Language of document : ECLI:EU:C:2019:123

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Frar 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 56 u 63 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Moviment liberu tal-kapital – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali konklużi ma’ kreditur mhux awtorizzat – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 17(1) – Kuntratt ta’ kreditu konkluż minn persuna fiżika fid-dawl ta’ provvista ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni turistika – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Artikolu 24(1) – Kompetenzi esklużivi fil-qasam tad-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli – Rikors għan-nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu u għall-kanċellazzjoni ta’ iskrizzjoni ipotekarja fir-Reġistru tal-Proprjetà”

Fil-Kawża C‑630/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Općinski sud u Rijeci – Stalna služba u Rabu (il-Qorti Muniċipali ta’ Rijeka – unità permanenti ta’ Rab, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

Anica Milivojević

vs

Raiffeisenbank St. Stefan-Jagerberg-Wolfsberg eGen

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, A. Prechal, C. Toader (Relatur), A. Rosas u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Raiffeisenbank St. Stefan-Jagerberg-Wolfsberg eGen, minn D. Malnar, M. Mlinac, P. G. Baučić, P. Novak, M. Sabolek, E. Garankić u A. Đureta, odvjetnici, assistiti minn T. Borić, professur,

–        għall-Gvern Kroat, minn T. Galli, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller kif ukoll minn L. Malferrari u M. Mataija, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 63 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 17, tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Anica Milivojević, domiċiljat fil-Kroazja, u Raiffeisenbank St. Stefan-Jagerberg-Wolfsberg eGen (iktar ’il quddiem “Raiffeisenbank”), kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak, dwar kawża, ippreżentata minn A. Milivojević, għal dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ Raiffeisenbank, u ta’ att notarili dwar il-ħolqien ta’ ipoteka miżmuma bħala garanzija tad-dejn li nħoloq minn dan il-kuntratt kif ukoll għat-tħassir ta’ din is-sigurtà mir-Reġistru tal-Proprjetà.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-Premessi 6, 15 u 18 tar-Regolament Nru 1215/2012:

“(6)      Sabiex jintlaħaq l-objettiv taċ-ċirkolazzjoni libera tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkunu regolati minn strument legali tal-Unjoni li jkun jorbot u direttament applikabbli.

[…]

(15)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. […]

[…]

(18)      B’relazzjoni mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur u ta’ impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni aktar favorevoli għall-interessi tagħha milli r-regoli ġenerali.”

4        L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5        L-Artikolu 8(4) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija bil-qorti:

[…]

4)      fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt, jekk l-azzjoni tista’ tkun marbuta ma’ azzjoni kontra l-istess konvenut fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ drittijiet in rem fuq propjetà immobbli, fil-qorti tal-Istat Membru li fih tinsab il-propjetà.”

6        Skont l-Artikolu 17(1) tal-istess regolament:

“Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima […]”

7        L-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi:

“1.      Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt fil-qrati tal-Istat Membru li fih tkun domiċiljata dik il-parti jew, irrispettivament mid-domiċilju tal-parti l-oħra, fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2.      Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati tal-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

8        Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim:

1)      li jkun seħħ wara li tkun qamet it-tilwima;

2)      li jippermetti lill-konsumatur li jressaq proċedimenti fi qrati apparti minn dawk indikati f’din it-Taqsima; jew

3)      li jkun seħħ mill-konsumatur u l-parti l-oħra tal-kuntratt li t-tnejn li huma filwaqt tal-konklużjoni tal-kuntratt ikunu domiċiljati jew ikunu abitwalment residenti fl-istess Stat Membru, u li jagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru, dment li ftehim bħal dak ma jkunx kuntrarju għal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

9        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament:

“Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:

1)      fi proċedimenti li l-objettiv tagħhom ikunu drittijiet in rem fi proprjetà immobbli jew kirjiet ta’ proprjetà immobbli, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà.”

10      Skont l-Artikoli 25(1) u (4) ta’ dan ir-Regolament.

“1.      Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor. […]

[…]

4.      Ftehim jew dispożizzjonijiet ta’ strument ta’ trust li jagħtu ġurisdizzjoni m’għandux ikollhom forza legali jekk dawn imorru kontru l-Artikoli 15, 19 jew 23, jew jekk il-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom dawn iridu jeskludu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 24.”

11      L-Artikolu 66(1), li jirregola l-applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 1215/2012, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi imfassla jew irreġistrati formalment u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi fid-data jew wara l-10 ta’ Jannar 2015.”

 Il-liġi Kroata

 Liġi dwar l-obbligi

12      L-Artikolu 322 taz-Zakon o obveznim odnosima (il-Liġi dwar l-obbligi), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (Narodne novine, br. 78/2015) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-obbligi”) jipprovdi:

“(1)      Kull ftehim li jikser il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, ir-regoli ta’ dritt imperattivi jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità għandu jkun null u mingħajr effett, sakemm l-għan tar-regola miksura ma jirreferix għal konsegwenza legali oħra jew il-liġi ma tipprovdix mod ieħor f’każ speċifiku.

(2)      Jekk il-konklużjoni ta’ kuntratt partikolari hija pprojbit għal waħda mill-partijiet biss, il-kuntratt ikun madankollu validu, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor fil-każ partikolari, u l-parti li tikser projbizzjoni legali għandha tassumi l-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan il-ksur.”

13      Skont l-Artikolu 323(1) ta’ din il-liġi:

“Meta kuntratt ikun null u mingħajr effett, kull parti hija marbuta trodd lura lill-parti l-oħra dak kollu li tkun irċeviet bis-saħħa tal-kuntratt null u mingħajr effett u, jekk dan ma jkunx possibbli jew jekk in-natura ta’ dak li jkun ġie implimentat tipprekludi r-restituzzjoni, għandu jitħallas kumpens pekunjarju adegwat, li jkun stabbilit skont il-prezzijiet fis-seħħ fid-data li fiha tingħata s-sentenza, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.”

 Il-Liġi dwar il-kreditu għall-konsum

14      Iz-Zakon o potrošačkom kreditiranju (il-Liġi dwar il-kreditu għall-konsum, Narodne novine, br. 75/2009) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kreditu għall-konsum”) daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010. L-Artikolu 29(1) ta’ din il-liġi jippreċiża li, mingħajr preġudizzju għal ċerti eċċezzjonijiet, din ma tapplikax għall-kuntratti ta’ kreditu konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

15      Din il-liġi ġiet emendata biz-Zakon o izmjeni i dopunama Zakona o potrošačkom kreditiranju (il-Liġi li temenda u tikkompleta l-Liġi dwar il-kreditu għall-konsum, Narodne novine, br. 102/2015) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kreditu għall-konsum, kif emendata”).

