Language of document : ECLI:EU:C:2019:66

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2019(1)

Kawża C-458/15

Staatsanwaltschaft Saarbrücken

vs

K. P.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni — Miżuri restrittivi adottati kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Iffriżar ta’ fondi — Pożizzjoni komuni 2001/931/PESK — Artikolu 1(4) u (6) — Żamma ta’ persuni, gruppi u entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 — Validità”






1.        Kollettur ta’ fondi għal allegata organizzazzjoni terroristika jista’ jeħel il-ħabs fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Huwa jikkontesta jekk il-liġijiet nazzjonali li huwa akkużat li kiser humiex ġuridikament validi, għaliex l-istrumenti tal-Unjoni li dawn jimplimentaw kienu, fil-fehma tiegħu, adottati mingħajr motivazzjoni adegwata. Ma hijiex l-ewwel darba li l-motivazzjoni għall-“inklużjoni” ta’ allegat grupp terroristiku tqiegħdet taħt il-mikroskopju. Din ir-referenza għal deċiżjoni preliminari terġa’ tiffoka l-lenti.

2.        Il-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja) titlob deċiżjoni minn din il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-legalità ta’ ċerti atti tal-Unjoni li jżommu l-inklużjoni tal-organizzazzjoni magħrufa bħala it-Tigri għal-Liberazzjoni tat-Tamil Eelam (iktar ’il quddiem, il-“LTTE”) fuq il-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (2). It-talba saret fil-proċeduri kriminali mressqa kontra K. P. (iktar ’il quddiem l-“akkużat”). Matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, K. P. qajjem kwistjoni oħra dwar l-adegwatezza tal-motivazzjoni wara d-deċiżjoni inizjali tal-Kunsill li tinkludi lil-LTTE fil-lista tal-organizzazzjonijiet ipprojbiti u jekk din għandhiex implikazzjonijiet oħra għal-legalità tal-atti sussegwenti tal-Unjoni identifikati mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3.        B’risposta għall-attakki terroristiċi mwettqa fil-11 ta’ Settembru 2001 fi New York, f’Washington u f’Pennsylvania (l-Istati Uniti), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fit-28 ta’ Settembru 2001, adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) (3) (iktar ’il-quddiem, ir-“Riżoluzzjoni 1373 (2001)”) abbażi tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-preambolu ta’ din ir-riżoluzzjoni jafferma mill-ġdid “il-ħtieġa tal-ġlieda b’kull mezz, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali kkawżati minn atti terroristiċi”. Il-punt 5 jiddikjara li “l-atti, il-metodi, u l-prattiki terroristiċi jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti u […] l-finanzjament, l-ippjanar u l-istigazzjoni ta’ atti terroristiċi, magħmula intenzjonalment, ukoll imorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4.        Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) ma tistabbilixxix lista ta’ entitajiet jew persuni li għalihom għandhom japplikaw il-miżuri li jiġġieldu kontra l-atti terroristiċi.

 Il-Pożizzjonijiet Komuni 2001/931/PESK u 2006/380/PESK

5.        Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (4).

6.        Il-premessi tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 fihom id-dikjarazzjonijiet li ġejjin: il-Kunsill Ewropew iddikjara li t-terroriżmu huwa sfida reali għad-dinja u għall-Ewropa u li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ser tkun l-għan prijoritarju tal-Unjoni Ewropea; il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) li tistabbilixxi strateġiji wesgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; u l-Unjoni Ewropea għandha tieħu miżuri addizzjonali biex timplimenta din ir-riżoluzzjoni. (5)

7.        L-Artikolu 1(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jipprovdi, inter alia, li din il-miżura tapplika għall-persuni, għall-gruppi u għall-entitajiet involuti f’atti terroristiċi u li huma elenkati fl-Anness. Skont l-Artikolu 1(2), “persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi” tfisser:

–        il-persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi jew jipparteċipaw jew, jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi,

–        gruppi u entitajiet ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il-persuni, gruppi jew entitajiet li jaġixxu f’isem jew immexxija minn dawn il-persuni, gruppi u entitajiet, inklużi fondi li ġejjin jew iġġenerati minn proprjeta jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il-persuni u persuni, gruppi u entitajiet assoċjati.

8.        L-Artikolu 1(3) jipprovdi li “att terroristiku” jfisser “wieħed minn dawn l-azzjonijiet intenzjonati li ġejjin, li, jista’ joħloq dannu lil pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, definit bħala offiża kontra ċ-ċittadini, fejn imwettaq bi skop li […]

“(iii)      tgħarraq serjament jew tkisser il-politika, il-liġi kostituzzjonali, l-istrutturi ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiż jew organizzazzjonijiet internazzjonali […] (k) parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku, li jinkludi wkoll l-forniment ta’ informazzjoni u riżorsi materjali, jew billi jiffinanzja b’kull mod l-attivitajiet tal-grupp terroristiku, li din il-parteċipazzjoni tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali tal-grupp.”

9.        L-Artikolu 1(4) jipprovdi li “[i]l-lista f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti […] Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorita kompetenti’ għandha tfisser awtorita ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompeteneti ekwivalenti f’dak il-qasam.”

10.      L-Artikolu 1(6) jistabbilixxi li “[g]ħandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.”

11.      Skont l-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, l-Unjoni Ewropea “li taġixxa fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewrope għandha tassigura li fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi u finanzjarji u servizzi relatati ma jkunux disponibbli direttament jew indirettament għall-benefiċċju ta’ persuni, gruppi u entitajiet elenkati fl-Anness”.

12.      Annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 hemm lista intitolata “L-ewwel lista list tal-persuni, gruppi u entitajiet msejħa fl-Artikolu 1 […]”. L-LTTE ma tidhirx f’din il-lista. Dan l-anness ġie rivedut diversi drabi. Sussegwentement dan ġie sostitwit mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/380/PESK tad-29 ta’ Mejju 2006 li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2006/231/PESK (6). Il-LTTE ġiet inkluża għall-ewwel darba fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2006/380 (7).

 Ir-Regolament Nru 2580/2001

13.      Il-premessi tar-Regolament Nru 2580/2001 fihom id-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

–        Il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu hija aspett deċiżiv fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u sejjaħ lill-Kunsill biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jiġġieled kull forma ta’ finanzjament għall-attivitajiet terroristiċi.

–        Fir-Riżoluzzjoni 1373 (2001), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw il-fondi u l-assi finanzjarji jew ir-riżorsi ekonomiċi l-oħra ta’ persuni li jwettqu, jew jippruvaw iwettqu, atti terroristiċi jew li jipparteċipaw jew jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dawn l-atti.

–        Barra minn hekk, il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li għandhom jittieħdu miżuri li jipprojbixxu milli jitqiegħdu l-fondi u l-assi finanzjarji jew ir-riżorsi ekonomiċi l-oħra għall-benefiċċju ta’ dawn il-persuni, u li jipprojbixxu milli jingħataw is-servizzi finanzjarji jew is-servizzi relatati l-oħra għall-benefiċċju ta’ tali persuni.

–        L-Unjoni Ewropea hija meħtieġa li taġixxi sabiex timplimenta l-aspetti tal-PESK tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

–        L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar is-sanzjonijiet li huma applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2580/2001 u jiżguraw li jiġu implimentati.

