Language of document : ECLI:EU:C:2019:140

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fis‑26 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C129/18

SM

vs

Entry Clearance Officer, UK Visa Section

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema, ir-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom biex jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38/KE — Kunċett ta’ dixxendent dirett ta’ ċittadin tal-Unjoni — Riunifikazzjoni tal-familja — Minuri taħt tutela skont is-sistema tal-kafala Alġerina — Dritt għall-ħajja tal-familja — Protezzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri”






1.        Żewġ konjuġi ta’ nazzjonalità Franċiża, residenti fir-Renju Unit, talbu permess ta’ dħul, lill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż, ta’ minuri Alġerina bħala tifla adottata, li l-kustodja tagħha (għoti ta’ kura) kienet ġiet fdata lilhom fl-Alġerija skont is-sistema tal-kafala (2).

2.        Wara r-rifjut mill-awtoritajiet Brittaniċi li joħorġu l-permess, li kontrih il-minuri ppreżentat ir-rikorsi korrispondenti, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema, ir-Renju Unit) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qosor, jekk id-Direttiva 2004/38/KE (3) tikklassifikax lil dawk li tqiegħdu taħt kustodja skont il-kafala, bħala “dixxendent dirett”. Jekk dan ikun il-każ, tiġi ffaċilitata r-riunifikazzjoni tal-familja tagħhom fl-Istat Membru fejn jgħixu dawn tal-aħħar.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

1.      Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (4)

3.        L-Artikolu 20 jipprovdi li:

“1.      Tfal li huma mċaħħda mill-ambjent tal-familja tagħhom b’mod temporanju jew definittivament, jew li fl-aħjar interessi tagħhom ma għandhomx jitħallew f’dan l-ambjent, ikollhom id-dritt għal protezzjoni u għal għajnuna speċjali tal-Istat.

2.      L-Istati Parti għandhom jiggarantixxu, konformement mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, tipi oħrajn ta’ protezzjoni għal dawn it-tfal.

3.      Din il-protezzjoni tista’ tinkludi, inter alia, it-tqegħid f’familja, il-kafala tad-dritt Iżlamiku, l-adozzjoni jew, jekk ikun meħtieġ, it-tqegħid f’istituzzjonijiet adegwati għall-protezzjoni ta’ minuri [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2.      Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tad29 ta’ Marzu 1993 (5)

4.        Fit-test tagħha ma jsirx riferiment għall-kafala.

3.      Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tad19 ta’ Ottubru 1996 (6)

5.        L-Artikolu 3 jipprovdi li:

“Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jkollhom x’jaqsmu partikolarment ma’:

[...]

e)      it-tqegħid tat-tifel ġo familja foster jew f’kura istituzzjonali, jew l-proviżjoni ta’ kura [għoti ta’ kura] minn “kafala” jew istituzzjoni simili;

[...]”

6.        L-Artikolu 33 jipprovdi li:

“1.      Jekk awtorità li għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 tikkontempla t-tqegħid tat-tifel ġo familja foster jew kura istituzzjonjonali, jew l-proviżjoni ta’ kura [għoti ta’ kura] minn ‘kafala’ jew istituzzjoni analoga, u jekk dan it-tqegħid jew din il-proviżjoni ta’ kura għandha sseħħ fi Stat Kontraenti ieħor, għandha l-ewwel tikkonsulta ma’ l-Awtorità Ċentrali jew awtorità kompetenti oħra ta’ l-Istat Kontraenti ta’ l-aħħar. Għal dak il-għan tittrażmetti rapport fuq it-tifel flimkien mar-raġunijiet għat-tqegħid propost jew proviżjoni ta’ kura.

2.      Id-deċiżjoni fuq it-tqegħid jew proviżjoni ta’ kura tista’ tiġi magħmula fl-Istat rikjest biss jekk l-Awtorità Ċentrali jew awtorità kompetenti oħra ta’ l-Istat rikjest ikkonsentit għat-tqegħid jew provizjoni ta’ kura, b’kont meħud ta’ l-aħjar interessi tat-tifel”.

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (7)

7.        Skont l-Artikolu 7:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja [...] tal-familja tagħha [...]”.

8.        L-Artikolu 24(2) jindika li:

“Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.”

2.      Id-Direttiva 2004/38

9.        Skont l-Artikolu 2(2)(ċ):

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

2.      ‘membru tal-familja’ tfisser:

[...]

(ċ)      id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b)”.

10.      L-Artikolu 3 jitlob li:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2.      Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

(a)      kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza [...]

[...]

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies.”

11.      L-Artikolu 7(2) jindika li:

“Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).”

12.      L-Artikolu 27 jipprovdi li:

“1.      Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

[...]”

13.      L-Artikolu 35 jipprevedi li:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-Direttiva f’każ ta’ abbuż jew frodi, bħal żwiġijiet ta’ konvenjenza. [...]”

C.      Id-dritt tar-Renju Unit

1.      The Immigration Regulations 2006 (ir-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal2006) (8)

14.      Skont l-Artikolu 7:

“(1)      Bla ħsara għall-paragrafu (2), għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, il-persuni segwenti għandhom jitqiesu bħala membri tal-familja ta’ persuna oħra:

[...]

(b)      id-dixxendenti diretti tagħha u dawk tal-konjuġi tagħha jew tas-sieħeb ċivili tagħha li:

(i)      ikollhom inqas minn wieħed u għoxrin; jew

(ii)      ikunu dipendenti fuqha jew dipendenti fuq il-konjuġi tagħha, jew fuq is-sieħeb ċivili tagħha [...];

[...]”

15.      L‑Artikolu 8 jistipula li:

“(1)      Għall-finijiet tar-regolament preżenti, ‘membru tal-familja estiża’ jfisser kull persuna li ma tkunx membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE skont l-Artikolu 7(1) (a), (b), jew (c) u li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fis-paragrafi (2), (3), (4) jew (5).

[...]”

2.      Adoption and Children Act 2002 (il-Liġi dwar l-Adozzjoni u t-Tfal tal2002) (9)

16.      Skont l-Artikolu 83, l-att li wieħed idaħħal minuri fir-Renju Unit jikkostitwixxi reat, kemm jekk jitwettaq bil-għan li l-adozzjoni ssir ladarba jkunu f’dan il-pajjiż, u anki jekk ikun adottat f’pajjiż ieħor, ħlief meta tkun saret evalwazzjoni minn aġenzija tal-adozzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-adegwatezza tal-kandidati sabiex jadottaw.

17.      L-Artikolu 66(1) jelenka l-adozzjonijiet li huma rrikonoxxuti bħala tali, konformement mad-dritt tal-Ingilterra u Wales. Il-kafala ma tidhirx f’din il-lista.

D.      Id-dritt Alġerin

18.      Il-Kodiċi tal-Familja tal-Alġerija (iktar ’il quddiem il-“KFA”) jinkludi r-regoli li ġejjin fil-Kapitolu V tal-Ktieb I, intitolat “Dwar il-filjazzjoni” u fil-Kapitolu VII tal-Ktieb II, bl-isem “Dwar l-għoti ta’ kura (kafala)”:

Artikolu 46: “L-adozzjoni (tabanni) hija pprojbita mix-xarija u mil-liġi”.

Artikolu 116: “L-għoti ta’ kura huwa l-impenn mingħajr ħlas li tittieħed responsabbiltà mill-manteniment, mill-edukazzjoni u mill-protezzjoni ta’ minuri, bl-istess mod kif ġenitur kieku jagħmel dan ma’ ibnu. Dan huwa stabbilit permezz ta’ att legali”.

Artikolu 117: “L-għoti ta’ kura jingħata quddiem imħallef jew nutar bil-kunsens tal-minuri meta dan ikollu missier u omm”.

Artikolu 118: “Id-detentur tad-dritt ta’ għoti ta’ kura (kafil) jeħtieġ li jkun Musulman, sensibbli, onest, filwaqt li jipprovdi l-manteniment lit-tifel adottat (makful) u jkun kapaċi jipproteġih”.

Artikolu 119: “It-tifel imqiegħed taħt kustodja jista’ jkollu filjazzjoni magħrufa jew mhux magħrufa”.

Artikolu 120: “It-tifel imqiegħed taħt kustodja għandu jżomm il-filjazzjoni oriġinali tiegħu, jekk il-ġenituri jkunu magħrufa. Fil-każ kuntrarju, għandu japplika l-Artikolu 64 tal-Kodiċi tal-Istat Ċivili”.

Artikolu 121: “L-għoti ta’ kura jikkonferixxi lill-benefiċjarju tagħha t-tutela legali u jiftaħlu d-dritt għall-istess benefiċċji tal-familja u tal-edukazzjoni daqs tifel leġittimu”.

Artikolu 122: “L-attribuzzjoni tad-dritt għal għoti ta’ kura tiżgura l-amministrazzjoni tal-beni tal-minuri taħt kustodja li jirriżultaw minn suċċessjoni, legat jew donazzjoni, fl-aħjar interessi ta’ dan”.

L-Artikolu 123: “Id-detentur tad-dritt għal għoti ta’ kura jista’ jħalli b’legat jew jagħti donazzjoni fil-limitu ta’ terz tal-beni tiegħu, favur il-minuri taħt kustodja. Lil hinn minn dan it-terz, id-dispożizzjoni testamentarja hija nulla u mingħajr l-ebda effett, ħlief bil-kunsens tal-werrieta”.

Artikolu 124: “Jekk il-missier u l-omm jew xi ħadd minnhom jitlob ir-riunifikazzjoni taħt it-tutela tagħhom tat-tifel taħt kustodja, dan tal-aħħar għandu, jekk ikun f’età ta’ dixxerniment, jagħżel imurx lura jew le għand il-ġenituri tiegħu. Jekk dan ikun għadu ma laħaqx l-età ta’ dixxerniment, ma jistax jintbagħat lura ħlief bl-awtorizzazzjoni tal-imħallef, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tat-tifel imqiegħed taħt kustodja”.

Artikolu 125: “It-talba għall-abbandun tal-għoti ta’ kura għandha titressaq quddiem il-qorti fejn ġiet mogħtija, wara li tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju tal-Prosekutur [...]”.

II.    Il-fatti tal-kawża

19.      Id-deċiżjoni tar-rinviju (10) tipprovdi l-fatti li ġejjin:

“–      Ir-rikorrenti, SM, twieldet fl-Alġerija fis‑27 ta’ Ġunju 2010 [...] Hija ta’ nazzjonalità Alġerina. It-tutur tagħha, is-Sur M, huwa ċittadin Franċiż ta’ oriġini Alġerina, bi dritt għal residenza permanenti fir-Renju Unit. It-tutriċi tagħha, is-Sinjura M, hija ta’ nazzjonalità Franċiża mit-twelid. Dawn iżżewġu fl‑2001 fir-Renju Unit. Minħabba li ma setgħux jikkonċepixxu b’mod naturali, fl‑2009 vvjaġġaw lejn l-Alġerija sabiex jiġu suġġetti għal evalwazzjoni dwar l-adegwatezza tagħhom sabiex jiksbu tutela skont is-sistema tal-kafala. L-imħallef tal-First Tier Tribunal (il-Qorti Amministrattiva, ir-Renju Unit) iddikjara (f’sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2013) li dan il-pass kien jikkorrispndi ma’ ‘għażla tagħhom wara li saru jafu li kien iktar faċli li jiksbu l-kustodja ta’ tifel fl-Alġerija milli fir-Renju Unit’.

