Language of document : ECLI:EU:C:2019:11

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl‑10 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C614/17

Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego

vs

Industrial Quesera Cuquerella SL,

Juan Ramón Cuquerella Montagud

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel – DOP ‘Queso manchego’– Użu ta’ sinjali li jistgħu jevokaw ir-reġjun li miegħu hija marbuta d-DOP – Kunċett ta’ konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat”






1.        Ftit xhur wara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:415, iktar ’il quddiem is-“sentenza Scotch Whisky Association”), il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mitluba mill-ġdid tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “evokazzjoni” skont ir-regoli tal-Unjoni fir-rigward tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini (iktar ’il quddiem id-“DOP”) u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (iktar ’il quddiem l-“IĠP”) (2). Il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, b’mod partikolari, jekk huwiex possibbli li jkun hemm evokazzjoni ta’ DOP, ipprojbita skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 (3), bl-użu, għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti simili għal dawk koperti minn din id-denominazzjoni, ta’ sinjali jew immaġni li jirreferu għaż-żona ġeografika li għaliha tagħmel riferiment id-DOP. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jqajjem ukoll il-kwistjoni delikata u mingħajr preċedent dwar il-limiti possibbli li jista’ jaffaċċja l-użu, min-naħa ta’ operatur stabbilit fiż-żona ġeografika li tagħmel riferiment għaliha DOP, ta’ sinjali li jistgħu jevokaw din iż-żona fir-rigward ta’ prodotti (identiċi jew simili) li ġew immanifatturati hemmhekk, iżda ma humiex koperti mid-DOP.

 Il-kuntest ġuridiku

2.        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 510/2006, intitolat “Protezzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu, dan li ġej:

“1.      Ismijiet reġistrati għandhom ikunu protetti kontra:

[...]

(b)      kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, ukoll jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew akkumpanjat minn espressjoni bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘kif prodott fi’, ‘imitazzjoni’ jew simili;

[...]”

3.        Bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006, “[f]ejn denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika hija reġistrata skond dan ir-Regolament, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark li tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 13 u li hija relatata ma’ l-istess klassi ta’ prodott għandha tiġi rifjutata jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trademark tiġi ppreżentata wara d-data tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni reġistrata lill-Kummissjoni”. It-tieni subparagrafu jispeċifika li “[t]rademarks reġistrati bi ksur ta’ l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu invalidati”. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu “[b]’konsiderazzjoni debita għal-liġi Komunitarja, trademark li l-użu tagħha jikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 13 li saret applikazzjoni għaliha, ġiet irreġistrata, jew ġiet stabbilita bl-użu, jekk dik il-possibbiltà hija prevista mil-leġislazzjoni konċernata, b’rieda tajba fit-territorju tal-Komunità, qabel [...] id-data ta’ protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ l-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika fil-pajjiż ta’ l-oriġini [...], tista’ tkompli tintuża minkejja r-reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika [...]” (4).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

4.        Il-Fundación Consejo Regulador de la Denominaciòn de Origen Protegida Queso Manchego (il-Fondazzjoni Inkarigata mill-Ġestjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta, iktar ’il quddiem il-“Fondazzjoni”), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fetħet kawża kontra Industrial Quesera Cuquerella S.L. (iktar ’il quddiem “IQC”) u Juan Ramón Cuquerella Montagud, permezz ta’ rikors wieħed (5), bl-azzjonijiet sussegwenti biex tipproteġi d-DOP “Queso Manchego” (6) li hija inkarigata mill-ġestjoni tagħha:

–        azzjoni għall-konstatazzjoni biex jiġi stabbilit li t-tikketti użati minn IQC biex tidentifika u tikkummerċjalizza l-ġobnijiet “Adarga de Oro”, “Super Rocinante” u “Rocinante”, li ma humiex koperti mid-DOP “Queso Manchego”, kif ukoll l-użu fis-sit internet tal-istess kumpannija tat-termini “Quesos Rocinante” biex tindika ħafna ġobnijiet tad-DOP “Queso Manchego” minflok ġobnijiet li ma humiex koperti minn din id-denominazzjoni (7), jagħtu lok għal ksur minn din tal-aħħar skont l-Artikolu 13(1)(b), tar-Regolament Nru 510/2006;

–        azzjoni diretta għall-annullament parzjali, għar-raġunijiet indikati fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 510/2006, tal-isem kummerċjali “Rocinante” u ta’ żewġ trade marks nazzjonali verbali u figurattivi (8), li jirriproduċu l-istess terminu;

–        azzjoni għat-twaqqif biex timpedixxi atti ta’ kompetizzjoni żleali u telimina l-konsegwenzi tagħhom.

5.        Fil-kuntest ta’ azzjoni għal konstatazzjoni, li fir-rigward tagħha qed isiru d-domandi preliminari, il-konvenuti kkontestaw li s-sinjali verbali u figurattivi użati fuq it-tikketti u fis-sit internet ta’ IQC kienu jevokaw id-DOP “Queso Manchego” u affermaw id-dritt ta’ IQC, bħala impriża stabbilita fir-reġjun ta’ La Mancha, biex tuża simboli marbuta ma’ dan ir-reġjun.

6.        Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors tal-Fondazzjoni fuq il-bażi ta’ żewġ konstatazzjonijiet li s-sinjali figurattivi u verbali użati minn IQC ma jirrappreżentaw l-ebda xebh viżiv jew fonetiku mat-termini “Queso manchego” jew “la Mancha” u li dawn is-sinjali jimplikaw evokazzjoni ta’ La Mancha u mhux tad-DOP “Queso Manchego”. L-appell ippreżentat mill-Fondazzjoni mis-sentenza tal-ewwel istanza ġie miċħud mill-Audiencia Provincial de Albacete (il-Qorti Provinċjali ta’ Albacete, Spanja), li anki din qieset li ma jistax jiġi konkluż li hemm l-eżistenza ta’ evokazzjoni tad-DOP “Queso Manchego” fl-assenza ta’ sinjali verbali li jirrappreżentaw xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali ma’ din id-denominazzjoni. Skont il-qorti tal-appell l-użu, min-naħa ta’ IQC, ta’ simboli li jevokaw ir-reġjun ta’ La Mancha, iżda mhux il-prodotti koperti mid-DOP inkwistjoni, għandu jitqies legali, peress li l-prodotti kkummerċjalizzati minn IQC li magħhom jintużaw dawn is-simboli huma mmanifatturati f’dan ir-reġjun. L-evokazzjoni tal-kwalità u tar-reputazzjoni tal-ġobnijiet ta’ La Mancha ma timplikax l-evokazzjoni tal-kwalità u tal-fama tal-ġobnijiet koperti mid-DOP “Queso Manchego”.

7.        Il-Fondazzjoni ppreżentat rikors mis-sentenza tal-Audiencia Provincial de Albacete (il-Qorti Provinċjali ta’ Albacete) quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja).

