Language of document : ECLI:EU:C:2019:182

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fis‑7 ta’ Marzu 2019(1)

Kawża C32/18

Tiroler Gebietskrankenkasse

vs

Michael Moser

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il‑Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 883/2004 — Artikolu 5 — Regolament (KE) Nru 987/2009 — Artikolu 60 — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Benefiċċju tal-familja — Dritt għad-differenza bejn l-ammont tal-allowance parentali mħallsa fl-Istat Membru kompetenti fuq bażi ta’ preċedenza u l-allowance għaż-żamma ta’ wild tal-Istat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, fl-essenza tagħha, l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (2). Il-Qorti tal-Ġustizzja hija wkoll mistiedna tindika liema “dħul” għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju tal-familja mitlub.

2.        It-talba tressqet fi proċeduri bejn Michael Moser u t-Tiroler Gebietskrankenkasse (il-Fond Reġjonali ta’ Assigurazzjoni għas-Saħħa ta’ Tyrol, l-Awstrija) dwar it-talba tiegħu sabiex jirċievi l-ħlas tad-differenza bejn dak deskritt bħala l-“Elterngeld” (l-allowance parentali Ġermaniża) u l-“Kinderbetreuungsgeld” (l-allowance għaż-żamma ta’ wild Awstrijaka). Qabel ma jiġu kkunsidrati l-fatti ta’ din il-kawża, huwa madankollu neċessarju li l-ewwel jiġu indikati d-dettalji tal-leġiżlazzjoni rilevanti.

II.    Il-kuntest legali

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (3)

3.        Il-premessi 9, 10, 11 u 12 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdu:

“(9)      Il-Qorti tal-Ġustizzja tat, diversi drabi, opinjoni dwar il-possibbiltà ta’ trattament ugwali fir-rigward ta’ benefiċċji, dħul u fatti; dan il-prinċipju għandhu jkun adottat b’mod espliċitu u żviluppat skond is-sustanza u l-ispirtu ta’ deċiżjonijiet legali.

(10)       Madanakollu, il-prinċipju li ċerti fatti jew każijiet li jiġru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jkunu trattati bħallikieku ġraw fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li tapplika l-leġislazzjoniji tiegħu, ma għandux ifixkel il-prinċipju li perjodi ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg, ta’ impjieg għal rashom jew ta’ residenza magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jingħaddu flimkien ma’ dawk il-perjodu magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti. Għaldaqstant, perjodi magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor għandhom jitqiesu biss billi jkun applikat il-prinċipju li perjodi jingħaddu flimkien.

(11)       L-assimilazzjoni ta’ fatti u każijiet li jiġru fi Stat Membru ma tista’ bl-ebda mod tagħmel Stat Membru ieħor kompetenti jew tagħmel applikabbli l-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

(12)       Fid-dawl ta’ proporzjonalità, għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun assigurat li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni ta’ fatti jew każijiet ma jwassalx għal riżultati li, b’mod oġġettiv, ma jkunux ġustifikati jew għall-overlapping ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip għall-istess perjodu.”

4.        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa intitolat “Trattament ugwali”, u jipprovdi: “[s]akemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru”.

5.        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa intitolat “Trattament ugwali ta’ benefiċċji, dħul, fatti u każijiet” u jipprovdi ulterjorment:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:

(a)      meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, ir-riċeviment ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u ta’ dħul ieħor joħloq ċerti effetti legali, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dik il-leġislazzjoni għandhom japplikaw ukoll għar-riċeviment ta’ benefiċċji ekwivalenti miksuba taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għal dħul miksub fi Stat Membru ieħor;

(b)      meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, jkunu attribwiti ċerti effetti legali meta jseħħu ċerti fatti jew każijiet, dak l-Istat Membru għandu jqis fatti u każijiet simili li jseħħu fi kwalunkwe Stat Membru bħallikieku seħħew fit-territorju tiegħu.”

6.        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004 jagħmilha ċara li, “[s]akemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tagħmel [...] il-kisba, iż-żamma, id-dewmien jew l-irkupru tad-dritt għal benefiċċji, [...] l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni, jew [...] l-aċċess għal jew l-eżenzjoni minn assigurazzjoni obligatorja, minn assigurazzjoni kontinwata mhux obbligatorja jew volontarja, kondizzjonali fuq l-ikkomplimentar ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza, għandha, sa fejn ikun hemm bżonn, tqis perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor bħallikieku kienu perjodi magħmula taħt il-leġislazzjoni applikabbli”.

