Appell ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2018 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (is-Seba’ Awla Estiża) fl-24 ta’ Ottubru 2018 fil-Kawża T-29/17, RQ vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-831/18 P)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-P. Keppenne, J. Baquero Cruz, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: RQ
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (is-Seba’ Awla Estiża) tal-24 ta’ Ottubru 2018 fil-Kawża T-29/17, sa fejn din tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 1449 final tat-2 ta’ Marzu 2016 dwar talba għal tneħħija tal-immunità ġudizzjarja ta’ RQ;
tiċħad ir-rikors għal annullament tal-appellat f’dan l-appell ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, u tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell, jew, jekk it-tilwima ma hijiex fi stadju li tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni;
tikkundanna lir-rikorrent fl-ewwel istanza għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’dan l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji ta’ dritt:
L-ewwel nett, kuntrarjament għall-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju lill-appellat u għaldaqstant ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Is-sentenza taħt appell hija għaldaqstant ivvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn din tqis ir-rikors ammissibbli.
It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li s-sentenza taħt appell tagħmel interpretazzjoni inkorretta tad-dritt għal smigħ, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn din hija bbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 4(3) TUE (prinċipju ta’ kooperazzjoni leali) u tal-prinċipju ġenerali ta’ fiduċja reċiproka bejn il-korpi tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri.
It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tal-aġir tal-Kummissjoni f’dan il-każ, meta qieset li dan ma kienx biżżejjed sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal smigħ tar-rikorrent f’dik il-kawża.
____________