16      L-Artikolu 19 j tal-Liġi dwar il-kreditu għall-konsum, kif emendata, intitolat “Nullità tal-kuntratti u effetti tan-nullità”, jaqra kif ġej:

“1      Meta l-kuntratt ta’ kreditu jkun ġie konkluż minn kreditur jew minn intermedjarju ta’ kreditu li ma l-awtorizzazzjoni meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi ta’ kreditu għall-konsum jew sabiex jaġixxi bħala intermedjarju ta’ kreditu għall-konsum, il-kuntratt ikun null u mingħajr effett.

2)      Meta dak li ġie riċevut għandu jingħata lura skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-konsumatur għandu jħallas l-interessi fuq l-ammont irċevut, u dawn għandhom jibdew jiddekorru mill-jum li fih id-deċiżjoni li tikkonstata l-invalidità tkun saret definittiva.”

17      Skont l-Artikolu 19 l tal-Liġi dwar il-kreditu għall-konsum, kif emendata, intitolat “Ġurisdizzjoni”:

“1)      Fil-kuntest tat-tilwim relattiv għal kuntratt ta’ kreditu, il-proċeduri minn konsumatur kontra l-parti l-oħra jistgħu jitressqu jew quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun domiċiljata l-parti l-oħra fil-kuntratt jew, irrispettivament mid-domiċilju tal-parti l-oħra fil-kuntratt, fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2)      Il-proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra fil-kuntratt jistgħu jitressqu biss quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.

[…]”

 Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali

18      L-Artikolu 1, intitolat “Għan tal-liġi”, taz-Zakon o ništetnosti ugovora o kreditu s međunarodnim obilježjima sklopljenih u Republici Hrvatske s neovlaštenim vjerovnikom (il-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali li ġew konklużi fir-Repubblika tal-Kroazja ma’ kreditur mhux awtorizzat, Narodne novine, br. 72/2017, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali”), jipprovdi:

“1)      Din il-liġi tapplika għall-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali li ġew konklużi fir-Repubblika tal-Kroazja bejn id-debituri u l-kredituri mhux awtorizzati […].

2)      Din il-liġi tapplika wkoll għall-atti legali l-oħra stabbiliti fir-Repubblika tal-Kroazja bejn debituri u kredituri mhux awtorizzati li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu li għandu aspetti internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew li huma bbażati fuq tali kuntratt.”

19      Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

–        ‘debitur’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li lilha ngħata kreditu permezz ta’ kuntratt ta’ kreditu li għandu aspetti internazzjonali, jew kull persuna li impenjat ruħha favur persuna li lilha ngħata kreditu bħala kodebitur, debitur bi pleġġ, kodebitur bi pleġġ jew garanti

–        ‘kreditur mhux awtorizzat’ tfisser kull persuna ġuridika li tkun tagħat kreditu lil debitur permezz ta’ kuntratt ta’ kreditu li għandu aspetti internazzjonali, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jkun jinsab barra mir-Repubblika tal-Kroazja fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu li għandu aspetti internazzjonali u li tipproponi jew tipprovdi servizzi ta’ kreditu fir-Repubblika tal-Kroazja, minkejja li din ma tissodisfax il-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni speċifika tissuġġetta l-provvista ta’ tali servizzi u, b’mod iktar speċifiku, minkejja li dan ma għandha l-ebda awtorizzazzjonijiet u/jew approvazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Kroazja

–        ‘kuntratt ta’ kreditu li għandu aspetti internazzjonali’ tfisser kull kuntratt ta’ kreditu, kuntratt ta’ self jew kuntratt ieħor li bih kreditur mhux awtorizzat jagħti lid-debitur ċerta somma ta’ flus u li permezz tiegħu id-debitur jintrabat li jħallas l-interessi miftiehma u li jħallas lura l-ammont użat fit-terminu u skont il-proċeduri miftiehma.”

20      Taħt it-titolu “Nullità tal-kuntratti ta’ kreditu”, l-Artikolu 3 tal-liġi msemmija jipprovdi:

“1)      Il-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali li ġew konklużi fir-Repubblika tal-Kroazja bejn id-debituri u l-kredituri mhux awtorizzati huma nulli u mingħajr effett.

2)      B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, in-nullità tista’ tiġi invokata biss meta l-kuntratt ikun ġie implimentat bis-sħiħ.”

21      L-Artikolu 4 tal-istess liġi, intitolat “Nullità tal-atti legali l-oħra”, jipprovdi:

“Kull att notarili stabbilit fuq il-bażi jew b’rabta ma’ kuntratt null u mingħajr effett fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi huwa null u mingħajr effett.”

22      L-Artikolu 7 tal-Liġi dwar l-invalidità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali, li jirregola l-“[e]ffetti tan-nullità”, jipprovdi:

“Kull parti kontraenti hija marbuta trodd lura lill-parti l-oħra dak kollu li tkun irċeviet bis-saħħa tal-kuntratt null u mingħajr effett u, jekk dan ma jkunx possibbli jew jekk in-natura ta’ dak li jkun ġie implimentat tipprekludi r-restituzzjoni, għandu jitħallas kumpens pekunjarju adegwat, li jkun stabbilit skont il-prezzijiet fis-seħħ fid-data li fiha tingħata s-sentenza.”

23      L-Artikolu 8 ta’ din il-liġi jistabbilixxi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni kif ġej:

“1)      Fil-kuntest tat-tilwim dwar il-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali, fis-sens ta’ din il-liġi, il-proċeduri mibdija mid-debitur kontra l-kreditur mhux awtorizzat jistgħu jiġu ppreżentati jew quddiem il-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu l-kreditur mhux awtorizzat għandu s-sede tiegħu jew, tkun fejn tkun is-sede tal-kreditur mhux awtorizzat, quddiem il-qorti tal-post tad-domiċilju jew tas-sede tad-debitur.

2)      Il-proċeduri mressqa kontra d-debitur mill-kreditur mhux awtorizzat, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jistgħu jitressqu biss quddiem il-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu id-debitur ikollu d-domiċilju jew is-sede tiegħu. Il-liġi applikabbli għall-kuntratti nulli u mingħajr effett fis-sens ta’ din il-liġi hija, b’mod esklużiv, il-liġi Kroata u l-qorti adita b’rikors għal konstatazzjoni tan-nullità ta’ kuntratt għandha tapplika din il-liġi għal dan ir-rikors, mingħajr ma teżamina jekk jeżistux preżunzjonijiet ta’ applikabbiltà tal-liġi tal-post fejn ġie konkluż il-kuntratt permezz ta’ strumenti leġiżlattivi oħra.”

24      L-Artikolu 10 tal-liġi msemmija huwa fformulat fit-termini segwenti:

“1)      Il-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali, fis-sens ta’ din il-liġi, li ġew konklużi fir-Repubblika tal-Kroazja, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, bejn debituri u kredituri mhux awtorizzati huma nulli u mingħajr effett mill-jum tal-konklużjoni tagħhom, liema ħaġa twassal għall-effetti indikati fl-Artikolu 7 ta’ din il-liġi.