–      Wara li ġew ikkunsidrati bħala adegwati fi proċedura li l-imħallef tal-First Tier Tribunal (il-Qorti Amministrattiva) ikklassifika bħala ‘limitata’, huma ġew informati, f’Ġunju tas-sena 2010, li [SM] kienet ġiet abbandunata wara t-twelid tagħha, u huma talbu li tingħatalhom it-tutela tat-tifla. Sussegwentement, kien hemm perijodu ta’ stennija ta’ tliet xhur li matulhom, skont il-leġiżlazzjoni Alġerina, il-ġenituri bijoloġiċi kellhom l-għażla li jieħdu lura lil binthom.

–      Fit‑28 ta’ Settembru 2010, il-Ministeru Alġerin għas-Solidarjetà Nazzjonali u għall-Familja tal-provinċja ta’ Tizi Ouzou ddeċieda li jagħtihom it-tutela ta’ [SM], li għalhekk, kellha tliet xhur.

–      Fit‑22 ta’ Marzu 2011, inħareġ dokument dwar il-kustodja legali, wara opinjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, fejn ġew mogħtija l-kustodja ta’ [SM] u s-setgħa tal-ġenituri ġiet ittrasferita lilhom skont il-leġiżlazzjoni Alġerina. Id-dokument stabbilixxa dawn ir-rekwiżiti: ‘għandhom jipprovdu edukazzjoni Iżlamika lit-tifla taħt il-kustodja tagħhom, jiżguraw il-benesseri fiżiku u morali tagħha, jipprovdu l-ħtiġijiet tagħha, jieħdu ħsieb l-edukazzjoni tagħha, jittrattawha daqslikieku huma kienu l-ġenituri bijoloġiċi tagħha, jipproteġuha, jiddefenduha quddiem il-ġustizzja u jassumu r-responsabbiltà ċivili għal atti li jikkawżaw preġudizzju’.

–      Barra minn hekk, id-dokument kien jawtorizzahom sabiex jiksbu l-benefiċċji tal-familja, sussidji u allowances, jiffirmaw id-dokumenti kollha amministrattivi, tal-ivvjaġġar u għall-ivvjaġġar ma’ [SM] barra mill-Alġerija.

–      Fit‑3 ta’ Mejju 2011, il-qorti ta’ Tizi Ouzou ddeċidiet li tordna l-emenda tal-kunjom ta’ [SM] li kien jidher fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tagħha, sabiex tieħu dak tas-Sur u s-Sinjura M.

–      F’Ottubru tal‑2011, is-Sur M telaq mill-Alġerija u mar lura r-Renju Unit sabiex jerġa’ lura għax-xogħol tiegħu bħala kok. Is-Sinjura M baqgħet l-Alġerija ma’ [SM].

–      F’Jannar tal‑2012, [SM] applikat għal viża ta’ żjara lejn ir-Renju Unit, liema applikazzjoni ġiet miċħuda. F’Mejju tal‑2012, talbet li jingħatalha permess ta’ dħul, bħala minuri adottata minn ċittadin taż-ŻEE, skont l-Artikolu 12(1) jew, sussidjarjament, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal‑2006.

–      L-Entry Clearance Officer (ECO) ċaħad it-talba, bl-argument li: i) minħabba li l-Alġerija ma hijiex parti mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1993 u ma tidhirx fl-Adoption (Designation of Overseas Adoptions) Order 1973 (id-Digriet ta’ Adozzjoni (Deżinjazzjoni ta’ Adozzjonijiet Barranin) tal‑1973), fis-seħħ dak iż-żmien, it-tutela mogħtija fl-Alġerija ma hijiex irrikonoxxuta bħala adozzjoni fid-dritt tar-Renju Unit u ii) ma tressqet l-ebda talba ta’ adozzjoni internazzjonali konformement mal-Artikolu 83 tal-Liġi dwar l-Adozzjoni u t-Tfal tal‑2002”.

III. Il-proċeduri fir-Renju Unit (11)

20.      Il-First Tier Tribunal (il-Qorti Amministrattiva) ċaħdet ir-rikors ta’ SM kontra d-deċiżjoni tal-ECO. Fl-opinjoni tagħha, SM ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala tifla adottata, la legalment u lanqas de facto. Lanqas ma kienet taqa’ taħt il-kunċetti ta’ “membru tal-familja”, “membru tal-familja estiża” jew “tifel adottat minn ċittadin taż-ŻEE”, skont ir-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal‑2006.

21.      Fid-deċiżjoni dwar ir-rikors ta’ SM, l-Upper Tribunal (il-Qorti Amministrattiva, ir-Renju Unit) ikkonfermat li l-minuri ma kinitx “membru tal-familja” skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal‑2006. Madankollu, din laqgħet ir-rikors ta’ SM billi qieset li din taqa’ taħt il-kunċett ta’ “membru tal-familja estiża” tal-Artikolu 8. Għaldaqstant, irrinvijat il-kawża quddiem is-Secretary of State (is-Segretarju tal-Istat, ir-Renju Unit) biex dan jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni li jagħtih l-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament.

22.      Il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, ir-Renju Unit) laqgħet ir-rikors ippreżentat mill-ECO kontra d-deċiżjoni tal-Upper Tribunal (il-Qorti Superjuri). Fl-opinjoni tagħha, il-kwistjoni reali ma kinitx tikkonsisti li jiġi ddeterminat jekk SM kinitx “membru tal-familja” skont l-Artikolu 7 jew “membru tal-familja estiża” skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal‑2006, iżda jekk din setgħetx tiġi kklassifikata bħala “dixxendent dirett” fi ħdan il-kunċett ta’ “membru tal-familja” tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 jew, fin-nuqqas ta’ dan, jekk kinitx taqa’ taħt il-kategorija ta’ “kwalunkwe membri oħrajn tal-familja [...] li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza [...]” tal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva.

23.      Skont il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell), id-Direttiva 2004/38 tippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-metodi ta’ adozzjoni rrikonoxxuti għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(ċ). Minħabba li SM ma kinitx ġiet adottata b’mod irrikonoxxut mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, din ma setgħetx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, għalkemm setgħet tiġi koperta mill-Artikolu 3(2)(a).

24.      Id-deċiżjoni tal-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) ġiet ikkontestata quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) li tagħmel id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Id-domanda preliminari

25.      Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) “għandha ftit dubji” dwar jekk SM tistax tiġi inkluża fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, li dwar l-applikazzjoni tiegħu f’din it-tilwima tagħmel numru ta’ kunsiderazzjonijiet, li iktar ’il quddiem ser nagħmel riferiment għalihom.

26.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tgħid li “ma tistax sempliċement tilqa’ l-appell u tistabbilixxi mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Upper Tribunal [il-Qorti Superjuri], fuq il-bażi li l-każ ta’ SM għandu jiġi evalwat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, jekk, fil-verità, din taqa’ taħt il-kunċett ta’ “membru tal-familja” tal-Artikolu 2(2)(ċ) tagħha, li jimplika li SM awtomatikament tgawdi d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza li tagħtiha d-Direttiva 2004/38. Għalhekk, x’inhuwa s-sens tal-espressjoni “dixxendent dirett”? (12)

27.      Wara li affermat li din l-espressjoni tinkludi l-ulied u n-neputijiet marbuta b’konsangwinità u d-dixxendenti diretti b’konsangwinità fil-linja diretta l-oħrajn, ma hijiex żgura li dan jgħodd ukoll għal dawk li ma għandhomx relazzjoni b’konsangwinità. Fi kwalunkwe każ, din taħseb li fi ħdan dan il-kunċett għandhom jiġu inklużi wkoll “id-dixxendenti li ġew adottati b’mod validu, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-pajjiż ospitanti”.

28.      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, “hemm motivi sabiex wieħed jaħseb li din il-kwistjoni tmur iktar lil hinn”, liema dikjarazzjoni hija bbażata fuq dawn l-argumenti:

–      Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE (13), tindika fil-punt 2.1.2 tagħha li “[l-]kunċett ta’ qraba diretti f’linji dixxendenti u axxendenti jestendi għal relazzjonijiet adottivi jew minuri li jkunu fil-kustodja ta’ gwardjan legali permanenti”. Minħabba li SM tinsab taħt it-tutela legali permanenti tas-Sur u tas-Sinjura M, din taqa’ taħt l-imsemmija komunikazzjoni.

–      Il-kunċett ta’ “dixxendent dirett” ma jistax jiġi interpretat skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, iżda huwa terminu awtonomu li jitlob interpretazzjoni uniformi fl-Unjoni kollha (14).

–      “Jekk xi Stati Membri jirrikonoxxu bħala dixxendenti diretti lill-minuri adottati konformement mal-istituzzjoni tal-kafala, filwaqt li xi oħrajn ma jagħmlux dan, ma hemm l-ebda dubju li jkunu qegħdin jinħolqu ostakoli għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni li jinsabu f’din iċ-ċirkustanza. Barra minn hekk, ikunu qegħdin jiġu ddiskriminati wkoll dawk li, għal raġunijiet kulturali jew reliġjużi, ma jistgħux jaċċettaw il-kunċett ta’ adozzjoni bħalma jinftiehem fir-Renju Unit u f’xi pajjiżi Ewropej oħrajn, jiġifieri, il-bidla totali tal-familja u n-nisel ta’ minuri” (15).

–      “Li t-terminu ‘dixxendent dirett’ jista’ jkollu sinjifikat awtonomu ma jimplikax neċessarjament li għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’”. Għalhekk, l-inklużjoni ta’ SM ma tistax tiġi kklassifikata acte clair f’din il-kategorija (16).

29.      F’din iċ-ċirkustanza, u wara li esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-possibbiltà li d-diverġenzi interpretattivi jippromwovu l-isfruttament, l-abbuż u t-traffikar ta’ minuri, jew it-tqegħid tagħhom f’familji li ma jkunux adegwati, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Tifel jew tifla li tinsab taħt tutela legali permanenti ta’ ċittadin jew ċittadini tal-Unjoni, taħt ‘kefalah’ [kafala] jew xi tip ta’ arranġament ekwivalwnti previst mil-liġi tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, hija ‘dixxendent dirett’ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(c) tad-Direttiva 2004/38?

2)      Dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva, b’mod partikolari l-Artikoli 27 u 35, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jiġi miċħud id-dħul [fit-territorju] lil tali tfal jekk ikunu vittmi ta’ sfruttament, abbuż jew traffikar jew jekk ikun hemm ir-riskju li jiġrilhom hekk?

3)      Stat Membru għandu dritt jinvestiga, qabel ma jirrikonoxxi lil tifel jew tifla li ma hijiex dixxendent b’konsangwinità taċ-ċittadin taż-ŻEE bħala dixxendent dirett taħt l-Artikolu 2(2)(c) [tad-Direttiva 2004/38], jekk il-proċeduri għat-tqegħid tat-tifel jew tat-tifla fit-tutela jew fil-kustodja ta’ dan iċ-ċittadin taż-ŻEE kinux tali li jieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi ta’ dak it-tifel jew tifla?”

V.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Id-deċiżjoni tar-rinviju ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Frar 2018.

31.      SM, Choram Children Legal Centre, Aire Centre u l-Gvern Ċek, Ġermaniż, Belġjan, Olandiż, Pollakk u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha kienu preżenti fis-seduta li saret fl‑4 ta’ Diċembru 2018, ħlief il-Gvern tal-Polonja u dak tar-Repubblika Ċeka.

VI.    Evalwazzjoni

A.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

32.      Il-punt fokali tad-dibattitu huwa jekk il-kunċett ta’ “dixxendent dirett” (integrat f’dak iktar wiesa’ ta’ “membri tal-familja”) tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, jinkludix minuri li jinsab taħt it-tutela permanenti ta’ ċittadin tal-Unjoni li ħadu taħt il-kustodja tiegħu skont is-sistema ta’ kafala (17).

