Language of document : ECLI:EU:C:2018:1019

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mogħtija mill-Istati – Artikolu 107(1) TFUE – Artikolu 108(3) TFUE – Organi tax-xandir pubbliku – Finanzjament – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lill-adulti kollha li għandhom akkomodazzjoni fit-territorju nazzjonali jħallsu kontribuzzjoni lill-impriżi tax-xandir pubbliku”

Fil-Kawża C-492/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Tübingen (il-Qorti Reġjonali ta’ Tübingen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Südwestrundfunk

vs

Tilo Rittinger,

Patrick Wolter,

Harald Zastera,

Dagmar Fahner,

Layla Sofan,

Marc Schulte,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe (Relatur), C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Südwestrundfunk, minn H. Kube, Hochschullehrer,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, H. Shev, C. Meyer-Seitz, L. Zettergren u A. Alriksson, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Blanck-Putz, K. Herrmann u C. Valero kif ukoll minn G. Braun, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49, 107 u 108 TFUE, tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Südwestrundfunk (iktar ’il quddiem “SWR”), organu reġjonali tad-dritt pubbliku tax-xandir, u Tilo Rittinger, Patrick Wolter, Harald Zastera, Marc Schulte kif ukoll Layla Sofan u Dagmar Fahner, dwar titoli eżekuttivi maħruġa minn SWR għall-ġbir mingħand dawn tal-aħħar tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva li ma ħallsux.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kien jipprovdi li:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

a)      ‘għajnuna’ għandha tfisser kull miżura li taderixxi l-kriterja kollha mqiegħda fl-Artikolu [107](1) tat-Trattat;

b)      ‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

i)      […] l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

ii)      għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[…]

ċ)      ‘għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

[…]”

4        Ir-Regolament Nru 659/1999 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015,L 248, p. 9). Dan ir-regolament jinkludi l-istess definizzjonijiet bħal dawk iċċitati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

 Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004

5        L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4 p. 3), intitolat “Proċeduri simplifikati ta’ notifikazzjoni għal ċerti alterazzjonijiet għal għajnuna eżistenti”, jipprovdi:

“1.      Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Iżda żieda fl-estimi oriġinali ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20 % m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti.

2.      L-alterazzjonijiet li ġejjin għall-għajnuna eżistenti għandhom jiġu notifikati fuq il-formola simplifikata ta’ notifikazzjoni preskritta fl-Anness II:

a)      żieda fl-estimi ta’ skema awtorizzata għall-għajnuna li teċċedi l-20 %;

b)      it-tiġdid ta’ skema eżistenti awtorizzata sa massimu ta’ sitt snin, b’żieda fl-estimi jew mingħajra;

c)      l-issikkar ta’ ċerti kriterji għall-applikazzjoni ta’ skema awtorizzata ta’ għajnuna, tnaqqis fl-intensità ta’ l-għajnuna jew tnaqqis fl-ispejjeż eliġibbli;

Il-Kummissjoni għandha tuża l-aħjar tentattivi tagħha biex tieħu deċiżjoni dwar xi għajnuna notifikata fuq il-formola simplifikata ta’ notifikazzjoni fi żmien perjodu ta’ xahar.

[…]”

 Id-dritt Ġermaniż

6        Fil-31 ta’ Awwissu 1991, il-Länder ikkonkludew l-iStaatsvertrag für Rundfunk und Telemedien (il-Ftehim tal-Istat dwar ix-xandir u l-mezzi telematiċi (GBI. 1991, p. 745), emendat fl-aħħar lok mid-19. Rundfunkänderungsstaatsvertrag (id-19-il Ftehim tal-Istat ta’ modifika), tat-3 ta’ Diċembru 2015 (GBI. 2016, p. 126) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal-Istat dwar ix-xandir”). L-Artikolu 12 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Allokazzjoni finanzjarja xierqa, prinċipju ta’ aġġustament finanzjarju”, huwa fformultat kif ġej:

“(1)      L-allokazzjoni finanzjarja għandha tippermetti lis-servizz pubbliku tax-xandir li jiggarantixxi l-missjonijiet tiegħu kif iddefiniti mill-kostituzzjoni u l-liġi; hija għandha b’mod partikolari tiggarantixxi ż-żamma u l-iżvilupp tas-servizz pubbliku tax-xandir.

(2)      Il-prinċipju ta’ aġġustament finanzjarju bejn l-organi reġjonali tax-xandir jagħmel parti integrali mill-iskema ta’ finanzjament tal-[Arbeitsgemeinschaft der öffentlichrechtlichen Rundfunkanstalten der Bundesrepublik Deutschland (ARD)]; huwa jiggarantixxi b’mod partikolari li l-organi Saarländischer Rundfunk (Xandir ta’ Saar) u Radio Bremen (Radju Bremen) ikunu jistgħu jiggarantixxu l-missjonijiet tagħhom b’mod xieraq. Il-parti suġġetta għall-aġġustament finanzjarju u l-aġġustament għall-kontribuzzjoni awdjoviżiva huma ddefiniti mir-Rundfunkfinanzierungsstaatsvertrag (il-Ftehim tal-Istat dwar il-Finanzjament tax-Xandir).”

