Language of document : ECLI:EU:T:2018:945

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

13 ta’ Diċembru 2018 (*)

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Marzu 2019]

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi – Inklużjoni u żamma tal-isem tar-rikorrenti fuq il-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi – Dannu materjali – Dannu morali”

Fil-Kawża T‑558/15,

Iran Insurance Company, stabbilita f’Teheran (l-Iran), irrappreżentata minn D. Luff, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Ronkes Agerbeek u R. Tricot, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu morali u materjali li r-rikorrenti allegatament ġarrbet wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK tal‑25 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 281, p. 81), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal‑25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK tal‑1 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2011, L 319, p. 71), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011 tal‑1 ta’ Diċembru 2011 li jimplimenta r-Regolament Nru 961/2010 (ĠU 2011, L 319, p. 11), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat‑23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 961/2010 (ĠU 2012, L 88, p. 1 u r-rettifiki fil-ĠU 2012, L 332, p. 31 u fil-ĠU 2014, L 93, p. 85), li permezz tagħhom l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż u nżamm fuq il-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi,

IL-QORTI ĠENERALI (l-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, V. Valančius, P. Nihoul, J. Svenningsen u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-miżuri restrittivi introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

2        Ir-rikorrenti, Iran Insurance Company, magħrufa wkoll bħala Bimeh Iran, hija kumpannija tal-assigurazzjoni Iranjana.

3        Fid‑9 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1929 (2010) intiża sabiex twessa’ l-portata tal-miżuri restrittivi stabbiliti permezz tar-riżoluzzjonijiet preċedenti 1737 (2006) tas‑27 ta’ Diċembru 2006, 1747 (2007) tal‑24 ta’ Marzu 2007, u 1803 (2008) tat‑3 ta’ Marzu 2008, u sabiex tistabbilixxi miżuri restrittivi supplimentari kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

4        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas‑26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2008, L 4M, p. 155), isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni.

5        Konsegwentement, isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad‑19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2008, L 335M, p. 969 u r-rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 423).

6        L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq daħlet fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas‑26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 195, p. 25), f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fis‑27 ta’ Lulju 2010. Hija kellha bħala effett l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“iffriżar tal-fondi” jew il-“miżuri restrittivi”).

7        L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi msemmija fil-punti 4 u 5 iktar ’il fuq kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

“[Ir-rikorrenti] inxurjat ix-xiri ta’ diversi oġġetti li jistgħu jintużaw fi programmi li huma sanzjonati [mir-Riżoluzzjoni 1737 tal-Kunsill tas-Sigurtà]. Oġġetti mixtrijin inxurjati [kienu] jinkludu spare parts ta’ helicopters, u kompjuters b’applikazzjonijiet f’navigazzjoni ta’ inġeni tal-ajru u tal-missili.”

8        Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jirrevedi l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni, fid-dawl tal-informazzjoni li hija kienet ikkomunikatlu. Hija talbet ukoll li jintbagħtulha l-provi li jiġġustifikaw din l-inklużjoni. Fl-aħħar nett, hija talbet li tkun mismugħa.

9        Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu 2010/644/PESK tal‑25 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2010, L 281, p. 81), il-Kunsill, wara li rreveda s-sitwazzjoni tar-rikorrenti, żamm isimha fil-lista li tidher fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, b’effett minn dak l-istess jum.

10      Meta ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal‑25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness VIII tal-imsemmi regolament, b’effett mis‑27 ta’ Ottubru 2010.

11      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Ottubru 2010, li r-rikorrenti rċeviet fit‑23 ta’ Novembru 2010, il-Kunsill informa lil din tal-aħħar li, wara reviżjoni tas-sitwazzjoni tagħha fid-dawl tal-osservazzjonijiet li jinsabu fl-ittra tagħha tad‑9 ta’ Settembru 2010, hija kellha tibqa’ suġġetta għal miżuri restrittivi.

12      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti kkontestat il-fatti kkunsidrati kontriha mill-Kunsill. Sabiex tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha, hija talbet aċċess għall-fajl.

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat rikors, intiż b’mod partikolari, essenzjalment, għall-annullament tal-listi msemmija fil-punti 4 u 5 iktar ’il fuq, sa fejn dawn jikkonċernawha. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru T‑12/11.

14      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Frar 2011, il-Kunsill ipprovda lir-rikorrenti s-siltiet dwarha meħuda mill-proposti ta’ inklużjoni mibgħuta mill-Istati Membri, kif kienu jidhru fin-noti ta’ trażmissjoni indikati bir-referenzi 13413/10 EXT 6 u 6726/11.

15      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti reġgħet ikkontestat ir-realtà tal-fatti li kienu attribwiti lilha mill-Kunsill.

16      Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu 2011/783/PESK tal‑1 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2011, L 319, p. 71), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu (UE) Nru 1245/2011 tal‑1 ta’ Diċembru 2011 li jimplimenta r-Regolament Nru 961/2010 (ĠU 2011, L 319, p. 11), il-Kunsill, wara li eżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, żamm isem din tal-aħħar fil-listi li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, b’effett, rispettivament, mill‑1 u mit‑2 ta’ Diċembru 2011.

17      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill informa lir-rikorrenti li hija kellha tibqa’ suġġetta għal miżuri restrittivi.

18      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti talbet mill-ġdid sabiex tingħata aċċess għall-fajl.

19      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Frar 2012, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti dokumenti relatati ma’ “id-Deċiżjoni […] tal‑1 ta’ Diċembru 2011 li jinżammu fis-seħħ il-miżuri restrittivi [kontriha]”.

20      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK tat‑23 ta’ Jannar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2012, L 19, p. 22 u r-rettifika fil-ĠU 2012, L 31, p. 7), daħlet fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. L-Artikolu 1(7) tagħha emenda, wara dik id-data, l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2010/413 billi introduċa, fost l-oħrajn, kriterju ġdid ibbażat fuq appoġġ, b’mod partikolari finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran. Dan l-istess kriterju ddaħħal fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 tat‑23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 961/2010 (ĠU 2012, L 88, p. 1 u r-rettifiki fil-ĠU 2012, L 332, p. 31 u fil-ĠU 2014, L 93, p. 85).

21      Meta ġie adottat ir-Regolament Nru 267/2012, isem ir-rikorrenti ġie inkluż, għall-istess raġunijiet bħal dawk diġà msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, fil-lista li tinsab fl-Anness IX ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien mal-listi li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, il-“listi kontenzjużi”), b’effett mill‑24 ta’ Marzu 2012.

22      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti emendat it-talbiet tagħha fil-Kawża T‑12/11, sabiex ikunu intiżi, essenzjalment, għall-annullament tal-listi kollha kontenzjużi, sa fejn dawn jikkonċernawha.

23      Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Iran Insurance vs Il‑Kunsill (T‑12/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:401), il-Qorti Ġenerali annullat, b’mod partikolari, il-listi kontenzjużi, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lir-rikorrenti, fuq il-bażi li ma kinux sostnuti minn provi. Peress li ma ġie ppreżentat l-ebda appell kontra din is-sentenza, din tal-aħħar saret definittiva u kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

24      Permezz tad-Deċiżjoni 2013/661/PESK tal‑15 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2013, L 306, p. 18), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1154/2013 tal‑15 ta’ Novembru 2013 li jimplimenta r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU 2013, L 306, p. 3), il-Kunsill żamm il-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tar-rikorrenti abbażi tal-kriterju l-ġdid ibbażat fuq appoġġ, b’mod partikolari finanzjarju, lill-Gvern Iranjan. Dawn l-atti daħlu fis-seħħ fis‑16 ta’ Novembru 2013, il-jum tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali.

25      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tal-atti, tal‑15 ta’ Novembru 2013, li jżommu l-miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tagħha. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru T‑63/14.

26      Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2016, Iran Insurance vs Il‑Kunsill (T‑63/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:264), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

27      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kunsill talba preliminari għal kumpens għad-danni allegatament imġarrba minħabba l-miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tagħha, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 u d-Deċiżjoni 2010/413. Il-Kunsill ma weġibx għal din l-ittra.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti fetħet din il-kawża. Il-kawża ġiet assenjata lill-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali minħabba konnessjoni bejn il-kawżi.

29      Fil‑15 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill ippreżenta risposta.

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

31      Fl‑14 ta’ April 2016, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba għal intervent. Ir-rikorrenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet dwar din it-talba fit-terminu stabbilit.

32      Fit‑13 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika.

33      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑18 ta’ Mejju 2016, adottata skont l-Artikolu 144(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni f’din il-kawża.

34      Fit‑8 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill ippreżenta l-kontroreplika.

35      Fid‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha. Fis‑7 ta’ Settembru u fil‑11 ta’ Ottubru 2016 rispettivament, il-Kunsill u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din in-nota.

36      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tisma’ lill-partijiet dwar il-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-proċedura fl-istennija tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħlaq il-proċeduri fil-Kawża C‑45/15 P, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill. Il-partijiet fil-kawża prinċipali kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward fit-terminu stabbilit.

37      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie maħtur għall-Ewwel Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

38      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġenerali, permezz tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2016, iddeċieda li jissospendi l-proċedura f’din il-kawża.

39      Wara l-għoti tas-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tisma’ lill-partijiet dwar il-konsegwenzi li huma jisiltu mill-imsemmija sentenza għal din il-kawża. Il-partijiet fil-kawża prinċipali kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward fit-terminu stabbilit.

40      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti talbet li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali, skont l-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

41      Fl‑14 ta’ Diċembru 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibgħat din il-kawża quddiem il-kulleġġ ġudikanti estiż, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tal-Ewwel Awla.

42      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura, tilqa’ l-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali dwar il-possibbiltà li din il-kawża tingħaqad mal-Kawża T‑559/15, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u sabiex tagħmel ċerti mistoqsijiet lill-partijiet. Il-partijiet irreferew għal dawn it-talbiet fit-termini imposti.

43      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Frar 2018, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad din il-kawża u l-Kawża T‑559/15, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

44      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2018. Fit-tweġibiet tagħha, ir-rikorrenti ppreċiżat b’mod partikolari, l-illegalità kkonstatata fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Iran Insurance vs Il‑Kunsill (T‑12/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:401), li hija invokat insostenn tat-talba tagħha għad-danni, u ta’ dan ittieħdet nota fil-proċess verbali tas-seduta.

45      Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob essenzjalment li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kunsill iħallasha, b’kumpens għad-dannu materjali u morali li hija ġarrbet minħabba l-inklużjoni illegali ta’ isimha fil-listi kontenzjużi, bejn ix-xhur ta’ Lulju 2010 u ta’ Novembru 2013, b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644, tar-Regolament Nru 961/2010, tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem l-“atti kontenzjużi”), kumpens li jammonta għal EUR 4 774 187.07, għal 84 767.66 lira sterlina (GBP) (madwar EUR 94 939) u għal 1 532 688 dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 1 318 111), u kwalunkwe ammont ieħor li jista’ jiġi stabbilit matul il-proċedura;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

46      Fl-istadju tar-replika u tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti emendat it-talbiet tagħha għal kumpens, peress li issa qed titlob, bħala kumpens għad-dannu morali u materjali mġarrab, kumpens ta’ EUR 3 494 484.07, GBP 84 767.66 (madwar EUR 94 939), 33 945 miljun rial Iranjan (IRR) (madwar EUR 678 900) u USD 1 532 688 (madwar EUR 1 318 111), kif ukoll kwalunkwe ammont ieħor li jista’ jiġi stabbilit matul il-proċedura.

47      Il-Kunsill jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad parzjalment ir-rikors għal nuqqas ta’ kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu, u, għall-bqija, bħala manifestament inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, manifestament infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

48      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu.