33.      Għalhekk, id-dubju espost ma jaċċettax tweġiba ġenerali, fl-astratt. Il-kafala hija istituzzjoni tad-dritt tal-familja ta’ ċerti pajjiżi bi tradizzjoni tal-Koran, li ma għandhiex trattament uniformi fil-pajjiżi kollha. Sabiex jiġi stabbilit jekk makful (il-minuri) jistax jiġi meqjus bħala “dixxendent dirett” tal-kafil jew tal-kafila (l-adulti li jeħduh taħt il-kustodja tagħhom), jeħtieġ li:

–      l-ewwel nett, tingħata attenzjoni lil-leġiżlazzjoni ċivili tal-pajjiż ta’ oriġini tal-minuri (jiġifieri, il-pajjiż li awtorizza t-tqegħid taħt kustodja tiegħu);

–      jiġi spjegat jekk, fil-kuntest ta’ din il-leġiżlazzjoni, il-kafala tistax tieħu forom ġuridiċi differenti u jiġi analizzat, jekk dan ikun il-każ, liema effetti ġuridiċi jiġu trażmessi mill-forma magħżula mill-kafil jew mill-kafila sabiex jieħdu kustodja tal-minuri; u

–      jiġi vverifikat li fost dawk l-effetti ġuridiċi jinsab l-istabbiliment ta’ relazzjoni parentali ġenwina (ġenitur-wild) bejn il-kafil u l-kafila u l-makful, lil hinn mir-rabta proprja tar-relazzjonijiet ta’ tutela. Jekk dan ma jkunx il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk ir-relazzjoni bejn il-kafil jew il-kafila u l-makful tistax tiġi assimilata, funzjonalment, ma’ dik ta’ adozzjoni.

34.      Fid-dawl ta’ dan is-sommarju, ser nibda billi neżamina l-kafala kif tinsab fid-dritt Alġerin u fit-testi internazzjonali u kif ġiet ittrattata fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), b’mod speċjali fir-rigward tar-relazzjoni tagħha mal-adozzjoni. Sussegwentement, ser niddetermina jekk il-minuri mqiegħed taħt kustodja skont il-kafala jistax, fid-dawl tar-regoli li jirregolaw l-istatus legali tiegħu, jiġi kklassifikat bħala dixxendent dirett ta’ dawk li ħaduh taħt il-kustodja tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar regola.

B.      Is-sistema legali tal-kafala

1.      Il-kafala fid-dritt Alġerin

35.      Kif diġà enfasizzajt, il-kafala toffri alternattivi skont l-ordinament ġuridiku kkunsidrat bħala riferiment. Madankollu, jidher li hemm qbil ġenerali fir-rigward li, bħala element ċentrali komuni, din għandha l-għeruq tagħha fil-Koran, li skontu l-kafili jistgħu jkunu biss Musulmani (18) li huma lesti li jipprovdu edukazzjoni Iżlamika lill-makful (19).

36.      Fl-Alġerija, permezz ta’ din is-sistema ta’ tqegħid f’kustodja, il-kafil jew il-kafila jkunu responsabbli mill-manteniment, mill-edukazzjoni u mill-protezzjoni tal-makful, bl-istess mod kif ġenitur kieku jagħmel ma’ wliedu (20). Il-kafil jew il-kafila jieħdu t-tutela legali ta’ dan il-minuri, mingħajr ma’ din is-sistema ta’ tqegħid f’kustodja toħloq relazzjonijiet ta’ filjazzjoni u lanqas ma tkun ugwali għall-adozzjoni (21), espliċitament ipprojbita f’dan il-pajjiż (22).

37.      Fl-Alġerija, il-makful ma jiksibx l-istatus ta’ werriet ta’ dawk li ħaduh taħt il-kustodja tagħhom, għalkemm dawn jistgħu, permezz ta’ donazzjoni jew ta’ legat, jagħtuh il-beni mingħajr ma jaqbżu terz tal-patrimonju tagħhom (23).

38.      Barra minn hekk, il-kafala hija temporanja (makful jista’ jkun biss minuri) u revokabbli, kemm fuq talba tal-ġenituri bijoloġiċi, jekk ikun hemm, kif ukoll fuq talba tal-kafil jew tal-kafila (24).

39.      Fir-rigward tal-garanziji proċedurali għall-għoti tagħha, flimkien mal-kafala privata, mogħtija quddiem nutar adul li ma għandux regoli stretti ħafna, teżisti l-kafala ġudizzjarja, li hija stabbilita jew awtorizzata quddiem il-qorti kompetenti, bl-intervent tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, wara dikjarazzjoni ta’ abbandun tal-minuri. Din l-aħħar proċedura hija dik li tiġi segwita fil-kawża prinċipali.

2.      Il-kafala fit-testi internazzjonali

40.      Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tagħmel riferiment b’mod espliċitu għall-kafala, fl-Artikolu 20 tagħha, flimkien ma’ miżuri oħrajn ta’ protezzjoni tal-minuri mċaħħda minn ambjent tal-familja, b’mod temporanju jew permanenti, jew li għall-aħjar interessi tagħhom jeħtieġ li ma għandhomx jibqgħu f’dan l-ambjent.

41.      Skont uħud mill-partijiet li intervjenew fil-proċedura (25), dan ir-riferiment jimplika r-rikonoxximent tal-kafala bħala ekwivalenti għall-adozzjoni, peress li t-tnejn li huma jinsabu fl-istess dispożizzjoni. Madankollu, naħseb li l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal jipprovdi firxa ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-minuri li ma humiex neċessarjament paragunabbli. Fuq l-istess raġunament, dan il-paragun jista’ jsir mat-tqegħid f’familja foster jew f’istituzzjonijiet ta’ tutela. Barra minn hekk, l-attenzjoni speċifika li tingħata lill-adozzjoni fl-Artikolu 21 tenfasizza l-karatteristiċi speċjali ta’ din l-istituzzjoni, b’kuntrast mal-oħrajn.

42.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, SM tinvoka l-“Linji Gwida dwar is-sistemi alternattivi fir-rigward tal-kura tat-tfal” (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”) (26), bħala test komplementari tal-konvenzjoni, insostenn tat-teorija tagħha dwar l-ekwivalenza adozzjoni/kafala, li tista’ tiġi dedotta mill-paragrafu 2 tagħha (27).

43.      Madankollu, naħseb li lanqas il-qari tal-Linji gwida, kollha kemm huma, ma jippermetti li jiġi konkluż li l-kafala hija assimilabbli mal-adozzjoni. Isseħħ l-istess ċirkustanza bħal dik li tissemma iktar ’il quddiem b’rabta mal-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal: din u l-Linji gwida jindikaw biss diversi sistemi ta’ miżuri protettivi, mhux neċessarjament ugwali fir-rigward tal-effetti legali tagħhom, bħala strumenti adegwati sabiex isir it-tqegħid f’kustodja ta’ minuri f’ambjent tal-familja stabbli (28). Huwa loġiku li dan huwa minnu, minħabba li ż-żewġ dokumenti huma konnessi.

44.      Kif diġà enfasizzajt, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1993 ma tagħmilx riferiment għall-kafala. Ir-raġuni għal dan is-silenzju fi strument internazzjonali intiż li jirregola l-adozzjoni għandha titfittex, preċiżament, fid-differenzi bejn din l-istituzzjoni u l-kafala.

45.      Matul is-seduta, waħda mill-partijiet insistiet li l-effetti tal-kafala jistgħu jkunu assimilabbli ma’ dawk tal-adozzjoni sempliċi (29), minħabba li r-rabtiet ta’ parentela ta’ oriġini tal-minuri baqgħu intatti fiż-żewġ każijiet. Huwa minnu li l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1993 tħalli l-bieb miftuħ għall-possibbiltà li ma tinqasamx ir-rabta ta’ filjazzjoni li tkun diġà teżisti (Artikolu 26(1)(c)), iżda huwa minnu wkoll, u dan huwa kruċjali, li dawn l-istess artikolu u paragrafu jaffermaw mingħajr l-iċken dubju li “[r-]rikonoxximent tal-adozzjoni jinkludi r-rikonoxximent: a) tar-rabta ta’ filjazzjoni bejn it-tifel u l-ġenituri adottivi tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

46.      Għall-kuntrarju, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996 issemmi miżuri differenti mill-adozzjoni, favur il-persuna jew il-beni tat-tfal, fosthom tindika t-tqegħid tal-minuri f’familja foster jew f’kura istituzzjoni, jew l-għoti ta’ kura tiegħu permezz tal-kafala jew istituzzjoni analoga. L-Artikolu 4 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, inter alia, il-kwistjonijiet relatati mal-istabbiliment tal-filjazzjoni u d-deċiżjoni dwar l-adozzjoni.

47.      Il-qari ta’ dawn iż-żewġ Konvenzjonijiet ta’ Den Haag jikkonferma, minn naħa, li l-adozzjoni hija l-unika istituzzjoni protettiva li kien jistħoqqilha tkun l-għan speċifiku ta’ strument internazzjonali; min-naħa l-oħra, li s-sistema tagħha, fir-rigward ta’ adozzjonijiet internazzjonali, hija differenti minn dik li tapplika għall-bqija tal-miżuri protettivi, bħall-kafala, id-dritt ta’ kustodja, it-tutela, il-kurazija, it-tqegħid f’kustodja u l-amministrazzjoni, iż-żamma u l-ħelsien tal-beni tat-tifel.

48.      Fir-rapport ta’ spjega dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996 (Rapport Lagarde) (30) hemm indikazzjonijiet adegwati għall-aħjar fehim tagħha:

–      Jiġi indikat kif “il-Konvenzjoni tal‑5 ta’ Ottubru 1961 dwar il-Kompetenza tal-Awtoritajiet u l-Liġi Applikabbli fir-Rigward tal-Protezzjoni ta’ Minuri [(31)] [kienet tuża] t-terminu ‘miżuri protettivi’ mingħajr ma tiddefinixxih. Id-delegazzjonijiet tal-Istati li ma humiex parti minn din il-konvenzjoni xtaqu, jekk mhux definizzjoni, għall-inqas indikazzjoni tal-oqsma li dawn il-miżuri jagħmlu riferiment għalihom. Minħabba li dawn ivarjaw f’kull leġiżlazzjoni, l-indikazzjoni mogħtija f’dan l-artikolu ma tista tkun xejn ħlief ta’ eżempju”.

–      Speċifikament b’rabta mal-Artikolu 3(e), jiġi nnotat li “[l-]miżuri ta’ tqegħid ta’ tifel ġo familja foster jew f’kura istituzzjonali huma [...] il-prototipi tal-miżuri ta’ protezzjoni u huma evidentement koperti mill-Konvenzjoni”.

–      Jiġi ċċarat li “[l-]kafala ma hijiex adozzjoni, ipprojbita mid-dritt Iżlamiku, u ma toħloq l-ebda effett fir-rigward tal-filjazzjoni. It-tifel li jibbenefika mill-miżura ma jsirx membru tal-familja tal-kafil u hija r-raġuni għaliex il-kafala ma hijiex koperta mill-Konvenzjoni dwar l-Adozzjoni tad‑29 ta’ Mejju 1993. Madankollu, ma hemm l-ebda dubju li hija miżura ta’ protezzjoni li, b’dan l-isem, għandha tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ konvenzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal”.

3.      Il-kafala (b’rabta mal-adozzjoni) fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB

49.      F’żewġ sentenzi, il-Qorti EDB affaċċjat il-problemi li toħloq il-kafala, fir-rabta tagħha mal-adozzjoni, mill-perspettiva tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

50.      Fl-ewwel sentenza, fuq il-bażi tal-analiżi tagħha ta’ dritt ikkomparat, indikat li “l-ebda Stat ma jassimila l-kafala ma’ adozzjoni iżda li f’dan l-Istat [Franza] u oħrajn, din għandha l-effett komparabbli għal dak ta’ tutela, kurazija jew tqegħid f’kustodja bi ħsieb ta’ adozzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (32).

