Language of document : ECLI:EU:C:2018:1035

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

19 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1) – Prattika amministrattiva li tikkonsisti f’li jissuġġettaw għall-VAT ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid lill-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti”

Fil-Kawża C‑51/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Gossement u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn G. Hesse, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, J. Malenovský (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ssuġġettat għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid lill-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva tal-VAT

2        Il-premessi 3 u 5 tad-Direttiva dwar il-VAT huma fformulati kif ġej:

“(3)      Biex ikun żgurat li d-disposizzjonijiet jiġu ppreżentati b’mod ċar u razzjonali, b’mod konsistenti mal-prinċipju ta’ regolamentazzjoni aħjar, huwa xieraq li l-istruttura u l-formulazzjoni tad-Direttiva jitfasslu mill-ġdid għalkemm fil-prinċipju dan mhux ser iġib tibdil fil-leġislazzjoni eżistenti. Numru żgħir ta’ emendi sostantivi huma madankollu inerenti għall-eżerċizzju ta’ tfassil mill-ġdid u għandhom madankollu jsiru. Fejn isiru tali tibdiliet, dawn huma elenkati b’mod eżawrjenti fid-disposizzjonijiet li jirregolaw it-traspożizzjoni u d-dħul fis-seħħ.”

[…]

(5)      Sistema ta’ VAT tikseb l-ogħla livell ta’ sempliċità u ta’ newtralità meta t-taxxa hi mħaddma f’manjiera ġenerali kemm jista’ jkun u meta tkun tkopri l-istadji kollha tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi. Hu għalhekk fl-interess tas-suq intern u ta’ l-Istati Membri li jadottaw sistema komuni li tapplika wkoll għall-kummerċ bl-imnut.”

3        Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

(a)      il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]

(ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”

4        L-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva jinqara kif ġej:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.”

5        Skont l-Artikolu 25 tal-istess direttiva:

“Provvista ta’ servizzi tista’ tikkonsisti, inter alia, f’waħda mit-Transazzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli kemm jekk hija u kemm jekk mhix soġġetta għal att li jistabbilixxi titolu;

(b)      l-obbligazzjoni biex ma jsirx att, jew biex ikun tollerat att jew sitwazzjoni;

(ċ)      it-twettiq ta’ servizzi skond ordni magħmula minn jew f’isem awtorità pubblika jew skond il-liġi.”

6        L-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

 Id-Direttiva 2001/84/KE

7        Il-premessa 3 tad-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ l-awtur ta’ xogħol oriġinali ta’ l-arti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 240) hija fformulata kif ġej:

“Id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid huwa maħsub sabiex jassigura li l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ l-arti figurattivi jaqsmu s-suċċess ekonomiku tax-xogħlijiet oriġinali ta’ l-arti tagħhom. Jgħin biex jagħti mill-ġdid il-bilanċ bejn is-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ l-arti figurattivi u dak ta’ kreaturi [artisti] oħra li jibbenefikaw mill-isfruttar suċċessiv tax-xogħlijiet tagħhom.”

8        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Materja tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu, għall-benefiċċju ta’ l-awtur ta’ xogħol oriġinali ta’ l-arti, dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, li għandu jkun definit bħala dritt mhux trasferibbli, li ma jistax jitneħħa, anki bil-quddiem, sabiex jirċievi royalty ibbażata fuq il-prezz tal-bejgħ għal kwalunkwe bejgħ mill-ġdid tax-xogħol, sussegwentament għall-ewwel trasferiment tax-xogħol mill-awtur.

2.      Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jgħodd għall-atti kollha ta’ bejgħ mill-ġdid li jinvolvu bħala bejjiegħa, xerrejja jew intermedjarji professjonisti tas-suq ta’ l-arti, bħal kmamar fejn jinbiegħu oġġetti bl-irkant, galleriji ta’ l-arti u, b’mod ġenerali, kwalunkwe negozjanti tax-xogħlijiet ta’ l-arti.

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jgħodd għal atti ta’ bejgħ mill-ġdid fejn il-bejjiegħ ikun kiseb ix-xogħol direttament mill-awtur inqas minn tliet snin qabel dak il-bejgħ mill-ġdid u fejn il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ma jkunx jaqbeż 10 000 EUR.