8.        Fid-deċiżjoni tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tipprovdi l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin: i) it-terminu “manchego” huwa l-aġġettiv li bih jiġu indikati bl-Ispanjol, inter alia, il-prodotti li joriġinaw minn La Mancha, reġjun ta’ Spanja li fih il-produzzjoni ta’ ġobnijiet mill-ħalib tan-nagħaġ, permezz ta’ metodi ta’ pproċessar u maturità partikolari, hija parti minn tradizzjoni; ii) La Mancha hija r-reġjun li fih tiżvolġi l-parti l-kbira tal-azzjoni tar-rumanz famuż “Don Quijote de la Mancha” ta’ Miguel de Cervantes (9); iii) id-deskrizzjoni fiżika li Cervantes jagħti lill-protagonist tar-rumanz tiegħu tikkorrispondi mal-kavallier li hemm fuq it-tikketta tal-ġobon “Adarga de Oro”; iv) bl-Ispanjol, it-terminu “adarga” huwa arkaiżmu użat minn Cervantes biex jindika t-tarka ta’ Don Quijote; v) “Rocinante”, terminu li jinsab ukoll fuq it-tikketti ta’ xi ġobnijiet ikkummerċjalizzati minn IQC, huwa ż-żiemel ta’ Don Quijote; vi) f’wieħed mill-iktar kapitoli famużi tar-rumanz ta’ Cervantes, Don Quijote jiġġieled kontra l-imtieħen tar-riħ, karatteristika tal-pajsaġġ ta’ La Mancha, li hija riprodotta fuq xi tikketti użati minn IQC, kif ukoll fis-sit internet tagħha.

9.        It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) l-ewwel nett tistaqsi jekk, kif ġie affermat mill-Fondazzjoni fil-kawża prinċipali, l-evokazzjoni ta’ DOP tistax isseħħ anki permezz tal-użu ta’ sinjali figurattivi biss u għalhekk ikollha natura essenzjalment kunċettwali. It-tieni nett, din il-qorti tistaqsi jekk l-użu, għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ ġobnijiet, ta’ sinjali figurattivi u verbali li jevokaw ir-reġjun ta’ La Mancha jimplikax l-evokazzjoni tad-DOP “Queso Manchego” u jekk, konsegwentement, il-produtturi ta’ ġobnijiet koperti minn din id-denominazzjoni għandhomx monopolju fuq l-użu ta’ dawn is-sinjali anki meta mqabbla ma’ produtturi stabbiliti f’dan ir-reġjun li l-prodotti tagħhom ma humiex koperti mid-DOP inkwistjoni. F’dan ir-rigward, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tinnota li risposta fl-affermattiv għal din id-domanda tista’ tinvolvi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija, filwaqt li risposta fin-negattiv tista’ ddgħajjef il-protezzjoni pprovduta mid-DOP u tikkomprometti l-funzjoni ta’ informazzjoni dwar il-kwalità tal-prodotti rrikonoxxuta minn dawn id-denominazzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar liema huwa l-grupp ta’ konsumaturi li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, b’mod partikolari fil-każ fejn il-prodotti DOP inkwistjoni huma intiżi li jiġu prinċipalment ikkonsmati fl-Istat Membru li fih ġew prodotti.

10.      Huwa f’dan il-kuntest li, b’deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2017, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-evokazzjoni tad-denominjazzjoni tal-oriġini protetta, ipprojbita mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, għandha neċessarjament timmaterjalizza bl-użu ta’ denominazzjonijiet li jkun jixxiebħu viżwalment, fonetikament jew kunċettwalment mad-denominazzjoni tal-oriġini protetta jew tista’ din timmaterjalizza bl-użu ta’ sinjali figurattivi li jevokaw id-denominazzjoni tal-oriġini?

2)      F’każ ta’ denominazzjoni tal-oriġini protetta ta’ natura ġeografika (Artikolu 2(1)(a)), tar-Regolament Nru 510/2006) u fir-rigward tal-istess prodotti jew prodotti paragunabbli, l-użu ta’ sinjali li jevokaw ir-reġjun li miegħu hija marbuta d-denominazzjoni tal-oriġini protetta jista’, għall-finijiet tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, jitqies bħala evokazzjoni stess tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta, li ma hijiex aċċettabbli, anki fil-każ meta l-utent ta’ dawn is-sinjali huwa produttur stabbilit fir-reġjun li miegħu tkun marbuta d-denominazzjoni tal-oriġini protetta iżda li l-prodotti tiegħu ma humiex koperti minn din id-denominazzjoni tal-oriġini peress li dawn ma josservawx il-kundizzjonijiet, differenti mill-oriġini ġeografika, inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott,?

3)      Il-kunċett ta’ konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent, li l-qorti nazzjonali għandha tagħmel riferiment għall-perċezzjoni tiegħu sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” għall-finijiet tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, għandu jinftiehem bħala li jagħmel riferiment għall-konsomaturi Ewropej jew jista’ dan jagħmel riferiment unikament għall-konsumaturi tal-Istat Membru li fih huwa mmanufatturat il-prodott li jagħti lok għall-evokazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta jew li miegħu hija ġeografikament marbuta d-DOP, u li fih dan huwa prinċiparjament ikkonsumat?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub, fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Franċiż, Ġermaniż u Spanjol, kif ukoll mill-Kummissjoni. Dawn kollha, għajr il-Gvern Ġermaniż, instemgħu fis-seduta tal‑25 ta’ Ottubru 2018.

 Analiżi

 Ġabra fil-qosor tal-ġurisprudenza rilevanti

12.      Qabel ma nkompli bl-eżami tad-domandi preliminari jeħtieġ li tingħata ħarsa ħafifa lejn il-punti ewlenin tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet protetti fil-każ ta’ evokazzjoni.

13.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ħadet deċiżjoni għall-ewwel darba fir-rigward tal-kunċett ta’ “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92 (10), li kien jippreċedi r-Regolament Nru 510/2006, fis-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115). Fit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), fil-kuntest ta’ talba mressqa mill-entità inkarigata mill-ġestjoni tad-DOP “Gorgonzola” biex tinkiseb projbizzjoni fuq id-distribuzzjoni fl-Awstrija ta’ tip ta’ ġobon tat-tursina bid-denominazzjoni “Cambozola”, kif ukoll l-invalidità tat-trade mark relatata ppreżentata preċedentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, minn naħa waħda, li l-kunċett ta’ evokazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament Nru 2081/92 “ikopri l-ipoteżi fejn it-terminu utilizzat sabiex jidentifika prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta, b’mod li l-konsumatur, quddiem l-isem tal-prodott, jitwassal sabiex ikollu f’moħħu, bħala immaġni ta’ riferiment, il-merkanżija li tibbenefika mid-denominazzjoni” u min-naħa l-oħra, speċifikat li jista’ jkun hemm evokazzjoni ta’ denominazzjoni protetta wkoll fl-assenza ta’ kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti kkonċernati (11). Fost l-elementi li ġew indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala rilevanti għall-finijiet ta’ determinazzjoni tal-eżistenza ta’ evokazzjoni, hemm inkluż, minbarra x-xebh “fonetiku u viżiv” bejn id-denominazzjonijiet, li jirriżulta mill-inkorporazzjoni ta’ parti mid-denominazzjoni protetta fit-trade mark kontenzjuża (12), ix-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni, mhux biss taħt il-profil kummerċjali iżda anki mill-profil ta’ preżentazzjoni fil-kummerċ (13), kif ukoll in-natura intenzjonali tal-analoġiji fonetiċi bejn id-denominazzjonijiet inkwistjoni (14).

14.      Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata mis-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117), li tqajmet fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn il-Kummissjoni kkontestat ir-rifjut li tissanzjona l-użu, fit-territorju tagħha tad-denominazzjoni “parmesan” bi ksur tad-DOP “Parmigiano Reggiano”. L-eżistenza ta’ evokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92 ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl mhux biss tax-xebh viżiv u fonetiku bejn id-denominazzjonijiet inkwistjoni – kriterji ta’ evalwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà enfasizzat fuqhom fl-imsemmija sentenza Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (15) – iżda wkoll, fil-każ ta’ termini li ġejjin minn lingwi differenti, fir-rigward tal-“prossimità kunċettwali” tagħhom (16).