51.      Din tenniet, f’din l-istess sentenza, li l-Artikolu 8 tal-KEDB ma jiggarantixxix id-dritt għat-twaqqif ta’ familja u lanqas id-dritt għall-adozzjoni, li ma jfissirx li l-Istati partijiet tal-KEDB ma jistgħux isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet fejn jitfaċċa l-obbligu pożittiv li jiġu permessi l-istabbiliment u l-iżvilupp tar-rabtiet tal-familja, fejn ikun hemm rabta ta’ familja ma’ minuri (33).

52.      Madankollu, din ikkunsidrat li r-rifjut tal-assimilazzjoni tal-kafala mal-adozzjoni sħiħa ma jiksirx id-dritt għall-ħajja tal-familja, minħabba li l-leġiżlazzjoni (Franċiża) tagħmel il-projbizzjoni tal-adozzjoni, fis-seħħ fid-dritt Alġerin, iktar flessibbli, billi telimina gradwalment din il-projbizzjoni fid-dawl tas-sinjali oġġettivi ta’ integrazzjoni tat-tfal fis-soċjetà Franċiża (34).

53.      Fit-tieni sentenza (35), il-Qorti EDB analizzat għal darba oħra d-dritt għall-ħajja tal-familja tal-Artikolu 8 tal-KEDB, filwaqt li fakkret li l-preżenza ta’ “rabtiet tal-familja de facto” tikkaratterizza l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni. Fis-sitwazzjoni speċifika li dwarha kellha tieħu deċiżjoni, din ikkunsidrat li l-eżistenza ta’ rabta bbażata fuq il-kafala ma hijiex differenti mill-ħajja tal-familja fit-tifsira tas-soltu tagħha, mingħajr ma ż-żamma tar-rabtiet bejn il-minuri u l-familja ta’ oriġini tiegħu telimina l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja ma’ persuni oħrajn (36).

54.      Madankollu, il-Qorti EDB osservat li r-rifjut tal-awtoritajiet Belġjani sabiex jassimilaw l-adozzjoni mal-kafala ma kienx iċaħħad lir-rikorrenti mid-dritt għar-rikonoxximent tar-rabta bejniethom permezz ta’ mezzi oħrajn (f’dan il-każ, permezz tal-istituzzjoni Belġjana tat-tutela mhux uffiċjali) (37).

4.      Il-kafala u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fid-dritt tal-Unjoni Ewropea

55.      Minkejja l-paralleliżmu mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996, ir-Regolament dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet tal-familja u ta’ relazzjonijiet mal-ġenituri, fl-Unjoni Ewropea (38), ma jagħmilx riferiment għall-kafala (39).

56.      Minkejja dan is-silenzju, naqbel mal-Avukat Ġenerali Kokott fir-rigward li r-regoli tar-Regolament Nru 2201/2003 jistgħu jiġu interpretati fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996, f’liema rigward l-ispjegazzjonijiet tar-Rapport Lagarde, li ttrattajt iktar ’il fuq, jipprovdu gwida utli (40).

57.      Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, għandu jkun possibbli li kafala rrikonoxxuta minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru testendi l-effetti tagħha fi Stat Membru ieħor, skont ir-Regolament Nru 2201/2003, li l-Artikolu 1(2) tiegħu jagħmel riferiment għad-“drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess [...]; kuratura, tutela w istituzzjonijiet simili [...]; in-nomina u l-funzjonijiet ta’ xi persuni jew korp li għandhom l-inkarigu ta’ l-minuri jew ta’ l-proprjetà, ir-rappreżentanza jew l-għajnuna ta’ l-minuri”. Madankollu, ma huwiex possibbli li jiġri l-istess fir-rigward tal-adozzjoni, minħabba li mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu esklużi “[d-]deċizjonijiet dwar l-adozzjoni, il-miżuri preparatorji għall-adozzjoni” (Artikolu 1(3)(b)).

C.      Il-kunċett ta’ dixxendent dirett fid-Direttiva 2004/38 (l-ewwel domanda preliminari)

1.      L-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett

58.      Il-frażi “dixxendenti diretti” li tintuża fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 għandha sinjifikat awtonomu fid-dritt tal-Unjoni? Dan huwa wieħed mill-punti ta’ diskrepanza bejn il-partijiet tal-kawża (41).

59.      Skont ġurisprudenza stabbilita, “mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jiġu interpretati awtonomament u uniformament fl-intier tal-Unjoni” (42).

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li din l-interpretazzjoni “għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha” (43).

61.      Il-kuntest li fih id-Direttiva 2004/38 tuża l-espressjoni “dixxendenti diretti”, bħala subkategorija speċifika tal-“membri tal-familja”, iwassalni sabiex niddefendi l-awtonomija kunċettwali ta’ dan il-kunċett fid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, naħseb li din għandha tkun ir-regola meta dispożizzjoni unika tiddikjara, bħalma jiġri hawnhekk, li “[g]ħall-iskopijiet ta’ din id-direttiva [...] tfisser”.

62.      Għaldaqstant, id-definizzjonijiet li jsegwu din l-intestatura huma adattati sabiex jistabbilixxu dak li “jinftiehem” f’kuntest ġuridiku ddefinit tad-dritt tal-Unjoni (bħalissa, dak tad-Direttiva 2004/38), bit-terminu korrispondenti. Sakemm din id-definizzjoni ma tirreferix għad-dritt tal-Istati Membri għad-delimitazzjoni tal-konfini tal-istituzzjoni deskritta minn dan it-terminu, għandu jiġi eżaminat is-sens proprju ta’ din skont id-dritt tal-Unjoni.

63.      Fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 hemm eżempju ta’ riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri: flimkien mar-raġel jew martu (l-ittra (a) tal-punt 2), jissemmew “is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru” (l-ittra (b) tal-punt 2). Nirrepeti li, barra minn dan l-aħħar każ, il-kunċetti stabbiliti f’dan l-artikolu ma humiex irrikonoxxuti għat-trattament tagħhom mid-drittijiet nazzjonali.

64.      Is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mal-kunċett ta’ “raġel jew martu” (44), tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, tista’ titfa’ ċertu dawl fuq l-awtonomija fl-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, li testendi metodoloġikament għal dak ta’ “dixxendent dirett”.

65.      Għalkemm (għall-kuntrarju tal-konklużjonijiet, fejn l-Avukat Ġenerali kien favur l-użu tagħha) (45) is-sentenza ma tagħmilx riferiment għall-interpretazzjoni awtonoma, il-fatt huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-istess riżultat: il-kunċett ta’ “raġel jew martu” fis-sens tad-Direttiva 2004/38 għandu l-karatteristiċi proprji tiegħu (46), li fil-konfront tagħhom “Stat Membru ma [għandux jopponi] d-dritt nazzjonali” (47) sabiex ma jirrikonoxxix dritt ta’ residenza protett mid-direttiva.

66.      Madankollu, l-użu ta’ kategorija legali msemmija fid-dritt tal-Unjoni ma jfissirx li neċessarjament ma hijiex marbuta mal-kategoriji ekwivalenti fid-dritt tal-Istati Membri. Għaldaqstant, għandha tingħata attenzjoni lill-kodiċijiet jew lill-liġijiet li jirregolaw id-dritt tal-familja f’kull Stat Membru (li għalih dawn huma kompetenti), sabiex jiġi stabbilit jekk l-istituzzjonijiet tiegħu humiex konformi, għall-finijiet ta’ direttiva speċifika, ma’ dawk iddefiniti f’din tal-aħħar.

2.      Id-dixxendent dirett fid-Direttiva 2004/38

67.      L-importanza li jiġu stabbiliti l-profili ta’ dan il-kunċett tad-Direttiva 2004/38 tiġi nnotata meta jiġu eżaminati l-konsegwenzi tiegħu fir-rigward tad-dħul u tar-residenza ta’ minuri li, għalkemm jifformaw parti mill-familja (f’sens wiesa’) taċ-ċittadini tal-Unjoni, ma humiex inklużi f’din il-kategorija:

–      Id-“dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti” jiksbu b’mod awtomatiku (48) d-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fl-Istat Membru fejn jgħixu l-axxendenti tagħhom, ċittadini tal-Unjoni.

–      Il-membri l-oħrajn tal-familja estiża li jissemmew fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, inklużi l-minuri, għandhom jiġu suġġetti, ladarba jissodisfaw ċerti prerekwiżiti (49), għal evalwazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat ospitanti. Dawn tal-aħħar, wara din l-evalwazzjoni, għandhom: i) jiffaċilitaw, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, id-dħul u r-residenza tagħhom (50); ii) jeżaminaw mill-qrib iċ-ċirkustanzi personali u iii) jiġġustifikaw kull rifjut ta’ dħul jew ta’ residenza (51).

68.      Kif diġà spjegajt, il-qorti tar-rinviju għandha ftit dubji dwar jekk SM taqax f’din it-tieni kategorija. Barra minn hekk, tavża lill-awtoritajiet Brittaniċi, inkarigati mit-twettiq tal-evalwazzjoni, li d-dritt tal-Unjoni (52) jobbligahom li jiffaċilitaw id-dħul tal-minuri fir-Renju Unit. U, fuq kollox, tinformahom li “matul din l-evalwazzjoni, dawk responsabbli mid-deċiżjoni, kemm fil-Home Office (il-Ministeru għall-Intern), kif ukoll f’entitajiet ġudizzjarji differenti, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll li l-għan tad-Direttiva 2004/38 huwa li jiġi ssemplifikat u msaħħaħ id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, ladarba l-moviment liberu huwa wieħed mil-libertajiet fundamentali tas-suq intern. Li jkollhom jgħixu ’l bogħod mill-membri tal-familja, jew mill-membri tal-familja fis-sens iktar wiesa’, ikollu effett qawwi dissważiv għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà” (53).

69.      Madankollu, ladarba l-qorti tar-rinviju ma kinitx issodisfatta b’din il-possibbiltà, din tistaqsi jekk ir-relazzjoni stabbilita fuq il-bażi tal-kafala tistax, fil-każ ta’ SM, tiġi assimilata mal-filjazzjoni adottiva. Jekk dan ikun il-każ, SM ikollha l-istatus previst fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, inkwantu mezz ta’ protezzjoni msaħħa tal-ħajja tal-familja u garanzija tad-difiża tal-aħjar interessi tal-minuri.

70.      Nibda bil-premessa (li ma toħloqlix dubji) li l-kunċett ta’ dixxendenti diretti li jintuża fid-Direttiva 2004/38 jinkludi kemm l-ulied bijoloġiċi, kif ukoll dawk adottati. Mill-perspettiva tad-dritt, l-adozzjoni għandha l-kunsiderazzjoni ta’ filjazzjoni, għall-finijiet kollha.

71.      Din id-dikjarazzjoni tiġi kkonfermata minn eżami tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li huma l-iktar relatati mas-suġġett ta’ din il-kawża. Għalhekk, id-Direttiva 2003/86/KE (54), meta tiddetermina “l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri” testendi dan id-dritt, suġġett għal ċerti rekwiżiti, għal:

“–      it-tfal minorenni ta’ l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu, inklużi tfal adottati skond deċiżjoni meħuda mill-awtorita kompetenti fl-Istat Membru [...];

–      it-tfal minorenni inklużu tfal adottati ta’ l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha [...];

–      it-tfal minorenni inklużi tfal adottati tar-raġel/mara fejn il-konjugi għandu kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. [...]” (55)

72.      Bl-istess mod, id-Direttiva 2011/95/UE (56) fl-Artikolu 2(j) tagħha, tikklassifika bħala membri tal-familja tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali “[lit]-tfal minuri tal-koppji msemmija fl-ewwel inċiż jew il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, fuq kundizzjoni li mhumiex miżżewġin u indipendentement mill-fatt jekk twildux fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ jew ġew adottati kif definit skont liġi nazzjonali”. Din id-definizzjoni hija rripetuta fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 (57).

