ imsejjaħ “litterali” permezz tal-emenda li ġiet introdotta għall-Artikolu 28(5) tar-Regolament Nru 207/2009 permezz tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21), li jipprovdi li “[l]-użu ta’ termini ġenerali, inklużi l-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nizza […] għandu jiġi interpretat li jinkludi l-oġġetti […] koperti mit-tifsira litterali tal-indikazzjoni”.

53      Għalhekk, fir-rigward tat-trade mark ikkontestata, l-użu ta’ indikazzjoni ġenerali tal-intestatura tal-klassi 29 ma jistax jiġi interpretat, b’mod partikolari, bħala li jinkludi l-oġġetti jew is-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika tal-klassi 29 fl-edizzjoni tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice fis-seħħ fil-mument tal-preżentata, li jaqgħu taħt din l-indikazzjoni ġenerali. Huwa, għall-kuntrarju, fil-kuntest ta’ approċċ bħal dak espost fil-punt 52 iktar ’il fuq li għandu jiġi evalwat jekk il-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor”, humiex koperti mill-kategorija tal-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” indikata mit-trade mark ikkontestata.

54      L-ewwel nett, kif huwa espliċitament indikat fid-deskrizzjoni tal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 29 imsemmija mit-trade mark ikkontestata, il-prodotti ta’ tnaqqir (b’mod partikolari l-krisps) huma magħmulin mill-patata, li ma jistax jiġi miċħud li hija ħaxixa, kif ikkonfermat b’mod partikolari mid-definizzjoni tal-Oxford English Dictionary, prodotta mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO, li tgħid li ħaxixa hija “kwalunkwe organiżmu ħaj li ma huwiex annimal; speċifikament b’appartenenza għar-renju veġetali”. Dan il-fatt ma huwiex ikkontestat mill-intervenjenti.

55      It-tieni nett, krisps jistgħu jiġu prodotti minn ħaxix ieħor minbarra l-patata jew il-frott, kif tenfasizza r-rikorrenti.

56      It-tielet nett, xejn ma jeskludi li l-krisps tal-ħaxix jew tal-frott jiġu kkunsidrati bħala ħaxix jew frott imnixxef jew imsajjar. Kif tirrileva r-rikorrenti, il-krisps tal-patata jistgħu jkunu moqlijin jew imnixxfin jew imsajrin.

57      Ir-raba’ nett, kif ġustament tindika r-rikorrenti, il-frott u l-ħaxix li jaqgħu taħt il-klassi 29 huma “ippreżervati, imnixxfin u msajjrin”. Dan ma jikkonsistix fi frott frisk, li jaqa’ taħt il-klassi 31. Issa, huwa mill-ħaxix u mill-frott ippreżervat, imnixxef jew imsajjar li jiġu prodotti l-krisps, jew, b’mod iktar ġenerali, il-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor”.

58      Għalhekk, għar-raġunijiet invokati mir-rikorrenti, li l-EUIPO ma jikkontestax, għandu jiġi kkunsidrat li l-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor”, li jaqgħu taħt il-klassi 29, huma koperti mill-kategorija tal-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” inkluża fl-istess klassi.

59      Barra minn hekk, għalkemm il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 207/2009, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C-412/05 P, EU:C:2007:252, punt 65; tat-2 ta’ Mejju 2012, Universal Display vs UASI, (UniversalPHOLED), T-435/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:210, punt 37, u tat-22 ta’ Marzu 2017, Intercontinental Exchange Holdings vs EUIPO (BRENT INDEX), T-430/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:198, punt 43), madankollu għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-EUIPO għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda u jistaqsi b’reqqa partikolari dwar jekk deċiżjoni għandhiex jew le tittieħed fl-istess sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Bammer vs EUIPO – mydays (MÄNNERSPIELPLATZ), T-372/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:331, punt 60).

