Language of document : ECLI:EU:C:2019:194

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

13 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rikors għal annullament – Direttiva (UE) 2016/2284 – Tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti sustanzi atmosferiċi li jniġġsu – Adozzjoni ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni – Żvolġiment tal-proċedura leġiżlattiva – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni – Valutazzjoni tal-impatt – Evalwazzjoni suffiċjenti tal-effetti tal-att ikkontestat – Artikolu 5(4) TUE – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Artikolu 4(2) TUE – Ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati – Artikolu 191(2) TFUE – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent – Teħid inkunsiderazzjoni tad-diversità tar-reġjuni tal-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawża C‑128/17,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2017

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

rikorrenti,

sostnuta minn:

L-Ungerija, irrappreżentata minn. M. Z. Fehér, G. Koós u E. Tóth, bħala aġenti,

Ir-Rumanija, irrappreżentata minn C. Canţăr, R. H. Radu, A. Wellman u M. Chicu, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Tamás u A. Pospíšilová Padowska, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Simm, A.-Z. Varfi, K. Adamczyk Delamarre u A. Sikora-Kalėda, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Petersen, K. Herrmann u G. Gattinara, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, E. Regan u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, tannulla d-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU 2016 L 344, p. 1, iktar ’il quddiem id-“direttiva kkontestata”), u, sussidjarjament, tannullaha sa fejn din tistabbilixxi impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet sas-sena 2030.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-direttiva kkontestata

2        Il-premessi 1, 3, 5 sa 9, 10, 13, 14, 18 u 19 tad-direttiva kkontestata huma fformulati kif ġej:

“(1)      F’dawn l-aħħar 20 sena sar progress sinifikanti fl-Unjoni fil-qasam tal-emissjonijiet antropoġeniċi fl-arja u fil-qasam tal-kwalità tal-arja, b’mod partikolari permezz ta’ politika dedikata tal-Unjoni, inkluża l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni[,] tal-21 ta’ Settembru 2005[,] intitolata “Strateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja” (it-“TSAP”). [COM(2005) 446 finali] […] Madankollu, kif indikat fil-Komumikazzjoni tal-Kummissjoni[,] tat-18 ta’ Diċembru 2013[,] intitolata “Programm għal Arja Nadifa għall-Ewropa” [COM(2013) 918 finali] (“it-TSAP riveduta”), għad baqa’ impatti negattivi sinifikanti fuq u riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

[…]

(3)      It-TSAP riveduta tistabbilixxi objettivi strateġiċi ġodda għall-perijodu sal-2030 bl-għan li toqrob aktar lejn l-objettiv tal-Unjoni tul perijodu ta’ żmien twil dwar il-kwalità tal-arja.


[…]

(5)      L-Istati Membri u l-Unjoni huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila tal-1979 [tat-13 ta’ Novembru 1979] (“Konvenzjoni LRTAP”) u għal diversi Protokolli tagħha, inkluż il-Protokoll sabiex Titnaqqas l-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku tal-1999 li ġie rivedut fl-2012 (“il-Protokoll rivedut ta’ Gothenburg”).

(6)      Rigward is-sena 2020 u s-snin ta’ wara, il-Protokoll rivedut ta’ Gothenburg jistabbilixxi impenji ġodda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, filwaqt li jieħu s-sena 2005 bħala s-sena bażi, għal kull parti fir-rigward ta’ diossidu tal-kubrit, ossidi tan-nitroġenu, komposti organiċi volatili mhux metaniċi, ammonijaka u għall-partiċelli fini […]

(7)      Għaldaqstant, jenħtieġ li l-limitu massimu nazzjonali tal-emissjonijiet stabbilit bid-Direttiva 2001/81/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi ta’ l-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 320)] jiġi rivedut sabiex jinġieb konformi mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Għal dak l-għan, l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal kwalunkwe sena mill-2020 sal-2029 f’din id-Direttiva huma identiċi għal dawk stabbiliti fil-Protokoll rivedut ta’ Gothenburg.

(8)      Jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw din id-Direttiva b’mod li jikkontribwixxi b’mod effikaċi għall-ilħuq tal-objettiv fit-tul tal-Unjoni rigward il-kwalità tal-arja kif appoġġjat mil-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas--Saħħa, […]

(9)      Jenħtieġ li din id-Direttiva tikkontribwixxi wkoll għall-ksib, b’mod kosteffikaċi, tal-objettivi dwar il-kwalità tal-arja stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni u għall-mitigazzjoni tal-impatti tat-tibdil fil-klima flimkien mat-titjib fil-kwalità tal-arja globalment u għat-titjib tas-sinerġiji mal-politika tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija, filwaqt li tiġi evitata duplikazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni.

(10)      Din id-Direttiva tikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tniġġis tal-arja relatati mas-saħħa fl-Unjoni billi ttejjeb il-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll tiffavorixxi t-transizzjoni lejn ekonomija ekoloġika.

[…]

(13)      Jenħtieġ li l--Istati Membri jkunu konformi mal-impenji għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva mill-2020 sal-2029 u mill-2030 ’il quddiem. Sabiex jiġi żgurat progress li jista’ jintwera fit-twettiq tal-impenji tal-2030, jenħtieġ li l-Istati Membri għandhom jidentifikaw livelli ta’ emissjonijiet indikattivi fl-2025 li jkunu teknikament fattibbli u ma jinvolvux spejjeż sproporzjonati, u jenħtieġ li jippruvaw ikunu konformi ma’ tali livelli. Fejn l-emissjonijiet għall-2025 ma jistgħux jiġu limitati f’konformità mal-perkors ta’ tnaqqis determinat, jenħtieġ li l-Istati Membri jispjegaw ir-raġunijiet għal dik id-devjazzjoni kif ukoll il-miżuri li jwasslu lill-Istati Membri lura fuq il-perkors tagħhom fir-rapporti sussegwenti tagħhom li jiġu mħejjija skont din id-Direttiva.

(14)      L-impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva għall-2030 ’il quddiem huma bbażati fuq il-potenzjal għat-tnaqqis stmat ta’ kull Stat Membru li jinsab fir-Rapport nru 16 tat-TSAP ta’ Jannar 2015 (“TSAP 16”), dwar l-eżami tekniku tad-differenzi bejn l-istimi nazzjonali u dawk previsti tat-TSAP 16, u dwar l-objettiv politiku li jinżamm it-tnaqqis ġenerali tal-impatt fuq is-saħħa sal-2030 (meta mqabbel mal-2005) l-aktar viċin possibbli għal dak tal-proposta tal-Kummissjoni għal din id-Direttiva. Biex tiżdied it-trasparenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fit-TSAP 16.

[…]

(18)      Jenħtieġ li kull Stat Membru jfassal, jadotta u jimplimenta programm nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja bil-ħsieb li jilħaq l-impenji tiegħu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, u biex jagħti kontribut effettiv għall-kisba tal-objettivi dwar il-kwalità tal-arja. […]

(19)      Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn sorsi antropoġeniċi, jenħtieġ li l-programmi nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja jikkunsidraw miżuri applikabbli għas-setturi rilevanti kollha, inklużi l-agrikoltura, l-enerġija, l-industrija, it-trasport bit-triq, it-tbaħħir intern, it-tisħin domestiku u l-użu ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq u solventi. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu intitolati li jiddeċiedu dwar il-miżuri li jadottaw sabiex jikkonformaw mat-twettiq tal-impenji għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva.”

3        L-Artikolu 1 tad-direttiva kkontestata jipprevedi:

“1.      Sabiex tersaq lejn il-ksib ta’ livelli tal-kwalità tal-arja li ma jirriżultawx f’impatti negattivi sinifikanti fuq u riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, din id-Direttiva tistabbilixxi l-impenji tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-emissjonijiet atmosferiċi antropoġeniċi ta’ diossidu tal-kubrit (SO2), ossidi tan-nitroġenu (NOx), komposti organiċi volatili mhux metaniċi (NMVOC), ammonijaka (NH3) u partiċelli fini (PM2,5) tal-Istati Membri u tirrikjedi li jitfasslu, jiġu adottati u implimentati programmi nazzjonali ta’ kontroll tat-tniġġis tal-arja u li jiġu sorveljati u rappurtati l-emissjonijiet għal dawk l-inkwinanti u għall-inkwinantil-oħra msemmija fl-Anness I, kif ukoll l-impatti tagħhom.

2.      Din id-Direttiva tikkontribwixxi wkoll biex jinkisbu:

(a)      l-objettivi dwar il-kwalità tal-arja stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni u progress lejn l-objettiv fit-tul tal-Unjoni li tilħaq livelli ta’ kwalità tal-arja konformi mal-linji gwida dwar il-kwalità tal-arja ppubblikati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

(b)      l-objettivi tal-Unjoni dwar il-bijodiversità u l-ekosistemi f’konformità mas-Seba’ Programm ta’ Azjoni Ambjentali;

(c)      it-tisħiħ ta’ sinerġiji bejn il-politika tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-arja u politiki rilevanti oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-politiki tal-klima u l-enerġija.”

4        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Bħala minimu, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-emissjonijiet antropoġeniċi annwali tagħhom ta’ diossidu tal-kubrit, ta’ ossidi tan-nitroġenu, komposti organiċi volatili mhux metaniċi, ammonijaka, u partiċelli fini b’konformità mal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet applikabbli mill-2020 sal-2029 u mill-2030 ’il quddiem, kif stabbilit fl-Anness II.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa bil-għan li jillimitaw l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-2025 tagħhom […]. Il-livelli indikattivi ta’ dawk l-emissjonijiet għandhom jiġu determinati permezz ta’ perkors ta’ tnaqqis lineari stabbilit bejn il-livelli tal-emissjonijiet tagħhom definiti mill-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020 u l-livelli ta’ emissjonijiet definiti mill-impenji għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet għall-2030.