73.      Ir-riferiment għad-dixxendenti diretti f’regoli oħrajn tad-dritt tal-Unjoni jitwettaq billi jsir riferiment kemm għad-Direttiva 2004/38 (58), kif ukoll għal-leġiżlazzjoni tal-Istat korrispondenti (59).

74.      Ladarba din il-premessa tiġi stabbilita, jekk il-kafala tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala sistema ta’ adozzjoni, il-makful jista’ jsir, bħala wild adottat, “dixxendent dirett” ta’ min ħadu taħt il-kustodja tiegħu.

75.      Favur din l-assimilazzjoni, il-qorti tar-rinviju, appoġġjata minn uħud mill-partijiet fil-proċedura preliminari (60), tagħmel riferiment għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq (61).

76.      Il-punt 2.1.2 ta’ din il-Komunikazzjoni, iddedikat għall-“membri tal-familja f’linja diretta” (62), jassimila, fil-verità, ir-rabtiet ta’ filjazzjoni adottiva ma’ dawk tal-minuri taħt il-kustodja ta’ gwardjan legali permanenti. Jekk jintgħażel dan il-kriterju, SM, bħala minuri suġġetta għat-tutela legali tal-konjuġi li jeħduha taħt il-kustodja tagħhom, tista’ titqies bħala wild adottata ta’ dawn.

77.      Madankollu, nemmen li din l-assimilazzjoni ma hijiex konformi mal-interpretazzjoni ġusta tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, kważi lanqas huwa neċessarju li jitfakkar li l-Komunikazzjoni ma hijiex ta’ natura regolatorja.

78.      Fl-opinjoni tiegħi, il-“kustodja ta’ gwardjan legali permanenti” ma tibdilx il-minuri taħt tutela f’dixxendent dirett (permezz ta’ adozzjoni) tat-tutur tiegħu. Ir-raġunijiet li jopponu din l-assimilazzjoni huma varji, kemm fl-astratt, kif ukoll fis-sitwazzjoni speċifika ta’ SM, sa fejn hija suġġetta għall-kafala li tapplika taħt id-dritt Alġerin.

79.      Mill-perspettiva astratta, ir-relazzjoni ta’ tutela ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ filjazzjoni. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm koeżistenza tal-filjazzjoni (bijoloġika jew adottiva) u tat-tutela, b’din tal-aħħar mogħtija lil persuna distinta mill-ġenituri (bijoloġiċi jew adottivi). Kif isostni l-Gvern Ġermaniż, sabiex ikun jista’ jseħħ dan il-paragun, huwa neċessarju li jkun hemm ugwaljanza legali sħiħa.

80.      Bil-kwistjoni ffokata fuq il-perspettiva tal-permanenza tar-rabta, anki mingħajr kunsiderazzjoni tal-kontenut tagħha, it-tutela (u, a fortiori, il-kafala) hija istituzzjoni ta’ natura temporanja, mhux permanenti, minħabba li tapplika biss meta l-persuna taħt tutela tkun ta’ età minuri. Għall-kuntrarju, il-filjazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq adozzjoni sempliċi, ma tistax titħassar.

81.      Barra minn hekk, l-aħħar sentenza tal-punt 2.1.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tindika li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jitolbu provi tar-rabta ta’ parentela allegata, li jista’ jsir biss matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38. Madankollu, din il-proċedura ma tistax tiġi estiża għad-“dixxendenti diretti”.

82.      Għalhekk, indipendentement mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, naħseb li l-karatteristika essenzjali li tissepara l-adozzjoni mill-kafala hija, preċiżament, ir-rabta ta’ filjazzjoni. Filwaqt li l-kafala ma toħloqx rabtiet ta’ filjazzjoni, l-adozzjoni dejjem tagħmel dan, inkluż fil-forma iktar attenwanti tagħha ta’ adozzjoni sempliċi.

83.      Dan l-istess riżultat jinkiseb wara l-eżami tal-istrumenti internazzjonali differenti, imsemmija iktar ’il fuq (63), li jirregolaw, minn naħa, l-adozzjoni u, min-naħa l-oħra, il-mezzi ta’ protezzjoni tal-minuri bħall-kafala, mingħajr ma jiffavorixxu l-paragunabbiltà tagħhom fl-ebda mument.

84.      Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-mekkaniżmi stretti ta’ kontroll tal-adozzjonijiet internazzjonali, previsti mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1993 għall-garanzija tal-aħjar interessi tal-minuri, jistgħu faċilment jinqabżu (64) jekk, bħala adozzjoni, tiġi aċċettata sistema ta’ tutela legali li, ġustament minħabba li ma għandhiex l-istess effetti bħall-oħra, hija ppreċeduta minn proċedura nazzjonali mingħajr l-istess garanziji (jew inkluż, fil-każ tal-kafala quddiem nutar adul, mingħajr ma jkun meħtieġ l-intervent mill-awtoritajiet pubbliċi).

85.      Dak li ntqal iktar ’il fuq huwa partikolarment sinjifikattiv meta jittieħed inkunsiderazzjoni li l-Alġerija ma rratifikat l-ebda waħda mill-Konvenzjonijiet ta’ Den Haag u għalhekk ma hijiex suġġetta għal regoli internazzjonali li jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ garanzija fuq il-miżuri ta’ protezzjoni tal-minuri, kemm jekk dawn jinvolvu t-tqegħid taħt kustodja tagħhom skont il-kafala jew kwalunkwe sistema oħra ekwivalenti.

86.      Għandu jitfakkar li d-dritt Alġerin, fis-seħħ meta SM ingħatat skont il-kafala, jopponi l-assimilazzjoni allegata, billi ppermetta din is-sistema ta’ tqegħid taħt kustodja, filwaqt li pprojbixxa simultanjament l-adozzjoni tal-makful. U din il-projbizzjoni tapplika mhux biss meta l-minuri, minħabba li huwa ta’ filjazzjoni magħrufa, iżomm ir-rabta ġenitur-wild tiegħu mal-axxendenti tiegħu, iżda anki fil-każijiet l-oħrajn. Il-kafil jew il-kafila jirċievu biss it-tutela legali tal-makful, iżda l-kafala ma tibdilx lil din tal-aħħar f’dixxendent dirett ta’ dawn. Ma narax li huwa possibbli, anki bi sforz ġenwin, li niddefendi li SM hija dixxendent dirett, bħala adottata, ta’ dawk li ħaduha taħt il-kustodja tagħhom (65).

87.      Dak li ntqal iktar ’il fuq ma jeskludix li, ladarba tiġi stabbilita l-kafala, il-kafil jew il-kafila jiddeċiedu li jadottaw il-makful, jekk jaħsbu li dan ikun konvenjenti u jekk l-ordinament ġuridiku tal-pajjiż korrispondenti jaċċetta dan. Din is-soluzzjoni ġiet stabbilita f’xi Stati Membri (66) u tippermetti, fl-opinjoni tiegħi, li l-makful adottat sussegwentement (jiġifieri, b’adozzjoni internazzjonali suġġetta għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1993) jikseb l-istatus ta’ dixxendent dirett tal-ġenituri li jadottawh u jkun jista’ jidħol u jirrisjedi, bħala tali, fl-Istat Membru fejn dawn għandhom id-domiċilju tagħhom.

88.      L-eżami tal-istrumenti regolatorji differenti tal-Unjoni, diġà msemmija, li jużaw l-espressjoni “membri tal-familja” u fejn jissemmew il-minuri, jikkonferma li l-kunċett ta’ “dixxendent dirett” ma jistax jiġi estiż, lil hinn mill-ulied adottati, biex jinkludi lil dawk li jinsabu suġġetti għat-tutela legali ta’ dawk li kisbuha.

3.      L-effett tad-dritt għall-ħajja tal-familja u tal-aħjar interessi tal-minuri fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ dixxendent dirett tad-Direttiva 2004/38

89.      Il-konklużjoni (intermedja) li lħaqt fil-punti preċedenti għandha taqbeż l-analiżi tad-drittijiet u tal-prinċipji ssalvagwardjati mill-Karta. Fil-fatt, jista’ jkun li l-interpretazzjoni li niddefendi hija formalistika żżejjed u l-obbligu ta’ rispett tad-dritt tal-ħajja tal-familja u tal-aħjar interessi tal-minuri bħala “kunsiderazzjoni primarja” (Artikoli 7 u 24(2) tal-Karta, rispettivament) jitlob l-assimilazzjoni tal-kafala u l-adozzjoni.

90.      F’din l-analiżi jkun xieraq li jsir riferiment mill-ġdid għaż-żewġ sentenzi tal-Qorti EDB (67) li interpretaw l-Artikolu 8 tal-KEDB (dwar id-dritt għall-ħajja tal-familja) b’rabta mar-rifjut mill-awtoritajiet tal-Istati firmatarji ta’ din il-konvenzjoni għall-assimilazzjoni tar-rabtiet li nħolqu mill-kafala ma’ dik adottiva.

a)      Il-kafala u l-protezzjoni tal-ħajja tal-familja

91.      Id-Direttiva 2004/38 tistabbilixxi żewġ modi sabiex minuri li ma huwiex ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jidħol u jirrisjedi fi Stat Membru flimkien mal-persuni li magħhom għandu “ħajja tal-familja”. Id-differenza hija li, filwaqt li l-Artikolu 2(2)(ċ) (dixxendenti diretti) jimplika li l-kontinwità tal-ħajja tal-familja ssir b’mod awtomatiku (68), l-Artikolu 3(2) iwettaq evalwazzjoni minn qabel taċ-ċirkustanzi.

92.      F’din il-kawża, SM talbet lill-awtoritajiet Brittaniċi sabiex “jingħatalha permess ta’ dħul, bħala minuri adottata minn ċittadin taż-ŻEE” (69). Madankollu, apparti t-titolu adottiv, it-talba ta’ dħul u ta’ residenza tista’ tiġi kkunsidrata wkoll mill-metodu previst fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, għal “membri tal-familja” oħrajn, bħal ma tirrikonoxxi l-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet ta’ din il-qorti, traskritti preċedentement, ftit li xejn jagħtu marġini lill-awtoritajiet Brittaniċi sabiex jirrifjutaw id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza ta’ SM fir-Renju Unit, sabiex tgawdi l-ħajja tal-familja flimkien maċ-ċittadini tal-Unjoni li ħaduha taħt il-kustodja tagħhom.

93.      Għaldaqstant, ma narax għalfejn ir-rifjut ta’ mezz (dak tad-dixxendenti diretti) jimplika ostakolu għall-iżvilupp tal-ħajja tal-familja, meta l-alternattiva (l-għoti ta’ permess ta’ residenza suġġett għall-kontroll ta’ SM li hija dipendenti fuq jew tgħix maċ-ċittadin tal-Unjoni li għandu d-dritt ta’ residenza) ma twaqqafx lill-minuri milli tikseb protezzjoni ġuridika reali permezz ta’ din l-istess ħajja tal-familja.

94.      Huwa minnu li r-rikonoxximent awtomatiku tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38 jippreżenta inqas diffikultajiet. Madankollu, mill-perspettiva li issa hija sinjifikattiva, jekk dan ir-rikonoxximent, f’dan il-każ, jelimina d-diffikultajiet ermenewtiċi (li fl-opinjoni tiegħi ma jistgħux jingħelbu) li indikajt, u fl-istess ħin, jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-minuri bħal dak tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, ninsisti li jiġi rrispettat id-dritt tal-ħajja tal-familja.

