Language of document : ECLI:EU:C:2018:946

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-22 ta’ Novembru 2018 (1)

Kawża C-578/17

Oy Hartwall Ab

Il-parti l-oħra:

Patentti- ja rekisterihallitus

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 2 – Artikolu 3(1)(b) u (3) – Raġunijiet ta’ rifjut jew ta’ nullità – Karattru distintiv – Karattru distintiv miksub permezz tal-użu – Karattru distintiv intrinsiku – Rappreżentazzjoni grafika – Trade mark ta’ kulur jew trade mark figurattiva – Trade mark ta’ kulur ippreżentata bħala trade mark figurattiva – Kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni – Kategoriji ta’ trade marks – Tipi ta’ trade marks – Kontradizzjonijiet fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi preliminari li jirrigwardaw ir-rekwiżit tar-rappreżentazzjoni grafika, li jinsab fl-Artikolu 2 u r-rekwiżit tal-karattru distintiv li jinsab fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 3(1)(b) u (3) tad-Direttiva 2008/95/KE (2).

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina minn kwistjoni bejn il-kumpannija Oy Hartwall Ab u l-Patentti- ja rekisterihallitus (l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali, il-Finlandja). Dan tal-aħħar ċaħad l-applikazzjoni ppreżentata minn Oy Hartwall għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ta’ kulur, minħabba li t-trade mark mitluba ma kellhiex il-karattru distintiv mitlub minn trade mark ta’ kulur. Fl-imsemmija applikazzjoni, it-trade mark ta’ kulur kienet irrappreżentata grafikament fil-forma ta’ figura.

3.        Din il-kawża tqajjem għaldaqstant il-punt dwar kif għandu jiġi interpretat, fil-kuntest tar-reġistrazzjoni eventwali ta’ trade mark ta’ kulur, ir-rekwiżit tar-rappreżentazzjoni grafika u r-rekwiżit tal-karattru distintiv li huma previsti fid-Direttiva 2008/95. Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq b’mod iktar preċiż tkun taf jekk l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark ta’ kulur li kienet irrappreżentata grafikament fil-forma ta’ figura fl-applikazzjoni għal trade mark.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi għalfejn jidhirli, minn naħa, li jeħtieġ li l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1)(b) u (3) ta’ din id-direttiva jiġu interpretati fis-sens li l-punt dwar jekk ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tintalabx bħala trade mark figurattiva jew bħala trade mark ta’ kulur huwa rilevanti għall-iskopijiet tal-interpretazzjoni tar-rekwiżit tal-karattru distintiv u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 2 jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li għaliha, bħal f’dan il-każ, ir-rappreżentazzjoni grafika tieħu l-forma ta’ figura, filwaqt li l-applikant jitlob ir-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark ta’ kulur.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva 2008/95

5.        L-Artikolu 2, intitolat “Sinjali li minnhom trade mark tista’ tikkonsisti”, tad-Direttiva 2008/95 (3) huwa fformulat kif ġej:

“Trade mark tista’ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjal kapaċi li jiġi rappreżentat grafikament, b’mod partikolari permezz ta’ kliem, inklużi ismijiet personali, disinji, ittri, numri, l-għamla ta’ merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali ikunu jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra”.

6.        L-Artikolu 3(1)(b) u (3) li jikkonċerna r-raġunijiet għal rifjut jew nullità, jipprovdi:

“1.      Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

[…]

b)      trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

[…]

3.      Trade mark m’għandhiex tiġi rifjutata reġistrazzjoni jew tiġi dikjarata nulla skond il-paragrafu 1 (b), (c) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ addizzjonalment jistipula li din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatteristika distintiva kienet akkwistata wara d-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni”.

B.      Id-dritt Finlandiż

7.        Id-Direttiva 2008/95 ġiet trasposta fid-dritt Finlandiż permezz tal-Liġi Nru 7/1964 dwar it-trade marks, tal-10 ta’ Jannar 1964, emendata fl-aħħar lok, għal dik li hija l-verżjoni applikabbli f’dan il-każ, bil-Liġi Nru 56/2000.

8.        Bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tal-Liġi dwar it-trade marks (emendat fl-aħħar lok, għal dik li hija l-verżjoni applikabbli għal dan il-każ, bil-Liġi Nru 39/1993), jistgħu jikkostitwixxu trade marks dawk is-sinjali kollha li jistgħu jiġu rrappreżentati grafikament li huma idonei sabiex jiddistingwu l-prodotti mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni tas-suq minn prodotti ta’ terzi. Din id-dispożizzjoni tippreċiża mbagħad li trade mark tista’, b’mod partikolari tkun ikkostitwita minn kliem inklużi l-ismijiet ta’ persuna, disinni, ittri, ċifri, l-għamla ta’ prodott jew tal-imballaġġ tiegħu.

9.        Skont l-Artikolu 13 tal-Liġi dwar it-trade marks (emendat fl-aħħar lok, għal dik li hija l-verżjoni applikabbli għal dan il-każ, bil-Liġi Nru 56/2000), it-trade mark li għandha tiġi rreġistrata trid tkun idonea li tiddistingwi l-prodotti tal-proprjetarju tagħha minn prodotti ta’ terzi. Sinjal li jindika, kemm esklużivament, kif ukoll sempliċement permezz ta’ varjazzjonijiet minuri jew żidiet, l-ispeċi, il-kwalità, il-kwantità, id-destinazzjoni, il-prezz, il-lok jew id-data tal-produzzjoni tal-prodott ma għandux jitqies li għandu karattru distintiv. Waqt l-eżami tal-karattru distintiv ta’ sinjal, jeħtieġ, skont dan l-artikolu, li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża u b’mod partikolari t-tul ta’ żmien u l-importanza tal-użu tat-trade mark.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Il-kumpannija Oy Hartwall applikat, fl‑20 ta’ Settembru 2012, biex tirreġistra s-sinjal riprodott iktar ’l isfel mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali. Skont ir-rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal, dan huwa magħmul minn żigarella blu b’bordura rqiqa griża. Ir-reġistrazzjoni tas-sinjal intalbet bħala trade mark ta’ kulur għall-prodotti “ilma minerali” li jaqgħu taħt il-klassi 32. Oy Hartwall indikat dan li ġej għal dak li jikkonċerna l-kulur: il-kuluri tas-sinjal huma l-blu (PMS 2748, PMS CYAN) u l-griż (PMS 877).

Image not found

11.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha, Oy Hartwall kienet ippreżentat lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali studju tas-suq, li fih it-trade mark mitluba kienet ġiet deskritta lill-persuni interrogati, u ġiet stabbilita attestazzjoni minn tnejn mill-impjegati tagħha li kienet tirrigwarda l-użu tat-trade mark biex jiġu identifikati l-prodotti tagħha.

12.      Wara deċiżjoni preparatorja tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali, Oy Hartwall ippreċiżat li hija kienet qiegħda tapplika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba bħala trade mark ta’ kulur u mhux bħala trade mark figurattiva.

