Language of document : ECLI:EU:T:2018:964

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal – Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 – Tipi ta’ pożizzjonijiet – Regoli tranżitorji dwar il-klassifikazzjoni fit-tipi ta’ pożizzjonijiet – Artikolu 31 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Assistenti fi tranżizzjoni – Promozzjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal awtorizzata biss fil-linja ta’ karriera li tikkorrispondi għat-tip ta’ pożizzjoni okkupata – Aċċess għat-tip ta’ pożizzjoni ta’ ‘assistent f’livell għoli’ (AST 10) esklużivament skont il-proċedura tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Ugwaljanza fit-trattament – Telf tal-eliġibbiltà għall-promozzjoni għall-grad AST 10 – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑525/16,

GQ, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, u l-uffiċjali l-oħrajn tal-Kummissjoni Ewropea li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-anness (1), irrappreżentati minn T. Bontinck u A. Guillerme, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn J. Currall u G. Gattinara, sussegwentement minn G. Gattinara u C. Berardis‑Kayser u, finalment, minn G. Gattinara u G. Berscheid, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn M. Dean u N. Chemaï, sussegwentement minn J. Steele, L. Deneys u J. Van Pottelberge, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn M. Bauer u E. Rebasti, sussegwentement minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża sabiex jiġu annullati d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li permezz tagħhom l-Awtorità tal-Ħatra ta’ din l-istituzzjoni kklassifikat lir-rikorrenti fit-tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent fi tranżizzjoni”, bil-konsegwenza tat-telf, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014, tal-eliġibbiltà tagħhom għall-promozzjoni għall-grad superjuri, kif dawn id-deċiżjonijiet ġew ikkonfermati bid-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità, tat‑3 ta’ Lulju 2014, li ċaħdet l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti bejn il-11 u t-28 ta’ Marzu 2014,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Ottubru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        GQ u s-seba’ rikorrenti l-oħrajn li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-anness huma uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea tal-grupp ta’ funzjonijiet ta’ assistenti (AST) fil-grad AST 9.

2        Mit-Taqsima A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tagħhom applikabbli mill‑1 ta’ Mejju 2004 sal‑31 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal tal‑2004”) jidher li l-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet ta’ assistenti, ikklassifikati konformement mal-Artikolu 5 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, setgħu javvanzaw mill-grad AST 1 għall-grad AST 11 permezz ta’ promozzjoni skont l-Artikolu 45 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, liema proċedura, “effettwata bil-ħatra ta’ l-uffiċjal għall-grad aktar għoli li jmis fil-grupp tal-funzjoni li miegħu jappartjeni”, “għandha tkun esklussivament bl-għażla fost l-uffiċjali li għamlu perjodu minimu ta’ sentejn fil-grad tagħhom, wara konsiderazzjoni tal-meriti komparabbli ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni”. Għaldaqstant, taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal li jokkupa pożizzjoni ta’ assistent fil-grad AST 9 kellu jkun eliġibbli għall-promozzjoni għall-grad AST 10 u sussegwentement għall-grad AST 11, skont l-Artikolu 45 tal-istess Regolamenti tal-Persunal.

3        Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126) daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Novembru 2013. Il-premessi 17, 18 u 19 ta’ dan ir-regolament jipprovdu dan li ġej:

“(17)      Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tagħmel studju u tressaq proposti adegwati dwar l-Artikolu 5(4), l-Anness I, Taqsima A, u l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal [tal‑2004] bil-għan li tistabbilixxi rabta ċara bejn ir-responsabbiltajiet u l-grad u sabiex tiżgura li ssir aktar enfasi fuq il-livell ta’ responsabbiltajiet meta jsir it-tqabbil bejn il-merti fil-kuntest ta’ promozzjoni.

(18)      B’kunsiderazzjoni għal dik it-talba, ikun xieraq li l-promozzjoni għal grad ogħla għandha tkun kondizzjonata fuq id-dedikazzjoni personali, it-titjib tal-ħiliet u l-kompetenzi, u l-qadi ta’ dmirijiet li l-importanza tagħhom tiġġustifika l-ħatra tal-uffiċjali f’dak il-grad ogħla.

(19)      L-itinerarju professjonali [Il-linja ta’ karriera] fil-gruppi ta’ funzjoni [ta’ amministraturi (AD) u ta assistenti (AST)] għandu jiġi ristrutturat b’tali mod li l-ogħla gradi jinżammu biss għal għadd limitat ta’ uffiċjali li jeżerċitaw l-ogħla livell ta’ responsabbiltajiet. Għalhekk l-amministraturi jistgħu javvanzaw biss sal-grad ta’ AD 12 sakemm ma jinħatrux f’pożizzjoni speċifika bi grad superjuri, u l-gradi AD 13 u 14 għandhom ikunu riservati għal dawk il-membri tal-persunal bi rwoli li jinvolvu responsabbiltajiet konsiderevoli. Analogament, l-uffiċjali fil-grad AST 9 jistgħu jkunu promossi għall-grad AST 10 biss konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.”

4        L-Artikolu 5(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tagħhom applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2014 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal il-ġodda” jew ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi li:

“L-Anness I, Taqsima A [tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda] fih tabella bit-tip ta’ pożizzjonijiet. B’referenza għal dik it-tabella, l-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjonijiet tista’ tiddefinixxi f’aktar dettall id-dmirijiet u s-setgħat li huma marbuta ma’ kull tip ta’ pożizzjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat dwar ir-Regolamenti tal-Persunal.”

5        Mill-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness 1 tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, intitolata “Tipi ta’ pożizzjonijiet f’kull grupp ta’ funzjoni, kif previst fl-Artikolu 5(4)”, jirriżulta li, fir-rigward tal-grupp ta’ funzjonijiet AST:

–        l-uffiċjali l-ġodda maħtura fit-tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent” jistgħu javvanzaw mill-grad AST 1 għall-grad AST 9;

–        l-uffiċjali l-ġodda maħtura fit-tip ta’ pożizzjoni “assistent f’livell għoli” jistgħu javvanzaw mill-grad AST 10 għall-grad AST 11.

6        Skont il-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, l-“assistent” “[i]wettaq attivitajiet amministrattivi, tekniċi jew ta’ taħriġ li jirrikjedu ċertu livell ta’ awtonomija, partikolarment fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ regoli u regolamenti jew struzzjonijiet ġenerali jew bħala assistent personali ta’ Membru ta’ istituzzjoni, tal-Kap tal-uffiċċju privat ta’ Membru jew ta’ (Viċi) Direttur Ġenerali jew maniġer ta’ livell għoli ekwivalenti”. Min-naħa tiegħu, l-“assistent f’livell għoli” “[i]wettaq attivitajiet amministrattivi, tekniċi jew ta’ taħriġ li jirrikjedu livell għoli ta’ awtonomija u […] jwettaq responsabbiltajiet sinifikanti f’termini ta’ ġestjoni ta’ persunal, implimentazzjoni tal-baġit jew koordinazzjoni politika”.

7        L-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004 ġie emendat biż-żieda, fil-verżjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tidher fir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, tas-sentenza li ġejja: “Sakemm ma tkunx tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikoli 4 u 29(1) [tar-Regolamenti tal-Persunal], l-uffiċjali jistgħu jiġu promossi biss jekk ikunu jokkupaw pożizzjoni li tikkorrispondi ma’ waħda mit-tipi ta’ pożizzjonijiet li huma stabbiliti fl-Anness I, Taqsima A, għall-grad ogħla li jkun imiss.”

8        Fil-kuntest tal-miżuri tranżitorji li huma s-suġġett tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, l-Artikolu 31 tal-imsemmi anness jipprovdi li:

“1.      B’deroga mill-Anness I, Taqsima A, punt 2, it-tabella li ġejja dwar it-tipi ta’ pożizzjonijiet fil-grupp ta’ funzjoni AST għandha tapplika għall-uffiċjali fis-servizz fil‑31 ta’ Diċembru 2013:

Amministratur [Assistent] f’Livell Għoli fi tranżizzjoni

AST 10 – AST 11

Assistent fi tranżizzjoni

AST 1 – AST 9

Assistent Amministrattiv fi tranżizzjoni

AST 1 – AST 7

Aġent ta’ Appoġġ fi tranżizzjoni

AST 1 – AST 5


2.      B’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014, l-awtorità tal-ħatra għandha tikklassifika lill-uffiċjali fis-servizz fil‑31 ta’ Diċembru 2013 fil-grupp ta’ funzjoni AST fit-tipi ta’ pożizzjonijiet kif ġej:

(a)      L-uffiċjali li fil‑31 ta’ Diċembru 2013 kienu fil-grad AST 10 jew AST 11 għandhom jiġu kollokati fit-tip ta’ pożizzjoni [ta’ ‘]Assistent [f’Livell Għoli] fi tranżizzjoni[’].

(b)      L-uffiċjali li ma humiex koperti [taħt il-]punt (a) u li qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kienu fil-kategorija B ta’ dari jew li qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kienu fil-kategoriji C jew D ta’ dari u li jkunu saru membri tal-grupp ta’ funzjoni AST mingħajr ebda restrizzjoni, kif ukoll l-uffiċjali AST reklutati mill‑1 ta’ Mejju 2004, għandhom jiġu kollokati fit-tip ta’ pożizzjoni [ta’ ‘]Assistent fi tranżizzjoni[’].

(c)      L-uffiċjali li ma humiex koperti [taħt il-]punti (a) u (b) u li qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kienu fil-kategoriji C ta’ dari għandhom jiġu kollokati fit-tip ta’ pożizzjoni [ta’ ‘]Assistent Amministrattiv fi tranżizzjoni[’].

