Language of document : ECLI:EU:C:2018:763

Kawża C-542/18 RX

Erik Simpson

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Eżami mill-ġdid”

Sommarju – Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla għall-Eżami mill-Ġdid) tas‑17 ta’ Settembru 2018

Eżami mill-ġdid – Suġġett tal-eżami mill-ġdid – Ħatra ta’ Mħallef – Possibbiltà ta’ ssuġġettar għal stħarriġ tal-legalità inċidentali – Kundizzjonijiet

(Artikolu 256(2) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 62; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 193(4))

L-eżami mill-ġdid għandu jitratta l-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Lulju 2018, Simpson vs Il‑Kunsill (T‑646/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:493), tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn l-imsemmija Qorti Ġenerali, fil-kapaċità tagħha bħala qorti ta’ appell, iddeċidiet li l-kulleġġ ġudikanti li ta d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Ġunju 2016, Simpson vs Il‑Kunsill (F‑142/11 RENV, EU:F:2016:136), kien kompost b’mod irregolari minħabba irregolarità li kienet taffettwa l-proċedura ta’ ħatra ta’ wieħed mill-Membri ta’ dan il-kulleġġ, li kkawżat ksur tal-prinċipju ta’ qorti legali stabbilit fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

L-eżami mill-ġdid għandu jirrigwarda b’mod partikolari l-punt dwar jekk, bħal fil-każ tal-atti msemmija fl-Artikolu 277 TFUE, il-ħatra ta’ Mħallef tistax tkun suġġetta għal stħarriġ tal-legalità inċidentali jew jekk tali stħarriġ tal-legalità inċidentali huwiex – bħala prinċipju jew wara d-dekorriment ta’ ċertu perijodu ta’ żmien – eskluż jew limitat għal ċerti tipi ta’ irregolaritajiet sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà ġuridika u l-awtorità ta’ res judicata.

(ara d-dispożittiv 2)