7.        Il-Kapitolu 8 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 883/2004 jirrigwarda l-benefiċċji tal-familja. Skont l-Artikolu 67 (li huwa intitolat “Membri tal-familja li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor”):

“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu.”

8.        Fl-istess kapitolu, l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi r-regoli dwar preċedenza fil-każ ta’ sovrapożizzjoni ta’ drittijiet:

“1. Meta, matul l-istess perjodu u għall-istess membri tal-familja, jingħataw benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, dawn ir-regoli dwar preċedenza għandhom japplikaw:

(a)      fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq bażijiet differenti, l-ordni ta’ preċedenza għandha tkun kif ġej: l-ewwel nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, it-tieni nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ riċeviment ta’ pensjoni, u fl-aħħar nett, drittijiet miksuba fuq il-bażi ta’ residenza;

(b)      fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq l-istess bażi, l-ordni ta’ preċedenza għandha tkun stabbilita b’referenza għal kriterji sussidjarji li ġejjin:

(i)      fil-każ ta’ drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha: il-post ta’ residenza tat-tfal, sakemm ikun hemm attività bħal din, u b’mod addizzjonali, fejn jixraq, l-akbar ammont ta’ benefiċċji mogħti mill-leġislazzjonijiet differenti. Fil-każ imsemmi l-aħħar, l-ispejjeż tal-benefiċċji għandhom jinqassmu skond il-kriterji stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni;

[…]

2. Fil-każ li jkun hemm overlapping bejn il-benefiċċji li għalihom hija intitolata persuna, benefiċċji marbutin mal-familja għandhom jingħataw skond il-leġislazzjoni indikata bħala l-leġislazzjoni li għandha preċedenza skond il-paragrafu 1. L-intitolar għal benefiċċji tal-familja taħt leġislazzjoni jew leġislazzjonijiet oħrajn li ma jaqblux għandu jkun sospiż sa’ l-ammont stabbilit mill-ewwel leġislazzjoni u għandu jingħata suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza, jekk ikun meħtieġ, fis-somma li taqbeż dan l-ammont. [...]

[…]”

2.      Ir-Regolament Nru 987/2009

9.        L-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jipprovdi:

“L-applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja għandha tiġi indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament [Nru 883/2004], għandha titqies is-sitwazzjoni tal-familja kollha jekk [daqslikieku] il-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u residenti hemmhekk, b’mod partikolari rigward id-dritt ta’ persuna li jintalbu benefiċċji bħal dawn […]”

B.      Id-dritt Awstrijak

1.      Il-Liġi dwar l-Allowance għaż-Żamma ta’ Wild

10.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-Kinderbetreuungsgeldgesetz (il-Liġi Awstrijaka dwar l-Allowance għaż-Żamma ta’ Wild, iktar ’il quddiem il-“KBGG”) (4) inizjalment ipprevediet li l-“Kinderbetreuungsgeld” tkun benefiċċju tal-familja. Madankollu, minn dak iż-żmien, il-“Kinderbetreuungsgeld” kienet dovuta fuq bażi ta’ rata fissa irrispettivament minn kull attività professjonali preċedenti. Il-liġi inkwistjoni inizjalment kienet tipprovdi għal tliet strati alternattivi ta’ eliġibbiltà, fil-forma ta’ tliet rati fissi dovuti għall-perijodu sakemm il-wild jagħlaq l-etajiet ta’ 30 jew ta’ 36 xahar, 20 jew 24 xahar u 15 jew 18‑il xahar rispettivament, fejn l-ammont tar-rata fissa jkun dipendenti fuq l-għażla magħmula (il-perijodu ta’ benefiċċju). Il-liġi ppubblikata fil-BGB1 I 2009/116 mhux biss introduċiet ir-raba’ strata ta’ rata fissa (12‑il xahar b’żieda ta’ xahrejn) iżda wkoll ħolqot dritt li tiġi rċevuta l-“Kinderbetreuungsgeld” bħala sostitut għad-dħul, f’ammont dipendenti fuq dħul preċedenti.