7        Skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim tal-Istat dwar ix-Xandir, intitolat “Finanzjament”:

“Is-servizz pubbliku tax-xandir huwa ffinanzjat grazzi għall-kontribuzzjoni awdjoviżiva, għad-dħul mir-reklamar u dħul ieħor; is-sors prinċipali ta’ finanzjament huwa magħmul mill-kontribuzzjoni awdjoviżiva. Fil-kuntest tal-missjoni tiegħu, is-servizz pubbliku tax-xandir ma jistax jipproponi programmi jew offerti bi ħlas; […]”

8        L-Artikolu 14 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Bżonnijiet ta’ finanzjament tas-servizz pubbliku tax-xandir”, jipprovdi:

“(1) Il-bżonnijiet ta’ finanzjament tas-servizz pubbliku tax-xandir huma eżaminati u ddeterminati b’mod regolari skont il-prinċipji ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza, fid-dawl ukoll tal-possibbiltajiet ta’ razzjonalizzazzjoni, abbażi tal-bżonnijiet iddikkjarati mill-organi reġjonali tax-xandir miġbura taħt l-ARD, iż-[Zweites Deutsches Fernsehen (ZDF)] u l-organu tad-dritt pubbliku “Deutschlandradio”, mill-unabhängige Kommission zur Überprüfung und Ermittlung des Finanzbedarfs der Rundfunkanstalten (il-Kummissjoni indipendenti ta’ kontroll u ta’ evalwazzjoni tal-bżonnijiet finanzjarji tal-organi tax-xandir).

(2)      Il-bżonnijiet finanzjarji huma eżaminati u evalwati b’mod partikolari abbażi tal-elementi segwenti:

1.      il-manutenzjoni kompetittiva tal-programmi tax-xandir eżistenti u tal-programmi televiżivi tal-Länder kollha awtorizzati mill-Ftehim tal-Istat (bżonnijiet marbuta mal-mununtenzjoni),

2.      il-programmi l-ġodda tax-xandir awtorizzati skont id-dritt tal-Länder, tal-parteċipazzjoni għall-possibbiltajiet tekniċi ġodda tax-xandir fil-produzzjoni u għall-finijiet tax-xandir tal-programmi awdjoviżivi kif ukoll il-possibbiltà li jiġu organizzati forom ġodda ta’ xandir (bżonnijiet marbuta mal-iżvilupp),

3.      l-evoluzzjoni tal-ispejjeż b’mod ġenerali u l-iżvilupp tal-ispejjeż proprja tas-settur tal-mezzi,

4.      l-evoluzzjoni tad-dħul mill-kontribuzzjoni, id-dħul mir-reklamar u dħul ieħor,

5.      l-allokazzjoni, ir-remunerazzjoni u l-użu konformi tal-bilanċ li jibqa’ meta l-ammont globali tad-dħul imwettqa mill-organi tax-xandir reġjonali miġbura fi ħdan l-ARD, ZDF jew Deutschlandradio jkun superjuri għall-ispejjeż magħmula fit-twettiq tal-missjoni tagħhom.

[…]

(4)      Il-kontribuzzjoni hija stabbilita minn ftehim tal-Istat”.

9        Il-Land ta’ Bade-Wurtemberg (il-Ġermanja), permezz tal-baden-württembergisches Gesetz zur Geltung des Rundfunkbeitragsstaatsvertrags (il-Liġi tal-Bade-Wurtemberg, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim tal-Istat dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva), tat-18 ta’ Ottubru 2011, kif emendata fl-aħħar lok bl-Artikolu 4 tad-19-il Ftehim tal-Istat ta’ modifika, tat-3 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva”), implementa l-Ftehim tal-Istat dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva li ppreveda l-abbandun tat-taxxa preċedenti fil-31 ta’ Diċembru 2012 favur din il-kontribuzzjoni. Din il-liġi tesponi l-iskema ta’ ġbir ta’ din il-kontribuzzjoni, li l-ħlas tagħha sar obbligatorju għall-persuni taxxabbli suġġetti għaliha fl-1 ta’ Jannar 2013. Hija tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha:

“L-iskop tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva huwa li jiġi żgurat il-finanzjament xieraq tas-servizz pubbliku tax-xandir, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tal-Ftehim dwar ix-xandir u tal-missjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 40 ta’ dak l-istess ftehim”.

10      L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva, intitolat “Kontribuzzjoni awdjoviżiva mħallsa fis-settur privat”, jipprovdi:

“(1)      Fis-settur privat, kull akkomodazzjoni għandha tħallas kontribuzzjoni awdjoviżiva mill-possessur tagħha (il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni).

(2)      Possessur ta’ akkomodazzjoni tfisser kwalunkwe persuna maġġorenni li tgħix fiha. Titqies possessur tal-akkomodazzjoni kull persuna li:

1.      tiddikjara l-indirizz tagħha f’dik l-akkomodazzjoni b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni, jew

2.      hija mniżżla bħala kerrej f’kuntratt ta’ kiri relatat ma’ dik l-akkomodazzjoni.

