Language of document : ECLI:EU:C:2019:56

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C43/18

Compagnie d’entreprises CFE SA

vs

Région de Bruxelles-Capitale

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

Kawża C321/18

Terre wallonne ASBL

vs

Région wallonne

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Miżuri ta’ ġestjoni tas-siti protetti – Għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Obbligu ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali – Stabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni għar-Reġjun ta’ Wallonie”






I.      Introduzzjoni

1.        X’inhija r-relazzjoni bejn id-Direttiva EAS (li tfisser Evalwazzjoni Ambjentali Strateġika) (2) u d-Direttiva “habitat” (3)? Din hija l-mistoqsija mqajma miż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), li ser neżamina flimkien.

2.        Din il-mistoqsija tqum fl-isfond tad-diversi evalwazzjonijiet u stimi tal-effetti fuq l-ambjent previsti mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-effetti tal-pjanijiet u l-proġetti li jistgħu jaffettwaw lis-siti Natura 2000, irregolata mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”, kif ukoll l-evalwazzjoni ambjentali tal-pjanijiet u tal-programmi magħmula skont id-Direttiva EAS. Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni l-iktar magħrufa, jiġifieri dik tal-effetti ta’ ċerti proġetti magħmula skont id-Direttiva EEA (4), ma għandha l-ebda rwol partikolari fil-kawżi li qegħdin nittrattaw.

3.        Il-Kawża CFE tirrigwarda l-applikazzjoni tad-Direttiva “habitat” permezz tal-għażla fid-dritt intern ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni li tinvolvi l-adozzjoni ta’ diversi regoli ta’ protezzjoni, filwaqt li l-kawża Terre wallonne tirrigwarda l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti kollha Natura 2000 tar-Reġjun ta’ Wallonie, fejn għal darba oħra għandha tiġi implimentata d-Direttiva “habitat”. Fir-rigward taż-żewġ atti legali, qiegħed jiġi invokat li l-adozzjoni tagħhom kellha tkun ippreċeduta minn evalwazzjoni ambjentali magħmula skont id-Direttiva EAS.

4.        F’dan ir-rigward, għandu jiġi ċċarat b’mod partikolari jekk miżuri li huma direttament marbuta jew neċessarji għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000, f’dan il-każ l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni u l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, humiex fil-prinċipju esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni ambjentali magħmula skont id-Direttiva EAS. Insostenn ta’ din il-konklużjoni, l-ewwel nett qiegħed jiġi invokat li tali miżuri huma espressament eżentati mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”. Iżda xi ngħidu għall-evalwazzjoni ambjentali magħmula skont id-Direttiva EAS?

5.        Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-miżuri li semmejt effettivament jissodisfawx il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta evalwazzjoni ambjentali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ċċarat l-ewwel nett jekk dawn jiddefinixxux il-qafas li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti tista’ tkun sussegwentement awtorizzata.

6.        L-importanza prattika tal-proċeduri li għandi quddiemi għandha tiġi enfasizzata. In-netwerk Natura 2000 jinkludi madwar 18 % tal-wiċċ tal-art u 6 % taż-żoni marittimi tal-Unjoni f’diversi eluf ta’ siti. Billi, sal-lum, il-miżuri ta’ ġestjoni jidher li ħafna drabi jittieħdu mingħajr ma ssir evalwazzjoni ambjentali, l-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali tal-miżuri meħuda għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000 tista’ tixħet dubji fuq dan in-netwerk.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva EAS

7.        L-għanijiet tad-Direttiva EAS jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 1 tagħha:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent”.

8.        Il-pjanijiet u l-programmi huma ddefiniti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      “pjanijiet u programmi” tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–        li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

–        li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”.

9.        L-obbligu li titwettaq evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent, prevista fl-Artikolu 3(1) sa (5) tad-Direttiva EAS, huwa b’mod partikolari ta’ interess għall-kawżi prinċipali:

“1.      L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.      Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

(a)      li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE, jew

(b)      li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva [“habitat”].

3.      Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

4.      L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

5.      L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva”.

2.      Id-Direttiva “habitat”

10.      In-netwerk Ewropew taż-żoni ta’ konservazzjoni, Natura 2000, huwa ddefinit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva “habitat”:

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

[...]”

11.      Ir-regoli konkreti dwar l-għażla tas-siti huma previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva “habitat”:

“1.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. […]

[…]

2.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mill-ħames reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ) (iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri […]

[…]

Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

3.      […]

4.      Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.

5.      Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4)”.

12.      Il-protezzjoni tas-siti hija rregolata kif ġej fl-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva “habitat”:

“1.      Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali”.

B.      Id-dritt Belġjan

1.      Id-deċiżjoni dwar l-għażla tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale għas-sit ta’ Forêt de Soignes

13.      Is-suġġett tal-proċedura li wasslet għall-kawża CFE huwa l-Arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale portant désignation du site Natura 2000 – BE1000001: “La Forêt de Soignes avec lisières et domaines boisés avoisinants et la Vallée de la Woluwe – complexe Forêt de Soignes – Vallée de la Woluwe” du 14 avril 2016 (id-Digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale tal-14 ta’ April 2016 dwar l-għażla tas-sit Natura 2000 – BE1000001: “Il-Foresta Soignes b’limiti u żoni bis-siġar viċini u l-Wied tal-Woluwe – Kumpless tal-Foresta ta’ Soignes – Wied tal-Woluwe”). (5)

14.      Dan id-digriet jiddetermina essenzjalment liema żoni jifformaw parti miż-żona speċjali ta’ konservazzjoni, liema tipi ta’ habitats u liema speċijiet jinsabu fihom, f’liema stat ta’ konservazzjoni kienu meta ġie identifikat is-sit, liema stat ta’ konservazzjoni jrid jintlaħaq u għaliex is-sit huwa protett.

15.      L-Artikolu 15 tad-digriet jipprovdi ċerti projbizzjonijiet biex is-sit jiġi protett:

“1.      Skont l-Artikolu 47(2) tad-[Digriet tal-1 ta’ Marzu 2012 dwar il-konservazzjoni tan-natura], dan l-artikolu jistabbilixxi l-projbizzjonijiet ġenerali għas-sit Natura 2000 magħżul minn dan id-digriet.