(d)      L-uffiċjali li ma humiex [taħt il-]punti (a) u (b) u li qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kienu fil-kategorija D ta’ dari għandhom jiġu kollokati fit-tip ta’ pożizzjoni [ta’ ‘]Aġent ta’ Appoġġ fi tranżizzjoni[’].

3.      Il-kollokament f’tip ta’ pożizzjoni għandu jibqa’ validu sakemm l-uffiċjal jiġi assenjat funzjoni ġdida li tikkorrispondi għal tip ieħor ta’ pożizzjoni. L-Assistenti Amministrattivi fi tranżizzjoni u l-Aġenti ta’ Appoġġ fi tranżizzjoni jistgħu jiġu kollokati fit-tip ta’ pożizzjoni ta’ Assistent kif definita fl-Anness I, Taqsima A, biss skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 4 u 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-promozzjoni għandha tingħata biss f’itinerarji professjonali [linji ta’ karriera] li jikkorrispondu ma’ kull tip ta’ pożizzjoni indikata fil-paragrafu 1.

[…]”

9        Fis‑16 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2013) 8968 finali, li tipprovdi dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, ippubblikata fl-Informazzjoni amministrattiva Nru 55‑2013 tad‑19 ta’ Diċembru 2013. Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3 tal-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni, “[u]ffiċjal ma jistax ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni [ħlief] jekk” [traduzzjoni mhux uffiċjali], “fil-mument tat-tnedija tal-eżerċizzju ta’ promozzjoni […], ikun f’pożizzjoni li tikkorrispondi għal wieħed mit-tipi ta’ pożizzjonijiet fil-grad li jista’ jiġi promoss għalih, imniżżla fl-Artikolu 30(1) tat-Taqsima A tal-Anness I, jew fl-Artikolu 31(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal [il-ġodda]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10      Wara d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Jannar 2014, tal-miżuri msemmija fil-punti 3 sa 9 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ġew ikklassifikati fit-tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent fi tranżizzjoni”, li jimplika li l-linja ta’ karriera tagħhom kienet tinsab bejn il-gradi AST 1 u AST 9. Għalhekk, l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni emendat, fis-sistema informatika għall-ġestjoni tal-persunal bl-isem “SysPer 2” (iktar ’il quddiem is-“SysPer 2”), il-fajls individwali tar-rikorrenti billi fihom indikat li huma kienu jokkupaw impjieg li jaqa’ taħt tali tip ta’ pożizzjoni, bil-konsegwenza li, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014, ma baqgħux eliġibbli għall-promozzjoni għall-grad superjuri AST 10.

11      Bejn il-11 u t-28 ta’ Marzu 2014, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kull wieħed mir-rikorrenti ressaq ilment kontra d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra, ta’ portata kemm ġenerali kif ukoll individwali, intiżi sabiex jimblokkaw kull promozzjoni tar-rikorrenti għall-grad AST 10, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ promozzjoni annwali previst skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

12      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑3 ta’ Lulju 2014, ifformulati b’termini identiċi, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilmenti tar-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fis‑17 ta’ Ottubru 2014 u rreġistrat bin-numru F‑111/14, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2014, il-President tat-Tielet Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, wara li nstemgħu l-partijiet, iddeċieda li jissospendi din il-kawża sakemm id-deċiżjonijiet dwar il-kawżi U4U et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑17/14) u USFSPEI vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑75/14) ikunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata.

15      Fl‑10 ta’ Diċembru 2014 u fl‑20 ta’ Jannar 2015 rispettivament, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew talbu, skont l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, huma ġew informati li t-talbiet tagħhom kienu ser jiġu ttrattati meta titkompla l-proċedura.

16      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), din il-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali fl-istat li kienet fih fil‑31 ta’ Awwissu 2016 u minn issa ’l quddiem għandha tiġi ttrattata konformement mar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk, din il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru T‑525/16 u ġiet assenjata lill-Ewwel Awla.

17      Wara l-għoti tas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489), u sussegwentement tas-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑75/14, EU:T:2017:813), u l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ preżentata ta’ appell minn dawn id-deċiżjonijiet fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 56 fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura tkompliet f’din il-kawża u għalhekk il-Kummissjoni ġiet mistiedna tippreżenta r-risposta, u hija għamlet dan fit-terminu previst, jiġifieri fil‑15 ta’ April 2018.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ April 2018, il-Parlament u l-Kunsill, skont l-Artikolu 144 tar-Regoli tal-Proċedura, ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

19      Fid‑29 u fit‑30 ta’ Mejju 2018 rispettivament, il-Parlament u l-Kunsill ippreżentaw noti ta’ intervent, u l-partijiet prinċipali ma fformulawx osservazzjonijiet dwarhom.

20      Fit‑30 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika fil-kuntest tat-tieni sessjoni ta’ risposti li kienet ġiet awtorizzata mill-Qorti Ġenerali.

21      Wara l-preżentata, fil-kuntest tal-kawża GM et vs Il‑Kummissjoni (T‑539/16), ta’ talba għal tgħaqqid ta’ din il-kawża mal-kawża ineżami, il-partijiet instemgħu dwar dan il-punt u ma qajmu l-ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward.

22      Wara l-preżentata ta’ kontroreplika fit‑18 ta’ Lulju 2018, il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2018, wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża ngħaqdet mal-Kawżi T‑526/16 (FZ et vs Il‑Kummissjoni) u T‑540/16 (FZ et vs Il‑Kummissjoni) għall-finijiet tal-proċedura orali.

24      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet instemgħu fis-seduta tas‑17 ta’ Ottubru 2018. Matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipprovdilha, f’terminu ta’ ġimagħtejn, ċerta informazzjoni dwar il-pożizzjoni statutorja attwali tar-rikorrenti. Wara r-risposta mibgħuta mill-Kummissjoni fil‑31 ta’ Ottubru 2018 u l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat‑13 ta’ Novembru ta’ wara, il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet.

25      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment,

–        tikkonstata l-illegalità tal-Artikolu 45 u tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, kif ukoll tal-miżuri tranżitorji relatati magħhom;

–        tannulla d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra, ta’ portata kemm ġenerali kif ukoll individwali, li jimblokkaw kull possibbiltà ta’ promozzjoni li tikkonċernahom, bħala uffiċjali fil-grad AST 9, fil-kuntest tal-eżerċizzju annwali ta’ promozzjoni 2014;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament,

–        tannulla d-deċiżjonijiet, ta’ portata kemm ġenerali kif ukoll individwali, li jimblokkaw kull possibbiltà ta’ promozzjoni li tikkonċerna lir-rikorrenti, bħala uffiċjali fil-grad AST 9, fil-kuntest tal-eżerċizzju annwali ta’ promozzjoni 2014;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

27      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad “l-argumenti ta[r-]rikorrent[i] intiżi sabiex tiġi ddikjarata l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal [il-ġodda]”.

28      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

29      B’mod preliminari, filwaqt li kkonkludiet li huwa ammissibbli, il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikors fir-realtà jirrigwarda biss id-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra dwar klassifikazzjoni tar-rikorrenti fit-tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent fi tranżizzjoni”, li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2014 u li, minn din il-perspettiva, dan l-att, li jikkawżalhom preġudizzju, kien is-suġġett tal-ilmenti tagħhom fit-termini tar-Regolamenti tal-Persunal.

30      Minħabba li l-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal hija rekwiżit indispensabbli għall-ammissibbiltà ta’ kwalunkwe rikors ippreżentat mill-uffiċjali kontra l-istituzzjoni li jaqgħu taħtha, għandu jiġi ddeterminat, qabel kollox, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, liema atti r-rikorrenti għandhom l-għan li jikkontestaw permezz ta’ dan ir-rikors, u għandu jiġi evalwat jekk dawn jikkostitwixxux atti li jikkawżawlhom preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2017, HN vs Il‑Kummissjoni, T‑588/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:292, punt 39, u d-digriet tas‑16 ta’ Lulju 2015, FG vs Il‑Kummissjoni, F‑20/15, EU:F:2015:93, punt 43).

31      F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li kien il-każ fir-rigward tal-uffiċjali li jokkupaw pożizzjonijiet ta’ amministratur, li setgħu jiġu kklassifikati f’diversi tipi ta’ pożizzjonijiet, bħal dawk ta’ “Amministratur f’Livell Għoli fi tranżizzjoni”, ta’ “Amministratur fi tranżizzjoni”, ta’ “Amministratur”, ta’ “Konsulent jew ekwivalenti” jew ta’ “Kap ta’ Unità jew ekwivalenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2017, HN vs Il‑Kummissjoni, T‑588/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:292, punt 40, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, EJ et vs Il‑Kummissjoni, F‑112/14, EU:F:2015:90, punt 43), ċertament l-Awtorità tal-Ħatra ma kellhiex għażla oħra f’dan il-każ ħlief li tikklassifika l-uffiċjali li, fil‑31 ta’ Diċembru 2013, kienu jokkupaw pożizzjoni ta’ assistent AST 9, fl-uniku tip ta’ pożizzjoni ta’ “Assistent fi tranżizzjoni” stabbilit fl-Artikolu 31(2)(b) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda.

32      Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, anki meta l-Awtorità tal-Ħatra tkun sempliċement qiegħda tapplika id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda li daħlu fis-seħħ, id-deċiżjoni li tapplika għall-ewwel darba dawn id-dispożizzjonijiet tista’ titqies bħala att li jikkawża preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 1985, Agostini et vs Il‑Kummissjoni, 233/83, EU:C:1985:291, punt 13, u tal‑20 ta’ Lulju 2017, Barnett u Mogensen vs Il‑Kummissjoni, T‑148/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:539, punt 47).