[…]

(3)      Jekk diversi persuni huma responsabbli għall-ħlas tal-istess kontribuzzjoni, huma debituri in solidum skont l-Artikolu 44 tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxi). […]

(4)      Il-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma hijiex dovuta mill-persuni responsabbli għall-ħlas li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 2 tal-Gesetz zu dem Wiener Übereinkommen vom 18. April 1961 über diplomatische Beziehungen (il-Liġi dwar il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tat-18 ta’ April 1961 dwar ir-relazzjonijiet diplomatiċi), tas-6 ta’ Awwissu 1964 (BGBl. 1964 II p. 957) jew dispożizzjonijiet oħra ekwivalenti, jibbenefikaw minn privileġġi.”

11      Skont l-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva:

“(1)      Id-dħul mill-kontribuzzjoni awdjoviżiva imur għand l-organu reġjonali tax-xandir u, skont il-miżura ddefinita fir-Rundfunkfinanzierungsstaatsvertrag (il-Ftehim dwar il-Finanzjament tax-Xandir), għand iż-[ZDF], Deutschlandradio kif ukoll għand il-Landesmedienanstalt (l-organu reġjonali tal-mezzi), li minnu jiddependi l-post ta’ fejn tinsab l-akkomodazzjoni jew il-post tal-persuna responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni jew tal-post tar-reġistrazzjoni tal-vettura.

[…]

(5)      L-ammont tad-debiti awdjoviżivi li ma humiex imħallsin għandu jiġi ffissat mill-organu reġjonali tax-xandir kompetenti. […]

(6)      Il-kalkoli maħruġa minn debiti li ma humiex imħallsin isiru effettivi permezz tal-proċedura ta’ infurzar amministrattiva. […]

(7)      Kull organu reġjonali tax-xandir għandu jassumi l-missjonijiet fdati lilu skont dan il-Ftehim tal-Istat kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi marbuta miegħu kollu jew f’parti permezz tas-servizz tal-organi pubbliċi reġjonali tax-xandir mogħti fil-kuntest ta’ ġbir ta’ ġestjoni tad-dritt pubbliku li ma għandux kapaċità ġuridika. L-organu reġjonali tax-xandir jista’ jafda lil partijiet terzi diversi attivitajiet marbuta mal-ġbir tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva u mal-identifikazzjoni tal-persuni responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni, li huwa jiddefinixxi l-modalitajiet tagħha permezz ta’ regolament skont l-Artikolu 9(2) […]”.

12      Peress li l-modalitajiet għall-ġbir amministrattiv (“Beitreibung”) jaqgħu ukoll taħt il-ġurisdizzjoni tal-Länder, il-Land ta’ Bade-Wurtemberg adotta, f’dan ir-rigward, fit-12 ta’ Marzu 1974, il-Verwaltungsvollstreckungsgesetz für Baden-Württemberg, Landesverwaltungsvollstreckungsgesetz (il-Liġi ta’ Bade-Wurtemberg dwar l-eżekuzzjoni amministrattiva).

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

13      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma persuni responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva (ir-“Rundfunkbeitrag”) li ma ħallsux, parzjalment jew totalment, din il-kontribuzzjoni.

14      Fl-2015 u l-2016, SWR, l-organu reġjonali tax-xandir kompetenti, bagħat lid-debituri ta’ din il-kontribuzzjoni titoli eżekuttivi sabiex jirkupra l-ammonti mhux imħallsa għall-perijodu bejn Jannar 2013 u l-aħħar tas-sena 2016.

15      Peress li d-debituri ta’ din il-kontribuzzjoni baqgħu ma ħallsuhiex, SWR, abbażi ta’ dawn it-titoli għaddiet għall-ġbir forzat ta’ dan id-dejn.

16      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn id-debituri ppreżentaw rikors quddiem il-qorti territorjalment kompetenti fil-konfronti tagħhom, jiġifieri l-Amtsgericht Reutlingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Reutlingen, il-Ġermanja), l-Amtsgericht Tübingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Tübingen, il-Ġermanja) u l-Amtsgericht Calw (il-Qorti Distrettwali ta’ Calw, il-Ġermanja), kontra l-proċedura ta’ ġbir li tikkonċernahom.

17      L-Amtsgericht Tübingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Tübingen) laqgħet it-tliet rikorsi ppreżentati quddiemha mid-debituri kkonċernati. Ir-rikorsi ppreżentati quddiem l-Amtsgericht Reutlingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Reutlingen) u l-Amtsgericht Calw (il-Qorti Distrettwali ta’ Calw) min-naħa tagħhom, ġew miċħuda.

18      Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-partijiet li r-rikorsi tagħhom ġew miċħuda appellaw, quddiem il-qorti tar-rinviju, id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda li jikkonċernawhom.

19      Din il-qorti, li għaqqdet il-kawżi flimkien, tindika li t-tilwimiet fil-kawża prinċipali jirrigwardaw, essenzjalment, kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt ta’ eżekuzzjoni ta’ debiti mhux imħallsa, iżda li dawn il-kwistjonijiet huma marbuta mill-viċin mad-dispożizzjonijiet ta’ dritt sostantiv applikabbli.