13.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2013, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali ċaħad l-applikazzjoni minħabba li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv. L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali jindika b’mod partikolari, fil-motivi tad-deċiżjoni tiegħu, li, skont prassi stabbilita tiegħu, ma jistax jingħata dritt esklużiv għar-reġistrazzjoni ta’ kuluri partikolari jekk ma jintweriex bi provi sodi li l-kuluri mitluba kisbu karattru distintiv għall-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni minħabba użu fit-tul u importanti.

14.      Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tindika li l-istudju tas-suq ma weriex biss ir-reputazzjoni tal-kuluri waħedhom, iżda tat-trade mark figurattiva. Skont l-imsemmija deċiżjoni, ma ġiex stabbilit li l-kombinazzjoni ta’ kuluri li għalihom saret l-applikazzjoni kienet użata sabiex jiġu identifikati l-prodotti proposti mir-rikorrenti għal żmien twil biżżejjed u b’mod mifrux biżżejjed b’mod li kisbu, fil-Finlandja, fid-data tal-applikazzjoni, karattru distintiv minħabba dak l-użu.

15.      Il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja), adita bir-rikors ippreżentat minn Oy Hartwall kontra dik id-deċiżjoni, ċaħditu.

16.      Fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, din il-qorti indikat li Oy Hartwall kienet applikat sabiex tirreġistra kombinazzjoni ta’ kuluri. Hija kkunsidrat b’mod partikolari li r-rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal fl-applikazzjoni ma kinitx tinvolvi arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri kkonċernati b’mod predeterminat u kostanti. Minn dan hija ddeduċiet li t-trade mark ta’ kulur li għaliha saret l-applikazzjoni ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ rappreżentazzjoni grafika li japplikaw, skont l-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 39/1993, dwar it-trade marks, għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark.

17.      Oy Hartwall interponiet appell mid-deċiżjoni tal-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju.

18.      Dik il-qorti ntalbet taqta’ l-kwistjoni dwar jekk it-trade mark ta’ Oy Hartwall tistax tiġi rreġistrata bħala trade mark ta’ kulur. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi dwar l-importanza li għandha tingħata, għall-iskopijiet ta’ reġistrazzjoni eventwali tat-trade mark, lill-klassifikazzjoni tat-trade mark ta’ kulur li tinsab fl-applikazzjoni.

19.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2017, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar il-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, il-kwistjoni dwar jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark hijiex mitluba bħala trade mark figurattiva jew bħala trade mark ta’ kulur hija rilevanti?

2)      Fil-każ li l-klassifikazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark ta’ kulur jew trade mark figurattiva tkun rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħha, it-trade mark għandha tiġi rreġistrata, minkejja l-preżentazzjoni figurattiva tagħha, bħala trade mark ta’ kulur, konformememnt mal-applikazzjoni għal trade mark, jew tista’ tiġi rreġistrata biss bħala trade figurattiva?

3)      Fil-każ li huwa possibbli li tiġi rreġistrata bħala trade mark ta’ kulur, trade mark figurattiva, li hija rrappreżentata grafikament fl-applikazzjoni għal trade mark, bil-preċiżjoni meħtieġa skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mat-trade marks ta kulur (u li ma hijiex ir-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-kulur fiha nfisha, astratta, mingħajr forma jew kontorn), huwa neċessarju li tiġi prodotta prova ta’ użu effettiv bħal dik mitluba mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali, jew kwalunkwe prova oħra?”

20.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Oy Hartwall, mill-Gvern Finlandiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fis‑6 ta’ Settembru 2018.

IV.    Analiżi

A.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

21.      Il-kwistjoni tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ tqajmet matul is-seduta. Ser nindika fil-qosor, fuq dan is-suġġett, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula. Kif ser turi r-risposta tiegħi għad-domandi, din il-kawża ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-dritt Finlandiż, iżda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95. Ċertament, mill-premessa 6 tad-Direttiva jirriżulta li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiffissaw id-dispożizzjonijiet ta’ proċedura dwar ir-reġistrazzjoni tat-trade marks. Kif irrileva wkoll finalment il-Gvern Finlandiż waqt is-seduta, ir-regoli tal-proċedura tal-Istati Membri għandhom madankollu jiġu stabbiliti u applikati b’mod li jiggarantixxu l-osservanza tar-rekwiżiti fil-qasam tar-reġistrazzjoni tat-trade marks li ġew armonizzati permezz tad-Direttiva. Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva u, b’mod partikolari, tar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikoli 2 u 3 tagħha, li skonthom it-trade marks kollha għandhom, sabiex jiġu rreġistrati, ikunu jistgħu jkunu suġġetti għal rappreżentazzjoni grafika u jkollhom karattru distintiv.

B.      Fuq id-domandi preliminari

1.      Fuq l-effett tal-fatt li r-reġistrazzjoni tat-trade mark tintalab bħala trade mark figurattiva jew bħala trade mark ta’ kulur fuq l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni tal-karattru distintiv li tinsab fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95 (l-ewwel domanda)

22.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk huwiex rilevanti, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95 u tal-kundizzjoni dwar il-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmija direttiva, li jkun magħruf jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark intalbitx bħala trade mark figurattiva jew bħala trade mark ta’ kulur (4).

23.      Nirrileva, preliminarjament, li l-Gvern Finlandiż indika waqt is-seduta li l-awtoritajiet Finlandiżi għandhom biss is-setgħa li jiddeċiedu dwar il-punt jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tistax tiġi rreġistrata bħala trade mark ta’ kulur. Skont dak li ġie indikat, dan huwa dovut għall-fatt li, skont id-dritt Finlandiż, l-awtoritajiet Finlandiżi ma humiex awtorizzati jbiddlu l-għażla tat-tip ta’ trade mark li tkun saret fl-applikazzjoni għat-trade mark. Peress li Oy Hartwall applikat għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ta’ kulur (5), l-awtoritajiet Finlandiżi għaldaqstant ma humiex awtorizzati jivverifikaw jekk it-trade mark tistax, min-naħa l-oħra, jew ukoll, tiġi rreġistrata bħala trade mark figurattiva (6).

24.      Konsegwentement, ser nikkunsidra, fil-punti li ġejjin, li l-oġġett tat-trade mark mitluba huwa trade mark ta’ kulur. Għaldaqstant, mhux ser nittratta l-kwistjoni dwar jekk Oy Hartwall xtaqitx ukoll tirreġistra din it-trade mark bħala trade mark figurattiva (7).