III. Id-dritt

A.      Fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali

49      [Test rettifikat permezz ta’ digriet tal 21 ta’ Marzu 2019] Fil-kontroreplika, il-Kunsill iqis li, sa fejn ir-rikorrenti bbażat it-talba tagħha għad-danni fuq l-illegalità tal-inklużjoni ta’ isimha fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, inkwantu t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma jagħtihiex kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar talba għad-danni bbażata fuq l-illegalità ta’ att li jaqa’ taħt il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK).

50      Fit-tweġibiet tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali (punt 42 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ssostni li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill hija inammissibbli, peress li hija tardiva, u li ma hijiex fondata, peress li l-atti PESK ġew implimentati, f’dan il-każ, permezz ta’ regolamenti, adottati skont l-Artikolu 215 TFUE.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tkun tqajmet fl-istadju tal-kontroreplika, meta setgħet tqajmet sa mill-istadju tad-difiża, għandha tiġi kkunsidrata bħala tardiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il‑Kunsill, T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punt 29). Issa, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li setgħet tqajmet mill-Kunsill fl-istadju tar-risposta, hija tardiva u, bħala tali, inammissibbli.

52      Madankollu, skont l-Artikolu 129 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ f’kull ħin, ex officio u wara li jinstemgħu l-partijiet, tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, li jinkludu, skont il-ġurisprudenza, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni Ewropea sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1980, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni, 154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78, 264/78, 31/79, 39/79, 83/79 u 85/79, EU:C:1980:81, punt 7, u tas‑17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il‑Kunsill, T‑174/95, EU:T:1998:127, punt 80).

53      Issa, jirriżulta mis-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, ma għandhiex tkun kompetenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-PESK u lanqas fir-rigward tal-atti legali adottati abbażi tagħhom. Huwa biss bħala eċċezzjoni li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-qrati tal-Unjoni huma kompetenti fil-qasam tal-PESK. Din il-kompetenza tinkludi, minn naħa, il-monitoraġġ tal-osservanza tal-Artikolu 40 TUE u, min-naħa l-oħra, ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kontra miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fil-kuntest tal-PESK. Min-naħa l-oħra, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma jattribwixxi l-ebda kompetenza lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għal kumpens (sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il‑Kunsill, T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punt 30).

54      Minn dan isegwi li rikors għad-danni intiż għall-kumpens tad-dannu allegatament imġarrab minħabba l-adozzjoni ta’ att tal-PESK ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali (sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il‑Kunsill, T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punt 31).

55      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali dejjem kienet kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal kumpens ta’ dannu allegatament imġarrab minn persuna jew entità, minħabba l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tagħha, skont l-Artikolu 215 TFUE (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill, T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punti 232 sa 251, u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 45 sa 149, ikkonfermata wara appell permezz tas-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402).

56      F’dan il-każ, il-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tar-rikorrenti, rispettivament bid-Deċiżjoni 2010/644 u bid-Deċiżjoni 2011/783, ġew implimentati permezz tal-atti kkontestati, adottati skont l-Artikolu 215 TFUE.

57      Minn dan isegwi li, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal kumpens tar-rikorrenti, inkwantu din hija intiża li tikseb kumpens għad-dannu li hija ġarrbet minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644 u tad-Deċiżjoni 2011/783, madankollu hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-istess talba, inkwantu hija intiża sabiex tikseb kumpens għad-dannu li hija ġarrbet minħabba l-implimentazzjoni ta’ dawn l-istess deċiżjonijiet permezz tal-atti kontenzjużi.

58      Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jiġi eżaminat biss inkwantu dan huwa intiż għall-kumpens tad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba li l-miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tagħha fid-Deċiżjoni 2010/644 u d-Deċiżjoni 2011/783 ġew implimentati permezz tal-atti kontenzjużi.

B.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

59      Mingħajr ma qajjem eċċezzjoni permezz ta’ att separat, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li dan ir-rikors huwa manifestament inammissibbli, peress li, essenzjalment, ir-rikors ma jinkludix punti ta’ fatt essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet kollha sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni humiex issodisfatti f’dan il-każ.

60      Il-Kummissjoni żżid li, fid-dawl tad-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jiġifieri l‑25 ta’ Settembru 2015, dan ġie introdott wara t-terminu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sa fejn huwa intiż għall-kumpens ta’ dannu li allegatament seħħ qabel il‑25 ta’ Ottubru 2010. Skont il-ġurisprudenza, dan ir-rikors għandu għaldaqstant jiġi ddikjarat parzjalment inammissibbli. Fil-fehma tagħha, il-preskrizzjoni parzjali tar-rikors tista’ tiġi eżaminata ex officio, bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku.

61      Il-Kunsill iqis li l-kwistjoni tal-preskrizzjoni ma tidhirx li tqum, f’dan il-każ, inkwantu r-rikorrenti qed titlob biss kumpens għall-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi wara l‑25 ta’ Settembru 2010. Huwa jindika madankollu li jekk tinqala’ sitwazzjoni ta’ preskrizzjoni, din tista’ titqajjem ex officio, bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku.

62      Ir-rikorrenti ssostni li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata, essenzjalment, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ preċiżjoni stipulat fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura hija inammissibbli, peress li hija tardiva, u, fi kwalunkwe każ, infondata, peress li r-rikors kien suffiċjentement ċar, preċiż u ssostanzjat. Dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà meħuda, essenzjalment, mill-preskrizzjoni parzjali tal-azzjoni li hija l-bażi ta’ dan ir-rikors, hija ssostni li din hija inammissibbli u ma tistax tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti Ġenerali, peress li ma hijiex eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku. Fi kwalunkwe każ, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma hijiex fondata.

63      Dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata, essenzjalment, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ preċiżjoni stipulat fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm lok li jitfakkar li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża kif ukoll il-motivi u l-argumenti invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u għall-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi r-rikors, jekk hemm bżonn mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġ, sabiex rikors jitqies ammissibbli, li jiġu indikati l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa fondat, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, fit-test stess tar-rikors (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il‑Kummissjoni, T‑19/01, EU:T:2005:31, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għandu jitfakkar ukoll li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għal aġir illegali tal-korpi tagħha tiddependi mill-issodisfar ta’ għadd ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-imġieba li hija akkużata biha l-istituzzjoni, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġieba tal-istituzzjoni u d-dannu allegat (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punt 113, u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 47).

65      Għalhekk, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kif interpretat mill-ġurisprudenza, rikors intiż għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrenti takkuża lill-istituzzjoni bih, ir-raġunijiet għaliex ir-rikorrenti tikkunsidra li hemm rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li tallega li ġarrbet, kif ukoll in-natura u l-portata tad-dannu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il‑Kummissjoni, T‑19/01, EU:T:2005:31, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan il-każ, ir-rikorrenti identifikat, fir-rikors, l-aġir li hija takkuża lill-Kunsill bih, jiġifieri l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, li l-illegalità tagħhom ġiet ikkonstatata fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Iran Insurance vs Il‑Kunsill (T‑12/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:401). Barra minn hekk, hija ddeskriviet u kkwantifikat id-dannu materjali u morali li tallega li ġarrbet minħabba dawn l-atti, jiġifieri dannu morali, ikkostitwit minn attakk fuq ir-reputazzjoni tajba tagħha u stmat ex æquo et bono għal EUR 1 miljun, u dannu materjali, li jikkorrispondi, l-ewwel nett, għat-telf tal-interessi li setgħet iddaħħal kieku ttrasferixxiet u kkapitalizzat fl-Iran, il-fondi ddepożitati fuq kontijiet fl-Unjoni li jammontaw għal GBP 2 544.82 (madwar EUR 2 850), USD 17 733.48 (madwar EUR 15 250) u USD 421.05 (madwar EUR 362), it-tieni nett, għat-telf tal-interessi li setgħet iddaħħal kieku ttrasferixxiet u kkapitalizzat fl-Iran, l-ammonti dovuti lilha minn tliet kumpanniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, jiġifieri EUR 557 196.09, GBP 82 222.84 (madwar EUR 92 089) u USD 1 532 266.95 (madwar EUR 1 317 749) u, it-tielet nett, għal-lucrum cessans li allegatament ġarrbet minħabba n-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport tal-passiġġieri li jammontaw għal valur finalment stmat għal EUR 1 919 554.50 u n-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni tal-merkanzija għal ammont finalment stmat ta’ IRR 33 945 miljun (madwar EUR 678 900). Fl-aħħar nett, hija spjegat li d-dannu morali u materjali mġarrab b’dan il-mod kien marbut mal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi.

67      L-ispjegazzjoni, fir-rikors, tal-aġir li r-rikorrenti takkuża lill-Kunsill bih, ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li hija tallega li ġarrbet kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ preċiżjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

68      Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda, bħala infondata, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, ibbażata fuq nuqqas ta’ preċiżjoni stipulata fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

69      Dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, ibbażata fuq preskrizzjoni parzjali tal-azzjoni li hija l-bażi ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi osservat li t-talbiet tal-Kunsill intiżi għaċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors bl-ebda mod ma huma bbażati fuq l-invokazzjoni ta’ din il-preskrizzjoni. Issa, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40, u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 142(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet fir-rikors ma jistgħux ikollhom għan ieħor ħlief li jiġu sostnuti, kompletament jew parzjalment, it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis dakinhar tal-intervent tiegħu, skont l-Artikolu 142(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

70      Minn dan isegwi li l-intervenjent ma għandux id-dritt li jqajjem b’mod awtonomu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u li għalhekk il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata li teżamina l-motivi invokati esklużivament minnu u li ma jkunux ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punt 22, u tat‑3 ta’ Lulju 2007, Au Lys de France vs Il‑Kummissjoni, T‑458/04, mhux ippubblikata, EU:T:2007:195, punt 32).

71      Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li, peress li l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni kienet irregolata, skont l-Artikolu 340 TFUE, mill-prinċipji ġenerali komuni għad-dritt tal-Istati Membri u eżami komparattiv tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri wera li, bħala regola ġenerali u ħlief għal xi eċċezzjonijiet żgħar, il-qorti ma tistax tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni, ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata ex officio kwistjoni ta’ preskrizzjoni possibbli tal-azzjoni inkwistjoni (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 1989, Roquette frères vs Il‑Kummissjoni, 20/88, EU:C:1989:221, punt 12; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 51).

72      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

C.      Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti fl-anness tar-replika u t-talba tar-rikorrenti li tiġi awtorizzata tipproduċi provi addizzjonali matul il-proċedura

73      Fil-kontroreplika, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob iċ-ċaħda tal-provi prodotti fl-Annessi R.1 sa R.15 tar-replika, bħala tardivi u, għaldaqstant, inammissibbli. Fil-fehma tiegħu, dawn l-elementi setgħu u kellhom jiġu prodotti, skont il-ġurisprudenza, fl-istadju tar-rikors.

74      Fir-replika, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ miżura istruttorja, li tipproduċi provi addizzjonali matul il-proċedura. Fit-tweġibiet bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali (punt 42 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti titlob li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għar-raġuni li l-annessi R.1 sa R.15 tar-replika fihom provi addizzjonali tal-fatti li huma diġà stabbiliti sew fir-rikors u li huma meħtieġa sabiex jiġu rrifjutati l-argumenti invokati mill-Kunsill fir-risposta. Il-Kunsill seta’ jeżerċita bis-sħiħ id-drittijiet tiegħu tad-difiża fir-rigward ta’ dawk l-elementi fil-kontroreplika. Il-Kummissjoni kellha wkoll il-possibbiltà li tivverifika u tevalwa l-imsemmija elementi.

75      F’dan il-każ, mir-rikors jirriżulta li din l-azzjoni għandha bħala suġġett talba għad-danni intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu morali u materjali allegatament imġarrab mir-rikorrenti wara l-adozzjoni, mill-Kunsill, tal-atti kontenzjużi. Għaldaqstant, dan huwa rikors li bih ir-rikorrenti tfittex li tikkontesta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

76      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita sew, fil-kuntest ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, huwa l-obbligu tar-rikorrent li jippreżenta l-provi lill-qorti tal-Unjoni sabiex jiġu stabbiliti r-realtà u l-portata tad-dannu li jallega li ġarrab (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Zafeiropoulos vs Cedefop, T‑537/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:36, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas‑26 ta’ April 2016, Strack vs Il‑Kummissjoni, T‑221/08, EU:T:2016:242, punt 308 (mhux ippubblikata)).