4.      Ir-royalty għandha titħallas mill-bejjiegħ. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li wieħed mill-persuni naturali jew legali li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 2 minbarra l-bejjiegħ għandhom ikunu responsabbli weħidhom jew jaqsmu r-responsabbiltà mal-bejjiegħ għall-ħlas tar-royalty.”

9        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, dwar il-livell minimu applikabbli, jipprovdi:

“1.      Għandhom ikunu l-Istati Membri li jistabbilixxu l-prezz minimu tal-bejgħ li minnu, Il-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun soġġett għad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid.

2.      Dan il-prezz minimu ta’ bejgħ taħt l-ebda ċirkostanza m’għandux ikun aktar minn 3 000 EUR.”

10      Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva, dwar ir-rati:

“1.      Ir-royalty li għalih hemm ipprovdut fl-Artikolu 1 għandu jkun stabbilit bir-rati li ġejjin:

(a)      4 % għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ sa 50 000 EUR;

(b)      3 % għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ minn 50 000.01 EUR sa 200 000 EUR;

(ċ)      1 % għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ minn 200 000.01 EUR sa 350 000 EUR;

(d)      0.5 % għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ minn 350 000.01 EUR sa 500 000 EUR;

(e)      0.25 % għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ li jaqbeż il-500 000 EUR.

Madankollu, l-ammont totali tar-royalty ma jistax jaqbeż it-12 500 EUR.

2.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata ta’ 5 % għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ imsemmi fil-paragrafu 1(a).

3.      Jekk il-prezz minimu tal-bejgħ stabbilit ikun inqas minn 3 000 EUR, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi wkoll ir-rata applikabbli għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ sa 3 000 EUR; din ir-rata ma tistax tkun inqas minn 4 %.”

 Id-dritt Awstrijak

 L-Urheberrechtsgesetz

11      L-Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt tal-Awtur), tad-9 ta’ April 1936 (BGBl. 111/1936), fil-verżjoni tagħha applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), tistabbilixxi, fit-Taqsima III tagħha, id-drittijiet tal-awtur, fosthom id-dritt ta’ sfruttament, ta’ riproduzzjoni u ta’ distribuzzjoni tax-xogħol.

12      L-Artikolu 16 tal-UrhG, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi:

“(1)      L-awtur għandu d-dritt esklużiv li jiddistribwixxi xogħlijiet. Bis-saħħa ta’ dan id-dritt, ix-xogħlijiet ma jistgħux jiġu esposti jew imqiegħda fis-suq b’mod li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr il-kunsens tiegħu.

(2)      Sakemm xogħol ma huwiex ippubblikat, id-dritt ta’ distribuzzjoni għandu jkopri wkoll id-dritt esklużiv li dan ix-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ preżentazzjoni, pubblikazzjoni, wiri, espożizzjoni pubblika, jew b’użu analogu ta’ rappreżentazzjoni.

(3)      Mingħar ħsara għall-Artikolu 16a, id-dritt ta’ distribuzzjoni ma japplikax għax-xogħlijiet li tqiegħdu fis-suq permezz ta’ trasferiment tal-proprjetà fi Stat Membru tal-[Unjoni] jew fi Stat li huwa parti miż-Żona Ekonomika Ewropea bil-kunsens tad-detentur tad-dritt.

[…]

(5)      Meta din il-liġi tirreferi għall-espressjoni “distribuzzjoni ta’ xogħol”, din tirreferi biss għad-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet irriżervata għall-awtur skont il-paragrafi 1 sa 3.”

13      L-Artikolu 16b tal-UrhG, intitolat “Dritt ta’ bejgħ mill-ġdid”, jipprovdi:

“(1)      L-Artikolu 16(3) għandu japplika għall-bejgħ mill-ġdid ta’ xogħol oriġinal tal-arti grafika jew plastika wara l-ewwel trasferiment mill-awtur, filwaqt li l-bejjiegħ għandu jħallas lill-awtur remunerazzjoni proporzjonata mal-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid mingħajr taxxi (remunerazzjoni għad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid), skont il-limiti li ġejjin:

4 % għall-ewwel porzjon sa [EUR] 50 000,

3 % fir-rigward ta’ [EUR] 150 000 ’il fuq mil-limitu tal-ewwel porzjon,

1 % fir-rigward ta’ [EUR] 150 000 ’il fuq mil-limitu tal-porzjon preċedenti,

0.5 % fir-rigward ta’ [EUR] 150 000 ’il fuq mil-limitu tal-porzjon preċedenti,

0.25 % fir-rigward ta’ [EUR] 150 000 ’il fuq mil-limitu tal-porzjon preċedenti,

l-ammont totali tar-remunerazzjoni ma jistax madankollu jkun iktar minn [EUR] 12 500.