15.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet deċiżjoni b’mod analogu anki fl-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 110/2008 (17), dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż, li fl-Artikolu 16(b) tiegħu, hemm dispożizzjoni li hija sostanzjalment identika għal dik li hemm fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006. Fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li wassal għas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Bureau National Interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat ir-reġistrazzjoni fil-Finlandja ta’ żewġ trade marks figurattivi li kellhom riferimenti li kienu jirriproduċu, b’mod estensiv, l-IĠP “Cognac”, li kienet kemm il-proprjetà tagħha kif ukoll it-traduzzjoni tagħha. Fil-klassifikazzjoni bħala evokazzjoni ta’ dawn ir-riproduzzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat l-istess kriterji ta’ evalwazzjoni espressi fis-sentenzi Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (18) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (19). Fis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 31), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li dawn il-kriterji huma intiżi li jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tagħha, u huwa f’idejn din tal-aħħar u mhux f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja, biex tevalwa jekk, b’riferiment għal każ partikolari, teżistix “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008. Il-kawża prinċipali li wasslet għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ta’ din is-sentenza kienet tikkonċerna l-użu tad-denominazzjoni “Verlados” għal spirtu tas-sidru magħmul mill-kumpannija Viiniverla, bis-sede f’Verla fil-Finlandja. Il-qorti fl-oriġini ta’ dan ir-rinviju, li ġiet mitluba tieħu deċiżjoni fir-rigward ta’ rikors mid-deċiżjoni li biha l-awtoritajiet Finlandiżi pprojbixxew l-użu ta’ din id-denominazzjoni sabiex jipproteġu l-IĠP “Calvados”, staqsiet, inter alia, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rilevanza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi fattwali għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ evokazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li ddeċidiet il-pożizzjoni tagħha dwar il-kunċett ta’ “konsumatur rilevanti” (20), speċifikat li l-eżami dwar l-eżistenza ta’ evokazzjoni għandu l-għan li jistabbilixxi “li ma tinħoloqx f’moħħ il-pubbliku assoċjazzjoni ta’ ideat dwar l-oriġini tal-prodott, u li operatur ma japprofittax b’mod inġust mir-reputazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta” (21), F’dan il-kuntest, la l-fatt li d-denominazzjoni “Verlados” kienet tagħmel riferiment għall-isem tal-impriża produttriċi u għall-oriġini ġeografika proprja tal-prodott, li kienet magħrufa u rikonoxxibbli għall-konsumatur Finlandiż, u lanqas il-fatt li x-xarba marbuta ma’ din id-denominazzjoni kienet ikkummerċjalizzata lokalment biss u fi kwantità limitata, ma kienu ġew meqjusa mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala elementi rilevanti għall-finijiet tal-imsemmi eżami.

16.      Fl-aħħar nett, fis-sentenza reċenti Scotch Whisky Association, li ġiet deċiża wara li ntemmet il-proċedura bil-miktub tal-kawża li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet (22), il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox, iddikjarat li la l-inkorporazzjoni parzjali ta’ indikazzjoni ġeografika protetta fid-denominazzjoni kontenzjuża, u lanqas ix-xebh fonetiku jew viżiv mal-IĠP li deher f’din id-denominazzjoni ma jikkostitwixxu kundizzjonijiet essenzjali biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 (23), fejn speċifikat li fl-assenza ta’ tali inkorporazzjoni jew ta’ tali xebh, tista’ tirriżulta evokazzjoni anki sempliċement mill-“prossimità kunċettwali” bejn l-IĠP u s-sinjal kontenzjuż (24). Barra minn hekk, hija eskludiet ukoll, li biex ikun hemm “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, huwa suffiċjenti li l-element kontenzjuż tas-sinjal inkwistjoni jqajjem f’moħħ il-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni mal-IĠP jew maż-żona ġeografika relatata. Tali kriterju ma jistax, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jintlaqa’, minħabba li “ma hemm stabbilit l-ebda rabta suffiċjentement diretta u inekwivoka bejn dan l-element u [IĠP] (25) u huwa “daqstant impreċiż u estensiv” biex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati (26).

17.      Mill-ħarsa li ngħatat lejn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-protezzjoni minn evokazzjoni, prevista mid-diversi skemi ta’ kwalità stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni (27), tikkostitwixxi forma ta’ protezzjoni sui generis (28) li ma hijiex marbuta mal-kriterju tal-qerq – li jippreżumi l-idoneità tas-sinjal kunfliġġenti mad-denominazzjoni rreġistrata biex iwassal lill-pubbliku jiżbalja fir-rigward tal-provenjenza ġeografika jew tal-kwalità tal-prodott – u ma hijiex sempliċement protezzjoni marbuta mal-konfużjoni. Konsegwentement, l-għan prinċipali tal-protezzjoni minn evokazzjoni għandu jiġi mfittex fil-protezzjoni tal-patrimonju kwalitattiv u tar-reputazzjoni tad-denominazzjonijiet irreġistrati kontra atti ta’ parassitiżmu iktar milli fil-protezzjoni tal-konsumaturi minn aġir qarrieqi, b’mod partikolari fil-każijiet deskritti fl-Artikolu 13(1)(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 510/2006 u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-istrumenti l-oħra tal-Unjoni ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet protetti (29).

18.      Għalkemm jinsab fl-istess dispożizzjoni tal-imsemmi Artikolu 13, il-każ ta’ evokazzjoni huwa differenti kemm mill-każijiet ta’ “imitazzjoni”, li huma kkaratterizzati minn riproduzzjoni tal-elementi essenzjali tad-denominazzjoni rreġistrata, kif ukoll minn dawk ta’ “użu ħażin”, li jippreżumu l-użu indebitu u intenzjonali tad-denominazzjoni rreġistrata għal prodotti mhux koperti minnha, b’konsegwenza ta’ approprjazzjoni tal-valuri marbuta mat-tradizzjoni ta’ produzzjoni indikata mid-denominazzjoni (30). Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (31), fir-rigward tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92, l-istess ekonomija tad-dispożizzjoni tiffavorixxi l-argument li l-protezzjoni minn evokazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjonijiet differenti li huma inqas stretti meta mqabbla ma’ dawk meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk hemmx każ ta’ imitazzjoni jew ta’ użu ħażin. L-aspetti ġuridiċi tal-kunċett ta’ evokazzjoni għandhom għalhekk jiġu ddefiniti b’mod awtonomu, mingħajr ma tiġi mfittxija, minkejja l-ġbir sistematiku komprensiv, omoġeneità fil-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni għad-diversi każijiet ta’ “imitazzjoni” u ta’ “użu ħażin”.

