Language of document : ECLI:EU:T:2018:932

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali upgrade your personality – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Slogan ta’ reklamar – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001”

Fil-Kawża T‑102/18,

Martin Knauf, residenti f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentat minn H. Jaeger, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn R. Manea u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑18 ta’ Diċembru 2017 (Każ R 1011/2017‑4) dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali upgrade your personality bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, P. Nihoul u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Frar 2018,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ April 2018,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil‑15 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrent, Martin Knauf, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali upgrade your personality.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassijiet 9 u 28 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u b’mod partikolari jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 9: “Programmi tal-kompjuter irreġistrati; programmi tal-kompjuter [softwer li jista’ jitniżżel]; softwer; softwer tal-logħbiet; softwer tal-logħob tal-vidjo; programmi tal-kompjuter għall-ipproċessar ta’ data; softwer tal-grafiċi għall-kompjuters; softwer tal-logħbiet tar-realtà virtwali; softwer tar-realtà virtwali; ġarrieri ottiċi tad-data li jinkludu softwer irreġistrat; ġarrieri tad-data manjetiċi rreġistrati minn qabel; kontenituri tal-logħob tal-vidjo; kasetts tal-vidjo; vidjos irreġistrati minn qabel”;

–        klassi 28: “Consoles tal-logħbiet”.

4        Fit‑3 ta’ Mejju 2017, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal trade mark għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq minħabba li din ma kinitx konformi mal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001). Min-naħa l-oħra, huwa ma qajjimx oġġezzjonijiet kontra l-imsemmija applikazzjoni fir-rigward ta’ prodotti u servizzi oħra li jaqgħu fil-klassijiet 9, 28 u 42. Fil‑15 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent ippreżenta appell kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur quddiem l-EUIPO sa fejn hija kienet tiċħad parzjalment din l-applikazzjoni.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2017, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell fl-intier tiegħu, abbażi biss tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Dan qies, essenzjalment, li s-sinjal verbali upgrade your personality kellu funzjoni purament ta’ tfaħħir u ta’ promozzjoni u ma kienx kapaċi jieħu l-funzjoni bażika ta’ trade mark li tipprovdi informazzjoni dwar l-oriġini kummerċjali. Din il-konklużjoni tapplika għall-prodotti kollha li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet ġiet irrifjutata.

 It-talbiet tal-partijiet

6        Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

7        L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrent

8        Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex “tirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni”.

9        L-EUIPO jsostni li din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

10      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li t-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrent għandu jiġi interpretat bħala talba għal bidla, fis-sens tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) 2017/1001, li jiddisponi li, fir-rigward tal-appelli ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, “[i]l-Qorti Ġenerali għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tħassar jew tibdel id-deċiżjoni kkontestata”.

11      Għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ bidla tal-Qorti Ġenerali hija intiża sabiex din tadotta d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kien imissu ħa, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2007, Koipe vs UASI – Aceites del Sur (La Española), T‑363/04, EU:T:2007:264, punti 29 u 30; tal‑11 ta’ Frar 2009, Bayern Innovativ vs UASI – Life Sciences Partners Perstock (LifeScience), T‑413/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:34, punti 14 sa 16, u tad‑9 ta’ Settembru 2011, Deutsche Bahn vs UASI – DSB (IC4), T‑274/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:451, punt 22).

12      Għaldaqstant, l-ammissibbiltà ta’ kap ta’ talbiet intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tibdel id-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kompetenzi mogħtija lil dan tal-aħħar mir-Regolament 2017/1001.

13      Madankollu, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ appell ippreżentat kontra deċiżjoni tal-eżaminatur, Bord tal-Appell ma huwiex kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni ta’ talba intiża sabiex dan jirreġistra trade mark tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑1 ta’ Frar 2018, ExpressVPN vs EUIPO (EXPRESSVPN), T‑265/17, EU:T:2018:79, punti 18 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tieħu konjizzjoni ta’ talba għal bidla intiża sabiex hija tibdel id-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell f’dan is-sens (digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2009, Securvita vs UASI (Natur-Aktien-Index), T‑285/08, EU:T:2009:230, punt 23).