2.      Bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu eżenzjoni jew deroga, huwa pprojbit, għall-proġetti li ma humiex suġġetti għal permess jew kunsens skont l-Artikolu 47(2) tad-digriet:

1°      li jaqtgħu, jaqilgħu, jagħmlu ħsara jew jeqirdu speċijiet ta’ pjanti indiġeni, inklużi l-brijofiti, il-fungi u l-likeni kif ukoll li jeqirdu, jagħmlu ħsara jew jibdlu l-kopertura tal-pjanti;

2°      […]”

2.      L-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni fir-Reġjun ta’ Wallonie

16.      Il-proċedura fil-kawża prinċipali li wasslet għall-kawża Terre wallonne tirrigwarda d-Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie tal-1 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi l-għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000 (6). Dan id-digriet jistabbilixxi għanijiet kwantitattivi u kwalitattivi ta’ konservazzjoni għat-tipi ta’ habitat u għall-ispeċijiet fir-reġjun kollu.

17.      Id-digriet inkwistjoni huwa bbażat fuq l-Artikolu 25a tal-Liġi tat-12 ta’ Lulju 1973 dwar il-konservazzjoni tan-natura:

“Artikolu 25a

1.      Il-Gvern għandu jistabbilixxi, fil-livell tar-Reġjun ta’ Wallonie, għanijiet ta’ konservazzjoni għal kull tip ta’ habitat naturali u għal kull tip ta’ speċi li għalihom għandhom jintgħażlu siti.

L-għanijiet ta’ konservazzjoni huma ddeterminati fuq il-bażi tal-istat ta’ konservazzjoni, fil-livell tar-Reġjun ta’ Wallonie, tat-tipi ta’ habitats naturali u tal-ispeċijiet li għalihom għandhom jintgħażlu siti u għandhom l-għan li jżommu jew, fejn xieraq, jirripristinaw it-tipi ta’ habitats naturali u l-ispeċijiet li għalihom għandhom jintgħażlu siti fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni.

Dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu indikattivi.

2.      Fuq il-bażi tal-għanijiet ta’ konservazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, il-Gvern għandu jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni applikabbli għas-siti ta’ Natura 2000.

Dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu regolatorji. Għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-data msemmija fil-punti 2 u 3 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(1).”

18.      Il-premessi tad-digriet inkwistjoni jiddeskrivu l-għanijiet speċifikament kif ġej:

“[…]

Billi, skont l-Artikolu 1a, [l-Artikolu] 21a u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25a(1) tal-Liġi, għandhom jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni fil-livell tat-territorju kollu ta’ Wallonie (u mhux biss għan-netwerk Natura 2000), b’mod li jkun hemm ħarsa ġenerali ta’ dak li għandu jiġi ppreżervat jew, fejn jeħtieġ, ta’ dak li għandu jiġi ripristinat fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni tal-habitats u l-ispeċijiet li għalihom ġie stabbilit in-netwerk Natura 2000; dawn l-għanijiet huma indikattivi;

Billi l-għanijiet ta’ konservazzjoni fil-livell tas-siti għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti fil-livell tat-territorju ta’ Wallonie; dawn l-għanijiet huma regolatorji; […]

[…]

Billi dawn l-għanijiet japplikaw biss f’sit speċifiku ta’ Natura 2000 meta s-sit ikun magħżul għal dik l-ispeċi jew dak il-habitat.”

III. Il-fatti u t-talbiet għal deċiżjoni preliminari

A.      Il-Kawża C43/18, CFE

19.      Sa mill-1983, il-kumpannija b’responsabbiltà limitata CFE (iktar ’il quddiem “CFE”) hija proprjetarja ta’ art li tkopri l-biċċa l-kbira tal-art watja tal-Foresterie f’Watermael-Boitsfort, komun li jinsab fin-Nofsinhar tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale (il-Belġju).

20.      Fis-7 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni Ewropea adottat, skont id-Direttiva “habitat”, l-ewwel lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku, li kienet tinkludi s-sit Natura 2000 BE1000001 “La Forêt de Soignes avec lisières et domaines boisés avoisinants et la Vallée de la Woluwe. Complexe Forêt de Soignes – Vallée de la Woluwe” (Il-Foresta Soignes b’limiti u żoni bis-siġar viċini u l-Wied tal-Woluwe – Kumpless tal-Foresta ta’ Soignes – Wied tal-Woluwe”). (7) Il-biċċa art proprjetà ta’ CFE tagħmel parti minn dan is-sit.

21.      CFE ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li ġie miċħud bħala inammissibbli permezz tad-Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Settembru 2006 (8).

22.      CFE tiddikjara li, bejn l-1937 u l-1987, parti sinjifikattiva mill-art tagħha ntużat bħala miżbla illegali mill-komun ta’ Watermael-Boitsfort, u li hija saret taf b’din iċ-ċirkustanza biss fid-9 ta’ Ottubru 2007. F’din id-data, fil-fatt, l-IBGE (l-Istitut ta’ Brussell għall-Immaniġġjar tal-Ambjent, il-Belġju) bagħtilha twissija fejn stidinha tippreżenta pjan ta’ tindif tas-sit.

23.      Fid-9 ta’ Lulju 2015, il-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale approva fl-ewwel qari l-abbozz preliminari ta’ digriet dwar l-għażla tas-sit Natura 2000 hawn fuq imsemmi. Bejn l-24 ta’ Settembru u s-7 ta’ Novembru 2015 saret inkjesta pubblika dwar dan l-abbozz preliminari ta’ digriet. Din l-inkjesta qajmet 202 ilmenti, fosthom wieħed mingħand CFE. Madankollu, il-Gvern xorta waħda adotta d-digriet tal-għażla tas-sit Natura 2000 inkwistjoni fl-14 ta’ April 2016.

24.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2016, CFE issa qiegħda titlob l-annullament tad-digriet tal-14 ta’ April 2016, fejn hija toġġezzjona b’mod partikolari għall-fatt li ma saret l-ebda evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva EAS.

25.      F’din il-kawża, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) adixxa għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja bid-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-deċiżjoni li permezz tagħha korp ta’ Stat Membru jistabbilixxi żona speċjali ta’ konservazzjoni, skont id-Direttiva [“habitat”], li tinkludi għanijiet ta’ konservazzjoni u miżuri preventivi ġenerali ta’ valur leġiżlattiv, tikkostitwixxi pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva [EAS]?