11.      L-Artikolu 6(3) (fil-verżjoni ppubblikata fil-BGBl. I 116/2009) jipprovdi:

“L-intitolament għall-‘Kinderbetreuungsgeld’ għandu, sakemm il-persuna kkonċernata tkun intitolata għal benefiċċji tal-familja komparabbli fi Stat ieħor, ikun sospiż sal-ammont tal-benefiċċji dovuti fl-Istat l-ieħor. Id-differenza bejn il-benefiċċji tal-familja komparabbli dovuti fl-Istat l-ieħor u l-‘Kinderbetreuungsgeld’ għandha tiġi akkreditata lill-‘Kinderbetreuungsgeld’ ġaladarba l-benefiċċji tal-familja komparabbli fl-Istat l-ieħor jieqfu jitħallsu”.

12.      L-Artikolu 24 (fil-verżjoni ppubblikata fil-BGBl. I 117/2013) jipprovdi:

“(1)      Għall-iskopijiet ta’ din it-taqsima, ġenitur [...] għandu jkun intitolat għall-‘Kinderbetreuungsgeld’ għall-wild tiegħu jew tagħha [...], sakemm:

1.      il-kundizzjonijiet tal-intitolament stabbiliti fil-punti 1, 2, 4 u 5 tal-Artikolu 2(1), ikunu ssodisfatti;

2.      għas-sitt xhur li jippreċedu immedjatament it-twelid tal-wild li għalih ser tintalab il-‘Kinderbetreuungsgeld’, dan il-ġenitur kien ilu f’attività professjonali kontinwa fis-sens tal-paragrafu (2) u ma rċieva ebda allowances tal-qagħad matul dan il-perijodu, fejn l-intitolament għall-allowance ma kienx affettwat minn interruzzjonijiet ta’ mhux iżjed minn total ta’ 14‑il ġurnata tal-kalendarju.

(2)      Għall-iskopijiet ta’ din il-Liġi Federali, attività professjonali għandha tfisser l-eżerċizzju effettiv ta’ attività professjonali suġġetta għal kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-Awstrija

[…]”

13.      L-Artikolu 24a (fil-verżjoni ppubblikata fil-BGBl. I 139/2011) jipprovdi:

“(1)      Il-‘Kinderbetreuungsgeld’ għandha tkun, għal kull ġurnata, ugwali għal:

1.      fil-każ ta’ mara li tirċievi benefiċċju tal-maternità, 80 % tal-benefiċċju tal-maternità previst mid-dritt Awstrijak, espress bħala rata bbażata fuq kull ġurnata tal-kalendarju, dovut fl-okkażjoni tat-twelid ta’ kwalunkwe wild li għalih tkun ġiet mitluba l-‘Kinderbetreuungsgeld’, [...]

3.      fil-każ ta’ missier, 80 % tal-benefiċċju tal-maternità, espress bħala rata bbażata fuq kull ġurnata tal-kalendarju u li għandu jiġi kkalkolat b’mod fittizju, li jkun dovut lil mara fl-istess pożizzjoni tiegħu fl-okkażjoni tat-twelid ta’ kwalunkwe wild li għalih tkun ġiet mitluba l-“Kinderbetreuungsgeld”.

(2)      Il-‘Kinderbetreuungsgeld’ kif prevista fil-paragrafu (1) għandha, fi kwalunkwe każ, tkun almenu daqs ir-rata ta’ kuljum imsemmija fil-punt 5 tal-paragrafu 1 iżda ma għandhiex teċċedi EUR 66 għal kull ġurnata”.

14.      Skont l-Artikolu 24b (fil-verżjoni ppubblikata fil-BGBl. I 116/2009), “[f]ejn il-‘Kinderbetreuungsgeld’ tkun ġiet mitluba minn ġenitur wieħed biss, hija tkun dovuta, bħala massimu, sa meta l-wild jagħlaq l-età ta’ 12‑il xahar. Fejn dan il-benefiċċju jintalab mit-tieni ġenitur ukoll, il-perijodu ta’ intitolament għandu jkun estiż bil-perijodu li għalih it-tieni ġenitur ikun qiegħed jitlob, imma ma għandux jeċċedi l-punt li fih il-wild jagħlaq l-età ta’ 14‑il xahar. Huma biss il-perijodi ta’ rċevuta effettiva tal-benefiċċju li għandhom jitqiesu bħala perijodi li għalihom saret talba”.