19.      Mill-perspettiva semantika, li wieħed jevoka jfisser “iqanqal memorji ta’ xi ħaġa” [traduzzjoni libera] (32). Fit-traspożizzjoni ta’ dan il-kunċett fil-qasam tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet irreġistrati, il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ, bħala kundizzjoni sabiex ikun hemm evokazzjoni illegali, li l-espożizzjoni għall-prodott konvenzjonali (33) tkun tista’ twassal lill-konsumatur għal reazzjoni konjittiva assoċjattiva u li effettivament “tqanqal” il-memorja tal-prodotti koperti mid-denominazzjoni rreġistrata. Għalkemm dan jippreżumi neċessarjament xogħol ta’ riformulazzjoni fl-informazzjoni trażmessa mill-istimulu perċettiv/konjittiv imqanqal minn din l-espożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, fis-sentenza Scotch Whisky Association, li jkun hemm biss evokazzjoni sa fejn ikun hemm rabta assoċjattiva li hija suffiċjentement “diretta u inekwivoka” (34). Fil-fehma tiegħi, din il-preċiżazzjoni għandha tiġi interpretata f’termini kemm ta’ immedjatezza (il-proċess konjittiv assoċjattiv ma għandux jeħtieġ riformulazzjoni kumplessa tal-informazzjoni) kif ukoll ta’ intensità (l-assoċjazzjoni mal-immaġni tal-prodott kopert mid-denominazzjoni rreġistrata għandha timponi ruħha b’qawwa suffiċjenti) tar-reazzjoni tal-konsumatur għall-istimulu.

20.      Minkejja l-preċiżazzjonijiet magħmula fis-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:415), fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali toħroġ b’mod ċar it-tendenza li l-kunċett ta’ “evokazzjoni” jiġi interpretat b’mod estensiv f’konformità mal-protezzjoni wiesgħa rrikonoxxuta għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini mil-leġiżlatur tal-Unjoni u mal-importanza, anki għall-pubbliku, tal-għan ta’ protezzjoni tal-produzzjonijiet ta’ kwalità (35). F’dan ir-rigward, infakkar li l-protezzjoni ta’ dawn id-denominazzjonijiet mhux biss tikkostitwixxi element strateġiku tal-ekonomija tal-Unjoni, kif ġie espressament iddikjarat fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 1151/2012, iżda għandha wkoll rwol fl-ilħuq tal-għan li jiġi ssalvagwardjat il-patrimonju kulturali Ewropew, imsemmi fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tat-Trattat UE.

21.      Huwa fid-dawl tal-prinċipji esposti iktar ’il fuq li ser nipproċedi għall-eżami tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

22.      Bl-ewwel domanda preliminari, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) qiegħda essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk evokazzjoni pprojbita fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, tistax tiġi kkonkretizzata permezz tal-użu ta’ sinjali figurattivi jew jekk huwiex biss l-użu ta’ denominazzjonijiet li għandhom xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali mad-DOP inkwistjoni li jista’ jinvolvi każ ta’ evokazzjoni.

23.      Jien naqbel mal-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mal-Gvern Franċiż, Ġermaniż u Spanjol fl-argument li r-risposta għal din id-domanda għandha tingħata fl-affermattiv.

24.      Mill-ġurisprudenza eżaminata iktar ’il fuq jirriżulta li, għall-finijiet ta’ determinazzjoni tal-eżistenza ta’ “evokazzjoni”, il-kriterju determinanti huwa dak tal-perċezzjoni tal-konsumatur, li għandha tiġi vverifikata b’riferiment għall-kapaċità tas-sinjal kontenzjuż biex jiskatta assoċjazzjoni ta’ ideat bejn il-prodott konvenzjonali u l-prodott kopert mid-denominazzjoni rreġistrata (36). Barra minn hekk, mis-sentenza Scotch Whisky Association jista’ jiġi dedott li l-eventwali inkorporazzjoni fis-sinjal ikkontestat ta’ elementi tad-denominazzjoni protetta u ta’ xebh viżiv u/jew fonetiku bejn din tal-aħħar u l-istess sinjal ma huma xejn ħlief indizji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk, fil-preżenza tal-prodott konvenzjonali, il-konsumatur jitwassalx għal tali assoċjazzjoni ta’ ideat (37). Fi kliem ieħor, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, evokazzjoni tista’ tiġi kkonstatata anki sempliċement mill-“prossimità kunċettwali” bejn is-sinjal ikkontestat u d-denominazzjoni protetta, sa fejn dan ix-xebh jista’ jfakkar f’moħħ il-pubbliku l-prodotti koperti minn din id-denominazzjoni.

25.      Għalhekk, jekk l-eżistenza ta’ xebh viżiv u speċjalment dak fonetiku ma tikkostitwixxix “kundizzjoni imperattiva” (38) fil-konstatazzjoni ta’ evokazzjoni, ikun ifisser li l-assoċjazzjoni mentali bejn il-prodott konvenzjonali u l-prodott kopert minn din id-denominazzjoni, meħtieġa għall-finijiet ta’ tali konstatazzjoni, mhux neċessarjament tippreżumi l-użu tal-lingwaġġ verbali. Immaġni, simbolu u, b’mod iktar ġenerali, sinjal figurattiv jistgħu, l-istess bħal isem, iwasslu kunċett u jkunu għalhekk kapaċi jqanqlu fil-konsumatur assoċjazzjoni mentali mad-denominazzjoni protetta, li f’dan il-każ tkun “evokata” mhux b’mod viżiv jew fonetiku iżda b’riferiment għall-kontenut kunċettwali tagħha.

26.      Ċertament, kif ġie nnotat mill-Kummissjoni fis-seduta, fil-motivi kważi kollha tas-sentenza Scotch Whisky Association, kif ukoll mill-ġurisprudenza preċedenti kollha msemmija iktar ’il fuq, il-funzjoni ta’ evokazzjoni tagħmel riferiment għad-denominazzjoni tal-prodott konvenzjonali (39).

27.      Madankollu, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, ma nemminx li minn dan tista’ tiġi dedotta l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrestrinġi l-każ ta’ evokazzjoni għal dawk il-każijiet biss fejn l-assoċjazzjoni mentali mal-prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata tkun ġejja mill-użu ta’ elementi verbali. Fil-fatt, minkejja li żewġ punti tal-motivazzjoni u t-tieni paragrafu tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza jagħmlu riferiment b’mod iktar ġeneriku għall-“element kontenzjuż” tas-sinjal inkwistjoni, it-terminoloġija użata mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha titqies fil-kuntest tal-kwistjoni prinċipali li minnha ħarġet is-sentenza Scotch Whisky Association, fejn kienet qiegħda tiġi diskussa l-portata ta’ evokazzjoni ta’ terminu inkluż fid-denominazzjoni tal-prodott konvenzjonali (40).

28.      Barra minn hekk, li kieku l-elementi interpretattivi determinanti kellhom jiġu dedotti sempliċement mit-terminoloġija użata f’din is-sentenza, għandha tiġi wkoll dedotta l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tillimita l-kunċett ta’ “evokazzjoni” għal dawk il-każijiet biss fejn ir-rabta assoċjattiva meħtieġa tkun toħroġ mit-termini li jinsabu fid-deskrizzjoni ta’ bejgħ tal-prodott konvenzjonali, filwaqt li jiġi eskluż kwalunkwe element verbali ieħor (bħall-espressjonijiet ġeneriċi, deskrittivi, ta’ tifħir eċċ.) li jkunu fuq it-tikketta jew fuq l-ippakkjar ta’ dan il-prodott. Għalhekk, din l-interpretazzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi eskluża mill-istess test tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, fejn jintużaw espliċitament l-espressjonijiet (bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni”), li ġeneralment ma jkunux jagħmlu parti mid-denominazzjoni ta’ bejgħ tal-prodott iżda jkunu jakkumpanjawha.