L-Istati Membri jistgħu jsegwu perkors’ ta tnaqqis mhux lineari jekk dan ikun ekonomikament jew teknikament aktar effiċjenti, u sakemm mill-2025 dan jingħaqad progressivament mal-perkors ta’ tnaqqis lineari u sakemm ma jaffettwa ebda impenn ta’ tnaqqis ta’ emissjoni għall-2030. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dak il-perkors ta’ tnaqqis lineari u r-raġunijiet għaliex ikunu qed isegwuh fil-programmi nazzjonali ta’ kontroll tat-tniġġis tal-arja li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1).

Fejn l-emissjonijiet għall-2025 ma jistgħux jiġu limitati f’konformità mal-perkors tat-tnaqqis determinat, l-Istati Membri għandhom jispjegaw ir-raġunijiet għal dik id-devjazzjoni kif ukoll il-miżuri li jwasslu lill-Istati Membri lura fuq il-perkors tagħhom fir-rapporti tal-inventarju informattivi sussegwenti tagħhom li għandhom jiġu pprovduti lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(2).

[…]”

5        Skont l-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva:

“Jekk f’sena partikolari Stat Membru, li għalih impenn ta’ tnaqqis wieħed jew aktar stabbiliti fl-Anness II huma stabbiliti f’livell aktar strett mit-tnaqqis kosteffikaċi identifikat fit-TSAP 16, ma jistax jikkonforma mal-impenn ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet rilevanti wara li jkun implimenta l-miżuri kosteffikaċi kollha, għandu jitqies li qed jikkonforma ma dak l-impenn għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet rilevanti għal massimu ta’ ħames snin, sakemm għal kull waħda minn dawk is-snin jikkumpensa għal dak in--nuqqas ta’ konformità permezz ta’ tnaqqis ekwivalenti tal-emissjonijiet ta’ inkwinantieħor imsemmi fl-Anness II.”

6        L-Artikolu 14(3) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha:

a) is-suppożizzjonijiet sottostanti kkunsidrati għal kull Stat Membru għad-definizzjoni tal-potenzjal ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet nazzjonali tagħhom użat għat-tħejjija ta’ TSAP 16;

[…]”

7        L-Anness II tad-direttiva kkontestata jinkludi lista ddettaljata, għal kull Stat Membru, tal-impenji nazzjonali għal tnaqqis tal-emissjonijiet għas-snin 2020 sal-2029 u mis-sena 2030 ’il quddiem.

8        Skont l-ewwel punt tal-Parti I tal-Anness III ta’ din id-direttiva:

“Il-programmi nazzjonali tal-bidu għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja msemmija fl-Artikoli 6 u 10 għandhom tal-inqas ikopru l-kontenut li ġej:

[…]

b)      l-għażliet ta’ politika meqjusa bħala li jikkonformaw mal-impenji għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet għall-perijodu bejn l-2020 u l-2029 u għall-2030 ’il quddiem u l-livelli intermedji ta’ emissjonijiet iddeterminati għall-2025 u li jikkontribwixxu biex itejbu aktar il-kwalità tal-arja, u l-analiżi tagħhom, inkluż il-metodu tal-analiżi; fejn ikunu disponibbli, l-impatti individwali jew ikkombinati tal-politiki u l-miżuri dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet, il-kwalità tal-arja u l-ambjent u l-inċertezzi assoċjati magħhom;

[…]

d)      fejn ikun rilevanti, spjegazzjoni tar-raġunijiet għalfejn il-livelli ta’ emissjonijiet indikattivi għall-2025 ma jistgħux jintlaħqu mingħajr miżuri li jinvolvu spejjeż sproporzjonati;

[…]”

 Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet

9        Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tat‑13 ta’ April 2016, intitolat, it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU 2016, L 123, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet”), jinkludi Titolu III, intitolat “Għodod għat-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet”, li jinkludi, b’mod partikolari, il-punti 12 sa 15 ta’ dan il-ftehim. Dawn tal-aħħar huma fformulati kif ġej:

“12.      It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu dwar il-kontribut pożittiv tal-valutazzjonijiet tal-impatt fit-titjib tal-kwalità tal-leġislazzjoni tal-Unjoni.

Il-valutazzjonijiet tal-impatt huma għodda biex tgħin lit-tliet Istituzzjonijiet jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni tajba u mhumiex sostitut għal deċiżjonijiet politiċi fil-proċess demokratiku tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-valutazzjonijiet tal-impatt ma għandhomx iwasslu għal dewmien żejjed fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet jew jippreġudikaw il-kapaċità tal-koleġislatur li jipproponi emendi.

Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jkopru l-eżistenza, l-iskala u l-konsegwenzi ta’ problema u l-kwistjoni dwar jekk hix meħtieġa azzjoni mill-Unjoni jew le. Huma jeħtieġ li jidentifikaw soluzzjonijiet alternattivi u, fejn possibbli, l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali fuq perijodu qasir u fit-tul, filwaqt li jivvalutaw l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali b’mod integrat u bbilanċjat u jużaw kemm l-analiżi kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità għandhom jiġu rrispettati b’mod sħiħ, hekk kif għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali. […] Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jkunu bbażati fuq informazzjoni preċiża, oġġettiva u kompluta u li jkunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-enfasi tagħhom.

13.      Il-Kummissjoni ser tagħmel valutazzjonijiet tal-impatt tal-inizjattivi leġislattivi u mhux leġislattivi […]

14.      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, meta jikkunsidraw il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni, ser jieħdu kont sħiħ tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni. […]

15.      Meta jqisu li dan ikun xieraq u meħtieġ għall-proċess leġislattiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-emendi sostanzjali tagħhom għall-proposta tal-Kummissjoni. Bħala regola ġenerali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser jieħdu l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni bħala l-punt tat-tluq għall-ħidma ulterjuri tagħhom. Id-definizzjoni ta’ emenda ‘sostanzjali’ għandha tiġi ddeterminata mill-Istituzzjoni rispettiva.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Id-direttiva kkontestata tagħmel parti mill-miżuri adottati mill-Unjoni fil-qasam tal-emissjonijiet antropoġeniċi fl-arja u tal-kwalità tal-arja. Din hija parti minn politika strateġika tal-Unjoni li tinkludi, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva, fost oħrajn, l-elementi li ġejjin:

–        il-politika strateġika dwar it-tniġġis tal-arja tal-2005 li tirriżulta mis-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-2002, li ġie stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Lulju 2002 li tniżżel is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità Ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 152);

–        l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jimplimentaw din l-istrateġija, bħad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1), u d-Direttiva 2001/81, u

–        l-attività tal-Unjoni fil-livell internazzjonali u, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni LRTAP, approvata mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/462/KEE, tal‑11 ta’ Ġunju 1981 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 225), u l-Protokoll għal din il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila sabiex jitnaqqsu l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku adottat fit‑30 ta’ Novembru 1999 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Göteborg”), approvat mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/507/KE tat‑13 ta’ Ġunju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 47, p. 172).

11      Il-verżjoni rriveduta tal-Protokoll ta’ Göteborg ġiet approvata mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1757, tas‑17 ta’ Lulju 2017 (ĠU 2017, L 248, p. 3).

12      Matul is-sena 2013, il-Kummissjoni ppubblikat it-TSAP irriveduta tagħha, li minnha jirriżulta li effetti negattivi u riskji sinjifikattivi għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent minħabba t-tniġġis tal-arja kienu għadhom jeżistu. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ppreżentat, fit‑18 ta’ Diċembru 2013, proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE (COM(2013) 920 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta għal direttiva”).

13      F’din il-proposta, ġew stabbiliti impenji nazzjonali għal tnaqqis tal-emissjonijiet għas-snin 2020 u 2030 fuq il-bażi tad-data inkluża fil-valutazzjoni tal-impatt tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, tat‑18 ta’ Diċembru 2013 (SWD(2013) 531 finali, iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni tal-impatt”). Fit-twettiq tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni użat id-data ġġenerata permezz tas-sistema mmudellar imsejħa “GAINS” (iktar ’il quddiem, is-“sistema GAINS”), tal-International Institute for Applied System Analysis (l-Istitut Internazzjonali għall-Analiżi tas-Sistemi Applikati, iktar ’il quddiem l-“IIASA”), fil-kwalità tiegħu ta’ konsulent tal-Kummissjoni.

14      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill eżaminaw il-proposta għal direttiva. Fil-Kunsill, din il-proposta u l-valutazzjoni tal-impatt kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet f’erbgħa u għoxrin laqgħa fil-livell tal-Grupp ta’ Ħidma, tlettax-il laqgħa tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) u erba’ laqgħat fil-livell tal-ministri bejn is-sena 2014 u s-sena 2016. Barra minn hekk, il-presidenzi suċċessivi tal-Kunsill organizzaw laqgħat bilaterali informali mal-Istati Membri kollha, parzjalment bl-appoġġ tal-Kummissjoni, sabiex jiċċaraw kwistjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw Stati Membri differenti. F’dan il-kuntest, id-data pprovduta fil-valutazzjoni tal-impatt ġiet aġġornata abbażi ta’ sbatax-il rapport suċċessiv tal-IIASA, intitolati “rapporti TSAP”, segwiti bin-numri rispettivi tagħhom (1 sa 16b).

15      Fis‑16 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill adotta l-approċċ ġenerali dwar il-proposta għal direttiva. Fil-bidu tal-2016, huwa beda negozjati mal-Parlament. Ftehim informali bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet ġie approvat mill-Coreper, fid‑29 ta’ Ġunju 2016.