2.      Il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali

15.      L-Artikolu 162(3) tal-Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (il-Liġi Ġenerali Awstrijaka dwar is-Sigurtà Soċjali) jipprovdi:

“Il-benefiċċju tal-maternità għandu jkun dovut fl-ammont ekwivalenti għad-dħul medju, espress bħala rata bbażata fuq kull ġurnata tal-kalendarju, li jkun ġie miksub fit‑13‑il ġimgħa ([...] tliet xhur tal-kalendarju) ta’ qabel ir-riskju assigurat tal-maternità, wara li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet legali.

[...]”.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali

16.      Michael Moser u s-Sinjura Moser jgħixu maż-żewġt itfal bniet tagħhom fil-Ġermanja. Is-Sinjura Moser ilha impjegata bħala ħaddiema transkonfinali fl-Awstrija mill‑1 ta’ Lulju 1996. Michael Moser ilu impjegat fil-Ġermanja mill‑1992.

17.      Wara t-twelid tat-tieni tifla tagħhom fid‑29 ta’ Awwissu 2013, is-Sinjura Moser irranġat mal-persuna Awstrijaka li timpjegaha sabiex tieħu perijodu ta’ “Karenz” (il-leave parentali Awstrijak) sat‑28 ta’ Mejju 2015. Il-konvenut, Tiroler Gebietskrankenkasse, ħallas lis-Sinjura Moser ċerti ħlasijiet supplimentari flimkien mal-“Kinderbetreuungsgeld” Awstrijaka, li hija marbuta mad-dħul, fir-rigward tat-tieni tifla. Dawn il-ħlasijiet addizzjonali ammontaw għal EUR 785.84 għall-perijodu ta’ 188 ġurnata mill‑25 ta’ Ottubru 2013 sat‑30 ta’ April 2014 u għal EUR 129.68 għall-perijodu ta’ 31 ġurnata mill‑1 ta’ Mejju 2014 sal‑31 ta’ Mejju 2014.

18.      Min-naħa tiegħu, sabiex jieħu ħsieb it-tieni tifla tagħhom, M. Moser ħa l-“Elternzeit” (il-leave parentali Ġermaniż) mid‑29 ta’ Ġunju sat‑28 ta’ Awwissu 2014 u rċieva l-“Elterngeld” fl-ammont ta’ EUR 3 600 fil‑Ġermanja.

19.      Fil-proċeduri inizjali quddiem il-Landesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali ta’ Innsbruck, l-Awstrija), li kienet qiegħda taġixxi bħala qorti industrijali u tas-sigurtà soċjali, is-Sinjura Moser talbet, b’suċċess, somma supplimentari addizzjonali għall-“Kinderbetreuungsgeld” għall-perijodi mill‑25 ta’ Ottubru 2013 sat‑28 ta’ Ġunju 2014 u mid‑29 ta’ Awwissu sat‑28 ta’ Ottubru 2014. Fi proċeduri oħra quddiem l-istess qorti, M. Moser talab ħlas supplimentari addizzjonali għall-“Kinderbetreuungsgeld”, li hija marbuta mad-dħul, fl-ammont ta’ EUR 66 għal kull ġurnata għall-perijodu tal-leave parentali Ġermaniż tiegħu mid‑29 ta’ Ġunju sat‑28 ta’ Awwissu 2014.

20.      Dawn iż-żewġ kawżi ġew magħquda flimkien għall-iskopijiet ta’ proċedura u sentenza komuni. Il-proċeduri mressqa mis-Sinjura Moser ġew konklużi permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2017. It-talba supplimentari tagħha ġiet finalment konkluża. B’kuntrast, madankollu, il-Landesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali ta’ Innsbruck), li kienet qiegħda taġixxi bħala qorti industrijali u tas-sigurtà soċjali, ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn M. Moser.

21.      Wara appell, il-qorti tat-tieni istanza (l-Oberlandesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Innsbruck, l-Awstrija), irriformat id-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza. Hija ordnat lit-Tiroler Gebietskrankenkasse jħallas lil M. Moser ħlas supplimentari għall-“Kinderbetreuungsgeld”, li hija marbuta mad-dħul, fl-ammont ta’ EUR 29.86 għal kull ġurnata għall-perijodu mid‑29 ta’ Ġunju sat‑28 ta’ Awwissu 2014, jiġifieri total ta’ EUR 1 821.46. Hija ċaħdet, mingħajr kontestazzjoni, il-kumplament tat-talba.