(2)      Id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid huwa dovut biss jekk il-prezz tal-bejgħ jammonta għal mill-inqas [EUR] 2 500 u jekk operatur fis-suq tal-arti, bħal sala tal-irkant, gallerija tal-arti jew negozjant ieħor tal-arti, ikun involut fiċ-ċessjoni involut bħala bejjiegħ, xerrej jew intermedjarju; dawn il-persuni huma responsabbli bħala garanti u persuni li jħallsu, sakemm ma jkunux huma stess responsabbli għall-ħlas. Dan id-dritt ma jistax ikun suġġett għal rinunzja bil-quddiem. Dan id-dritt jista’ wkoll jiġi invokat minn kumpannija ta’ ġestjoni kollettiva; barra minn hekk, dan id-dritt huwa inaljenabbli. L-Artikolu 23(1) japplika mutatis mutandis.

(3)      “Xogħlijiet oriġinali” fis-sens tal-paragrafu 1 tfisser ix-xogħlijiet:

1.      magħmula mill-awtur innifsu,

2.      magħmula fi kwantità limitata mill-awtur innifsu jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, u li huma, fil-prinċipju, innumerati u ffirmati jew awtorizzati b’mod ieħor xieraq mill-awtur;

3.      altrimenti meqjusa bħala xogħlijiet oriġinali.

(4)      Id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid ma jkunx dovut meta l-bejjiegħ ikun kiseb ix-xogħol inqas minn tliet snin qabel mingħand l-awtur u meta l-prezz tal-bejgħ ma jkunx jaqbeż [EUR] 10 000.”

 L-Umsatzsteuergesetz 1994

14      L-Artikolu 1 tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), tat-23 ta’ Awwissu 1994 (BGBl. 663/1994), fil-verżjoni tagħha applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem l-“UStG 1994”), jipprovdi:

“(1)      It-tranżazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

1.      Il-kunsinni u servizzi oħra mwettqa bi ħlas ġewwa l-pajjiż minn imprenditur fl-ambitu tal-impriża tiegħu. It-tassazzjoni ma hijiex eskluża minħabba l-fatt li t-tranżazzjoni tkun saret fuq il-bażi ta’ att legali jew amministrattiv jew il-fatt li tkun kkunsidrata bħala li saret fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni legali;

[…]”

15      Skont l-Artikolu 3 tal-UStG 1994:

“(1)      Il-kunsinni huma tranżazzjonijiet li permezz tagħhom imprenditur jawtorizza lix-xerrej jew terz b’mandat ta’ dan tal-aħħar jiddisponi minn oġġetti. Is-setgħa li jiddisponi mill-oġġetti tista’ tiġi ttrasferita mill-imprenditur innifsu jew minn terz b’mandat minnu.

[…]”

16      L-Artikolu 3a(1) tal-UStG 1994 jipprovdi:

“Huma kkunsidrati bħala “servizzi oħra” t-tranżazzjonijiet li ma jikkostitwixxux kunsinni. Servizz ieħor jista’ jkun ukoll dak li ma jsirx jew li jiġi ttollerat att jew sitwazzjoni.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

17      Fis-17 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika tal-Awstrija ittra ta’ intimazzjoni li biha hija wrietha r-riżervi tagħha fir-rigward tal-prassi amministrattiva li tissuġġetta għall-VAT ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid lill-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti.

18      F’din l-ittra, il-Kummissjoni qieset li din ir-remunerazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi l-korrispettiv għas-servizz artistiku tal-awtur ta’ tali xogħol tal-arti. Hija ppreċiżat ukoll li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid kien mogħti direttament bil-liġi sabiex l-awtur jingħata parteċipazzjoni ekonomika raġonevoli fis-suċċess tax-xogħol tiegħu. Fl-assenza ta’ kunsinna jew ta’ provvista ta’ servizz mill-awtur fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, l-ebda tranżazzjoni ma tkun suġġetta għall-VAT.