2)      L-atti legali l-oħra stabbiliti fir-Repubblika tal-Kroazja, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, bejn debituri u kredituri mhux awtorizzati, li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu li għandu aspetti internazzjonali msemmi fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 1 ta’ din il-liġi jew li huma bbażati fuq tali kuntratt, huma nulli u mingħajr effett mid-data tal-istabbiliment tagħhom, liema ħaġa twassal għall-effetti indikati fl-Artikolu 7 ta’ din il-liġi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      Fit-23 ta’ April 2015, A. Milivojević ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Općinski sud u Rijeci – Stalna služba u Rabu (il-Qorti Muniċipali ta’ Rijeka – unità permanenti ta’ Rab, il-Kroazja), talba diretta kontra Raiffeisenbank intiża sabiex tiġi ddikjarata n-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu konkluż mill-partijiet fil-5 ta’ Jannar 2007, f’ammont ta’ EUR 47 000 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”), u tal-att notarili relattiv għall-kreazzjoni ta’ ipoteka sottoskritta bħala garanzija għall-kreditu li rriżulta mill-kuntratt kif ukoll għat-tħassir ta’ din l-ipoteka mir-Reġistru tal-Proprjetà.

26      Insostenn tal-kawża tagħha, A. Milivojević invokat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 322(1) tal-Liġi dwar l-obbligi li jgħid li kuntratt li jikser il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, ir-regoli ta’ dritt imperattivi jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità għandu jkun null u mingħajr effett.

27      Għalkemm fil-kawża prinċipali huwa stabbilit li Raiffeisenbank kienet “kreditur mhux awtorizzat”, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali, jiġifieri kreditur stabbilit fi Stat Membru ieħor, li ma ġiex debitament awtorizzat mill-Hrvatska narodna banka (il-Bank Ċentrali Kroat) biex jagħti krediti fil-Kroazja, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-partijiet ma jaqblux dwar xi ċirkustanzi fattwali relatati b’mod partikolari mal-post tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni. Filwaqt li Raiffeisenbank ssostni li dan il-kuntratt ġie konkluż fl-Awstrija, A. Milivojević issostni li dan ġie konkluż fil-Kroazja.

28      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, A. Milivojević sostniet li kkonkludiet il-kuntratt inkwistjoni permezz ta’ intermedjarju li lilu hija ħallset kummissjoni, bil-għan li tkabbar u li tirranġa d-dar tagħha, biex fiha toħloq appartamenti intiżi għall-kiri. Mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li ma jistax jiġi eskluż li parti mis-self kien użat għal skopijiet privati. Barra minn hekk, A. Milivojević semmiet li kellha l-intenzjoni li tħallas lura s-self permezz tal-profitti minn dik l-attività.

29      Mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-kuntratt inkwistjoni kien jinkludi fih klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni alternattiva, jew favur il-qrati Awstrijaċi jew quddiem il-qrati tad-domiċilju tad-debitur.

30      Id-diskussjonijiet ġew konklużi fit-3 ta’ Jannar 2017.

31      Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ, fl-14 ta’ Lulju 2017, tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali, permezz tad-Digriet tal-10 ta’ Awwissu 2017, il-proċedura orali ġiet miftuħa mill-ġdid.

32      Il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk jiġi stabbilit li l-kuntratt inkwistjoni ġie konkluż fil-Kroazja, dan jista’ jiġi ddikjarat null abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tal-applikazzjoni retroattiva tiegħu.

33      Għalhekk, din il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kompatibbiltà tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali mal-Artikoli 56 u 63 TFUE, sa fejn hija tqis li din il-leġiżlazzjoni tista’ taffettwa l-libertà ta’ Raiffeisenbank li tipprovdi servizzi finanzjarji. L-imsemmija qorti tesprimi dubji dwar jekk l-objettivi mressqa mill-Gvern Kroat insostenn tal-applikazzjoni retroattiva ta’ din il-liġi jistgħux jiġġustifikaw tali dannu.

34      Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-Liġi dwar il-kreditu għall-konsum, kif ġiet interpretata mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja), ma tistax tibbaża l-konstatazzjoni tan-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, kif emendata, jiġifieri t-30 ta’ Settembru 2015.

35      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, wara laqgħa bejn il-President tal-Awla Ċivili tal-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) u l-Presidenti tal-Awli Ċivili tas-Županijski sudovi (il-Qrati tal-Kontea, il-Kroazja), li saret bejn il-11 u t-12 ta’ April 2016, il-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) ddeċidiet, permezz ta’ dokument tat-12 ta’ April 2016, dan li ġej:

“3.1. (ġurisdizzjoni)

Fil-kuntest tat-tilwim dwar in-nullità ta’ kuntratti ta’ kreditu konklużi bejn persuni fiżiċi Kroati rikorrenti (il-konsumaturi) u persuni ġuridiċi barranin (il-banek), fejn il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tiġi deċiża wara l-1 ta’ Lulju 2013, il-qorti kompetenti Kroata hija dejjem dik li hija stabbilita permezz tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill [(KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)] u tal-Artikolu 17 tar-Regolament [Nru 1215/2012].

3.2. (nullità tal-kuntratt)

Għalkemm il-konklużjoni ta’ tali kuntratti kienet ipprojbita għall-istituzzjonijiet bankarji barranin li ma kellhomx l-awtorizzazzjoni meħtieġa sabiex jipprovdu tali servizzi fir-Repubblika tal-Kroazja, tali kuntratti ma humiex nulli u mingħajr effett, peress li din il-konsegwenza ma kienet prevista la mill-Liġi dwar il-banek u lanqas mill-Liġi dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu qabel it-30 ta’ Settembru 2015, id-data li fiha din il-konsegwenza ġiet stabbilita [wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-kreditu għall-konsum, kif emendata].”

36      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar diversi aspetti relatati mal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012. F’dan ir-rigward, din il-qorti ssostni li tista’, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Kroat, tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha f’dan l-istadju tal-proċedura pendenti quddiemha.

37      Dik il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 1215/2012. Hija tistaqsi wkoll jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tas-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337), u tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber (C‑464/01, EU:C:2005:32), il-kuntratt inkwistjoni jistax jiġi kkwalifikat bħala “kuntratt konkluż ma’ konsumatur” u jekk it-tilwima fil-kawża prinċipali taqax taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem, previsti fl-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Općinski sud u Rijeci – Stalna služba u Rabu (il-Qorti Muniċipali ta’ Rijeka – unità permanenti ta’ Rab) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikoli 56 u 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewrpea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li jippreżentaw aspetti internazzjonali li ġew konklużi [fil-Kroazja] ma’ kreditur mhux awtorizzat […] u, b’mod partikolari, dik tal-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi, li tistabbilixxi n-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu u ta’ atti ġuridiċi oħra li huma konsegwenza tal-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn id-debitur (fis-sens tal-Artikolu 1 u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi) u l-kreditur mhux awtorizzat (fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2 tal-istess liġi) jew ma’ dispożizzjonijiet ibbażati fuqu, anki jekk ikunu ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi u dan mill-mument tal-konklużjoni tiegħu, bil-konsegwenza li kull waħda mill-partijiet kontraenti tkun obbligata trodd lura lill-parti l-oħra kull ma tkun irċeviet fuq il-bażi tal-kuntratt null u, meta dan ma jkunx possibbli jew meta n-natura tal-ftehim imur kontra r-radd lura, ikollu jitħallas kumpens pekunjarju adegwat stabbilit skont il-prezzijiet fis-seħħ meta ngħatat id-deċiżjoni ġudizzjarja?