25.      Biex nanalizza l-ewwel domanda, jeħtieġ, kif indikat il-Kummissjoni, li tingħata risposta għaż-żewġ domandi li ġejjin: l-ewwel nett, dik dwar jekk il-fatt li r-reġistrazzjoni tintalab għal trade mark figurattiva jew għal trade mark ta’ kulur għandux effett fuq id-determinazzjoni tal-oġġett tas-sinjal li għalih tintalab il-protezzjoni (a) u, it-tieni nett, dik dwar x’inhu l-effett, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tas-sinjal, tal-fatt li r-reġistrazzjoni tintalab għal trade mark figurattiva jew għal trade mark ta’ kulur (b).

a)      Fuq l-effett li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-oġġett tas-sinjal li għalih qed tintalab il-protezzjoni

26.      Biex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li jiġi deskritt l-oġġett ta’ trade mark ta’ kulur u dak ta’ trade mark figurattiva, u b’mod partikolari li jiġi indikat f’hiex tikkonsisti d-differenza bejn iż-żewġ tipi ta’ trade mark.

27.      F’dan il-kuntest, qabel kollox nirrileva li d-Direttiva 2008/95 hija bbażata fuq il-premessa ċara li jeżistu tipi differenti ta’ trade marks.

28.      Bis-saħħa tal-Artikolu 2 tad-Direttiva, intitolat “Sinjali li minnhom trade mark tista’ tikkonsisti”, jistgħu jikkostitwixxu trade marks is-sinjali kollha kapaċi li jiġu rrappreżentati grafikament, sakemm dawn is-sinjali jkunu jistgħu jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra. Din id-dispożizzjoni telenka, bħala eżempji, “kliem, inklużi ismijiet personali, disinji, ittri, numri, l-għamla ta’ merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom”(8). Għalkemm dan l-artikolu ma jagħmilx kategorizzazzjoni vera tat-tipi differenti ta’ trade marks, is-sinjali elenkati jindikaw li t-trade marks jistgħu jieħdu għamla differenti.

29.      Sussegwentement nikkonstata li t-trade marks figurattivi u t-trade marks ta’ kulur jistgħu t-tnejn li huma jikkostitwixxu trade marks fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2. Għal dawk li huma trade marks figurattivi, dawn jikkorrispondu fir-realtà għall-eżempju tad-“disinji” li jissemma fl-Artikolu 2. Min-naħa l-oħra, it-trade marks ta’ kulur ma jinsabux fost l-eżempji elenkati fl-Artikolu 2 (9), iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fiż-żewġ sentenzi prinċipali fil-qasam ta’ trade marks ta’ kulur, is-sentenza Libertel (10) u s-sentenza Heidelberger Bauchemie-dommen (11), li t-trade marks ta’ kulur jistgħu jikkostitwixxu trade marks fis-sens tal-Artikolu 2 (12).

30.      Dan iwassalni għall-kwistjoni ċentrali, li hija dik dwar it-tifsira li għandha tingħata, preċiżament, lil “trade mark ta’ kulur” u lil “trade mark figurattiva” u dwar x’inhi d-differenza bejn iż-żewġ tipi ta’ trade marks.

31.      Trade mark ta’ kulur hija sinjal li jikkonsisti f’kulur jew kombinazzjoni ta’ kuluri fihom infushom, mingħajr għamla u mingħajr kontorni (13).

32.      Il-partikolarità tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ta’ kulur qiegħda fil-fatt li huwa l-kulur jew il-kombinazzjoni ta’ kuluri fihom infushom li għandha tingħata protezzjoni. Bħala eżempju ta’ trade mark ta’ kulur, ser niċċita s-sentenza reċenti Louboutin u Christian Louboutin (14). Il-kawża kienet tirrigwarda trade mark Benelux ikkostitwita mill-kulur aħmar fuq il-qiegħ taż-żarbun bi tkaken għoljin. Il-kontorn taż-żarbun ma kienx jifforma parti mit-trade mark irreġistrata (15). Fis-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-fatt li l-kulur jiġi applikat fuq il-prodott, li jikkostitwixxi, għaldaqstant, fil-prattika, delimitazzjoni tal-kulur fl-ispazju, ma jrendix l-għamla parti mit-trade mark (16). Fi kliem ieħor, il-qiegħ ma kienx jifforma parti mit-trade mark, anki jekk il-kulur irreġistrat kien limitat fl-ispazju meta dan ikun applikat fuq il-qiegħ ta’ żarbun bi tkaken għoljin.

33.      Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Libertel, ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks ta’ kulur tagħti protezzjoni estiża ħafna. In-numru limitat ta’ kuluri effettivament disponibbli jimplika, fil-fatt, li numru żgħir ta’ reġistrazzjonijiet bħala trade marks għal servizzi jew prodotti partikolari jista’ jeżawrixxi l-gamma sħiħa ta’ kuluri disponibbli (17).

34.      Min-naħa l-oħra, għal dawk li huma trade marks figurattivi, dawn huma kkostitwiti minn element figurattiv. Waqt ir-reġistrazzjoni tat-trade marks figurattivi, huwa l-element figurattiv, kif jirriżulta fir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark, li jingħata protezzjoni. Jekk it-trade mark figurattiva tkun bil-kulur, hija t-trade mark figurattiva kif inhi rrappreżentata, bil-kuluri indikati, li tibbenefika minn protezzjoni bis-saħħa tar-reġistrazzjoni (18).

35.      Mill-punti preċedenti jirriżulta li ż-żewġ kategoriji ta’ trade marks huma differenti, inkwantu trade mark ta’ kulur tipproteġi d-dritt li jintuża ċertu kulur jew kombinazzjoni ta’ kuluri fihom infushom, jiġifieri mingħajr kontorni, filwaqt li trade mark figurattiva tipproteġi d-dritt li tintuża t-trade mark figurattiva, preċiżament kif inhi rrappreżentata grafikament, b’kontorni u eventwali kuluri.

b)      Fuq l-effett, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tas-sinjal, tal-fatt li r-reġistrazzjoni tintalab għal trade mark figurattiva jew għal trade mark ta’ kulur

36.      Il-kwistjoni li tqum imbagħad hija dik dwar jekk il-fatt li l-applikant jitlob il-protezzjoni ta’ trade mark ta’ kulur jew trade mark figurattiva għandux effett fuq l-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-karattru distintiv. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li ser nesponi iktar ’il quddiem.

37.      Sabiex trade mark tkun tista’ tiġi rreġistrata, huwa essenzjali, skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1)(b) u (3) li hija jkollha karattru distintiv. Il-preżenza ta’ karattru distintiv ifisser li hija idonea sabiex tidentifika l-prodott jew is-servizz li hija tindika bħala li tiġi minn impriża determinata u għaldaqstant li tiddistingwi dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk ta’ impriżi oħra (19). Fil-fatt, il-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumatur l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trade mark, u li tippermettilu jiddistingwi mingħajr ebda konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini differenti (20).

38.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-karattru distintiv ta’ trade mark, sew jekk intrinsiku (Artikolu 3(1)(b)) sew jekk miksub permezz tal-użu (Artikolu 3(3)), għandu jiġi evalwat fir-rigward ta’ żewġ parametri: minn naħa, tal-prodotti jew servizzi indikati minn din it-trade mark u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni preżunta tas-setturi kkonċernati (21).