22.      It-Tiroler Gebietskrankenkasse ppreżenta appell fuq punt ta’ liġi quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) kontra din id-deċiżjoni. Huwa jisħaq li r-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu. Il-kwistjoni, għaldaqstant, hija jekk M. Moser huwiex intitolat għall-ħlas tad-differenza bejn l-“Elterngeld” Ġermaniża u l-“Kinderbetreuungsgeld” Awstrijaka, li hija marbuta mad-dħul, għall-perijodu tal-leave parentali Ġermaniż tiegħu mid‑29 ta’ Ġunju sat‑28 ta’ Awwissu 2014.

23.      Skont M. Moser, il-kompetenza fuq bażi sussidjarja tal-Awstrija tirriżulta mir-relazzjoni kontinwa ta’ impjieg ta’ martu ma’ persuna Awstrijaka li timpjega. L-Artikolu 24(2) tal-KBGG ikun imur kontra d-dritt tal-Unjoni li kieku jirrikjedi l-eżerċizzju effettiv ta’ attività professjonali suġġetta għal kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-Awstrija.

24.      It-Tiroler Gebietskrankenkasse jikkontesta l-obbligu tiegħu li jagħmel ħlas supplimentari. Huwa jikkontendi li l-missier ma jissodisfax il-kundizzjonijiet nazzjonali tal-intitolament għaliex huwa ma kienx kontinwament impjegat f’attività professjonali suġġetta għal kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew f’attività ekwivalenti fil-perijodu ta’ sitt xhur qabel it-twelid tat-tieni tifla tiegħu. Ir-Regolament Nru 883/2004 huwa llimitat għall-koordinazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li jinvolvu l-intitolament f’iżjed minn Stat wieħed. Huwa jikkontendi li l-komponent transkonfinali previst fir-Regolament Nru 883/2004 jkun, f’dan il-każ, nieqes.

25.      Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-fatt li l-punt 2 tal-Artikolu 24(1), moqri flimkien mal-Artikolu 24(2) tal-KBGG jirrestrinġi t-tifsira ta’ attività professjonali għal attività suġġetta għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li hija mwettqa esklużivament fl-Awstrija ġie kkunsidrat mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) bħala li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

26.      Iktar minn hekk, il-qorti tar-rinviju tassumi li M. Moser jissodisfa l-kundizzjonijiet ratione temporis stabbiliti mid-dritt nazzjonali sabiex issir talba, fil-forma ta’ perijodu minimu ta’ benefiċċju ta’ xahrejn (l-Artikolu 5(4) tal-KBGG) u minimu ta’ sitt xhur ta’ attività professjonali kontinwa qabel it-twelid tal-wild (il-punt 1 tal-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 24(2) tal-KBGG).

27.      F’dan il-kuntest, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 883/2004 u tar-Regolament Nru 987/2009. B’mod partikolari, fil-każ tal-familja Moser, hemm żewġ kwistjonijiet kontenzjużi.

28.      L-ewwel waħda, jekk il-fatt li t-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 tirrikjedi li s-sitwazzjoni tal-familja kollha tiġi kkunsidrata jagħtix lil missier dritt skont id-dritt tal-Unjoni għad-differenza fir-rigward tal-“Kinderbetreuungsgeld” Awstrijaka, li hija marbuta mad-dħul, fil-każ fejn l-Awstrija għandha kompetenza fuq bażi sussidjarja esklużivament fuq il-bażi tal-fatt li hija l-Istat tal-impjieg tal-omm u diġà ħallset lill-omm żieda għall-“Kinderbetreuungsgeld” Awstrijaka, li hija marbuta mad-dħul, li għaliha hija intitolata. It-tieni waħda, jekk l-ugwaljanza fit-trattament tal-benefiċċji, fatti jew każijiet prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 tindikax li d-dħul miksub minn M. Moser fil-Ġermanja għandu jifforma l-bażi għall-kalkolu tal-“Kinderbetreuungsgeld”, li hija marbuta mad-dħul, u tas-suppliment differenzjali.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirreferi d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1) It-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 [...] għandha tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja (l-Awstrija) huwa marbut li jħallas bħala benefiċċju tal-familja, lil ġenitur residenti u li jaħdem fi Stat Membru kompetenti fuq bażi ta’ preċedenza skont l-Artikolu 68(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 (il-Ġermanja), id-differenza bejn l-ammont tal-allowance parentali [Elterngeld] imħallsa fl-Istat Membru kompetenti fuq bażi ta’ preċedenza u l-allowance għaż-żamma ta’ wild [Betreuungsgeld] fil-varjant tagħha marbut mad-dħul previst fl-Istat Membru l-ieħor, meta ż-żewġ ġenituri jkunu jirrisjedu mal-wild komuni fl-Istat Membru kompetenti fuq bażi ta’ preċedenza u t-tieni ġenitur biss ikun jeżerċita attività professjonali fl-Istat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja, bħala ħaddiem transkonfinali?