2)      B’mod iktar partikolari, tali deċiżjoni hija koperta mill-Artikolu 3(4), bħala pjan jew programm li jiddefinixxi l-qafas li fih l-implementazzjoni tal-proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, b’tali mod li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk jistax ikollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent skont il-paragrafu 5?

3)      L-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva [EAS] għandu jiġi interpretat fis-sens li din l-istess deċiżjoni hija eskluża mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3(4) tagħha?”

26.      CFE, ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u dak tar-Repubblika tal-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

B.      Il-Kawża C321/18, Terre wallonne

27.      Fit-8 ta’ Novembru 2012, bdiet il-proċedura għall-adozzjoni ta’ digriet li jistabbilixxi l-għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000 għar-Reġjun ta’ Wallonie. Mill-10 ta’ Diċembru 2012 sat-8 ta’ Frar 2013, saret inkjesta pubblika fil-218-il komun ikkonċernati min-netwerk Natura 2000. Fl-1 ta’ Diċembru 2016, il-Gvern ta’ Wallonie adotta d-digriet inkwistjoni.

28.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2017, l-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru Terre wallonne qiegħda titlob l-annullament tad-digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016.

29.      F’din il-kawża, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) issa qiegħed jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)      Digriet li permezz tiegħu korp ta’ Stat Membru jistabbilixxi l-għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000, skont id-Direttiva [“habitat”], jikkostitwixxi pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva [EAS], u speċifikament fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) jew fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, tali digriet għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva [EAS] filwaqt li tali evalwazzjoni ma hijiex meħtieġa skont id-Direttiva [“habitat”] li abbażi tagħha ġie adottat id-digriet?”

30.      Terre wallonne, il-Gvern tar-Renju tal-Belġju, dak tar-Repubblika Ċeka u dak tal-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

C.      Is-seduta komuni għas-sottomissjonijiet orali

31.      Fit-13 ta’ Diċembru 2018 il-Qorti tal-Ġustizzja żammet seduta komuni li fiha pparteċipaw CFE, ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni.

IV.    Analiżi ġuridika

32.      Iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari jfittxu li jiċċaraw jekk miżuri li huma direttament relatati ma’ jew neċessarji għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000 fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” jirrikjedux, bħala pjanijiet jew programmi, evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva EAS.

33.      B’mod konkret, il-kawża CFE tikkonċerna att ġuridiku li jistabbilixxi status speċifiku ta’ protezzjoni tad-dritt intern għal sit diġà protett provviżorjament, u l-kawża Terre wallonne tirrigwarda miżura li tiġbor fil-qosor l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti Natura 2000 kollha fir-Reġjun ta’ Wallonie.

34.      Il-Conseil d’État ġustament jikkunsidra li dawn il-miżuri huma direttament marbuta mal-ġestjoni u neċessarji għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000. L-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni tistabbilixxi l-istatus ta’ protezzjoni fid-dritt intern tas-sit ikkonċernat u tiddefinixxi l-qafas għall-ġestjoni tiegħu. Is-sommarju tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti kollha Natura 2000 tar-Reġjun ta’ Wallonie jqiegħed lil kull qafas speċifiku għas-sit f’kuntest usa’.

35.      Ma hemmx dubju li dawn il-miżuri jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva EAS. Dawn ġew adottati minn awtoritajiet fil-livell reġjonali u huma meħtieġa minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi, jiġifieri mid-Direttiva “habitat” u mid-dispożizzjonijiet adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni tagħha.

36.      Id-domandi tal-Conseil d’État jirrigwardaw żewġ settijiet oħrajn ta’ kwistjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, jekk il-miżuri ta’ protezzjoni u ta’ ġestjoni tas-siti Natura 2000 humiex esklużi fi kwalunkwe każ mill-evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent prevista skont id-Direttiva EAS u, jekk dan ma huwiex il-każ, jekk dawn il-miżuri jissodisfawx il-kundizzjonijiet l-oħrajn għal tali evalwazzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari jekk jiddefinixxux il-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-implimentazzjoni tal-proġetti.

A.      L-evalwazzjoni strateġika tal-effetti tal-miżuri ta’ ġestjoni tas-siti Natura 2000 fuq l-ambjent

37.      Ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, il-Gvern Belġjan u dak Irlandiż kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li, minħabba l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EAS u l-eċċezzjoni li tapplika għall-miżuri ta’ ġestjoni prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”, l-evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent meħtieġa għas-siti Natura 2000 hija ristretta għall-evalwazzjoni tal-pjanijiet u tal-proġetti li huma wkoll suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit skont id-Direttiva “habitat”. Skont din l-analiżi, il-miżuri ta’ ġestjoni tas-siti Natura 2000 qatt ma jkunu jeħtieġu evalwazzjoni ambjentali.

38.      Skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EAS, evalwazzjoni ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi li, fid-dawl tal-effetti li aktarx ikollhom fuq is-siti, jeħtieġu evalwazzjoni skont l-Artikoli 6 jew 7 tad-Direttiva “habitat”. Din l-evalwazzjoni trid turi l-effetti kollha tal-miżura kkonċernata fuq l-ambjent; madankollu, id-Direttiva EAS ma torbotx konsegwenzi legali ma’ dawk l-effetti.

39.      Madankollu, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”, il-pjanijiet u l-proġetti li ma humiex direttament marbuta ma’ jew neċessarji għall-ġestjoni tas-sit huma esklużi mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit previst. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw pjanijiet u proġetti oħrajn biss meta l-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit tistabbilixxi li dawn ma humiex ser jaffettwaw l-integrità tas-sit ikkonċernat.

40.      Peress li l-miżuri kontenzjużi huma direttament marbuta mal-ġestjoni tas-siti Natura 2000, dawn ma humiex suġġetti għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” u, għalhekk, lanqas ma jeħtieġu evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EAS.

41.      Iżda dan ma jsolvix il-kwistjoni dwar jekk evalwazzjoni ambjentali hijiex eskluża fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2)(a) jew tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS.

42.      Skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS, evalwazzjoni ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar tal-iskart, l-amministrazzjoni tal-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, l-ippjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu tal-art u li jistabbilixxu l-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva EEA.