2)      Ir-Regolament [Nru 1215/2012], b’mod partikolari, l-Artikoli 4(1) u 25 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-Artikolu 8(1) u (2) tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu li jippreżentaw aspetti internazzjonali li ġew konklużi [fil-Kroazja] ma’ kreditur mhux awtorizzat […], li jipprevedi li, fit-tilwim relatat ma’ kuntratti ta’ kreditu li jippreżentaw karatteristiċi internazzjonali fis-sens tal-imsemmija liġi, id-debitur jista’ jressaq lill-kreditur mhux awtorizzat quddiem il-qrati tal-Istat li fih huwa ddomiċiljat jew, irrispettivament mid-domiċilju tal-kreditur mhux awtorizzat, quddiem il-qrati tal-post li fih il-kreditur għandu d-domiċilju personali jew tas-sede tiegħu, filwaqt li l-kreditur mhux awtorizzat, fis-sens tal-imsemmija liġi, jista’ jressaq proċeduri kontra d-debitur biss quddiem il-qrati tal-Istat li fih huwa għandu d-domiċilju personali jew is-sede tiegħu?

3)      Il-kuntratt jitqies li ġie konkluż minn konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u tal-kumplament tal-acquis tal-Unjoni Ewropea, meta l-benefiċjarju tal-kreditu jkun persuna fiżika li kkonkludiet kuntratt ta’ kreditu bil-għan li tinvesti f’appartamenti għal vaganzi biex jipprovdi akkomodazzjoni u joffri servizz ta’ ospitar privat ta’ turisti?

4)      Il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tar-Repubblika tal-Kroazja huma kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ proċeduri intiżi għad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu u tad-dikjarazzjonijiet ta’ garanzija korrispondenti u għall-kanċellazzjoni ta’ iskrizzjoni ipotekarja fir-Reġistru tal-Proprjetà, meta, bil-għan li tiggarantixxi t-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu, l-imsemmija ipoteka saret fuq proprjetà immobbli tad-debitur li tinsab fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina l-ewwel domanda

39      Il-Gvern Kroat isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-ewwel domanda sa fejn il-kuntratt inkwistjoni ġie konkluż fil-5 ta’ Jannar 2007, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, fl-1 ta’ Lulju 2013. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi għal domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula b’mod preliminari minn qorti ta’ Stat Membru meta ċ-ċirkustanzi ta’ fatt li għalihom japplika dan id-dritt ikunu seħħew qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni. Waqt is-seduta, dan il-Gvern sostna wkoll li dan il-kuntratt kien ġie xolt matul l-2012.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kuntest tal-ewwel domanda, dwar il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 56 u 63 TFUE tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali, adottata wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni. Minħabba l-effett retroattiv tagħha, din il-leġiżlazzjoni hija intiża sabiex tapplika għall-kawża prinċipali u sabiex tinfluwenza l-kuntratti ta’ kreditu konklużi qabel l-adeżjoni kif ukoll l-atti legali l-oħra li jirriżultaw minn tali kuntratti.

41      Fit-tieni lok, għalkemm huwa minnu li l-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni ġie konkluż qabel din l-adeżjoni u minkejja li allegatament ġie tterminat qabel l-adeżjoni, ċirkustanza li ma ssemmietx fit-talba għal deċiżjoni preliminari, madankollu, mill-imsemmija talba jirriżulta li ċerti effetti marbuta ma’ dan il-kuntratt u mal-atti legali li jirriżultaw minnu, b’mod partikolari r-reġistrazzjoni tal-ipoteka li A. Milivojević titlob l-annullament tagħha, jkomplu jiġu żviluppati.

42      Issa, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012, L 112, p. 21), id-dispożizzjonijiet tat-trattati oriġinali, b’mod partikolari l-Artikoli 56 u 63 TFUE, jorbtu lir-Repubblika tal-Kroazja mid-data tal-adeżjoni tagħha, u għalhekk huma intiżi sabiex japplikaw għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li tnisslu qabel l-adeżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 50).

43      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-argumenti mressqa mill-Gvern Kroat intiżi sabiex jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tal-ewwel domanda għandhom jiġu miċħuda, sa fejn, minkejja li l-kuntratt inkwistjoni, li wassal għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kien ġie konkluż qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din id-domanda tirrigwarda, f’dan il-każ, kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li r-risposta għaliha tista’ tpoġġi indiskussjoni l-kompatibbiltà ta’ dan tal-aħħar ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata minn dan l-Istat Membru wara dik id-data, li għandha wkoll effetti legali fuq dan il-kuntratt wara din l-adeżjoni.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel sat-tielet domandi

44      Raiffeisenbank kif ukoll il-Gvern Kroat jinvokaw in-natura ipotetika tal-ewwel domanda, billi jsostnu li ma ġiex stabbilit li l-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali hija applikabbli għall-kawża prinċipali.

45      Il-Gvern tal-Kroazja invoka wkoll l-inammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet domanda, peress li qies li d-dispożizzjonijiet tad-dritt li għamlet riferiment għalihom il-qorti tar-rinviju fil-kuntest tad-domandi tagħha, jiġifieri l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, ma setgħux jiġu invokati iktar, ladarba Raiffeisenbank dehret quddiem din il-qorti. F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 25 tal-istess regolament, dan il-Gvern jallega li mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-partijiet ikkonkludew ftehim li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni.

46      F’dak li jirrigwarda l-ewwel kwistjoni, għandu jiġi osservat li għalkemm, f’dan l-istadju tal-proċedura pendenti quddiemha, il-qorti tar-rinviju għadha ma ħaditx deċiżjoni dwar il-kwistjoni, ta’ natura fattwali, tad-determinazzjoni tal-post tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni, li hija kwistjoni essenzjali għall-applikazzjoni tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali, skont l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, dan il-fatt ma jillimitax is-setgħa tagħha li tevalwa f’liema stadju ta’ din il-proċedura huwa neċessarju għaliha, għal dan il-għan, li tirreferi talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 41, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 31), peress li l-għażla tal-iktar mument opportun biex tagħmel dan tinsab fil-kompetenza esklużiva tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Sibilio, C‑157/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:148, punt 31).