29.      B’mod iktar fundamentali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq, u b’mod partikolari mis-sentenzi Bureau National Interprofessionnel du Cognac (41) u Viiniverla (42), jirriżulta li l-analiżi dwar l-eżistenza ta’ evokazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kull riferiment impliċitu jew espliċitu għad-denominazzjoni rreġistrata, kemm jekk jikkonċerna elementi verbali jew, fil-fatt, figurattivi li jkunu inklużi fit-tikketta tal-prodott konvenzjonali jew li jkunu fuq l-imballaġġ tiegħu, l-elementi li jirrigwardaw il-forma jew il-preżentazzjoni ta’ dan il-prodott lill-pubbliku. Din l-analiżi għandha tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-identità jew il-grad ta’ xebh bejn il-prodotti inkwistjoni u l-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom, anki fejn jidħlu l-kanali tal-bejgħ rispettivi, kif ukoll l-elementi li jippermettu li tiġi stabbilita r-rabta intenzjonali mat-tqanqil tal-memorja tal-prodott kopert mid-denominazzjoni protetta jew, viċe versa, ir-rabta każwali tiegħu. Il-qorti nazzjonali hija għalhekk meħtieġa tevalwa grupp ta’ indizji mingħajr ma l-preżenza jew l-assenza ta’ wieħed minn dawn l-indizji, pereżempju xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali bejn id-denominazzjonijiet inkwistjoni, tippermettilha, fiha nnifisha, li tistabbilixxi jew teskludi l-eżistenza ta’ evokazzjoni.

30.      Barra minn hekk, infakkar li fis-sentenza Scotch Whisky Association, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li jista’ jkun hemm evokazzjoni biss fejn is-sinjal kontenzjuż iqanqal f’moħħ il-pubbliku rabta suffiċjentement “diretta” u “inekwivoka” bejn dan is-sinjal u d-denominazzjoni rreġistrata (43), u b’hekk identifikat limitu għall-portata tal-kunċett ta’ “evokazzjoni” f’termini ta’ immedjatezza u intensità tar-reazzjoni tal-konsumatur – fis-sens tal-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet – iktar milli għat-tip ta’ stimulu perċettiv.

31.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, tali limitu fih innifsu jista’ jpoġġi lill-portata tal-evokazzjoni illegali – u b’konsegwenza ta’ dan, lir-restrizzjoni fuq il-libertà tal-produtturi ta’ prodotti konvenzjonali fl-għażla tal-mod ta’ preżentazzjoni tal-prodotti tagħhom lill-pubbliku – fi ħdan limiti li ma jaqbżux dak li huwa meħtieġ biex ikun hemm protezzjoni effettiva tad-denominazzjonijiet irreġistrati u biex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati (44).

32.      Li wieħed jilqa’, kif nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel, interpretazzjoni li fiha jista’ jkun hemm evokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 anki permezz ta’ użu ta’ sinjali figurattivi u fl-assenza ta’ xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali bejn DOP jew IĠP u d-deskrizzjoni ta’ bejgħ tal-prodott konvenzjonali, minbarra li hemm bażijiet sodi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa, fil-fehma tiegħi, f’konformità kemm mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tiġi pprovduta protezzjoni wiesgħa għal dawn id-denominazzjonijiet, kif ukoll mal-importanza tal-għanijiet imfittxija permezz tar-rikonoxximent ta’ tali protezzjoni, imsemmija fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

33.      Finalment, nenfasizza li l-interpretazzjoni proposta ma tinvolvi l-ebda interferenza tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ittri sussegwenti (ċ) u (d) tal-istess paragrafu, li jagħmlu riferiment għal “indikazzjoni” jew “prattika” ipprojbiti mhux fir-rigward ta’ evokazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata (45), iżda fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa fir-rigward tal-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott u li xorta waħda jistgħu jwasslu biex il-konsumatur jitqarraq.

34.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun fis-sens li jista’ jkun hemm evokazzjoni skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 anki permezz tal-użu ta’ sinjali figurattivi u fl-assenza ta’ xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali bejn id-denominazzjoni rreġistrata u d-deskrizzjoni ta’ bejgħ tal-prodott inkwistjoni, bil-kundizzjoni li, fil-preżenza ta’ sinjali kontenzjużi, il-konsumatur jitwassal sabiex f’moħħu jkollu direttament, bħala immaġni ta’ riferiment, il-merkanzija li tibbenefika minn din id-denominazzjoni.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

35.      It-tieni domanda preliminari tista’ tinqasam f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-użu ta’ sinjali li jevokaw ir-reġjun li miegħu hija assoċjata DOP fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 510/2006, għal prodotti identiċi jew simili għal dawk koperti mid-DOP, jikkostitwixxix evokazzjoni illegali fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Fit-tieni parti, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tistaqsi jekk hemmx evokazzjoni illegali anki meta dawn is-sinjali jintużaw minn produttur stabbilit fl-istess reġjun iżda għal prodotti li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP.

36.      Ir-risposta għall-ewwel parti ta’ din id-domanda toħroġ mill-kunsiderazzjonijiet li ġew mibnija sa issa.

37.      Minħabba r-rabta li teżisti bejn il-prodotti DOP u r-reġjun minn fejn joriġinaw (46), l-użu ta’ sinjali, figurattivi u/jew verbali, li jevokaw dan ir-reġjun, għal prodotti konvenzjonali identiċi jew simili għal dawk koperti mid-DOP, jista’ jqanqal f’moħħ il-pubbliku l-immaġni ta’ dawn il-prodotti u b’konsegwenza ta’ dan iwassal għal evokazzjoni illegali fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006. Madankollu, fuq il-bażi ta’ dak li ġie speċifikat iktar ’il fuq, dan jista’ jseħħ biss fejn l-assoċjazzjoni tal-ideat maż-żona ġeografika tad-DOP, skattata mill-użu ta’ sinjali ta’ evokazzjoni, isseħħ b’tali mod li jiġu mqanqla direttament f’moħħ il-konsumaturi, bħala immaġni ta’ riferiment, il-prodotti li jibbenefikaw mid-DOP.

38.      Kif ġie ripetutament iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fir-rigward tal-każijiet ippreżentati għall-eżami tagħha, jekk jeżistux il-kundizzjonijiet ta’ evokazzjoni illegali (47). Il-kunsiderazzjonijiet li jsegwu għandhom għalhekk l-għan li jipprovdu biss xi elementi li jagħtu gwida lill-qorti tar-rinviju (jew il-qorti kompetenti li eventwalment trid tieħu deċiżjoni) f’din l-analiżi.

39.      Fil-kawża prinċipali, anki jekk id-domandi preliminari jiffokaw prinċipalment fuq sinjali figurattivi li jinsabu fuq it-tikketti kontenzjużi, huma preżenti sensiela ta’ elementi, li wħud minnhom huma verbali (it-termini “Rocinante” u “adarga de oro”) u oħrajn figurattivi (id-disinni li jirriproduċu l-karatteristiċi fiżiċi ta’ ċerti personaġġi fir-rumanz famuż ta’ Cervantes kif ukoll elementi meqjusa tipiċi tal-pajsaġġ ta’ La Mancha), li l-qorti tar-rinviju tqishom bħala evokazzjoni tar-reġjun marbut mad-DOP “Queso manchego”. It-termini “manchego” jew “Mancha” ma humiex riprodotti, lanqas parzjalment, fis-sinjali verbali kkontestati (48) u ma jeżisti l-ebda xebh viżiv jew fonetiku bejn dawn is-sinjali u d-DOP inkwistjoni. Jirriżulta li, kif tinnota l-qorti tar-rinviju, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li kieku ġiet ikkonstatata evokazzjoni, kienet tkun sempliċement ta’ natura kunċettwali.