43.      Wieħed faċilment jifhem id-dubji espressi minn diversi partijiet dwar jekk l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni jew l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti Natura 2000 ta’ reġjun jaqgħux taħt dawn l-oqsma.

44.      Madankollu, din il-kwistjoni ma hemmx għalfejn tiġi investigata iktar fil-fond, peress li, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jiddefinixxu l-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-implimentazzjoni ta’ proġetti (oħrajn), humiex ser ikollhom effetti ambjentali sinjifikattivi (9). Jekk dan ikun il-każ, trid issir ukoll evalwazzjoni ambjentali.

45.      Il-partijiet imsemmija qabel ġustament jenfasizzaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma għamilx referenza għall-miżuri ta’ ġestjoni tas-sit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva EAS. Madankollu, min-naħa l-oħra, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tiddikjara espressament li l-miżuri msemmija huma esklużi mill-evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent.

46.      Jekk, madankollu, l-eċċezzjoni għall-ġestjoni tas-sit kellha ma tapplikax ukoll għad-Direttiva EAS, jista’ jkun hemm kontradizzjoni bejn iż-żewġ direttivi mal-ewwel daqqa t’għajn. Għalfejn il-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda espressament il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sit mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”, iżda fl-istess waqt issoġġetta lil dawn il-miżuri għall-obbligu ta’ evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva EAS?

47.      Fir-realtà din il-kontradizzjoni ma teżistix, peress li ż-żewġ stimi għandhom funzjonijiet differenti.

48.      L-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” hija intiża biex jiġi ddeterminat jekk pjan jew proġett jistax ikun awtorizzat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) jew l-Artikolu 6(4). Fil-fatt, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu biss jawtorizzaw pjan jew proġett skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) meta l-evalwazzjoni tal-impatt tkun tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet li kienu previsti fis-sit protett ikkonċernat (10). U l-eċċezzjoni għal dawn il-kundizzjonijiet stretti li tinsab fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitat” tapplika biss wara li l-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett ikunu ġew analizzati konformement mal-Artikolu 6(3) tagħha (11).

49.      B’mod partikolari, ir-rekwiżiti ta’ ftehim skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” jeskludu l-applikazzjoni tagħha għal miżuri ta’ ġestjoni tas-sit. Fil-fatt, f’dan it-tip ta’ ġestjoni spiss ikun impossibbli li l-miżuri varji kkonċernati jiġu strutturati b’tali mod li jitneħħa kwalunkwe dubju xjentifiku raġonevoli rigward ħsara għall-għanijiet ta’ konservazzjoni. Speċifikament għall-għażla ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “habitat” saħansitra jeżiġi espressament li l-awtoritajiet kompetenti, meta jagħżlu ż-żona, jistabbilixxu prijoritajiet, jiġifieri jagħtu prijorità lil ċerti għanijiet minflok lil oħrajn (12).

50.      Pereżempju, il-protezzjoni tal-habitats naturali f’art miftuħa, b’mod partikolari mergħat, ġeneralment teħtieġ li jitneħħew arbuxelli jew siġar li jistgħu min-naħa tagħhom jipprovdu habitat għal speċijiet protetti jew isiru tipi oħrajn ta’ habitats protetti.

51.      Barra minn hekk, spiss ikun jeħtieġ li jittieħdu ċerti miżuri sabiex jiġu protetti t-tipi ta’ habitat u l-ispeċijiet, anki jekk ma jkunux jistgħu jiġu eliminati d-dubji xjentifiċi raġonevoli kollha dwar il-ħsara assoċjata magħhom għall-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Għalhekk, ħafna tipi ta’ habitats huma meqjusa li jiddependu minn ċerti forom ta’ kultivazzjoni (13), mingħajr, madankollu, ma jista’ jiġi eskluż li tali kultivazzjoni ser taffettwahom.

52.      Għall-kuntrarju tad-Direttiva “habitat”, id-Direttiva EAS ma tinkludix rekwiżiti sostantivi għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett (14). Hija intiża qabel kollox li tiggarantixxi li meta jiġu adottati pjanijiet u programmi, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

53.      Tali kunsiderazzjoni għandha fi kwalunkwe każ tinkludi l-konformità mar-rekwiżiti vinkolanti tal-leġiżlazzjoni ambjentali, li madankollu jistgħu jkunu evidenti biss f’dispożizzjonijiet li ma humiex dawk tad-Direttiva EAS, pereżempju tad-Direttiva “habitat” jew tad-Direttiva “qafas dwar l-ilma” (15).

54.      Il-Gvern Irlandiż u l-Kummissjoni b’mod partikolari jsostnu wkoll il-fatt, madankollu, li l-miżuri ta’ ġestjoni tas-siti Natura 2000, fin-natura tagħhom, ma jkollhomx effetti ambjentali ħżiena, filwaqt li d-Direttiva EAS hija intiża sabiex tidentifika u tikkunsidra tali effetti.

55.      Fil-fatt, skont ir-raba’ premessa tad-Direttiva EAS, l-evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent hija għodda sabiex tiġi integrata l-protezzjoni ambjentali f’attivitajiet oħrajn. L-għan ewlieni tagħha, iżda, ma huwiex l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni ambjentali.

56.      Xorta waħda jibqa’ l-fatt li, kif diġà ġie indikat waqt is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Terre wallonne tal-2010 (16) li anki miżura ta’ protezzjoni ambjentali tista’ teħtieġ evalwazzjoni ambjentali. Dak il-każ kien jirrigwarda l-programm ta’ azzjoni tar-Reġjun ta’ Wallonie għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati (17).

57.      Fir-rigward tal-miżuri ta’ ġestjoni tas-siti Natura 2000, il-possibbiltà ta’ għanijiet kunfliġġenti tagħhom hija suffiċjenti sabiex turi li tali miżuri ma humiex neċessarjament jipproteġu jew itejbu l-ambjent, iżda jistgħu wkoll jagħmlulu ħsara.

58.      Ma’ dan hemm ukoll ir-riskju li xi miżuri ta’ ġestjoni tas-sit jiġu ppjanati ħażin jew b’mod inadegwat, u għalhekk jew ikunu ta’ ħsara huma stess għas-sit jew jonqsu milli jeskludu r-riskji ta’ ħsara. Barra minn hekk, spiss l-effettività tal-miżuri ta’ ġestjoni tas‑sit ma tkunx stabbilita lil hinn minn kull dubju.