–        Il-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 tista’ tinkludi lill-persuni u lill-entitajiet marbutin jew relatati ma’ pajjiżi terzi kif ukoll dawk li b’xi mod ieħor huma fiċ-ċentru tal-aspetti tal-PESK tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. (8)

14.      Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2580/2001, “‘[f]ondi, assi finanzjarji, u risorsi ekonomiċi oħra’ tfisser assi ta’ kull xorta, sew tanġibbli jew intanġibbli, mobbli jew immobbli, akkwistati kif akkwistati […]”. L-Artikolu 1(4) jipprevedi li t-tifsira ta’ “att terroristiku” għandha tkun l-istess bħal dik li tinsab fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

15.      L-Artikolu 2 jipprovdi:

“1.      Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6:

(a)      Il-fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi kollha, li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’ jew miżmuma minn, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu ffriżati;

(b)      L-ebda fondi, assi finanzjarji oħra u risorsi ekonomiċi m’għandhom jiġu magħmula disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

2.      Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6, għandu jkun projbit li tipprovdi servizzi finanzjarji lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

3.      Il-Kunsill, jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK; din il-lista [iktar ’il quddiem il-‘lista prevista fl-Artikolu 2(3)’] għandha tinkludi:

(i)      persuni naturali li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

(ii)      persuni legali, gruppi jew entitajiet li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

(iii)      persuni legali, gruppi jew entitajiet li huma ta’ jew kontrollati minn persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii); jew

(iv)      persuni naturali legali, gruppi jew entitajiet li jaġixxu fl-interess ta’ jew fuq id-direzzjoni ta’ persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii).”

 L-inklużjoni tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001

16.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/379/KE (9) inkluda għall-ewwel darba lil-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali”). (10)

17.      Din l-inklużjoni inżammet mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE (11). Il-premessi ta’ din id-Deċiżjoni jipprevedu li l-Kunsill ipprovda lill-persuni, lill-gruppi u lill-entitajiet kollha, meta prattikament possibbli, bl-espożizzjoni tal-motivi li jispjegaw għalfejn huma ġew inklużi, inter alia, fid-Deċiżjoni 2006/379 (12). Ġie ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jinforma lill-persuni kkonċernati li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li jżommhom fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3). Dawn il-persuni ġew informati wkoll li huma setgħu jitolbu l-espożizzjoni tal-motivi tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tagħhom fil-lista (13). Il-Kunsill bagħat lil-LTTE ittra datata 29 ta’ Ġunju 2007 li magħha annetta l-espożizzjoni tal-motivi li tispjega d-deċiżjoni tiegħu li jżomm lil din l-organizzazzjoni fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3).

18.      L-inklużjoni tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) inżammet ukoll mill-atti sussegwenti li ġejjin: (14) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868/KE; (15) id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE; (16) id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/62/KE; (17) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 501/2009. (18)

19.      Rigward kull wieħed minn dawn l-atti, il-Kunsill ikkonforma mal-mudell li kien stabbilixxa meta ddeċieda li jżomm l-inklużjoni tal-LTTE bid-Deċiżjoni 2007/445. Għalhekk, il-Kunsill ippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bl-intenzjoni tiegħu li jżomm l-inklużjoni qabel l-att ġie adottat u bagħat komunika li tispjega l-motivazzjonijiet tiegħu għalfejn ġedded l-inklużjoni wara li ġie adottat l-att inkwistjoni.

 Id-dritt Ġermaniż

20.      L-Außenwirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-kummerċ esteru u l-ħlasijiet, iktar ’il quddiem l-“AWG”), applikabbli bejn l-2006 u l-2009, kienet tipprojbixxi t-trażmissjoni ta’ donazzjonijiet lill-organizzazzjonijiet ipprojbiti, bħall-LTTE. Essenzjalment, ksur tal-projbizzjoni ta’ esportazzjoni, bejgħ, provvista, tqegħid għad-dispożizzjoni, trażmissjoni, servizzi, investiment, appoġġ jew evażjoni prevista f’att leġiżlattiv tal-“Komunitajiet Ewropej” li għandu l-għan li jimplimenta sanzjoni ekonomika adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-Politika Estera u tas-Sigurtà Komuni jista’ jirriżulta fl-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija. (19)

 Il-fatti, il-proċedura u d-domanda rrinvijata

21.      Permezz ta’ att ta’ akkuża tat-12 ta’ Marzu 2015 maħruġ mis-Staatsanwaltschaft Saarbrücken (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, Saarbrücken), K. P. tressaq għall-proċeduri kriminali quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dawn il-proċeduri, il-prosekutur pubbliku jallega li, fil-perijodu bejn it-22 ta’ Awwissu 2007 u s-27 ta’ Novembru 2009, K. P., billi qiegħed fondi għad-dispożizzjoni tal-LTTE, kiser projbizzjoni direttament applikabbli stabbilita f’att ġuridiku tal-Unjoni Ewropea li jimplimenta sanzjoni ekonomika adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-Politika Estera u s-Sigurtà Komuni. Huwa allegat ukoll li mill-2007 sal-2009, K. P. kien l-organizzatur reġjonali għar-Reġjun ta’ Saarland tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni tat-Tamil (iktar ’il quddiem, it-“TCC”) li, għan-nom tal-LTTE, ġabar donazzjonijiet mingħand it-Tamils li jgħixu fil-Ġermanja u li imbagħad ġew ittrasferiti lejn is-Sri Lanka u użati f’dan il-pajjiż mil-LTTE sabiex tiffinanzja l-ġlieda militari kontra l-gvern ċentrali. Il-prosekutur pubbliku jissottometti li K. P. kien jifforma parti mill-ġerarkija tal-organizzazzjoni, responsabbli mis-superviżjoni tal-organizzaturi għad-distretti lokali li jiġu taħtu u ta’ persuni oħra li jaġixxu lokalment għall-ġbir ta’ fondi, u li jirrapportaw direttament għand l-organizzaturi nazzjonali tat-TCC għall-Ġermanja.

22.      Huwa allegat li, wara li rċieva l-fondi miġbura mill-persuni li jaqgħu taħtu fir-reġjun tiegħu, K. P. ittrasferixxa dawn il-fondi lit-TCC għall-inqas darba fix-xahar, fuq il-ħruġ tal-irċevuti għad-donazzjonijiet korrispondenti, u li sussegwentement il-fondi ġew ittrasferiti lil-LTTE fis-Sri Lanka. B’mod partikolari, huwa allegat li, fil-perijodu bejn il-11 ta’ Awwissu 2007 u s-27 ta’ Novembru 2009 (iktar ’il quddiem “iż-żmien tal-fatti”), K. P. irċieva donazzjonijiet fi 43 okkażjoni separata li jammontaw għal EUR 69 385 u ttrasferixxa dawn il-fondi lit-TCC bl-għarfien, u wkoll bl-intenzjoni, li l-fondi kienu ser jiġu ttrasferiti lejn is-Sri Lanka u użati hemmhekk sabiex jiffinanzjaw l-għanijiet tal-LTTE. Huwa allegat li dan kien konsapevoli tal-fatt li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea poġġa lil-LTTE fuq il-lista tal-assoċjazzjonijiet koperti mir-Regolament Nru 2580/2001; li b’hekk kien jeżisti embargo; u li, konsegwentement, il-ġabra u t-trasferiment ta’ tali donazzjonijiet lejn is-Sri Lanka, bħal kull appoġġ finanzjarju jew materjali ieħor lill-LTTE, kienu jikkostitwixxu reat kriminali.

23.      Waqt il-proċedura kriminali fl-1 ta’ Lulju 2015, l-avukat ta’ K. P. ikkontesta l-legalità tal-atti tal-Unjoni inkwistjoni li inkludew lil-LTTE bħala organizzazzjoni pprojbita fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 b’effett mit-28 ta’ Ġunju 2007. Din il-kontestazzjoni kienet ibbażata fuq żewġ motivi.