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

2) L-allowance għaż-żamma ta’ wild għandha tiġi kkalkolata fil-varjant tagħha marbut mad-dħul skont id-dħul fil-fatt miksub fl-Istat tal-impjieg (il-Ġermanja) jew skont id-dħul ipotetikament miksub fl-Istat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja (l-Awstrija) għal attività professjonali komparabbli?”

30.      Ir-rikorrent u l-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ċek, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea, issottomettew osservazzjonijiet bil-miktub.

31.      Ir-rikorrent, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea attendew ukoll is-seduta tat‑30 ta’ Jannar 2019 u ppreżentaw sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

V.      Analiżi

32.      Bla ħsara għal kwalunkwe risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti għall-ewwel domanda preliminari, iżda, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn il-konklużjonijiet nipproponi li nillimita l-osservazzjonijiet tiegħi għat-tieni domanda magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema).

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat kwistjoni simili fil-kawża Bergström (5). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkalkolat l-ammont ta’ benefiċċju tal-familja mogħti lil persuna li wettqet fis-sħiħ il-perijodi ta’ impjieg neċessarji għall-akkwist ta’ dan id-dritt fi Stat Membru ieħor billi kkunsidrat fuq bażi ipotetika d-dħul ta’ persuna li għandha esperjenza u kwalifiki komparabbli u li b’mod simili hija impjegata fl-Istat Membru li fih intalab dan il-benefiċċju.

34.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-ugwaljanza fit-trattament tal-benefiċċji, fatti jew każijiet prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 tista’ tindika li d-dħul miksub minn M. Moser fil-Ġermanja għandu jifforma l-bażi għall-kalkolu tal-“Kinderbetreuungsgeld”, li hija marbuta mad-dħul, u tas-suppliment differenzjali. Min-naħa tiegħi, madankollu, ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni. Inqis li r-raġunament mogħti fis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Bergström, huwa effettivament deċiżiv f’dan il-każ. Kwalunkwe konklużjoni oħra tkun tammonta għall-annullament tal-effett ta’ din is-sentenza preċedenti mingħajr ebda bażi legali jew fattwali sabiex isir hekk (6).

A.      Is-Sentenza tal15 ta’ Diċembru 2011, Bergström (C257/10, EU:C:2011:839)

35.      Hekk kif għadni kemm indikajt, fis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Bergström, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tassimila d-dħul irċevut f’pajjiż terz mad-dħul nazzjonali li jservi, skont id-dritt nazzjonali involut, bħala bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju tal-familja mitlub.

36.      F’dik il-kawża, ir-rikorrenti, ċittadina Svediża, kienet preċedentement stabbilixxiet ruħha fl-Isvizzera u kienet impjegata hemm sat-twelid tat-tifla tagħha fl‑2002. Sussegwentement hija ċċaqalqet lejn l-Isvezja mar-raġel tagħha. Huwa ġie impjegat, iżda hija baqgħet id-dar sabiex tieħu ħsieb it-tifla tagħha. E. Bergström sussegwentement applikat għal benefiċċju parentali kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul Svizzeru li hija kellha preċedentement mill-impjieg tagħha f’dak il-pajjiż.

37.      Skont id-dritt nazzjonali applikabbli, il-benefiċċju tal-familja inkwistjoni kien jekwivali fil-valur għal dawk il-benefiċċji ta’ kuljum li kienu stabbiliti skont ir-regoli li jirregolaw l-assigurazzjoni għall-mard. Il-benefiċċju tal-familja inkwistjoni kien marbut mad-dħul annwali tal-assigurat soċjali.