59.      Kienu tali dubji rigward il-kwalità tad-digriet maħruġ mir-Reġjun ta’ Wallonie li preżumibbilment wasslu biex l-assoċjazzjoni ambjentali Terre wallonne tieħu azzjoni kontra dan id-digriet f’din il-proċedura.

60.      Għaldaqstant, l-għan astratt tal-miżuri ta’ ġestjoni tas-sit, li jikkonsisti fl-implimentazzjoni tal-protezzjoni tas-sit skont id-Direttiva “habitat”, ma jwassalx neċessarjament għall-konklużjoni li dawn il-miżuri ma jistax ikollhom effetti ħżiena fuq l-ambjent.

61.      F’dan il-kuntest, il-kontradizzjoni tinsab pjuttost fid-Direttiva “habitat” innifisha. Din tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-pjanijiet u proġetti relatati mas-siti Natura 2000 għal evalwazzjoni stretta bbażata fuq l-aħjar għarfien xjentifiku (18). Min-naħa l-oħra, il-ġestjoni tas-sit ma tirrikjedix, tal-inqas skont il-kliem tad-Direttiva “habitat”, xi bażi xjentifika.

62.      Iżda lanqas ma jista’ jiġi dedott li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi l-ġestjoni tas-sit minn kwalunkwe evalwazzjoni ambjentali. Din il-kontradizzjoni turi pjuttost li meta ġiet adottata d-Direttiva “habitat”, il-leġiżlatur ma rax il-ħtieġa li jirregola din il-kwistjoni b’mod eżawrjenti u ddettaljat. Jidher li huwa ppreżuma li l-Istati Membri kienu ser jassumu r-responsabbiltà għall-miżuri neċessarji.

63.      Tali miżuri huma neċessarji, peress li l-ġestjoni tas-sit jista’ wkoll ikollha effett sinjifikattiv fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti; barra minn hekk din il-ġestjoni għandu jkollha bażi xjentifika tal-inqas bħad-deċiżjonijiet għal pjanijiet u proġetti oħrajn (19). Il-fatt li, meta ġew adottati l-miżuri kontenzjużi, l-awtoritajiet kompetenti involvew lill-pubbliku, jikkonferma, barra minn hekk, din l-evalwazzjoni.

64.      Issa, il-fatt li l-leġiżlatur, fil-kuntest tad-Direttiva “habitat”, ma qiesx neċessarju li jadotta dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni ambjentali u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-ġestjoni tas-siti Natura 2000 ma jfissirx li ried jeskludi din il-ġestjoni meta sussegwentement adotta regoli ġenerali dwar l-evalwazzjoni ambjentali.

65.      Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni ambjentali mwettqa skont id-Direttiva EAS, evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit skont id-Direttiva EEA jew, għall-każijiet l-oħrajn, parteċipazzjoni tal-pubbliku b’evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (20) jistgħu utilment jissupplimentaw ir-regoli tad-Direttiva “habitat” għall-ġestjoni tas-sit b’rabta mal-evalwazzjoni tal-effetti potenzjali fuq l-ambjent u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

66.      Fl-aħħar nett, din l-analiżi għandha tiċħad ukoll l-argument li l-applikazzjoni tad-Direttiva EAS twassal għal dewmien inaċċettabbli tal-implimentazzjoni tad-Direttiva “habitat”. Dan għaliex jeżistu riskji kunsiderevoli jekk wieħed jissagrifika l-miżuri ta’ garanzija tal-kwalità għall-effiċjenza. X’jiswa Natura 2000 jekk is-siti jiġu identifikati malajr b’mod formali, iżda mbagħad il-protezzjoni effettiva tal-ispeċijiet u tat-tipi ta’ habitats ma tkunx adegwata minħabba li d-diversi miżuri jkunu ttieħdu mingħajr bażi suffiċjenti u parteċipazzjoni tal-pubbliku?

67.      Għaldaqstant, l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EAS u l-eċċezzjoni għall-miżuri ta’ ġestjoni tas-sit prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” ma jipprekludux l-obbligu li ssir evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent.

B.      Fuq il-kunċetti ta’ pjan u programm fil-kuntest tal-Artikolu 3(2)(a) u (4) tad-Direttiva EAS

68.      Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, huwa ċar li l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni u l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti Natura 2000 ta’ reġjun ma għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali, fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EAS. Kif intwera fil-punti 42 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, madankollu, jista’ jirriżulta obbligu ta’ evalwazzjoni ambjentali b’mod partikolari mill-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS.

69.      Dan l-obbligu, bħall-obbligu ta’ evalwazzjoni previst fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS, jiddependi minn jekk il-pjan jew il-programm inkwistjoni jiddefinixxix il-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-implimentazzjoni tal-proġetti.

70.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” jirrigwarda kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-kunsens u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (21). F'dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet” għandu jinftiehem b’mod kwalitattiv u mhux kwantitattiv. Fil-fatt, għandhom jiġu evitati strateġiji possibbli ta’ evażjoni tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva EAS li jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom minn frammentazzjoni ta’ miżuri, li għalhekk inaqqsu l-effett utli ta’ din id-direttiva (22).

1.      Dwar l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni

71.      L-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni bħal fil-każ tal-kawża CFE tista’ tistabbilixxi qafas fit-tifsira tal-Artikolu 3(2)(a) jew (4) tad-Direttiva EAS b’żewġ modi. L-ewwel nett, id-determinazzjoni ta’ żona ta’ konservazzjoni b’għanijiet speċifiċi ta’ konservazzjoni tista’ diġà tistabbilixxi qafas li fih tista’ tiġi awtorizzata l-implimentazzjoni ta’ proġetti; it-tieni, l-għażla ta’ tali żona tista’ tkun akkumpanjata minn regoli speċifiċi ta’ protezzjoni li jinkludu tali qafas.

a)      Id-determinazzjoni ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni b’għanijiet speċifiċi ta’ konservazzjoni

i)      L-għażla bħala tali

72.      Ma hemmx dubju li d-determinazzjoni ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni b’għanijiet speċifiċi ta’ konservazzjoni tiddefinixxi qafas strett għall-awtorizzazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ proġetti fiż-żona ta’ konservazzjoni u madwarha. Fil-fatt, tali proġetti, irrispettivament minn jekk dawn humiex suġġetti għad-Direttiva EEA (23), jistgħu jkunu awtorizzati biss skont il-modalitajiet tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”. L-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal dan is-sit huma l-kriterju tal-evalwazzjoni meħtieġa.