19      Ir-Repubblika tal-Awstrija wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni b’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2014.

20      Ir-Repubblika tal-Awstrija rrimarkat li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid kellu l-għan li jiżgura li l-awtur jipparteċipa fis-suċċess ekonomiku tax-xogħol tiegħu. Il-fatt li l-awtur ma jipparteċipax fil-ftehim milħuq bejn il-bejjiegħ u x-xerrej fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid tax-xogħol ikkonċernat ma jipprekludix it-tassazzjoni tar-remunerazzjoni mħallsa lill-awtur fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid. Għall-kuntrarju, il-prinċipju ta’ newtralità tas-sistema tal-VAT teżiġi li din ir-remunerazzjoni tkun ukoll suġġetta għall-VAT.

21      Ir-Repubblika tal-Awstrija indikat ukoll li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur miżjud tax-xogħol f’każ ta’ bejgħ mill-ġdid tiegħu, b’tali mod li jkun hemm, sussidjarjament, żieda tal-ammont taxxabbli tas-servizz ipprovdut mill-awtur meta sar l-ewwel bejgħ. Għaldaqstant, peress li dan l-ewwel u l-uniku servizz huwa suġġett għall-VAT, ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għandha wkoll tkun suġġetta għall-VAT.

22      Peress li ma kinitx issodisfatta bit-tweġibiet kollha tar-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru, fit-25 ta’ Lulju 2016, opinjoni motivata fejn tenniet li r-remunerazzjoni dovuta lil awtur, fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, ma kinitx tikkostitwixxi korrispettiv tal-kunsinna jew tas-servizz ipprovdut mill-awtur meta dan tqiegħed għall-ewwel darba fis-suq, li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid kien jipprevedi biss li l-awtur ikun jista’ jgawdi l-benefiċċji ekonomiċi marbuta mar-rikonoxximent tas-servizz artistiku tiegħu u li l-awtur ma jistax jopponi l-bejgħ mill-ġdid tax-xogħol tiegħu.

23      Ir-Repubblika tal-Awstrija wieġbet għal din l-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Settembru 2016 fejn sostniet mill-ġdid, essenzjalment, in-natura taxxabbli tar-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.

24      Hija ppreċiżat li, fil-kuntest tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, l-awtur jipprovdi servizz billi jittollera l-att ta’ bejgħ mill-ġdid tax-xogħol. Minkejja li dan is-servizz huwa previst mil-liġi għall-awturi ta’ xogħol oriġinali tal-arti, dan jikkorrispondi għal servizz komparabbli ma’ dak li jipprovdu artisti oħra fil-kuntest tar-rappreżentazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom. Sa fejn ir-remunerazzjoni tar-rappreżentazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet hija suġġetta għall-VAT sa fejn din hija retribuzzjoni għal provvista ta’ servizzi, ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għandha tkun suġġetta għall-VAT ukoll.

25      Ir-Repubblika tal-Awstrija kompliet issostni l-argument sussidjarju tagħha li t-tassazzjoni ta’ din ir-remunerazzjoni hija ġġustifikata wkoll billi din twassal għal żieda tal-ammont taxxabbli tas-servizz ipprovdut mill-awtur meta x-xogħol tiegħu tqiegħed għall-ewwel darba fis-suq. Bidla fil-bażi taxxabbli ma tiddependix fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni legali bejn l-awtur u l-bejjiegħ tax-xogħol jew ix-xerrej sussegwenti tiegħu, iżda fuq il-fatt li l-awtur jibbenefika, minħabba d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, mill-valur miżjud ta’ dan ix-xogħol.

26      Billi ma kinitx issodisfatta bit-tweġibiet mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

27      Il-Kummissjoni tqis li l-obbligu, impost fuq il-partijiet li huma involuti fil-bejgħ mill-ġdid ta’ xogħol, li jħallsu remunerazzjoni lill-awtur iservi biss sabiex jiżgura lil dan tal-aħħar sehem ġust mill-valur tax-xagħol oriġinali tiegħu. Dan is-sehem ġust madankollu ma jikkostitwixxix il-korrispettiv ta’ servizz tal-awtur, sa fejn dan huwa marbut biss mal-valur ekonomiku tax-xogħol oriġinali li jirriżulta għall-awtur mill-bejgħ mill-ġdid tax-xogħol tiegħu, li jkun sar mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu. L-ammont tar-remunerazzjoni huwa stabbilit b’mod irrevokabbli mil-liġi.