33      Minkejja dan, anki jekk, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, huma ġew adottati f’kompetenza limitata, id-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li jikklassifikaw lir-rikorrenti fit-tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent fi tranżizzjoni” b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014, li ġew fis-seħħ permezz tal-introduzzjoni, fit‑30 ta’ Jannar 2013, ta’ nota dwar il-klassifikazzjoni f’dan it-tip ta’ pożizzjoni fil-fajls individwali rispettivi tagħhom miżmuma fis-SysPer 2 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), jikkawżawlhom preġudizzju minħabba li għandhom il-konsegwenza li jtellfulhom l-eliġibbiltà għall-promozzjoni għall-grad AST 10 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2017, HN vs Il‑Kummissjoni, T‑588/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:292, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, EJ et vs Il‑Kummissjoni, F‑112/14, EU:F:2015:90, punt 45). Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, dawn ġew ikkontestati permezz ta’ lmenti mressqa, f’terminu ta’ tliet xhur, konformement mal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tidher fid-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti tar-rikorrenti, peress li din il-motivazzjoni hija meqjusa li tikkoinċidi ma’ dik tad-deċiżjonijiet ikkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 58 u 59, u tas‑16 ta’ Jannar 2018, SE vs Il‑Kunsill, T‑231/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:3, punt 22).

 Fuq it-talbiet għall-finijiet ta’ konstatazzjoni tal-illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal

35      Fir-rigward tat-talbiet intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata l-illegalità tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda u tal-miżuri tranżitorji relatati magħhom, għandu jitfakkar li, ċertament, fil-kuntest tat-talbiet għal annullament ta’ deċiżjoni individwali li tikkonċernah, uffiċjal jew membru tal-persunal jista’, skont l-Artikolu 277 TFUE, jeċċepixxi l-illegalità tal-att ta’ portata ġenerali li abbażi tiegħu tkun ġiet adottata din id-deċiżjoni. Fil-fatt, hija biss il-qorti tal-Unjoni li tista’, skont din l-aħħar dispożizzjoni, tikkonstata l-illegalità ta’ att ta’ portata ġenerali u tiddeduċi l-konsegwenzi tal-inapplikabbiltà li tirriżulta minn dan f’dak li jirrigwarda l-att ta’ portata individwali kkontestat quddiemha (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, BĊE vs Cerafogli, T‑787/14 P, EU:T:2016:633, punt 49).

36      Madankollu, il-konstatazzjoni ta’ illegalità, magħmula mill-qorti tal-Unjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 277 TFUE ma għandhiex effett erga omnes minħabba li, għalkemm twassal għall-illegalità tad-deċiżjoni individwali kkontestata, madankollu tippermetti l-att ta’ portata ġenerali jkompli jeżisti fl-ordinament ġuridiku mingħajr ma taffettwa l-legalità tal-atti l-oħrajn li ġew adottati abbażi tiegħu u li ma ġewx ikkontestati fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 1974, Kortner et vs Il‑Kunsill et, 15/73 sa 33/73, 52/73, 53/73, 57/73 sa 109/73, 116/73, 117/73, 123/73, 132/73 u 135/73 sa 137/73, EU:C:1974:16, punti 37 u 38, u tas‑27 ta’ Ottubru 2016, BĊE vs Cerafogli, T‑787/14 P, EU:T:2016:633, punt 53).

37      Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest ta’ talba għal annullament ta’ att individwali li jikkawża preġudizzju, il-qorti tal-Unjoni għandha ċertament ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata inċidentalment l-illegalità ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li fuqha huwa bbażat l-att ikkontestat. Madankollu, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħmel dawn il-konstatazzjonijiet fid-dispożittiv tas-sentenzi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2009, Ramaekers‑Jørgensen vs Il‑Kummissjoni, F‑74/08, EU:F:2009:142, punt 37).

38      Konsegwentement, bħalma ssostni ġustament il-Kummissjoni, it-talbiet intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata l-illegalità tal-Artikolu 45 u tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, kif ukoll tal-miżuri tranżitorji relatati magħhom, għandhom, sa fejn ma humiex parti minn eċċezzjoni ta’ illegalità magħmula skont l-Artikolu 277 TFUE u huma intiżi li jiksbu l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġu ddikjarati bħala manifestament inammissibbli.

 Fuq it-talbiet għal annullament

39      Insostenn tat-talbiet għal annullament, prinċipalment ir-rikorrenti jqajmu l-ewwel żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq l-illegalità tal-Artikolu 45 u tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda u, it-tieni nett, fuq l-illegalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet minħabba l-assenza ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ kumpens għat-telf tal-eliġibbiltà għall-promozzjoni tal-uffiċjali fil-grad AST 9. Sussidjarjament, huma jqajmu żewġ motivi oħrajn, l-ewwel wieħed dwar il-ksur tal-imsemmi artikolu u dwar l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, u t-tieni wieħed dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

40      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, titlob li l-motivi kollha jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 45 u tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda

41      Skont ir-rikorrenti, ir-regola stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, jiġifieri l-impossibbiltà li l-uffiċjali fil-grad AST 9, ikklassifikati fit-tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent fi tranżizzjoni”, jiksbu promozzjoni għall-grad superjuri skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, minħabba li dawn ma jokkupawx tip ta’ pożizzjoni li tagħmilhom eliġibbli sabiex jiksbu l-grad AST 10, tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-prospetti raġonevoli ta’ karriera u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll id-dmir ta’ premura. F’dan il-kuntest, huma jikkunsidraw li, meta ġew irreklutati, huma kienu eliġibbli sabiex jiġu promossi sal-grad AST 11 mingħajr restrizzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmi artikolu u l-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda ppreġudikaw id-drittijiet kweżiti tagħhom. Għalhekk, huma jeċċepixxu l-illegalità tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

42      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, titlob li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tiġi miċħuda bħala infondata.

43      Dan il-motiv jinqasam f’sitt partijiet li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera

44      Insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jallegaw li, fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tar-Regolamenti tal-Persunal, li skontu “[k]ondizzjonijiet identiċi għar-reklutaġġ u s-servizz ta’ karriera għandhom japplikaw għall-uffiċjali kollha ta’ l-istess grupp tal-funzjoni”, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera.

45      Minn naħa, ir-rikorrenti jikkunsidraw li, billi fl-Artikolu 31(1) sa (3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, li jistabbilixxi l-“[m]iżuri transitorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddikjara li “[minn issa ’l quddiem i]l-promozzjoni għandha tingħata biss f’linji ta’ karriera li jikkorrispondu ma’ kull tip ta’ pożizzjoni”, huwa kiser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera billi rrestrinġa lir-rikorrenti fit-tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent fi tranżizzjoni” li ma għadux joffrilhom l-opportunità li jiġu promossi għall-grad AST 10, peress li dan tal-aħħar huwa rriżervat għall-uffiċjali li jokkupaw it-tip ta’ pożizzjoni tranżitorja ta’ “[a]mministratur [assistent] f’[l]ivell [g]ħoli fi tranżizzjoni” stabbilit fl-Artikolu 31(1) tal-imsemmi anness jew it-tip ta’ pożizzjoni, iddefinit mill-ġdid fil-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ “[a]ssistent f’livell għoli”.

46      Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera billi, fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, iddeċieda li jżid il-frażi li skontha, “[s]akemm ma tkunx tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikoli 4 u 29(1) [tar-Regolamenti tal-Persunal], l-uffiċjali jistgħu jiġu promossi biss jekk ikunu jokkupaw pożizzjoni li tikkorrispondi ma’ waħda mit-tipi ta’ pożizzjonijiet li huma stabbiliti fl-Anness I, Taqsima A, għall-grad ogħla li jkun imiss”.

47      Skont ir-rikorrenti, huma qegħdin jiġu suġġetti għal trattament mhux ugwali meta mqabbla mal-assistenti fi gradi inferjuri għall-grad AST 9, minħabba li dawn tal-aħħar jibqgħu jibbenefikaw mill-mekkaniżmu ta’ promozzjoni bbażat fuq il-paragun tal-merti ratione temporis, filwaqt li, fil-każ tar-rikorrenti, il-promozzjoni tagħhom għall-grad AST 10 tkun possibbli biss taħt il-proċedura tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, liema proċedura ma tippermettix li tinkiseb promozzjoni permezz ta’ dimostrazzjoni tal-merti miksuba ratione temporis, minħabba li hija essenzjalment ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-uffiċjali AST 9 li juru l-interess tagħhom sabiex jinħatru għal pożizzjoni vakanti ta’ “assistent f’livell għoli”.

48      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jaffermaw li, filwaqt li l-assistenti fi gradi inferjuri, AST 1 sa AST 8, għandhom garanziji għal promozzjoni minħabba n-numru ta’ promozzjonijiet li għandhom jiġu awtorizzati kull sena mill-Awtorità tal-Ħatra fi ħdan l-istituzzjoni, huma jiġu esposti għal inċertezza fir-rigward tan-numru ta’ pożizzjonijiet vakanti ta’ “assistenti f’livell għoli” li kull sena l-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi li timla skont il-proċedura tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Iktar minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħatra għal tali pożizzjonijiet, l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali iktar sinjifikattiva milli fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni, partikolarment minħabba l-assenza ta’ intervent tal-Kumitat konġunt tal-promozzjoni. Ir-rikorrenti jżidu li, fil-kuntest tal-imsemmija proċedura ta’ ħatra, huma mhux biss jikkompetu mal-assistenti l-oħrajn tal-Kummissjoni, bħal fil-paragun tal-merti li jsir skont il-proċedura ta’ promozzjoni, iżda anki ma’ dawk ta’ istituzzjonijiet oħrajn, u dan inaqqas iċ-ċans tagħhom li jiġu promossi.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rabta ġuridika bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni hija bbażata fuq ir-Regolamenti tal-Persunal u ma hijiex kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 1975, Gillet vs Il‑Kummissjoni, 28/74, EU:C:1975:46, punt 4). Għaldaqstant, id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali jistgħu jiġu emendati fi kwalunkwe mument mil-leġiżlatur tal-Unjoni u, f’dan il-kuntest, il-liġijiet emendatorji ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, bħalma huma r-regolamenti emendatorji tar-Regolamenti tal-Persunal adottati skont l-Artikolu 336 TFUE, japplikaw, fil-prinċipju, jekk ma jkunx hemm deroga, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li qamu taħt il-liġi l-qadima, ħlief fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li jkunu qamu u li saru definittivi taħt il-liġi preċedenti, li joħolqu drittijiet kweżiti (sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punti 60 sa 62, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, EJ et vs Il‑Kummissjoni, F‑112/14, EU:F:2015:90, punt 58).