77      Ċertament, il-qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet li, f’ċerti każijiet, b’mod partikolari meta jkun diffiċli li jiġi kkwantifikat id-dannu allegat, ma huwiex indispensabbli li tiġi ppreċiżata fir-rikors il-portata eżatta tiegħu u lanqas li jiġi kkwantifikat l-ammont tal-kumpens mitlub (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il‑Kummissjoni, C‑460/09 P, EU:C:2013:111, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Ir-rikors f’din il-kawża tressaq fil‑25 ta’ Settembru 2015. Bl-eċċezzjoni ta’ wieħed mill-kapi ta’ dannu materjali li ma kinitx f’pożizzjoni li tikkwantifika b’mod definittiv, ir-rikorrenti kkwantifikat fl-istadju tar-rikors id-dannu morali u materjali li hija tqis li ġarrbet billi bbażat ruħha fuq il-provi annessi mal-imsemmi rikors. Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti emendat iċ-ċifri tad-danni tagħha sabiex tqis l-oġġezzjoni tal-Kunsill li tgħid li hija kellha tnaqqas l-ispejjeż tagħha minn ċerti kapijiet ta’ dannu materjali u pprovdiet ċifri definittivi tal-kap ta’ dannu materjali li għalih sa dak iż-żmien hija kienet ipproduċiet biss ċifri provviżorji.

79      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(f) tar-Regoli tal-Proċedura, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2015 u li għaldaqstant huwa applikabbli għal dan ir-rikors, kull rikors għandu jkun fih il-provi u l-offerti ta’ provi, jekk ikun il-każ.

80      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-provi u l-offerti ta’ provi għandhom jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jżid li l-partijiet jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard. F’dan l-aħħar każ, skont l-Artikolu 85(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-provi prodotti jew proposti, wara li l-partijiet l-oħra jkunu tħallew jieħdu pożizzjoni dwarhom.

81      Ir-regola tad-dekadenza prevista fl-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma tikkonċernax il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-offerti ta’ provi mressqa wara li tiġi ppreżentata prova kuntrarja mill-kontroparti (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Biogena Naturprodukte vs EUIPO (ZUM wohl), T‑236/16, EU:T:2017:416, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Jirriżulta mill-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tar-regola ta’ dekadenza prevista fl-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura li l-partijiet iridu jagħtu r-raġunijiet għad-dewmien fil-produzzjoni jew fil-proposta ta’ provi ġodda tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, T‑47/05, EU:T:2008:384, punt 54) u li l-qorti tal-Unjoni għandha s-setgħa li tirrevedi l-mertu tar-raġunijiet għad-dewmien fil-produzzjoni jew fil-proposta ta’ dawk il-provi u, skont il-każ, il-kontenut tagħhom kif ukoll, jekk din il-produzzjoni tardiva ma tkunx iġġustifikata biżżejjed fid-dritt jew fondata, is-setgħa li twarrabhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑243/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:238, punt 33, u tat‑18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, T‑47/05, EU:T:2008:384, punt 56).

83      Diġà ġie deċiż li l-produzzjoni jew il-proposta tardiva ta’ provi, minn parti, tista’ tkun iġġustifikata jekk din il-parti ma setgħetx ikollha l-provi inkwistjoni qabel jew jekk il-produzzjoni tardiva tal-parti l-oħra tiġġustifika li l-proċess jiġi kkompletat b’mod li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑243/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:238, punt 32, u tat‑18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, T‑47/05, EU:T:2008:384, punt 55).

84      Fl-aħħar nett, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi quddiemha billi tordna miżuri struttorji, li ma jistgħux ikunu maħsuba sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas tar-rikorrenti fil-produzzjoni tal-provi (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑481/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:461, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Jirriżulta mill-kuntest ġuridiku mfakkar fil-punti 79 sa 84 iktar ’il fuq li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex is-setgħa, fil-kuntest ta’ miżura struttorja, li tawtorizza b’mod ġenerali lir-rikorrenti tipproduċi l-provi kollha li hija tista’ tkun tixtieq tippreżentalha matul il-proċedura, kif titlobha, u li, għaldaqstant, din it-talba għandha tiġi miċħuda.

86      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ppreżentat għadd ta’ provi insostenn tat-talba għad-danni, fl-Annessi R.1 sa R.15 tar-replika, mingħajr ġustifikazzjoni preċiża dwar id-dewmien fil-preżentata tagħhom. Bl-eċċezzjoni tal-Anness R.14 tar-replika, dawn il-provi ma kinux jirrigwardaw il-kap ta’ dannu li għalih ir-rikorrenti kienet ipprovdiet kwantifikazzjoni definittiva biss fl-istadju tar-replika.

87      Inkwantu, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti invokat li l-Annessi R.1 sa R.15 tar-replika kienu jinkludu provi addizzjonali ta’ fatti li kienu diġà stabbiliti sew fir-rikors, din il-ġustifikazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, peress li s-sempliċi ċirkustanza li l-fatti kienu diġà ġew murija ma jiġġustifikax il-produzzjoni tardiva ta’ provi ġodda.

88      Inkwantu, fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti allegat li l-Annessi R.1 sa R.15 tar-replika kienu jinkludu provi meħtieġa sabiex tikkonfuta l-argumenti invokati mill-Kunsill fir-risposta, għandu jiġi rrilevat li l-elementi li jinsabu fl-Annessi R.1 sa R.12 u R.15 tar-replika ġew ippreżentati biss sabiex jiġu stabbiliti, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 76 iktar ’il fuq, ir-realtà u l-portata tad-dannu morali u materjali allegat, kif kien ġie kkalkolat fir-rikors, u mhux sabiex tinnega provi li ġew prodotti mill-Kunsill bħala anness għar-risposta. Il-fatt li, f’din ir-risposta, il-Kunsill sostna li r-rikorrenti ma wrietx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-realtà u l-portata tad-dannu allegatament imġarrab ma jistax jiġi analizzat bħala prova kuntrarja, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 81 iktar ’il fuq, u ma jippermettix li l-provi li jidhru fl-Annessi R.1 sa R.12 u R.15 tar-replika jitqiesu bħala estensjoni tal-offerta ta’ provi prodotta wara prova kuntrarja u lanqas li jiġi kkunsidrat li l-produzzjoni tardiva ta’ dawn l-elementi kienet b’hekk iġġustifikata min-neċessità li tingħata risposta għall-argumenti tal-Kunsill u li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

89      Min-naħa l-oħra, l-elementi li jinsabu fl-Annessi R.13 u R.14 tar-replika, jiġifieri dikjarazzjoni tal-Istitut Sanjideh Ravesh Arya Audit and Financial Services (iktar ’il quddiem l-“Istitut SRA”), li għamel “rapport dwar il-konsegwenzi finanzjarji tad-danni li jirriżultaw mill-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea” li ġie ppreżentat f’anness mar-rikors (iktar ’il quddiem ir-“Rapport SRA”), u ittra tal-imsemmi Istitut li tipprovdi kjarifiki dwar il-metodi li kien għażel sabiex jistabbilixxi dan ir-rapport, ġew ippreżentati mir-rikorrenti sabiex tirrispondi għall-argumenti tal-Kunsill, fid-difiża, li jixħet dubji dwar l-indipendenza ta’ dan l-istitut u l-metodi jew id-data użati f’dan ir-rapport. Għal din ir-raġuni, il-preżentata tardiva tal-provi li jinsabu fl-Annessi R.13 u R.14 tar-replika hija ġġustifikata min-neċessità li tingħata risposta għall-argumenti tal-Kunsill u sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

90      Barra minn hekk, l-Anness R.14 tar-replika kellu l-għan li jiġġustifika l-kwantifikazzjoni definittiva tal-kap ta’ dannu li r-rikorrenti setgħet biss tistma b’mod provviżorju fl-istadju tar-rikors.

91      Mill-evalwazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fost il-provi ppreżentati fl-anness tar-replika, huma biss dawk inklużi fl-Annessi R.13 u R.14 tar-replika li huma ammissibbli u għandhom jiġu kkunsidrati fl-istadju tal-eżami tal-mertu tar-rikors.

D.      Fuq il-mertu

92      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li t-tliet kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, imfakkra fil-punt 64 iktar ’il fuq, huma ssodisfatti f’dan il-każ.

93      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob, sussidjarjament, li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat, għar-raġuni li r-rikorrenti ma ressqitx il-prova, li l-oneru tagħha jaqa’ fuqha, li l-kundizzjonijiet kollha sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huma, f’din il-kawża, issodisfatti.

94      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, kif diġà elenkati fil-punt 64 iktar ’il fuq, huma kumulattivi (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il‑Kunsill, T‑49/07, EU:T:2010:499, punti 92 u 93, u d-digriet tas‑17 ta’ Frar 2012, Dagher vs Il‑Kunsill, T‑218/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:82, punt 34). Minn dan isegwi li, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 193).

95      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, f’dan il-każ, jekk ir-rikorrenti ressqitx il-prova, li l-oneru tagħha jaqa’ fuqha, tal-illegalità tal-aġir li bih hija takkuża lill-Kunsill, jiġifieri l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, tar-realtà tad-dannu materjali u morali li hija tallega li ġarrbet u tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn din l-adozzjoni u d-danni invokati minnha.

1.      Fuq l-allegata illegalità

96      Ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir ta’ istituzzjoni hija ssodisfatta, peress li l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju, mill-Kunsill, ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, fis-sens tal-ġurisprudenza, li jqajjem ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

97      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-inklużjoni u ż-żamma ta’ isimha fil-listi kontenzjużi b’applikazzjoni tal-atti kontenzjużi, huma manifestament illegali, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Iran Insurance vs Il‑Kunsill (T‑12/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:401). Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet legali li allegatament inkisru f’dan il-każ huma intiżi b’mod partikolari sabiex jipproteġu l-interessi tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati, li lilhom huma jagħtu drittijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 57 u 58).

98      Skont ir-rikorrenti, il-fatt, għall-Kunsill, li jinkludi jew li jżomm l-isem ta’ persuna speċifika fil-listi, minkejja l-fatt li ma għandux informazzjoni jew provi li jistabbilixxu, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, il-fondatezza tal-miżuri restrittivi adottati, jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 59, 63 u 68). F’dan il-każ, il-Kunsill adotta l-atti kontenzjużi li permezz tal-effett tagħhom, bejn Lulju 2010 u Novembru 2013, kienu ttieħdu miżuri restrittivi fil-konfront tagħha, mingħajr l-iċken prova tal-aġir imputat lilha.

99      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill ma jistax jippretendi li d-dispożizzjonijiet miksura kienu vagi, ambigwi jew mhux ċari, peress li, fil-mument fejn l-atti kontenzjużi ġew adottati, kien ċar li l-Kunsill kellu jressaq provi insostenn tal-miżuri restrittivi li kien qed jieħu.

100    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, ma jikkontestax l-illegalità tal-atti kontenzjużi, iżda jqis li din ma hijiex ta’ natura li tqajjem ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, sa fejn hija ma tikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. Tali ksur seta’ jiġi stabbilit biss kieku ġie pprovat, skont il-ġurisprudenza, li l-Kunsill kiser serjament u manifestament il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li ma kienx il-każ f’dan il-każ.

101    Fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Iran Insurance vs Il‑Kunsill (T‑12/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:401), il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-illegalità tal-atti kontenzjużi.

102    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att ġuridiku, tkun kemm tkun ċensurabbli din l-illegalità, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni tal-applikazzjoni tar-responsabbiltà tal-Komunità li tikkonċerna l-illegalità tal-aġir attribwit lill-istituzzjonijiet hija ssodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2003, Dole Fresh Fruit International vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, T‑56/00, EU:T:2003:58, punti 72 sa 75; tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 31, u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 50).