16      Fil-laqgħa tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ottubru 2016, ir-Repubblika tal-Polonja, l-Ungerija u r-Rumanija esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-impatt ekonomiku tal-impenji nazzjonali għal tnaqqis tal-emissjonijiet previsti mill-proposta għal direttiva u dwar il-metodoloġija użata għall-istabbiliment ta’ dawn l-impenji.

17      Wara l-vot tal-Parlament, fit‑23 ta’ Novembru 2016, id-direttiva kkontestata kienet is-suġġett ta’ vot fil-Kunsill fit‑8 ta’ Diċembru 2016. Hija ġiet adottata fi Strasbourg fl‑14 ta’ Diċembru 2016.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 4(1) u (2), l-Artikolu 14(3)(a), l-Anness II u s-subparagrafi (b) u (d) tal-punt 1, tal-Parti I tal-Anness III ta’ din id-direttiva, u

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

19      Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

20      B’deċiżjoni tat‑30 ta’ Awwissu 2017, l-Ungerija u r-Rumanija ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni ġiet awtorizzatta tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

 Fuq ir-rikors

 Fuq it-tielet motiv

 L-argumenti tal-partijiet

21      Permezz tat-tielet motiv tagħha, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Parlament u l-Kunsill kisru l-obbligu li ssir valutazzjoni xierqa tal-impatt tad-direttiva kkontestata qabel l-adozzjoni tagħha.

22      Skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni hija obbligata li twettaq valutazzjoni tal-impatt meta att ġuridiku jista’ jkollu konsegwenzi sinjifikattivi. Skont il-punt 12 ta’ dan il-ftehim, il-valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv għandhom jeżaminaw l-eżistenza, il-portata u l-konsegwenzi ta’ problema. Dawn għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż u l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Dawn il-valutazzjonijiet għandhom ukoll ikunu proporzjonali fir-rigward tal-portata tagħhom u l-enfasi tagħhom u għandhom ikunu bbażati fuq informazzjoni oġġettiva, komprensiva u preċiża. Skont il-linji gwida tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ Lulju 2017 dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (SWD(2017) 350 finali), il-Kummissjoni hija obbligata li twettaq analiżi settorjali. Konsegwentement, din l-istituzzjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali dwar il-kontenut ta’ valutazzjoni tal-impatt.

23      Il-valutazzjoni tal-impatt ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. L-ispejjeż marbuta mal-impenji nazzjonali għal tnaqqis tal-emissjonijiet kif ukoll l-effetti ekonomiċi għas-setturi kkonċernati ma kinux ġew debitament eżaminati jew kienu sottovalutati. Barra minn hekk, id-data użata sabiex jiġu evalwati l-effetti pożittivi tad-direttiva kkontestata ma hijiex affidabbli.

24      Dawn in-nuqqasijiet jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-potenzjal għal tnaqqis tal-emissjonijiet u l-ispejjeż tal-miżuri meħtieġa fis-setturi tal-produzzjoni agrikola, tat-trasport individwali u tal-produzzjoni tal-elettriku. L-istess japplika fir-rigward tal-modernizzazzjoni tat-tisħin domestiku.

25      Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-impatt hija wisq ġenerali, peress li din teżamina flimkien l-effetti li jirriżultaw mill-atti kollha adottati fil-kuntest tal-pakkett “Arja Nadifa”, jiġifieri d-direttiva kkontestata, id-Direttiva (UE) 2015/2193 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi niġġiesa fl-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji (ĠU 2015, L 313, p. 1), u d-Deċiżjoni 2017/1757. Hija lanqas ma tqis is-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru.

26      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa impossibbli li tingħata stima tal-ispejjeż relatati mal-implimentazzjoni tad-direttiva kkontestata fil-Polonja.

27      Barra minn hekk, matul il-proċedura leġiżlattiva, il-Parlament u l-Kunsill bidlu elementi sostanzjali tal-proposta għal direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tar-rata ta’ tnaqqis tal-partiċelli fini fil-Polonja. Għalhekk, f’konformità mal-punt 15 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-valutazzjoni tal-impatt kellha tiġi aġġornata. Peress li dan tfassal matul l-2013, l-aġġornament tagħha kien meħtieġ ukoll sabiex jiġi vverifikat jekk din kinitx għadha valida għas-sena 2016.

28      Barra minn hekk, mill-valutazzjoni tal-impatt jirriżulta li l-implimentazzjoni tal-impenji nazzjonali għal tnaqqis tal-emissjonijiet tista’ teżiġi bidla fl-istruttura stess tal-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri. Id-direttiva kkontestata kellha, f’dan il-każ, tiġi adottata b’mod unanimu fuq il-bażi tal-Artikolu 192(2) TFUE, li jipprevedi tali kworum ta’ vot meta miżuri jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn differenti sorsi ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ enerġija tiegħu.

29      Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li dan it-tielet motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30      Insostenn tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, in-natura irregolari tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-direttiva kkontestata, minħabba nuqqasijiet li jaffettwaw il-valutazzjoni tal-impatt, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi tal-miżuri previsti fuq l-ekonomija tal-Istati Membri, b’mod partikolari fuq ir-Repubblika tal-Polonja.

31      Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, kif isostni ġustament il-Parlament, il-forma li fiha d-data bażika ikkunsidrati mil-leġiżlatur tal-Unjoni hija elenkata hija irrilevanti. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jqis mhux biss il-valutazzjoni tal-impatt, iżda wkoll kull att sors ta’ informazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 36, 37 u 40, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punti 64 sa 66).

32      Sabiex tiġi adottata d-direttiva kkontestata, il-leġiżlatur tal-Unjoni bbaża ruħu fuq il-valutazzjoni tal-impatt, fuq id-data li tinsab fis-sistema GAINS, fuq ir-rapporti TSAP kif ukoll fuq analiżi tas-sensittività, li sommarju tagħha jidher fid-Dokument tal-Kunsill Nru 11265/16, tal-14 ta’ Lulju 2016.

33      F’dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-valutazzjoni tal-impatt, kif jindikaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, din fiha l-ispejjeż relatati mal-osservanza tal-impenji ta’ kull wieħed mill-Istati Membri u għal kull għażla prevista, espressi f’miljuni ta’ euro u bħala perċentwali tal-prodott domestiku gross (PDG). L-ispejjeż relatati mal-osservanza tal-impenji huma wkoll ippreżentati għal kull settur tal-ekonomija fuq il-livell tal-Unjoni.

34      Il-valutazzjoni tal-impatt teżamina ħames għażliet li jvarjaw minn xulxin minħabba l-livell ta’ tnaqqis previst. Għal kull waħda mill-għażliet, hija tipprovdi, abbażi tal-istimi u tal-previżjonijiet, evalwazzjoni tal-investimenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll tal-benefiċċji diretti u oħrajn li jirriżultaw minnhom.

35      Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda s-sistema GAINS, kif josserva l-Kunsill, din is-sistema tippermetti l-istudju tal-istrateġiji ta’ kontroll tal-emissjonijiet b’mod kosteffettiv, billi tirriproduċi kemm jista’ jkun l-emissjonijiet storiċi u billi tistabbilixxi, fuq din il-bażi, projezzjonijiet dwar l-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja għal kull pajjiż. Id-data użata għal dan il-għan hija d-data miksuba minn statistika internazzjonali tal-enerġija u tal-industrija kif ukoll tal-inventarji ta’ emissjonijiet u d-data pprovduta mill-pajjiżi kkonċernati stess. Il-metodu ta’ tħaddim tas-sistema GAINS jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri tad-data kollha li tippermettilhom jippreżentaw provi insostenn tas-suppożizzjonijiet alternattivi ppreżentati għal eżami. Ir-referenzi għall-qafas aġġornat jinsabu fil-valutazzjoni tal-impatt. Id-data ddettaljata dwar il-parametri użati għal kull settur tad-diversi Stati Membri ġiet ippubblikata fuq is-sit internet GAINS sabiex dawn l-Istati jkunu jistgħu jidentifikaw is-suppożizzjonijiet konkreti maħruġa f’dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni partikolari tagħhom.

36      Il-Kummissjoni, ġustament, tispeċifika f’dan ir-rigward, li s-sistema GAINS tipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar kull settur tal-attività ekonomika ta’ kull Stat Membru fir-rigward tal-emissjonijiet prodotti, il-potenzjal għal tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet u l-ispejjeż relatati ma’ tali tnaqqis.

37      Kif jenfasizza l-Parlament, din id-data ġiet eżaminata f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet u mal-esperti nazzjonali. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-Istati Membri kellhom aċċess għas-sistema GAINS u għar-rapporti tat-TSAP imħejjija mill-IIASA.

38      Jirriżulta, barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, li l-IIASA aġġorna l-kalkoli tiegħu wara l-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt u adotta, f’dan il-kuntest, ir-rapporti TSAP 11 sa 16b. Sabiex jiġu eliminati ċertu numru ta’ differenzi kkonstatati bejn is-suppożizzjonijiet nazzjonali u dawk tal-IIASA, huwa ppubblika r-rapporti TSAP 13 u 14 u kkalkola mill-ġdid l-impenji għal tnaqqis tal-emissjonijiet fir-rapport TSAP 16. Fir-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tammetti, barra min hekk, li l-eżami tad-differenzi bejn l-istimi mwettqa minn diversi Stati Membri u l-istimi mwettqa mill-IIASA kien is-suġġett ta’ pubblikazzjoni f’diversi rapporti TSAP.