20      Il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.

21      L-ewwel nett, din il-qorti tindika li x-xandir pubbliku Ġermaniż huwa parzjalment iffinanzjat mill-kontribuzzjoni awdjoviżiva. Din il-kontribuzzjoni għandha, fil-prinċipju, titħallas taħt piena ta’ multa minn kull persuna maġġorenni li tgħix fil-Ġermanja u tingħata, fil-Land ta’ Bade-Wurtemberg, b’mod partikolari lix-xandara pubbliċi SWR u ZDF. L-imsemmija kontribuzzjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE favur dawn ix-xandara li kellha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE.

22      F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tenfasizza li t-taxxa awdjoviżiva preċedenti, li kienet dovuta abbażi tal-pussess ta’ riċevitur, ġiet sostanzjalment emendata fl-1 ta’ Jannar 2013 wara d-dħul fis-seħħ tal-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva, u issa hija dovuta minn kull detentur ta’ akkomodazzjoni. Hija tfakkar li l-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku Ġermaniż kienet ġiet evalwata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti fl-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 108(1) TFUE. F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ April 2007, [C(2007) 1761 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat E 3/2005 (ex CP 2/2003, CP 232/2002, CP 43/2003, CP 243/2004 u CP 195/2004) – Die Finanzierung der öffentlichen-rechtlichen Rundfunkanstalten in Deutschland (ARD/ZDF)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007”), relatata ma’ din l-iskema, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-taxxa tax-xandir kellha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, minħabba modifiki essenzjali li saru mil-liġi dwar kontribuzzjoni awdjoviżiva għall-finanzjament tax-xandir, l-iskema l-ġdida ta’ finanzjament kellha tiġi nnotifikata. Apparti dan, l-għajnuna mill-Istat li tirriżulta minnha ma hijiex kompatibbli mas-suq intern, b’applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE.

23      It-tieni nett, il-kontribuzzjoni awdjoviżiva hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, sa fejn id-dħul ta’ din il-kontribuzzjoni jservi sabiex jiffinanzja l-implementazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ trażmissjoni diġitali terrestri, jiġifieri d-DVB-T 2, li ma huwiex previst li tista’ tintuża minn xandara barranin. Għall-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni hija paragunabbli ma’ dik tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-544/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:584), dwar il-passaġġ mit-teknoloġija ta’ trażmissjoni analoġika għal dik ta’ trażmissjoni diġitali.

24      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha fil-verità titqabbel ma’ taxxa imposta bi skop (“Zwecksteuer”). Il-fatt li t-taxxa awdjoviżiva li kienet imposta qabel ġiet mibdula b’kontribuzzjoni awdjoviżiva ta’ natura personali jikkostitwixxi modifika essenzjali tas-sistema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku. Għalhekk, b’differenza mis-sistema ta’ finanzjament preċedenti, il-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni ma jagħtix lok għal kontroparti individwali għall-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni. Il-popolazzjoni kollha ta’ età maġġuri li għandhom akkomodazzjoni fil-Ġermanja jipparteċipaw b’hekk għall-finanzjament tas-servizz tax-xandir pubbliku, l-istess bħal fil-qasam fiskali. Dan huwa finanzjament maġġoritarju tal-Istat, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C-337/06, EU:C:2007:786). L-iskema attwali ta’ kontribuzzjoni tikkostitwixxi għalhekk għajnuna illegali intiża għall-introduzzjoni tas-sistema DVB-T 2, iffinanzjata minn din it-taxxa.

25      It-tielet nett, ix-xandara pubbliċi jibbenefikaw, grazzi għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, minn serje ta’ vantaġġi li ma għandhomx ix-xandara privati, li jikkonsistu f’vantaġġ ekonomiku u, fid-dawl tan-natura ġenerali tal-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva, f’għajnuna mill-Istat. Dawn il-vantaġġi jinsabu b’mod partikolari fid-dispożizzjonijiet derogatorji tad-dritt komuni li jippermettu lix-xandara pubbliċi joħorġu huma stess it-titoli eżekuttivi neċessarji għall-eżekuzzjoni forzata tad-debiti. Dan il-mod ta’ ħruġ tat-titoli eżekuttivi huwa iktar rapidu, eħfef u inqas oneruż mir-rikors għal proċedura ġudizzjarja ta’ rkupru tad-debiti. Barra minn hekk, jiġġenera inkonvenjenti għall-utenti peress li l-possibbiltajiet għal dawn tal-aħħar li jippreżentaw rikors u talba għal stħarriġ ġudizzjarju qabel il-ħruġ tat-titolu eżekuttiv u l-eżekuzzjoni huma esklużi jew estremament diffiċli.

26      Ir-raba’ nett, il-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 u 3 tagħha, jimminaw il-libertà ta’ informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta u fl-Artikolu 10 tal-KEDB. Il-kontribuzzjoni awdjoviżiva hija volontarjament maħsuba bħala ostakolu għall-aċċess għal kull forma ta’ informazzjoni mxandra permezz ta’ satellita, bil-kejbil jew permezz ta’ network ta’ telefonija mobbli. Il-kontribuzzjoni awdjoviżiva hija dovuta minn individwu indipendentement mill-fatt jekk dan jipprofittax effettivament mill-programmi tax-xandara pubbliċi.