103    Il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ aġir illegali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni teħtieġ il-ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Dan ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi għandha l-għan, tkun liema tkun in-natura tal-att illegali inkwistjoni, li tevita li r-riskju ta’ ħlas tad-danni allegati mill-impriżi kkonċernati jostakola l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ natura leġiżlattiva jew li timplika għażliet ta’ politika ekonomika kif ukoll fl-isfera tal-kompetenza amministrattiva tagħha, mingħajr madankollu ma tattribwixxi lil individwi r-responsabbiltà tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u li ma humiex skużabbli (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 51).

105    Wara li jiġu identifikati d-dispożizzjonijiet legali li l-ksur tagħhom huwa invokat, f’dan il-każ, mir-rikorrenti, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi u, it-tieni nett, jekk il-Kunsill wettaqx ksur suffiċjentement serju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

a)      Fuq id-dispożizzjonijiet legali li l-ksur tagħhom huwa invokat

106    Matul is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżat, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali li l-ksur tagħhom ġie kkonstatat fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Iran Insurance vs Il‑Kunsill (T‑12/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:401), li hija kienet qed tirreferi biss għall-konstatazzjoni, fil-punti 129 u 130 tal-imsemmija sentenza, li, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw il-forniment minnha ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni b’konnessjoni max-xiri ta’ spare parts għal ħelikopters, ta’ tagħmir elettroniku u ta’ kompjuters b’applikazzjonijiet f’inġenji tal-ajru u n-navigazzjoni tal-missili, l-atti kontenzjużi ma kinux fondati, peress li huma ma kinux sostnuti bi provi u li kienu jikkostitwixxu ksur, essenzjalment, tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012.

b)      Fuq il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet legali li l-ksur tagħhom huwa invokat għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi

107    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu, b’mod limitattiv, il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu adottati miżuri restrittivi essenzjalment għandhom l-għan li jipproteġu l-interessi individwali ta’ persuni u ta’ entitajiet li jistgħu jkunu kkonċernati minn dawn il-miżuri, billi jillimitaw il-każijiet li fihom tali miżuri jistgħu jiġu legalment applikati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 57).

108    Dawn l-istess dispożizzjonijiet jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi individwali ta’ persuni u ta’ entitajiet li jistgħu jkunu kkonċernati minn miżuri restrittivi u li, għalhekk, huma meqjusa bħala dispożizzjonijiet legali intiżi sabiex jagħtu drittijiet lill-individwi. Jekk il-kundizzjonijiet fundamentali ma jkunux issodisfatti, il-persuna jew l-entità kkonċernata għandha fil-fatt id-dritt li ma jiġux imposti fuqha miżuri restrittivi. Tali dritt jimplika neċessarjament li l-persuna jew l-entità li fuqha l-miżuri restrittivi huma imposti taħt kundizzjonijiet li ma humiex koperti mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni tista’ titlob għal kumpens minħabba fil-ħsara kkawżata minn dawn il-miżuri, jekk ikun jidher li l-impożizzjoni tagħhom hija bbażata fuq ksur suffiċjentement serju tar-regoli sostantivi applikati mill-Kunsill (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 58).

109    Minn dan isegwi li r-regoli li l-ksur tagħhom huwa invokat, f’dan il-każ, mir-rikorrenti huma dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lil individwi fosthom ir-rikorrenti, bħala persuna kkonċernata mill-atti kontenzjużi.

c)      Fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-Kunsill wettaqx ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjonijiet legali li l-ksur tagħhom huwa invokat

110    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li l-ksur ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi seta’ jitqies li huwa suffiċjentement serju meta dan jimplika ksur manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha, u l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u preċiżjoni tad-dispożizzjoni miksura u l-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li d-dispożizzjoni miksura tħalli lill-awtorità tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Skont il-ġurisprudenza, meta din l-awtorità jkollha biss marġni diskrezzjonali kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill, T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 235 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Jirriżulta fl-aħħar nett mill-ġurisprudenza li, fi kwalunkwe każ, ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa manifestament gravi meta jibqa’ jeżisti minkejja li tkun ingħatat sentenza li tikkonstata n-nuqqas allegat, sentenza preliminari jew ġurisprudenza stabbilita sew mill-qorti tal-Unjoni fil-qasam, li minnhom tirriżulta n-natura illegali tal-aġir inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Meta l-Kunsill adotta l-atti kontenzjużi, jiġifieri bejn il‑25 ta’ Ottubru 2010 u t‑23 ta’ Marzu 2012, kien diġà jirriżulta b’mod ċar u preċiż mill-ġurisprudenza li, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-Kunsill kellu jipprovdi l-informazzjoni u l-provi li jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-“appoġġ” għall-proliferazzjoni nukleari, stabbilit fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 23(2)(a), tar-Regolament Nru 267/2012, kienu ssodisfatti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet ġiet imsejħa tikkonstata, billi bbażat ruħha fuq ġurisprudenza preċedenti għall-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, li l-obbligu tal-Kunsill li jipprovdi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-informazzjoni jew il-provi li jsostnu l-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità kien jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 35 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Barra minn hekk u sa fejn l-obbligu tal-Kunsill li jivverifika u li jistabbilixxi l-fondatezza tal-miżuri restrittivi adottati fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri huwa ddettat mir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-persuna jew tal-entità kkonċernata u, b’mod partikolari, għad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, dan ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward (sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il‑Kunsill, T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punt 52; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 59 sa 61). Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kunsill ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu.

115    Għaldaqstant, billi ma osservax l-obbligu tiegħu li jissostanzja l-atti kontenzjużi, il-Kunsill wettaq, f’dan il-każ, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lil individwu, jiġifieri lir-rikorrenti.

116    Konsegwentement, il-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir li huwa akkużat bih il-Kunsill, jiġifieri l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, hija ssodisfatta fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali invokati mir-rikorrenti, li l-ksur tagħhom huwa kkonstatat fil-punti 129 u 130 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Iran Insurance vs Il‑Kunsill (T‑12/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:401).

2.      Fuq id-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali u dan id-dannu

117    Ir-rikorrenti tippretendi li wriet in-natura reali u ċerta tad-dannu morali u materjali li hija ġarrbet minħabba l-atti kontenzjużi.

118    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ dannu ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ. L-atti kontenzjużi ma kinux pieni kriminali imposti fuq ir-rikorrenti u ma kellhomx l-għan li jikkawżawlha dannu. Kellhom biss l-għan li jiskoraġġixxu l-proliferazzjoni nukleari.

119    F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni tar-realtà tad-dannu, skont il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 1982, De Franceschi vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 51/81, EU:C:1982:20, punt 9; tat‑13 ta’ Novembru 1984, Birra Wührer et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80, 5/81, 51/81 u 282/82, EU:C:1984:341, punt 9, u tas‑16 ta’ Jannar 1996, Candiotte vs Il‑Kunsill, T‑108/94, EU:T:1996:5, punt 54), ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tiġi invokata biss jekk ir-rikorrent ikun effettivament ġarrab dannu reali u ċert. Huwa l-obbligu tar-rikorrent li jipprova li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il‑Kummissjoni, C‑243/05 P, EU:C:2006:708, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, b’mod iktar partikolari, li jipproduċi provi konklużivi kemm dwar l-eżistenza kif ukoll dwar il-portata tad-dannu (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑362/95 P, EU:C:1997:401, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    B’mod iktar speċifiku, talba għal kumpens għal dannu, materjali jew morali, b’mod simboliku jew għall-ksib ta’ kumpens sostanzjali, għandha tippreċiża n-natura tad-dannu allegat fir-rigward tal-aġir akkużat u, anki b’mod approssimattiv, l-evalwazzjoni globali ta’ dan id-dannu (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Sabbagh vs Il‑Kunsill, T‑652/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:112, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegati, l-imsemmi dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir allegat, jiġifieri li dan l-aġir għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu, anki jekk ma hemm ebda obbligu li tiġi kkumpensata kull konsegwenza dannuża, anki jekk remota, ta’ sitwazzjoni illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il‑Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21; ara, ukoll, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il‑Kummissjoni, T‑279/03, Ġabra, EU:T:2006:121, punt 130, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegati (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑149/96, EU:T:1998:228, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti wrietx in-natura reali u ċerta tad-dannu morali u materjali li hija allegatament ġarrbet wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-imsemmija adozzjoni.

a)      Fuq id-dannu morali allegatament imġarrab

123    Ir-rikorrenti ssostni li l-atti kontenzjużi, sa fejn dawn affettwaw ir-reputazzjoni tagħha, ikkawżawlha dannu morali sinjifikattiv, li l-ammont tiegħu hija stmatu ex aequo et bono għal EUR 1 miljun, kif diġà kienet indikat fl-ittra tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2015 lill-Kunsill. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li, f’sitwazzjoni simili, il-qorti tal-Unjoni diġà kkonstatat u kkumpensat id-dannu morali ta’ kumpannija għal dannu għar-reputazzjoni tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 80 u 83).

124    Għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-Kunsill fuq il-bażi ta’ sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), jiġifieri s-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Lulju 2011, Uj vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2011:0719JUD002395410), ir-rikorrenti tqis li l-kumpanniji għandhom dimensjoni morali u jistgħu jġarrbu dannu morali, pereżempju wara dannu għar-reputazzjoni tagħhom u għall-kapaċità tagħhom li jwettqu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Ir-riferiment magħmul mill-Kunsill għal din is-sentenza tal-Qorti EDB ma huwiex propizju, għaliex din teżamina l-protezzjoni tar-reputazzjoni biss fir-rigward tar-restrizzjonijiet li jistgħu jsiru fuq il-libertà ta’ espressjoni. Iż-żamma ta’ reputazzjoni tajba huwa element partikolarment importanti fis-suq tal-assigurazzjoni li hija topera fih, peress li dan is-suq huwa bbażat fuq relazzjonijiet ta’ fiduċja bejn l-operaturi. Ir-rikorrenti ssostni li, qabel l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, hija kienet tgawdi minn reputazzjoni tajba fuq livell internazzjonali, kif jixhed il-fatt li hija kienet teżerċita attivitajiet ta’ assigurazzjoni f’dan il-livell, li hija kkonkludiet kuntratti ma’ kumpanniji internazzjonali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ fama, li hija ngħatat ċertifikati ta’ kwalità magħrufa fuq livell internazzjonali u li l-għarfien espert tal-membri tagħha ġie rrikonoxxut f’dan l-istess livell, kif juri l-fatt li huma ħadu sehem f’konferenzi professjonali u laqgħat xjentifiċi internazzjonali. L-atti kontenzjużi, li assoċjaw isimha ma’ theddida serja għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali u wasslu għat-tmiem mhux intenzjonat tan-negozju tagħha fl-UE, għamlu ħsara lir-reputazzjoni tagħha. Skont ir-rikorrenti, wara l-adozzjoni tagħhom, hija la setgħet tikkonkludi kuntratti ma’ kumpanniji internazzjonali, la tieħu sehem f’laqgħat xjentifiċi u konsultattivi, fl-attivitajiet ta’ assoċjazzjoni professjonali jew fil-laqgħat organizzati fil-livell internazzjonali, u lanqas ma tiġi kklassifikata minn organi internazzjonali ta’ klassifikazzjoni. Fi kwalunkwe każ, fis-settur kummerċjali, malli operatur iwaqqaf l-attivitajiet tiegħu involontarjament, il-ħsara għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà tiegħu hija evidenti u inevitabbli. Wara t-tneħħija tal-miżuri restrittivi fil-konfront tagħha, fl‑2016, ir-reġistrazzjoni tagħha f’seminars professjonali baqgħet diffiċli, jekk mhux impossibbli. Sabiex iġġib lura r-reputazzjoni tagħha, ikollha bżonn tagħmel kampanja pubbliċitarja globali, li l-ispiża stmata tagħha hija ta’ USD 45 miljun (madwar EUR 38.7 miljun). Peress li din għadha ma evalwatx preċiżament l-ispejjeż għall-istabbiliment mill-ġdid tar-reputazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’, fil-kuntest ta’ miżura istruttorja, taħtar espert indipendenti sabiex iwettaq din l-evalwazzjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li ma huwiex neċessarju li turi li hija ppreżentat xi spejjeż, b’mod partikolari għar-reklamar, sabiex tirrestawra r-reputazzjoni tagħha. Huwa biżżejjed li tinvoka l-eżistenza ta’ dannu għar-reputazzjoni tagħha, li r-restawr tagħha jinvolvi nefqa sinjifikattiva.