39      Kif jirrileva l-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, l-Istati Membri kellhom ukoll il-possibbiltà li jippreżentaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar id-differenzi bejn l-istimi tal-ispejjeż tagħhom u dawk imwettqa minn IIASA fil-qafas tad-diskussjonijiet bilaterali li saru mill-Presidenza tal-Kunsill. L-eżitu ta’ dawn id-diskussjonijiet huwa s-suġġett tar-rapport TSAP 16, li ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika tal-Polonja.

40      Fl-aħħar nett, analiżi tas-sensittività saret sabiex tiġi ddeterminata definittivament il-portata tal-impenji nazzjonali għal tnaqqis tal-emissjonijiet għall-perijodu inkluż bejn is-sena 2020 u s-sena 2029 u mis-sena 2030 ’il quddiem, kif jidhru fl-Anness II tad-direttiva kkontestata. Kif ġie indikat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, id-dokument tal-Kunsill Nru 11265/16 tal-14 ta’ Lulju 2016, jinkludi sunt ta’ din l-analiżi. Verżjoni sħiħa tagħha ġiet trażmessa lill-awtoritajiet Pollakki fit-13 ta’ Mejju 2016, kif tirrileva l-Kummissjoni. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi tas-sensittività, ġie vverifikat jekk l-użu tal-istimi proprji tal-Istati Membri relatati ma’ ċerti suppożizzjonijiet affettwa l-vijabbiltà tal-impenji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet proposti fir-rapport TSAP 16.

41      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja ma għandhiex raġun issostni li d-data meqjusa mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-adozzjoni tad-direttiva kkontestata ma kinitx kompluta fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tar-Repubblika tal-Polonja, peress li din id-data ġiet stabbilita mill-IIASA flimkien mar-rappreżentanti ta’ dan l-Istat Membru u, b’mod partikolari, fuq il-bażi ta’ data pprovduta minn dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-dokument tal-Kunsill Nru 11265/16 tal‑14 ta’ Lulju 2016 (paġni 66 u 67), ir-Repubblika tal-Polonja ma bagħtitx id-data kollha meħtieġa relatata ma’ ċerti sustanzi li jniġġsu msemmija mid-direttiva kkontestata.

42      Għall-istess raġunijiet u, b’mod partikolari, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ibbaża ruħu ukoll fuq informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tiegħu, l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja li huma intiżi sabiex jistabbilixxu li l-valutazzjoni tal-impatt kienet impreċiża, insuffiċjenti u ġenerali wisq ma jistgħux jintlaqgħu.

43      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li l-Parlament u l-Kunsill bidlu elementi sostanzjali tal-proposta għal direttiva u kellhom, minħabba dan il-fatt, iwettqu aġġornament tal-valutazzjoni tal-impatt, f’konformità mal-punt 15 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tinkludi, fi kwalunkwe każ, l-ebda obbligu vinkolanti għall-istituzzjonijiet ikkonċernati. Hija tipprevedi biss il-possibbiltà għal twettiq ta’ tali aġġornament jekk il-Parlament u l-Kunsill “[i]qisu li dan ikun xieraq u meħtieġ għall-proċess leġislattiv”.

44      Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tikkritika lill-Parlament u lill-Kunsill li bbażaw l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata fuq data li ma kinitx aġġornata. Fil-fatt, il-proċess deċiżjonali kien dejjem akkumpanjat minn aġġornamenti tad-data disponibbli kif juru, b’mod partikolari, ir-rapporti TSAP u l-analiżi tas-sensittività msemmija fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza.

45      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Parlament u l-Kunsill qiesu, matul il-proċedura leġiżlattiva, id-data xjentifika u l-informazzjoni disponibbli sabiex effettivament jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom.

46      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja li d-direttiva kkontestata kellha tiġi adottata mhux abbażi tal-paragrafu 1, iżda tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 192 TFUE, dawn għandhom jiġu miċħuda fil-kuntest ta’ dan il-motiv bħala ineffettivi. Fil-fatt, permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tipprova turi biss in-natura lakunarja tal-valutazzjoni tal-impatt mingħajr ma tikkontesta l-għażla tal-bażi legali tad-direttiva kkontestata.

47      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motiv

 L-argumenti tal-partijiet

48      Permezz tal-ewwel u tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Parlament u l-Kunsill kisru l-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ trasparenza u ta’ ftuħ kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti legali.

49      Minn naħa, in-negozjati dwar l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kienu diskriminatorji u mhux trasparenti u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Polonja ġiet miċħuda mill-garanziji proċedurali, bħall-possibbiltà li tivverifika s-suppożizzjonijiet sottostanti għal dawn l-impenji.

50      Jirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑137/91, EU:C:1992:272), li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jista’ jkun il-bażi awtonoma ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u mis-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑263/14, EU:C:2016:435), li l-ksur ta’ dan il-prinċipju għandu jippermetti l-annullament ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, anki fl-assenza ta’ ksur tal-proċedura leġiżlattiva prevista mit-Trattat FUE.

51      Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija u mir-Rumanija, tikkunsidra li, għall-osservanza bis-sħiħ tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali matul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, il-Kunsill għandu jgħaddi, fl-istadju tax-xogħol preparatorju, l-informazzjoni li tippermetti li jinftiehmu l-effetti ta’ tali att lill-Istati Membri kollha. Is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 107), tikkorrobora din l-interpretazzjoni.

52      Barra minn hekk, il-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ trasparenza u ta’ ftuħ kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni japplikaw għall-proċess leġiżlattiv u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tiegħu, li jirriżulta mill-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

53      Ir-Repubblika tal-Polonja tindika li hija esprimiet matul il-proċedura kollha li wasslet għall-adozzjoni tad-direttiva kkontestata riżervi dwar l-iżvolġiment tan-negozjati. Hija talbet ukoll informazzjoni addizzjonali, minħabba li s-suppożizzjonijiet u d-data li ntużaw sabiex jiġu stabbiliti l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kienu, parzjalment, mhux magħrufa.

54      Fil-fatt, ċerta informazzjoni essenzjali ma hija inkluża la fis-sistema GAINS u lanqas fil-pubblikazzjonijiet tal-IIASA. B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Polonja ma setgħetx tivverifika ċerti suppożizzjonijiet dwar it-tqassim, settur b’settur, tas-sorsi ta’ tniġġis atmosferiku, is-suppożizzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-ekonomiji tal-Istati Membri u l-previżjonijiet relattivi għall-emissjonijiet sal-2030. Il-modalitajiet li abbażi tagħhom l-għan ġenerali fil-qasam tas-saħħa ġie kkonvertit f’impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-mod kif dawn l-impenji ġew stabbiliti għal kull Stat Membru ma ġewx żvelati. Ir-Repubblika tal-Polonja talbet, mingħajr suċċess, deskrizzjoni ta’ kull subkategorija ta’ sorsi ta’ emissjonijiet eżaminati.

55      Fin-nuqqas ta’ aċċess għal kull waħda mis-suppożizzjonijiet użati, għall-għodod ta’ mmudellar, għall-programmazzjoni u għall-parametri, is-sistema GAINS ma tistax tindirizza dawn il-lakuni. L-istess japplika għall-mudell imsejjaħ “Primjums”, użat mill-Kummissjoni sabiex tiġġenera d-data ta’ dħul fis-sistema GAINS. Fir-rigward tad-dokument tal-Kunsill Nru 11265/16 tal‑14 ta’ Lulju 2016, dan lanqas ma jinkludi l-informazzjoni neċessarja, iżda biss deskrizzjoni qasira tal-metodoloġija użata.

56      Insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija ssostni li d-dokument tal-Kunsill Nru 11265/16 tal‑14 ta’ Lulju 2016, ma jinkludix l-informazzjoni teknika kollha li tiġġustifika l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet imposti fuq ir-Repubblika tal-Polonja. Barra minn hekk, dan id-dokument ġie ppreżentat lill-Kunsill tard, jiġifieri wara l-votazzjoni fid‑29 ta’ Ġunju 2016, dwar il-proposta għal direttiva.

57      Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tal-Polonja, ċerti suppożizzjonijiet bażiċi huma żbaljati, b’mod partikolari dawk relatati mar-ritmu tas-sostituzzjoni tal-vetturi mgħammra b’magni ta’ kombustjoni u l-emissjonijiet tal-ammonja fl-agrikoltura. Il-Kummissjoni ma aġġustatx dawn l-iżbalji, kif kien madankollu ntalab mir-Repubblika tal-Polonja.

58      Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, minkejja l-ilmenti tagħha, il-problemi li hija identifikat ma ġewx ikkunsidrati mill-Kunsill li kiser għalhekk id-dritt tagħha li tipparteċipa bis-sħiħ fil-proċedura leġiżlattiva.

59      Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jinvolvi d-dritt għal smigħ, li jippermetti lil parti kkonċernata minn att li jikkawżalha preġudizzju li tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha. Dan id-dritt inkiser, peress li r-Repubblika tal-Polonja ma setgħetx tkun taf l-effetti soċjoekonomiċi tal-impenji għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet imposti fuq l-Istati Membri.

60      Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jeżiġi, barra minn hekk, kooperazzjoni in bona fide bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri li għandhom jiftiehmu fuq is-soluzzjonijiet previsti u d-data meħuda inkunsiderazzjoni għal dan il-għan. L-istituzzjonijiet kellhom jiddjalogaw mar-Repubblika tal-Polonja u jimmotivaw ir-rifjut tal-oġġezzjonijiet ifformulati minn dan l-Istat Membru. Is-sempliċi riferiment għall-mudelli analitiċi tas-sistema GAINS jew għal dokumenti oħra tal-IIASA, aċċessibbli għall-Istati Membri kollha, ma huwiex suffiċjenti f’dan ir-rigward.