27      Il-ħames nett, skont il-qorti tar-rinviju, il-kontribuzzjoni awdjoviżiva hija kuntrarja għal-libertà ta’ stabbiliment. Hija timmina wkoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u toħloq diskriminazzjoni fil-konfronti tan-nisa. F’dan l-aħħar rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li din il-kontribuzzjoni hija dovuta għal kull akkomodazzjoni, indipendentement min-numru ta’ persuni li joqogħdu fiha, b’tali mod li l-ammont tal-imsemmija kontribuzzjoni li għandha titħallas għal kull persuna maġġuri jvarja b’mod konsiderevoli skont in-numru ta’ persuni li jifformaw il-household. Il-ġenituri iżolati, li huma fil-parti l-kbira nisa, huma f’pożizzjoni inqas favorevoli meta mqabbla ma’ adulti li joqogħdu f’kollokazzjoni.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Tübingen (il-Qorti Reġjonali ta’ Tübingen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-[Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva] hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, peress li l-kontribuzzjoni stabbilita minn dan it-test u li għandha fil-prinċipju titħallas mingħajr eċċezzjoni minn kull adult li jirrisjedi fil-Land Ġermaniż ta’ Baden-Württemberg favur l-organi tax-xandir SWR u ZDF tikkostitwixxi għajnuna preferenzjali li tikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea, sa fejn din tagħti esklużivament vantaġġ lil dawn l-organi pubbliċi tax-xandir meta mqabbla ma’ organi tax-xandir privati? L-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li din il-liġi li tikkonċerna l-kontribuzzjoni awdjoviżiva kellha tiġi approvata mill-Kummissjoni u li, fin-nuqqas ta’ tali approvazzjoni, hija ineffettiva?

2)      L-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpetati fis-sens li japplikaw għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-[Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva] li jipprevedu li kull adult residenti f’Baden-Württemberg għandu fil-prinċipju jħallas mingħajr eċċezzjoni kontribuzzjoni esklużivament favur xandara uffiċjali/tas-servizz pubbliku, peress li din il-kontribuzzjoni tinkludi għajnuna preferenzjali li tikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea bl-effett li xandara minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea huma esklużi minħabba raġunijiet tekniċi, għaliex il-kontribuzzjonijiet jintużaw sabiex jiġi stabbilit metodu ta’ trażmissjoni kompetittiv (DVB-T 2 – monopolju), li l-użu tiegħu minn xandara barranin ma huwiex previst? L-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpetati fis-sens li dawn ma japplikawx biss għal għajnuna finanzjarja diretta, iżda wkoll għal privileġġi b’rilevanza ekonomika (awtorizzazzjoni sabiex jinħareġ titolu eżekuttiv, setgħa li tittieħed azzjoni kemm inkwantu impriża ekonomika kif ukoll bħala awtorità pubblika, pożizzjoni aħjar sabiex jiġi kkalkolat id-dejn?)

3)      Huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-projbizzjoni ta’ għajnuna preferenzjali jekk, permezz ta’ liġi nazzjonali tal-Baden-Württemberg, xandar Ġermaniż, li huwa rregolat mid-dritt pubbliku u li huwa stabbilit bħala awtorità, li jikkompeti fl-istess ħin fis-suq tar-reklamar ma’ xandara privati, ikun f’pożizzjoni privileġġata fil-konfront tagħhom, peress li huwa, b’mod differenti minnhom, ma għandux jadixxi qorti ordinarja rigward kreditu fil-konfront ta’ spettaturi sabiex ikun jista’ jimplementa eżekuzzjoni forzata, iżda jkun jista’ huwa stess joħroġ titolu eżekuttiv, mingħajr il-bżonn li jadixxi qorti, li jawtorizzah bl-istess mod li jipproċedi fir-rigward ta’ eżekuzzjoni forzata?

4)      Huwa kompatibbli mal-Artikolu 10 tal-KEDB/l-Artikolu 11 tal-Karta […] li Stat Membru jipprevedi f’liġi nazzjonali ta’ Baden-Württemberg, li xandar, li huwa stabbilit bħala awtorità pubblika, jista’ jeħtieġ taħt piena ta’ multa l-ħlas ta’ kontribuzzjoni intiża għall-finanzjament ta’ dan ix-xandar minn kull adult residenti fit-territorju tax-xandir, indipendentement minn jekk dan għandux kwalunkwe tagħmir ta’ riċezzjoni jew jużax biss xandara oħra, jiġifieri dawk barranin jew privati?

5)      Il-[Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva], b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tagħha, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jekk il-kontribuzzjoni li għandha titħallas mingħajr eċċezzjoni minn kull resident għall-finanzjament ta’ xandar li huwa rregolat mid-dritt pubbliku ser tkun, fil-każ ta’ ġenitur li jrabbi wliedu waħdu, ta’ ammont per capita ħafna iktar mill-ammont dovut minn membru ta’ grupp li jaqsam residenza? Id-[Direttiva 2004/113] għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tirreferi wkoll għall-kontribuzzjoni kkontestata u li diskriminazzjoni indiretta hija suffiċjenti meta, fil-verità, il-persuni hekk żvantaġġati huma 90 % nisa?