28      Barra minn hekk, jirriżulta mis-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, SAWP (C-37/16, EU:C:2017:22, punti 25 u 26), li kunsinna jew servizz jitwettaq bi ħlas, fis-sens tad-Direttiva tal-VAT, biss jekk ikun hemm bejn il-fornitur u l-benefiċjarju relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati servizzi reċiproċi, fejn ir-retribuzzjoni rċevuta mill-fornitur tikkostitwixxi l-korrispettiv għas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju. Bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv irċevut, għalhekk għandu jkun hemm rabta diretta, billi s-somom imħallsin jikkostitwixxu l-korrispettiv effettiv għas-servizz individwalizzabbli pprovdut fl-ambitu ta’ relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati servizzi reċiproċi.

29      Issa, ir-remunerazzjoni dovuta lill-awtur, fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, ma tikkostitwixxix manifestament l-korrispettiv għal servizz ipprovdut mill-awtur, iżda hija ddeterminata biss fuq il-bażi tal-prezz miksub mill-bejgħ mill-ġdid tax-xogħol, li l-ammont tiegħu ma jistax jiġi influwenzat mill-awtur. L-awtur ikollu dritt għal remunerazzjoni mingħajr ma jkun obbligat li jipprovdi, jew saħansitra li jkun f’pożizzjoni li jipprovdi, l-inqas servizz, kemm b’azzjoni jew b’ommissjoni. Konsegwentement, ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid ma tikkostitwixxix ir-retribuzzjoni għal kunsinna jew għal servizz fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-VAT.

30      Barra minn hekk, sa fejn, meta jkun hemm bejgħ mill-ġdid ta’ xogħol, l-awtur tiegħu la jista’ jipprekludi dan il-bejgħ mill-ġdid u lanqas ma jista’ jeżerċita influwenza fuqu, billi ma jipprovdi ebda servizz, ma jistax għalhekk jitqies li dan l-awtur jipprovdi servizz billi jittollera dan il-bejgħ mill-ġdid. Konsegwentement, id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid ma jagħmilx parti mid-drittijiet tal-użu u tal-isfruttament marbuta mad-dritt tal-awtur.

31      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija, imressaq matul il-proċedura prekontenzjuża, li skontu l-issuġġettar għall-VAT tal-isfruttamenti suċċessivi tad-drittijiet ta’ artisti oħra, u mhux ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Fil-fatt, peress li s-sitwazzjoni tal-awturi ta’ xogħlijiet tal-arti oriġinali ma hijiex dik ta’ artisti oħra fir-rigward tar-retribuzzjoni dovuta lilhom għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ użu u ta’ sfruttament li jibqgħu, il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT ma jipprekludix li r-retribuzzjoni ta’ dawn l-artisti l-oħra tkun suġġetta għal din it-taxxa u mhux ir-remunerazzjoni marbuta mad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.

32      L-istess jista’ jingħad għall-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li r-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għandha tkun suġġetta għall-VAT minħabba li, għall-awtur tax-xogħol oriġinali, ikun bidla fl-ammont taxxabbli tas-servizz ipprovdut minnu meta x-xogħol oriġinali tqiegħed għall-ewwel darba fis-suq. Fil-fatt, tali remunerazzjoni, ikkalkolata fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ miksub mill-bejgħ mill-ġdid tax-xogħol, hija kompletament indipendenti mir-retribuzzjoni li l-awtur kien ftiehem mal-ewwel akkwirent ta’ dan ix-xogħol. Jista’ jkun il-każ, pereżempju, li l-awtur ta bħala rigal ix-xogħol oriġinali u għandu xorta waħda dritt, f’tali sitwazzjoni, għar-remunerazzjoni fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.

33      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, peress li l-bejgħ mill-ġdid ta’ xogħol huwa skambju ta’ servizzi fil-kuntest ta’ relazzjoni legali, ir-remunerazzjoni dovuta lill-awtur ta’ dan ix-xogħol fuq il-bażi tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għandha tkun suġġetta għall-VAT.