125    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li, fi kwalunkwe każ, hemm lok li t-talba għall-kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab għandha tiġi miċħuda bħala infondata. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li, fl-atti kontenzjużi, ir-rikorrenti ma ġietx stigmatizzata bħala organizzazzjoni li tikkostitwixxi, bħala tali, theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali u li, barra minn hekk, hija ma ressqet ebda prova f’dan is-sens. Hija ġiet identifikata biss bħala persuna involuta, permezz tal-attivitajiet tagħha, fix-xiri ta’ diversi oġġetti li jistgħu jintużaw fi programmi li huma suġġetti għal miżuri skont ir-Riżoluzzjoni 1737 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li kien biżżejjed sabiex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi. Ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li turi li hija ġarrbet dannu morali minħabba l-adozzjoni tal-imsemmija atti, kif teħtieġ il-ġurisprudenza (digriet tas‑17 ta’ Frar 2012, Dagher vs Il‑Kunsill, T‑218/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:82, punt 46). Xejn ma juri li hija kienet tgawdi minn reputazzjoni tajba fil-livell internazzjonali, li ġarrbet lucrum cessans minħabba d-dannu għal din ir-reputazzjoni u li għamlet spejjeż f’kampanji ta’ reklamar jew oħrajn sabiex tirrestawra din l-istess reputazzjoni. L-artiklu tal-istampa prodott bħala anness mar-rikors, dwar l-ispiża stmata ta’ kampanja pubbliċitarja globali, huwa irrilevanti, peress li jikkonċerna kumpannija mingħajr rabta mar-rikorrenti, li topera f’settur ta’ attività u kontinent differenti minn dawk li fihom hija attiva hi, u mingħajr rabta mal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni. L-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jinsabu fir-risposta ma jipprovawx l-eżistenza ta’ dannu għar-reputazzjoni tagħha u, għalhekk, ta’ dannu morali li huwa marbut miegħu. Fi kwalunkwe każ, bħal ma kkonstatat il-Qorti EDB fil-punt 22 tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2011, Uj vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2011:0719JUD 002395410), hemm distinzjoni bejn id-dannu għar-reputazzjoni kummerċjali ta’ kumpannija u d-dannu għar-reputazzjoni ta’ persuna fir-rigward tal-istatus soċjali tagħha, peress li tal-ewwel ma għandux dimensjoni morali. Il-Qorti Ġenerali stess għamlet riferiment għal din il-ġurisprudenza f’kawża li tirrigwarda miżuri restrittivi (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Akhras vs Il‑Kunsill, T‑579/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:97, punt 152). Ir-rikorrenti qed tipprova tevita l-obbligu tagħha li tipprova l-eżistenza tad-dannu li hija qed tallega u li tikkwantifikah, billi titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex taħtar espert fil-kuntest ta’ miżura istruttorja. Jekk il-Qorti Ġenerali kellha tqis li l-Unjoni għandha responsabbiltà mhux kuntrattwali, għandha tikkunsidra, skont il-ġurisprudenza, li l-annullament tal-atti kontenzjużi kien jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu morali imġarrab mir-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, l-ammont ta’ EUR 1 miljun mitlub mir-rikorrenti bħala kumpens għad-dannu morali li hija ġarrbet huwa eċċessiv, fid-dawl tal-ġurisprudenza, u mhux issostanzjat.

126    Il-Kummissjoni żżid li t-tip ta’ dannu morali invokat mir-rikorrenti, jiġifieri l-ispiża ta’ kampanja pubbliċitarja sabiex terġa’ tistabbilixxi r-reputazzjoni tagħha, jikkoinċidi ma’ dannu materjali, li tiegħu għandha tagħti prova tan-natura reali u konkreta.

127    Fir-rigward tal-kumpens għad-dannu li hija tiddeskrivi bħala “morali”, ir-rikorrenti tirreferi għal dannu għar-reputazzjoni tagħha, minħabba l-assoċjazzjoni ta’ isimha ma’ theddida serja għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, li r-realtà tiegħu hija effettivament żvelata mill-fatt li l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi affettwat l-aġir ta’ terzi fil-konfront tagħha u li l-portata tiegħu jista’ jitkejjel meta mqabbel mal-ispiża tal-investiment pubbliċitarju li jkollha tagħmel sabiex tirrestawra r-reputazzjoni tagħha.

128    Id-dannu li għalih ir-rikorrenti qed titlob kumpens, fir-rigward ta’ dannu morali, huwa ta’ natura immaterjali u jikkorrispondi għal dannu għall-immaġni jew għar-reputazzjoni tagħha.

129    Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li dannu morali jista’, bħala prinċipju jiġi kkumpensat fir-rigward ta’ persuna ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il‑Kummissjoni, T‑230/95, EU:T:1999:11, punt 37, u tal‑15 ta’ Ottubru 2008, Camar vs Il‑Kummissjoni, T‑457/04 u T‑223/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:439, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li dan id-dannu jista’ jieħu l-forma ta’ dannu għall-immaġni jew għar-reputazzjoni tal-imsemmija persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il‑Kummissjoni, T‑231/97, EU:T:1999:146, punti 53 u 69; tat‑8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni, T‑88/09, EU:T:2011:641, punti 70 sa 76, u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 80 sa 85).

130    Inkwantu l-Kunsill għandu l-intenzjoni li jinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, għandu jitfakkar li din ma teskludix, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha stess u fid-dawl ta’ din il-prattika, li jista’ jkun hemm, anki għal kumpannija kummerċjali, dannu mhux materjali li jitlob kumpens finanzjarju, għalkemm tali kumpens jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża (Qorti EDB, 6 ta’ April 2000, Comingersoll S.A. vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2000:0406JUD 003538297, punti 32 u 35). Dan id-dannu jista’ jinkludi, għal tali kumpannija, elementi xi ftit jew wisq “oġġettivi” u “suġġettivi”, fosthom ir-reputazzjoni tal-kumpannija, li l-konsegwenzi tagħhom ma jistgħux jiġu kkalkolati eżattament (Qorti EDB, 6 ta’ April 2000, Comingersoll S.A. vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2000:0406JUD 003538297, punt 35). Kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Frar 2016, Magyar Tartalomszolgáltatók Egyesülete u index.hu Zrt vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2016:0202JUD 002294713, punt 84), din il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma ġietx ikkontestata mis-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Lulju 2011, Uj vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2011:0719JUD 002395410), iċċitata mill-Kunsill, li sempliċement speċifikat li tali dannu, għal kumpannija, kien ta’ natura kummerċjali iktar milli morali.

131    Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda kemm l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li d-dannu morali allegatament imġarrab mir-rikorrenti huwa konfuż mad-dannu materjali li hija ssostni u l-argument tal-Kunsill li r-rikorrenti, bħala kumpannija kummerċjali, ma tistax tiġi kkumpensata għal dannu morali li jikkorrispondi għal dannu kontra r-reputazzjoni tagħha.

132    F’dak li jirrigwarda r-realtà tad-dannu morali allegatament imġarrab, għandu jitfakkar li, fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ tali dannu, għalkemm il-produzzjoni jew il-proposta ta’ provi ma hijiex neċessarjament meqjusa bħala kundizzjoni għar-rikonoxximent ta’ tali dannu, madankollu hija tal-inqas ir-responsabbiltà tar-rikorrenti li tistabbilixxi li l-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni kkonċernata kien ta’ natura li kkawżalha tali dannu (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il‑Kummissjoni, T‑230/95, EU:T:1999:11, punt 39).

133    Barra minn hekk, għalkemm fis-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-annullament ta’ miżuri restrittivi illegali kien ta’ natura li jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu morali mġarrab, madankollu dan ma jfissirx li din il-forma ta’ kumpens hija neċessarjament suffiċjenti, fil-każijiet kollha, sabiex ikun żgurat kumpens sħiħ għal dan id-dannu, peress li kwalunkwe deċiżjoni f’dan ir-rigward għandha tittieħed abbażi ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fil-każ (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 49).

134    F’dan il-każ, l-uniċi provi ammissibbli mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux madankollu li jiġi kkonstatat li r-rikonoxximent tal-illegalità tal-aġir attribwit lill-Kunsill u l-annullament tal-atti kontenzjużi ma kinux biżżejjed, bħala tali, sabiex jikkumpensaw id-dannu morali allegatament imġarrab minħabba d-dannu kkawżat mill-atti kkontestati għar-reputazzjoni tagħha.

135    Għalhekk u mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali, hemm lok li t-talba għal kumpens ta’ dannu morali magħmula mir-rikorrenti tiġi miċħuda.

b)      Fuq id-dannu materjali allegatament imġarrab

136    Ir-rikorrenti tallega li ġarrbet dannu materjali minħabba l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi. F’dan ir-rigward, hija titlob li l-Kunsill jiġi kkundannat iħallasha, fir-rikors, ħlasijiet ta’ ammont ta’ EUR 3 774 187.07, ta’ GBP 84 767.66 (madwar EUR 94 939) kif ukoll ta’ USD 1 532 688 (madwar EUR 1 318 111). Fir-replika, hija bidlet it-talbiet tagħha billi talbet kumpens ta’ ammont rispettiv ta’ EUR 2 494 484.07, ta’ GBP 84 767.66 (madwar EUR 94 939), ta’ IRR 33 945 miljun (madwar EUR 678 900) u ta’ USD 1 532 688 (madwar EUR 1 318 111).

137    Ir-rikorrenti b’hekk tiddistingwi tliet elementi, fid-dannu materjali li hija tinvoka.

138    L-ewwel element tad-dannu materjali allegatament imġarrab jikkonsisti f’telf ta’ interessi li r-rikorrenti setgħet tirċievi li kieku l-fondi ddepożitati fil-kontijiet tagħha fl-Unjoni ġew ittrasferiti u kkapitalizzati fl-Iran. Il-perijodu li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, jestendi minn Lulju 2010, li matulu ttieħdu l-ewwel miżuri restrittivi fil-konfront tagħha, sa Novembru 2013, li fih l-atti kontenzjużi waqfu jipproduċu l-effetti tagħhom. Għal dan l-element, ir-rikorrenti titlob, fir-rikors, ħlasijiet li jammontaw għal EUR 17 733.48, GBP 2 544.82 (madwar EUR 2 850) kif ukoll USD 421.05 (madwar EUR 362).

139    It-tieni element tad-dannu materjali allegatament imġarrab jikkonsisti f’telf ta’ interessi li r-rikorrenti setgħet tirċievi li kieku s-somom li tliet kumpanniji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kellhom iħallsuha fuq il-kontijiet tagħha fl-Unjoni ġew ittrasferiti u kkapitalizzati fl-Iran. Il-perijodu li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, jestendi mid-data tal-ħlas tal-pretensjonijiet involuti sax-xahar ta’ Novembru 2013, li fih l-atti kontenzjużi waqfu jipproduċu l-effetti tagħhom. Għal dan l-element, ir-rikorrenti titlob, fir-rikors, ħlasijiet ta’ ammont ta’ EUR 557 196.09, ta’ GBP 82 222.84 (madwar EUR 92 089) kif ukoll ta’ USD 1 532 266.95 (madwar EUR 1 317 749).