73.      Ċertament, il-proġetti li jaqgħu f’dan il-qafas huma diġà koperti mill-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EAS. Madankollu dan ma jeskludix it-tqegħid tal-istabbiliment tal-qafas innifsu fl-istess kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) u (4) tagħha.

74.      Għaldaqstant, ġabra kwalitattivament sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-kunsens u l-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar tirriżulta mid-determinazzjoni ta’ żona speċjali ta’ protezzjoni flimkien mal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”.

75.      Madankollu, dan il-qafas ma jinħoloqx neċessarjament biss meta tintgħażel iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni. Ċertament, l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”, moqri waħdu, ma japplikax għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni; iżda l-Artikolu 4(5) jipprovdi li hekk kif sit jitniżżel fil-lista tal-Komunità msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2), dan ikun suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2), (3) u (4). Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva “habitat”, il-Kummissjoni tniżżel f’din il-lista s-siti li hija tagħżel minn fost is-siti proposti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 4(1). Ċertament, l-Istati Membri huma obbligati li jagħżlu bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni s-siti li jidhru fil-lista, iżda, skont l-Artikolu 4(4) huma għandhom sitt snin żmien sabiex jagħmlu dan. Għalhekk il-protezzjoni ggarantita mill-Artikolu 6(3) u (4) tkopri s-siti Natura 2000 qabel ma dawn jiksbu l‑istatus ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni.

76.      Meta s-sit jitniżżel fil-lista tal-Komunità, l-għanijiet speċifiċi ta’ konservazzjoni jkunu għadhom ma ġewx iddefiniti espressament, iżda dawn ikunu evidenti mill-habitats u mill-ispeċijiet kollha li għalihom is-sit kien protett, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Istat Membru meta ġie propost is-sit (24). Il-qafas għall-awtorizzazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ proġetti stabbilit meta tiġi ddeterminata ż-żona speċjali ta’ konservazzjoni jinħoloq għalhekk, ġeneralment, ferm qabel ma tiġi magħżula ż-żona speċjali ta’ konservazzjoni. Għaldaqstant, meta l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni sempliċement tikkonferma dan il-qafas, din ma tkunx tinvolvi l-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali.

ii)    Il-modifika tal-għanijiet ta’ konservazzjoni meta ssir l-għażla

77.      Ma jistax jiġi eskluż, madankollu, li l-għażla ta’ sit, sakemm timmodifika pjan jew programm, tirrikjedi evalwazzjoni ambjentali.

78.      Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS, il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” jinkludi wkoll il‑modifika tagħhom. Kif juri l-Artikolu 3(3), il-mistoqsija deċiżiva għall-obbligu ta’ evalwazzjoni hija, inter alia, dik dwar jekk il-modifiki jistax ikollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent.

79.      L-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni tista’ b’mod partikolari taffettwa l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Għalhekk, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “habitat” jeżiġi li meta ssir l-għażla, jiġu stabbiliti l-prijoritajiet. Barra minn hekk, wieħed jista’ jimmaġina li, meta ssir l-għażla, il-lista tat-tipi ta’ habitat u tal-ispeċijiet protetti jew il-medda ġeografika tas-sit jiġu mmodifikati.

80.      Il-kriterju ta’ tqabbil sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx modifiki huwa l-habitats u l-ispeċijiet li għalihom is-sit ġie protett meta tniżżel fil-lista tal-Komunità, kif ukoll iż-żoni oriġinarjament inklużi fis-sit f’każ li l-habitats, l-ispeċijiet u ż-żoni ma jkunux diġà ġew immodifikati sadanittant skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “habitat” (25).

81.      Modifika tal-għanijiet ta’ konservazzjoni timmodifika l-qafas li jiddefinixxi ż-żona ta’ konservazzjoni għall-proġetti. Meta ċerti tipi ta’ habitat, ċerti speċijiet jew ċerti meded ikunu inklużi fil-protezzjoni jew esklużi minnha, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li jista’ jkollhom effetti fuq is-sit jiġu mmodifikati inevitabbilment.

82.      Fil-kawża CFE, ikun xieraq b’mod partikolari li jiġi eżaminat jekk l-inklużjoni ta’ tipi ta’ habitat u ta’ speċijiet ta’ interess reġjonali, fil-protezzjoni tas-sit, permezz tal-Artikoli 8 u 9 u l-Anness IV tad-Digriet, immodifikatx suffiċjentement il-qafas għall-kunsens tal-iżvilupp ta’ proġetti. Il-protezzjoni tagħhom ma tirriżultax mid-Direttiva “habitat”, iżda tirriżulta esklużivament mil-leġiżlazzjoni tar-Reġjun Bruxelles-Capitale. Barra minn hekk, il-preżenzi inkwistjoni ma humiex rilevanti għall-inklużjoni tas-sit fuq il-lista tal-Komunità. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, qabel ma ntgħażlet iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni, il-proposta tas-sit korrispondenti kienet għadha ma tinkludix il-protezzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ habitat u ta’ dawn l-ispeċijiet.

iii) It-tnaqqis teleoloġiku tal-evalwazzjoni ambjentali fir-rigward tal-qafas stabbilit mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”?

83.      Wieħed jista’ ċertament jistaqsi, speċjalment għall-qafas stabbilit mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”, jekk l-għanijiet tad-Direttiva EAS jeżiġux effettivament evalwazzjoni ambjentali. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, lanqas din il-kunsiderazzjoni ma tipprekludi tali evalwazzjoni.

84.      Minbarra l-għan, imsemmi qabel, tal-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fid-deċiżjoni, għandu jissemma l-għan strutturali tad-Direttiva EAS, li jirriżulta mill-fatt li hija tikkompleta d-Direttiva EEA, li ppreċedietha b’iktar minn għaxar snin u li għandha bħala għan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti ekoloġiċi meta tingħata l-awtorizzazzjoni tal-proġetti. Fil-fatt, l-applikazzjoni tad-Direttiva EEA wriet li fil-mument tal-evalwazzjoni ta’ proġetti, effetti ambjentali sinjifikattivi jkunu diġà ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ pjanifikazzjoni preċedenti (26). Huwa għalhekk li, għalkemm huwa possibbli li dawn jiġu studjati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ma jkunx iktar possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tingħata l-awtorizzazzjoni tal-proġett. Huwa għalhekk iktar għaqli li tali effetti ekoloġiċi jiġu eżaminati fl-istadju tal-miżuri preparatorji u li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest (27).