34      Billi tibbaża ruħha fuq is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2015, Asparuhovo Lake Investment Company (C‑463/14, EU:C:2015:542, punt 35), u tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor (C‑174/14, EU:C:2015:733, punt 32), ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-issuġġettar ta’ servizz għall-VAT jippresupponi l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut. Skont is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma (C‑16/93, EU:C:1994:80, punti 14 et seq.), u tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C‑174/14, EU:C:2015:733, punt 32), tali rabta diretta hija stabbilita meta jkun hemm bejn il-fornitur u l-benefiċjarju relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati servizzi reċiproċi, fejn ir-retribuzzjoni rċevuta mill-fornitur tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv għas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju.

35      Għalhekk, ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għandu jkun suġġett għall-VAT fil-preżenza ta’ skambju ta’ servizzi li jsiru fil-kuntest ta’ relazzjoni legali. Issa, dawn il-kundizzjonijiet huma, f’dan il-każ, issodisfatti.

36      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-eżistenza ta’ skambju ta’ servizzi, is-sentenza tal-18 ta’ Jannar 2017, SAWP (C‑37/16, EU:C:2017:22) ma hijiex rilevanti billi r-raġunament żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza ma huwiex applikabbli għar-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, li ma hijiex komparabbli ma’ kumpens veru.

37      Ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid hija intiża sabiex tiżgura lill-awtur parteċipazzjoni ekonomika fis-suċċess tax-xogħol tiegħu. Minħabba l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni, l-awtur għandu jittollera l-bejgħ mill-ġdid tax-xogħol tiegħu u din ir-remunerazzjoni hija marbuta din it-tolleranza. B’hekk, l-awtur jirċievi retribuzzjoni minħabba l-bejgħ mill-ġdid tax-xogħol tiegħu li, sadanittant, ikun kiber fil-valur. L-imsemmija remunerazzjoni għandha għalhekk rabta diretta mas-servizz tal-awtur. Konsegwentement, din tikkorrispondi essenzjalment għal korrispettiv ġdid taxxabbli li jiżdied mal-korrispettiv miksub meta x-xogħol inxtara l-ewwel darba. F’dan ir-rigward, ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid tista’ titqies bħala forma ta’ kumpens għal tneħħija ta’ pussess, li hija loġikament suġġetta għall-VAT.

38      Ir-Repubblika tal-Awstrija ttenni, barra minn hekk, l-argument imressaq matul il-proċedura prekontenzjuża li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi li merkanzija jew provvisti ta’ servizzi li jixxiebhu jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT.

39      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, anki jekk jiġi ammess li r-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid ma tikkostitwixxix ir-retribuzzjoni għal servizz indipendenti, din ir-remunerazzjoni żżid madankollu l-ammont taxxabbli tat-tranżazzjoni mwettqa bejn l-awtur tax-xogħol u l-ewwel xerrej ta’ dan ix-xogħol.

40      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għall-premessa 3 tad-Direttiva 2001/84, li tipprovdi li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid iservi sabiex jikkumpensa għaż-żidiet fil-valur. F’dan il-kuntest, peress li ċerti xogħlijiet tal-arti oriġinali jiksbu ħafna valur maż-żmien u dan il-valur miżjud jibbenefika, fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid, mhux lill-awtur, iżda lill-bejjiegħ, ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid tista’ titqies li hija l-parteċipazzjoni tal-awtur għal din iż-żieda fil-valur. Għalhekk, ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid hija komparabbli ma’ “indiċjar” li jwassal għall-awtur skont il-liġi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Awstrija li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-VAT, billi ssuġġettat għall-VAT ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid lill-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti.

42      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-VAT, huma suġġetti għall-VAT, b’mod partikolari, il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

43      Mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni ta’ jekk, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-ħlas tar-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid jistax jiġi kklassifikat bħala “kunsinna ta’ oġġetti” jew bħala “provvista ta’ servizzi”, li barra minn hekk ma hijiex imqajma mill-partijiet, għandu jiġi evalwat jekk tali ħlas isirx taħt titolu oneruż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, SAWP, C‑37/16, EU:C:2017:22, punt 24).