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat kif għandu jiġi ddeterminat fil-prattika jekk trade mark kisbitx karattru distintiv permezz tal-użu. L-awtorità kompetenti għandha twettaq eżami konkret u tevalwa globalment il-provi li jistgħu juru li t-trade mark saret idonea sabiex tidentifika l-provenjenza tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat mingħand impriża determinata, u dan għas-setturi kkonċernati (22). Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin: is-sehem mis-suq li għandha t-trade mark ikkonċernata, l-intensità, il-firxa ġeografika u kemm ilha tintuża din it-trade mark, l-importanza tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha, il-proporzjon tas-setturi kkonċernati li jidentifikaw il-prodott jew is-servizz bħala li ġej minn impriża determinata permezz tal-imsemmija trade mark kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħra (23).

40.      Sussegwentement, għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar x’rabta hemm bejn l-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-karattru distintiv u l-fatt li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tintalab għal trade mark ta’ kulur jew għal trade mark figurattiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li la l-Artikolu 2 u lanqas l-Artikolu 3(1)(b) u (3) tad-Direttiva 2008/95 ma jagħmlu distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ trade marks. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks ta’ kulur, inkluż dak miksub permezz tal-użu, għaldaqstant bħala prinċipju huma l-istess bħal dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra ta’ trade marks, bħalma huma t-trade marks figurattivi (24). Konsegwentement, ma huwiex possibbli li jiġu ffissati kriterji iktar stretti, li jissupplimentaw jew jevitaw l-applikazzjoni tal-kriterju tal-karattru distintiv għal ċerti tipi ta’ trade marks (25).

41.      Madankollu, nirrileva li mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li għal ċerti tipi ta’ trade marks li huma ta’ natura partikolari, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari ta’ dawn it-tipi ta’ trade marks. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tat-trade marks ta’ kulur, li fir-rigward tagħhom niddeduċi mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja li jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni żewġ aspetti, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tagħhom.

42.      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari meta s-swieq ikunu speċifiċi ħafna, trade mark ta’ kulur ma għandhiex karattru distintiv ab initio (26). Il-fatt li t-trade marks ta’ kulur rarament biss ikollhom karattru distintiv ab initio huwa dovut għall-fatt li l-konsumaturi ġeneralment ma għandhomx id-drawwa li jippreżumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom biss fuq il-kulur tagħhom jew fuq l-imballaġġ tagħhom. Konsegwentement, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma hijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ trade mark ta’ kulur bħal fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva (27).

43.      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li kien jeżisti interess ġenerali li d-disponibbiltà tal-kuluri ma tiġix indebitament limitata għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti jew servizzi tat-tip ta’ dawk li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni (28). Sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta’ trade mark ta’ kulur, jeħtieġ, konsegwentement, li jiġi żgurat li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ma tkunx kuntrarja għal dan l-interess ġenerali (29).

44.      Kif ġie indikat iktar ’il fuq, minħabba l-karatteristiċi partikolari ta’ trade mark, jista’ għaldaqstant ikun iktar diffiċli li jiġi stabbilit, fil-prattika, il-karattru distintiv tat-trade marks ta’ ċerti kategoriji milli ta’ dawk ta’ kategoriji oħra (30). Madankollu nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li dan il-fatt ma jistax jeżenta lill-awtoritajiet tat-trade marks milli jagħmlu eżami in concreto, każ b’każ, tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (31).

45.      Għar-raġunijiet preċedenti, ser nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1)(b) u (3) tad-Direttiva 2008/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kwistjoni dwar jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tintalabx għal trade mark figurattiva jew għal trade mark ta’ kulur huwa rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-karattru distintiv sa fejn mill-karatteristiċi partikolari tat-trade marks ta’ kulur jirriżulta li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark ta’ kulur. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, trade mark ta’ kulur rarament biss ikollha karattru distintiv ab initio u li, min-naħa l-oħra, jeżisti interess ġenerali sabiex id-disponibbiltà tal-kuluri ma tiġix indebitament ristretta għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti jew servizzi tat-tip ta’ dawk li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni.

2.      Fuq il-mod li bih għandha tiġi rreġistrata trade mark meta jkun hemm diskrepanza bejn ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark u l-għażla tal-kategorija tat-trade mark (it-tieni domanda)

46.      Jiena nifhem it-tieni domanda fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fuq il-mod kif għandha tiġi rreġistrata trade mark meta jkun hemm diskrepanza bejn ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark, li għandha l-għamla ta’ figura, u l-għażla tal-kategorija tat-trade mark li saret fl-applikazzjoni, li tikklassifika t-trade mark bħala trade mark ta’ kulur.

47.      Ser nesponi hawn isfel għalfejn jidhirli li, f’każ ta’ tali diskrepanza, it-trade mark ma tista tiġi irreġistrata la bħala trade mark ta’ kulur u lanqas bħala trade mark figurattiva skont id-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ser nispjega l-ewwel nett għalfejn, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, jeħtieġ li l-oġġett preċiż ta’ din ikun jista’ jiġi ddeterminat (a) u sussegwentement ser nesponi l-konsegwenzi tal-kontradizzjonijiet li applikazzjoni jista’ jkun fiha, bħalma huwa l-każ hawnhekk (b).

a)      Fuq in-neċessità li jiġi stabbilit l-oġġett tat-trade mark

48.      Jekk jeħtieġ li jiġi ddeterminat l-oġġett eżatt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, dan huwa għaliex, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95, huwa essenzjali, sabiex wieħed ikun jista’ jirreġistra trade mark, li din tkun tikkostitwixxi sinjal li tista’ tiġi rrappreżentata grafikament. Ir-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 2, li skontu s-sinjali kollha għandhom ikunu jistgħu jiġu rrappreżentati grafikament, għandu l-għan li jiddetermina l-oġġett preċiż tat-trade mark li għaliha l-applikant ikun talab il-protezzjoni. Kif ġie indikat fis-sentenza Sieckmann, ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark għandha, sabiex tkun tissodisfa l-funzjoni tagħha, tkun b’mod partikolari ċara, preċiża, fiha nnifisha kompleta, faċilment aċċessibbli, intelliġibbli, ta’ natura durabbli u objettiva (32).

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fl-imsemmija sentenza għalfejn tali interpretazzjoni kienet meħtieġa minħabba l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks (33). Minn naħa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħrfu b’mod ċar u bi preċiżjoni n-natura tas-sinjali li jikkostitwixxu trade mark bil-għan li jkunu f’pożizzjoni li jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jirrigwardaw l-eżami preliminari tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni kif ukoll il-pubblikazzjoni u ż-żamma ta’ reġistru xieraq u preċiż tat-trade marks. Min-naħa l-oħra, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jiżguraw b’mod ċar u preċiż ir-reġistrazzjonijiet magħmula jew l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni magħmula mill-klijenti attwali jew potenzjali tagħhom u jibbenefikaw għaldaqstant mill-informazzjoni rilevanti li tikkonċerna d-drittijiet tat-terzi (34).