85.      Minn dan l-għan jista’ ċertament jiġi dedott li l-evalwazzjoni ambjentali ma tkunx meħtieġa meta l-effetti kollha fuq l-ambjent jistgħu jiġu evalwati u meħuda kompletament inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni tal-proġett. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat” jeżiġi, fil-prinċipju, kunsiderazzjoni sħiħa tal-effetti tal-pjanijiet u l-proġetti fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti inkwistjoni.

86.      Issa, ir-riskju ta’ effetti avversi fuq l-ambjent meta jiġu ddeterminati s-siti Natura 2000 u mill-modifika tal-firxa ta’ protezzjoni jinsab preċiżament fid-definizzjoni ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni insuffiċjenti. Iktar tard, fil-livell tal-kunsens għall-iżvilupp tal-pjanijiet u tal-proġetti, dan ir-riskju ma jkunx jista’ jiġi indirizzat b’mod adegwat.

iv)    Konklużjoni intermedja

87.      Għalhekk, l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni tirrikjedi evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a) u (3) u skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS jekk tkun tinkludi modifiki tal-firxa ta’ protezzjoni tas-sit protett inkwistjoni, b’mod partikolari modifiki tal-għanijiet ta’ konservazzjoni jew taż-żoni protetti li jaffettwaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat” jew dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-dritt intern ta’ portata ikbar, meta l-imsemmija modifiki jista’ jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent.

b)      Fuq l-istabbiliment ta’ regoli ta’ protezzjoni speċifiċi meta jintgħażel sit

88.      Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”, meta jintgħażel sit, jistgħu jiġu ddefiniti regoli ta’ protezzjoni speċjali, sabiex, pereżempju, jiġu indirizzati riskji partikolari li għalihom huwa suġġett is-sit.

89.      Għalhekk, l-Artikolu 15 tad-digriet suġġett tal-proċedura fil-Kawża C‑43/18 jinkludi diversi projbizzjonijiet bħal, pereżempju, fl-ewwel punt tat-tieni paragrafu tiegħu, il-projbizzjoni ta’ qtugħ, qlugħ, ħsara jew qerda ta’ speċijiet ta’ pjanti indiġeni, inklużi l-brijofiti, il-fungi u l-likeni kif ukoll ta’ qerda, ħsara jew tibdil tal-kopertura tal-pjanti.

90.      Fil-prinċipju, tali projbizzjonijiet jistgħu jinkludu, minbarra r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-kunsens u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, u għalhekk qafas fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) jew (4) tad-Direttiva EAS.

91.      Madankollu, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 15 tad-digriet inkwistjoni, il-projbizzjonijiet stipulati fih ma jidhrux li għandhom dan l-effett peress li jidher li dawn japplikaw biss għal attivitajiet li ma jeħtiġux awtorizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-qafas meħtieġ għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) jew (4) tad-Direttiva EAS għandu japplika għall-awtorizzazzjoni tal-proġetti.

92.      Issa, jidher li ma hemmx projbizzjonijiet oħrajn li għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-awtorizzazzjonijiet.

93.      Għaldaqstant l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni tirrikjedi evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a) jew l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS meta din tistabbilixxi regoli ta’ protezzjoni speċjali li għandhom jiġu applikati b’mod parallel mal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat” u li jiddefinixxu qafas għall-awtorizzazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti u li jista’ jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi.

2.      Fuq l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni reġjonali

94.      Id-Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie tal-1 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000, jiġifieri l-att ġuridiku li huwa s-suġġett tal-kawża Terre wallonne, jirrigwarda wkoll l-implimentazzjoni tad-Direttiva “habitat”, iżda l-funzjoni u l-operat tiegħu huma pjuttost differenti mill-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni. Huwa ma jiddefinixxix l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal siti partikolari, iżda b’xi mod, jiġborhom fil-qosor għar-Reġjun ta’ Wallonie kollu. Għalhekk, huwa jippreżenta ż-żoni ta’ tipi ta’ habitat iddeterminati diġà eżistenti fir-reġjun kollu kif ukoll fid-diversi siti Natura 2000 u jispeċifika jekk, fis-siti Natura 2000, il-meded ta’ dawn it-tipi ta’ habitat għandhomx jibqgħu tal-istess daqs jew jitkabbru. Madankollu, id-digriet ma jinkludix rekwiżiti dwar il-mod kif dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom jintlaħqu u f’liema siti fir-reġjun.

95.      Għalhekk, ma hemmx dubju li d-digriet jiddefinixxi, f’sens mhux tekniku, il-qafas tal-pjanijiet u l-proġetti kollha li jistgħu jaffettwaw lil kwalunkwe sit tan-netwerk Natura 2000.

96.      Madankollu, id-Direttiva “habitat” ma tipprovdix għanijiet ta’ konservazzjoni reġjonali, iżda tipprovdi biss għanijiet ta’ konservazzjoni għad-diversi siti.

97.      Konsegwentement, l-għanijiet ta’ konservazzjoni reġjonali previsti fl-Artikolu 25a(1) tal-Liġi tat-12 ta’ Lulju 1973 dwar il-Konservazzjoni tan-Natura għandhom biss valur indikattiv. Huma biss l-għanijiet ta’ konservazzjoni ddefiniti għad-diversi siti li għandhom valur regolatorju, skont l-Artikolu 25a(2) ta’ din il-liġi.