50      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, f’kuntest ta’ riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, dritt huwa kkunsidrat bħala kweżit biss meta l-fatt li jagħti lok għalih ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva u dan ma jkunx il-każ ta’ dritt li l-fatt li ta lok għalih ma twettaqx taħt il-leġiżlazzjoni li ġiet emendata. Għaldaqstant, meta, bħal f’dan il-każ, uffiċjali, sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, kienu biss eliġibbli għal promozzjoni u din tal-aħħar kienet suġġetta għal deċiżjoni ta’ promozzjoni għall-grad AST 10 li taqa’ taħt is-setgħa tal-Awtorità tal-Ħatra, li din tal-aħħar kienet għadha ma adottatx, f’dan il-każ, fl‑1 ta’ Jannar 2014, tali uffiċjali ma jistgħux jinvokaw dritt kweżit li jibqgħu eliġibbli għal din il-promozzjoni wara dik id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punti 63 sa 65, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, EJ et vs Il‑Kummissjoni, F‑112/14, EU:F:2015:90, punt 59).

51      Barra minn hekk, l-uffiċjali ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jopponu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ġdida, b’mod partikolari f’qasam li fih il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 91, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, EJ et vs Il‑Kummissjoni, F‑112/14, EU:F:2015:90, punt 60). Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti dwar ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u tal-allegati drittijiet kweżiti tagħhom fir-rigward tal-eliġibbiltà għall-promozzjoni għall-grad AST 10, minħabba l-istabbiliment ta’ limitu għall-karriera tagħhom allegatament deċiż mill-imsemmi leġiżlatur u/jew mill-Kummissjoni u li jirriżulta fil-klassifikazzjoni tagħhom f’tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent fi tranżizzjoni”, għandhom jiġu miċħuda.

52      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lil-leġiżlatur tal-Unjoni, dan tal-aħħar seta’ leġittimament jikkunsidra, fil-premessa 19 tar-Regolament Nru 1023/2013 u fil-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, li l-gradi AST 10 u AST 11 minn issa ’l quddiem kellhom jiġu rriżervati għal numru limitat ta’ uffiċjali, f’dan il-każ biss għall-assistenti li jassumu responsabbiltajiet ta’ livell għoli fis-sens ta’ din il-premessa, jiġifieri “responsabbiltajiet sinifikanti f’termini ta’ ġestjoni ta’ persunal, implimentazzjoni tal-baġit jew koordinazzjoni politika”.

53      B’mod partikolari, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jikkunsidra li l-aċċess għal pożizzjoni fil-grad AST 10 intitolata “assistent f’livell għoli” ma għandux jibqa’ jsir fil-kuntest ta’ promozzjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004, liema proċedura, skont il-ġurisprudenza, hija intiża li taġġusta l-karriera tal-uffiċjali skont l-isforzi magħmula u l-merti pprovati, inkluż it-tul ta’ żmien (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2007, Konidaris vs Il‑Kummissjoni, T‑93/03, EU:T:2007:209, punt 91, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, EJ et vs Il‑Kummissjoni, F‑112/14, EU:F:2015:90, punt 72), iżda minn issa ’l quddiem kellu jsir skont il-proċedura ta’ ħatra stabbilita fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

54      Fil-fatt, din il-proċedura sabiex timtela pożizzjoni vakanti stabbilita fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal hija intiża għat-tfittxija, fl-interess tas-servizz, tal-uffiċjal, tal-istituzzjoni jew ta’ istituzzjonijiet oħrajn, li huwa l-iktar adattat sabiex iwettaq il-funzjonijiet inerenti fil-pożizzjoni li għandha timtela. Issa, fid-dawl tal-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ razzjonalizzazzjoni tan-nefqa pubblika u tal-korrelazzjoni bejn il-funzjonijiet u l-grad, huwa seta’ jqis li tali proċedura kienet ta’ natura li tippermetti aħjar lill-Awtorità tal-Ħatra biex tagħti l-funzjonijiet l-iktar sinjifikattivi u ta’ livell għoli lin-numru limitat ta’ uffiċjali li jkollhom il-kompetenzi professjonali l-iktar xierqa, f’dan il-każ lill-assistenti li jistgħu jassumu responsabbiltajiet sinjifikattivi u li jeżiġu livell għoli ta’ awtonomija.

55      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni u l-istrutturazzjoni tad-dipartimenti tagħha u, għaldaqstant, fil-livell tar-responsabbiltajiet tal-kompiti li hija tqis neċessarju li tagħti lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħha (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2017, HN vs Il‑Kummissjoni, T‑588/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:292, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jimplika li hija ħielsa, taħt il-kontroll tal-awtorità baġitarja, sabiex tiddefinixxi u tirrazzjonalizza n-numru ta’ assistenti f’livell għoli li hija verament teħtieġ.

56      F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-istruttura tal-karriera tal-assistenti ma tidħolx f’kunflitt maż-żamma fir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda tal-Artikolu 5(5), li skontu “[k]ondizzjonijiet identiċi għar-reklutaġġ u s-servizz ta’ karriera għandhom japplikaw għall-uffiċjali kollha ta’ l-istess grupp tal-funzjoni”. Fil-fatt, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, irrispettivament mid-data ta’ reklutaġġ jew ta’ dħul fl-inkarigu tagħhom, l-assistenti kollha huma suġġetti għal kundizzjonijiet identiċi tal-iżvolġiment tal-karriera, jiġifieri l-possibbiltà ta’ progress sal-grad AST 9 permezz tal-mekkaniżmu ta’ promozzjoni stabbilit fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda u avvanz lil hinn minn dan il-grad, bil-għan li jwettqu funzjonijiet li jimplikaw livell għoli ta’ responsabbiltajiet, bħal dawk tal-pożizzjoni ta’ “assistent f’livell għoli”, esklużivament permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4 u l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda.

57      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera, għandu jitfakkar ukoll li d-dritt tal-Unjoni la jistabbilixxi espressament il-prinċipju ta’ unità tal-karriera u lanqas il-prinċipju tal-karriera. Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza stabbilixxiet il-prinċipju ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera bħala l-forma speċjali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament applikabbli għall-uffiċjali (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2008, Toronjo Benitez vs Il‑Kummissjoni, F‑33/07, EU:F:2008:25, punti 87 u 88, u d-digriet tas‑27 ta’ Settembru 2011, Lübking et vs Il‑Kummissjoni, F‑105/06, EU:F:2011:152, punti 81 u 82).

58      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 5(5) tar-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta ċertament li “[k]ondizzjonijiet identiċi għar-reklutaġġ u s-servizz ta’ karriera għandhom japplikaw għall-uffiċjali kollha ta’ l-istess grupp tal-funzjoni”. Madankollu, mill-Artikolu 45 u l-Artikolu 31(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, liema anness għandu l-istess valur ġuridiku bħar-Regolamenti tal-Persunal innifishom, (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑40/10, EU:C:2010:713, punt 61, u tal‑5 ta’ Frar 2016, Barnett u Mogensen vs Il‑Kummissjoni, F‑56/15, EU:F:2016:11, punt 68), jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li, mill‑1 ta’ Jannar 2014, “[s]akemm ma tkunx tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikoli 4 u 29(1), l-uffiċjali jistgħu jiġu promossi biss jekk ikunu jokkupaw pożizzjoni li tikkorrispondi ma’ waħda mit-tipi ta’ pożizzjonijiet li huma stabbiliti [fit-Taqsima A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal], għall-grad ogħla li jkun imiss” u li, fi kliem ieħor, “[i]l-promozzjoni għandha tingħata biss f’itinerarji professjonali [linji ta’ karriera] li jikkorrispondu ma’ kull tip ta’ pożizzjoni indikata [fl-Artikolu 31(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal]”.

59      Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 1023/2013, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(5) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jeżiġi “[k]ondizzjonijiet identiċi għar-reklutaġġ u s-servizz ta’ karriera” għall-assistenti kollha, kellu l-għan li “jirristruttura” l-linja ta’ karriera tal-assistenti billi stabbilixxa żewġ linji ta’ karriera suċċessivi għalihom, l-ewwel waħda mill-gradi AST 1 sa AST 9 u, it-tieni, irriżervata biss għall-assistenti li jassumu responsabbiltajiet ta’ livell għoli, li jippermetti l-aċċess għall-ogħla gradi AST, jiġifieri AST 10 u AST 11.

60      Kif jenfasizza l-Kunsill, billi minn issa ’l quddiem qiegħed jiġi mitlub li, sakemm ma tapplikax il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali jistgħu jiġu promossi biss jekk ikunu jokkupaw pożizzjoni li tikkorrispondi ma’ waħda mit-tipi ta’ pożizzjonijiet għall-grad ogħla li jkun imiss, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa restrizzjoni applikabbli mingħajr distinzjoni għall-gruppi ta’ funzjonijiet kollha u, fi ħdan dawn il-gruppi, għall-amministraturi u l-assistenti kollha, irrispettivament mid-data ta’ reklutaġġ jew ta’ dħul fl-inkarigu tagħhom.