61      Barra minn hekk, ir-Rumanija ssostni li l-prinċipju ta’ trasparenza huwa stabbilit fl-Artikolu 19(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal‑1 ta’ Dicembru 2009 li temenda [li tadotta] r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU 2009, L 325, p. 35, rettifika fil-ĠU 2010, L 55, p. 83, fil-ĠU 2010, L 175, p. 38 u fil-ĠU 2017, L 44, p. 8) iktar ’il quddiem ir-“regolament intern tal-Kunsill”). Il-portata ta’ dan il-prinċipju hija kkonkretizzata fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Anness V tiegħu, li jipprevedi li l-“Presidenza għandha tinforma lid-delegazzjonijiet malajr kemm jista’ jkun meta l-proċedimenti tal-Coreper ikunu qed jitħejjew dwar l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tippermetti tħejjija ddettaljata tal-proċedimenti tal-Coreper”.

62      F’dan il-każ, it-terminu bejn il-komunikazzjoni, fit‑28 ta’ Ġunju 2016, tal-proposta l-ġdida ta’ abbozzar tal-Anness II tad-direttiva kkontestata u l-approvazzjoni ta’ din il-proposta fil-Coreper, fid‑29 ta’ Ġunju 2016, sabiex jiġi konkluż ftehim mal-Parlament, ma ppermettiex preparazzjoni bir-reqqa. Barra minn hekk, il-metodoloġija ta’ kalkolu tal-impenji nazzjonali ġiet ikkomunikata biss lill-Istati Membri fit‑18 ta’ Lulju 2016.

63      Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li d-direttiva kkontestata ġiet adottata biss fit‑8 ta’ Diċembru 2016 wara votazzjoni tal-Kunsill, peress li, wara l-votazzjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2016, l-Istati Membri kienu, de facto, miċħuda mill-possibbiltà li jesprimu l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom.

64      Barra minn hekk, ir-Rumanija tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-Anness II tar-regolament intern tal-Kunsill, li jipprevedi l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), ma ġewx osservati fil-kuntest tal-ipproċessar tat-talbiet għal informazzjoni fformulati mir-Repubblika tal-Polonja.

65      Il-Parlament u l-Kunsill jikkunsidraw li dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66      Mill-argument riprodott, b’mod partikolari, essenzjalment, fil-punti 51, 52 u 58 sa 60 ta’ din is-sentenza jirriżulta, li, bl-invokazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza, tad-dritt għal smigħ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-Repubblika tal-Polonja trid biss turi l-obbligi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom josservaw matul il-proċess leġiżlattiv, taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Għaldaqstant, l-argumenti mressqa minn dan l-Istat Membru insostenn tal-ewwel u tat-tieni motiv tiegħu għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl ta’ dan l-aħħar prinċipju.

67      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

68      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvolġiment tal-proċess deċiżjonali li wassal għall-adozzjoni tad-direttiva kkontestata, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-Parlament u l-Kunsill naqsux milli jwettqu d-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni leali.

69      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 14 ta’ din is-sentenza, fi ħdan il-Kunsill, il-proposta għal direttiva u l-valutazzjoni tal-impatt kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet matul erbgħa u għoxrin laqgħa fil-livell tal-Grupp ta’ Ħidma, tlettax-il laqgħa tal-Coreper u erba’ laqgħat fil-livell tal-Ministri bejn is-sena 2014 u s-sena 2016. Barra minn hekk, il-presidenzi suċċessivi tal-Kunsill organizzaw laqgħat bilaterali informali mal-Istati Membri kollha, parzjalment bl-appoġġ tal-Kummissjoni.

70      Minbarra dan kif jirriżulta mill-punti 32 sa 41 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Polonja kellha, matul il-proċess leġiżlattiv, aċċess għad-dokumenti kollha li fuqhom ibbaża ruħu l-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jadotta d-direttiva kkontestata u setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tad-data li tinsab f’dawn id-dokumenti u tas-suppożizzjonijiet miżmuma.

71      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-allegazzjoni tar-Rumanija li d-dokument tal-Kunsill Nru 11265/16 tal‑14 ta’ Lulju 2016, kien ġie ppreżentat tard lir-Repubblika tal-Polonja. Fil-fatt, dan id-dokument kien disponibbli diversi xhur qabel l-adozzjoni mill-Kunsill, fit‑8 ta’ Diċembru 2016, tad-direttiva kkontestata.

72      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, barra minn hekk, li l-informazzjoni li kellhom il-leġiżlatur tal-Unjoni u l-Istati Membri matul il-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tad-direttiva kkontestata kienet insuffiċjenti sabiex jinftiehmu l-effetti kollha ta’ din id-direttiva, saħansitra, parzjalment, żbaljata.

73      Madankollu, fl-oqsma fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika biss jekk l-awturi tal-att ikkontestat huma f’pożizzjoni li jistabbilixxu li dan l-att ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom u li jesponu, għal dan il-għan, b’mod ċar u inekwivoku, id-data bażika li ttieħdet inkunsiderazzjoni bħala bażi tal-miżuri kkontestati ta’ dan l-att u li fuqha kien jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 151 sa 153). Issa, mill-punt 45 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni effettivament issodisfa dan l-obbligu bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħafna data kollha disponibbli.

74      L-obbligu ta’ kooperazzjoni leali ma jistax ikollu portata iktar wiesgħa, fis-sens li għandu l-effett li jobbliga, fiċ-ċirkustanzi kollha, lil-leġiżlatur tal-Unjoni jipproduċi, fuq talba ta’ Stat Membru, dokumenti u informazzjoni allegatament neqsin jew iwettaq korrezzjoni tal-informazzjoni li għandu qabel ma jkun jista’ jwettaq l-adozzjoni ta’ att. Fil-fatt, hemm ir-riskju li tali interpretazzjoni tipprekludi lill-istituzzjonijiet milli jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom u timblokka l-proċess leġiżlattiv.

75      Huwa, ċertament, minnu li d-dmir ta’ kooperazzjoni leali jinvolvi l-obbligu ta’ assistenza reċiproka li jimplika, b’mod partikolari, l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv. Madankollu, dan l-obbligu ma jistax jippermetti lil wieħed minn dawn l-Istati, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar in-natura suffiċjenti, rilevanti jew preċiża tad-data disponibbli, jikkontesta għal din ir-raġuni biss il-legalità tal-proċess deċiżjonali.

76      Jirriżulta f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE, minkejja l-oppożizzjoni ta’ minoranza ta’ Stati Membri, ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali impost fuq il-Parlament u l-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 1992, Il-Portugall u Spanja vs Il-Kunsill, C‑63/90 u C‑67/90, EU:C:1992:381, punt 53, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 66).

77      Is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935), ma tippermettix li din il-konstatazzjoni tiġi kkontestata, peress li, fil-punt 107 tagħha, invokat mir-Repubblika tal-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat biss il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, il-proċess deċiżjonali li wassal għall-adozzjoni tal-att ikkontestat fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienx twettaq bil-ħeffa meħtieġa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti.

78      Fir-rigward tal-argument tar-Rumanija, riprodott, essenzjalment, fil-punti 61 sa 63 ta’ din is-sentenza, li l-proċedura leġiżlattiva ma twettqitx skont ir-regolament intern tal-Kunsill minħabba l-komunikazzjoni tardiva ta’ ċerta informazzjoni u ta’ ċerti dokumenti, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel u t-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li hija ma kellhiex l-informazzjoni meħtieġa sabiex tipparteċipa b’mod utli fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tad-direttiva kkontestata. Għall-kuntrarju, hija ma tallega la li r-regolament intern tal-Kunsill inkiser u lanqas li informazzjoni jew dokumenti ntbagħtulha tard.

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, parti li hija ammessa bħala intervenjenti f’kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża kif iċċirkoskritt mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet prinċipali. Minn dan isegwi li huma ammissibbli biss l-argumenti ta’ intervenjent li jaqgħu taħt il-kuntest iddefinit minn dawn it-talbiet u motivi (sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:2258, punt 27).

80      Għaldaqstant, dan l-argument tar-Rumanija għandu jiġi miċħud.

81      L-istess japplika għall-argument tar-Rumanija bbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li r-Repubblika tal-Polonja ma ssostnix li hija bagħtet lill-Kunsill talba għal aċċess għal dokumenti, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, u lanqas li l-Parlament u l-Kunsill kisru dan ir-regolament.

82      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel u t-tieni motiv tar-Repubblika tal-Polonja għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ir-raba’ motiv

 L-argumenti tal-partijiet

83      Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu osservati l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet previsti mid-direttiva kkontestata jistgħu jwasslu, għaliha, għal effetti negattivi għal ċerti setturi u għal spejjeż soċjoekonomiċi partikolarment onerużi. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ħax dan inkunsiderazzjoni u, għaldaqstant wettaq żball manifest meta adotta d-direttiva kkontestata, li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE.

84      Hija tqis li l-istħarriġ, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-proporzjonalità ta’ miżura ma huwiex limitat għall-iżbalji manifesti, iżda jinkludi l-ibbilanċjar tal-interessi kontrapposti u l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-miżuri kkontestati, il-ħtieġa tagħhom u l-kapaċità tal-Istati Membri sabiex jimplimentawhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina ukoll l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet inqas vinkolanti, ir-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-għan li għandu jintlaħaq kif ukoll l-għażliet li jippermettu t-tnaqqis tal-piż tal-operaturi ekonomiċi.

85      Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, il-verżjoni rriveduta tal-Protokoll ta’ Göteborg, imsemmija fil-premessi tad-direttiva kkontestata, ma tistax isservi bħala bażi ta’ referenza. Hija ma ġietx irratifikata mill-Istati Membri kollha u ma taqax fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

86      Fir-rigward tal-ispejjeż tal-implimentazzjoni tad-direttiva kkontestata, ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li dawn jammontaw, f’dak li jirrigwardaha, għal madwar Eur 557 miljun kull sena, minbarra l-ispejjeż marbuta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/50. Dawn l-ispejjeż u l-effetti negattivi li jirriżultaw mill-impenji nazzjonali għal tnaqqis tal-emissjonijiet għas-setturi industrijali u mhux industrijali, jiġifieri t-trasport, l-agrikoltura u s-settur urban domestiku, huma ferm ogħla mill-benefiċċji li jirriżultaw minn dawn.