24.      L-ewwel nett, l-avukat ta’ K. P. għamel paragun mas-sentenza E u F. (20) Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-inklużjoni tad-Devrimci Halk Kurtulus Partisi-Cephesi (DHKP-C) fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 kienet illegali u ma setgħetx tikkostitwixxi l-bażi tal-kundanna kriminali marbuta ma’ allegat ksur ta’ dan ir-regolament. Dan kien għaliex il-Kunsill naqas milli jipprovdi l-motivazzjoni rigward id-deċiżjoni inizjali li jinkludi lid-DHKP-C fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) u rigward numru ta’ deċiżjonijiet sussegwenti li jżommu tali inklużjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li filwaqt li d-Deċiżjoni 2007/445 (li żammet l-inklużjoni tad-DHKP-C fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3)) kienet hija stess ġiet adottata b’motivazzjoni, il-miżuri preċedenti kollha, kif ukoll l-inklużjoni inizjali, kienu invalidi għaliex dawn ma kinux akkumpanjati minn motivazzjoni. Minbarra li d-DHKP-C ġiet imċaħħda mill-“indikazzjonijiet neċessarji sabiex jivverifikaw jekk l-inklużjoni tad-DHKP-C fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament matul il-perijodu qabel id-29 ta’ Ġunju 2007 […] kinitx fondata”, “[i]n-nuqqas ta’ motivazzjoni li l-imsemmija lista għandha huwa tali li kapaċi jtellef stħarriġ ġudizzjarju adegwat dwar il-legalità sostantiva”. (21)

25.      It-tieni nett, fis-sentenza ta’ LTTE vs Il-Kunsill (22) il-Qorti Ġenerali annullat numru ta’ atti tal-Unjoni li jkopru l-perijodu minn Jannar 2011 sa Ottubru 2014 (23) sa fejn dawn jikkonċernaw lil-LTTE. L-avukat ta’ K. P. argumenta li mir-raġunament ta’ dik is-sentenza kien neċessarjament isegwi li l-atti tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti għandhom ukoll jitqiesu bħala nulli, f’kull każ sa fejn dawn jikkonċernaw lil-LTTE.

26.      Peress li l-proċeduri kriminali kontra K. P. jistgħu jirnexxu biss jekk l-atti tal-Unjoni inkwistjoni huma validi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi:

“L-inklużjoni tal-Liberation Tigers of Tamil Eelam fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-[Regolament Nru 2580/2001], għall-perijodu bejn il-11 ta’ Awwissu 2007 u s-27 ta’ Novembru 2009 (iż-żewġ dati inklużi), li tirriżulta b’mod partikolari mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2007 (2007/445/KE), tal-20 ta’ Diċembru 2007 (2007/868/KE) [fil-verżjoni korretta tagħha tal-istess jum], tal-15 ta’ Lulju 2008 (2008/583/KE), tas-26 ta’ Jannar 2009 (2009/62/KE, u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 501/2009 tal-15 ta’ Ġunju 2009 hija illegali?”

27.      Il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub. K. P. sussegwentement għamel talba għal smigħ orali li kien fiha kummenti bil-miktub dwar id-domanda rrinvijata u qajjem ukoll b’mod espliċitu l-kwistjoni tal-validità tad-deċiżjoni dwar l-inklużjoni inizjali. Għalhekk, skont l-Artikolu 62(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, staqsejt lill-partijiet jindirizzaw żewġ kwistjonijiet fis-seduta. Dawn kienu (i) jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex teżamina wkoll l-allegata invalidità tad-deċiżjoni dwar l-inklużjoni inizjali u (ii) fl-affermattiv, f’każ li l-miżura tinstab li hi valida, x’effett (jekk hemm) ikollha fuq il-validità tal-miżuri sussegwenti (b’mod speċifiku, l-atti tal-Unjoni inkwistjoni).

28.      K. P., il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali u wieġbu d-domandi fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2018.

 Evalwazzjoni

 Ammissibbiltà

29.      Meta rinviju għal domanda preliminari jistaqsi dwar il-validità ta’ miżura tal-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġi mistoqsi jekk il-parti li qajmet din id-domanda quddiem il-qorti nazzjonali kienx ikollha locus standi “mingħajr ebda dubju” li tikkontesta l-legalità ta’ din il-miżura direttament taħt l-Artikolu 263 TFUE. Fl-affermattiv, hija tkun issa prekluża milli tikkontesta l-validità ta’ din l-istess miżura permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE. (24)

30.      F’dan il-każ jidher ċar li K. P. ma setgħax jissodisfa “mingħajr ebda dubju” r-rekwiżit doppju tal-interess dirett u individwali. Id-deċiżjoni tar-rinviju tiddeskrivi r-rwol ta’ K. P. bħala l-“organizzatur reġjonali”, li jifforma parti minn “ġerarkija riġida u responsabbli għas-superviżjoni tal-organizzaturi għad-distretti lokali li jaqgħu taħtu u ta’ persuni oħra li jiġbru l-fondi lokalment, u jirraporta direttament lill-organizzaturi nazzjonali għall-Ġermanja”. Dawn il-fatti jissuġġerixxu b’mod qawwi li K. P. ma kienx ikun kapaċi li jistabbilixxi interess individwali suffiċjenti biex jegħleb il-limitu partikolarment għoli applikabbli dak iż-żmien. (25) Barra minn hekk, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li K. P. kellu (iżda naqas milli jieħu) l-opportunità li jikkontesta l-miżuri b’mod dirett bħala rappreżentant tal-LTTE. (26)

31.      Ir-rinviju huwa għalhekk ammissibbli.

 Il-validità tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali tal-LTTE fil-lista previst fl-Artikolu 2(3)

32.      Bid-domanda waħdanija tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-atti tal-Unjoni inkwistjoni. Kull wieħed minn dawn l-atti jikkonċerna ż-żamma tal-inklużjoni tal-LTTE.

33.      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, l-avukat ta’ K. P. jirriproduċi l-argumenti li d-deċiżjoni tar-rinviju rreġistrat li huwa kien qajjem għan-nom tal-klijent tiegħu fil-proċeduri kriminali quddiem il-qorti tar-rinviju. Għalhekk, huwa jargumenta li (i) id-deċiżjoni dwar l-inklużjoni inizjali hija invalida minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjoni; u li (ii) mis-sentenza ta’ E u F (27)isegwi li kull deċiżjoni ta’ żamma li ttieħdet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali mingħajr ma tingħata motivazzjoni hija wkoll invalida (l-allegat “effett domino”). Il-qofol ta’ dan l-argument huwa li d-deċiżjonijiet ta’ żamma, bħalma huma l-atti tal-Unjoni inkwistjoni, huma “essenzjalment, l-estensjoni tal-inklużjoni inizjali”. (28) K. P. argumenta wkoll li huwa ma setgħax jikkontesta d-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali fiż-żmien rilevanti (li, kif semmejt fil-punt 30 iktar ’il fuq, huwa probabbilment ġust) u li dan ir-rinviju issa jagħtih din l-opportunità.

34.      Iżda, f’dan il-każ, ma nemminx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindirizza l-kwistjoni dwar il-validità tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali minħabba l-erba’ raġunijiet li ġejjin.

35.      L-ewwel u qabel kollox, il-qorti tar-rinviju ma inkludietx din id-deċiżjoni fid-domanda tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja. Lanqas ma pprovdiet argumenti dettaljati jew informazzjoni rilevanti dwar l-isfond sabiex tgħin lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-materjal neċessarju sabiex twettaq stħarriġ xieraq tal-validità proċedurali jew sostantiva tar-Regolament Nru 2580/2001.