38.      F’tali ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kellhom għaldaqstant jiġu kkunsidrati r-regoli rilevanti, li jirrigwardaw is-settur “mard” tas-sigurtà soċjali stabbilit fir-regolament applikabbli f’dak iż-żmien, jiġifieri r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (7), sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-benefiċċji tal-familja għal dik il-kategorija partikolari.

39.      Skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1408/71, id-dħul huwa stabbilit jew b’riferiment għall-qligħ matul perijodi mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni tal-istituzzjoni kompetenti, jew b’riferiment għall-qligħ standard għall-perijodi mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni msemmija (jiġifieri, fil-każ ta’ E. Bergström, taħt id-dritt Svediż).

40.      Minħabba li E. Bergström ma kienet qiegħda tirċievi ebda dħul fl-Isvezja matul il-perijodu ta’ riferiment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “sabiex jingħata effett utli [...] lill-Artikolu 72 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, [...] kif ukoll sabiex tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita [...] fl-Artikolu 3(1) tar-regolament imsemmi, id-dħul ta’ riferiment ta’ E. Bergström għandu jiġi kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul ta’ persuna li teżerċita, fl-Isvezja, attività paragunabbli għal tagħha u li għandha esperjenza u kwalifiki professjonali paragunabbli wkoll ma’ dawk tal-persuna interessata” (8).

41.      Is-sinjifikanza vera tal-kawża Bergström, madankollu, tinsab fil-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li r-Regolament Nru 1408/71 kellu l-effett li jassimila d-dħul Svizzeru ta’ E. Bergström mad-dħul nazzjonali li fl-Isvezja serva bħala l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju tal-familja mitlub. Minħabba li E. Bergström ma kellha ebda qligħ Svediż rilevanti għal dan l-iskop, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex id-dispożizzjonijiet globali tar-Regolament Nru 1408/71 ikunu effettivi u jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament, dan id-dħul ta’ riferiment kellu jiġi kkalkolat billi jsir riferiment għad-dħul fittizju tal-impjegat Svediż ipotetiku li kellu l-istess kwalifiki u esperjenza.

B.      Applikazzjoni għal din il-kawża

42.      Fl-evalwazzjoni tas-sinjifikanza tad-deċiżjoni fil-kawża Bergström jeħtieġ li jitfakkar li r-regoli li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet bħala l-bażi għall-konklużjoni tagħha, jiġifieri l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 23 u l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71, xorta japplikaw sa fejn ir-Regolament Nru 883/2004 huwa kkonċernat (9).

43.      Il-fatt li M. Moser ma ċċaqlaqx mill-Ġermanja lejn l-Awstrija – mhux bħal E. Bergström li kienet iċċaqalqet mill-Isvizzera lejn l-Isvezja – ma jibdilx din il-perspettiva. Id-deċiżjoni fil-kawża Bergström ma tiddependix fuq il-fatt li r-rikorrenti f’dik il-kawża kienet eżerċitat id-drittijiet ta’ moviment liberu tagħha. Pjuttost, dak li kien kritiku fir-rigward tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja kien li l-qligħ effettiv Svizzeru ta’ E. Bergström ma setax jiġi kkunsidrat għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-benefiċċju tal-familja dovut lilha fl-Isvezja. Il-kwistjoni legali hija għaldaqstant simili fiż-żewġ sitwazzjonijiet: il-benefiċċju huwa stabbilit skont ir-regoli li jirregolaw il-benefiċċju tal-maternità (bħal fil-kawża prinċipali) jew l-assigurazzjoni għall-mard (bħal fil-kawża Bergström) li t-tnejn li huma, min-naħa tagħhom huma marbuta mad-dħul preċedentament miksub mill-persuna kkonċernata u huma rregolati mill-istess dispożizzjonijiet fir-Regolament Nru 883/2004 (10).

44.      Huwa veru li l-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 jista’ jindika li d-dħul miksub minn M. Moser fil-Ġermanja – jiġifieri d-dħul “reali” miksub minnu – għandu jifforma l-bażi għall-kalkolu tal-“Kinderbetreuungsgeld”, li hija marbuta mad-dħul, u tas-suppliment differenzjali.