40.      Fejn dawn jitqiesu b’mod iżolat jew anki flimkien bejniethom, is-sinjali figurattivi kkontestati jidhru, fuq eżami inizjali, li jistgħu jinkludu evokazzjoni illegali fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Scotch Whisky Association. Fil-fatt, kif ġie osservat mill-Kummissjoni u mill-Gvern Ġermaniż, uħud minn dawn is-sinjali jidhru wisq ġeneriċi biex iqanqlu f’moħħ il-konsumatur rabta “inekwivoka” mar-reġjun ta’ La Mancha (49), filwaqt li l-immaġni li jirreferu għal personaġġi tar-rumanz “Don Quijote de la Mancha” jew għal postijiet jew xenarji famużi ta’ dan ir-rumanz, ma jidhrux li jistgħu jistabbilixxu rabta suffiċjentement “diretta” maż-żona ġeografika inkwistjoni, li tista’ tiġi mqanqla fil-moħħ biss b’mod “medjat” permezz ta’ sekwenza ta’ assoċjazzjonijiet ta’ ideat.

41.      Għalhekk, ma neskludix li evokazzjoni tista’ xorta waħda tiġi kkonstatata fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali fejn il-kundizzjonijiet biex iseħħ tali każ jiġu vverifikati fuq il-bażi ta’ eżami ġenerali li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li għandhom potenzjal li jevokaw, li jkunu kemm ta’ natura verbali jew figurattivi, li jidhru fuq it-tikketti kkontestati, tal-identità jew tax-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni, kif ukoll tal-modalitajiet ta’ preżentazzjoni, reklamar u kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti (50).

42.      It-tieni parti tad-domanda inkwistjoni tittratta l-effett possibbli taċ-ċirkustanza fejn sinjali ta’ evokazzjoni tar-reġjun assoċjat ma’ DOP jintużaw għal prodotti mhux koperti minn din id-denominazzjoni, li l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija tagħhom iseħħu f’dan ir-reġjun (51).

43.      F’dan ir-rigward, qiegħed nosserva, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż, Ġermaniż u Spanjol u l-Kummissjoni, li l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 ma jipprevedi l-ebda esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu tas-sitwazzjonijiet li fihom il-provenjenza ġeografika tal-prodotti ta’ evokazzjoni tkun taqbel ma’ dik tal-prodotti DOP jew IĠP. Min-naħa l-oħra dan huwa f’konformità kemm man-natura tal-protezzjoni minn evokazzjoni – li kif intwera, minkejja li tkopri anki każijiet ta’ konfużjoni, teskludi l-eżistenza ta’ żball tal-konsumatur, anki dak dwar l-oriġini ġeografika tal-prodotti ta’ evokazzjoni – kif ukoll mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 510/2006. Fil-fatt, li kieku jiġi permess l-użu ta’ sinjali ta’ evokazzjoni ta’ din iż-żona ġeografika għal prodotti identiċi jew simili għal dawk koperti mid-DOP, lill-produtturi li joperaw fiż-żona ġeografika assoċjata ma’ DOP speċifika mingħajr ma jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet relatati, dan iwassal sabiex tiddgħajjef il-garanzija ta’ kwalità kkonferita lil din id-denominazzjoni (52), garanzija li, minkejja li hija marbuta essenzjalment mal-provenjenza ġeografika tal-prodotti DOP, tippreżumi l-osservanza tal-preskrizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet. Barra minn hekk, il-fatt li ma tiġix estiża l-protezzjoni minn evokazzjoni għal aġir implementat minn produtturi lokali li ma josservawx l-ispeċifikazzjonijiet jippreġudika d-drittijiet li għandu jkollhom il-produtturi li jkunu wettqu sforzi kwalitattivi effettivi sabiex ikunu jistgħu jużaw denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata skont ir-Regolament Nru 510/2006, u b’konsegwenza ta’ dan jiġu esposti, kif jenfasizza l-Gvern Franċiż, għal konsegwenzi ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali li, minħabba li jkunu proprju ġejjin minn produtturi stabbiliti fl-istess żona ġeografika, ikunu potenzjalment ta’ ħsara ikbar (53).

44.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) għandha tkun fis-sens li l-użu, għal prodotti identiċi jew simili għal dawk koperti minn DOP fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 510/2006, ta’ sinjali li jevokaw ir-reġjun li miegħu hija assoċjata d-denominazzjoni jista’ jwassal biex ikun hemm evokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) ta’ dan ir-regolament anki fil-każ fejn dawn is-sinjali jintużaw minn produttur stabbilit fl-istess reġjun għal prodotti li ma humiex koperti mid-DOP.

 Fuq it-tielet domanda preliminari

45.      Bit-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kunċett ta’ “konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat”, li għandha tagħmel riferiment għalih il-qorti nazzjonali biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ evokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, jikkoinċidix mal-konsumatur Ewropew jew jekk jistax jirreferi unikament għall-konsumatur tal-Istat Membru li fih il-prodott li jagħti lok għall-evokazzjoni huwa mmanifatturat u fil-parti l-kbira kkonsmat.

46.      Kif issemma iktar ’il fuq u kif affermaw il-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta għal din id-domanda għandha tiġi dedotta mis-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2006, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35). F’din il-kawża, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, fir-rigward tan-neċessità li tiġi ggarantita protezzjoni effettiva u uniformi tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fl-Unjoni kollha, il-kunċett ta’ “konsumatur”, li hemm bżonn li jsir riferiment għalih biex jiġi ddeterminat jekk teżistix jew le evokazzjoni skont din id-dispożizzjoni, jindika “[l]-konsumatur Ewropew u mhux biss [il]-konsumatur tal-Istat Membru fejn huwa mmanifatturat il-prodott li jagħti lok għall-evokazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tal-oriġini protetta” (54). Fil-fehma tiegħi, din l-istess interpretazzjoni għandha tintlaqa’ fil-qasam tal-protezzjoni minn evokazzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 510/2006.

47.      Madankollu, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma differenti minn dawk tal-kawża li kienet fl-oriġini tas-sentenza Viiniverla (55). Ir-riferiment għall-konsumatur lokali Finlandiż biss – li kapaċi jirrikonoxxi, fid-denominazzjoni “Verlados”, il-post tal-produzzjoni tal-prodott ta’ evokazzjoni – iktar milli għall-konsumatur Ewropew, f’dan il-każ, seta’ jfisser l-esklużjoni tal-eżistenza ta’ evokazzjoni (56). Għall-kuntrarju, fejn fil-kawża prinċipali tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-konsumatur Spanjol biss, il-konstatazzjoni ta’ kwalunkwe evokazzjoni tkun tirriżulta iktar faċli, filwaqt li tkun qiegħda tirriskja li tiġi eskluża fejn jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur Ewropew (eskluż il-konsumatur Spanjol), peress li r-rabta bejn ir-reġjun ta’ La Mancha u s-sinjali figurattivi u verbali tat-tikketti kkontestati, għal dan il-konsumatur, inevitabbilment tkun tirriżulta iktar dgħajfa.

48.      Huwa minħabba din ir-raġuni li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċċara jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-konsumatur Ewropew jew il-konsumatur Spanjol biss.