61      Fi kwalunkwe każ, ma jkunx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, irrikonoxxut mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni u applikabbli għad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, ħlief meta żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jkunux essenzjalment differenti, jiġu ttrattati b’mod differenti fil-klassifikazzjoni tagħhom u meta tali differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata oġġettivament. Fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, l-eżami tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu pparagunati għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, EJ et vs Il‑Kummissjoni, F‑112/14, EU:F:2015:90, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 76; tal‑15 ta’ Novembru 2011, Nolin vs Il‑Kummissjoni, T‑58/11 P, EU:T:2011:664, punti 37 u 38).

62      Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk l-uffiċjali fil-grad AST 9, ikklassifikati fit-tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent fi tranżizzjoni”, jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-uffiċjali fi gradi inferjuri, AST 1 sa AST 8, li jistgħu jibqgħu jibbenefikaw minn promozzjoni taħt l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

63      F’dan ir-rigward, fil-każ tal-assistenti li kienu fl-inkarigu fil‑31 ta’ Diċembru 2013, għandu jitfakkar li, għall-kuntrarju ta’ dak li kien il-każ fir-rigward tal-amministraturi, l-Awtorità tal-Ħatra ma kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-tip ta’ pożizzjoni li dawn kellhom jiġu kklassifikati fih f’dak li kien jirrigwarda l-assistenti fil-grad AST 1 sa AST 7, li setgħu ġew ikklassifikati f’tipi ta’ pożizzjonijiet tranżitorji ta’ “aġent ta’ appoġġ fi tranżizzjoni” (AST 1 – AST 5), jew ta’ “assistent amministrattiv fi tranżizzjoni” (AST 1 – AST 7), jew ta’ “assistent fi tranżizzjoni” (AST 1 – AST 9). Għall-kuntrarju, fil-każ tal-uffiċjali, bħar-rikorrenti, li jokkupaw it-tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent” taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004 u li kienu ġew ikklassifikati fil-grad AST 9 fil‑31 ta’ Diċembru 2013, dawn setgħu jiġu kklassifikati biss fit-tip ta’ pożizzjoni “assistent fi tranżizzjoni”.

64      Fir-rigward tal-uffiċjali assistenti fil-grad AST 1 sa AST 8, huma oġġettivament ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni bħal dik tal-uffiċjali fil-grad AST 9, minħabba li, għall-kuntrarju ta’ dawn tal-aħħar u anki jekk, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004, kollha kemm huma ġew ikklassifikati fl-istess tip ta’ pożizzjoni, huma għadhom ma laħqux il-grad massimu stabbilit għat-tip ta’ pożizzjoni li huma eliġibbli li eventwalment jokkupaw.

65      Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimplika li l-uffiċjali kollha promossi għall-istess grad għandhom, f’sitwazzjoni ugwali ta’ mertu, jibbenefikaw mill-istess opportunitajiet li jiġu promossi għall-grad superjuri (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, EJ et vs Il‑Kummissjoni, F‑112/14, EU:F:2015:90, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, huwa konformi ma’ dan il-prinċipju l-fatt li l-assistenti fi tranżizzjoni jew l-assistenti jiġu suġġetti kollha kemm huma għall-proċedura ta’ promozzjoni stabbilita fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jilħqu l-grad massimu offrut minn dawn it-tipi ta’ pożizzjonijiet u li, ladarba jintlaħaq dan il-grad AST 9, huma kollha jiġu suġġetti għall-istess proċedura, f’dan il-każ dik tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jiksbu aċċess għal pożizzjoni fi grad superjuri, f’dan il-każ il-grad AST 10, li n-numru tagħhom huwa ddeterminat mill-Awtorità tal-Ħatra skont il-ħtiġijiet tagħha.

66      Għal finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali tgħid li, min-naħa tagħhom, uffiċjali fil-grad AST 9 promossi b’dan il-mod għall-grad AST 10 fil-kuntest ta’ ħatra skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal lanqas ma jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħal dik tal-uffiċjali li kienu eliġibbli għal promozzjoni għal dan il-grad AST 10 skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004 u li tilfu din l-eliġibbiltà minħabba l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward li jirriżerva l-pożizzjonijiet ta’ assistent tal-gradi AST 10 u AST 11 għal numru limitat ta’ uffiċjali li jassumu responsabbiltajiet tal-ogħla livell.

67      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti la jallegaw u lanqas juru li kienu jassumu, fil‑31 ta’ Diċembru 2013, responsabbiltajiet tal-ogħla livell fis-sens tal-premessa 19 tar-Regolament Nru 1023/2013 jew “responsabbiltajiet sinifikanti f’termini ta’ ġestjoni ta’ persunal, implimentazzjoni tal-baġit jew koordinazzjoni politika” fis-sens tal-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

69      Insostenn tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jaffermaw li l-imblokk tal-karrieri tagħhom fil-grad AST 9, li fil-fehma tagħhom iwasslu għalih id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, huwa sproporzjonat fir-rigward tal-għan iddikjarat mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jirriżerva l-ogħla gradi għal numru limitat ta’ uffiċjali li jassumu responsabbiltajiet tal-ogħla livell. Minn naħa, tali għan diġà ntlaħaq permezz tal-imblokk, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004, tal-aċċess għall-gradi AD 15 u AD 16 għall-amministraturi, minħabba li dawn il-gradi ġew irriżervati għad-diretturi u d-diretturi ġenerali biss. Min-naħa l-oħra, il-miżura inkwistjoni fil-każ tar-rikorrenti ma tistax titqies bħala xierqa sabiex jintlaħaq l-għan allegat, minħabba li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tevalwa mill-ġdid kull sena n-numru ta’ gradi meqjusa bħala rriżervati għal dawk li jassumu responsabbiltajiet ta’ livell għoli u, b’dan il-mod, tnaqqas b’mod mhux iġġustifikat l-opportunitajiet ta’ karriera tal-uffiċjali fil-grupp ta’ funzjonijiet ta’ assistenti.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti. F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tat-twettiq tal-kompetenzi li jingħatawlu, ingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma fejn l-azzjoni tiegħu timplika għażliet ta’ natura kemm politika kif ukoll ekonomika jew soċjali, u fejn huwa msejjaħ jagħmel eżamijiet u evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk miżura stabbilita f’tali qasam kinitx l-unika waħda jew l-aħjar waħda possibbli. Fil-fatt, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkollu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li huwa l-każ meta jadotta, skont l-Artikolu 336 TFUE, emendi fir-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa tagħha, meta mqabbla mal-għan imfittex mill-istituzzjonijiet kompetenti, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2016, Bodson et vs BEI, T‑240/14 P, EU:T:2016:104, punti 116 u 117).

71      F’dan il-każ, jidher li, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-riforma, li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2014 u li huma inkwistjoni f’din il-kawża, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa għan leġittimu sabiex jiżgura li l-promozzjoni għal grad ogħla tkun suġġetta għall-involviment personali, għat-titjib tal-kwalifiki u tal-kompetenzi, kif ukoll għall-qadi ta’ dmirijiet li s-sinjifikat tagħhom jiġġustifika l-ħatra tal-uffiċjal f’dan il-grad superjuri.

72      Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirrimedja s-sitwazzjoni mhux sodisfaċenti kkonstatata fil-prattika fi ħdan is-servizz pubbliku tal-Unjoni, jiġifieri dik li ma tistax neċessarjament tiġi stabbilita rabta ċara bejn ir-responsabbiltajiet u l-grad tal-uffiċjali. F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod partikolari mir-Rapport tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Marzu 2011 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ekwivalenza bejn strutturi tal-karriera qodma u ġodda (COM(2011) 171 final), li “l-istruttura tal-karrieri [tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004 seta’] jkollha effetti ikbar rigward l-istruttura tas-salarji fi ħdan l-Unitajiet milli kien maħsub oriġinarjament” u li “[p]ereżempju, [ma kienx] impossibbli li kap ta’ Unità jaqla’ inqas mill-uffiċjali l-oħra kollha li jaħdmu fl-istess Unità tiegħu jew tagħha, inklużi s-segretarji[; u li l-]Kapijiet tal-Unità [setgħu] jiġu appuntati fi grad AD 9, filwaqt li amministraturi [setgħu] jilħqu l-grad ta’ AD 14 (jiġifieri ħames gradi iktar kontra l-grad wieħed biss iktar skont ir-Regolamenti tal-Persunal il-qodma) u segretarji/skrivani fi grad AST 11 (żewġ gradi iktar mill-grad ta’ dħul għall-Kapijiet ta’ Unità)”.

73      Għalhekk, fl-opinjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, minn issa ’l quddiem għandha ssir iktar enfasi fuq il-livell ta’ responsabbiltà meta jitwettaq paragun tal-merti fil-kuntest tal-promozzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, jirriżulta b’mod inekwivoku mir-Regolament Nru 1023/2013 li l-imsemmi leġiżlatur xtaq itemm il-possibbiltà, miftuħa mir-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004, li l-uffiċjali jistgħu dejjem jiġu promossi fl-ogħla gradi mingħajr ma tkun tista’ tiġi stabbilita korrelazzjoni bejn ir-responsabbiltajiet li dawn kienu jassumu u l-grad okkupat, fatt li seta’ jwassal sabiex l-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet ta’ amministraturi jkunu kisbu gradi AST 10 jew AST 11 mingħajr ma neċessarjament jassumu responsabbiltajiet ta’ livell għoli jew responsabbiltajiet addizzjonali.