50.      Għaldaqstant, huwa abbażi tad-determinazzjoni tal-oġġett eżatt tat-trade mark li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha tar-reġistrazzjoni eventwali tat-trade mark għandhom jiġu evalwati u, b’mod partikolari, dik tal-karattru distintiv tat-trade mark.

51.      Għalkemm huwa fundamentalment rikjest, għal kull trade mark, li dawn ikunu jistgħu jiġu rrappreżentati grafikament (35), nirrileva li l-oġġett preċiż ta’ ċerti trade marks ma jistax, fil-prattika, jiġi stabbilit biss fuq il-bażi tar-riproduzzjoni grafika tat-trade mark mitluba. Għalkemm ir-riproduzzjoni grafika ta’ trade mark figurattiva bil-kulur tindika żgur b’mod preċiż l-element li għalih tintalab protezzjoni, jiġifieri t-trade mark figurattiva bil-kulur, dan ma huwiex il-każ tat-trade marks ta’ kulur.

52.      Fis-sentenza Libertel, li kienet tirrigwarda l-possibbiltà li tiġi rreġistrata trade mark ta’ kulur ikkostitwita minn kulur wieħed, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat għaldaqstant li sempliċi kampjun ta’ kulur ma kienx jissodisfa minnu nnifsu r-rekwiżit tar-rappreżentazzjoni grafika li jinsab fl-Artikolu 2, b’mod partikolari peress li kampjun ta’ kulur jista’ jinbidel maż-żmien (huwa jista’, pereżempju, jiċċara). Kampjun ta’ kulur ma jippermettix għaldaqstant li jiġi stabbilit l-oġġett eżatt ta’ trade mark ta’ kulur. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 2 jista’ jiġi ssodisfatt jekk il-kampjun ta’ kulur jiġi akkumpanjat b’deskrizzjoni verbali tat-trade mark ta’ kulur, bil-kundizzjoni li din id-deskrizzjoni tkun ċara u preċiża, jew b’kodiċi ta’ identifikazzjoni rikonoxxut internazzjonalment, peress li tali kodiċijiet jitqiesu li huma preċiżi (36).

53.      Għal dak li jikkonċerna t-trade marks ta’ kulur ikkostitwiti minn kombinazzjoni ta’ kuluri, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fis-sentenza Heidelberger Bauchemie, li – biex tissodisfa r-rekwiżit taċ-ċarezza li jinsab fl-Artikolu 2 – applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ kombinazzjoni ta’ kuluri għandha tkun irranġata sistematikament billi l-kuluri kkonċernati jiġu assoċjati b’mod ippredeterminat u uniformi (37). L-arranġament sistematiku huwa intiż li jistabbilixxi b’mod preċiż il-kombinazzjoni eżatta tal-kuluri (38).

54.      Ser inżid f’dan ir-rigward li, qabel ma tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk l-oġġett ta’ trade mark ta’ kulur mitluba jistax jiġi stabbilit biċ-ċarezza li hija meħtieġa mis-sentenzi Libertel (39) u Heidelberger Bauchemie (40), awtorità għandha naturalment tkun tista’ tiddetermina jekk hijiex trade mark ta’ kulur jew le.

55.      F’dan il-każ, jidher li l-applikazzjoni ta’ Oy Hartwall hija kontradittorja fuq dan il-punt, ħaġa li hija wkoll indikata fit-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, għalkemm ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark mitluba hija dik ta’ trade mark b’kontorni fl-għamla ta’ figura (żigarella blu b’bordura rqiqa griża), Oy Hartwall indikat, fid-deskrizzjoni li kienet akkumpanjata magħha (li kienet tippreċiża l-kodiċijiet internazzjonali tal-kuluri użati) u fil-klassifikazzjoni, li din kienet trade mark ta’ kulur.

56.      Għal dak li jikkonċerna r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark ta’ kulur li għaliha saret l-applikazzjoni, nirrileva li huwa ċertament possibbli, bħala prinċipju, li trade mark ta’ kulur tiġi rrappreżentata grafikament bil-kontorni. Dan jirriżulta meta r-rappreżentazzjoni grafika turi l-mod li bih it-trade mark ta’ kulur tkun ser tiġi applikata fuq il-prodotti jew is-servizzi tal-impriża kkonċernata. Bħala eżempju, nirreferi għas-sentenza Louboutin u Christian Louboutin, iċċitata iktar ’il fuq (41). Ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark ta’ kulur inkwistjoni, li hija riprodotta fil-punt 8 tas-sentenza, kienet ikkostitwita mid-disinn ta’ żarbun bi tkaken għoljin li taħt il-qiegħ tiegħu kien applikat il-kulur aħmar inkwistjoni. Ġie ppreċiżat fid-deskrizzjoni tat-trade mark ta’ kulur li l-kontorn taż-żarbun ma kienx jifforma parti mit-trade mark u li dan kellu l-għan biss li jindika fejn ikun tqiegħed it-trade mark. Konsegwentement, anki jekk ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark kienet tinvolvi kontorni (l-għamla ta’ żarbun, inkluż l-għamla tal-qiegħ), dawn il-kontorni ma kinux jifformaw parti mit-trade mark, ħaġa li barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fis-sentenza, kif fakkart fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

57.      Għalkemm it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni f’dan il-każ kienet is-suġġett ta’ rappreżentazzjoni grafika simili, ir-rappreżentazzjoni grafika għandha turi, f’dan il-każ, il-mod li bih it-trade mark ta’ kulur li għaliha saret l-applikazzjoni hija mqiegħda fuq il-prodotti ta’ Oy Hartwall li huma, f’din il-kawża, fliexken tal-ilma. Issa, kif ġie rrilevat ukoll mill-Kummissjoni u mill-Gvern Finlandiż, ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark ma hijiex l-illustrazzjoni ta’ flixkun tal-ilma, iżda ta’ żigarella. Dan iwassalni sabiex nikkonkludi li l-applikazzjoni għat-trade mark ta’ Oy Hartwall hija kontradittorja inkwantu l-kontorni użati lanqas jistgħu juru l-mod li bih it-trade mark ta’ kulur għandha tintuża fuq il-prodotti indikati.

b)      Il-konsegwenzi tal-kontradizzjonijiet fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

58.      Jidhirli li, kif isostnu wkoll il-Kummissjoni u l-Gvern Finlandiż, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95 jipprekludi li trade mark tkun tista’ tiġi rreġistrata bħala trade mark ta’ kulur fil-każ fejn ikun hemm diskrepanza bħalma hemm f’dan il-każ.

59.      Fil-fatt, l-applikazzjoni għat-trade mark ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk l-oġġett preċiż tal-applikazzjoni huwiex trade mark ta’ kulur jew trade mark figurattiva. Għaldaqstant ma hemmx ċertezza fir-rigward l-oġġett li abbażi tiegħu il-kundizzjonijiet sostantivi l-oħra stabbiliti fl-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari r-rekwiżit tal-karattru distintiv, għandhom jiġu evalwati. Ma’ dan jiżdied il-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi jikkonsultaw ir-reġistri tat-trade marks billi jużaw il-kategoriji differenti ta’ trade marks tar-reġistru. L-istess japplika wkoll fil-każ tar-reġistru tat-trade marks Finlandiż li fir-rigward tiegħu stajt nikkonstata li huwa possibbli li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għal kategoriji differenti ta’ trade marks, u b’mod partikolari għall-kategorija tat-trade marks figurattivi u dik tat-trade marks ta’ kulur.