140    It-tielet element tad-dannu materjali allegatament imġarrab jikkorrispondi għal lucrum cessans li r-rikorrenti tqis li ġarrbet minħabba n-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanzija. Il-perijodu li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, jestendi minn Lulju 2010, li matulu ttieħdu l-ewwel miżuri restrittivi fil-konfront tagħha, sa Novembru 2013, li fih l-atti kontenzjużi waqfu jipproduċu l-effetti tagħhom. Għal dan l-element, ir-rikorrenti titlob, fir-rikors, kumpens ta’ EUR 3 199 257.50 għan-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport tal-passiġġieri, u tindika li l-ammont tal-kumpens għan-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport tal-merkanzija għandu jiġi stabbilit fi stadju iktar tard tal-proċedura. Fir-replika, hija titlob kumpens ta’ EUR 1 919 554.50 għan-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport tal-passiġġieri, kif ukoll kumpens ta’ ammont ta’ IRR 33 945 miljun (madwar EUR 678 900), għan-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport tal-merkanzija.

141    Sabiex tiġi stabbilita r-realtà tal-elementi kollha tad-dannu materjali allegatament imġarrab, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq ir-Rapport SRA. F’dikjarazzjoni annessa mar-replika, l-Istitut SRA jiċċertifika li osserva l-prinċipji tal-indipendenza u tal-imparzjalità, ivverifika l-provi u d-dokumenti rilevanti u kellu laqgħat mad-diretturi u l-awtoritajiet kompetenti. Skont ir-rikorrenti, huwa inevitabbli li sabiex turi lucrum cessans, tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet raġonevoli.

142    F’dak li jikkonċerna l-ewwel element tad-dannu materjali allegatament imġarrab, ir-rikorrenti ssostni li l-ammonti ddepożitati fil-kontijiet tagħha fl-Unjoni jirriżultaw b’mod suffiċjenti fid-dritt mid-dokumenti annessi mar-rikors. Ir-Rapport SRA għamel stima prudenti tar-redditu li seta’ jirriżulta mill-ammonti involuti fl-Iran, billi applikalhom rata tal-interessi ta’ 6 % li ġiet iċċertifikata mill-Istitut SRA.

143    Fl-istadju tar-replika u tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti tinsisti fuq il-fatt li, minħabba l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, hija ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tiddisponi mill-fondi li kienu ġew iffriżati fuq il-kontijiet tagħha fl-Unjoni u, b’mod partikolari, milli terġa’ tinvestihom b’mod dinamiku u profittabbli fl-Iran. L-Istitut SRA ibbaża l-istimi tiegħu fuq il-prattika tagħha li tuża l-muniti barranin li kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkonkludi kuntratti ta’ riassigurazzjoni ddenominati f’dawn l-istess muniti. Barra minn hekk, huwa komuni, fl-Iran, li kuntratti ta’ assigurazzjoni jew kontijiet ikunu ddenominati f’muniti barranin.

144    F’dak li jikkonċerna t-tieni element tad-dannu materjali allegatament imġarrab, ir-rikorrenti ssostni li l-ammonti li t-tliet kumpanniji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kellhom iħallsu fil-kontijiet tagħha fl-Unjoni jirriżultaw minn dokumenti annessi mar-rikors. Dawn ġew ivverifikati mill-Istitut SRA qabel ma ġew inklużi fir-Rapport SRA. L-interessi mitlufa fuq dawn l-ammonti ġew ikkalkolati skont metodu spjegat fir-rapport. Fl-istadju tar-replika u tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent, hija tinsisti fuq il-fatt li, minħabba l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, hija ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li jkollha muniti barranin li kienu dovuti lilha minn tliet kumpanniji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u, b’mod partikolari, milli terġa’ tinvestihom b’mod dinamiku u profittabbli fl-Iran.

145    Fir-rigward tat-tielet element tad-dannu materjali allegatament imġarrab, ir-rikorrenti ssostni li l-eżistenza ta’ profitti potenzjali mitlufa minħabba l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi hija evidenzjata mill-fatt li hija kienet tikkonkludi kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport tal-passiġġieri fl-Unjoni qabel l-imsemmija adozzjoni, kif jindika r-Rapport SRA u kif turi n-nota ta’ kreditu lil kumpannija tal-assigurazzjoni, ippreżentata bħala anness mar-rikors. It-telf ta’ dawn il-kuntratti fl-Unjoni, huwa marbut mal-imsemmija atti u mhux mal-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti, li kienet applikabbli biss fit-territorju tal-Istati Uniti. Stima tal-għadd u tal-valur ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport tal-passiġġieri mhux issottoskritti, ibbażata fuq in-numru u l-valur tal-kuntratti ssottoskritti qabel, tidher f’dan ir-rapport. L-Istitut SRA jiċċertifika, f’dokument anness mar-replika, li bbaża din l-istima fuq id-“data ta’ poloz ta’ assigurazzjoni sottoskritti matul is-sentejn qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, fuq il-bażi ta’ rapporti finanzjarji awditjati [tar-rikorrenti] f’kooperazzjoni ma’ [din il-kumpannija tal-assigurazzjoni]”. Fl-istadju tar-replika, hija applikat, skont l-istruzzjonijiet ta’ dan l-istitut, tnaqqis ta’ 40 %, li jirrifletti l-livell tal-ispejjeż tagħha, fuq l-ammont tal-kumpens inizjalment mitlub fir-rikors, għan-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għall-passiġġieri. Dwar in-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport tal-merkanzija, l-ammont ta’ dannu ġie stmat, minn din l-istituzzjoni, permezz tal-applikazzjoni diretta ta’ tnaqqis ta’ 40 % korrispondenti għall-ispejjeż tagħha.

146    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta, fi kwalunkwe każ, li r-rikorrenti pprovat l-eżistenza tat-tliet elementi tad-dannu materjali allegatament imġarrab.

147    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-valur probatorju tar-Rapport SRA, sa fejn ma huwiex sostnut minn dokumenti ddettaljati, iċċertifikati minn espert indipendenti u estern għar-rikorrenti, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza. Barra minn hekk, l-imsemmi rapport huwa miktub bil-Farsi u akkumpanjat minn traduzzjoni libera tar-rikorrenti. Id-dikjarazzjoni tal-Istitut SRA prodotta mir-rikorrenti sabiex turi l-affidabbiltà ta’ tali rapport ma hijiex biżżejjed sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ prova. Ir-rikorrenti ma pproduċietx il-provi li fuqhom ibbaża ruħu dan l-istitut sabiex iħejji r-rapport tiegħu. Hija ma tistax validament tippretendi li dawn l-elementi jkunu kunfidenzjali, għaliex id-dispożizzjonijiet Iranjani dwar id-dmir tal-kunfidenzjalità ma għandhomx jegħlbu fuq il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni, li teżiġi li hija tipprovdi prova tad-dannu li hija tallega u r-rabta kawżali bejn dan tal-aħħar u l-illegalità allegata.

148    Fir-rigward tal-ewwel element tad-dannu materjali allegatament imġarrab, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jargumenta li r-Rapport SRA huwa bbażat fuq sempliċi suppożizzjoni ta’ dannu, mingħajr ma jispjega kif dan huwa effettivament prodott. Huwa ma jinkludi l-ebda spjegazzjoni jew dokumentazzjoni preċiża u għalhekk ma huwiex suffiċjenti sabiex jipprova l-eżistenza ta’ dan l-element. Huwa impossibbli li wieħed ikun jaf jekk dan ir-rapport jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li setgħu akkumulaw l-interessi fuq il-kontijiet tar-rikorrenti fl-Unjoni. L-atti kontenzjużi ma pprekludewx il-ħlas ta’ tali interessi iżda biss il-ġbid eventwali tagħhom. Bħala prinċipju, ir-rikorrenti ma ġarrbet ebda dannu li rriżulta mit-telf tal-interessi dovut fuq il-kontijiet tagħha fl-Unjoni. Ir-rikorrenti ma wrietx li, li kieku hija setgħet tinvesti mill-ġdid fl-Iran l-ammonti ffriżati fil-kontijiet tagħha fl-Unjoni, hija setgħet tibbenefika minn rata ta’ interessi medja ta’ 6 %, jiġifieri rata ta’ interessi akkumulata ta’ 19 % fuq tliet snin. Hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, kieku dawn l-ammonti ġew maqluba fil-munita nazzjonali tagħha, kienu jitilfu l-valur tagħhom minħabba l-waqgħa ta’ 57 % tal-valur tar-rial Iranjan kontra l-euro bejn Lulju 2010 u Novembru 2013. Ir-rikorrenti lanqas ma pproduċiet il-prova li hija setgħet tibbenefika minn rata ta’ interessi medja ta’ 6 % fuq kontijiet iddenominati f’euro.

149    Dwar it-tieni element tad-dannu materjali allegatament imġarrab, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argument li r-rikorrenti wriet li hija setgħet tirċievi r-remunerazzjoni li hija tallega fuq l-ammonti li kellhom jingħatawlha minn tliet kumpanniji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Huwa jibbaża ruħu fuq l-istess argumenti bħal dawk li jagħmel qabel dwar l-ammonti ffriżati fil-kontijiet tar-rikorrenti (punt 148 iktar ’il fuq). Huwa jinnota li d-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti ma fihom l-ebda prova tal-ammonti li kienu allegatament dovuti lilha mit-tliet kumpanniji kkonċernati.

150    Dwar it-tielet komponent tad-dannu materjali allegatament imġarrab, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jargumenta li, meta d-dannu allegat jirriżulta mit-telf tal-possibbiltà li jitwettqu attivitajiet kummerċjali ta’ natura spekulattiva, kif huwa l-każ f’din il-kawża, l-istandard ta’ prova mitlub huwa partikolarment għoli skont il-ġurisprudenza. Ir-rikorrenti ma rrispettatx dan il-livell ta’ prova. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport ta’ passiġġieri, hija tillimita ruħha li tiddeduċi t-telf subit minnha bejn ix-xhur ta’ Lulju 2010 u ta’ Novembru 2013, finalment stmat għal EUR 1 919 554.50, mill-fatturat annwali medju ta’ EUR 969 471.97, li hija kienet għamlet fuq dan it-tip ta’ kuntratti matul is-sentejn ta’ qabel. Madankollu, hija ma pprovdiet l-ebda kuntratt tal-assigurazzjoni għat-trasport ta’ passiġġieri li kienu ġew issottoskritti fl‑2008 u fl‑2009. In-nota ta’ kreditu lil kumpannija tal-assigurazzjoni fil-Ġermanja, prodotta mir-rikorrenti, la turi li hija kienet ikkonkludiet ma’ din il-kumpannija kuntratt ekwivalenti għall-ammonti li qed titlob u lanqas li hija kellha xi relazzjoni kuntrattwali fit-tul magħha. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tonqos milli tikkunsidra li l-lucrum cessans jista’ jikkorrispondi biss għall-profitt miksub fuq il-fatturat u mhux għall-fatturat innifsu. Fl-assenza ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż tar-rikorrenti, inklużi dawk relatati mal-kuntratt li hija ssostni li kkonkludiet ma’ kumpannija tal-assigurazzjoni, jew fin-nuqqas ta’ verifika tal-affidabbiltà tal-informazzjoni mogħtija f’dan ir-rigward, b’mod partikolari meta hija tallega li l-livell tal-ispejjeż tagħha huwa ta’ 40 %, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat l-ammont eżatt tat-telf eventwalment imġarrab minnha. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport tal-merkanzija, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tnaqqas il-lucrum cessans li ġarrbet minn nota nieqsa minn valur probatorju, peress li ġiet stabbilita mir-rikorrenti stess, u mhux preċiża, sa fejn hija ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni fuq in-natura tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni allegatament affettwati u lanqas fuq il-lucrum cessans relatat ma’ dawn il-kuntratti.

151    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti hija intitolata, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li tinvoka biss id-dannu materjali relatat mal-perijodu li matulu ġew iffriżati l-fondi tagħha permezz tal-atti kontenzjużi, jiġifieri l-perijodu mis‑27 ta’ Ottubru 2010 sal‑15 ta’ Novembru 2013 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”).