15      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li hemm lok li t-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrent jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrent

16      Insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. Huwa jsostni, essenzjalment, li, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Bord tal-Appell wettaq evalwazzjoni żbaljata tal-karattru distintiv konkret tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

17      Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati. Skont ġurisprudenza stabbilita, it-trade marks koperti minn din id-dispożizzjoni huma dawk li jitqiesu li ma jistgħux jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni sabiex b’dan il-mod il-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz, li t-trade mark tidentifika, ikun jista’ jagħmel l-istess għażla f’akkwist sussegwenti jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva, jew li jagħmel għażla oħra, jekk din tirriżulta negattiva (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, EU:T:2002:41, punt 37, u tal‑15 ta’ Settembru 2009, Wella vs UASI (TAME IT), T‑471/07, EU:T:2009:328, punt 14).

18      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark komposta minn sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw ukoll bħala slogans ta’ reklamar, indikazzjonijiet ta’ kwalità jew espressjonijiet li jħeġġu x-xiri tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn din it-trade mark ma hijiex fiha nnifisha eskluża minħabba tali użu. Madankollu, trade mark li, bħal fil-każ ta’ slogan ta’ reklamar, taqdi funzjonijiet differenti minn dawk ta’ trade mark fis-sens tradizzjonali hija distintiva, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, biss jekk tkun tista’ tiġi pperċepita immedjatament bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi koperti sabiex il-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jiddistingwi mingħajr ebda possibbiltà ta’ konfużjoni, il-prodotti jew is-servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali differenti (sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2003, Best Buy Concepts vs UASI (BEST BUY), T‑122/01, EU:T:2003:183, punt 21, u tal‑15 ta’ Settembru 2009, TAME IT, EU:T:2009:328, punt 15).

19      Sabiex tiġi kkonstatata l-assenza ta’ karattru distintiv, huwa biżżejjed li l-kontenut semantiku tat-trade mark verbali inkwistjoni jindika lill-konsumatur karatteristika tal-prodott jew tas-servizz relatata mal-valur kummerċjali tiegħu li, mingħajr ma tkun preċiża, tkun ġejja minn informazzjoni ta’ natura promozzjonali jew ta’ reklamar li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi mal-ewwel impatt bħala tali, iktar milli bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni (sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2004, Norma Lebensmittelfilialbetrieb vs UASI (Mehr für Ihr Geld), T‑281/02, EU:T:2004:198, punt 31, u tal‑15 ta’ Settembru 2009, TAME IT, EU:T:2009:328, punt 16).

20      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li xi drabi trade mark tista’ fl-istess ħin tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala espressjoni promozzjonali u bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi. F’każ bħal dan, hija ddeċidiet li, sakemm dan il-pubbliku jipperċepixxi t-trade mark bħala indikazzjoni ta’ din l-oriġini, il-fatt li din tkun simultanjament, jekk mhux ukoll fl-ewwel lok, mifhuma bħala espressjoni promozzjonali ma jaffettwax il-karattru distintiv tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punt 45).

21      Il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, fid-dawl tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-perċezzjoni li għandu tagħha l-pubbliku rilevanti, li huwa kkostitwit mill-konsumatur medju ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi (sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 35, u tal‑15 ta’ Settembru 2009, TAME IT, EU:T:2009:328, punt 17).

 Fuq il-pubbliku rilevanti

22      Il-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata, mingħajr ma dan huwa kkontestat mill-partijiet, li l-prodotti li għalihom ir-reġistrazzjoni ġiet irrifjutata kienu jikkonċernaw il-qasam tas-softwer u tal-logħob tal-vidjo u kienu primarjament immirati lejn il-konsumatur medju, u li, peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta minn kliem tal-vokabularju bażiku bl-Ingliż u l-użu ta’ din il-lingwa huwa komuni fil-qasam tal-informatika, inkluż b’mod partikolari fil-Ġermanja, kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsumaturi anglofoni tal-Unjoni Ewropea, li ma kinux limitati għal dawk tar-Renju Unit jew tal-Irlanda.