60.      F’dan il-kuntest, jekk trade mark kienet irreġistrata bħala trade mark ta’ kulur, filwaqt li għandha l-apparenza, fir-rappreżentazzjoni grafika tagħha, ta’ trade mark figurattiva, dan ikun sors ta’ konfużjoni għall-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi kompetituri. Konsegwentement ikun hemm dubju fuq il-punt dwar liema huwa l-element – it-trade mark ta’ kulur jew it-trade mark figurattiva – li huwa protett mill-fatt tar-reġistrazzjoni. Naqbel għaldaqstant mal-opinjoni tal-Kummissjoni u tal-Gvern Finlandiż li skonthom l-għan imfittex mir-rekwiżit tar-rappreżentazzjoni grafika li jinsab fl-Artikolu 2, li huwa, kif ġie ppreċiżat fis-sentenza Sieckmann (42), li l-oġġett tat-trade mark ikun jista’ jiġi ddeterminat b’mod ċar u preċiż, ma jistax għaldaqstant jintlaħaq fil-każ ta’ applikazzjoni bħalma hija dik f’dan il-każ.

61.      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 hija wkoll ikkorroborata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Shield Mark (43). Dik il-kawża kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-punt taħt liema kundizzjonijiet trade mark ta’ ħoss (44) setgħet tiġi rrappreżentata grafikament fis-sens ta’ din l-espressjoni kif użata fl-Artikolu 2 tad-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari f’dik is-sentenza li sinjal li r-rappreżentazzjoni grafika tiegħu hija kkostitwita minn noti tal-mużika jew ta’ lingwaġġ bil-miktub ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark ta’ ħoss meta, fl-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni tiegħu, l-applikant ikun nesa jippreċiża li s-sinjal inkwistjoni għandu jiġu mifhum bħala sinjal ta’ ħoss. Fil-fatt, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ simili, l-awtorità kompetenti kif ukoll il-pubbliku huma ġġustifikati jikkunsidraw, minħabba r-reġistrazzjoni tat-trade mark, li hija trade mark verbali jew figurattiva kif irrappreżentata grafikament fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (45).

62.      Għar-raġunijiet li esponejt fil-punti 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw, fil-fehma tiegħi, għal applikazzjoni għal trade mark li fil-kuntest tagħha r-rappreżentazzjoni grafika tieħu l-għamla ta’ figura, iżda fejn jiġi indikat, fil-klassifikazzjoni u d-deskrizzjoni li jakkumpanjawha, li t-trade mark hija trade mark ta’ kulur. Anki jekk is-sentenza Shield Mark tirrigwarda impreċiżjoni fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u mhux kontradizzjoni vera u proprja, il-konklużjoni li tinsab f’dik is-sentenza tapplika a fortiori f’każ ta’ kontradizzjoni (46).

63.      Jekk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddeterminaw l-oġġett eżatt ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u jekk l-applikant bi ħsiebu jitlob il-protezzjoni ta’ trade mark ta’ kulur, huwa essenzjali konsegwentement li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tkun konkordanti, jiġifieri li r-reġistrazzjoni tat-trade mark – skont ir-rappreżentazzjoni grafika tagħha, inkluż il-klassifikazzjoni tat-trade mark u d-deskrizzjoni li jakkumpanjawha – tintalab għal trade mark ta’ kulur. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li l-awtoritajiet u l-pubbliku jistgħu, minn naħa, ikunu jafu li l-applikant talab il-protezzjoni ta’ trade mark ta’ kulur u mhux ta’ trade mark figurattiva u, min-naħa l-oħra, jiddeterminaw l-oġġett eżatt tat-trade mark ta’ kulur.

64.      Nipproponi għaldaqstant li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi li trade mark tkun tista’ tiġi rreġistrata meta ma jkunx possibbli, minħabba kontradizzjonijiet fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, li jiġi stabbilit l-oġġett eżatt tal-protezzjoni li tintalab mill-applikant. Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark ta’ kulur, meta din tkun irrappreżentata grafikament bħala trade mark figurattiva.

3.      Fuq il-prassi tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali (it-tielet domanda)

65.      Nifhem it-tielet domanda fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment – f’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda u fejn ikun għaldaqstant possibbli, bħala prinċipju, li tiġi rreġistrata t-trade mark inkwistjoni bħala trade mark ta’ kulur – jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade marks ta’ kulur hijiex applikabbli għal tali trade mark u, jekk ikun il-każ, jekk il-prassi tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali hijiex konformi ma’ dik il-ġurisprudenza.

66.      Peress li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għat-tieni domanda, fil-fehma tiegħu ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għat-tieni domanda, nesponi madankollu l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin b’mod sussidjarju.

67.      Din id-domanda tirrigwarda l-evalwazzjoni, mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali, tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali jindika, fil-motivi tad-deċiżjoni tiegħu ta’ rifjut tal-applikazzjoni, li, “skont prassi stabbilita tiegħu, ma jistax jingħata dritt esklużiv għar-reġistrazzjoni ta’ kuluri partikolari jekk ma jintweriex bi provi sodi li l-kuluri mitluba kisbu karattru distintiv għall-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni minħabba użu fit-tul u importanti” (47).

68.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li jiġi eżaminat fl-ewwel lok jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-karattru distintiv tat-trade marks ta’ kulur (sentenzi Libertel (48) u Heidelberger Bauchemie (49)) hijiex applikabbli għal tali trade mark.

69.      Peress li l-kwistjoni titlaq mill-ipoteżi li t-trade mark hija trade mark ta’ kulur u li għaldaqstant huwa preżunt li l-oġġett tat-trade mark huwa kulur jew kombinazzjoni ta’ kuluri mingħajr kontorni, jeħtieġ li tingħata risposta fl-affermattiv, kif ġie indikat ukoll mill-Gvern Finlandiż u mill-Kummissjoni.

70.      Dan ifisser b’mod konkret li jeħtieġ, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark ta’ kulur, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tat-trade marks ta’ kulur. Kif semmejt fil-punti 42 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan jimplika, minn naħa, li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li trade mark ta’ kulur rarament biss ikollha karattru distintiv intrinsiku u, min-naħa l-oħra, li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess ġenerali sabiex ma tiġix ristretta indebitament id-disponibbiltà tal-kuluri għall-operaturi l-oħra (50).

71.      Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-prassi tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali hijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tat-trade marks ta’ kulur.

72.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi din il-kwistjoni b’mod finali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, it-tagħlim mislut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li esponejt fil-punti 38 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni fattwali rilevanti kollha li tirrigwarda l-prassi tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali (51).