152    Inkwantu parti kbira mill-pretensjonijiet tar-rikorrenti dwar id-dannu materjali hija bbażata fuq l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-Rapport SRA, li l-valur probatorju tiegħu huwa kkontestat mill-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, hemm lok li l-ewwel jiġi eżaminat il-valur probatorju ta’ dan ir-rapport.

1)      Fuq il-valur probatorju tar-Rapport SRA li jevalwa d-dannu materjali allegatament imġarrab

153    Fl-assenza ta’ regolamenti tal-Unjoni dwar il-kunċett ta’ prova, il-qorti tal-Unjoni ddedikat prinċipju ta’ libera amministrazzjoni tal-provi jew tal-libertà tal-mezzi ta’ prova, li għandu jinftiehem bħala l-fakultà li jintużaw, sabiex jiġi pprovat ċertu fatt, mezzi ta’ prova ta’ kwalunkwe natura, bħal, pereżempju xhieda, provi dokumentarji, ammissjonijiet, eċċ. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2000, Met-Trans u Sagpol, C‑310/98 u C‑406/98, EU:C:2000:154, punt 29; tat‑8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, EU:T:2004:220, punt 72, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑511/06 P, EU:C:2008:604, punti 113 u 114). Fl-istess ħin, il-qorti tal-Unjoni ddedikat prinċipju ta’ libertà ta’ evalwazzjoni tal-prova, li jgħid li d-determinazzjoni tal-kredibbiltà jew, fi kliem ieħor, tal-valur probatorju ta’ prova jitħalla għall-ġudizzju uniku tal-qorti (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, EU:T:2004:220, punt 72, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑511/06 P, EU:C:2008:604, punti 111 u 112).

154    Sabiex jiġi stabbilit il-valur probatorju ta’ dokument, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħalma huma l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja, id-destinatarju tiegħu, il-kontenut, u jekk, abbażi ta’ dawn l-elementi, l-informazzjoni li tidher fih hijiex raġonevoli u affidabbli (sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 1838, u tas‑7 ta’ Novembru 2002, Vela u Tecnagrind vs Il‑Kummissjoni, T‑141/99, T‑142/99, T‑150/99 u T‑151/99, EU:T:2002:270, punt 223).

155    F’dan il-kuntest, il-qorti tal-Unjoni diġà qieset li analiżi, ippreżentata minn rikorrent, ma tistax titqies bħala perizja newtrali u indipendenti, inkwantu tkun intalbet u ġiet iffinanzjata mir-rikorrent innifsu u stabbilita abbażi ta’ databases pprovduti minnu, mingħajr ma l-eżattezza u r-rilevanza ta’ din id-data ma jkunu ġew suġġetti għal kwalunkwe verifika indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑110/07, EU:T:2011:68, punt 137).

156    Il-qorti tal-Unjoni diġà kellha l-opportunità li tikkonferma wkoll li rapport ta’ espert jista’ jiġi kkunsidrat li għandu valur probatorju biss jekk il-kontenut ikun oġġettiv u li sempliċi affermazzjoni mhux sostnuta li tkun tinsab f’tali dokument, ma hijiex, fiha nnifisha, konklużiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il‑Kummissjoni, T‑274/01, EU:T:2004:266, punt 71).

157    Huwa fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 153 sa 156 iktar ’il fuq li hemm lok li jiġi evalwat, f’dan il-każ, il-valur probatorju tar-Rapport SRA.

158    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-Rapport SRA ġie mfassal oriġinarjament bil-Farsi u li t-traduzzjoni pprovduta mir-rikorrenti, fil-lingwa tal-kawża, hija traduzzjoni libera. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ma hijiex assigurata li t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża tar-rapport ipprovdut mir-rikorrenti tikkorrispondi mat-test oriġinali. Barra minn hekk, dan ir-rapport ġie mfassal minn entità stabbilita fl-Iran, l-Istitut SRA, li hija ppreżentata bħala awditur uffiċjali. Madankollu ebda prova f’dan ir-rigward ma ddaħħlet fil-proċess. Jirriżulta mit-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża tal-istess rapport li “l-awditu [li fih kien] sar biss sabiex jgħin lil [ir-rikorrenti] fl-evalwazzjoni tal-ammont tad-dannu li hija ġarrbet” minħabba l-atti kontenzjużi. Għaldaqstant ir-rapport inkwistjoni ġie mfassal fuq talba tar-rikorrenti u ffinanzjat minnha sabiex tipprova, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ir-realtà u l-portata tad-dannu materjali allegat. Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża ta’ dan ir-rapport, dan tal-aħħar huwa bbażat essenzjalment fuq dokumenti jew data trażmessa mir-rikorrenti. Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li d-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti ma humiex annessi mar-rapport u ma ġewx prodotti fil-kuntest ta’ din il-kawża, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu konjizzjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, it-traduzzjoni bil-lingwa tal-proċedura tar-rapport inkwistjoni tindika li l-figuri ppreżentati mir-rikorrenti ġew adottati fl-assenza ta’ “kwalunkwe prova tal-ineżattezza tagħhom”.

159    Għalkemm jirriżulta, mit-traduzzjoni libera fil-lingwa tal-kawża tad-dikjarazzjoni tal-Istitut SRA, li dan tal-aħħar huwa awditur ikkwalifikat suġġett għall-osservanza tal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u li “eżamina l-provi u d-dokumenti” mibgħuta mir-rikorrenti, kif jingħad ukoll fir-Rapport SRA, għandu jiġi osservat li din id-dikjarazzjoni ġejja minn dikjarant li huwa stess jiddikjara li ma hija sostnuta minn ebda element estern li jikkorrobora l-kontenut tagħha.

160    Minħabba l-kuntest li fih ġie stabbilit ir-Rapport SRA u skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 153 sa 156 iktar ’il fuq, il-valur probatorju ta’ dan ir-rapport għandu jkun irrelattivizzat ħafna. Dan ma jistax jitqies li huwa biżżejjed sabiex jipprova dak li hemm fih, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-realtà u l-portata tad-dannu allegat. L-iktar l-iktar jista’ jiswa bħala bidu ta’ prova, li għandu jkun ikkorroborat minn provi oħra.

2)      Fuq l-ewwel element tad-dannu materjali allegatament imġarrab

161    Sa fejn, sabiex tipprova l-ewwel element tad-dannu materjali allegatament imġarrab, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-punt 1 tar-Rapport SRA, hemm lok li jitfakkar li, kif diġà ġie osservat fil-punt 160 iktar ’il fuq, dan ir-rapport ma jistax jitqies bħala suffiċjenti sabiex jipprova l-kontenut tiegħu u li għandu jiġi kkorroborat minn provi oħra.

162    L-uniċi provi ammissibbli pprovduti mir-rikorrenti huma ittri ta’ bank tas‑6 u tat‑23 ta’ Awwissu 2010, ta’ bank ieħor tat‑23 ta’ Awwissu 2010 u tal‑25 ta’ April 2014 u tat-tielet bank tat‑28 ta’ Lulju 2010 u tat‑22 ta’ April 2014, li jindikaw l-ammonti totali ta’ EUR 89 563.02, ta’ GBP 12 853.84 (madwar EUR 14 396) u ta’ USD 2 126.51 (madwar EUR 1 828) iddepożitati mir-rikorrenti fuq kontijiet fl-Unjoni u li kienu suġġetti għall-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi meħuda fir-rigward tagħha mis‑26 ta’ Lulju 2010 ’l quddiem. Dawn l-ittri jidhru li servew bħala bażi għall-ammonti mogħtija fl-ewwel tabella riprodotta fil-punt 1 tar-Rapport SRA. Huma juru wkoll li t-talbiet għat-trasferiment ta’ fondi li r-rikorrenti bagħtet lill-imsemmija banek matul is-sajf tal‑2010 ġew miċħuda minn dawn tal-aħħar minħabba l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda fir-rigward tagħha mis‑26 ta’ Lulju 2010 ’l quddiem.

163    Il-Kunsill ma kkontestax l-ammonti msemmija fl-ittri msemmija fil-punt 161 iktar ’il fuq iżda josserva, essenzjalment, li r-rikorrenti ma stabbilixxietx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, la li dawn l-ammonti ma kienu pproduċew l-ebda interessi matul il-perijodu rilevanti u lanqas li dawn l-ammonti kienu se jġibulha interessi annwali ta’ 6 % matul il-perijodu rilevanti, li kieku ġew ittrasferiti fl-Iran. Il-Kummissjoni osservat ukoll, fil-punt 11(i) tan-nota ta’ intervent, li “l-Annessi A.12 sa A.14 [tar-rikors] joffru stampa każwali u mhux kompluta tat-tranżazzjonijiet individwali u tal-bilanċi tal-kontijiet”.

164    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-informazzjoni li tinsab fl-ittri msemmija fil-punt 161 iktar ’il fuq hija simili għal sempliċi dikjarazzjonijiet maħruġa mill-banek inkwistjoni. Għalkemm dawn id-dikjarazzjonijiet saru minn banek li huma stess kienu suġġetti għal miżuri restrittivi, dawn ma humiex bilfors nieqsa minn kull valur probatorju, minħabba n-natura preċiża, dettaljata u raġonevoli. Fil-fatt, dawn id-dikjarazzjonijiet jirreferu għal numri ta’ kontijiet u għal ammonti preċiżi u relattivament modesti fis‑6 ta’ Awwissu 2010, fil-każ tal-ewwel bank imsemmi fil-punt 162 iktar ’il fuq, fl‑20 ta’ Marzu 2013, fil-każ tat-tieni bank imsemmi fil-punt 162 iktar ’il fuq, u fl‑20 ta’ Marzu 2014, fil-każ tat-tielet bank imsemmi fil-punt 162 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq in-natura aleatorja tal-ammonti msemmija għandu sa ċertu punt jiġi rrelattivizzat fid-dawl tal-fatt li l-fondi tar-rikorrenti baqgħu ffriżati b’mod kontinwu bejn is‑27 ta’ Lulju 2010 u t‑18 ta’ Ottubru 2015, data li fiha isem ir-rikorrenti tneħħa mil-listi kontenzjużi u tal-fatt li, ħlief għall-akkumulazzjoni tal-interessi, la parti terza u lanqas ir-rikorrenti ma kellhom jagħmlu trasferimenti lejn dawk il-kontijiet wara l-adozzjoni tal-ewwel miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrenti. Barra minn hekk, it-talbiet ta’ trasferiment ta’ fondi mibgħuta mir-rikorrenti lit-tieni u lit-tielet bank imsemmija iktar ’il fuq jikkonfermaw li ammonti ekwivalenti għal dak speċifikati f’Marzu 2013 jew f’Marzu 2014 kienu diġà jidhru fil-kontijiet tar-rikorrenti fis-sajf tal‑2010.

165    Madankollu, sabiex jikkostitwixxu prova suffiċjenti tal-ewwel element tad-dannu materjali allegatament imġarrab, id-dikjarazzjonijiet li jinsabu fir-Rapport SRA u l-ittri msemmija fil-punt 161 iktar ’il fuq kellhom jiġu kkorroborati minn elementi oħra ta’ prova.

166    Fil-fatt, huma biss provi bħal dikjarazzjonijiet jew ftehimiet dwar kontijiet li jmorru lura għall-perijodu rilevanti li kienu jippermettu lill-Qorti Ġenerali tkun żgura li l-fondi ddepożitati fil-kontijiet inkwistjoni ma kinux inbidlu matul il-perijodu rilevanti kollu u li dawn il-fondi ma kienu pproduċew l-ebda interessi matul dan l-istess perijodu. L-ebda informazzjoni dwar l-interessi ma tidher fl-ittri tal-ewwel u tat-tielet bank imsemmija fil-punt 162 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għalkemm l-ittra tal‑25 ta’ April 2014 tat-tieni bank imsemmi fil-punt 162 iktar ’il fuq tindika li ma tħallas l-ebda interessi fuq il-kontijiet sal‑20 ta’ Marzu 2014, jew li tħallsu biss interessi negliġibbli, hija ma tippreċiżax minn liema data ġew ikkalkolati dawn l-interessi. Madankollu, il-fondi fil-kontijiet tar-rikorrenti fl-Unjoni matul il-perijodu rilevanti u l-informazzjoni dwar kwalunkwe interessi ġġenerati minn dawn il-fondi matul l-istess perijodu kienu informazzjoni essenzjali sabiex jiġi evalwat l-ewwel element tad-dannu materjali allegatament imġarrab.