36.      It-tieni nett, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tipproċedi ex officio b’tali evalwazzjoni, hija tkun qiegħda tonqos milli tirrispetta d-drittijiet tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet ikkonċernati li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq talba għal deċiżjoni preliminari. Għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju effettivament tirreġistra l-argumenti mqajma mill-avukat ta’ K. P. fil-proċedura kriminali, din la fiha domanda diretta dwar il-validità tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali u lanqas il-materjal neċessarju li jippermetti lil din il-Qorti tal-Ġustizzja li tindirizza din id-domanda. Fis-seduta, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkonfermaw li huma ma kinux indirizzaw din id-domanda fl-osservazzjonijiet tagħhom għaliex huma ma kinux fehmu d-deċiżjoni tar-rinviju bħala li tqajjem din il-kwistjoni. Għalhekk, filwaqt li l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE tipprovdi l-opportunità lill-partijiet bħal K. P. li jqajmu tali domanda ħafna wara l-fatt, meta d-deċiżjoni tar-rinviju tkun siekta jew għall-inqas ambivalenti f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tipproċedibilli tindirizzaha ex officio. Meta jsir hekk, wieħed ikun qiegħed iċaħħad lill-partijiet l-oħra mid-drittijiet tad-difiża tagħhom.

37.      It-tielet nett, il-punt tat-tluq għall-istħarriġ tal-validità ta’ kull miżura tal-Unjoni huwa li din tiġi kkunsidrata fuq il-merti tagħha stess. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li d-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali u l-atti tal-Unjoni inkwistjoni huma miżuri legali separati adottati fuq bażijiet legali differenti (l-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 rispettivament), li japplikaw kriterji legali distinti. Barra minn hekk, għalkemm fis-sentenza ta’ LTTE il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni ta’ żamma tal-inklużjoni hija essenzjalment estensjoni tal-inklużjoni inizjali, iż-żewġ deċiżjonijiet ma humiex daqstant ġuridikament marbutin flimkien li l-invalidità tal-ewwel waħda awtomatikament tikkontesta l-validità tal-aħħar waħda. Jidhirli, pjuttost, li hemm ġerarkija ta’ miżuri. L-ewwel (u l-iktar pass importanti) fiż-żmien tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali huwa li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ deċiżjoni xierqa u rilevanti ta’ awtorità kompetenti skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. (29) B’kuntrast, deċiżjoni li tinżamm l-inklużjoni inizjali ma teħtieġx li din id-deċiżjoni terġa’ tiġi vverifikata. (30) Fiż-żmien taż-żamma tal-inklużjoni, il-Kunsill huwa meħtieġ li juri biss li r-riskju huwa “l-istess” bħar-riskju li ntwera fiż-żmien tal-inklużjoni inizjali. (31) Id-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali u l-atti tal-Unjoni inkwistjoni huma għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, kjarament atti legali separati u indipendenti. Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa b’mod awtomatiku li tirrevedi d-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali li tpoġġi lil persuna jew grupp partikolari fuq il-lista prevista fl-Artikolu 2(3) kull darba li tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ żamma tal-inklużjoni.

38.      Madankollu, ma neskludix il-possibbiltà li jista’ jkun xieraq għall-Qorti tal-Ġustizzja li tqis il-kwistjoni dwar jekk l-inklużjoni inizjali kinitx sostanzjalment invalida, b’effett korrispondenti fuq id-deċiżjonijiet ta’ żamma tal-inklużjoni adottati warajha, iżda biss meta mitluba b’mod espliċitu li tagħmel hekk. Fis-seduta, il-Kunsill irrikonoxxa li (pereżempju) kieku d-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti kienet tirrigwarda n-nuqqas ta’ karozza proprjetà tal-LTTE milli tgħaddi mit-test ta’ sigurtà ta’ vettura, din ma kinitx tkun tista’ tiġġustifika l-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali. Il-konsegwenza legali imbagħad tkun li l-miżuri ta’ tiġdid jiġu mminati. Iżda, ma huwiex allegat li din hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ.

 L-analoġija mas-sentenza E u F

39.      Fil-proċeduri nazzjonali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-avukat ta’ K. P. ibbaża ħafna fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza E u F biex jargumenta, b’analoġija, li d-difetti fid-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali tal-LTTE (Deċiżjoni 2006/379) jipproduċu “effett domino” b’tali mod li d-deċiżjonijiet sussegwenti kollha li jżommu l-inklużjoni tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) għandhom jiġu ddikjarati nulli. Madankollu, huwa ċar li l-fatti li hija bbażata fuqhom is-sentenza E u F huma differenti ħafna minn dawk tal-kawża preżenti. (32)

40.      Għandu jitfakkar li fis-sentenza E u F, ma ngħatatx motivazzjoni għall-inklużjoni tad-DHKP-C, kemm għall-inklużjoni inizjali kif ukoll għal kull waħda mid-deċiżjonijiet ta’ żamma tal-inklużjoni li saru sussegwentement. Ingħatat motivazzjoni għall-ewwel darba fir-rigward tad-Deċiżjoni 2007/445, iżda din waslet tard wisq biex issalva l-katina preċedenti tal-miżuri tal-Unjoni milli tiġi ddikjarata invalida sa fejn dawn inkludew din lil l-organizzazzjoni. (33)

41.      B’kuntrast, fil-kawża preżenti, il-LTTE ġew ipprovduti bil-motivazzjoni kemm fir-rigward tal-inklużjoni inizjali kif ukoll fir-rigward tad-deċiżjonijiet sussegwenti li jżommu lill-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3). Kif spjegajt, il-prattika segwita kienet li tintbagħat lill-partijiet interessati (meta prattikabbli), il-motivazzjoni li tispjega għalfejn huma kienu ġew inklużi; u imbagħad li jiġi ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jinnotifika lill-partijiet ikkonċernati bl-intenzjoni tal-Kunsill li jżomm l-inklużjoni tagħhom fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) u li jinformahom li għalhekk huma setgħu jitolbu l-abbozz tal-motivazzjoni tal-Kunsill. Wara l-inklużjoni mill-ġdid, il-Kunsill imbagħad jibgħat lill-persuni kkonċernati l-verżjoni finali tal-motivazzjoni, li tispjega għalfejn huma reġgħu ġew inklużi. (34)

42.      Huwa veru li l-ewwel motivazzjoni għall-inklużjoni tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) bid-Deċiżjoni 2006/379 tad-29 ta’ Mejju 2006 ma kinitx ġiet ikkomunikata lill-LTTE mill-Kunsill sat-23 ta’ April 2007, (35) kważi ħdax–il xahar wara l-inklużjoni inizjali. Iżda, jibqa’ il-fatt li l-komunikazzjoni saret qabel id-Deċiżjoni 2006/379 ġiet issostitwita u mħassra mid-Deċiżjoni 2007/445 tat-28 ta’ Ġunju 2007 u għalhekk matul il-perjodu li fih l-ewwel deċiżjoni kienet legalment effettiva. (36) Ġurnata wara li ġiet adottata l-aħħar deċiżjoni, jiġifieri fid-29 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill bagħat lill-LTTE motivazzjoni dwar l-inklużjoni kontinwa tagħha fil-lista. Wara, in-notifika tal-motivazzjoni għall-inklużjoni mill-ġdid segwiet il-prattika li għadni kif iddeskrivejt iktar ’il fuq.

