Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fl-4 ta’ Jannar 2019 – “Оvergas Mrezhi” AD u Sdruzhenie s nestopanska tsel “Bulgarian Gas Association” vs Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR)

(Kawża C-5/19)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: “Оvergas Mrezhi” AD, Sdruzhenie s nestopanska tsel “Bulgarian Gas Association”

Konvenuta: Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR)

Domandi preliminari

L-Artikoli 36 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE 1 jippermettu miżura nazzjonali bħalma hija l-proċedura dwar ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet tal-gass naturali, prevista fl-Artikolu 35 taż-Zakon za energetika (il-Liġi dwar l-Enerġija) u implimentata permezz tal-Artikolu 11 tan-Naredba № 2 (id-Digriet Nru 2) tad-19 ta’ Marzu 2013 tal-Komisia za energiyno i vodno regulirane (il-Kummissjoni Regolatorja għall-Enerġija u għall-Ilma, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem il-“KEVR”), li permezz tagħha l-piż finanzjarju marbut mal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-impriżi tal-enerġija jinġarr kompletament mill-klijenti, f’sitwazzjoni fejn:

il-piż finanzjarju li jirriżulta mill-obbligi ta’ servizz pubbliku ma jaffettwax lill-impriżi tal-enerġija kollha;

in-nefqa tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tinġarr prinċipalment mill-klijenti finali li ma jistgħux joġġezzjonaw għaliha, minkejja li jixtru l-gass naturali bi prezzijiet liberi mill-fornituri finali;

ma hemmx limitazzjoni fir-rigward tal-piż finanzjarju marbut mat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li jinġarr mid-diversi tipi ta’ klijenti;

ma hemmx terminu għall-implimentazzjoni ta’ din il-miżura;

il-kalkolu tal-valur tal-obbligi ta’ servizz pubbliku jitwettaq skont mudell ta’ previżjoni, fuq il-bażi ta’ metodu ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż?

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE, jippermetti, anki fid-dawl tal-premessi 44, 47, 48 u 49 tagħha, dispożizzjoni nazzjonali bħal dik prevista fil-punt 5 tal-Prehodite i zakluchetilnite razporedbi (id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji u Finali) taż-Zakon za normativnite aktove (il-Liġi dwar l-Atti Normattivi), li jeżenta lill-KEVR mill-obbligi previsti fl-Artikoli 26 sa 28 tal-Liġi dwar l-Atti Normattivi u b’mod partikolari mill-obbligu li, fl-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni sussidjarja jiġu osservati l-prinċipji ta’ neċessità, ta’ ġustifikabbiltà, ta’ prevedibbiltà, ta’ trasparenza, ta’ konsistenza, ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità u ta’ stabbiltà, mill-obbligu li jitwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi maċ-ċittadini u ma’ persuni ġuridiċi, mill-obbligu li jiġi ppubblikat minn qabel abbozz motivat, kif ukoll mill-obbligu li tingħata motivazzjoni, b’mod partikolari dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea?

____________

1     ĠU 2009, L 211, p. 94.