95.      Il-Qorti EDB waslet għall-istess riżultat fil-kawżi msemmija iktar ’il fuq. Fis-sentenza Chbihi et vs Il‑Belġju (70), li tiċċita d-deċiżjoni mogħtija fil-kawża Harroudj vs Franza (71), din affermat li “id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 la jiggarantixxu d-dritt għat-twaqqif ta’ familja u lanqas id-dritt għall-adozzjoni [...] Madankollu, dan ma jeskludix li l-Istati li huma parti mill-konvenzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, jista’ jkollhom l-obbligu pożittiv li jippermettu l-istabbiliment u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tal-familja” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. U żiedet li “skont il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti, fejn hija stabbilita l-eżistenza ta’ rabta tal-familja ma’ minuri, l-Istat għandu jaġixxi sabiex jippermetti li din ir-rabta tiżviluppa u tipprovdi protezzjoni legali li tippermetti l-integrazzjoni tal-minuri fil-familja tiegħu”.

96.      F’dan il-każ, li l-paralleliżmu tiegħu ma’ dak ta’ dan il-każ ma jistax jiġi miċħud, ġie aċċettat li l-kafala debitament stabbilita (fil-Marokk) ħolqot rabta legali bejn il-kafili u l-makful. Minħabba li din l-istituzzjoni ma teżistix fil-Belġju, l-adozzjoni mitluba f’dan il-pajjiż kienet tikkostitwixxi sitwazzjoni legali ġdida. Il-Qorti EDB irraġunat li kien “neċessarju li jkun hemm ibbilanċjar ġust bejn l-interessi inkwistjoni tal-individwu u tas-soċjetà kollha kemm hi” u li “l-Istat igawdi minn ċerta marġini ta’ diskrezzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (72). Fuq din il-bażi, din kellha “qabel kollox tivverifika jekk id-deċiżjonijiet tal-qrati Belġjani li jirrifjutaw l-adozzjoni ostakolawx l-iżvilupp xieraq tar-rabtiet tal-familja bejn il-minuri u l-persuni li ħaduh taħt il-kustodja tagħhom skont il-kafala” (73) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

97.      Il-Qorti EDB ikkonkludiet li “r-rifjut tal-adozzjoni ma kienx iċaħħad lir-rikorrenti mid-dritt għar-rikonoxximent tar-rabta li tgħaqqadhom. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Belġjana kienet toffri lir-rikorrenti possibbiltajiet oħra li tingħata protezzjoni legali lill-ħajja tal-familja tagħhom. Dan kien jirrigwarda l-proċedura ta’ tutela mhux uffiċjali li l-għan tagħha kien pjuttost qrib dak tal-kafala [...] (74) u li tippermetti lil dawn il-persuni adulti li jiksbu rikonoxximent tal-impenn tagħhom għall-manteniment u għat-trobbija ta’ minuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (75).

b)      Il-kafala u l-aħjar interessi tal-minuri

98.      Il-protezzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri għandha tkun, skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta, il-“kunsiderazzjoni primarja” li tirregola d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi jew tal-istituzzjonijiet privati meta jadottaw atti relatati ma’ dan il-minuri.

99.      Meta, bħalma jiġri f’dan il-każ, l-atti ta’ protezzjoni ta’ minuri, abbandunat mill-ġenituri bijoloġiċi tiegħu, inizjalment jingħataw fi Stat terzi (l-Alġerija) u jkunu intiżi li jkollhom effetti fi Stat Membru tal-Unjoni (ir-Renju Unit), il-kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet tal-Istati ta’ oriġini u ospitanti għandu jkollu effett fuq l-aħjar interessi ta’ dan il-minuri, iżda mingħajr ma jinjora r-regoli li fid-dritt tal-Unjoni jippermettu li jiġi evalwat.

100. L-evalwazzjoni tal-aħjar interessi għandha żewġ naħat: dik li taffettwa l-mertu (li ovvjament jiddependi miċ-ċirkustanzi preżenti fis-sitwazzjoni tal-minuri) u dik li tikkonċerna l-proċeduri biex dan jiġi evalwat.

101. Fir-rigward tal-mertu, it-tqegħid taħt kustodja f’familja foster jissodisfa r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja: “[l-]integrazzjoni, kontinwa u fuq perijodu twil, fid-dar u fil-familja ta’ assistent matern, ta’ minuri li, minħabba s-sitwazzjoni familjari diffiċli tagħhom, ikunu partikolarment vulnerabbli, tikkostitwixxi miżura adegwata sabiex jitħares l-aħjar interess tal-minuri, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” (76).

102. Fir-rigward tal-aspetti proċedurali, issa ser infakkar biss kif dawn il-proċeduri ta’ evalwazzjoni huma kkonċepiti, essenzjalment, fl-istrumenti konvenzjonali ta’ rikonoxximent tar-relazzjonijiet ta’ adozzjoni u parentali, meta jippreżentaw elementi ta’ konnessjoni internazzjonali, u fid-dritt innifsu tal-Unjoni.

103. Fir-rigward ta’ dawn l-istrumenti konvenzjonali, preċiżament sabiex jiġi żgurat li l-aħjar interessi tal-minuri jittieħdu inkunsiderazzjoni, ikun xieraq li jiġi enfasizzat li:

–      fir-regolazzjoni tal-adozzjoni internazzjonali, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1993 tistabbilixxi proċedura ta’ kontroll doppju, fejn jintervjenu l-awtoritajiet kemm tal-pajjiż ta’ oriġini kif ukoll dak ospitanti (77);

–      l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996 jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu doppju, b’tali mod li, “[j]ekk awtorità li għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 tikkontempla t-tqegħid tat-tifel ġo familja foster jew kura istituzzjonjonali, jew l-proviżjoni ta’ kura minn ‘kafala’ jew istituzzjoni analoga, u jekk dan it-tqegħid jew din il-proviżjoni ta’ kura għandha sseħħ fi Stat Kontraenti ieħor, għandha l-ewwel tikkonsulta ma’ l-Awtorità Ċentrali jew awtorità kompetenti oħra ta’ l-Istat Kontraenti ta’ l-aħħar” (78).

104. F’perspettiva simili, iżda limitata għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar meta tqegħid taħt kustodja imwettaq fi Stat Membru għandu jkollu effetti fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirrikonoxxi proċedura ta’ kontroll li fiha jipparteċipaw l-awtoritajiet tat-tnejn li huma (79).

105. Qiegħed nagħmel riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet sabiex nenfasizza fattur karatteristiku tas-salvagwardja tal-aħjar interessi tal-minuri f’każijiet simili għal dak ta’ din it-tilwima, jiġifieri li l-evalwazzjoni tagħha taqa’ fuq l-awtoritajiet taż-żewġ Stati Membri intervenjenti fil-proċedura, li jiġu ordnati jeżerċitaw kontroll minn qabel.

106. Barra minn hekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, din il-garanzija tista’ tinżamm biss jekk wieħed jimxi mal-metodu mogħti fl-Artikolu 3(2) tagħha, dispożizzjoni li tipprovdi kuntest ġuridiku adegwat sabiex il-protezzjoni tal-minuri tkun effettiva fi ħdan l-Unjoni, filwaqt li jiġu rrikonċiljati l-għanijiet oriġinali tal-istituzzjoni ta’ tutela (kafala) mad-dritt għall-ħajja tal-familja.

107. Għall-kuntrarju, jekk ir-rikonoxximent awtomatiku tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38 jiġi aċċettat, tista’ tinkiseb biss superviżjoni a posteriori, b’riżultat paradossali: it-tqegħid taħt kustodja skont il-kafala, approvat fi Stat bħall-Alġerija, li ma rratifikax il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996, jipproduċi effetti immedjati (mingħajr ma l-awtoritajiet tal-Istat ospitanti jkunu jistgħu jissuġġettaw l-aħjar interessi tal-minuri għal evalwazzjoni minn qabel), filwaqt li d-deċiżjonijiet tal-Istati firmatarji ta’ din il-konvenzjoni għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat ta’ destinazzjoni.

108. Fil-qosor, il-“kunsiderazzjoni primarja” tal-interessi tal-minuri titlob, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, li l-evalwazzjoni ad casum tagħhom issir skont il-proċedura ta’ evalwazzjoni minn qabel, differenti minn dik applikabbli għad-dixxendenti diretti (80).

D.      Fuq it-tieni domanda preliminari

109. Il-qorti tar-rinviju għandha tiċċara jekk id-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari l-Artikoli 27 u 35 tagħha, jippermettux ir-rifjut tad-dħul ta’ minuri mqiegħda taħt kustodja skont il-kafala, jekk huma vittmi ta’ sfruttament, abbuż jew traffikar ta’ bnedmin jew jekk ikunu esposti għar-riskju ta’ dan.

110. L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 jawtorizza r-restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment u residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jew proprju ta’ dan tal-aħħar, “minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”.

111. Sa fejn, f’dan il-każ, SM, bħala makful, tista’ tiġi kklassifikata bħala membru tal-familja estiża tal-konjuġi (ċittadini tal-Unjoni) li ħaduha taħt il-kustodja tagħhom, xejn ma jipprevjeni milli, fil-prinċipju, japplika l-Artikolu 27. L-istess jiġri fir-rigward ta’ tali konjuġi, ċittadini tal-Unjoni, li l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom tista’ tkun ristretta għal raġunijiet relatati mal-ordni, mas-sigurtà jew mas-saħħa pubblika (81).

112. Madankollu, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma hemm l-ebda informazzjoni sabiex jiġi stabbilit liema raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika jiġu invokati f’din il-kawża (82). Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment “għall-minuri li huma jew jistgħu jkunu vittmi ta’ sfruttament, ta’ abbuż jew ta’ traffikar” (83) iżda, jekk jiġu stabbiliti dawn ir-raġunijiet, eventwalment ikunu l-awturi ta’ dan l-aġir serju (u mhux il-vittmi tagħhom, fil-każ ta’ minuri bħal SM) li d-dritt ta’ moviment u residenza fir-Renju Unit tagħhom jista’ jiġi ristrett (84).

113. Skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38, l-Istati Membri huma awtorizzati sabiex “jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-Direttiva f’każ ta’ abbuż jew frodi [...]”. Il-portata ta’ din l-awtorizzazzjoni hija wiesgħa ħafna: tkopri kemm il-miżuri ex ante (rifjut tad-dritt), kif ukoll ex post (tmiem u revoka tad-drittijiet diġà rrikonoxxuti). Għat-tnejn li huma, hija biżżejjed l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt jew ta’ frodi, ladarba din tkun ġiet ipprovata wara eżami individwali ta’ kull każ (85).

114. Anki meta d-dispożizzjoni tistabbilixxi ż-“żwiġijiet ta’ konvenjenza” bħala eżempju speċifiku ta’ abbuż jew frodi, ma teskludix ipoteżijiet oħrajn. Fil-fatt, fil-premessa 28 tad-Direttiva 2004/38, dawn iż-żwiġijiet ta’ konvenjenza jiġu assimilati ma’ “kwalunkwe forma oħra ta’ relazzjonijiet kuntrattwali għall-uniku skop biex jitgawda d-dritt ta’ moviment liberu u residenza”.