43.      Ovvjament, il-komunikazzjoni tardiva ħafna tal-motivazzjoni wara l-adozzjoni tal-inklużjoni inizjali tmur kontra r-rekwiżit tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kunsill jikkomunika tali motivazzjoni “b’mod immedjat” wara l-adozzjoni ta’ inklużjoni inizjali. (37) Iżda, jibqa’ l-fatt sempliċi li l-LTTE ma rreaġixxietx għall-inklużjoni inizjali ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif kellha b’mod ċar id-dritt li tagħmel, billi tressaq proċedura legali skont l-Artikolu 230 KE (issa l-Artikolu 263 TFUE) fiż-żmien preskritt. Barra minn hekk, l-ommissjoni ġiet rimedjata mill-Kunsill qabel ġiet introdotta l-miżura ta’ sostituzzjoni (Deċiżjoni 2007/445). (38) Inżid li l-Kunsill għandu diskrezzjoni wiesa’ dwar kif jirrimedja żbalji proċedurali fl-atti tiegħu. Li kieku għażel (pereżempju) li jipprovdi l-motivazzjoni neċessarja fil-premessi ta’ miżura ġdida dwar iż-żamma tal-inklużjoni, dan ukoll kien, fl-opinjoni tiegħi, jirrimedja l-kwistjoni.

44.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina l-invalidità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjoni dwar l-inklużjoni inizjali u/jew jekk jistax ikun hemm effett fuq il-validità tal-atti tal-Unjoni inkwistjoni.

 Il-validità tal-atti tal-Unjoni inkwistjoni li jinkludu lill-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) (id-Deċiżjonijiet 2007/445, 2007/868, 2008/583 u 2009/62 u r-Regolament Nru 501/2009)

45.      Kienet adegwata l-motivazzjoni li akkumpanjat kull wieħed mill-atti tal-Unjoni inkwistjoni, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza fil-kawża LTTE? (39)

46.      Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 innifisha ma fiha ebda stipulazzjoni espliċita ta’ motivazzjoni. Il-bażi għal dan ir-rekwiżit hija għalhekk l-Artikolu 296 TFUE, li jipprovdi li atti legali għandhom jipprovdu l-motivazzjoni li huma bbażati fuqhom. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni “għandha [turi] r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, għandu jinftiehem b’mod ċar u inekwivoku, b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha”. (40) Dan l-obbligu huwa espressjoni tal-prinċipju ġenerali dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt fundamentali korrispondenti ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta. (41)

47.      Il-motivazzjoni għandu jkun fiha l-bażijiet li jindikaw il-motivi reali u speċifiċi għalfejn il-persuna li tieħu d-deċiżjonijiet tqis li r-regoli rilevanti huma applikabbli għall-parti kkonċernata; (42) u għandha “tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li huma ta’ importanza essenzjali fl-istruttura ta’ dan l-att”. (43) Il-motivazzjoni ma hijiex meħtieġa li tidħol fil-fatti rilevanti u fil-punti tad-dritt kollha għaliex motivazzjoni hija evalwata wkoll fir-rigward tal-kuntest fattwali u regolatorju tagħha. (44)

48.      Għalhekk, għad-deċiżjonijiet ta’ żamma tal-inklużjoni, bħalma huma l-atti tal-Unjoni inkwistjoni, il-kuntest regolatorju huwa r-rekwiżit legali li l-Kunsill jirrevedi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) “għall-inqas darba kull sitt xhur” (Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931). Jekk matul dawk is-6 xhur, is-sitwazzjoni fattwali ma tkunx inbidlet, ma huwiex “neċessarju li jiġu esposti iktar fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom il-Kunsill” huwa “konvint li l-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni” tal-persuni kkonċernati “fil-lista kontenzjuża baqgħu validi”. (45) Barra minn hekk, huwa biżżejjed jekk il-motivi mogħtija jirrigwardaw att adottat f’kuntest li kien “magħruf” mill-persuna kkonċernata u li “jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha”. (46)

49.      Il-kuntest fattwali għad-deċiżjonijiet ta’ żamma tal-inklużjoni jista’ jinkludi l-fatt jekk il-mogħdija taż-żmien u/jew bidla fiċ-ċirkustanzi teħtieġx li l-Kunsill iżomm lill-persuna jew lill-grupp ikkonċernat fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) fuq “evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali iktar riċenti li juru li” ir-riskju “jissussisti”. (47) Iżda, il-Kunsill ma huwiex meħtieġ li jipproduċi “element ġdid” li kien “is-suġġett ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti” sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-persuna. (48)

50.      Jidher li l-motivazzjoni għall-atti tal-Unjoni inkwistjoni huma — ħlief għal differenzi inkonsegwenzjali bħal bidliet fid-dati — identiċi. Ser nevalwa l-motivazzjoni prevista fid-Deċiżjoni 2007/445 bħala eżempju rappreżentattiv. Sabiex inkun ċar, l-evalwazzjoni tiegħi f’din il-parti ma tirrigwardax il-motivazzjoni għar-Regolament tal-Kunsill Nru 501/2009, li nevalwa b’mod separat fil-punt 63 et seq. iktar ’il quddiem.

51.      Il-motivi li jikkostitwixxu l-bażi taż-żamma tal-inklużjoni tal-LTTE mid-Deċiżjoni 2007/445 ġejjin minn tliet sorsi: l-avviż tal-25 ta’ April 2007 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-premessi tad-Deċiżjoni 2007/445 u l-verżjoni finali tal-espożizzjonijiet tal-motivi datati 29 ta’ Ġunju 2007 mibgħuta lil-LTTE. Il-qari flimkien ta’ dawn it-tliet sorsi juri li l-Kunsill (i) innotifika lil-LTTE b’abbozz tal-espożizzjoni tal-motivi; (ii) informa lil-LTTE (u lill-partijiet l-oħra kollha kkonċernati) li hija setgħat tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni li jispjegaw għalfejn iż-żamma ma kinitx xierqa; (iii) inkluda f’din l-espożizzjoni sommarju tal-motivi għalfejn il-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-inklużjoni baqgħu ġustifikati; u (iv) wara li d-deċiżjoni ta’ żamma tal-inklużjoni ġiet adottata, bagħat il-verżjoni finali tal-motivazzjoni lil-LTTE li kien fiha ġustifikazzjoni għaż-żamma tal-inklużjoni. (49)

52.      Dak id-dokument jiddeskrivi lill-LTTE bħala grupp terroristiku ffurmat fl-1976 u rreġistrat sensiela ta’ 12–il att mwettaq mil-LTTE li l-Kunsill ikkunsidra li jaqgħu fid-definizzjoni ta’ att terroristiku mogħtija fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Din imbagħad irreferiet għal deċiżjoni tal-United Kingdom Secretary of State for the Home Department (segretarju tal-Istat għall-Ministeru tal-Intern tar-Renju Unit tad-29 ta’ Marzu 2001 li tipprojbixxi lil-LTTE taħt l-Att dwar it-Terroriżmu tal-2000 tar-Renju Unit, deċiżjoni tat-Teżor tar-Renju Unit tas-6 ta’ Diċembru 2001 li tiffriża l-assi tal-LTTE u d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Indjani li jipprojbixxu lil-LTTE fl-1992 (li skont il-Kunsill, it-tlieta li huma kienu jaqgħu fid-definizzjoni ta’ “deċiżjoni” fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u t-tlieta li huma baqgħu fis-seħħ).

53.      Fil-fehma tiegħi, it-tliet sorsi identifikati fil-punt 51 iktar ’il fuq fihom dettalji biżżejjed sabiex jippermetti lil-LTTE li tkun taf il-motivi reali u speċifiċi li fuqhom il-Kunsill ikkunsidra li r-regoli rilevanti kienu applikabbli għaliha kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet fattwali u legali li kellhom importanza deċiżiva fil-kuntest taż-żamma tal-inklużjoni. Kien hemm, fi kliem ieħor, elementi biżżejjed sabiex jippermettu lil-LTTE tifhem l-akkużi magħmula kontriha u l-portata tal-miżuri li ttieħdu. Għalhekk, l-LTTE tpoġġiet f’pożizzjoni li tikkontesta b’mod effettiv il-merti tal-miżura taż-żamma tal-inklużjoni. Li kieku hija għażlet hekk, hija setgħat teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha kemm billi tippreżenta osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni tal-miżura ta’ żamma tal-inklużjoni — kif ġiet mistiedna li tagħmel m’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – u/jew billi tikkontesta l-miżura ta’ żamma tal-inklużjoni taħt l-Artikolu 230 TKE (issa l-Artikolu 263 TFUE) quddiem il-Qorti Ġenerali fiż-żmien preskritt wara l-adozzjoni tagħha.