49.      Huwa evidenti li l-kunċett ta’ “konsumatur Ewropew” jippreżenta limiti intrinsiċi, u jkun dejjem jinvolvi fictio juris li normalment tnaqqas għall-istatus ta’ denominatur komuni realtà li hija pjuttost varjata u ftit li xejn omoġenja. Fil-qasam tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet irreġistrati kontra l-evokazzjoni illegali – li fiha hija meqjusa importanti l-perċezzjoni preżunta tal-konsumatur, għall-finijiet ta’ konstatazzjoni, mhux ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, iżda ta’ sempliċi assoċjazzjoni ta’ ideat – dan il-kunċett, b’mod iktar ġenerali bħal dak ta’ “konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat”, għandu, barra minn hekk, jiġi applikat b’kawtela partikolari.

50.      Għalhekk, kif ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Viiniverla (57), ir-riferiment għall-kunċett ta’ “konsumatur Ewropew” jissodisfa r-rekwiżit li tiġi żgurata protezzjoni effettiva u uniformi tad-denominazzjonijiet irreġistrati fl-Unjoni kollha.

51.      Issa, jekk tali rekwiżit, minn naħa waħda, jeħtieġ li anki fil-każ ta’ prodotti intiżi għal kummerċ lokali, ma jitteħdux inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jistgħu jeskludu l-eżistenza ta’ evokazzjoni illegali għall-konsumaturi ta’ Stat Membru wieħed biss, min-naħa l-oħra, lanqas ma jeħtieġ li evokazzjoni illegali stabbilita b’riferiment għall-konsumatur ta’ Stat Membru wieħed tkun insuffiċjenti sabiex tiġi skattata l-protezzjoni prevista mir-Regolament Nru 510/2006.

52.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) għandha tkun fis-sens li, biex jiġi ddeterminat jekk teżistix “evokazzjoni” ta’ denominazzjoni rreġistrata fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel riferiment għall-perċezzjoni ta’ konsumatur medju Ewropew normalment informat u raġonevolment attent u avżat, fejn dan l-aħħar kunċett għandu jinftiehem bħala li jagħmel riferiment ukoll għall-konsumatur tal-Istat Membru li fih jiġu mmanifatturati l-prodotti li jagħtu lok għal evokazzjoni jew li magħhom hija assoċjata ġeografikament id-denominazzjoni rreġistrata.

 Konklużjoni

53.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kif ġej:

“L-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 510/2006 tal‑20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun hemm evokazzjoni skont din id-dispożizzjoni anki permezz tal-użu ta’ sinjali figurattivi u fl-assenza ta’ xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali bejn id-denominazzjoni rreġistrata u d-deskrizzjoni ta’ bejgħ tal-prodott inkwistjoni, bil-kundizzjoni li, fil-preżenza ta’ sinjali kontenzjużi, il-konsumatur jitwassal sabiex f’moħħu jkollu direttament, bħala immaġni ta’ riferiment, il-merkanzija li tibbenefika minn din id-denominazzjoni.

L-użu, għal prodotti identiċi jew simili għal dawk koperti minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 510/2006, ta’ sinjali li jevokaw ir-reġjun li miegħu hija assoċjata d-denominazzjoni jista’ jwassal biex ikun hemm evokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) ta’ dan ir-regolament anki fil-każ fejn dawn is-sinjali jintużaw minn produttur stabbilit fl-istess reġjun għal prodotti li ma humiex koperti mid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta.

Biex jiġi ddeterminat jekk teżistix ‘evokazzjoni’ ta’ denominazzjoni rreġistrata fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel riferiment għall-perċezzjoni ta’ konsumatur medju Ewropew normalment informat u raġonevolment attent u avżat, fejn dan l-aħħar kunċett għandu jinftiehem bħala li jagħmel riferiment ukoll għall-konsumatur tal-Istat Membru li fih jiġu mmanifatturati l-prodotti li jagħtu lok għal evokazzjoni jew li magħhom hija assoċjata ġeografikament id-denominazzjoni rreġistrata.”


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      Iktar ’il quddiem ser nirreferi għad-DOP u għall-IĠP flimkien bl-espressjonijiet “denominazzjonijiet protetti” jew “denominazzjonijiet irreġistrati”.


3      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal‑20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU 2006, L 335M, p. 213, rettifiki fil-ĠU 2009, L 64M, p. 74 u fil-ĠU 2011, L 293, p. 38). Ir-Regolament Nru 510/2006 ġie ssostitwit, mit‑3 ta’ Jannar 2013, bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p 27 u fil-ĠU 2015, L 191, p. 10).


4      L-Artikoli 13(1) u 14(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, li bħalissa jinsab fis-seħħ, jinkludu dispożizzjonijiet li huma essenzjalment identiċi, għall-finijiet ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, għal dawk tal-Artikoli 13(1) u 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006.


5      Mill-proċess tal-kawża prinċipali li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikors ġie ppreżentat fl‑2012. Fl-assenza ta’ informazzjoni iktar iddettaljata, huwa meħtieġ li tiġi meqjusa l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li skontha, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-partijiet fil-kawża prinċipali, huwa r-Regolament Nru 510/2006, u mhux ir-Regolament Nru 1151/2012, li japplika ratione temporis għall-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 510/2006, li ġiet mitluba l-interpretazzjoni tagħhom, bħalma ġie ppreċiżat diġà, huma essenzjalment identiċi għal dawk korrispondenti fir-Regolament Nru 1151/2012.


6      Id-DOP “Queso Manchego” ġiet irreġistrata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat‑12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 19, p. 176, rettifika fil-ĠU 2015, L 60, p 70).


7      B’mod partikolari l-Fondazzjoni kkontestat l-użu tat-terminu “Rocinante” kemm fl-isem tad-dominju kif ukoll fil-kontenut tas-sit internet ta’ IQC (ww.rocinante.es) kif ukoll ir-rappreżentazzjoni ta’ elementi tipiċi tal-pajsaġġ ta’ La Mancha.


8      Fit-trade marks inkwistjoni, irreġistrati għall-prodotti “ġobon u prodotti tal-ħalib” (klassi 29 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nizza) u għas-“servizzi ta’ trasport, ta’ ħżin u ta’ distribuzzjoni tal-ġobon u tal-prodotti tal-ġobon” (klassi 39 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nizza), it-terminu “Rocinante” huwa integrat f’disinn ċirkulari li fuq l-ewwel livell juri żiemel u, fl-isfond, għalqa b’merħla nagħaġ u xi mtieħen tar-riħ. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li ż-żewġ trade marks għandhom prijorità sussegwenti għar-reġistrazzjoni tad-DOP “Queso Manchego”.


9      Ippubblikat f’żewġ partijiet f’Madrid fl‑1605 u fl‑1615 bit-titolu oriġinali ta’ El ingenioso hidalgo don Quijote de la Mancha.


10      Regolament tal-Kunsill (KEE) tal‑14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4). It-test tal-Artikolu 13(1)(b) ta’ dan ir-regolament kien sostanzjalment identiku għad-dispożizzjoni korrispondenti tar-Regolament Nru 510/2006.


11      Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punti 25 u 26).


12      Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 27).


13      Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 28).


14      Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 28).


15      Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999 (C‑87/97, EU:C:1999:115)


16      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117, punti 47 u 48).


17      Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16).


18      Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999 (C‑87/97, EU:C:1999:115).


19      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2008, (C‑132/05, EU:C:2008:117). Ara l-punti 56 sa 58 tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Bureau National Interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484).


20      Il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kunċett ta’ “konsumatur” ser jiġu ttrattati meta tiġi eżaminata t-tielet domanda preliminari.