44      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi ssir bi ħlas biss, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, meta jkun hemm relazzjoni legali bejn, minn naħa, il-fornitur jew il-provditur u, min-naħa l-oħra, l-akkwirent jew il-benefiċjarju li fl-ambitu tagħha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn ir-retribuzzjoni rċevuta mill-fornitur jew mill-provditur tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv għall-oġġett jew għas-servizz mogħti lill-akkwirent jew lill-benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, SAWP, C‑37/16, EU:C:2017:22, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Issa, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis, fl-ewwel lok, li r-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid tikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ skambju ta’ servizzi fil-kuntest ta’ relazzjoni legali. Minkejja li dan l-Istat Membru ma jikkontestax il-fatt li l-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti ma jipparteċipax fil-ftehim bejn il-bejjiegħ u x-xerrej fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid tiegħu, huwa jsostni, madankollu, li l-awtur tal-imsemmi xogħol, sa fejn dan jittollera l-att ta’ bejgħ mill-ġdid, jintervjeni billi jipprovdi servizz fl-ambitu ta’ tali relazzjoni.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, skont l-Artikolu 25(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, provvista ta’ servizzi tista’, b’mod partikolari, tikkonsisti f’tolleranza ta’ att jew ta’ sitwazzjoni.

47      Madankollu, kuntrarjament għal dak li r-Repubblika tal-Awstrija tidher li ssostni, ir-relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jseħħ il-bejgħ mill-ġdid ta’ xogħol oriġinali tal-arti tinħoloq biss bejn il-bejjiegħ u x-xerrej filwaqt li l-eżistenza tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ dan ix-xogħol ma għandha ebda effett fuq din ir-relazzjoni. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li, minħabba l-fatt li huwa jibbenefika minn dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, l-awtur ta’ dan ix-xogħol jipparteċipa b’xi mod, anki indirettament, fit-tranżazzjoni tal-bejgħ mill-ġdid, b’mod partikolari billi jittollera din it-tranżazzjoni.

48      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-partijiet fit-tranżazzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid jiftiehmu liberament bejniethom iċ-ċessjoni tax-xogħol ikkonċernat mill-bejjiegħ kif ukoll il-prezz li għandu jitħallas mix-xerrej, mingħajr ħtieġa li l-awtur ta’ dan ix-xogħol jiġi ssolliċitat jew ikkonsultat. Dan tal-aħħar, min-naħa tiegħu, ma għandu l-ebda mezz li bih huwa jkun jista’ jintervjeni fit-tranżazzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid, b’mod partikolari sabiex jimpedixxi t-twettiq tagħha fil-każ li ma jkunx jaqbel magħha.

49      It-tieni nett, l-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti li jiġi mibjugħ mill-ġdid jirċievi, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/84, perċentwali mill-prezz miksub mill-bejgħ mill-ġdid ta’ dan ix-xogħol, li l-ħlas tiegħu huwa, bħala prinċipju, impost fuq il-bejjiegħ. Madankollu, sa fejn id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, li minnu jibbenefika dan l-awtur, li jimplika l-obbligu tal-bejjiegħ li jħallas, lil dan tal-aħħar, l-ammont stabbilit fuq il-bażi ta’ dan id-dritt, huwa r-riżultat tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi kkunsidrat li dan ma japplikax fil-kuntest ta’ xi relazzjoni legali bejn l-awtur u l-bejjiegħ.

50      Fl-aħħar nett, skont ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, espressa fl-ewwel sentenza tal-premessa 3 tad-Direttiva 2001/84, id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid huwa maħsub sabiex jiżgura li l-awturi ta’ xogħlijiet oriġinali tal-arti koperti minn din id-direttiva, jiġifieri xogħlijiet tal-arti grafika jew plastika, ikollhom sehem ekonomiku mis-suċċess tax-xogħlijiet tagħhom. Minn dan jirriżulta li dan il-leġiżlatur bl-ebda mod ma ppreveda li l-imsemmija awturi jkunu jistgħu jipparteċipaw fit-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tax-xogħlijiet tagħhom iżda sempliċement tahom dritt ta’ parteċipazzjoni fir-riżultati ekonomiċi tal-atti ta’ bejgħ mill-ġdid, ladarba dawn isiru.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija, li r-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid tikkostitwixxi l-korrispettiv, fil-kuntest ta’ relazzjoni legali, ta’ skambju ta’ servizzi li fih l-awtur jintervjeni billi jittollera att ta’ bejgħ mill-ġdid, għandu jiġi miċħud.