47      F’dak li jikkonċerna t-tieni u t-tielet domanda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti tar-rinviju hija possibbli biss jekk jidher manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha kif ukoll biex tifhem ir-raġunijiet għalfejn il-qorti nazzjonali qieset li għandha bżonn risposti għal dawn id-domandi għall-finijiet li tiddeċiedi t-tilwima quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Politanò, C‑225/15, EU:C:2016:645, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kuntrarjament għal dak li jissottometti l-Gvern Kroat, ma jidhirx li l-kwistjoni li jqajmu t-tieni u t-tielet domanda hija ta’ natura ipotetika.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-ewwel sat-tielet domandi huma ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

50      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 56 u 63 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li b’mod partikolari għandha bħala effett li l-kuntratti ta’ kreditu u l-atti legali bbażati fuq tali kuntratti, konklużi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru bejn debituri u kredituri, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li ma jkollhomx awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru, sabiex jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju tiegħu, ikunu nulli u mingħajr effett mill-jum tal-konklużjoni tagħhom, anki jekk dawn ikunu ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni.

 Fuq il-libertà ta’ moviment applikabbli

51      Peress li d-domanda preliminari saret kemm fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 63 TFUE, għandu jiġi ddeterminat, preliminarjament, jekk, u jekk ikun il-każ, sa fejn, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tistax taffettwa l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u/jew il-moviment liberu tal-kapital.

52      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali tikkonċerna servizzi finanzjarji pprovduti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-uffiċċju rreġistrat tagħhom huwa stabbilit barra mit-territorju tal-Kroazja u li ma għandhomx l-awtorizzazzjonijiet u/jew l-approvazzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti Kroati, previsti għal dan il-għan mid-dritt nazzjonali.

53      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali operazzjonijiet ta’ għoti ta’ krediti taħt titolu professjonali huma relatati, bħala prinċipju, kemm mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE et seq. kif ukoll mal-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE et seq. (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank, C‑625/17, EU:C:2018:939, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Meta miżura nazzjonali tirrigwarda kemm il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi eżaminat sa fejn tali miżura jkollha effett fuq l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fundamentali, u jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, waħda minnhom tipprevalixxix fuq l-oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, teżamina l-miżura inkwistjoni fir-rigward ta’ waħda biss miż-żewġ libertajiet jekk jirriżulta li, fil-kawża inkwistjoni, waħda minnhom hija kompletament sekondarja għall-oħra u tista’ tingħaqad magħha (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Sa fejn, fil-kawża prinċipali, il-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali tipprevedi n-nullità ta’ kull kuntratt konkluż fil-Kroazja minn kreditur mhux awtorizzat li għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu barra minn dan l-Istat Membru, tali sistema legali għandha bħala effett li taffettwa l-aċċess għall-provvisti ta’ servizzi finanzjarji fis-suq Kroat tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa minn din il-leġiżlazzjoni u taffettwa b’mod predominanti l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Peress li l-effetti restrittivi tal-leġiżlazzjoni msemmija fuq il-moviment liberu tal-kapital huma biss konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjoni imposta fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C‑452/04, EU:C:2006:631, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tagħha fid-dawl tal-Artikoli 63 TFUE et seq.

56      Konsegwentement, id-domanda magħmula għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE et seq. relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fid-dawl tal-premessa li tgħid li l-kuntratt inkwistjoni ġie konkluż fil-Kroazja, aspett fattwali li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq l-Artikolu 56 TFUE

57      Minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE, teħtieġ it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, kif ukoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta tkun ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi legalment servizzi analogi (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Citroën Belux, C‑265/12, EU:C:2013:498, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tikkonsisti fl-għoti ta’ krediti tikkostitwixxi servizz fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fl-ordinament ġuridiku Kroat, in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’ kreditur mhux awtorizzat hija prevista, kemm mill-Liġi dwar il-kreditu għall-konsum, kif emendata, kif ukoll mill-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ liġijiet ma huwiex identiku, peress li dak ta’ din tal-aħħar huwa usa’ peress li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, hija tapplika għall-kuntratti ta’ kreditu kollha, inklużi dawk konklużi għal skopijiet professjonali. Min-naħa l-oħra, il-Liġi dwar il-kreditu għall-konsum, kif emendata, tikkonċerna biss lil kuntratti konklużi minn konsumaturi.

60      Hekk kif jirriżulta wkoll mit-talba għal deċiżjoni preliminari, għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2013, data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, sat-30 ta’ Settembru 2015, data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-kreditu għall-konsum, kif emendata, in-nullità msemmija topera biss għall-kuntratti ta’ kreditu konklużi mill-kredituri mhux awtorizzati li għandhom is-sede tagħhom barra mill-Kroazja, abbażi tal-applikazzjoni retroattiva tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali.

61      Fil-fatt, mill-interpretazzjoni tal-Liġi dwar il-kreditu għall-konsum, kif emendata, mogħtija mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema), jirriżulta li n-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu fuq il-konsum konklużi ma’ kreditur mhux awtorizzat ma japplikax, fuq il-bażi ta’ din il-liġi, b’mod retroattiv għas-sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri qabel it-30 ta’ Settembru 2015.

62      Konsegwentement, sa fejn il-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali tistabbilixxi sistema ta’ deroga għal ċerti servizzi finanzjarji skont jekk il-fornitur għandux is-sede tiegħu fi Stat Membru differenti minn dak fejn jiġi pprovdut is-servizz, għandu jiġi konkluż li d-dritt Kroat wettaq diskriminazzjoni diretta kontra kredituri stabbiliti barra mir-Repubblika tal-Kroazja sat-30 ta’ Settembru 2015, id-data li fiha n-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’ kreditur mhux awtorizzat ġiet estiża għall-kuntratti ma’ kredituri stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

63      Minn dik id-data, billi s-sistema ta’ nullità kienet tapplika mingħajr distinzjoni għall-kredituri kollha mhux awtorizzati, il-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali tinkludi fiha, għal dan il-perijodu, restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

64      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ restrizzjoni jkopri l-miżuri meħuda minn Stat Membru li, minkejja li applikabbli mingħajr distinzjoni, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-operaturi ekonomiċi ta’ Stati Membri oħra (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, il-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali jissuġġetta l-aċċess għas-suq tas-servizzi finanzjarji Kroat tal-kredituri li għandhom is-sede tagħhom barra mill-Kroazja għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-Bank Ċentrali Kroat u tagħmel inqas attraenti l-aċċess għal dan is-suq, b’tali mod li tippreġudika l-libertà ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE.