167    Huwa importanti li wieħed jinnota li kellhom jiġu prodotti provi ammissibbli sabiex jiġi stabbilit li, kieku l-fondi fil-kontijiet tar-rikorrenti fl-Unjoni matul il-perijodu rilevanti setgħu ġew ittrasferiti fl-Iran, dawn kienu jipproduċu interessi annwali ta’ 6 %. L-ittri msemmija fil-punt 161 iktar ’il fuq ma fihom ebda informazzjoni f’dan ir-rigward. Il-fatt li r-Rapport SRA japplika tali rata, ippreżentata bħala r-“rata ta’ interessi annwali medja għall-kontijiet f’munita barranija” fit-tieni tabella riprodotta fil-punt 1 ta’ dan ir-rapport, ma huwiex biżżejjed, minħabba li dan ir-rapport fih innifsu mhux biżżejjed sabiex jipprova dak li hemm fih.

168    Għaldaqstant, ir-rikorrenti naqset milli tissodisfa l-obbligu tagħha li tipprova l-ewwel element tad-dannu materjali allegatament imġarrab li jikkorrispondi għat-telf ta’ interessi li hija setgħet tirċievi kieku ttrasferixxiet u kkapitalizzat fl-Iran, il-fondi ddepożitati fil-kontijiet tagħha fl-Unjoni.

169    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tikseb kumpens għad-dannu materjali allegatament imġarrab fir-rigward tal-ewwel element ta’ dan id-dannu.

3)      Fuq it-tieni element tad-dannu materjali allegatament imġarrab

170    Inkwantu, sabiex tipprova t-tieni element tad-dannu materjali allegatament imġarrab, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-punt 2 tar-Rapport SRA, għandu jitfakkar li dan ir-rapport ma jistax jitqies bħala suffiċjenti sabiex jipprova dak li hemm fih u li dan għandu jiġi kkorroborat minn provi oħra.

171    L-uniċi provi ammissibbli li r-rikorrenti pprovdiet f’dan ir-rigward huma rendikont ta’ kumpannija ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni li juri bilanċ totali dovut lir-rikorrenti ta’ EUR 1 053 268.62 fl‑1 ta’ April 2014, nota ta’ debitu għal ammont ta’ EUR 189 547.60 maħruġa mir-rikorrenti fir-rigward ta’ din il-kumpannija, fl‑20 ta’ April 2009, rendikont bil-Farsi, ta’ kumpannija oħra tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, nota ta’ debitu għal ammont ta’ EUR 265 444.21 maħruġa mir-rikorrenti fir-rigward ta’ din il-kumpannija fil‑5 ta’ Diċembru 2009, rendikont tat-tielet kumpannija tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li juri bilanċ dovut lir-rikorrenti ta’ EUR 1 344 859.30 fit‑30 ta’ Settembru 2014 u ittra u messaġġi elettroniċi mibgħuta minn din l-aħħar kumpannija lir-rikorrenti fil‑25 ta’ Novembru 2010 u fit‑2 u fit‑8 ta’ Ottubru 2012, li jindikaw l-impossibbiltà jew id-diffikultà ta’ pagamenti lir-rikorrenti minħabba s-sanzjonijiet meħuda fir-rigward tagħha.

172    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta li n-noti ta’ debitu u r-rendikonti prodotti mir-rikorrenti huma suffiċjenti sabiex jipprovaw l-ammont tal-fondi li kienu dovuti lilha mit-tliet kumpanniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni inkwistjoni u li l-ħlas tagħhom ġie iffriżat permezz tal-atti kontenzjużi. Barra minn hekk, huwa jqis li r-rikorrenti ma stabbilixxietx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li dawn il-fondi, li kieku setgħu jiġu trasferiti fl-Iran, kienu se jġibulha interessi annwali ta’ 6 % matul il-perijodu rilevanti.

173    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rendikont tat-tieni kumpannija tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni msemmija fil-punt 171 iktar ’il fuq ma huwiex prova li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, inkwantu huwa miktub bil-Farsi u ma ġiet ipprovduta l-ebda traduzzjoni bil-lingwa tal-kawża, jiġifieri l-Ingliż. B’mod partikolari, peress li ċ-ċifri użati f’dan id-dokument huma ċifri bil-Farsi, ma huwiex possibbli li tittieħed konjizzjoni tagħhom u li jiġu pparagunati ma’ dawk inklużi fid-dokumenti tar-rikorrenti. Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud kull valur probatorju ta’ dan id-dokument.

174    Ir-rendikonti tal-ewwel u t-tielet kumpannija tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni msemmija fil-punt 171 iktar ’il fuq ġew stabbiliti, rispettivament, fl‑1 ta’ April u fit‑30 ta’ Settembru 2014 u ma hemm ebda indikazzjoni fihom li tiżgura li dawn jirrigwardaw biss pretensjonijiet jew djun bejn kull waħda mit-tliet kumpanniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u r-rikorrenti li nħolqu matul il-perijodu rilevanti, jiġifieri bejn is‑27 ta’ Ottubru 2010 u l‑15 ta’ Novembru 2013. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dokumenti ma jipprovdux prova suffiċjenti tal-fondi dovuti lir-rikorrenti minn dawn il-kumpanniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u li l-ħlas tagħhom ġie iffriżat permezz tal-atti kontenzjużi.

175    In-noti ta’ debitu maħruġa mir-rikorrenti fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni kumpannija tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni msemmija fil-punt 171 iktar ’il fuq imorru lura, rispettivament, għall‑20 ta’ April u l‑5 ta’ Diċembru 2009 u neċessarjament jirreferu għal talbiet li nħolqu qabel il-perijodu rilevanti li matulu l-atti kkontestati pproduċew l-effetti tagħhom. Għalhekk dawn id-dokumenti ma humiex tali li jikkonfermaw il-fondi dovuti lir-rikorrenti minn dawn il-kumpanniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u li l-ħlas tagħhom ġie iffriżat permezz tal-atti kontenzjużi.

176    Fl-aħħar nett, l-ittra u l-messaġġi elettroniċi mibgħuta mit-tielet kumpannija tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni msemmija fil-punt 171 iktar ’il fuq lir-rikorrenti ma jsemmu l-ebda ammont dovut lil din tal-aħħar mill-imsemmija kumpannija. Għaldaqstant, dawn id-dokumenti ma humiex tali li jikkonfermaw il-fondi dovuti lir-rikorrenti minn din il-kumpannija ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni u li l-ħlas tagħhom ġie ffriżat permezz tal-atti kontenzjużi.

177    Fi kwalunkwe każ, l-ebda wieħed mid-dokumenti msemmija fil-punti 173 sa 176 iktar ’il fuq ma fih informazzjoni dwar il-possibbiltà li seta’ kellha r-rikorrenti li ddaħħal interessi annwali ta’ 6 % fuq dawn il-fondi, li kieku ġew ittrasferiti fl-Iran. Issa, kif diġà ġie osservat fil-punt 167 iktar ’il fuq, ċerti provi supplimentari u ammissibbli huma nieqsa f’dan ir-rigward fil-proċess.

178    Għaldaqstant, ir-rikorrenti naqset milli tissodisfa l-obbligu tagħha li tipprova t-tieni element tad-dannu materjali allegatament imġarrab, li jikkorrispondi għat-telf tal-interessi li hija setgħet tirċievi kieku hija kienet irċeviet, ittrasferixxiet u kkapitalizzat fl-Iran, il-fondi li kellhom iħallsuha tliet kumpanniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

179    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tikseb kumpens għad-dannu materjali allegatament imġarrab f’dak li jikkonċerna t-tieni element ta’ dan id-dannu.

4)      Fuq it-tielet element tad-dannu materjali allegatament imġarrab

180    Inkwantu, sabiex tipprova t-tielet element tad-dannu materjali allegatament imġarrab, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-punt 3 tar-Rapport SRA, għandu jitfakkar li dan ir-rapport ma jistax jitqies bħala suffiċjenti sabiex jipprova dak li hemm fih u li dan għandu jiġi kkorroborat minn provi oħra.

181    L-uniċi provi ammissibbli li r-rikorrenti pprovdiet f’dan ir-rigward huma nota ta’ kreditu ta’ ammont ta’ EUR 76 187.65 maħruġa fir-rigward ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni fl‑24 ta’ April 2010 kif ukoll ittra interna tal‑14 ta’ April 2014, bil-Farsi, mingħand id-Direttur tal-affarijiet legali u kuntrattwali, akkumpanjata minn traduzzjoni libera bil-lingwa tal-kawża.

182    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis, essenzjalment, li d-dokumenti prodotti mir-rikorrenti ma jurux l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali u sostenibbli ekwivalenti għall-ammonti li hija titlob.

183    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li n-nota ta’ kreditu maħruġa mir-rikorrenti fir-rigward ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni tmur lura għall‑20 ta’ April 2010 u tirreferi għall-implimentazzjoni ta’ programm ta’ assigurazzjoni tal-ivvjaġġar għal perijodu li jiġi qabel il-perijodu rilevanti li matulu l-atti kkontestati pproduċew l-effetti tagħhom. Dan id-dokument ma jipprovdi ebda indikazzjoni li l-programm ta’ assigurazzjoni tal-ivvjaġġar li jikkonċerna kien maħsub li jissokta jew jiġi mġedded, b’mod partikolari matul il-perijodu rilevanti, wara l-perijodu ta’ implimentazzjoni msemmi. Dan id-dokument għalhekk ma huwiex ta’ natura li jikkonferma lucrum cessans imġarrab mir-rikorrenti minħabba n-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija li kien relatat mal-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tar-rikorrenti fl-atti kontenzjużi.

184    Barra minn hekk, dwar l-ittra tal‑14 ta’ April 2014 mibgħuta mid-Direttur għall-affarijiet legali u kuntrattwali tar-rikorrenti jista’ jingħad li, bħala tali, għandha biss valur probatorju dgħajjef, inkwantu din ġiet tradotta liberament u nkitbet mill-istess parti li qed tinvokaha insostenn tat-talbiet tagħha stess. Fi kwalunkwe każ, mit-traduzzjoni libera ta’ din l-ittra jirriżulta li, “fuq il-bażi ta’ investigazzjoni qasira, id-danni mġarrba mill-kumpannija (primjums) li jirriżultaw mill-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea għal diversi xhur jammontaw għal [IRR] 56 601 043 645 [(madwar EUR 1 132 020)]”. Tali dikjarazzjoni hija wisq vaga u impreċiża sabiex jiġi kkonstatat li, matul il-perijodu rilevanti, ir-rikorrenti effettivament ġarrbet lucrum cessans, minħabba n-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, relatat mal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, għall-ammonti msemmija fid-dokumenti tagħha.

185    Għaldaqstant, ir-rikorrenti naqset milli tissodisfa l-obbligu tagħha li tipprova, b’mod suffiċjenti fid-dritt, it-tielet element tad-dannu materjali allegatament imġarrab li jikkorrispondi għal-lucrum cessans imġarrab minnha minħabba n-nuqqas ta’ sottoskrizzjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija.

186    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tikseb kumpens għad-dannu materjali allegatament imġarrab fir-rigward tat-tielet element ta’ dan id-dannu.

187    Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali, hemm lok li t-talba għall-kumpens ta’ dannu materjali magħmula mir-rikorrenti tiġi miċħuda kompletament.

188    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

189    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

190    Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Iran Insurance Company għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Valančius

Nihoul

Svenningsen

 

      Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Diċembru 2018.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.