 Fuq l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

23      Il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li l-element verbali “upgrade your personality” kellu funzjoni purament ta’ tfaħħir u ta’ promozzjoni, li l-għan tiegħu kien li jħeġġeġ lill-konsumatur li juża l-prodotti tar-rikorrent sabiex jiżviluppa l-personalità tiegħu stess. Peress li dan is-slogan kien immirat esklużivament lejn il-konsumatur u li kien jikkomunika ċerti wegħdiet, dan ma huwiex kapaċi jaqdi l-funzjoni bażika ta’ trade mark li tipprovdi informazzjoni dwar l-oriġini kummerċjali.

24      Ir-rikorrent isostni, f’dan ir-rigward, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandhiex biss messaġġ ta’ tfaħħir u ta’ promozzjoni u li, b’mod partikolari, l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li, mil-lat lingwistiku, l-imsemmija trade mark ma teħtieġx interpretazzjoni hija żbaljata.

25      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

26      Ir-rikorrent isostni li l-istedina li tinsab fil-frażi “upgrade your personality” ma tinftehimx faċilment. Huwa jsostni li l-kunċett ta’ personalità, li jirreferi għall-assjem ta’ kwalitajiet personali ta’ individwu, huwa kunċett li fih innifsu huwa newtrali u għalhekk fil-biċċa l-kbira huwa miftuħ għall-interpretazzjoni. Minħabba l-inkompatibbiltà ġenerali tat-terminu “upgrade”, li jindika aġġornament tekniku, mar-riferiment għal persuna ħajja u għall-karatteristiċi personali tagħha, jeżisti kunflitt kunċettwali fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Filwaqt li l-pubbliku rilevanti huwa mħeġġeġ sabiex jagħmel l-interpretazzjoni tiegħu rigward l-effett li għandu jintlaħaq in fine, l-imsemmija frażi titlob ukoll introspezzjoni sabiex dan il-pubbliku jkun jista’ jiskopri l-punti pożittivi u l-punti dgħajfin personali tiegħu. Ir-rikorrent jenfasizza, b’mod partikolari fir-rigward tal-logħob tal-kompjuter, li huwa possibbli li l-karattru fil-logħba jittejjeb progressivament matul il-logħba u li din il-frażi tissuġġerixxi li tali suċċess fil-logħba ser jiġi rifless fil-ħajja reali tal-pubbliku rilevanti. Huwa jirreferi għal trade marks oħra simili li ġew irreġistrati mill-EUIPO. Fl-aħħar nett, huwa jirrileva li l-Bord tal-Appell ma indikax raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ tiġi rreġistrata għal ċerti prodotti u servizzi u mhux għal oħrajn.

27      Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrent ma jistgħux validament iqajmu dubju dwar l-analiżi tal-Bord tal-Appell.

28      L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li jafferma r-rikorrent, il-messaġġ ikkomunikat mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jinftiehem faċilment. Fil-fatt, is-slogan “upgrade your personality” jinkludi stedina lill-konsumatur sabiex itejjeb jew jiżviluppa l-personalità tiegħu bl-għajnuna tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, eventwalment flimkien mal-wegħda li l-imsemmija prodotti jippermettu jew jiffaċilitaw tali titjib jew tali żvilupp. Il-fatt li xi differenzi huma possibbli fil-fehim tal-imsemmi slogan bl-ebda mod ma jimplika li s-sinjifikat tiegħu huwa vag, impreċiż jew ambigwu. B’mod partikolari, il-fatt li l-kunċett ta’ personalità jista’ jiġi interpretat b’diversi modi ma jipprekludix lill-konsumatur milli jifhem il-messaġġ ikkomunikat mis-slogan, fuq il-bażi ta’ kif fehem l-imsemmi kunċett huwa stess.