6)      Il-[Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva], b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tagħha, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jekk il-kontribuzzjoni li għandha titħallas mingħajr eċċezzjoni minn kull resident għall-finanzjament ta’ xandar irregolat mid-dritt pubbliku hija, fil-każ ta’ persuni li jeħtieġu t-tieni residenza għal raġunijiet professjonali, ta’ ammont li huwa darbtejn ogħla minn dak għal persuni li jeżerċitaw attività professjonali oħra?

7)      Il-[Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva], b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tagħha, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u mal-libertà ta’ stabbiliment stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, jekk il-kontribuzzjoni li għandha titħallas mingħajr eċċezzjoni minn kull resident għall-finanzjament ta’ xandar li huwa rregolat mid-dritt pubbliku hija mfassla, fir-rigward tal-individwi, b’tali mod li, bl-istess possibbiltajiet ta’ riċezzjoni, persuna Ġermaniża li tirrisjedi immedjatament qabel il-fruntiera ma’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jmiss mal-Ġermanja għandha tħallas il-kontribuzzjoni kontenzjuża esklużivament skont fejn tinsab ir-residenza tagħha, filwaqt li persuna Ġermaniża li tirrisjedi immedjatament wara tali fruntiera ma għandhiex tħallas din il-kontribuzzjoni, bl-istess mod bħal ċittadin tal-Unjoni Ewropea li huwa barrani u li, minħabba raġunijiet professjonali, jirrisjedi immedjatament wara tali fruntiera interna tal-Unjoni għandu jħallas il-kontribuzzjoni, li ma huwiex il-każ, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni li jgħix immedjatament qabel il-fruntiera, anki meta t-tnejn li huma ma għandhomx interess li jkollhom riċezzjoni mix-xandar Ġermaniż?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

29      SWR issostni li skont ir-regoli proċedurali nazzjonali rilevanti, l-imħallef li għamel ir-rinviju, li huwa mħallef wieħed, kellu jittrażmetti l-proċeduri quddiem formazzjoni kolleġġjali fi ħdan il-qorti tar-rinviju b’mod li jistax iressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE.

30      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta domanda li tkun tista’ tkun suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari titqajjem f’kawża pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru, din il-qorti tista’, jekk tqis li deċiżjoni dwar dan il-punt tkun neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni.

31      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-funzjonament tas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġu li l-qorti nazzjonali tkun libera li tadixxi, fi kwalunkwe mument li hija tqis xieraq, il-Qorti tal-Ġustizzja bi kwalunkwe domanda preliminari li hija tqis neċessarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħdietx b’konformità mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji (digriet tas-6 ta’ Settembru 2018, Di Girolamo, C-472/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:684, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għaldaqstant, l-argument ta’ SWR, li huwa bbażat fuq allegat ksur tar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni ġudizzjarja, ma jistax ikun ta’ natura li jfixkel lill-qorti tar-rinviju milli tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE.

34      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi

35      SWR u l-Gvern Ġermaniż isostnu, essenzjalment, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju, ma għandha, fil-parti l-kbira tad-domandi magħmula, ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u li l-problema mqajjma hija ta’ natura ipotetika. Huma biss id-domandi relatati mal-privileġġi tax-xandar pubbliku fil-qasam tal-eżekuzzjoni forzata li huma rilevanti f’dan ir-rigward.

36      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali biss, li tkun tressqet il-kawża quddiemha u li għandha tkun responsabbli mid-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C-112/16, EU:C:2017:597, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Madankollu, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, EU:C:2008:59, punt 53).

38      Għandu jitfakkar li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tirrispetta b’mod strett ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju hija mistennija li tkun taf bihom (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C-112/16, EU:C:2017:597, punt 27). Dawn ir-rekwiżiti huma, barra minn hekk, imfakkra fir-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2018, C 257, p. 1).

39      Għaldaqstant, huwa indispensabbli, kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tinkludi l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Huwa wkoll indispensabbli, kif jipprevedi l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tinkludi, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-fatti li fuqhom huma bbażati d-domandi. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni japplika b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat mis-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C-112/16, EU:C:2017:597, punti 28 u 29).

40      F’dan il-każ, l-ewwel nett, permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-modifika li saret għall-iskema ta’ finanzjament tax-xandir Ġermaniż permezz tal-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva kellhiex tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE u jekk l-imsemmija Artikoli 107 u 108 TFUE jipprekludux tali skema.

41      Minn naħa, kuntrarjament għal dak li jsostnu SWR u l-Gvern Ġermaniż, il-fatt li t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw l-irkupru tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma jeskludix li l-qorti tar-rinviju tista’ titwassal biex tinterpreta u tapplika l-kunċett ta’ għajnuna, stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kontribuzzjoni awdjoviżiva kellhiex jew le tiġi suġġetta għall-proċedura ta’ kontroll preliminari stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, u, jekk ikun il-każ, li jiġi vverfiikat jekk l-Istat Membru kkonċernat ikkonformax ruħu ma’ dan l-obbligu.