87      Fis-settur tal-agrikoltura, iktar minn żewġ terzi tal-azjendi agrikoli huma żgħar u jistgħu jiġu eżentati mill-miżuri intiżi għat-tnaqqis tal-emissjonijet tal-ammonja, skont il-punt C tal-Parti 2 tal-Anness III tad-direttiva kkontestata. Għaldaqstant, terz tal-azjendi agrikoli nazzjonali jkollhom ikopru l-piż kollu ta’ dawn il-miżuri. Fis-settur tat-trasport, il-flotta tal-karozzi Pollakka hija, fil-parti l-kbira, ikkostitwita minn vetturi li għandhom iktar minn għaxar snin. Is-sostituzzjoni tagħhom tiġġenera spejjeż stmati bejn EUR 1.3 u EUR 3.9 biljun, mingħajr ma l-livell meħtieġ tat-tnaqqis tal-emissjonijiet jista’ jintlaħaq permezz ta’ din il-miżura. L-ispejjeż marbuta mas-sostituzzjoni tat-tagħmir ta’ tisħin domestiku jammontaw għal madwar EUR 12.7 biljun għall-pajjiż kollu. Barra minn hekk, l-abbandun tal-faħam, li huwa s-sors ta’ enerġija l-inqas għalja, iżid b’mod sinjifikattiv il-prezz tal-enerġija.

88      Fid-dawl tal-istruttura ta’ dawn is-setturi, it-tnaqqis tal-emissjonijiet skont id-direttiva kkontestata jolqot l-iktar lill-persuni bi dħul baxx. Ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax timponi dan il-piż fuq persuni oħra. B’mod partikolari, il-prinċipji ta’ min iniġġeż iħallas u ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprekludu t-trasferiment tar-responsabbiltà għall-azjendi agrikoli kbar. Għalhekk, il-kompetittività tal-azjendi agrikoli żgħar tkun mhedda.

89      Barra minn hekk, hija tqis li l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kif ukoll l-impożizzjoni ta’ terminu qasir għall-finijiet tal-implimentazzjoni tagħhom imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni. L-istess japplika f’dak li jikkonċerna l-obbligu, għall-Istati Membri, li jistabbilixxu, sa mis-sena 2025, livell indikattiv ta’ emissjonijiet permezz ta’ perkors ta’ tnaqqis lineari, stabbilit skont impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, minn naħa, għas-sena 2020 u, min-naħa l-oħra, għas-sena 2030. Mekkaniżmu ta’ twettiq gradwali tal-impenji bejn is-sena 2030 u s-sena 2035 kien ikun prevedibbli u kien ikun ippermetta t-tqassim tal-ispejjeż tul iż-żmien. Dawn l-ispejjeż jistgħu, ukoll, ikunu inqas sinjifikattivi peress li l-prezz tat-teknoloġiji jista’ jonqos maż-żmien.

90      Barra minn hekk, in-natura vinkolanti tal-aġenda prevista mid-direttiva kkontestata tmur kontra l-Artikolu 288 TFUE, li abbażi tiegħu direttiva tħalli f’idejn l-Istati Membri l-għażla tal-forma u tal-metodi għall-implimentazzjoni tagħha.

91      Il-mekkaniżmu ta’ flessibbiltà previst fl-Artikolu 5(3) tad-direttiva kkontestata ma jnaqqasx il-portata tal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu huma wisq restrittivi.

92      L-eżami tal-proporzjonalità tad-direttiva kkontestata turi, barra minn hekk, li r-Repubblika tal-Polonja jkollha terfa’ piż ikbar mill-Istati Membri l-oħra. F’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonja, l-għan stabbilit mir-Repubblika tal-Polonja huwa tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet bi 17 %, filwaqt li, bħala medja, fil-livell tal-Unjoni, dan huwa madwar 13 %. F’dak li jirrigwarda l-partiċelli fini (PM2,5), ir-Repubblika tal-Polonja għandha tilħaq tnaqqis ta’ 58 % meta mqabbel mal-medja ta’ 27 %. Ċertament, il-potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fil-Polonja huwa għoli. Madankollu, dan ma jistax jiġġustifika obbligi sproporzjonati fuq dan l-Istat Membru.

93      Il-Parlament u l-Kunsill jikkunsidraw li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

94      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 78, kif ukoll tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja vs L-Ungerija u Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 206).

95      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju, f’kuntest tekniku kumpless u ta’ natura evoluttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li jadotta, filwaqt li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni eċċediex b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni li lilu t-trattat ta dan il-kompitu (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, Chemical, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 150).

96      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi ddeterminat jekk, bl-adozzjoni tal-miżuri msemmija mid-direttiva kkontestata, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaqx żball manifest u jekk l-iżvantaġġi li jirriżultaw għal ċerti atturi ekonomiċi ma jkunux jibbilanċjaw mal-benefiċċji li din ikollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, Chemical, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 170).

97      Kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-direttiva kkontestata, minkejja l-progress li diġà sar fl-Unjoni fil-qasam ta’ emissjonijiet antropoġeniċi fl-arja u ta’ kwalità tal-arja, jeżistu effetti negattivi u riskji kunsiderevoli f’termini ta’ saħħa tal-bniedem u ta’ ambjent. Skont il-premessa 8 tagħha, l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva mill-Istati Membri għandha wkoll tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet ta’ kwalità tal-arja stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u għal progress sabiex jitlaħaq l-għan fit-tul tal-Unjoni li jikkonsisti f’li jintlaħqu livelli ta’ kwalità tal-arja konformi mal-linji gwida dwar il-kwalità tal-arja ppubblikati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

98      Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, u l-Artikolu 4 tagħha, din id-direttiva tipprevedi diversi miżuri li jippermettu li jinkiseb progress lejn livelli ta’ kwalità tal-arja li ma jwasslux għal impatt negattiv sinjifikattiv jew għal riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent u, b’mod partikolari, it-tnaqqis tal-emissjonijiet f’żewġ stadji għall-perijodu bejn is-sena 2020 u s-sena 2029 u mis-sena 2030 ’il quddiem.

99      Mill-premessa 7 tad-direttiva kkontestata jirriżulta li l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-perijodu bejn is-sena 2020 u s-sena 2029, li jinsabu fl-Anness II tagħha, għandhom jippermettu lill-Unjoni tikkonforma ruħha mal-impenji internazzjonali tal-Istati Membri u tal-Unjoni. Fil-fatt, dawn l-impenji huma identiċi għal dawk stabbiliti fil-verżjoni rriveduta tal-Protokoll ta’ Göteborg li, kif ġie rrilevat fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, ġiet approvata f’isem l-Unjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2017/1757.

100    Barra minn hekk, mill-valutazzjoni tal-impatt jirriżulta li l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-perijodu inkluż bejn is-sena 2020 u s-sena 2029 ikunu jistgħu jintlaħqu jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ kwalità tal-arja fis-seħħ fl-2012 tkun implimentata b’mod sħiħ.

101    Kif tindika l-premessa 14 tad-direttiva kkontestata, l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li hija tipprevedi sas-sena 2030 huma bbażati, b’mod partikolari, fuq l-istima tal-potenzjal ta’ tnaqqis stmat ta’ kull Stat Membru, fuq l-eżami tekniku tad-differenzi bejn l-istimi nazzjonali u dawk li jinsabu fit-TSAP 16, kif ukoll fuq l-għan politiku li jikkonsisti f’li jinżamm sas-sena 2030 it-tnaqqis totali tal-impatti fuq is-saħħa meta mqabbel mas-sena 2005 għal livell kemm jista’ jkun qrib għal dak li jinsab fil-proposta għal direttiva.

102    Sabiex dan l-aħħar għan ikun jista’ jintlaħaq, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 13 tagħha, jipprevedi mekkaniżmu sabiex jiġi żgurat progress konkret għall-ksib tal-livell ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet applikabbli mill‑2030 ’il quddiem. Din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri sabiex l-emissjonijiet nazzjonali prodotti fl-2025 ikunu jikkorrispondu għal livell li jirriżulta minn perkors ta’ tnaqqis lineari bejn l-impenji għas-sena 2020 u dawk għas-sena 2030. B’dan il-mod, id-direttiva kkontestata tiffavorixxi tnaqqis tal-emissjonijiet gradwali u kontinwu.

103    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ma jidhirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq żball manifest bil-previżjoni, għall-Istati Membri, li tal-inqas jillimitaw l-emissjonijiet antropoġeniċi annwali tagħhom ta’ dijossidu tal-kubrit, ta’ ossidi tan-nitroġenu, ta’ komposti organiċi volatili mhux metaniċi, ta’ ammonja, u ta’ partiċelli fini skont l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet applikabbli għall-perijodu bejn is-sena 2020 u s-sena 2029 u mis-sena 2030 ’il quddiem, imsemmija fl-Anness II tad-direttiva kkontestata.

104    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument tar-Repubblika tal-Polonja, li l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw għaliha mill-osservanza ta’ dawn l-impenji fis-setturi tal-agrikoltura u tat-trasport kif ukoll fl-unitajiet domestiċi bi dħul baxx huma sproporzjonati.

105    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, bħall-Parlament u l-Kunsill, li la t-tqassim tal-ispejjeż relatati mat-twettiq tal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u lanqas is-sors tal-finanzjament tagħhom ma ġie stabbilit mid-direttiva kkontestata, kif jirriżulta mill-premessa 19 tagħha.