29      It-tieni nett, il-fatt li l-kelma “upgrade” toħroġ mill-qasam tal-informatika bl-ebda mod ma joħloq “kunflitt kunċettwali”, kif jallega r-rikorrent. Fil-fatt, minn naħa, dan it-terminu qiegħed jintuża f’kuntesti li jmorru sew lil hinn mis-sempliċi qasam tal-informatika u, min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jaqgħu preċiżament fil-qasam tal-informatika, b’tali mod li l-użu tal-imsemmi terminu jidher naturali u ma jistax ikun sorprendenti għall-pubbliku rilevanti.

30      It-tielet nett, huwa irrilevanti li wieħed jistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk, kif isostni r-rikorrent, il-personalità umana tistax tkun is-suġġett ta’ titjib fis-sens tekniku (upgrade), peress li hawnhekk din hija kwistjoni ta’ slogan ta’ reklamar fejn il-fatt li dan huwa jew ma huwiex qrib ir-realtà ma huwiex kriterju ta’ evalwazzjoni rilevanti. Il-konsumatur fil-fatt normalment jirċievi messaġġi ta’ reklamar li, b’mod impliċitu jew espliċitu, jagħmlulu wegħdiet mhux realistiċi.

31      Minn dan jirriżulta li l-kontenut semantiku tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jindika lill-konsumatur karatteristika tal-prodotti koperti li tikkonċerna l-valur kummerċjali tagħhom li, mingħajr ma hija preċiża, tirriżulta minn informazzjoni ta’ natura promozzjonali jew ta’ reklamar li l-pubbliku jipperċepixxi bħala tali, iktar milli bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 iktar ’il fuq.

32      Għaldaqstant, huwa b’mod ġust li l-Bord tal-Appell qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 għall-prodotti kollha li għalihom l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet ġiet miċħuda.

33      Sa fejn ir-rikorrent jinvoka r-reġistrazzjoni bħala trade mark, mill-EUIPO, ta’ sinjali verbali simili għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri s-sinjali “upgrade your life”, “upgrade your garden” u “upgrade yourself”, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO huma mitluba jieħdu, skont ir-Regolament (UE) 2017/1001, dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għal dawn (sentenzi tas‑26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punt 65, u tal‑24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 71).

34      Minkejja li, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-EUIPO għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà adottati u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha, madankollu, tiġi kkonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Reber Holding vs UASI, C‑141/13 P, EU:C:2014:2089, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punti 73 sa 75).

35      Konsegwentement, il-persuna li tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet twettqet favur ħaddieħor bl-għan li tikseb deċiżjoni identika (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 76).

36      Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod preċiż, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kwalunkwe applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bl-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu. Dan l-eżami għandu jitwettaq f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi fuq kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni, maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt raġuni għal rifjut (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 77).

37      F’dan il-każ, instab li din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet tmur kontra, fir-rigward ta’ ċerti prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u tal-perċezzjoni ta’ dawk ikkonċernati, waħda mir-raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2017/1001 (ara l-punt 32 iktar ’il fuq).

38      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jirrileva li l-Bord tal-Appell ma indikax ir-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw id-differenza fl-evalwazzjoni, minn naħa, tal-prodotti li għalihom dan irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-prodotti li għalihom l-eżaminatur ma għamel l-ebda oġġezzjoni. Din l-omissjoni għalih tidher arbitrarja.

39      Huwa biżżejjed li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur kien jikkonċerna biss ir-rifjut ta’ dan li jirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal ċerti prodotti u li n-nuqqas tal-eżaminatur li jqajjem oġġezzjonijiet rigward il-prodotti l-oħra indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għalhekk ma kienx parti mit-tilwima quddiem il-Bord tal-Appell, kif dan tal-aħħar spjega fil-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn l-imsemmi bord kellu jieħu pożizzjoni la dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw li l-eżaminatur ma qajjimx oġġezzjoni dwar ċerti prodotti, u lanqas fuq il-kwistjoni dwar kif il-prodotti li għalihom l-eżaminatur ma qajjem l-ebda oġġezzjoni kienu differenti minn dawk li dan irrifjuta.

40      Minn dak li ntqal jirriżulta li hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel motiv invokat mir-rikorrent u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

41      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, dan għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Martin Knauf għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Diċembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.