42      Fil-fatt, mill-effett dirett tal-Artikolu 108(3) TFUE jirriżulta li l-qrati nazzjonali għandhom jiggarantixxu lill-partijiet fil-kawża li l-konsegwenzi kollha ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni ser jiġu kkunsidrati, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, f’dak li jikkonċerna kemm il-validità tal-atti ta’ eżekuzzjoni kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ possibbli miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punti 39 u 40; tas-16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias, C-690/13, EU:C:2015:235, punt 52 kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen, C-505/14, EU:C:2015:742, punti 23 u 24).

43      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa l-konformità ta’ miżura nazzjonali ma’ dan id-dritt bil-għan li tagħti deċiżjoni tal-kawża li ġiet adita biha. Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hija tista’ b’mod partikolari tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni li jippermettulha li tiddetermina jekk miżura nazzjonali tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C-140/09, EU:C:2010:335, punt 24) jew, skont il-każ, jekk din il-miżura tikkostitwixxix għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C-672/13, EU:C:2015:185, punt 60).

44      Għaldaqstant, fid-dawl tas-suġġett tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, l-ewwel sat-tielet domanda magħmula ma jidhirx li huma manifestament nieqsa mir-relevanza, peress li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE.

45      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, iktar speċifikatament, dwar il-konformità tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva inkwistjoni mal-Artikoli 107 u 108 TFUE, sa fejn din il-kontribuzzjoni timplika l-eżistenza ta’ għajnuna intiża għall-implementazzjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni li tirrispondi għall-istandard DVB-T 2, li ma huwiex previst li tista’ tintuża mix-xandara stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni.

46      Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domandi tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, għalkemm din il-qorti tesponi li l-kontribuzzjoni awdjoviżiva ppermettiet il-finanzjament ta’ din is-sistema għall-benefiċċju biss tax-xandara fil-Ġermanja, hija ma tippreċiżax il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-imsemmija sistema u lanqas ir-raġunijiet għalfejn xandara oħra huma esklużi mill-użu tal-istess sistema.

47      Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni domanda hija inammissibbli. L-ewwel sat-tielet domanda magħmula huma, min-naħa tagħhom, ammissibbli.

48      It-tieni nett, permezz tar-raba’ sas-seba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, previst fl-Artikolu 11 tal-Karta u fl-Artikolu 10 tal-KEDB, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/113, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll tal-libertà ta’ stabbiliment.

49      Għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija qorti madankollu ma tipprovdi ebda spjegazzjoni dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija ssemmi fid-domandi tagħha u t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali. B’mod partikolari, hija ma pprovdiet ebda element konkret li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-persuni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-imsemmija domandi.

50      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġustifikazzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C-203/15 u C-698/15, EU:C:2016:970, punt 130).

51      Konsegwentement, ir-raba’ sas-seba’ domanda magħmula huma inammissibbli.

52      Fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, huma biss l-ewwel domanda, it-tieni parti tat-tieni domanda u t-tielet domanda li huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

53      Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa paċifiku li l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva timmodifika għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999.

54      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 għandux jiġi interpretat fis-sens li modifika tal-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku ta’ Stat Membru li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkonsisti fis-sostituzzjoni ta’ taxxa awdjoviżiva dovuta abbażi tal-pussess ta’ apparat ta’ reċezzjoni awdjoviżiva, b’kontribuzzjoni awdjoviżiva dovuta b’mod partikolari abbażi tal-okkupazzjoni ta’ akkomodazzjoni jew ta’ stabbiliment professjonali, tikkostitwixxi modifika ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE.

55      Għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 tipprovdi li, għall-għanijiet tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, modifika ta’ għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifiki ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistgħux jeffettwaw il-kompatibbiltà tal-miżura tal-għajnuna mas-suq intern. F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 tipprovdi li żieda fil-baġit inizjali ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti sa 20 % ma għandhiex titqies bħala modifika għal għajnuna eżistenti.

56      Sabiex tingħata risposta utli għall-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk il-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva, sa fejn timmodifika l-fatt ġeneratur tal-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni li għandha l-għan li tiffinanzja s-servizz pubbliku tax-xandir fil-Ġermanja, billi tipprovdi li din ma hijiex iktar dovuta għall-fatt tal-pussess ta’ riċevitur, iżda abbażi, b’mod partikolari, tal-pussess ta’ akkomodazzjoni, tikkostitwixxix modifika ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

57      Din id-domanda effettivament tiddetermina jekk l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva timmodifikax b’mod sostanzjali l-għajnuna eżistenti li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007 jew jekk din il-liġi sempliċement tagħmilx modifika ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma hijiex ta’ natura li tinfluwenza l-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern.

58      Bħal SWR, il-Gvern Ġermaniż u dak Svediż, kif ukoll il-Kummissjoni sostnew dan fl-osservazzjonijiet tagħhom magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, u kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-elementi li jinsabu fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, is-sostituzzjoni tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva għat-taxxa awdjoviżiva hija limitata għal modifika tal-għajnuna eżistenti li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007, li ma tistax tiġi kkwalifikata bħala sostanzjali.