65      B’hekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-għanijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ din il-liġi jistgħux jiġġustifikaw deroga abbażi tal-Artikolu 52 TFUE u, fit-tieni lok, jekk il-liġi msemmija tissodisfax raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn, f’dan il-każ, hija xierqa biex tiżgura t-twettiq tal-għanijiet imfittxija u sa fejn din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tilħaq dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Citroën Belux, C‑265/12, EU:C:2013:498, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Qabel kollox, f’dak li jikkonċerna l-perijodu inkluż bejn id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni u t-30 ta’ Settembru 2015, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sa fejn il-leġiżlazzjoni restrittiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija direttament diskriminatorja, din tista’ tiġi ġġustifikata biss minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, previsti fl-Artikolu 52 TFUE li jirreferi għalih l-Artikolu 62 TFUE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2010, Engelmann, C‑64/08, EU:C:2010:506, punt 34; tat-22 ta’ Ottubru 2014, Blanco u Fabretti, C‑344/13 u C‑367/13, EU:C:2014:2311, punt 38, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 26).

67      L-użu ta’ tali ġustifikazzjoni jippreżupponi l-eżistenza ta’ theddida reali u gravi biżżejjed li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑546/07, EU:C:2010:25, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati mill-Gvern Kroat, il-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali ġiet adottata biex tipproteġi għadd kbir ta’ ċittadini Kroati li jkunu kkonkludew kuntratti ta’ kreditu ma’ kredituri li kienu jeżerċitaw l-attività tagħhom mingħajr ma jkunu ġew debitament awtorizzati mill-Bank Ċentrali Kroat. F’dan ir-rigward, il-Gvern Kroat indika li, matul is-snin 2000 sa 2010, madwar 3 000 kuntratti ta’ kreditu ġew konklużi minn kredituri mhux awtorizzati, għal ammont totali ta’ madwar EUR 360 miljun. Din il-leġiżlazzjoni ġiet adottata bħala l-aħħar għażla, wara li diversi atti leġiżlattivi, adottati qabel dan, ipprovaw jindirizzaw mingħajr suċċess il-konsegwenzi ta’ tali kuntratti, liema ħaġa tiġġustifika l-applikazzjoni retroattiva tagħha. B’hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni tfittex li tħares l-ordni pubbliku, ir-reputazzjoni u t-tħaddim tajjeb tas-settur finanzjarju, il-protezzjoni tal-parti kontraenti l-iktar dgħajfa u, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-konsumaturi.

69      Fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-Gvern Kroat jirreferi għall-kunċett tal-ordni pubbliku, dan ma jressaq ebda argument konvinċenti li jista’ jaqa’ taħt dan il-kunċett, li, hekk kif diġà tfakkar fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, jippreżumi l-eżistenza ta’ theddida reali u gravi biżżejjed li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, barra minn hekk għaliex il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika ma jistgħux jiġġustifikaw deroga abbażi tal-Artikolu 52 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑546/07, EU:C:2010:25, punt 51).

70      Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet li toħloq is-sistema ta’ nullità inkwistjoni jistgħux ikunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, għall-perjodu li jibda mit-30 ta’ Settembru 2015.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, invokati mir-Repubblika tal-Kroazja, hemm dawk diġà rrikonoxxuti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri r-regoli professjonali intiżi għall-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizz (sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda, C‑288/89, EU:C:1991:323, punt 14), ir-reputazzjoni tajba tas-settur finanzjarju (sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, C‑384/93, EU:C:1995:126, punt 44), kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Citroën Belux, C‑265/12, EU:C:2013:498, punt 38).

72      Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li r-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom ikunu akkumpanjati minn provi xierqa jew minn evalwazzjoni tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat kif ukoll minn provi preċiżi li jissostanzjaw l-argument tiegħu. Għalhekk, jekk Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jinvoka għan adattat sabiex jilleġittima l-ostakolu għall-provvista libera ta’ servizzi li jirriżulta minn miżura restrittiva nazzjonali, dan għandu jipprovdi lill-qorti adita sabiex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni l-elementi kollha li jistgħu jippermettulha li tiżgura ruħha li l-miżura msemmija tissodisfa b’mod xieraq ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 85).

73      Issa, fin-nuqqas ta’ tali provi, għandu jiġi kkonstatat li l-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali tmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet li tixtieq tilħaq, sa fejn, permezz ta’ regola retroattiva, ġenerali u awtomatika, tipprevedi n-nullità ta’ kull kuntratt ta’ kreditu li għandu aspetti internazzjonali konklużi ma’ kredituri mhux awtorizzati, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li ġew implimentati bis-sħiħ.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, kif tagħmel il-Kummissjoni Ewropea, li miżuri oħrajn, inqas intrużivi għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, setgħu ġew adottati għall-finijiet li jiġi permess kontroll tal-legalità tal-kuntratti ta’ kreditu u l-protezzjoni tal-iktar parti dgħajfa, jiġifieri, b’mod partikolari, leġiżlazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jintervjenu, fuq il-bażi ta’ notifika jew ex officio, f’każijiet ta’ prattiki kummerċjali żleali jew ta’ interferenza fid-drittijiet tal-konsumatur.

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li b’mod partikolari għandha bħala effett li l-kuntratti ta’ kreditu u l-atti legali bbażati fuq tali kuntratti, konklużi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru bejn debituri u kredituri, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li ma jkollhomx awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru, sabiex jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju tiegħu, ikunu nulli u mingħajr effett mill-jum tal-konklużjoni tagħhom, anki jekk dawn ikunu ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

76      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest ta’ kawżi dwar kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tippermetti lid-debituri li jressqu azzjoni kontra dawk l-kredituri mhux awtorizzati, jew quddiem il-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu dawn il-kredituri għandhom is-sede tagħhom, jew fil-qrati tal-post fejn id-debituri jkollhom id-domiċilju jew is-sede tagħhom u tirriżerva l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-azzjoni tal-imsemmija kredituri kontra debitur biss għall-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu dawn id-debituri jkollhom id-domiċilju tagħhom, kemm jekk dawn tal-aħħar ikunu konsumaturi jew negozjanti.

77      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1215/2012 japplika għall-azzjonijiet introdotti mill-10 ta’ Jannar 2015. Peress li l-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tressqet fit-23 ta’ April 2015 u peress li, fid-dawl tar-relazzjoni legali li teżisti bejn il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali, u tal-bażi u l-metodi tal-eżerċizzju tagħha, din tirrigwarda l-qasam ċivili u kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw f’dan il-każ.

78      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 8(1) u (2) tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali jagħti lid-debitur id-dritt li jagħżel bejn il-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu l-kreditur mhux awtorizzat għandu s-sede tiegħu u dawk tad-domiċilju tiegħu, filwaqt li l-kreditur għandu jadixxi lill-qrati tad-domiċilju tad-debitur tiegħu.

79      Skont l-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali, din tapplika għal tali kuntratti konklużi fil-Kroazja bejn debituri u kredituri mhux awtorizzati, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwalità tad-debitur, kemm jekk ikun konsumatur jew negozjant.

