Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Bulgarija) fis-6 ta’ Novembru 2018 – Proċeduri kriminali kontra TX u UW

(Kawża C-688/18)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Spetsializiran nakazatelen sad

Partijiet fil-proċeduri kriminali nazzjonali

TX u UW

Domanda preliminari

Ikun hemm ksur tad-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess fis-sens tal-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2016/343 1 , moqri fid-dawl tal-premessi 35 u 44 tagħha, jekk waħda mis-seduti fil-proċedurali kriminali fil-kawża prinċipali tinżamm fl-assenza tal-persuna akkużata meta din tal-aħħar kienet innotifikata debitament bis-seduta, kienet informata debitament dwar il-konsegwenzi tal-assenza tagħha u kienet difiża minn avukat tal-għażla tagħha, f’sitwazzjoni fejn:

ma tkunx dehret għas-seduta minħabba raġuni li tiddependi minnha (b’mod partikolari, għaliex iddeċidiet li ma tassistix għal din is-seduta partikolari);

ma tkunx dehret għas-seduta minħabba raġuni li ma tiddependix minnha (b’mod partikolari, minħabba li kienet marida), jekk sussegwentement tkun ġiet informata dwar l-azzjonijiet meħuda fl-assenza tagħha u tkun ħadet id-deċiżjoni informata li permezz tagħha:

-    iddikjarat li ma kinitx qiegħda tikkontesta l-legalità tagħhom fuq il-bażi tal-assenza tagħha u li ma tixtieqx li jerġgħu jitwettqu fil-preżenza tagħha;

-    iddikjarat li tixtieq tipparteċipa fl-imsemmija azzjonijiet u l-qorti organizzat eżami addizzjonali tal-persuni indikati mill-persuna akkużata filwaqt li tatha kull opportunità tipparteċipa?

____________

1     Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).