21      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 45). Madankollu, fl-istess direzzjoni, b’riferiment mhux biss għall-evokazzjoni, iżda għall-każijiet kollha koperti mill-Artikolu 16(a) sa (d) tar-Regolament Nru 110/2008, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Bureau National Interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 46).


22      Il-partijiet tal-kawża prinċipali u l-partijiet ikkonċernati l-oħra fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li pparteċipaw fil-fażi bil-miktub tal-kawża, ġew mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom, fis-seduta li nżammet fil‑25 ta’ Ottubru 2018, dwar l-effett ta’ din is-sentenza għall-finijiet tar-risposti għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema).


23      Sentenza Scotch Whisky Association (punti 46 u 49).


24      Sentenza Scotch Whisky Association (punt 50).


25      Sentenza Scotch Whisky Association (punt 53).


26      Sentenza Scotch Whisky Association (punt 55). Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “jekk ikun biżżejjed, sabiex ikun hemm tali evokazzjoni, li tkun qamet, f’moħħ il-konsumatur, assoċjazzjoni ta’ kwalunkwe tip b’indikazzjoni ġeografika protetta, dan iwassal [...] sabiex il-punt (b) tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008 jaffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jsegwu dan l-artikolu, jiġifieri l-punti (ċ) u (d) tiegħu, li jkopru każijiet partikolari fejn ir-riferiment għal indikazzjoni ġeografika protetta hija inqas ċara minn ‘evokazzjoni’ tagħha”. (punt 54, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:111, punti 61 sa 63).


27      Għas-settur tal-inbid, ara r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261 u fil-ĠU 2016, L 130, p. 8), fir-rigward ta’ xorb aromatizzat ara r-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (ĠU 2014, L 84, p. 14, rettifika fil-ĠU 2014, L 105, p. 12), u fir-rigward tax-xorb spirituż ara l-imsemmi Regolament Nru 110/2008.


28      F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Lisbona tal‑1958 għall-Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom, minn fejn ġej l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, isemmi biss il-każijiet ta’ “użu ħażin” u ta’ “imitazzjoni”, iżda mhux dak ta’ “evokazzjoni”.


29      F’dan ir-rigward, il-protezzjoni minn evokazzjoni għandha tagħmel riferiment għal dik marbuta ma’ trade marks li għandhom reputazzjoni. Dwar il-possibbiltà ta’ evokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, anki għal prodotti li ma humiex paragunabbli, ara s-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, Federación Nacional de Cafeteros de Colombia vs UASI – Hautrive (COLOMBIANO HOUSE) (T‑387/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:647, punti 55 u 56).


30      Ara, fir-rigward tal-kunċetti ta’ użu ħażin u ta’ imitazzjoni, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (C‑393/16, EU:C:2017:991, punt 57).


31      C‑87/97 (EU:C:1998:614, punt 33).


32      L-Enċiklopedija Treccani online.


33      Iktar ’il quddiem, b’din l-espressjoni ser nindika l-prodotti li ma humiex koperti minn denominazzjoni jew minn indikazzjoni ġeografika protetta.


34      Ara, b’mod partikolari, il-punt 53 tas-sentenza Scotch Whisky Association.


35      Ara, f’dan ir-rigward, bħala illustrazzjoni tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni Ewropea, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521, punti 109 sa 111 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 24) u s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto (C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punti 80 u 81).


36      Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 22) u s-sentenza Scotch Whisky Association (punt 51). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:111, punt 60).


37      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:111, punt 58).


38      Sentenza Scotch Whisky Association (punti 46 u 49).


39      It-termini jew l-espressjonijiet “denominazzjoni”, “isem tal-prodott”, “terminu użat sabiex jidentifika l-prodott” u “denominazzjoni tal-bejgħ” jintużaw mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod alternattiv; ara b’mod partikolari l-punti 44, 45, 46, 48, 49 sa 53 u 56 tas-sentenza Scotch Whisky Association.


40      Dan jgħodd ukoll għall-ġurisprudenza l-oħra preċedenti ċċitata iktar ’il fuq.


41      Sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011 (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484).


42      Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016 (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 27).


43      Sentenza Scotch Whisky Association (punt 53).


44      Il-konformità mar-rekwiżit taċ-ċertezza legali ta’ dan il-limitu ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 55 tas-sentenza Scotch Whisky Association.


45      Ara f’dan is-sens is-sentenza Scotch Whisky Association, punt 65.


46      Ir-rabta tad-DOP mat-territorju ta’ riferiment hija iktar stretta minn dik fil-każ tal-IĠP. L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 510/2006 jeħtieġ, fil-każ tal-ewwel waħda, li l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija tal-prodotti relatati jsiru fiż-żona ġeografika definita (l-ittra (a)), filwaqt li fil-każ tat-tieni, huwa biżżejjed li anki waħda minn dawn il-fażijiet isseħħ f’din iż-żona (l-ittra (b)).


47      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 22 u 31) u s-sentenza Scotch Whisky Association (punti 45, 46, 51, 52, 56 u punt 2 tad-dispożittiv).


48      Kulma jidher fuq it-tikketti kkontestati huwa t-terminu “queso” li madankollu, peress li huwa ġeneriku, ma jgawdix minn protezzjoni; ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 510/2006.


49      Qiegħed nagħmel riferiment b’mod partikolari għar-rappreżentazzjoni ta’ merħla nagħaġ, ta’ għalqa, tal-figura ta’ żiemel u tal-imtieħen tar-riħ li jidhru fuq it-tikketti kontenzjużi u bejn l-elementi figurattivi tat-trade marks ikkontestati.


50      Inkluż il-konfużjoni bejn il-prodotti DOP u l-prodotti mhux DOP li nħolqot, skont dak li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, minn xi informazzjoni li hemm fis-sit internet ta’ IQC. F’dan ir-rigward, qiegħed nosserva li l-fatt li din l-informazzjoni, fejn hija qarrieqa, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(ċ) tar-Regolament 510/2006 ma jeskludix li din tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bħala indizji ta’ evokazzjoni skont l-ittra (b) ta’ din id-dispożizzjoni.


51      Jiġifieri prodotti li ma josservawx l-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP fir-rigward ta’ elementi oħra għajr dak tal-oriġini ġeografika tagħhom.


52      Garanzija li tikkostitwixxi “l-funzjoni essenzjali tad-drittijiet mogħtija skont ir-Regolament Nru 510/2006”; ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 112).


53      Fir-rigward tal-argument imressaq fis-seduta mill-konvenuta fil-kawża prinċipali li huwa bbażat fuq ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali dwar il-legalità tal-użu ta’ sinjali rreġistrati bħala trade mark qabel ir-reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini bis-saħħa tar-Regolament Nru 510/2006, infakkar li l-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li trade mark li l-użu tagħha jikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 13 tal-istess regolament, li ġiet irreġistrata qabel id-data ta’ protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika fil-pajjiż ta’ oriġini tista’ tkompli tintuża minkejja r-reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika. Huwa f’idejn il-qorti tar-rinviju biex tistabbilixxi jekk fil-kawża prinċipali hemmx il-kundizzjonijiet biex tiġi applikata din id-dispożizzjoni.


54      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 27).


55      Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016 (C‑75/15, EU:C:2016:35).


56      Minkejja li fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ evokazzjoni limitata għall-possibbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti inkwistjoni u għall-indikazzjonijiet qarrieqa fil-konfront tal-konsumatur, li fi kwalunkwe każ ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenza Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C‑87/97 (EU:C:1999:115, punt 26), Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117, punt 45) u s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 44).


57      Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016 (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 27).