80      Sa fejn l-Artikolu 8(1) u (2) tal-liġi msemmija japplika wkoll għat-tilwim bejn negozjanti, għandu jiġi kkonstatat li dan jinjora r-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri dik tad-domiċilju tal-konvenut, peress li dan jestendi għad-debituri kollha l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar protettivi stabbiliti, bħala eċċezzjoni, mill-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament biss favur il-konsumaturi.

81      Issa, għandu jitfakkar li, fis-sistema tar-Regolament Nru 1215/2012, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu, tikkostitwixxi l-prinċipju ġenerali. Huwa biss b’deroga minn dan il-prinċipju li dan ir-regolament jipprevedi każijiet elenkati b’mod limitat fejn il-konvenut jista’ jew għandu jiġi mħarrek quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 27). Għaldaqstant, il-fatt li Stat Membru jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, regoli ta’ ġurisdizzjoni li jidderogaw minn dan il-prinċipju ġenerali, li ma humiex previsti minn dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament, jikser is-sistema stabbilita mill-imsemmi regolament, u b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tiegħu.

82      F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012, dan jirrikonoxxi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-leġittimità ta’ ftehim dwar il-ġurisdizzjoni bejn il-partijiet sabiex tiġi ddeterminata l-qorti kompetenti ta’ Stat Membru biex tieħu konjizzjoni tat-tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu jqumu b’konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li l-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ kawża dwar kuntratt konkluż minn konsumatur hija stabbilita, bħala prinċipju, minn dawn l-istess dispożizzjonijiet, u, skont l-Artikolu 25(4) ta’ dan ir-regolament, klawżola ta’ ġurisdizzjoni tista’ tapplika għal tali kuntratt biss sa fejn hija ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tal-istess Regolament.

83      Issa, jidher li mill-kliem tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali, ħaġa li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jirriżulta li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minnu japplikaw minkejja l-fatt li ftehimiet dwar ġurisdizzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012 kienu volontarji.

84      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest ta’ kawżi dwar kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tippermetti lid-debituri li jressqu azzjoni kontra dawk il-kredituri mhux awtorizzati, jew quddiem il-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu dawn il-kredituri għandhom is-sede tagħhom, jew fil-qrati tal-post fejn id-debituri jkollhom id-domiċilju jew is-sede tagħhom u tirriżerva l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-azzjoni tal-imsemmija kredituri kontra debitur biss għall-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu dawn id-debituri jkollhom id-domiċilju tagħhom, kemm jekk dawn tal-aħħar ikunu konsumaturi jew negozjanti.

 Fuq it-tielet domanda

85      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li debitur li kkonkluda kuntratt ta’ kreditu biex iwettaq xogħlijiet ta’ tiġdid fi proprjetà immobbli li hija d-domiċilju tiegħu sabiex, b’mod partikolari, jipprovdi servizzi ta’ akkomodazzjoni għat-turisti fiha jista’ jiġi kklassifikat bħala “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

86      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċetti użati mir-Regolament Nru 1215/2012, u b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-Artikolu 17(1) tiegħu, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, prinċipalment b’referenza għas-sistema u għall-għanijiet tar-regolament imsemmi, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 28).

87      Il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, b’riferenza għall-pożizzjoni ta’ din il-persuna f’kuntratt determinat, flimkien man-natura u l-għan tiegħu, u mhux għas-sitwazzjoni suġġettiva ta’ din l-istess persuna, persuna waħda li tista’ titqies bħala konsumatur fil-kuntest ta’ ċerti tranżazzjonijiet u bħala negozjant fil-kuntest ta’ operazzjonijiet oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Konsegwentement, huma biss il-kuntratti konklużi barra u indipendentement minn kull attività jew għan ta’ natura professjonali, bl-uniku skop li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet proprji ta’ individwu għal dak li jirrigwarda l-konsum privat, li jaqgħu taħt is-sistema partikolari prevista mill-imsemmi regolament dwar il-protezzjoni tal-konsumatur bħala l-parti meqjusa bħala l-iktar dgħajfa, filwaqt li tali protezzjoni ma hijiex iġġustifikata fil-każ ta’ kuntratt li għandu bħala għan attività professjonali (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Din il-protezzjoni partikolari lanqas ma hija ġġustifikata fil-każ ta’ kuntratt li għandu bħala għan attività professjonali, anki jekk ippjanata għall-futur, peress li n-natura futura ta’ attività ma tneħħi xejn min-natura professjonali tagħha (sentenza tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa, C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 17).

90      Isegwi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċifiċi tal-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 1215/2012, bħala prinċipju, huma applikabbli biss fis-sitwazzjoni fejn l-għan tal-kuntratt konkluż bejn il-partijiet huwa użu li ma huwiex wieħed professjonali tal-oġġett jew tas-servizz ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ persuna li tikkonkludi kuntratt bi skop doppju, għal skopijiet relatati, parzjalment, mal-attività professjonali tagħha u parzjalment ma’ skopijiet privati, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hija tista’ tibbenefika mill-imsemmija dispożizzjonijiet biss fl-ipoteżi fejn ir-rabta tal-imsemmi kuntratt mal-attività professjonali ta’ dik il-persuna tkun tant dgħajfa li tkun marġinali u, għaldaqstant, ikollha biss rwol negliġibbli fil-kuntest tat-tranżazzjoni, ikkunsidrat fit-totalità tagħha, li għaliha jkun ġie konkluż dan il-kuntratt (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk, fil-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha, A. Milivojević tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kontenut, in-natura u l-għan tal-kuntratt, iżda wkoll iċ-ċirkustanzi oġġettivi li akkumpanjaw lill-konklużjoni tagħha (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 47).

93      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li A. Milivojević issostni li kkonkludiet il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni bil-għan li twettaq xogħlijiet ta’ tiġdid fid-dar tagħha, b’mod partikolari, sabiex fiha toħloq appartamenti intiżi għall-kiri, mingħajr madankollu ma teskludi li s-somma mislufa kienet użata għal skopijiet privati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 91 ta’ din is-sentenza jirriżulta li A. Milivojević tista’ biss titqies li kkonkludiet il-kuntratt inkwistjoni bħala konsumatur jekk ir-rabta bejn dan il-kuntratt u l-attività professjonali li tikkostitwixxi l-provvista ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni turistika tkun tant marġinali u negliġibbli li jkun jidher b’mod ċar li dak il-kuntratt ikun ġie konkluż essenzjalment għal skopijiet privati.