74      Fid-dawl ta’ dan l-għan leġittimu, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’, mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, iqis li l-gradi AST 10 u AST 11, li jagħtu dritt għal livell ta’ remunerazzjoni partikolarment għoli, inċidentalment identiku għal dak tal-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet tal-amministraturi fil-gradi AD 10 u AD 11, minn issa ’l quddiem huma rriżervati biss għall-assistenti li għandhom livell għoli ta’ responsabbiltà. Fil-fatt, tali miżura tidher li hija xierqa sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ konnessjoni kkonstatat bejn, minn naħa, il-grad għoli li ċerti assistenti kisbu aċċess għalih permezz tal-mekkaniżmu ta’ promozzjoni stabbilit fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa essenzjalment ibbażat fuq il-merti tul iż-żmien u mhux fuq il-kompetenzi u l-ħiliet tal-partijiet interessati u, min-naħa l-oħra, il-livell ta’ responsabbiltajiet mogħtija lilhom u li setgħu ma varjawx tul iż-żmien.

75      Il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li, fir-rigward tal-grupp ta’ funzjonijiet tal-amministraturi, il-gradi AD 15 u AD 16 kienu, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004, irriżervati biss għad-diretturi, ma huwiex rilevanti. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tar-riforma li daħlet fis-seħħ fl‑2014, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeskludi l-aċċess għall-ogħla gradi esklużivament permezz tal-mekkaniżmu ta’ promozzjoni stabbilit fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, kemm għall-amministraturi, li ma għadhomx jistgħu jiksbu aċċess għall-gradi AD 13 u AD 14 permezz ta’ dan is-sempliċi mekkaniżmu, kif ukoll għall-“assistenti” jew l-“assistent fi tranżizzjoni”, li l-aċċess għalihom permezz ta’ sempliċi promozzjoni għall-gradi AST 10 u AST 11 minn issa ’l quddiem ġie eskluż ukoll favur mekkaniżmu ta’ ħatra-promozzjoni għal tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent f’livell għoli”, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

76      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura

77      Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, billi adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati, l-Awtorità tal-Ħatra ma qisitx biżżejjed l-interessi tagħhom, u b’dan il-mod kisret kemm il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll id-dmir ta’ premura tagħha. Barra minn hekk, huma jikkritikaw il-fatt li minn issa ’l quddiem ser ikollhom jerġgħu jiġu suġġetti għal testijiet intiżi li jittestjaw il-kompetenzi tagħhom sabiex iwettqu l-funzjonijiet ta’ “assistent f’livell għoli”, minkejja l-fatt li ma biddlux il-grupp ta’ funzjonijiet tagħhom, li l-Awtorità tal-Ħatra kienet diġà ssuġġettathom għal tali testijiet tal-aptitudni fir-reklutaġġ tagħhom u li taw prova tal-merti matul il-karrieri tagħhom.

78      Fir-rigward tal-ksur, allegat mir-rikorrenti, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-prinċipji ma jistgħux jippermettu lill-Awtorità tal-Ħatra tikser id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni li, bħala tali, huma imposti fuqha bħal fuq l-awtoritajiet l-oħrajn kollha ta’ ħatra ta’ istituzzjonijiet, korpi u organi oħra tal-Unjoni. B’mod partikolari, id-dmir ta’ premura ma jistax jiġi interpretat bħala li jeżiġi li l-Awtorità tal-Ħatra jkollha l-obbligu li tikkumpensa għat-telf tal-eliġibbiltà għall-promozzjoni għall-grad AST 10, kif deċiż mill-imsemmi leġiżlatur, permezz ta’ miżuri interni intiżi li joħolqu iktar pożizzjonijiet ta’ “assistenti f’livell għoli” fil-gradi AST 10 u AST 11, minħabba li tali approċċ iwassal lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex taġixxi kontra r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni billi tnaqqas l-impatt mixtieq tal-miżuri li huwa adotta fil-kuntest tar-riforma.

79      Fil-fatt, jirriżulta b’mod inekwivoku mir-Regolament Nru 1023/2013 li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq itemm il-possibbiltà, miftuħa mir-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004, li uffiċjali dejjem ikunu jistgħu jiġu promossi għall-ogħla gradi mingħajr ma tkun tista’ tiġi stabbilita korrelazzjoni bejn ir-responsabbiltajiet li dawn kienu jassumu u l-grad okkupat, fatt li seta’ jwassal sabiex l-uffiċjali tal-kategorija tal-assistenti jiksbu l-gradi AST 10 jew AST 11 mingħajr ma neċessarjament jassumu responsabbiltajiet ta’ livell għoli jew responsabbiltajiet addizzjonali.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awtorità tal-Ħatra setgħet biss tapplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba li din ma kellha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fid-deċiżjonijiet tagħha li tikklassifika lir-rikorrenti fit-tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent fi tranżizzjoni” skont l-Artikolu 31(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda.

81      Konsegwentement, minkejja d-diffikultajiet imsemmija mir-rikorrenti fir-rigward tal-prospetti tagħhom, minn issa ’l quddiem iktar limitati, sabiex jiksbu aċċess għal pożizzjoni AST 10 minħabba r-regoli iktar stretti u selettivi ta’ aċċess għat-tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent f’livell għoli”, ma kienx il-kompitu tal-Awtorità tal-Ħatra li tfixkel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda f’isem il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jew tad-dmir ta’ premura tagħha.

82      Minn dan jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, dwar il-ksur tad-drittijiet kweżiti

83      Insostenn tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jaffermaw li, billi eskluda l-possibbiltà li jkunu jistgħu jiġu promossi għall-grad AST 10 skont il-proċedura ta’ promozzjoni stabbilita fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser id-drittijiet kweżiti tagħhom li l-merti tagħhom jiġu mqabbla ma’ dawk tal-uffiċjali kollha fil-grad AST 9.

84      F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li meta, bħal f’dan il-każ, uffiċjali, sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, kienu biss eliġibbli għal promozzjoni u din tal-aħħar kienet suġġetta għal deċiżjoni ta’ promozzjoni għall-grad AST 10 meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra, li din tal-aħħar kienet għadha ma adottatx, f’dan il-każ, fl‑1 ta’ Jannar 2014, tali uffiċjali ma jistgħux jinvokaw dritt kweżit dwar il-fatt li jibqgħu eliġibbli għal din il-promozzjoni wara dik id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punti 63 sa 65, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, EJ et vs Il‑Kummissjoni, F‑112/14, EU:F:2015:90, punt 59). Fuq dan il-punt, il-ġurisprudenza żviluppata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), li ma tirrigwardax ir-Regolamenti tal-Persunal, ma hijiex rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Arango Jaramillo et vs BEI, T‑482/16 RENV, EU:T:2017:901, mhux ippubblikata, punt 113).

85      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li l-limitazzjoni tal-aċċess għall-grad AST 10 għall-persuni magħżula fi tmiem il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet futuri ta’ “assistenti f’livell għoli”, “tippreġudika manifestament il-kundizzjonijiet tal-impjieg fundamentali li wasslu[hom] sabiex jidħlu u jibqgħu [fis-servizz] tal-istituzzjonijiet” tal-Unjoni.

86      Fil-fatt, skont ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, l-uffiċjali fil-grad AST 9 ma humiex imċaħħda mill-aċċess għall-grad AST 10, iżda għandhom biss, sabiex ikunu jistgħu jilħqu tali grad, juru l-kwalifiki mitluba mill-Awtorità tal-Ħatra biex jiksbu l-livell għoli ta’ responsabbiltajiet mistenni mid-detenturi ta’ tali pożizzjonijiet. Għalhekk, dan ma huwiex il-każ ta’ mblokk tal-karrieri tagħhom, iżda, kif isostni l-Kunsill, ta’ bidla fil-modalità li tippermetti li tinkiseb promozzjoni għall-gradi AST 10 u AST 11, l-ogħla fil-gruppi ta’ funzjonijiet ta’ assistenti, f’dan il-każ billi jintgħażlu sabiex jokkupaw pożizzjoni ġdida li tinvolvi responsabbiltajiet reali ta’ livell għoli li jiġġustifikaw il-livell għoli ta’ remunerazzjoni korrelattiv. Għaldaqstant, ir-rikorrenti dejjem jistgħu jipparteċipaw fi proċedura ta’ selezzjoni skont l-Artikolu 4 u l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jokkupaw tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent f’livell għoli” u għalhekk ikunu jistgħu jirkupraw eliġibbiltà għall-promozzjoni għall-grad AST 10 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2017, HN vs Il‑Kummissjoni, T‑588/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:292, punt 86). Dan huwa, barra minn hekk, dak li għamlu r-rikorrenti u, lil sitta minnhom, dan l-approċċ ippermettilhom li jiġu maħtura f’pożizzjoni ta’ assistent f’livell għoli li tagħti dritt għal promozzjoni għall-gradi AST 10 u AST 11.

87      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-ħames parti tal-ewwel motiv, dwar il-ksur tar-rati stabbiliti fl-Artikolu 9 tal-Anness XIII u fit-Taqsima B tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda

88      Skont il-ħames parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jaffermaw li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jiksru r-regoli u l-prinċipji applikabbli fil-qasam tar-rati ta’ promozzjoni, kif stabbiliti fit-Taqsima B tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda u fl-Artikolu 9 tal-Anness XIII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, minħabba li huma ma jistgħux jibqgħu jibbenefikaw minn dawn ir-rati u, konsegwentement, iserrħu moħħhom fuq promozzjoni għall-grad AST 10.