73.      Fir-rigward tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu, għandu jiġi enfasizzat li l-Uffiċċju għandu jipproċedi b’eżami konkret u globali tal-provi li jistgħu juru li t-trade mark saret idonea sabiex tidentifika l-provenjenza tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat mingħand impriża speċifika (52). F’dan il-kuntest, mis-sentenza Oberbank jirriżulta li jkun kontra d-Direttiva 2008/95 li wieħed jibbaża biss fuq ir-riżultat ta’ stħarriġ ta’ opinjoni l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk trade mark kisbitx karattru distintiv permezz tal-użu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’din is-sentenza li, anki jekk l-istħarriġ tal-opinjoni jista’ jkun wieħed mill-provi f’dik l-evalwazzjoni, ir-riżultat ta’ tali stħarriġ ta’ opinjoni ma jistax jikkostitwixxi l-unika prova determinanti (53).

74.      Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod sussidjarju, sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula li, għalkemm issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark ta’ kulur, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark ta’ kulur li għaliha ssir l-applikazzjoni, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tat-trade marks ta’ kulur. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, trade mark ta’ kulur rarament biss ikollha karattru distintiv ab initio u li, min-naħa l-oħra, jeżisti interess ġenerali sabiex ma tiġix ristretta indebitament id-disponibbiltà tal-kuluri għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti jew servizzi tat-tip bħal dawk li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li t-trade mark ta’ kulur li għaliha saret applikazzjoni għandha karattru distintiv intrinsiku, il-prova tal-użu tat-trade mark ma hijiex neċessarja. Min-naħa l-oħra, jekk it-trade mark ta’ kulur ma jkollhiex karattru distintiv intrinsiku, ikollu jiġi vverifikat jekk hija kisbitx karattru distintiv permezz tal-użu. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jsir eżami konkret tal-provi li jistgħu juru li t-trade mark saret idonea sabiex tidentifika l-provenjenza tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat mingħand impriża determinata. Dawn il-provi għandhom, barra minn hekk, jirreferu għall-użu tat-trade mark u, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-provi segwenti jistgħu b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni: is-sehem mis-suq li għandha t-trade mark ikkonċernata, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul tal-użu ta’ dik it-trade mark, l-importanza tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha, il-proporzjon tas-setturi kkonċernati li jidentifikaw il-prodott jew is-servizz bħala wieħed li ġej minn impriża ddeterminata permezz tal-imsemmija trade mark kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħra.

V.      Konklużjoni

75.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja):

1)      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks u tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u (3) tal-imsemmija direttiva, il-kwistjoni dwar jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tintalabx għal trade mark figurattiva jew għal trade mark ta’ kulur huwa rilevanti sa fejn mill-karatteristiċi partikolari tat-trade marks ta’ kulur jirriżulta li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark ta’ kulur. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, trade mark ta’ kulur rarament biss ikollha karattru distintiv ab initio u li, min-naħa l-oħra, jeżisti interess ġenerali sabiex id-disponibbiltà tal-kuluri ma tiġix indebitament ristretta għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti jew servizzi tat-tip ta’ dawk li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni.

2)      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi li trade mark tkun tista’ tiġi rreġistrata meta ma jkunx possibbli, minħabba l-kontradizzjonijiet fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, li jiġi stabbilit l-oġġett eżatt tal-protezzjoni li tintalab mill-applikant. Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark ta’ kulur, meta din tkun irrappreżentata grafikament bħala trade mark figurattiva.


1      Lingwa oriġinali: id-Daniż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).


3      Id-Direttiva 2008/95 ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92). L-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2008/95, li tagħhom qed tintalab l-interpretazzjoni f’din il-kawża, huma fformulati b’mod identiku għall-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 89/104. Għalhekk il-ġurisprudenza relatata mad-Direttiva 89/104 hija wkoll rilevanti f’dan il-każ. Id-Direttiva 2008/95 ġiet issostitwita bid-direttiva l-ġdida dwar it-trademarks, id-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1), li fir-rigward tagħha t-terminu ta’ traspożizzjoni huwa ffissat għall‑14 ta’ Jannar 2019.


4      Fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju semmiet biss ir-rekwiżit tal-karattru distintiv li jirriżulta mill-Artikolu 2 u mill-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva, jiġifieri l-karattru distintiv imsejjaħ “intrinsiku”. Peress li l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu (Artikolu 3(3) tad-Direttiva) huwa wkoll fiċ-ċentru tat-tilwima nazzjonali li tat lok għad-domanda preliminari, peress li Oy Hartwall sostniet li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandha kemm karattru distintiv intrinsiku kif ukoll karattru distintiv miksub permezz tal-użu, jien inkludejt ukoll l-Artikolu 3(3) fir-risposta tiegħi.


5      Ara l-punti 10 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


6      Bl-istess mod, jirriżulta biss mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-qorti tar-rinviju għandha, f’dan il-każ, tiddeċiedi jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni “rrappreżentata fl-għamla ta’ disinn ta’ kulur għandha tkun irreġistrata bħala trade mark ta’ kulur”.


7      Dan jista’ jiġi dedott mill-fatt li – anki jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark intalbet bħala trade mark ta’ kulur – mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Oy Hartwall issostni, minn naħa, li hija ma talbitx biss il-protezzjoni “għall-kuluri blu u griżi fl-għamliet kollha immaġinabbli” u, min-naħa l-oħra, li “l-protezzjoni tat-trade mark hija mitluba biss għar-rappreżentazzjoni grafika kif tirriżulta fl-applikazzjoni għat-trade mark, u mhux għall-varjazzjoni infinita tal-kuluri li hija fiha”.


8      Il-fatt li s-sinjali elenkati fl-Artikolu 2 ma jikkostitwixxux eżempji, u li għaldaqstant il-lista ma hijiex eżawrjenti, ma huwiex ikkorroborat biss bil-formulazzjoni tal-Artikolu 2, iżda wkoll bil-premessa 8 tad-Direttiva. Din il-premessa tiddikjara li “[g]ħal dan l-iskop, huwa meħtieġ li jkunu elenkati eżempji ta’ sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark, sakemm dawn is-sinjali jkunu kapaċi jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra”. L-Artikolu 2 tad-Direttiva jinkludi l-lista ta’ eżempji msemmija fil-premessa 8.


9      Nirrileva li l-kuluri jissemmew b’mod espliċitu bħala eżempju ta’ trade mark fl-Artikolu 3 tad-direttiva l-ġdida dwar it-trade marks, id-Direttiva 2015/2436.


10      Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244).


11      Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C-49/02, EU:C:2004:384).