54.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod ċar f’termini ġenerali li l-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata qabel l-adozzjoni tal-miżura ta’ żamma tal-inklużjoni, (50) filwaqt li l-verżjonijietfinali tal-motivazzjoni ta’ kull waħda mill-miżuri kkontestati kienu datati u mibgħuta wara l-adozzjoni. Madankollu xorta nqis li l-Kunsill issodisfa l-ispirtu tar-rekwiżit tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, nenfasizza l-kuntest li fih ġiet adottata d-Deċiżjoni 2007/445 (u l-miżuri ta’ żamma l-oħra). Fir-realtà, il-LTTE kienet fil-pussess tal-istess motivazzjoni f’kull żmien qabel l-adozzjoni ta’ kull miżura ta’ żamma. Ma jistax għalhekk jingħad li l-LTTE kienet xi darba f’pożizzjoni fejn ma kinitx taf il-fatti u r-raġunijiet wara d-deċiżjoni taż-żamma tagħha fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3).

55.      Jistgħu l-fatti u r-raġunijiet għal kull miżura ta’ żamma sempliċiment jiġu ripetuti verbatim kull sitt xhur, jew kienu jeħtieġu li jiġu aġġornati għaliex kienu skadew bħala riżultat ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi u/jew il-mogħdija taż-żmien?

56.      Bidla fiċ-ċirkustanzi waħda biss inġabet għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja: it-telfa militari tal-LTTE f’Mejju 2009. Din il-bidla seħħet wara l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2007/445, 2007/868, 2008/583 u 2009/62. Għalhekk il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat talli naqas milli jeħodha inkunsiderazzjoni meta adotta dawn id-deċiżjonijiet.

57.      K. P. jiffoka l-kritika tiegħu fuq il-motivazzjoni, l-ewwel nett, fuq il-fatt li l-Kunsill naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni allegat ftehim ta’ paċi bejn l-LTTE u l-Gvern tas-Sri Lanka li beda fl-2002 u, it-tieni nett, il-fatt li wieħed mill-atti terroristiċi msemmi mill-Kunsill fil-motivazzjoni (il-qtil ta’ ministru tal-Gvern tas-Sri Lanka) ma kienx, jgħid hu, imwettaq mil-LTTE. Fil-fehma tiegħi, ebda wieħed minn dawn il-fatti allegati ma jikkostitwixxi bidla fiċ-ċirkustanza bejn id-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali u kull waħda minn dawn l-erba’ deċiżjonijiet b’tali mod li teħtieġ lill-awtur tagħhom li jimmodifika l-motivazzjoni tiegħu. Dak li jista’ raġonevolment jinsilet mill-ħdax-il att l-ieħor ta’ attività terroristika li jistrieħ fuqhom il-Kunsill huwa, għall-kuntrarju, li l-allegat ftehim ta’ paċi ma ġabx fit-tmiem l-attivitajiet terroristiċi tal-LTTE.

58.      Għalhekk nikkonkludi li ma nġabitx għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja bidla materjali fiċ-ċirkustanza li kienet teħtieġ lill-Kunsill li jimmodifika il-kontenut tal-motivazzjoni tiegħu għad-Deċiżjonijiet 2007/445, 2007/868, 2008/583 u 2009/62 mid-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali.

59.      Il-mogħdija taż-żmien, minnha innifisha, kienet teħtieġ bidla fil-motivazzjoni?

60.      Fis-sentenza Il‑Kunsill vs Hamas (51) u fis-sentenza ta’ Kadi II (52),il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li differenza ta’ bejn disa’ u 13-il sena u differenza ta’ 16-il sena rispettivament ifissru li dan ir-raġunament “antik” ma setax jiġi invokat iktar. Ejja nħarsu għalhekk lejn il-perijodi taż-żmien inkwistjoni fil-kawża preżenti. Nieħu s-16 ta’ Ottubru 2006 — id-data tal-aħħar att terroristiku invokata mill-Kunsill fid-diversi espożizzjonijiet tal-motivi tiegħu għall-atti tal-Unjoni inkwistjoni – bħala l-punt tat-tluq. L-ewwel deċiżjoni ta’ żamma tal-inklużjoni wara d-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali (jiġifieri d-Deċiżjoni 2007/445 tat-28 ta’ Ġunju 2007) ittieħdet tmien xhur u nofs wara. Id-Deċiżjoni 2009/62 tas-26 ta’ Jannar 2009 ġiet adottata 27 xahar wara. (Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868 tal-20 ta’ Diċembru 2007 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583 tal-15 ta’ Lulju 2008 ġew adottati bejn dawn iż-żewġ dati.) Fil-fehma tiegħi, ma jistax jingħad li l-atti terroristiċi tal-2005/2006, meħuda flimkien mad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-2001, kienu punti ta’ riferiment obsoleti għal dawk l-erba’ atti tal-Unjoni.

61.      Huwa importanti li jitfakkar il-kuntest li fih ġew adottati l-miżuri ta’ żamma tal-inklużjoni. Sitt xhur huwa perijodu qasir sabiex fih issir reviżjoni mandatorja. Il-fatt li ma seħħitx attività terroristika f’perijodu ta’ sitt xhur partikolari jista’ jfisser li l-miżuri restrittivi imposti qegħdin fil-fatt ikollhom l-effett intiż tagħhom. Iżda, alternattivament, jista’ jfisser li l-persuni kkonċernati qegħdin jittamaw li jagħtu l-impressjoni li l-attività waqfet meta fir-realtà qegħdin jiġu ppjanati u ppreparati atti terroristiċi oħra. It-tiġdid ta’ perijodu jew ta’ forsi diversi perijodi ta’ sitt xhur oħra jista’ jkun prudenti anki jekk ma jkunx hemm atti terroristiċi ġodda, minħabba, b’mod partikolari, id-diskrezzjoni wiesa’ tal-Kunsill f’dan ir-rigward (53) u l-interess pubbliku li jittieħdu miżuri preventivi sabiex tiġi evitata attività terroristika. (54)

62.      Isegwi li fil-fehma tiegħi, l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-premessi tad-Deċiżjoni 2007/445 u l-motivazzjoni finali meħuda flimkien jipprovdu biżżejjed informazzjoni sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE insostenn tad-deċiżjoni tal-Kunsill li, fil-kuntest, l-LTTE hija ta’ “riskju kontinwu”. Nasal għall-istess konklużjoni rigward id-Deċiżjonijiet 2007/868, 2008/583 u 2009/62. Peress li l-fatti u ċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw lil-LTTE ma jidhrux li inbidlu b’mod sinjifikanti matul il-perijodu li matulu dawn id-deċiżjonijiet kienu fis-seħħ, kien ikun fil-fatt jidher kontradittorju li kieku l-motivazzjonijiet tal-Kunsill kellhom ikunu sostanzjalment differenti, jekk għal kollox.