89      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, huwa sabiex jiżgura iktar korrelazzjoni bejn il-gradi AST 10 jew AST 11 u l-livell ta’ responsabbiltajiet tal-uffiċjali li jinsabu f’dawn il-gradi li l-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda li l-aċċess għal dawn il-gradi jsir esklużivament permezz tal-mekkaniżmu ta’ promozzjoni stabbilit fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal li, preċedentement, kien jiżgura b’ċerta awtomatiċità li ċertu numru ta’ assistenti fil-grad AST 9 jiġu promossi kull sena għall-grad AST 10, mingħajr ma neċessarjament ikunu jassumu responsabbiltajiet ta’ livell għoli u lanqas responsabbiltajiet addizzjonali.

90      Għalhekk, kien loġiku li l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi li, konsegwentement, in-numru ta’ pożizzjonijiet ta’ “assistent[i] f’livell għoli” fil-grad AST 10 preċiżament ma jiġix iddeterminat, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, skont ir-rati applikabbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni. Fil-fatt, il-miżura adottata fil-kuntest tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal kienet intiża b’mod kuntrarju sabiex l-Awtorità tal-Ħatra tiddetermina dan in-numru, li barra minn hekk huwa limitat, skont il-ħtiġijiet reali tal-persunal ta’ livell għoli fil-grupp ta’ funzjonijiet ta’ assistenti u mhux b’mod awtomatiku.

91      Minbarra dan, minħabba li l-esklużjoni mill-applikazzjoni tal-proċedura ta’ promozzjoni, stabbilita fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jinkiseb aċċess għall-grad AST 10, ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma hemmx bżonn, f’dan il-każ, li jiġi eżaminat jekk il-mekkaniżmi, normalment applikabbli għall-proċedura ta’ promozzjoni, kellhomx jiġu estiżi għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

92      Barra minn hekk, minn naħa, huwa inerenti għall-għan tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal li jiġi limitat in-numru ta’ pożizzjonijiet fil-gradi AST 10 u AST 11 għall-uffiċjali li jassumu responsabbiltajiet ta’ livell għoli, preċiżament billi jitneħħew tali pożizzjonijiet mill-mekkaniżmu uniku ta’ promozzjoni.

93      Min-naħa l-oħra, huma l-Awtoritajiet tal-Ħatra li għandhom jiddeterminaw in-numru ta’ pożizzjonijiet ta’ assistenti f’livell għoli li huma għandhom bżonn, il-profili ta’ kompetenzi li għandhom jiġu mfittxija sabiex jimtlew tali pożizzjonijiet u, barra minn hekk, li jiksbu, f’dan ir-rigward, l-awtorizzazzjoni tal-awtorità baġitarja sabiex jinħolqu tali pożizzjonijiet. Madankollu, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kien iddeċieda li jobbliga lill-Awtoritajiet tal-Ħatra sabiex kull sena joffru numru speċifiku ta’ pożizzjonijiet ta’ assistenti f’livell għoli fil-grad AST 10, dan kien ikollu l-effett indirett li tiġi introdotta mill-ġdid is-sistema ta’ promozzjoni li, mill-perspettiva tiegħu, ma kinitx tippermetti li jiġi żgurat li l-promozzjoni għall-ogħla gradi, bħall-gradi AST 10 u AST 11, tkun suġġetta għall-involviment personali, għat-titjib tal-kwalifiki u tal-kompetenzi, kif ukoll għat-twettiq tar-responsabbiltajiet ta’ livell għoli.

94      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw a fortiori fir-rigward tar-rati stabbiliti fit-Taqsima B tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal li, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, kienu fi kwalunkwe każ maħsuba sabiex jiġu applikati biss sat-30 ta’ April 2011.

95      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-ħames parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq is-sitt parti tal-ewwel motiv, dwar il-ksur tal-“ftehim” konkluż bejn l-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali u l-Kunsill fl-adozzjoni tar-riforma preċedenti tar-Regolamenti tal-Persunal

96      Skont is-sitt parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jaffermaw li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013, il-leġiżlatur tal-Unjoni u l-Kummissjoni, minn naħa, kisru l-ftehim li kien ġie konkluż bejn il-Kunsill u l-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali (iktar ’il quddiem l-“OSP”), fil-kuntest tar-riforma preċedenti tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004 u, min-naħa l-oħra, naqsu mill-obbligu tagħhom li debitament jikkoordinaw mal-OSP u, partikolarment, li jikkonsultawhom b’mod utli billi jipprovdulhom l-informazzjoni xierqa. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-imblokk tal-karrieri tal-assistenti fil-grad AST 9, ma kien ġie stabbilit l-ebda djalogu u, fl-aħħar mill-aħħar, l-OSP ma kinux ġew informati suffiċjentement jew tajjeb dwar il-bidliet previsti fil-kuntest tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal. Minn dan, ir-rikorrenti jiddeduċu li nkisru l-Artikoli 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

97      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-ftehim konkluż bejn il-Kunsill u l-OSP fil-kuntest tal-adozzjoni tar-riforma li wasslet għar-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004, kien jikkonċerna biss din ir-riforma u li, għalhekk, l-adozzjoni sussegwenti tar-Regolament Nru 1023/2013 ma kinitx ta’ natura li tippreġudika dan il-ftehim, minħabba li l-aċċettazzjoni ta’ tali raġunament kienet tfisser li tiġi ppreġudikata l-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 336 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑75/14, EU:T:2017:813, punti 86 sa 89).

98      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-OSP kinux ġew informati u kkonsultati suffiċjentement fil-kuntest tal-proċedura tal-adozzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, inkluż fir-rigward tal-Artikoli 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet dwarha fid-dettall billi rrispondiet b’mod eżawrjenti għall-ilmenti mressqa f’dan ir-rigward minn diversi OSP fis-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punti 120 sa 174) u tas‑16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑75/14, EU:T:2017:813, punti 96 sa 124).

99      Madankollu, fin-nuqqas ta’ argument sostanzjalment ġdid fir-rigward ta’ dawk imressqa fid-dettall u ssostanzjati mill-OSP innifishom fil-kawżi li wasslu għaż-żewġ sentenzi msemmija fil-punt 98 iktar ’il fuq, hemm lok li s-sitt parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda għall-istess motivi bħal dawk adottati f’dawn iż-żewġ sentenzi li, fl-istennija ta’ deċiżjoni dwarhom, din il-kawża ġiet sospiża.

100    Fid-dawl taċ-ċaħda tad-diversi partijiet tiegħu, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 31 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda minħabba l-assenza ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ kumpens għat-telf tal-eliġibbiltà għall-promozzjoni tal-uffiċjali fil-grad AST 9

101    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jeċċepixxu l-illegalità tal-Artikolu 31 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba li dan ma jistabbilixxix, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa stabbilit mill-Artikolu 30 ta’ dan l-anness fir-rigward tal-grupp ta’ funzjonijiet ta’ amministraturi, sistema tranżitorja li kienet tippermetti lill-assistenti, b’mod simili bħas-sistema stabbilita għall-amministraturi, li jiġu kklassifikati f’tipi ta’ pożizzjonijiet li jagħtuhom dritt għall-promozzjoni għall-grad AST 10 jew inkella li tagħtihom l-opportunità li jibbenefikaw minn żieda addizzjonali fis-salarji bażiċi tagħhom. Skont ir-rikorrenti, dan huwa każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ gruppi ta’ funzjonijiet. Barra minn hekk, l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti dwar l-adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji b’dan il-mod ġew miksura.

102    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, titlob iċ-ċaħda tal-motiv bħala infondat.

103    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jkunux essenzjalment differenti, jiġu ttrattati b’mod differenti u meta tali differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata oġġettivament. Fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, l-eżami tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu pparagunati għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tal‑15 ta’ Novembru 2011, Nolin vs Il‑Kummissjoni, T‑58/11 P, EU:T:2011:664, punt 38).

104    Barra minn hekk, f’qasam li jaqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, bħall-promulgazzjoni ta’ regoli tranżitorji intiżi li jiggarantixxu t-tranżizzjoni ekwa minn Regolamenti tal-Persunal qodma għal dawk ġodda, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jinkisirx ħlief meta l-istituzzjoni kkonċernata tagħmel distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbla mal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2012, Kurrer et vs Il-Kummissjoni, T‑441/10 P sa T‑443/10 P, EU:T:2012:133, punt 54).

105    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba n-natura nnifisha tal-funzjonijiet li jwettqu, kif ukoll tar-rekwiżiti minimi ta’ aċċess għal dawn il-funzjonijiet, bħal dawk stabbiliti, partikolarment, fl-Artikolu 5(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet tal-amministraturi u dawk tal-grupp ta’ funzjonijiet tal-assistenti jinsabu f’sitwazzjonijiet legali u fattwali oġġettivament u sostanzjalment differenti.

106    Għalhekk, b’kunsiderazzjoni tad-differenza fin-natura tal-funzjonijiet imwettqa bejn l-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet tal-amministraturi u dawk tal-grupp ta’ funzjonijiet tal-assistenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni la kien obbligat li jadotta miżuri tranżitorji u lanqas li jadotta miżuri tal-istess natura għal dawn iż-żewġ gruppi ta’ funzjonijiet.

107    Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’, minn naħa, jistabbilixxi, esklużivament għall-amministraturi li kienu fl-inkarigu fil‑31 ta’ Diċembru 2013, li huma jistgħu, skont il-kompiti u r-responsabbiltajiet li kellhom, ikunu kklassifikati korrelattivament f’tipi ta’ pożizzjonijiet differenti, bħal dawk ta’ “amministratur”, ta’ “amministratur fi tranżizzjoni”, ta’ “amministratur f’livell għoli fi tranżizzjoni”, ta’ “konsulent jew ekwivalenti” u ta’ “kap ta’ unità jew ekwivalenti”, skont il-livell u n-natura tar-responsabbiltajiet tagħhom. Barra minn hekk, il-ħolqien tat-tip ta’ pożizzjoni ta’ “assistent f’livell għoli” jirriżulta minn loġika simili. Madankollu, fl-assenza ta’ sitwazzjonijiet komparabbli bejn iż-żewġ gruppi ta’ funzjonijiet, l-imsemmi leġiżlatur ma kienx obbligat li jistabbilixxi, għall-grupp tal-assistenti, il-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni derogatorja bħal dik, stabbilita fl-Artikolu 30(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, ibbażata fuq it-twettiq ta’ “responsabbiltajiet speċjali” minn ċerti amministraturi li nħatru bħala tali fil‑31 ta’ Diċembru 2015.