52      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li l-allegat servizz ipprovdut mill-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti kopert mid-Direttiva 2001/84, fil-kuntest tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, jikkorrispondi għas-servizzi li jipprovdu artisti oħra meta ssir ir-rappreżentazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom. Peress li dawn is-servizzi huma suġġetti għall-VAT, l-allegat servizz ipprovdut mill-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti fil-kuntest tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għandu wkoll ikun suġġett għall-VAT.

53      F’dan ir-rigward, mit-tieni sentenza tal-premessa 3 tad-Direttiva 2001/84 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jenfasizza d-differenza bejn is-sitwazzjoni ekonomika tal-awturi ta’ xogħlijiet tal-arti grafika u plastika, minn naħa, u dik ta’ artisti oħra, min-naħa l-oħra, peress li dawn tal-aħħar, b’mod kuntrarju għal dawk tal-ewwel, jibbenefikaw mill-isfruttar suċċessiv tax-xogħlijiet tagħhom.

54      Fil-fatt, kif il-Kummissjoni ġustament tfakkar, ix-xogħlijiet tal-arti grafika jew plastika huma uniċi u d-drittijiet ta’ użu u ta’ sfruttament marbuta magħhom ikunu eżawriti fil-mument li dawn jitqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba. Min-naħa l-oħra, ix-xogħlijiet l-oħra huma disponibbli f’diversi okkażjonijiet u r-retribuzzjoni dovuta lill-awturi tagħhom, għalhekk, tħallas għal servizz li jikkorrispondi għall-fatt li dawn ikun ripetutament disponibbli. Ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid ma hijiex għalhekk komparabbli ma’ dik ibbażata fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ użu u ta’ sfruttament marbuta ma’ dawk ix-xogħlijiet l-oħra, li jibqgħu.

55      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li huwa t-traduzzjoni, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-qasam tal-VAT, tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeżiġi b’mod partikolari li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Lietuvos geležinkeliai, C‑250/11, EU:C:2012:496, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      B’hekk, fid-dawl tal-konstatazzjoni li saret fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-fatt li r-retribuzzjonijiet dedotti minn drittijiet ta’ użu u ta’ sfruttament suċċessivi ta’ xogħlijiet li ma humiex xogħlijiet tal-arti grafika jew plastika huma suġġetti għall-VAT ma jistax jiġġustifika li r-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid tkun ukoll tkun suġġetta għall-VAT.

57      Minn dan isegwi li l-ħlas tar-remunerazzjoni dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid ma jistax jitqies bħala li jsir taħt titolu oneruż, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-VAT.

58      Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija, imressaq b’mod sussidjarju, li jipprovdi li r-remunerazzjoni dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għandha tkun suġġetta għall-VAT minħabba li, għall-awtur tax-xogħol oriġinali, hemm bdil fl-ammont taxxabbli għas-servizz ipprovdut minnu meta x-xogħol oriġinali tqiegħed għall-ewwel darba fis-suq.

59      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-ammont taxxabbli ta’ provvista ta’ servizzi għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi l-korrispettiv għas-servizz ipprovdut. Issa, peress li, kif jirriżulta minn din is-sentenza, ir-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid bl-ebda mod ma huwa l-korrispettiv għas-servizz mogħti mill-awtur meta qiegħed għall-ewwel darba fis-suq ix-xogħol tiegħu jew għal xi servizz ieħor min-naħa tiegħu, din ma jistax ikollha l-effett li tibdel l-ammont taxxabbli tas-servizz ipprovdut mill-awtur meta x-xogħol tiegħu tqiegħed għall-ewwel darba fis-suq.

60      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, peress li r-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid lill-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti ma jaqax taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, ir-Repubblika tal-Awstrija, sa fejn ipprevediet li din ir-remunerazzjoni hija suġġetta għall-VAT, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

61      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet il-kawża, hemm lok li r-Repubblika tal-Awstrija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Sa fejn ipprevediet li r-remunerazzjoni dovuta fuq il-bażi tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid lill-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti hija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

2)      Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.