106    Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru meta l-att tal-Unjoni kkonċernat għandu konsegwenzi fl-Istati Membri kollha u jippreżupponi li bilanċ bejn l-interessi differenti kontrapposti, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn dan l-att, huwa żgurat. Għaldaqstant, it-tfittxija għal tali bilanċ, li tieħu inkunsiderazzjoni mhux is-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed, iżda dik tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni, ma tistax titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 167).

107    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta diġà mill-punti 32 sa 40 ta’ din is-sentenza, il-Parlament u l-Kunsill ma naqsux milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-direttiva kkontestata, fir-rigward b’mod partikolari tar-Repubblika tal-Polonja. Huwa, għall-kuntrarju, fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha li kellhom dawn l-istituzzjonijiet li huma qiesu li l-ispejjeż marbuta mal-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva kienu sostanzjalment inqas mill-benefiċċji soċjoekonomiċi li jirriżultaw minnha. Dawn il-benefiċċji jinkludu, pereżempju, it-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ kura tas-saħħa, it-titjib tal-produttività, it-tnaqqis ta’ ħsara lill-bini, ħsad iktar abbundanti u ż-żieda fin-numru ta’ snin ta’ ħajja b’saħħitha.

108    Jirriżulta, barra minn hekk, mill-premessi 9 u 10 ta’ din l-istess direttiva li din tipprova tikseb it-twettiq, b’mod kosteffettiv, tal-għanijiet ta’ kwalità tal-arja stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u din tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tniġġis tal-arja relatati mas-saħħa fl-Unjoni billi ttejjeb il-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni.

109    Kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-valutazzjoni tal-impatt indikat l-ispejjeż u l-benefiċċji rispettivi marbuta ma’ ħames għażliet strateġiċi. Kif jikkonferma l-Kunsill, ġiet adottata l-għażla msejħa “6C”. Jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Anness 7 tal-valutazzjoni tal-impatt li din l-għażla kienet, f’termini ta’ spejjeż u benefiċċji, dik li l-implimentazzjoni tagħha setgħet tiġġenera l-ogħla benefiċċju nett. Kif tosserva l-Kummissjoni, l-għażla 6C kienet tipprevedi l-istabbilment tal-impenn globali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għas-sena 2025 sa livell ta’ 75 % tat-tnaqqis tad-distakk (gap closure) meta mqabbel mal-linji gwida tal-WHO dwar l-effett tal-partiċelli fini (PM2,5) fuq is-saħħa tal-bniedem.

110    Kif tirrileva l-Kummissjoni, barra minn hekk, il-proposta għal direttiva kienet tinkludi tnaqqis tad-distakk inqas ambizzjuż b’67 % fuq perijodu itwal, jiġifieri sas-sena 2030, li kien stmat li seta’ jnaqqas, minn naħa, il-piż tal-ispejjeż b’40 % għaż-żewġ setturi l-iktar ikkonċernati, jiġifieri dawk tal-agrikoltura u tar-raffinar, u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż kollha marbuta mat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja b’25 % meta mqabbla mal-ispejjeż ippreżentati fil-valutazzjoni tal-impatt.

111    Matul in-negozjati fil-Kunsill, il-livell globali tal-impenji tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tnaqqas iktar, fatt li r-Repubblika tal-Polonja ammettiet hija stess fir-rikors tagħha. Fil-fatt, kif ikkonfermat ukoll il-Kummissjoni, il-proposta għal direttiva kienet tipprevedi, sas-sena 2030, għan ġenerali ta’ tnaqqis tal-imwiet prematuri kkawżati mill-kwalità ħażina tal-arja fl-Ewropa għal 52 % meta mqabbel mal-ammont ta’ dan it-tip ta’ mewt ikkonstatat matul is-sena 2005. Matul in-negozjati fil-Kunsill, dan l-għan tnaqqas għal 49.6 %. Fuq din il-bażi, il-Parlament, fit‑23 ta’ Novembru 2016, iddeċieda l-pożizzjoni tiegħu fuq il-proposta għal direttiva, li l-Kunsill irratifika fit‑8 ta’ Diċembru 2016.

112    Barra minn hekk, mill-Kapitolu 6 u mill-Anness 8 tal-valutazzjoni tal-impatt jirriżulta li t-tqassim tal-isforzi bejn l-Istati Membri ma huwiex manifestament żbilanċjat. Ċertament, fl-Isvezja, investiment li jikkorrispondi għal 0.003 % tal-PDG u, fil-Bulgarija, għal 0.168 % tal-PDB huwa previst sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-għażla 6C. Madankollu, din id-differenza tirrifletti, kemm id-differenti livelli ta’ PDG fl-Unjoni kif ukoll l-isforzi diġà mwettqa f’ċerti Stati Membri. Il-Kunsill jirrileva f’dan ir-rigward, ġustament, li r-rabta bejn il-livell storiku ta’ emissjonijiet u l-livelli tal-isforzi meħtieġa skont id-direttiva kkontestata hija konformi mal-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas.

113    Mill-bqija, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Polonja sempliċement tikkritika l-ispejjeż għoljin li jirriżultaw mill-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mingħajr ma tikkunsidra l-benefiċċji msemmija fil-punt 107 ta’ din is-sentenza. Hija la ma turi li dawn l-impenji jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ fid-dawl tal-għanijiet tad-direttiva kkontestata u lanqas ma tipprovdi elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li impenji inqas onerużi kienu wkoll jippermettu li dawn l-għanijiet jintlaħqu.

114    Il-kritika tar-Repubblika tal-Polonja dwar l-għażla tas-sena 2030 bħala data tal-bidu taż-żieda tal-livell ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati fil-punt 113 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, il-fatt li posponiment ta’ din id-data jippermetti t-tqassim tal-ispejjeż tul iż-żmien ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni manifestament twassal għal konsegwenzi sproporzjonati għal dan l-Istat Membru. Dan jgħodd ukoll għall-ipoteżi li l-prezz ta’ teknoloġiji li jippermettu t-tnaqqis tal-emissjonijiet previsti mid-direttiva kkontestata jista’ jonqos maż-żmien.

115    Dawn l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw mutatis mutandis għall-allegazzjoni li l-obbligu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet skont perkors lineari, skont l-Artikolu 4(2) tad-direttiva kkontestata, jikkostitwixxi piż addizzjonali sproporzjonat fir-rigward tar-Repubblika tal-Polonja. Din tal-aħħar ma tipprovdi ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq żball manifest bid-deċiżjoni li jintroduċi mekkaniżmu ta’ tnaqqis gradwali tal-emissjonijiet mil-livell previst għas-sena 2020 sabiex jiġi żgurat progress konkret lejn il-livell previst għall-perijodu ta’ wara s-sena 2030.

116    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li dan l-obbligu ta’ tnaqqis gradwali jillimita l-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri b’mod eċċessiv, fid-dawl tan-natura ġuridika anki tad-direttivi, kif tirriżulta mill-Artikolu 288 TFUE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-direttiva kkontestata tipprevedi, ċertament, obbligi vinkolanti, iżda tħalli lill-Istati Membri l-għażla tal-mezzi sabiex dawn jintlaħqu. Fi kwalunkwe każ, ir-raba’ motiv tar-Repubblika tal-Polonja jirrigwarda l-proporzjonalità tad-direttiva kkontestata, u mhux ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE dwar l-atti ġuridiċi tal-Unjoni.

117    Sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-direttiva kkontestata timponi fuqha piż ikbar minn dak impost fuq l-Istati Membri l-oħra, hija tfittex, fil-fatt, li turi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati li għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-ħames motiv.

118    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv

 L-argumenti tal-partijiet

119    Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati u ta’ żvilupp ibbilanċjat, peress li l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet previsti mid-direttiva kkontestata ġew stabbiliti mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, l-avvanz teknoloġiku u l-ispejjeż tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji fid-diversi Stati Membri u reġjuni tal-Unjoni.

120    Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) TUE u tal-Artikolu 191 TFUE, li jirrigwardaw, rispettivament, l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati u l-iżvilupp ibbilanċjat tar-reġjuni, u tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech (C‑284/95, EU:C:1998:352, punti 36 u 37). Permezz tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għanijiet, il-prinċipji u l-kriterji previsti fl-Artikolu 191 TFUE għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom l-istess importanza u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn possibbli. L-Artikoli 37 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jeżiġu wkoll l-osservanza tal-prinċipju ta’ żvilupp ibbilanċjat fit-tfassil tal-politika ambjentali tal-Unjoni.

121    Sabiex dawn l-obbligi jiġu osservati, ma huwiex suffiċjenti li tittieħed inkunsiderazzjoni data soċjoekonomika ta’ Stat Membru b’mod selettiv, lakunarju u simplifikat. Id-direttiva kkontestata lanqas ma twassal għal ibbilanċjar tal-interessi, jiġifieri bejn il-protezzjoni tal-ambjent, minn naħa, u l-iżvilupp ekonomiku tad-diversi reġjuni tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. Għall-kuntrarju, hemm ir-riskju li din tnaqqas il-kompetittività, twassal għal tnaqqis fil-livell tal-għixien u li żżid il-faqar fil-Polonja, li jmur kontra l-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni.