94      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li debitur li kkonkluda kuntratt ta’ kreditu biex iwettaq xogħlijiet ta’ tiġdid fi proprjetà immobbli li hija d-domiċilju tiegħu, b’mod partikolari bil-għan li jipprovdi servizzi ta’ akkomodazzjoni turistika, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm, fid-dawl tal-kuntest tat-tranżazzjoni, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, li għalih ikun ġie konkluż dan il-kuntratt, dan tal-aħħar ma jkollux rabta tant dgħajfa ma’ din l-attività professjonali li jkun jidher b’mod ċar li l-imsemmi kuntratt essenzjalment isegwi għanijiet privati, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq ir-raba’ domanda

95      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi azzjonijiet “li għandhom x’jaqsmu ma’ drittijiet in rem fuq propjetà immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, azzjonijiet għal dikjarazzjoni tan-nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu u ta’ att notarili dwar il-ħolqien ta’ ipoteka miżmuma bħala garanzija tad-dejn li nħoloq minn dan il-kuntratt kif ukoll għat-tħassir mir-reġistru tal-artijiet tal-ipoteka fuq il-proprjetà immobbli.

96      Mill-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li l-qrati tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli għandhom ġurisdizzjoni esklużiva fir-rigward tal-azzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, irrispettivament mid-domiċilju tal-partijiet.

97      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tifsira tal-espressjoni “li għandhom x’jaqsmu ma’ drittijiet in rem fuq propjetà immobbli” għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ April 2014, Weber, C‑438/12, EU:C:2014:212, punt 40, kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2015, Komu et, C‑605/14, EU:C:2015:833, punt 23).

98      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma għandhomx jiġu interpretati f’sens iktar wiesa’ milli jitlob l-għan tagħhom. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-effett li jċaħħdu lill-partijiet mill-għażla tal-qorti li kienet tkun f’idejhom u, f’ċerti każijiet, li jressquhom quddiem qorti li ma tkun il-qorti tad-domiċilju ta’ ebda waħda minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 28).

99      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat kontraenti fejn tinsab il-proprjetà immobbli ma tkoprix l-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, iżda tkopri biss lil dawk fosthom li, fl-istess ħin, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament u jkunu fost l-azzjonijiet intiżi, minn naħa, biex jiġu ddeterminati l-portata, il-kontenut, it-titolu, il-pussess ta’ proprjetà immobbli jew l-eżistenza ta’ drittijiet in rem oħra fuq din il-proprjetà u, min-naħa l-oħra, li jiżguraw lid-detenturi ta’ dawn id-drittijiet il-protezzjoni tal-prerogattivi marbuta mat-titolu tagħhom (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Għandu jitfakkar ukoll li, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-differenza bejn dritt in rem u dritt personali tinsab fil-fatt li l-ewwel wieħed, li jikkonċerna beni materjali, jipproduċi l-effett tiegħu fir-rigward ta’ kulħadd, filwaqt li t-tieni jista’ jiġi invokat biss kontra d-debitur (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    F’dan il-każ, fir-rigward tat-talbiet intiżi għad-dikjarazzjoni tan-nullità tal-kuntratt inkwistjoni u tal-att notarili dwar il-kostituzzjoni ta’ ipoteka, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma bbażati fuq dritt personali li jista’ jiġi invokat biss kontra l-konvenut. Għalhekk, dawn it-talbiet jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ kompetenza esklussiva li tinsab fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

102    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talba intiża għat-tħassir mir-reġistru tal-artijiet tar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka, għandu jiġi osservat li l-ipoteka, ladarba debitament ikkostitwita skont ir-regoli proċedurali u sostantivi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam, hija dritt in rem b’effett erga omnes.

103    Tali talba, intiża biex tipproteġi l-prerogattivi li jirriżultaw minn dritt in rem, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tal-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 41).

104    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, fid-dawl ta’ din il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli fir-rigward tat-talba għat-tħassir mir-reġistru tal-artijiet tar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka, dik il-qorti għandha wkoll ġurisdizzjoni mhux esklużiva bbażata fuq il-konnessjoni, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 1215/2012, sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet intiżi għall-konstatazzjoni tan-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu u tal-att notarili dwar il-kostituzzjoni ta’ din l-ipoteka, sa fejn dawn it-talbiet huma indirizzati kontra l-istess konvenut u jistgħu, hekk kif jirriżulta mill-elementi fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, jingħaqdu.

105    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu azzjonijiet “li għandhom x’jaqsmu ma’ drittijiet in rem fuq propjetà immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, azzjonijiet intiżi għat-tħassir mir-reġistru tal-artijiet tal-ipoteka fuq proprjetà immobbli, iżda li ma taqax taħt dan il-kunċett azzjoni għal dikjarazzjoni tan-nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu u ta’ att notarili dwar il-ħolqien ta’ ipoteka rreġistrata bħala garanzija tad-dejn li nħoloq minn dan il-kuntratt.

 Fuq l-ispejjeż

106    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li b’mod partikolari għandha bħala effett li l-kuntratti ta’ kreditu u l-atti legali bbażati fuq tali kuntratti, konklużi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru bejn debituri u kredituri, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li ma jkollhomx awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru, sabiex jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju tiegħu, ikunu nulli u mingħajr effett mill-jum tal-konklużjoni tagħhom, anki jekk dawn ikunu ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni.

2)      L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest ta’ kawżi dwar kuntratti ta’ kreditu li għandhom aspetti internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tippermetti lid-debituri li jressqu azzjoni kontra dawk il-kredituri li ma għandhomx awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru biex jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq it-territorju tiegħu, jew quddiem il-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu dawn il-kredituri għandhom is-sede tagħhom, jew fil-qrati tal-post fejn id-debituri jkollhom id-domiċilju jew is-sede tagħhom u tirriżerva l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-azzjoni tal-imsemmija kredituri kontra debitur biss għall-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu dawn id-debituri jkollhom id-domiċilju tagħhom, kemm jekk dawn tal-aħħar ikunu konsumaturi jew negozjanti.

3)      L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li debitur li kkonkluda kuntratt ta’ kreditu biex iwettaq xogħlijiet ta’ tiġdid fi proprjetà immobbli li hija d-domiċilju tiegħu, b’mod partikolari bil-għan li jipprovdi servizzi ta’ akkomodazzjoni turistika fiha, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm, fid-dawl tal-kuntest tat-tranżazzjoni, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, li għalih ikun ġie konkluż dan il-kuntratt, dan tal-aħħar ma jkollux rabta tant dgħajfa ma’ din l-attività professjonali li jkun jidher b’mod ċar li l-imsemmi kuntratt essenzjalment isegwi għanijiet privati, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

4)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu azzjonijiet “li għandhom x’jaqsmu ma’ drittijiet in rem fuq propjetà immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, azzjonijiet intiżi għat-tħassir mir-reġistru tal-artijiet tal-ipoteka fuq proprjetà immobbli, iżda li ma taqax taħt dan il-kunċett azzjoni għal dikjarazzjoni tan-nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu u ta’ att notarili dwar il-ħolqien ta’ ipoteka rreġistrata bħala garanzija tad-dejn li nħoloq minn dan il-kuntratt.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Kroat.