63.      Madankollu, inħares b’mod differenti lejn ir-Regolament Nru 501/2009, li ġie adottat fil-15 ta’ Ġunju 2009 biex jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni 2009/62. Dan ir-regolament jixbaħ lill-miżuri li ġew annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha LTTE. (55)

64.      Hawnhekk ninnota li sad-data tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 501/2009, kien hemm l-istess bidla sinjifikanti u materjali fiċ-ċirkustanza kif identifikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza LTTE — jiġifieri t-telfa militari li sofriet l-LTTE f’Mejju 2009. (56) Din it-telfa seħħet qabel id-data tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 501/2009 fil-15 ta’ Ġunju 2009. Il-motivazzjoni għal din il-miżura, bħall-predeċessuri tagħha, tagħmel riferiment għal lista ta’ atti terroristiċi li seħħew qabel id-data tat-telfa militari. Ninnota wkoll li kienu għaddew iktar minn 31 xahar bejn id-data tal-aħħar att ta’ terroriżmu invokat mill-Kunsill (Ottubru 2006) u l-adozzjoni tar-Regolament Nru 501/2009. Dan huwa itwal milli għal-waħda mill-miżuri annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza LTTE (Regolament Nru 83/2011). (57)

65.      Il-Kunsill irrimarka tajjeb fis-seduta, li huwa kien ser ikollu ftit inqas minn xahar kalendarju (bejn is-17 ta’ Mejju u l-15 ta’ Ġunju 2009) sabiex jimmodifika l-abbozz tar-Regolament Nru 501/2009. Iżda, dan huwa l-kuntest li fih għandhom isiru r-reviżjonijiet mandatorji ta’ sitt xhur. Li kieku t-telfa militari ġiet iddikjarata qabel id-data li fiha kellu jiġi adottat ir-Regolament Nru 501/2009, kont naċċetta mill-ewwel li ma kienx ikun raġonevoli li nistenna li l-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni dan il-fatt. Hawnhekk, iżda, il-Kunsill kellu żmien biżżejjed biex jikkunsidra mill-ġdid l-inklużjoni; iżda ma hemm xejn fil-motivazzjoni li jissuġġerixxi li għamel hekk.

66.      Il-Kunsill ipprova jargumenta li ma huwiex rilevanti li l-motivazzjoni ma kien fiha xejn dwar dan l-iżvilupp ġdid importanti. Li kieku ġiet miżjuda dikjarazzjoni fil-motivazzjoni li l-Kunsill kien jaf bit-telfa militari iżda kkunsidra li kien kmieni wisq li jneħħi lil-LTTE mil-lista prevista fl-Artikolu 2(3), ir-riżultat kien ikun sostanzjalment l-istess: id-deċiżjoni ta’ żamma tal-inklużjoni kienet tittieħed xorta. Jista’ jkun li dan seta’ kien il-każ; iżda l-argument tal-Kunsill jiżvija mill-punt. Madankollu, l-assenza ta’ kull riferiment għal bidla fiċ-ċirkustanza u ta’ kull spjegazzjoni dwar ir-raġuni għaż-żamma tal-inklużjoni tfisser li l-Kunsill naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 296 TFUE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-miżuri dwar iż-żamma tal-inklużjoni. (58)

67.      Il-Kunsill jargumenta wkoll fis-seduta li kienet l-LTTE li kellha tieħu l-passi neċessarji sabiex tinforma lill-Kunsill bit-telfa militari, u mhux il-Kunsill li jfittex b’mod attiv din l-informazzjoni. Din is-sottomissjoni tistona mal-fatt (fid-dominju pubbliku) li l-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni ltaqa’ fit-18 u fid-19 ta’ Mejju 2009 preċiżament sabiex jiddiskuti l-“iżviluppi riċenti” fis-Sri Lanka, u ddedika 9 paragrafi mill-konklużjonijiet tal-Kunsill sabiex jindirizza b’mod speċifiku s-sitwazzjoni “hekk kif il-ġlied qed jersaq lejn tmiemu”. (59) Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet espressament li l-Kunsill jista’ jirreferi għal-materjal riċenti mill-istampa u mill-internet sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ inklużjoni. (60) Għandu jsegwi li l-Kunsill jista’ jagħmel hekk ukoll għall-iskopijiet li jevalwa t-tneħħija possibbli mil-lista. Inżid li l-komunikazzjoni immedjata permezz tal-avukati mal-awtoritajiet amministrattivi f’kontinent ieħor tista’ ma tkunx possibbli jew, għall-inqas, mhux ta’ prijorità ewlenija għal grupp li jkun għadu kif sofra telfa militari li fiha l-mexxej tiegħu jidher li nqatel. (61)

68.      Għalhekk inqis li r-Regolament Nru 501/2009 huwa invalidu essenzjalment għall-istess raġunijiet li ngħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha LTTE. Inżid li, filwaqt li t-telfa tista’ jew tista’ ma tkunx rimedjabbli, kull rimedju ma jistax jiġi applikat b’mod retroattiv fil-kuntest tal-proċeduri kriminali kontra K. P. (62)

 Konklużjoni

69.      Għalhekk, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda għal deċiżjoni preliminari rrinvijata mill-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali, Saarbrücken, il-Ġermanja) għandha tkun kif ġej:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 501/2009 tal-15 ta’ Ġunju 2009 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar id-Deċiżjoni 2009/62/KE huwa invalidu sa fejn dan japplika għall-Liberation Tigers of Tamil Eelam.

Eżami tal-materjal li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma żvela ebda fattur li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE tat-28 ta’ Ġunju 2007 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE, tad-Deċiżjoni Tal-Kunsill 2007/868/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/445/KE, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE tal- 15 ta’ Lulju 2008 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/868/KE, jew tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/62/KE tas-26 ta’ Jannar 2009 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-ħsieb li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/583/KE.


1      Lingwa Oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Volum 1, p. 207.


3      S/RES/1373 (2001).


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Volum 1, p. 217.


5      Il-premessi 1, 2 u 5.


6      ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 350.


7      Din l-organizzazzjoni sussegwentement inżammet fuq il-lista msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u iktar riċentement mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1084 tat-30 ta’ Lulju 2018 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2018/475(ĠU 2018 L 194, p. 144).


8      Il-premessi 2, 3, 4, 5, 12 u 14.


9      Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2006 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 169).


10      Il-LTTE qiegħda attwalment tinżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3) mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1071 tat-30 ta’ Lulju 2018 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/468 (ĠU 2018 L 194, p. 23).


11      Deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2007 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE (ĠU 2007 L 169, p. 58).


12      Il-premessa 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445.


13      Il-premessa 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445.


14      Ser nirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445 u l-atti sussegwenti inklużi fil-punt 18 bħala “l-atti tal-UE inkwistjoni”.


15      Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/445/KE (ĠU 2007 L 340, p. 100).


16      Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2008 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/868/KE (ĠU 2008 L 188, p. 21).


17      Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Jannar 2009 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-ħsieb li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/583/KE (ĠU 2009 L 23, p. 25).


18      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 501/2009 tal-15 ta’ Ġunju 2009 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar id-Deċiżjoni 2009/62/KE (ĠU 2009 L 151, p. 14).