59      Fil-fatt, il-modifika tal-fatt ġeneratur tal-ħlas tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma affettwax l-elementi li jikkostitwixxu l-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku Ġermaniż, kif kienu ġew evalwati mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007.

60      Għalhekk, l-ewwel nett, huwa paċifiku li l-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma mmodifikatx l-għan intiż mill-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku Ġermaniż, peress li l-kontribuzzjoni awdjoviżiva hija, bħat-taxxa awdjoviżiva li tissostitwixxi, intiża għall-finanzjament tas-servizz pubbliku tax-xandir.

61      It-tieni nett, huwa wkoll paċifiku li ċ-ċirku ta’ benefiċjarji ta’ din l-iskema huwa identiku għal dak li kien jeżisti preċedentement.

62      It-tielet nett, mill-elementi mressqa għad-dibattitu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva mmodifikat il-missjoni ta’ servizz pubbliku fdata lix-xandara pubbliċi jew l-attivitajiet ta’ dawn ix-xandara li jistgħu jkunu ssussidjati mill-kontribuzzjoni awdjoviżiva.

63      Ir-raba’ nett, il-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva mmodifikat il-fatt ġeneratur ta’ din il-kontribuzzjoni.

64      Madankollu, minn naħa, kif esponew b’mod partikolari SWR, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni, il-modifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha essenzjalment għan ta’ semplifikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ġbir tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva, f’kuntest ta’ evoluzzjoni tat-teknoloġiji li jippermettu r-reċezzjoni tal-programmi tax-xandara pubbliċi.

65      Min-naħa l-oħra, kif sostnew fl-osservazzjonijiet tagħhom mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni u kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sostituzzjoni tat-taxxa awdjoviżiva bil-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma wasslitx għal żieda sostanzjali tal-kumpens li jirċievu x-xandara pubbliċi sabiex ikopru l-ispejjeż relatati mal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku li huma responsabbli għalihom.

66      F’dawn il-kundizzjonijiet, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex stabbilit li l-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva ġabet modifika sostanzjali għall-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku fil-Ġermanja li teħtieġ li din l-adozzjoni tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE.

67      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 għandu jiġi interpretat fis-sens li modifika tal-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku ta’ Stat Membru li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkonsisti fis-sostituzzjoni ta’ taxxa awdjoviżiva dovuta abbażi tal-pussess ta’ apparat ta’ reċezzjoni awdjoviżiva, b’kontribuzzjoni awdjoviżiva dovuta b’mod partikolari abbażi tal-okkupazzjoni ta’ akkomodazzjoni jew ta’ stabbiliment professjonali, ma tikkostitwixxix modifika ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE.

–       Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda u t-tielet domanda

68      Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda u tat-tielet domanda tagħha, li jaqbel li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lix-xandar pubbliku setgħat derogatorji tad-dritt komuni li jippermettulu li jwettaq huwa stess l-eżekuzzjoni forzata ta’ debiti mhux imħallsa abbażi tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva.

69      F’dan ir-rigward, kif enfasizzaw SWR u l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-prerogattivi ta’ setgħa pubblika li jgawdu minnha x-xandara pubbliċi fil-qasam tal-irkupru tat-taxxa awdjoviżiva ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-eżami tagħha tal-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku, u b’mod iktar partikolari ta’ din it-taxxa, fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007. Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, dawn il-prerogattivi, li huma intiżi preċiżament għall-irkupru tal-imsemmija taxxa, għandhom jiġu kkunsidrati li jagħmlu parti integrali mill-għajnuna eżistenti kkostitwita minn din it-taxxa.

70      Issa, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma għamlet ebda modifika għal dawn il-prerogattivi.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma hijiex suxxettibbli li taffettwa l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007, f’dak li jikkonċerna l-imsemmija prerogattivi.

72      Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prerogattivi ta’ setgħa pubblika li jgawdu minnha x-xandara pubbliċi fil-qasam tal-irkupru tat-taxxa awdjoviżiva huma interenti għall-missjonijiet tagħhom ta’ servizz pubbliku.

73      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lix-xandar pubbliku setgħat derogatorji tad-dritt komuni li jippermettulu li jwettaq huwa stess l-eżekuzzjoni forzata ta’ debiti mhux imħallsa abbażi tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(ċ) tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE], għandu jiġi interpretat fis-sens li modifika tal-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku ta’ Stat Membru li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkonsisti fis-sostituzzjoni ta’ taxxa awdjoviżiva dovuta abbażi tal-pussess ta’ apparat ta’ reċezzjoni awdjoviżiva, b’kontribuzzjoni awdjoviżiva dovuta b’mod partikolari abbażi tal-okkupazzjoni ta’ akkomodazzjoni jew ta’ stabbiliment professjonali, ma tikkostitwixxix modifika ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE

2)      L-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lix-xandar pubbliku setgħat derogatorji tad-dritt komuni li jippermettulu li jwettaq huwa stess l-eżekuzzjoni forzata ta’ debiti mhux imħallsa abbażi tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.