Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Novembru 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich – l-Awstrija) – Ahmad Shah Ayubi vs Bezirkshauptmannschaft Linz-Land

(Kawża C-713/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE –Standards dwar il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali – Status ta’ refuġjat – Artikolu 29 – Protezzjoni soċjali – Trattament differenti– Refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza temporanja)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesverwaltungsgericht Oberösterreich

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Ahmad Shah Ayubi

Konvenuta: Bezirkshauptmannschaft Linz-Land

Dispożittiv

L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li r-refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza temporanja fi Stat Membru jingħataw benefiċċji ta’ għajnuna soċjali ta’ ammont inqas minn dak tal-benefiċċji mogħtija lil ċittadini ta’ dak l-Istat Membru u lir-refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza permanenti f’dak l-Istat Membru.

Refuġjat jista’ jinvoka, quddiem il-qrati nazzjonali, l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/95, sabiex ir-restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu li toħloq din il-leġiżlazzjoni titwarrab.

____________

1     ĠU C 123, 9.4.2018.