98.      Il-premessa 8 tad-digriet tispjega l-funzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni reġjonali fis-sens li jridu jipprovdu ħarsa ġenerali ta’ dak li għandu jiġi ppreżervat jew, fejn xieraq, dak li għandu jiġi rripristinat fir-Reġjun ta’ Wallonie biex il-habitats u l-ispeċijiet li għalihom huwa implimentat in-netwerk Natura 2000 jiġu kkonservati jew irripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

99.      B’hekk, l-għanijiet ta’ konservazzjoni reġjonali tad-digriet għandhom qabel kollox funzjoni ta’ informazzjoni u ta’ koordinazzjoni għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000 fir-reġjun. Madankollu, dawn ma jinkludux ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

100. Barra minn hekk, digriet li permezz tiegħu korp ta’ Stat Membru, skont id-Direttiva “habitat”, jistabbilixxi fil-qasam sħiħ tal-kompetenza tiegħu, iżda mhux għas-siti Natura 2000 individwali, l-għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000, u li għalhekk ma jipprovdix rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti, ma jikkostitwixxix pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva EAS.

C.      Kumment finali

101. Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li jirriżulta minn dan l-eżami li d-determinazzjoni ta’ sit Natura 2000 jew il-fatt li jsiru ċerti modifiki fl-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu jew fil-firxa tiegħu jirrikjedu evalwazzjoni ambjentali meta dawn jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

102. Hemm ċertament raġuni sabiex wieħed jassumi li l-inklużjoni ta’ għadd ta’ siti fil-lista tal-Komunità, jekk mhux ukoll ċerti modifiki li jsiru fil-frattemp fil-firxa tal-protezzjoni li din tipprovdi, għadhom ma jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva EAS ratione temporis. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li, issa, jidher li hemm għadd ta’ siti determinati u modifiki li, fil-prinċipju, jirrikjedu evalwazzjoni ambjentali iżda qatt ma ġew suġġetti għaliha. Għalhekk, meta tali siti determinati u modifiki ta’ siti ma jkunux għadhom saru finali, jiġifieri, inkontestabbli, ikun hemm ir-riskju li dawn jiġu kkontestati quddiem qorti.

103. Madankollu, kwalunkwe kontestazzjoni minħabba nuqqas ta’ evalwazzjoni ambjentali ma tistax tirriżulta f’restrizzjoni tal-firxa ta’ protezzjoni għas-siti Natura 2000. Għall-kuntrarju jidher li huwa imperattiv, f’każijiet bħal dawn, li jinżamm l-effett tan-notifika indirizzata lill-Kummissjoni sakemm id-difett jiġi rrettifikat (28). Huwa fil-każ ta’ modifiki li joħolqu restrizzjoni tal-protezzjoni tas-sit li l-annullament jew is-sospensjoni huma possibbli sakemm id-difett jiġi rrettifikat.

104. Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat fi kwalunkwe każ jekk ir-rekwiżiti tad-Direttiva EAS ġewx issodisfatti xorta waħda (29). Għalhekk, fil-kawżi li qegħdin nittrattaw, kien hemm, tal-inqas, parteċipazzjoni tal-pubbliku. Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax ċar mill-proċess jekk ġewx ippreżentati wkoll rapport ambjentali jew dokumenti ekwivalenti.

V.      Konklużjoni

105. Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej il-Kawża C‑43/18:

L-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni tirrikjedi evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a) u (3) jew (4) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent

–        meta din tkun tinkludi modifiki tal-firxa ta’ protezzjoni tas-sit protett inkwistjoni, b’mod partikolari modifiki tal-għanijiet ta’ konservazzjoni jew taż-żoni protetti li jaffettwaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa jew dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-dritt intern ta’ portata ikbar, f’każ fejn l-imsemmija modifiki jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, jew

–        meta din tistabbilixxi regoli ta’ protezzjoni speċjali li għandhom jiġu applikati b’mod parallel mal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 92/43 u li jiddefinixxu qafas għall-kunsens tal-iżvilupp tal-proġetti u li jista’ jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi.

106. Fil-Kawża C‑321/18, Terre wallonne, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej:

Digriet li permezz tiegħu korp ta’ Stat Membru, skont id-Direttiva 92/43, jistabbilixxi fil-qasam sħiħ tal-kompetenza tiegħu, iżda mhux għas-siti Natura 2000 individwali, l-għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000, u li għalhekk ma jipprovdix rekwiżiti għall-kunsens ta’ proġetti, ma jikkostitwixxix pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva 2001/42.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).


3      Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/KE tat-13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).


4      Direttiva 2011/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1).


5      Moniteur belge Nru 136 tat-3 ta’ Mejju 2016, p. 31558.


6      Moniteur belge Nru 340 tat-22 ta’ Diċembru 2016, p. 88148.


7      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE tas-7 ta’ Diċembru 2004 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku (ĠU 2005, L 269M, p. 150).


8      Digriet tad-19 ta’ Settembru 2006, CFE vs Il-Kummissjoni (T‑100/05, mhux ippubblikat, EU:T:2006:260).


9      Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et (C‑295/10, EU:C:2011:608, punti 45 sa 47) u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus (C‑444/15, EU:C:2016:978, punti 52 sa 54).


10      Sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 44), tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 50), u tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 114).


11      Sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 189).


12      Sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 53). Ara wkoll, il-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2009:398, punti 43, 44 u 71).


13      Ara Halada, L., Evans, D., Romão, C., Petersen, J. E., “Which habitats of European importance depend on agricultural practices?”, Biodiversity and Conservation 20 (2011), 2365 sa 2378.


14      Ara, dwar id-Direttiva EEA, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 231) u tal-14 ta’ Marzu 2013, Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 46).


15      Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5 p. 275).


16      Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355).


17      Direttiva 91/676/KEE tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68).


18      Sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 51), tas-26 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑142/16, EU:C:2017:301, punt 57) u tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 113).


19      Ara l-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2009:398, punti 70 u 71).


20      Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17), adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17). Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punti 57 u 59) u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punti 38 u 39).


21      Sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 49), tas-7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 53), u tas-7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et (C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 54).


22      Sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 55), u tas-7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et (C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 55).


23      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 65 u 66).


24      Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, Holohan et (C 461/17, EU:C:2018:883, punt 37) u l-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:60, punt 97).


25      Ara, fir-rigward tat-tnaqqis tal-medda ta’ sit, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Vereniging Hoekschewaards Landschap (C‑281/16, EU:C:2017:774, punti 16 sa 20 u 30).


26      Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (COM(96) 511 finali, p. 6).


27      Ara l-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawżi magħquda Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:120, punti 31 u 32).


28      Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 42 et seq.) u tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punti 29 et seq.).


29      Sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑431/92, EU:C:1995:260, punti 43 sa 45).