60      F’dan il-każ, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tat-23 ta’ Novembru 1999 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), imsemmija mir-rikorrenti, taqa’ f’kuntest fattwali simili ħafna għal dak ta’ din il-kawża. Minn naħa, din kienet, bħal f’dan il-każ, proċedura bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni kienet, bħal f’dan il-każ, dwar jekk il-krisps tal-patata kinux jaqgħu taħt il-kategorija iktar ġenerali ta’ ħaxix imnixxef.

61      Issa, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet qieset li l-“krisps tal-patata” kienu koperti mill-ħaxix imnixxef u li dawn il-prodotti kienu għalhekk identiċi. Kif tindika r-rikorrenti, mingħajr ma hija kontradetta mill-EUIPO, din id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma ġiet ikkontestata la mill-Bord tal-Appell u lanqas mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-21 ta’ April 2005, RUFFLES (T‑269/02, EU:T:2005:138).

62      F’dak li jirrigwarda d-deciżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-22 ta’ Marzu 2017 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), mogħtija wara d-deċiżjoni kkontestata, għandu ċertament jiġi osservat, bħalma għamel l-EUIPO matul is-seduta, li hija ma tgħid xejn dwar jekk il-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor”, humiex koperti mill-kategorija tal-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar”. Għall-kuntrarju, hija tikkonkludi li s-sinjal #CHIPS huwa deskrittiv, b’mod partikolari, tal-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” peress li dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ krisps. Huwa għaldaqstant fid-dawl tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti għal allużjoni għal tip partikolari ta’ qtugħ tal-imsemmi frott u ħaxix inkwistjoni, fil-forma ta’ krisps, li l-Bord tal-Appell iddeċieda dwar il-karattru deskrittiv tas-sinjal #CHIPS, filwaqt li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-istess Bord tal-Appell kien eskluda li dan it-tip partikolari ta’ qtugħ jista’ jikkostitwixxi “karatteristika” tal-prodotti inkwistjoni skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Id-Deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-22 ta’ Marzu 2017 imsemmija mir-rikorrenti turi għalhekk, minn tal-inqas, ċerta inkonsistenza fil-prassi deċiżjonali reċenti tal-EUIPO fil-qasam ta’ “frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar”.

63      Fir-rigward tad-Deciżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tat-30 ta’ Awwissu 2004 imsemmija mill-intervenjenti għall-ewwel darba waqt is-seduta (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), din ġiet annullata mid-Deciżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-1 ta’ Lulju 2005 (Każ R 804/2004-1) minħabba r-raġuni speċifika li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet evalwat b’mod żbaljat, billi skartata, ix-xebh tal-frott u tal-ħaxix imnixxef minn naħa, u l-krisps tal-patata, min-naħa l-oħra.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell wettaq żball peress li ma bbażax il-konsegwenzi tar-rikonoxximent tan-natura deskrittiva tat-trade mark ikkontestata għall-“prodotti ta’ tnaqqir magħmula mill-patata miksuba permezz tal-estrużjoni jew iffurmar f’gerbub, jew immanifatturati jew ippreparati mod ieħor”, inklużi fil-klassi 29, fuq l-evalwazzjoni tan-natura deskrittiva tagħha għall-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” li jaqgħu fl-istess klassi.

65      Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 44 iktar ’il fuq, is-sinjali deskrittivi msemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 huma, ukoll, nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament.

66      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ fl-intier tiegħu u, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni motiv, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sa fejn din ma kinitx annullat it-trade mark ikkontestata għall-“frott u ħaxix ippreżervat, imnixxef u msajjar” inkluż fil-klassi 29.

 Fuq l-ispejjeż

67      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

68      Peress li l-EUIPO tilef, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija annullata, huwa għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub mir-rikorrenti.

69      Peress li l-intervenjenti tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tal-24 ta’ Novembru 2016 (Każ R 482/2016-2), hija annullata.

2)      L-EUIPO għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn PepsiCo, Inc.

3)      Intersnack Group GmbH & Co. KG għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Novembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.