45.      Skont l-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 883/2004, “meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, jkunu attribwiti ċerti effetti legali meta jseħħu ċerti fatti jew każijiet, dak l-Istat Membru għandu jqis fatti u każijiet simili li jseħħu fi kwalunkwe Stat Membru bħallikieku seħħew fit-territorju tiegħu”. Din ir-regola ċertament ma ġietx inkluża fir-Regolament Nru 1408/71. L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 minkejja kollox jammonta sempliċement għal kjarifika tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

46.      Minn din il-perspettiva, jidhirli li din id-dispożizzjoni ma tistax taffettwa l-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċji tal-familja, almenu sa fejn din il-kawża hija kkonċernata. Hawn jeħtieġ jingħad li l-premessa 10 tar-Regolament Nru 883/2004 espressament tipprovdi li, “il-prinċipju li ċerti fatti jew każijiet li jiġru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jkunu trattati bħallikieku ġraw fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li tapplika l-leġislazzjoniji tiegħu, ma għandux ifixkel il-prinċipju li perjodi ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg, ta’ impjieg għal rashom jew ta’ residenza magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru [ieħor] jingħaddu flimkien ma’ dawk il-perjodu magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti” (11). Dan huwa preċiżament il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 li għalih tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Bergström (C‑257/10, EU:C:2011:839, punt 52), u li issa jinsab inkluż fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004.

47.      Iktar minn hekk, l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi fir-rigward tal-kwistjoni tal-benefiċċju tal-familja li, “[p]ersuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti” (12).

48.      Lanqas ma jista’ jiġi injorat il-fatt li, f’kawża bħal din, fejn għandu jiġi applikat l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009 jipprovdi li “għandha titqies is-sitwazzjoni tal-familja kollha jekk [daqslikieku] il-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u residenti hemmhekk, b’mod partikolari rigward id-dritt ta’ persuna li jintalbu benefiċċji bħal dawn” (13).

49.      L-użu tal-kliem “b’mod partikolari” f’dan il-kuntest jindika b’mod ċar li ċ-ċirkustanzi enumerati f’din id-dispożizzjoni ma kinux intiżi li jkunu eżawrjenti.

50.      Iktar minn hekk, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 u tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2004 tissalvagwardja l-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru involut ġaladarba l-ogħla dħul minn Stati Membri oħra huwa irrilevanti (14). Din hija wkoll konsistenti mal-premessa 12 tar-Regolament Nru 883/2004 li tipprovdi li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni ta’ fatti jew ta’ każijiet ma jistax iwassal għal riżultati li, b’mod oġġettiv, ma jkunux iġġustifikati.

51.      Dan kollu jwassal għall-konklużjoni li, b’analoġija diretta mar-raġunament fil-kawża Bergström, id-dħul ta’ riferiment ta’ M. Moser għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-ħlas tal-benefiċċju tal-familja Awstrijak, għandu jiġi evalwat mhux b’riferiment għal dak li effettivament qala’ fil-Ġermanja, iżda minflok b’riferiment għad-dħul li ipotetikament seta’ jiġi miksub minn impjegat bi kwalifiki u esperjenza simili fl-Istat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja (f’dan il-każ, l-Awstrija).

VI.    Konklużjoni

52.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għat-tieni domanda magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) bil-mod li ġej:

Il-“Kinderbetreuungsgeld” (l-allowance għaż-żamma ta’ wild Awstrijaka), li hija marbuta mad-dħul, għandha tiġi kkalkolata b’riferiment għad-dħul li ipotetikament jista’ jiġi miksub minn attività professjonali komparabbli fl-Istat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2009, L 284, p. 1.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.


4      Bundesgesetzblatt (“BGBl”) I 103/2001.


5      Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Bergström (C‑257/10, EU:C:2011:839).


6      Ninnota wkoll li ebda waħda mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma qajmet asserzjoni fir-rigward tad-diffikultajiet possibbli fil-kalkolu ta’ tali ammonti.


7      Regolament tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtá soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 129).


8      Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Bergström (C‑257/10, EU:C:2011:839, punt 52).


9      Ara, rispettivament, l-Artikolu 4, l-Artikolu 21 u l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004.


10      Ara r-Regolament Nru 883/2004, Titolu III, Kapitolu 1, “Benefiċċji marbutin mal-mard, benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità”.


11      Enfasi miżjuda minni.


12      Enfasi miżjuda minni.


13      Enfasi miżjuda minni.


14      Jista’ wkoll jiġi osservat li ma hemm ebda riskju li jiġi serjament ippreġudikat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali Awstrijaka ġaladarba l-ammont tal-“Kinderbetreuungsgeld” huwa suġġett għal limitu legali.