Language of document :

Appell ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2018 mill-Parlament Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-17 ta’ Mejju 2018 fil-Kawża T-566/16 – Josefsson vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-506/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Parlament Ewropew (rappreżentati: Í. Ní Riagáin Düro, V. Montebello-Demogeot, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Erik Josefsson

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentena appellata;

konsegwentement, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-partijiet ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom f’din il-kawża;

tikkundanna lil E. Josefsson ibati l-ispejjeż tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-appell tiegħu, il-Parlament jibbaża fuq il-motivi li ġejjin:

żball ta’ liġi, distorsjoni tal-fatti u nuqqas ta’ motivazzjoni meta ġie deċiż li r-rekwiżit ta’ kwalifika fil-liġi kien ir-raġuni tat-tkeċċija tar-rikorrent;

żball ta’ liġi, meta ġie deċiż li l-adozzjoni ta’ organigramma u d-deċiżjonijiet relatati magħha u d-deskrizzjoni tal-pożizzjonijiet fiha għandhom ikunu suġġetti għad-dritt għal smigħ tar-rikorrent;

distorsjoni tal-fatti, żball manifest ta’ evalwazzjoni u assenza ta’ motivazzjoni fil-konklużjoni li, kieku r-rikorrent kien instema’ wkoll dwar il-kwistjoni tal-pussess tiegħu ta’ kwalifika fil-liġi, dik is-seduta kienet effettivament tbiddel il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni inkwistjoni.

____________