Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fis-7 ta’ Settembru 2018 - LH vs Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal

(Kawża C-564/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LH

Konvenut: Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet dwar applikazzjonijiet inammissibbli tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32/UE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (iktar ʼil quddiem “id-Direttiva dwar proċeduri”) jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha applikazzjoni hija inammissibbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil meta l-applikant ikun wasal f’dak l-Istat Membru, l-Ungerija, minn pajjiż fejn ma kienx espost għal persekuzzjoni jew għal riskju ta’ dannu serju, jew fejn huwa ggarantit livell adegwat ta’ protezzjoni?

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar proċeduri – meta jitqiesu wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem –għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru hija konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet meta tipprevedi terminu obbligatorju ta’ tmient’ijiem għall-proċedura ġudizzjarja amministrattiva fir-rigward tal-applikazzjonijiet iddikjarati inammissibbli fil-proċeduri ta’ ażil?

____________

1 Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).