122    Barra minn hekk, fil-Polonja, l-ispejjeż għall-implimentazzjoni tal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jammontaw għal madwar EUR 543 miljun fis-sena. Din l-istima hija qrib il-EUR 557 miljun fis-sena kkalkolati mill-IIASA matul is-sena 2015, li tikkorrispondi għal madwar kwart tal-ispejjeż totali tal-implimentazzjoni tal-impenji fl-Unjoni. Dan l-ammont għandu jiżdied mal-ispejjeż marbuta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/50. Għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax il-ħtieġa ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet imsemmija mid-direttiva kkontestata, hija tikkunsidra li l-implimentazzjoni tagħha twassal għal piż sproporzjonat fir-rigward tagħha, peress li l-ispejjeż relattivi jammontaw għal kważi EUR 15 kull xahar għal kull abitant fil-Polonja, filwaqt li, f’dak li jirrigwarda l-Istati Membri għonja, bħalma huma r-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, dawn l-ispejjeż jammontaw għal inqas minn EUR 3.

123    Dan il-piż sproporzjonat juri fil-fatt li l-metodoloġija li ppermettiet l-istabbiliment tal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispejjeż marbuta mal-implimentazzjoni tad-direttiva kkontestata. Il-livell storiku tal-emissjonijiet indikati minn din id-direttiva fil-Polonja ma jistax jiġġustifika l-ispejjeż sproporzjonati li huma, fi kwalunkwe każ, kuntrarji għall-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli. Ir-riferiment għal dan il-livell storiku jikser, barra minn hekk, it-titjib sinjifikattiv tal-kwalità tal-arja f’dan l-Istat Membru għal ħafna snin.

124    Barra minn hekk, il-premessi 9 u 13 tad-direttiva kkontestata jipprekludu l-impożizzjoni ta’ impenji li jwasslu għal spejjeż sproporzjonati. Il-punt 84 tad-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”(ĠU 2013, L 354, p. 171), jikkonferma din il-konstatazzjoni.

125    Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-impatt ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-effetti tat-tniġġis transkonfinali li jkun ġej minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari, peress li d-data rilevanti pprovduta mill-Ukraina u mir-Repubblika tal-Bjelorussja ma hijiex kompluta. Issa, it-tniġġis transkonfinali jista’ jxejjen l-isforzi magħmula mir-Repubblika tal-Polonja sabiex tirrispetta l-impenji tagħha taħt id-direttiva kkontestata, li jwassal għal inugwaljanza fit-trattament tal-Istati Membri li għandhom fruntieri ma’ pajjiżi terzi meta mqabbla mal-Istati Membri oħra u li jmur kontra l-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas.

126    Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-ħames motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

127    Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, fl-ewwel lok, essenzjalment, li l-ispejjeż għall-implimentazzjoni tad-direttiva kkontestata hija sostanzjalment ogħla fil-Polonja milli fi Stati Membri oħra. Din id-differenza hija sproporzjonata u tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati, previst fl-Artikolu 4(2) TUE, fl-Artikolu 191(3) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 37 tal-Karta. Dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet jeżiġu, b’mod partikolari, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvilupp ibbilanċjat u sostenibbli tar-reġjuni tal-Unjoni.

128    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 191(2) TFUE jipprovdi li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha jkollha “mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli”, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjonijiet differenti fid-diversi reġjuni tal-Unjoni. Fl-istess sens, l-Artikolu 3(3) TUE jipprevedi li l-Unjoni taħdem b’mod partikolari għal “livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent” (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus, C‑444/15, EU:C:2016:978, punt 42).

129    Fir-rigward tal-Artikolu 37 tal-Karta, dan jistabbilixxi li “[l]ivell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u t-titjib fil-kwalità ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati filpolitika ta’ l-Unjoni u għandhom jiġu żgurati skond il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli”.

130    L-Artikolu 52(2) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet irrikonoxxuti minn din tal-aħħar li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti ddefiniti fihom. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 37 tal-Karta li huwa bbażat, essenzjalment, fuq l-Artikolu 3(3) TUE u l-Artikoli 11 u 191 TFUE (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus, C‑444/15, EU:C:2016:978, punt 62).

131    Konsegwentement, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-Karta għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-kundizzjonijiet u tal-limiti li jirriżultaw mill-Artikolu 191 TFUE.

132    Għalkemm huwa paċifiku li l-Artikolu 191(2) TFUE jeżiġi li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent timmira lejn livell għoli ta’ protezzjoni, tali livell ta’ protezzjoni, sabiex ikun kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni, ma għandux neċessarjament ikun teknikament l-ogħla possibbli (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus, C‑444/15, EU:C:2016:978, punt 44).

133    Fil-fatt, l-Artikolu 191 TFUE jipprevedi sensiela ta’ għanijiet, ta’ prinċipji u ta’ kriterji li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu josserva fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-politika ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech, C‑284/95, EU:C:1998:352, punt 36).

134    B’mod partikolari, mill-Artikolu 191(3) TFUE jirriżulta li, fil-preparazzjoni tal-politika tagħha fil-qasam ambjentali, l-Unjoni tieħu inkunsiderazzjoni data xjentifika u teknika disponibbli, kundizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni differenti tal-Unjoni, vantaġġi u piżijiet li jistgħu jirriżultaw mill-azzjoni jew milll-assenza ta’ azzjoni kif ukoll tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni fl-intier tagħha u tal-iżvilupp ibbilanċjat tar-reġjuni tagħha.

135    Madankollu, minħabba l-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn ċerti għanijiet u prinċipji u kif ukoll tal-kumplessità tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-kriterji, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament ikun limitat għall-eżami dwar jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 191 TFUE (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech, C‑284/95, EU:C:1998:352, punt 37, u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus, C‑444/15, EU:C:2016:978, punt 46).

136    Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 32 sa 40 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-direttiva kkontestata b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ għadd kbir ta’ data, li tinkludi, b’mod partikolari, informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tagħha f’kull Stat Membru u l-benefiċċji li jirriżultaw minnha. Huwa wettaq ukoll għażla bejn diversi għażliet sabiex jagħżel dik li setgħet toħloq l-ogħla benefiċċju nett.

137    Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat, b’mod partikolari, fil-punti 101 u 112 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni debitament qies il-potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet f’kull Stat Membru u pprova jsib tqassim ibbilanċjat tal-isforzi bejniethom.

138    B’dan il-mod, dan il-leġiżlatur issodisfa l-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 191(3) TFUE. Fil-fatt, abbażi tad-data xjentifika u teknika disponibbli, huwa fil-fatt qies l-iżvilupp ibbilanċjat tal-Unjoni u tar-reġjuni tagħha, b’mod partikolari bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż marbuta mal-implimentazzjoni tad-direttiva kkontestata f’kull Stat Membru u l-benefiċċji li jistgħu jirriżultaw minnha.

139    Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, li t-tfittxija, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ta’ tali bilanċ fid-dawl mhux tas-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed, iżda ta’ dik tagħhom kollha, ma tistax titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

140    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, fit-tieni lok, li ċerti setturi soċjoekonomiċi u uħud mir-reġjuni tagħha, bħas-settur agrikolu u r-reġjuni rurali, ikunu partikolarment affettwati mill-obbligi finanzjarji li joħorġu mill-impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 105 ta’ din is-sentenza, li la t-tqassim tal-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni ta’ dawn l-impenji u lanqas is-sors ta’ finanzjament tagħhom ma ġew stabbiliti mid-direttiva kkontestata, li l-implimentazzjoni tagħha hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

141    Barra minn hekk, il-fatt li r-Repubblika tal-Polonja hija parti mill-Istati Membri li, sabiex jirrispettaw l-impenji tagħhom skont id-direttiva kkontestata, ikollhom iwettqu l-investimenti finanzjarji l-iktar sinjifikattivi ma jfissirx, fih innifsu, li din id-direttiva timponi fuq dan l-Istat Membru, jew fuq ir-reġjuni koperti mit-territorju tiegħu, piż sproporzjonat.

142    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argument ibbażat fuq allegata assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tniġġis transkonfinali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja ma tipprovdix informazzjoni li tippermetti li jiġu ssostanzjati l-kritiki tagħha. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru ma jispjegax ir-raġunijiet għalfejn it-tniġġis transkonfinali għandu konsegwenzi determinanti fuq l-emissjonijiet imsemmija mid-direttiva kkontestata prodotti fit-territorju Pollakk u, għaldaqstant, fuq l-istabbiliment tal-impenji ta’ tnaqqis tagħha.

143    Fil-fatt, mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 2(1) tad-direttiva kkontestata jirriżulta li din tapplika għall-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu msemmija fl-Anness I tagħha “(li ġejjin) mis-sorsi kollha li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri” u li din tistabbilixxi l-impenji tal-Istati Membri għat-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet. Kif tiddikjara l-premessa 14 ta’ din id-direttiva, dawn l-impenji sas-sena 2030 huma bbażati fuq l-istima tal-potenzjal ta’ tnaqqis għal kull Stat Membru u fuq l-għan politiku li jikkonsisti fit-tnaqqis tal-impatt tat-tniġġis fuq is-saħħa.

144    Permezz tal-allegazzjoni tagħha li t-tniġġis transkonfinali jxejjen l-isforzi tagħha taħt id-direttiva kkontestata, ir-Repubblika tal-Polonja lanqas ma tasal sabiex turi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li hija ma tipprovdi l-ebda dettall sabiex issostni din l-allegazzjoni li tippermetti l-evalwazzjoni, fi kwalunkwe każ, tal-fondatezza tagħha.

145    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 191 TFUE.

146    Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li d-direttiva kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati.

147    Il-ħames motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

148    Peress li l-ebda wieħed mill-motivi invokati mir-Repubblika tal-Polonja insostenn tar-rikors tagħha ma huwa fondat, dan għandu, konsegwentement, jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

149    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament u l-Kunsill talbu l-kundanna tar-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet.

150    Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dan ir-regolament, l-Ungerija, ir-Rumanija kif ukoll il-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-Ungerija, ir-Rumanija kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.