115. Bħalma tindika Aire Centre (86), l-aġir ta’ sfruttament tal-minuri, li jsir riferiment għalih fid-Direttiva 2011/36, jista’ jaqa’ taħt il-kategorija ta’ abbuż (87). Il-fenomenu tat-traffikar ta’ bnedmin jinkludi diversi forom ta’ sfruttament, li wħud minnhom, jekk jaffettwaw lill-minuri, jistgħu jitwettqu permezz tal-adozzjonijiet illegali (88).

116. It-tqegħid taħt kustodja tal-minuri jkun frawdolenti meta l-pjan proprju, moħbi bil-karatteristiċi legali tal-kafala, ikun li jiġi ttrasferit minn pajjiż għal ieħor bil-għan li jintuża għal “sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, inkluż l-elemosina, l-iskjavitù jew prattika simili għall-iskjavitù, is-servitù jew l-isfruttament ta’ attivitajiet kriminali, jew it-teħid ta’ organi” (89).

117. F’din iċ-ċirkustanza, l-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti huma awtorizzati li jirreaġixxu kontra l-abbuż jew il-frodi billi jirrikorru għall-“miżuri neċessarji” tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38. Bħalma huwa l-każ fir-rigward tal-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, fid-deċiżjoni tar-rinviju ma hemm l-ebda element li jiskatta dawn il-miżuri fil-każ ta’ SM.

E.      Il-kontroll mill-Istat Membru tal-proċedura li permezz tagħha ġiet awtorizzata t-tutela jew il-kustodja tal-minuri

118. Fil-qosor, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk qabel jiġi rrikonoxxut “bħala dixxendent dirett taħt l-Artikolu 2(2)(c) [tad-Direttiva 2004/38]”, minuri li jinsab fl-istess ċirkustanzi bħal SM, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jistgħux jinvestigaw jew jeżaminaw (enquire) jekk “il-proċeduri għat-tqegħid tat-tifel jew tat-tifla fit-tutela jew fil-kustodja [...] kinux tali li jieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi ta’ dak it-tifel jew tifla?”

119. Minħabba li, fl-opinjoni tiegħi, il-premessa li hija bbażata fuqha din id-domanda ma tinsabx fis-sitwazzjoni ta’ SM, li ma tistax tiġi kklassifikata bħala dixxendent dirett fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għaliha.

120. Barra minn hekk, jekk jiġi aċċettat li SM għandha l-istatus ta’ dixxendent dirett bis-saħħa tar-rabtiet tal-familja inerenti fil-kafala, u li, għalhekk, id-dħul tagħha fi Stat Membru għandu jgawdi mir-rikonoxximent awtomatiku li jikkorrispondi ma’ dawn ir-rabtiet, skont l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, ma jkunx possibbli li titwettaq l-investigazzjoni dwar dak li l-qorti tar-rinviju għandha dubju dwaru.

121. Għall-kuntrarju, din l-investigazzjoni tkun possibbli jekk il-mezz tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jiġi aċċettat bħala mezz li jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-minuri fir-Renju Unit, filwaqt li jippermettilha tgawdi l-ħajja tal-familja flimkien maċ-ċittadini tal-Unjoni li ħaduha taħt il-kustodja tagħhom.

122. Fil-fatt, meta “[wettqet] eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali” tal-membri tal-familja, kif previst fl-aħħar paragrafu ta’ dan l-artikolu, l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit għandhom jindirizzaw, bħala “kunsiderazzjoni primarja”, l-aħjar interessi tal-minuri. Mingħajr il-ħtieġa li nirrepeti dak li indikajt dwar dan fl-analiżi tal-ewwel domanda (90), f’din il-kunsiderazzjoni hemm lok, inter alia, għall-eżami taċ-ċirkustanzi, sostantivi u proċedurali, li fihom il-minuri tqiegħdet taħt kustodja.

VII. Konklużjoni

123. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema) kif ġej:

“1)      L-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/CEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jiġi kklassifikat bħala ‘dixxendent dirett’ ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri li jinsab unikament taħt it-tutela legali, konformement mal-istituzzjoni tar-recueil légal [għoti ta’ kura] (kafala) fis-seħħ fir-Repubblika tal-Alġerija.

Madankollu, l-imsemmi minuri jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘membru ieħor tal-familja’, jekk jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti l-oħrajn u wara l-proċedura prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, minħabba li l-Istat Membru ospitanti għandu jiffaċilita, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, id-dħul u r-residenza tiegħu f’dan l-Istat, wara l-ibbilanċjar tal-protezzjoni tal-ħajja tal-familja u tad-difiża tal-aħjar interessi tal-minuri.

2)      L-Artikoli 27 u 35 tad-Direttiva 2004/38 jistgħu jiġu applikati fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkustanzi li tagħmel riferiment għalihom din id-direttiva, jekk jiġu stabbiliti, rispettivament, raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, kif ukoll f’każ ta’ abbuż ta’ dritt jew frodi.

3)      Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jeżaminaw jekk il-proċedura li permezz tagħha ngħatat it-tutela jew il-kustodja ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-minuri”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Dwar il-karatteristiċi ta’ din l-istituzzjoni, ara iktar ’il quddiem il-punti 35 sa 39.


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


4      Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal‑20 ta’ Novembru 1989.


5      Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni rigward l-Adozzjoni bejn il-Pajjiżi (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1993”).


6      Konvenzjoni tad-19 ta’ Ottubru 1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996”).


7      ĠU 2016, C 202, p. 389.


8      SI 2006/1003.


9      2002 c. 38.


10      Punti 11 sa 15.


11      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, punti 14 u 15.


12      Punt 22 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


13      KUMM(2009) 313 finali, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni”.


14      Insostenn ta’ din il-pożizzjoni, din tagħmel riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Coman (C‑673/16, EU:C:2018:2), punt 32, u tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:174).


15      L-aħħar paragrafu tal-punt 27 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


16      Ibidem.


17      Għalkemm il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għall-“istituzzjoni tal-kafala u għal [...] ekwivalenti prevista fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha”, ma tagħti l-ebda spjegazzjoni dwar din tal-aħħar, għaldaqstant ser nanalizza biss il-kafala, l-uniku mekkaniżmu ta’ tqegħid taħt kustodja li jiġi applikat f’din il-kawża.


18      Artikolu 118 tal-KFA.


19      Dan jiġi espost fil-att li jagħti l-kustodja ta’ SM (punt 12 tad-deċiżjoni tar-rinviju).


20      Artikolu 116 tal-KFA.


21      Is-sistemi ġuridiċi Iżlamiċi huma bbażati fuq il-prinċipju taż-żamma tar-rabtiet bid-demm u l-esklużjoni tal-adozzjoni, li hija pprojbita fil-maġġoranza tal-pajjiżi Musulmani (mhux kollha). L-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Aire Centre u SM jirriflettu d-differenzi leġiżlattivi f’pajjiżi differenti (punti 51 u 65, rispettivament).


22      Artikolu 46 tal-KFA.


23      Artikolu 123 tal-KFA.


24      Artikoli 124 u 125 tal-KFA.


25      Aire Centre, SM u Choram Children Legal Centre.


26      Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-64 sessjoni tal‑24 ta’ Frar 2010 (A/RES/64/142). L-għan tagħhom huwa li jippromwovu l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (punt I).


27      L-għan huwa li “tappoġġja l-isforzi maħsuba sabiex it-tifel jibqa’ fil-kura tal-familja proprja tiegħu jew li jiġi rriunifikat fiha jew, fl-assenza ta’ dan, sabiex tinstab soluzzjoni oħra adegwata u permanenti, inklużi l-adozzjoni u l-kafala tad-dritt Iżlamiku”.


28      Skont il-punt 122 tal-Linji gwida, li jinsab taħt it-titolu “tqegħid ta’ minuri f’kustodja istituzzjonali”, l-għan huwa li jsir tqegħid taħt kustodja stabbli f’ambjent tal-familja alternattiv. Il-punt 151, li jirrigwarda t-“tqegħid taħt kustodja tat-tifel li jinsab diġà barra mill-pajjiż”, jassimila l-kafala mat-tqegħid ta’ minuri għall-adozzjoni. Fil-punt 160, b’riferiment għat-“tqegħid taħt kustodja f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza” u għal dawk fejn ir-riunifikazzjoni mal-familja tirriżulta impossibbli, jiġi rrakkomandat l-analiżi ta’ “soluzzjonijiet stabbli u definittivi, bħall-adozzjoni jew il-kafala tad-dritt Iżlamiku”, iżda jingħataw iktar “għażliet għal żmien twil, bħat-tqegħid f’familja foster jew f’istituzzjoni residenzjali adegwata, inklużi istituti u sistemi oħrajn ta’ akkomodazzjonijiet ta’ tutela”.


29      Fil-pajjiżi fejn hija awtorizzata, l-adozzjoni sempliċi jew inqas sħiħa, normalment, iżżomm ir-rabta ta’ filjazzjoni mal-familja preċedenti, mingħajr preġudizzju għar-relazzjonijiet ta’ din in-natura bejn il-persuna li tadotta u l-persuna adottata.


30      Test adottat mit‑18‑il sessjoni tal-Konferenza ta’ Den Haag dwar id-dritt internazzjonali privat. Pariġi, 15 ta’ Jannar 1997.


31      https://www.hcch.net/es/instruments/conventions/full-text/?cid=39.


32      Qorti EDB, sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Harroudj vs Franza (CE:ECHR:2012:1004JUD004363109), punt 48, fejn jiġi rripetut dak li jinsab fil-punt 21: “Mit‑22 Stat kontraenti li kienu suġġetti għal analiżi ta’ leġiżlazzjoni komparata [...], l-ebda wieħed ma assimila l-kafala stabbilita barra mill-pajjiż ma’ adozzjoni. Fejn il-qrati nazzjonali rrikonoxxew l-effetti ta’ kafala stabbilita barra mill-pajjiż, dejjem ipparagunawha ma’ tutela, kurazija jew tqegħid bi ħsieb ta’ adozzjoni”.


33      Ibidem, punt 41.


34      Ibidem, punti 46 sa 52.


35      Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2014, Chbihi Loudoudi vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2014:1216JUD005226510).


36      Ibidem, punti 78 u 79.


37      Ibidem, punti 101 u 102.


38      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).


39      Fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, fl-Artikolu 1, jagħmel riferiment għar-responsabbiltà tal-ġenituri b’riferiment għad-drittijiet tal-kustodja u d-drittijiet ta’ aċċess; it-tutela u l-kuratela u istituzzjonijiet simili; in-nomina u l-funzjonijiet ta’ xi persuni jew korp li għandhom l-inkarigu tal-minuri jew tal-proprjetà, ir-rappreżentanza jew tal-għajnuna tal-minuri; it-tqegħid taħt kustodja tal-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’kustodja istituzzjonali; u l-miżuri għall-protezzjoni tal-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew il-ħelsien tal-beni tagħhom. Dan immedjatament jeskludi l-kwistjonijiet dwar il-filjazzjoni u l-adozzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, bħal fil-każ tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996.


40      Opinjoni tal-kawża Health Service Executive (C‑92/12 PPU, EU:C:2012:177), punt 17: “[Ir-rapport Lagarde] jista’ jintuża, flimkien ma’ interpretazzjoni storika u sistematika tar-Regolament Nru 2201/2003, bħala indikazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar id-dritt ta’ kustodja huma bbażati fuq ix-xogħol preparatorju tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u fil-parti l-kbira tagħhom jirriproduċu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, u dan jgħodd ukoll għad-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża li jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu interpretati bl-istess mod sabiex jiġi evitat li l-eżitu jkun differenti skont jekk il-każ ikunx jikkonċerna Stat Membru ieħor jew Stat terz”.


41      Filwaqt li l-Gvern Pollakk u dak tar-Renju Unit iżommu l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri għad-definizzjoni tagħha, il-bqija tal-intervenjenti jargumentaw li hija interpretata b’mod awtonomu għall-Unjoni kollha.