19      Il-qorti tar-rinviju tirrimarka li l-paragrafi 34(4)(2) u 34(6)(2) tal-AWG kienu fformulati kif ġej: “(4) Persuna teħel piena ta’ priġunerija għal perjodu bejn sitt xhur u ħames snin jekk hija […] 2. tikser projbizzjoni direttament applikabbli, ippubblikata fil-Bundesanzeiger, ta’ esportazzjoni, bejgħ, provvista, tqegħid għad-dispożizzjoni, trażmissjoni, servizzi, investiment, appoġġ jew evażjoni prevista f’miżura leġiżlattiva tal-Komunitajiet Ewropej li għandha l-għan li timplimenta sanzjoni ekonomika adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-Politika Estera u tas-Sigurtà Komuni […] (6) Persuna teħel piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn sentejn jekk hija […] 2. twettaq att imsemmi fis-subparagrafi 1, 2 jew 4 għall-iskopijiet ta’ qliegħ kummerċjali jew bħala membru ta’ grupp iffurmat bl-iskop li jkompli jwettaq dawn ir-reati b’kollaborazzjoni ma’ membru ta’ grupp ieħor […]”. Bejn l-24 ta’ April 2009 u l-11 ta’ Novembru 2010, il-paragrafi 34(4)(2) u 34(6)(2) tal-AWG kienu fformulati kif ġej: “(4) Persuna teħel piena ta’ priġunerija għal perjodu bejn sitt xhur u ħames snin jekk hija […] 2. tikser projbizzjoni direttament applikabbli, ippubblikata fil-Bundesanzeiger, ta’ esportazzjoni, importazzjoni, tranżitu, tneħħija, bejgħ, provvista, tqegħid għad-dispożizzjoni, trażmissjoni, servizzi, investiment, appoġġ jew evażjoni prevista f’miżura leġiżlattiva tal-Komunitajiet Ewropej li għandha l-għan li timplimenta sanzjoni ekonomika adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-Politika Estera u tas-Sigurtà Komuni […] (6) Persuna teħel piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn sentejn jekk hija […] 2. twettaq att imsemmi fis-subparagrafi 1, 2 jew 4 għall-iskopijiet ta’ qliegħ kummerċjali jew bħala membru ta’ grupp iffurmat bl-iskop li jkompli jwettaq dawn ir-reati b’kollaborazzjoni ma’ membru ieħor tal-grupp […]” Wara emendi tad-dritt nazzjonali, b’effett mill-1 ta’ Settembru 2013, dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu fil-Paragrafu 18(1)(a) u (8) tal-AWG.


20      Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, C‑550/09, EU:C:2010:382.


21      Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, C‑550/09, EU:C:2010:382, punti 56 u 57.


22      Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, T-208/11 u T-508/11, EU:T:2014:885. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata minn din il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vsLTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583.


23      Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011 tal-31 ta’ Jannar 2011, Nru 687/2011 tat-18 ta’ Lulju 2011, Nru 1375/2011 tat-22 ta’ Diċembru 2011, Nru 542/2012 tal-25 ta’ Ġunju 2012, Nru 1169/2012 tal-10 ta’ Diċembru 2012, Nru 714/2013 tal-25 ta’ Lulju 2013, Nru 125/2014 tal-10 ta’ Frar 2014 u Nru 790/2014 tat-22 ta’ Lulju 2014 li jimplimentaw l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nri 610/2010, 83/2011, 687/2011, 1375/2011, 542/2012, 1169/2012, 714/2013 and 125/2014 (ĠU 2011 L 28, p. 14).


24      Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punti 17, 18 u 24.


25      Ara, inter alia, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, 25/62, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, EU:C:1963:17. Ara wkoll id-diskussjoni tiegħi dwar l-ammissibbiltà f’ċirkustanzi simili, minkejja li b’referenza għar-regoli inqas riġidi dwar il-locus standi introdotti fit-TFUE wara l-1 ta’ Diċembru 2009, fil-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ta’ A et vs Minister van Buitenlandse Zaken, C‑158/14, EU:C:2016:734, punti 58 sa 88, approvati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Marzu 2017, EU:C:2017:202, punti 59 sa 75.


26      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2010, E u F, C‑550/09, EU:C:2010:103, punt 49.


27      Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, C‑550/09, EU:C:2010:382.


28      Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 51 u 61.


29      Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583 punti 59 u 60.


30      Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 60.


31      Sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 46; u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Franza (“Hamas”), C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 25.


32      Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, C‑550/09, EU:C:2010:382.


33      Ara l-punt 24 iktar ’il fuq.


34      Ara l-punti 16 sa 19 iktar ’il fuq. Il-Kunsill mhux neċessarjament kellu l-indirizzi ta’ kuntatt ta’ dawk kollha kkonċernati minn deċiżjoni dwar l-inklużjoni partikolari; iżda l-pubblikazzjoni tal-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-possibbiltà li tintalab l-espożizzjoni tal-motivi jistgħu raġonevolment jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżit li jiġu pprovduti l-motivi. Sa fejn naf jien, ma hemmx suġġeriment li tali mekkaniżmu huwa minnu nnifsu illegali b’mod ġeneriku.


35      Il-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2007/445 tipprovdi li “[i]l-Kunsill ipprovda lil kull persuna, kull grupp u kull entità li għalihom dan kien possibbli fil-prattika b’dikjarazzjonijiet ta’ raġunijiet fejn fisser ir-raġunijiet għaliex huma ġew elenkati fid-Deċiżjonijiet 2006/379/KE […]”. Fis-seduta, il-Kunsill ikkonferma wkoll (mingħajr kontradizzjoni) li kienet ġiet ikkomunikata lill-LTTE espożizzjoni tal-motivi fit-23 ta’ April 2007.


36      Il-miżuri kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni — anki jekk irregolari — huma meqjusa validi sa tali żmien li jiġu rtirati, imħassra, annullati jew iddikjarati nulli. Ara, għal dan l-iskop, is-sentenzi tal-1 ta’ April 1982, Dürbeck vsIl‑Kummissjoni, 11/81, EU:C:1982:120, punt 17, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑475/01, EU:C:2004:585, punt 18.


37      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61.


38      Jista’ jitfakkar ukoll li, fil-kuntest ta’ din it-tip ta’ miżura, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni inizjali hija invalida minħabba n-nuqqas ta’ espożizzjoni tal-motivi, hija tista’ teżerċita d-diskrezzjoni tagħha li tħalli l-miżura “irregolari” fis-seħħ għall-perjodu ta’ żmien sabiex tippermetti lill-Kunsill jieħu l-passi sabiex jirrimedja n-nuqqas tal-espożizzjoni tal-motivi. Ara, pereżempju, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi and Al Barakaat Foundation, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 375 u 376, u t-tielet konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-parti operattiva.


39      Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583.


40      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Stichting Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 138.


41      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vsKadi (iktar ’il quddiem “Kadi II”), C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012 C 326, p. 391).


42      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata.


43      Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 30.


44      Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Stichting Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 139 sa 140. Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.


45      Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Stichting Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 146.


46      Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.


47      Sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 54; u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 32; ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 156.


48      Sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 62, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 40.


49      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu il-Kunsill isostni li kienet biss il-komunikazzjoni tiegħu tal-espożizzjoni tal-motivi relatata mar-Regolament Nru 501/2009 (tas-16 ta’ Ġunju 2009) li ġiet “irritornata lill-persuna li bagħtitha”.


50      Ara, fost oħrajn, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 113.


51      Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 33.


52      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 156.


53      Ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008,People’s Mojahedin Organisation of Iranvs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata.


54      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 130.


55      Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583.


56      Skont il-gazzetta the Guardian fir-Renju Unit, il-Gvern tas-Sri Lanka ddikjara b’mod formali t-tmiem tal-gwerra ċivili ta’ 25 sena fl-indirizz tar-rebħa fid-19 ta’ Mejju 2009. Ara https://www.theguardian.com/world/2009/may/18/tamil-tigers-killed-sri-lanka. Il-partijiet fis-seduta ma kkontestawx li dan l-avveniment seħħ f’nofs Mejju 2009.


57      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011 tal- 31 ta’ Jannar 2011 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 (ĠU 2011 L 28, p. 14). Ara s-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 78 sa 80.


58      Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 33.


59      Ara http://europa.eu/rapid/press-release_PRES-09-137_en.htm.


60      Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 72.


61      L-avukat ta’ K. P. issottometta fis-seduta, mingħajr kontradizzjoni, li dan kien seħħ. Ara wkoll l-artikolu msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56 iktar ’il fuq.


62      Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 59, u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’dik il-kawża, C‑550/09, EU:C:2010:272, punti 115 sa 123.