108    Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ anki jistabbilixxi sistema tranżitorja, bħal dik prevista fl-Artikolu 30(5) sa (10) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, esklużivament għall-benefiċċju tal-amministraturi fil-gradi AD 12 u AD 13, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet speċifiċi għal dan il-grupp ta’ funzjonijiet. F’dan ir-rigward, huwa seta’ b’mod partikolari jieħu inkunsiderazzjoni, kif isemmi l-Kunsill, il-fatt li dan il-grupp ta’ funzjonijiet kien l-iktar wieħed affettwat mir-riforma preċedenti tar-Regolamenti tal-Persunal.

109    Fi kwalunkwe każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jaffermaw ir-rikorrenti, dawn tal-aħħar ma setgħux jibbażaw ruħhom, bħala aspettattivi leġittimi, fiż-żmien tar-reklutaġġ rispettiv tagħhom, fuq il-fatt li l-karrieri tagħhom għandhom neċessarjament jimplikaw avvanz ta’ remunerazzjoni li jikkorrispondi għal dawk tal-gradi AST 10 jew AST 11. Bl-istess mod, huma ma jistgħux jeżiġu l-adozzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ sistema tranżitorja speċifikament applikabbli għas-sitwazzjonijiet individwali tagħhom.

110    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

111    Insostenn tat-tielet motiv imqajjem sussidjarjament, ir-rikorrenti jinvokaw “ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u żball manifest ta’ evalwazzjoni”, essenzjalment dirett kontra l-premessa 19 tar-Regolament Nru 1023/2013 adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huma jaffermaw li, minħabba li l-“qalba” tas-sistema ta’ promozzjoni stabbilita fl-imsemmi Artikolu 45 ma kinitx ġiet emendata b’dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien obbligat josserva l-prinċipji li huma l-bażi ta’ din is-sistema u, għalhekk, ma setax jeskludi lir-rikorrenti minn kull evalwazzjoni komparattiva tal-merti tagħhom sabiex jiksbu aċċess għall-grad superjuri. Għalhekk, l-imsemmija premessa 19 tidħol f’kunflitt mal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

112    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, titlob li l-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

113    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’, fi kwalunkwe ħin, jemenda r-Regolamenti tal-Persunal permezz ta’ regolamenti, adottati skont l-Artikolu 336 TFUE (ara d-digriet tat‑23 ta’ April 2015, Bensai vs Il‑Kummissjoni, F‑131/14, EU:F:2015:34, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, meta jiddeċiedi li jagħmel dan, huwa ma jistax jiġi kkritikat li kiser dawn l-istess Regolamenti tal-Persunal, minħabba li huwa stess huwa l-awtur tagħhom, inkluż tal-emendi tagħhom, u peress li l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal ma jorbtuhx bħalma jagħmlu testi ta’ livell superjuri, bħalma huwa t-Trattat.

114    Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li t-tielet motiv jista’ jitqies bħala eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra l-premessa 19 tar-Regolament Nru 1023/2013 u li hija ammissibbli, minkejja li, skont il-ġurisprudenza, premessa ma tistax, waħedha, tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (digriet tas‑17 ta’ Settembru 2014, Afepadi et vs Il‑Kummissjoni, T‑354/12, mhux ippubblikat, EU:T:2014:798, punt 32), għandu jiġi kkonstatat li, preċiżament, billi adotta din il-premessa kif ukoll l-emenda tal-Artikolu 45 u tal-Artikolu 31 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried b’mod ċar jemenda l-proċedura ta’ promozzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004 billi jagħmilha inapplikabbli għall-uffiċjali AST 9, li minn issa ’l quddiem ma jistgħux jiksbu aċċess għall-grad AST 10 ħlief wara proċedura ta’ ħatra f’pożizzjoni ta’ “assistent f’livell għoli” ta’ dan il-grad, skont l-Artikolu 4 u l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-imsemmi leġiżlatur żied b’mod espliċitu sentenza fil-formulazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, sabiex jeskludi l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura f’ċerti sitwazzjonijiet, bħal dawk tar-rikorrenti, fejn l-uffiċjali jkunu laħqu l-grad massimu previst mit-tip ta’ pożizzjoni li jokkupaw.

115    Għalhekk it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

116    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, invokat sussidjarjament, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ma tatx spjegazzjonijiet ulterjuri, barra minn dawk mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessi 17 sa 19 tar-Regolament Nru 1023/2013, dwar ir-raġunijiet għaliex huma ma tqisux li jassumu responsabbiltajiet tal-ogħla livell u minn issa ’l quddiem ma jistgħux jiġu promossi għall-grad AST 10, ħlief skont il-proċedura ta’ ħatra stabbilita fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

117    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, titlob li l-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

118    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni, previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkostitwixxi biss it-tkomplija tal-obbligu ġenerali stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-parti interessata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat, jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar twettaq l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni għandha, fil-prinċipju, tiġi kkomunikata lill-parti interessata meta tiġi kkomunikata d-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, u li l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-parti interessata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, EU:C:1981:284, punt 22, u tat‑28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punt 50).

119    Madankollu, dawn il-prinċipji għandhom jiġu implimentati fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-fażi prekontenzjuża, li skontha l-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, huma parti integrali minn proċedura kumplessa, fejn ir-redazzjoni tal-att li jiffissa l-pożizzjoni definittiva tal-istituzzjoni tispiċċa biss mal-adozzjoni tar-risposta mogħtija mill-Awtorità tal-Ħatra għall-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il‑Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punti 33, 34 u 45).

120    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali fakkret li s-suppliment ta’ motivazzjoni, fil-fażi tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, kienet konformi mal-għan tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħid li d-deċiżjoni fuq l-ilment għandha tkun hija stess immotivata. Din id-dispożizzjoni timplika neċessarjament, fil-fatt, li l-awtorità li għandha tiddeċiedi fuq l-ilment ma hijiex marbuta biss mill-motivazzjoni, li tista’ tkun insuffiċjenti jew anki ineżistenti, tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-ilment (sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 2011, Longinidis vs Cedefop, T‑283/08 P, EU:T:2011:338, punt 72, u tal‑21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il‑Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punt 35).

121    F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma ġewx akkumpanjati minn motivazzjoni partikolari tal-Awtorità tal-Ħatra. Fil-fatt, din essenzjalment illimitat ruħha li timplimenta d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li daħlu fis-seħħ mill-ġdid fl‑1 ta’ Jannar 2014 u li jimplikaw, fil-każ tar-rikorrenti, il-klassifikazzjoni tagħhom f’tip ta’ pożizzjoni tranżitorja ta’ “assistent fi tranżizzjoni”, li ġiet fis-seħħ permezz ta’ emenda tal-fajls personali tagħhom miżmuma fis-SysPer 2 b’effett minn din id-data.

122    Madankollu, fir-risposta għall-ilmenti mressqa mir-rikorrenti, l-Awtorità tal-Ħatra spjegat li l-approċċ tagħha kien li timplimenta d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal deċiżi mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan ir-rigward mingħajr setgħa diskrezzjonali, u hija pprovditilhom spjegazzjoni ddettaljata tal-isfidi u l-modi ta’ implementazzjoni tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli fl‑2014. Spjegazzjonijiet bħal dawn min-naħa tal-Awtorità tal-Ħatra huma biżżejjed, fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha bħal dak stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala l-awtriċi tad-deċiżjonijiet ikkontestati adottati f’kompetenza limitata.

123    Sa fejn, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti għandhom l-għan li jikkritikaw lil-leġiżlatur tal-Unjoni talli kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 296 TFUE, diġà ġie deċiż, speċifikament b’rabta mal-premessi 17 sa 19 tar-Regolament Nru 1023/2013, li l-motivazzjoni għall-emendi tal-Artikolu 45 kif ukoll tal-Annessi I u XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, dwar l-istruttura tal-karriera tal-persunal, kienet turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-Parlament u tal-Kunsill, u għalhekk kienet tippermetti lir-rikorrenti jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti Ġenerali twettaq l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punti 182 u 183).

124    Barra minn hekk, jirriżulta b’mod ċar mill-qafas ġdid tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa biss jekk l-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi, skont il-ħtiġijiet tagħha, li toħloq pożizzjonijiet ta’ “assistent f’livell għoli” jew li timla l-pożizzjonijiet vakanti ta’ dan it-tip, li l-uffiċjali fil-grad AST 9 ikollhom l-opportunità, skont l-Artikolu 4 u l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, li juru l-interess tagħhom sabiex jokkupaw pożizzjoni ta’ dan it-tip u, jekk ikun il-każ, jintgħażlu mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex jokkupaw din il-pożizzjoni permezz ta’ promozzjoni fir-rigward ta’ din il-pożizzjoni għall-grad AST 10.

125    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

126    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

127    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni.

128    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

129    Għalhekk, il-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      GQ u l-uffiċjali l-oħrajn tal-Kummissjoni Ewropea li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż.

3)      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Diċembru 2018.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Il-lista tal-uffiċjali l-oħrajn tal-Kummissjoni Ewropea hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.