12      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dawn is-sentenzi li trade mark ta’ kulur għandha, għal dan il-għan, tissodisfa tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, hija għandha tikkostitwixxi sinjal. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li fil-qasam tal-kummerċ, il-kuluri jintużaw ġeneralment għas-setgħa attraenti jew dekorattiva tagħhom, mingħajr ma jagħtu sinjifikat kwalunkwe, iżda li ma jistax jiġi eskluż li l-kuluri jew il-kombinazzjoni ta’ kuluri jkun jistgħu, fir-rigward ta’ prodott jew servizz, jikkostitwixxu sinjal (ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 27, u tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 23). It-tieni nett, dan is-sinjal għandu jkun jista’ jiġi rrappreżentat b’mod grafiku. It-tielet nett, dan is-sinjal għandu jkun jista’ jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 23, u tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 22). Għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dawn l-aħħar żewġ kundizzjonijiet għat-trade marks ta’ kulur, nirreferi għar-risposta li ser nagħti lid-domandi preliminari f’dawn il-konklużjonijiet, li tirrigwarda preċiżament dawn il-kundizzjonijiet.


13      Ara, pereżempju, il-punti 14 u 21 tas-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244), li jiddeskrivu trade mark ta’ kulur bħala kulur fih innifsu, mingħajr limitazzjoni fl-ispazju, u l-punt 15 tas-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C-49/02, EU:C:2004:384), li jsemmi l-kuluri jew kombinazzjoni ta’ kuluri indikati b’mod astratt u mingħajr kontorn. Din l-istess definizzjoni tintuża wkoll għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea (ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/626, tal‑5 ta’ Marzu 2018, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1431, (ĠU 2018, L 104, p. 37). Dan ir-regolament, li japplika għar-reġistrazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea sa mill‑14 ta’ Mejju 2018 konformement mal-Artikolu 39(2) tiegħu, jiddeskrivi, fl-Artikolu 3(3)(f), trade mark ta’ kulur bħala trade mark li jikkonsisti esklużivament f’kulur wieħed mingħajr kontorni jew f’kombinazzjoni ta’ kuluri mingħajr kontorni.


14      Sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Louboutin u Christian Louboutin (C‑163/16, EU:C:2018:423).


15      Sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Louboutin u Christian Louboutin (C‑163/16, EU:C:2018:423, punti 7 sa 10).


16      Sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Louboutin u Christian Louboutin (C‑163/16, EU:C:2018:423, punt 24).


17      Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 54).


18      Ara, f’dan is-sens, id-definizzjoni tat-trade marks figurattivi fl-Artikolu 3(3)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2018/626, li skontha trade mark figurattiva hija trade mark li tuża karattri, stilizzazzjoni jew arranġament mhux standard, jew riproduzzjoni grafika jew kulur, inklużi l-marki komposti esklużivament minn elementi figurattivi jew ta’ taħlita ta’ elementi verbali u figurattivi.


19      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Oberbank (C‑217/13 u C‑218/13, EU:C:2014:2012, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI (C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Oberbank (C‑217/13 u C‑218/13, EU:C:2014:2012, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Oberbank (C‑217/13 u C‑218/13, EU:C:2014:2012, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Oberbank (C‑217/13 u C‑218/13, EU:C:2014:2012, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Oberbank (C‑217/13 u C‑218/13, EU:C:2014:2012, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Oberbank (C‑217/13 u C‑218/13, EU:C:2014:2012, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 66), u tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 39).


27      Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 65), u tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 38).


28      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punti 54 sa 59).


29      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 60).


30      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies mod KHIM (C‑311/11 P, EU:C:2012:460, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑9 ta’ Settembru 2010, UASI vs BORCO-Marken-Import Matthiesen (C‑265/09 P, EU:C:2010:508, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2010, UASI vs BORCO-Marken-Import Matthiesen (C‑265/09 P, EU:C:2010:508, punt 37).


32      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748, punti 48 sa 55), u tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 29).


33      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748, punt 47).


34      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748, punti 50 u 51). Ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384, punti 26 sa 30).


35      Nirrileva li r-rekwiżit tar-rappreżentazzjoni grafika lanqas ma tidher iżjed fid-direttiva l-ġdida dwar it-trade marks, id-Direttiva 2015/2436. L-Artikolu 3(b) ta’ din id-direttiva, li jikkonċerna l-punt dwar liema sinjali jistgħu jikkostitwixxu trade mark u li jikkorrispondi għall-Artikolu 2 tad-direttiva preżenti, jipprovdi issa li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għandu jiġi rrappreżentat fir-reġistru tat-trade marks b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-pubbliku jiddetermina preċiżament u b’mod ċar l-oġġett li jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju tagħhom. Ir-raġuni ta’ din l-emenda hija indikata fil-premessa 13 tad-Direttiva. Din tal-aħħar tiddikjara li – sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet tas-sistema ta’ reġistrazzjoni għat-trade marks, jiġifieri li jiżguraw ċertezza legali u amministrazzjoni soda – huwa essenzjali li jkun meħtieġ li s-sinjal ikun kapaċi jiġi rappreżentat b’mod ċar, preċiż, komplut fih innifsu, faċilment aċċessibbli, intelliġibbli, durabbli u oġġettiv. Jissemma wkoll li sinjal, għaldaqstant, għandu jkun jista’ jiġi rrappreżentat fi kwalunkwe forma xierqa bl-użu ta’ teknoloġija ġeneralment disponibbli, u għaldaqstant mhux bilfors permezz ta’ mezzi grafiċi, mill-mument li din ir-rappreżentazzjoni toffri garanziji sodisfaċenti għal dak il-għan.


36      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punti 31 sa 37).


37      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 33).


38      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 34).


39      Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244).


40      Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384).


41      Sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Louboutin u Christian Louboutin (C‑163/16, EU:C:2018:423).


42      Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748, punti 48 sa 51).


43      Sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2003, Shield Mark (C‑283/01, EU:C:2003:641).


44      Trade mark ta’ ħoss hija trade mark li hija komposta kompletament minn ħoss jew kombinazzjoni ta’ ħsejjes (ara, pereżempju, id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(3)(g) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2018/626).


45      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2003, Shield Mark (C‑283/01, EU:C:2003:641, punt 58).


46      Ser niċċita wkoll, fuq dan is-suġġett, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Seven Towns vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ seba’ kwadri ta’ kuluri differenti) (T‑293/10, EU:T:2012:302). F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali sostniet li trade mark tal-Unjoni Ewropea ma setgħetx tiġi rreġistrata bħala trade mark ta’ kulur, peress li t-trade mark kienet ġiet irrappreżentata grafikament mhux bħala trade mark ta’ kulur, iżda bħala trade mark figurattiva jew trade mark tridimensjonali. Fiha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li f’dan il-każ kien hemm kontradizzjoni inerenti f’dak li jikkonċerna n-natura vera tas-sinjal inkwistjoni, li kienet tipprekludi r-reġistrazzjoni tiegħu (ara l-punt 66 tas-sentenza).


47      Ara, fuq dan is-suġġett, il-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244).


49      Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384).


50      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punti 60, 65 u 66).


51      Nippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex hija stess din l-informazzjoni.


52      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Oberbank (C‑217/13 u C‑218/13, EU:C:2014:2012, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


53      Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Oberbank (C‑217/13 u C‑218/13, EU:C:2014:2012, punt 48).