42      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Nikiforidis (C‑135/15, EU:C:2016:774), punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata. Il-Gvern Pollakk jenfasizza l-użu tal-avverbju “normalment” f’din il-ġurisprudenza, iżda ma jispjegax għalfejn, f’dan il-każ, minkejja li d-dispożizzjoni ċċitata tad-Direttiva 2004/38 ma tagħmilx riferiment b’mod espress għad-dritt nazzjonali, għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regola ġenerali.


43      Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724), punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata. B’rabta mad-Direttiva 2004/38, l-Avukati Ġenerali Bot u Wathelet, rispettivament, jagħmlu riferiment għal din l-indikazzjoni fil-konklużjonijiet tagħhom tal-kawżi Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:174), punt 39; u Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:2), punti 34 u 35.


44      Kawża Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385).


45      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Coman et (C‑673/16 EU:C:2012:174), punti 33 sa 42.


46      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385), punt 35: “[G]ħandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, li l-kunċett ta’ ‘ir-raġel jew martu;’ [konjuġi], fis-sens tad-Direttiva 2004/38, huwa newtru mill-perspettiva tal-ġeneru u għalhekk jista’ jinkludi l-konjuġi tal-istess sess taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat”.


47      Ibidem, punt 36.


48      Għalhekk, l-aġġettiv kwalifikattiv awtomatiku għandu jiġi aġġustat skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38, “[i]d-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ ‘Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni’”. Dan il-ħruġ huwa suġġett għall-preżentazzjoni, fost dokumenti oħrajn, ta’ dak li “juri l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ familja jew ta’ unjoni reġistrata” u “fil-każijiet li jaqgħu taħt il-punti (ċ) [dixxendenti diretti] u (d) ta’ l-Artikolu 2(2), evidenza dokumentata li turi li l-kondizzjonijiet stabbiliti hawn qed jintlaħqu”.


49      Li fosthom hemm dak li wieħed ikun dipendenti fuq jew jgħix ma’ ċittadin tal-Unjoni li għandu d-dritt ta’ residenza, bħal f’dan il-każ.


50      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38. Għalhekk, dawk li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi u jappartjenu lill-familja estiża jgawdu minn vantaġġ li jirriżulta mir-rabtiet tal-familja tagħhom ma’ ċittadini tal-Unjoni, minħabba li l-Istati Membri (għalkemm mhux b’mod inkundizzjonat) jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza tagħhom.


51      L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38.


52      “Għalkemm [...] l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 ma jobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza lil persuni li huma membri tal-familja, fis-sens wiesa’ tat-terminu, li huma dipendenti ta’ ċittadin tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt, kif jirriżulta mill-użu tal-preżent indikattiv ‘jiffaċilita’ fl-imsemmi Artikolu 3(2), li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri obbligu li jagħtu ċertu vantaġġ lit-talbiet magħmula minn persuni li għandhom rabta ta’ dipendenza partikolari fil-konfront ta’ ċittadin tal-Unjoni, meta mqabbla mat-talbiet għal dħul u għal residenza ta’ ċittadini oħrajn ta’ Stati terzi”. Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:519), punt 21.


53      Punt 21 tad-digriet tar-rinviju.


54      Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).


55      Artikolu 4(1)(b), (ċ) u (d) tad-Direttiva 2003/86 (enfasi miżjuda).


56      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


57      Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50).


58      Bl-istess mod, l-Artikolu 3(4)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (ĠU 2006, L 405, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 29, p. 3); l-Artikolu 2(5)(a) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1); jew l-Artikolu 3(24) tad-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU 2016, L 132, p. 21).


59      Artikolu 1(i) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).


60      Aire Centre, Choram Children Legal Centre, SM u l-Kummissjoni nnifisha.


61      Punt 28.


62      “Bla ħsara għal kwistjonijiet marbuta mal-għarfien ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali, il-kunċett ta’ qraba diretti f’linji dixxendenti u axxendenti jestendi għal relazzjonijiet adottivi jew minuri li jkunu fil-kustodja ta’ gwardjan legali permanenti. Tfal iffosterjati u ġenituri ta’ tfal iffosterjati li jkollhom kustodja temporanja jista’ jkollhom drittijiet skont id-Direttiva, skont kemm ikunu qawwija r-rabtiet fil-każ partikolari. Ma hemm l-ebda restrizzjoni fejn jidħol il-grad ta’ qrubija. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jitolbu l-provi tar-relazzjoni familjari li tagħha jintalab għarfien” (enfasi miżjuda).


63      Punti 40 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64      F’dan ir-rigward, esprimew l-opinjoni tagħhom il-Gvern Brittaniku (punti 52 et seq tal-osservazzjonijiet tiegħu) u Ġermaniż (punti 32 et seq tal-osservazzjonijiet tiegħu).


65      Fil-punt 56 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, SM innifisha (jiġifieri, id-difensuri tagħha fil-proċedura legali) tafferma li “jkun abonimabbli għas-Sur M u għas-Sinjura M li ma jżommux (jew li jiġi mistenni li ma jżommux) il-wegħda li għamlu lill-qorti Alġerina li lil SM kienu ser jipprovdulha edukazzjoni Iżlamika u jadottawha skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag [tal‑1993], li hija pprojbita mil-liġi tal-Alġerija”.


66      Fil-każ ta’ Franza, il-Qorti EDB ikkunsidrat li r-regola ta’ kunflitt iddikjarata fl-Artikolu 370‑3 tal-Kodiċi Ċivili (“l-adozzjoni ta’ minuri barrani ma tistax tiġi awtorizzata jekk il-liġi personali tiegħu tipprojbixxi din l-istituzzjoni, sakemm il-minuri ma jkunx twieled u rrisjeda abitwalment fi Franza”), li l-applikazzjoni tagħha għall-makfula Alġerini ostakolat l-adozzjoni tagħha fi Franza, minħabba l-projbizzjoni fis-seħħ fl-Alġerija, setgħet twassal għall-possibbiltà li ssir l-adozzjoni meta l-minuri tkun kisbet in-nazzjonalità Franċiża. Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Harroudj vs Franza (CE:ECHR:2012:1004JUD004363109), punt 51.


67      Sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Harroudj vs Franza (CE:ECHR:2012:1004JUD004363109), u tas‑16 ta’ Diċembru 2014, Chbihi et vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2014:1216JUD005226510).


68      Bl-aġġustament imsemmi diġà fin-nota 48.


69      Punt 13 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


70      Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2014 (CE:ECHR:2014:1216JUD005226510), punt 89.


71      Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012 (CE:ECHR:2012:1004JUD004363109).


72      Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2014 (CE:ECHR:2014:1216JUD005226510), punt 92.


73      Ibidem, punt 93.


74      Il-Qorti EDB tagħmel riferiment għall-punti 64 u 65 tas-sentenza nnifisha, fejn tiġi deskritta s-sistema ta’ tutela mhux uffiċjali permezz ta’ traskrizzjoni tal-Artikolu 475 bis tal-Kodiċi Ċivili Belġjan: “Meta persuna ta’ mill-inqas 25 sena timpenja ruħha sabiex tmantni minuri dipendenti, tedukah u twasslu fi stat li jkun jista’ jaqla’ l-għajxien tiegħu, din tista’ ssir il-kustodju informali tiegħu permezz ta’ ftehim ta’ dawk li jeħtieġ il-kunsens tagħhom għall-adozzjoni ta’ minuri”.


75      Ibidem, punt 102.


76      Sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926), punt 71. Din il-kawża tirrigwarda istituzzjoni Rumena li “hija intiża li tintegra lill-minuri mqiegħed taħt ir-responsabbiltà ta’ assistent matern, b’mod kontinwu u għal żmien twil, fid-dar u fil-familja ta’ dan l-assistent” (punt 62). L-adozzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi għandha kontenut simili għal dak tal-kafala, fir-rigward tal-ħarsien tal-minuri.


77      Artikoli 4 u 5, kif ukoll 14 et seq.


78      Fil-paragrafu 2 tiegħu jingħad ukoll li “[d-]deċiżjoni fuq it-tqegħid jew proviżjoni ta’ kura tista’ tiġi magħmula fl-Istat rikjest biss jekk l-Awtorità Ċentrali jew awtorità kompetenti oħra ta’ l-Istat rikjest ikkonsentit għat-tqegħid jew provizjoni ta’ kura, b’kont meħud ta’ l-aħjar interessi tat-tifel”. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati differenti hija ferm sinjifikattiva, minħabba li, fil-konfront tar-regola ġenerali ta’ rikonoxximent ipso jure tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet tal-Istat kontraenti, jiġi aċċettat ir-rifjut, fost każijiet oħrajn, jekk ma tkunx ġiet osservata l-proċedura tal-Artikolu 33 (bl-istess mod, l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996).


79      “L-Artikolu 56(2) tar-Regolament huwa intiż li jippermetti, minn naħa, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat mitlub jagħtu jew ma jagħtux il-kunsens tagħhom fir-rigward tal-eventwali akkoljenza tal-minuri inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, lill-qrati tal-Istat li jagħmel it-talba jiżguraw ruħhom, qabel ma jieħdu d-deċiżjoni li jqiegħdu minuri f’istituzzjoni, li fl-Istat mitlub ser jittieħdu l-miżuri meħtieġa għat-tqegħid f’dan l-Istat. [...] [H]uwa meħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub tagħti l-kunsens tagħha għat-tqegħid qabel mal-qorti tal-Istat Membru li jagħmel it-talba tieħu d-deċiżjoni ta’ tqegħid. In-natura obbligatorja tal-kunsens hija enfasizzata mill-fatt li l-Artikolu 23(g) tar-Regolament jipprovdi li deċiżjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri ma għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk il-proċedura prevista fl-Artikolu 56 ma tkunx ġiet osservata”. Sentenza tas‑26 ta’ April 2012, Health Service Executive (C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255), punti 80 u 81.


80      Meta dawn tal-aħħar jiġu adottati, il-verifika tal-interessi tal-minuri tkun diġà saret, b’konformità mar-regoli proċedurali sabiex titwettaq l-adozzjoni, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż korrispondenti (jew, jekk ikun il-każ, kieku l-adozzjoni kienet internazzjonali, tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1993).


81      Naturalment, din ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza hija suġġetta għall-konformità mar-rekwiżiti stretti stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.


82      Ma huwiex minħabba din ir-raġuni li d-domanda preliminari ma hijiex inammissibbli, kif argumentaw uħud mill-partijiet, ladarba l-qorti tar-rinviju biss tinsab f’pożizzjoni li tkun taf jekk il-punti ta’ fatt tal-kawża humiex marbuta mal-għan ta’ din id-domanda.


83      Punt 30 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


84      Il-premessa 23 tad-Direttiva 2004/38 tirreferi għall-prinċipju ta’ proporzjonalità għall-applikazzjoni tal-miżura ta’ tkeċċija, b’tali mod li għandu “jkun ikkunsidrat il-grad ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati, it-tul tar-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, l-età tagħhom, il-kondizzjonijiet ta’ saħħa, tas-sitwazzjoni familjari u ekonomika u r-rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini”.


85      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy (C‑202/13, EU:C:2014:2450), punti 43 sa 58, dwar il-garanziji u r-restrizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38.


86      Punti 76 u 77 tal-osservazzjonijiet tagħha.


87      Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU 2011, L 101, p. 1).


88      L-“adozzjoni illegali jew iż-żwieġ furzat” isir riferiment għalihom fil-premessa 11 tad-Direttiva 2011/36.


89      Dawn huma l-metodi ta’ sfruttament, mhux eżawrjenti, li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2011/36.


90      Punti 58 sa 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet.