Language of document : ECLI:EU:C:2019:208

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl‑14 ta’ Marzu 2019 (1)

Kawża C38/18

Massimo Gambino,

Shpetim Hyka

vs

Procura della Repubblica presso il Tribunale di Bari,

Ernesto Lappostato,

Banca Carige SpA - Cassa di Risparmio di Genova e Imperia

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Bari (il-Qorti ta’ Bari, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2012/29/UE – Protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità – Artikolu 16 – Dritt li tinkiseb deċiżjoni dwar il-kumpens f’terminu raġonevoli – Artikolu 18 – Miżuri ta’ protezzjoni waqt is-smigħ – Bidla fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti li quddiemu l-vittma nstemgħet bħala xhud – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-persuna akkużata topponi għall-qari tal-proċess verbal tas-smigħ u teżiġi r-repetizzjoni tiegħu quddiem il-Kulleġġ Ġudikanti l-ġdid – Kompatibbiltà – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – Artikolu 6(1) u (3)(d) – Modalitajiet ta’ applikazzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq fil-każ ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti – Prinċipji ta’ espressjoni orali u ta’ immutabbiltà tal-qorti – Prinċipju ta’ immedjatezza”






I.      Introduzzjoni

1.        Fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali tat-tip akkużatorji, id-Direttiva 2012/29/UE (2) tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti li quddiemu nstemgħet il-vittma, sistema proċedurali li abbażi tagħha l-persuna akkużata tista’ topponi għall-qari tal-proċessi verbal tas-smigħ ta’ din il-vittma, u b’hekk teżiġi r-repetizzjoni tiegħu quddiem dan il-Kulleġġ Ġudikanti l-ġdid?

2.        Dan huwa, essenzjalment, is-suġġett tad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunale di Bari (il-Qorti ta’ Bari, l-Italja).

3.        Din id-domanda taqa’ taħt il-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra Massimo Gambino u Shpetim Hyka minħabba frodi u ħasil tal-flus u li fihom il-vittma nstemgħet bħala xhud kontra tagħhom waqt seduta pubblika li nżammet quddiem il-qorti ta’ rinviju. Peress li, wara dan is-smigħ, wieħed mit-tliet Imħallfin li kienu jifformaw parti minn dan il-kulleġġ fl-ewwel istanza ġie ssostitwit, id-difiża bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-codice di procedura penale (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) sabiex topponi għall-qari tal-proċess verbal ta’ dan is-smigħ quddiem il-Kulleġġ Ġudikanti l-ġdid, u b’hekk eżiġiet ir-repetizzjoni ta’ dan is-smigħ.

4.        Din ma hijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni li jibbenefikaw minnhom il-vittmi fid-dritt tal-Unjoni. Fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (3), u tal‑21 ta’ Diċembru 2011, X (4), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet intalbet tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220 fil-kuntest tal-proċedura inċidentali ta’ produzzjoni antiċipata tal-prova, prevista fis-sistema ġuridika kriminali Taljana favur il-vittmi l-iktar vulnerabbli.

5.        Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, din id-darba, mitluba tirrispondi dwar il-portata tal-miżuri ta’ protezzjoni adottati mid-Direttiva 2012/29, li ssostitwixxiet id-Deċiżjoni Qafas 2001/220, meta huwa permess, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li l-persuna akkużata topponi, fil-każ ta’ bidla li taffettwa l-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti, l-użu tal-proċessi verbali tas-smigħ tal-vittma.

6.        Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, b’mod partikolari, tiddetermina l-portata ta’ dawn il-miżuri previsti fil-Kapitolu 4 ta’ din id-direttiva filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali li tibbenefika minnhom il-persuna akkużata abbażi tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (5) kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u (3)(d) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (6).

7.        Għalkemm l-imsemmija direttiva timponi lill-Istati Membri jiggarantixxu lill-vittmi tal-kriminalità livell għoli ta’ protezzjoni permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri adattati relattivi għas-smigħ tagħhom waqt il-proċedura ġudizzjarja, ser nuri, f’dawn il-konklużjonijiet, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jillimita n-numru ta’ okkażjonijiet tas-smigħ f’seduta pubblika tal-vittma, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni li fiha l-vittma hija minuri.

8.        Ser nispjega li, f’sistema ġuridika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet ta’ difiża jeżiġu li l-qorti responsabbli sabiex tiddeċiedi fuq il-ħtija tal-persuna akkużata, tkun il-qorti li quddiemha, bħala prinċipju seħħ is-smigħ tax-xhud, b’mod partikolari meta dan ikun xhud deċiżiv, li x-xhieda tiegħu tista’ tiddetermina l-innoċenza jew il-ħtija ta’ din il-persuna. Dan jirriżulta mill-prinċipji ta’ espressjoni orali u ta’ immutabbiltà tal-qorti, mifhuma bħala dik li għandha konoxxenza diretta u immedjata tal-kawża, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. F’dan il-kuntest, meta s-smigħ tax-xhud ikun determinanti fir-rigward tal-ħtija jew le tal-persuna akkużata, il-bidla fil-kompożizzjoni ta’ din il-qorti wara s-smigħ ta’ dan ix-xhud għandha twassal, bħala prinċipju, għal smigħ ġdid ta’ dan tal-aħħar.

9.        F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, bl-eċċezzjoni tal-miżuri previsti favur il-vittmi minuri, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/29 ma tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni, li tippermetti lill-persuna akkużata topponi għall-qari tal-proċessi verbal tas-smigħ tal-vittma, u teżiġi b’hekk ir-repetizzjoni tiegħu quddiem il-Kulleġġ Ġudikanti l-ġdid.

10.      Għall-kuntrarju, ser nindika li, fil-każ li l-persuna akkużata teżiġi smigħ ġdid tal-vittma, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom l-obbligu jwettqu evalwazzjoni individwali, konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2012/29, sabiex jiddeterminaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ din il-vittma u, jekk ikun il-każ, il-punt sa fejn hija tkun tista’ tibbenefika mill-miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi previsti fl-Artikoli 23 u 24 ta’ din id-direttiva. F’dan il-kuntest, nemmen li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw li l-imsemmija miżuri ma jippreġudikawx in-natura xierqa tal-proċeduri fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u lanqas id-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 48(2) tagħha.

11.      Fl-aħħar, ser nippreċiża li d-Direttiva 2012/29 ma tipprekludix li Stat Membru jadotta miżuri iktar protettivi fir-rigward tas-smigħ tal-vittmi matul il-proċeduri kriminali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri ma jippreġudikawx id-drittijiet proċedurali tal-persuna akkużata.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-KEDB

12.      L-Artikolu 6(1) u (3)(d) tal-KEDB, intitolat “Dritt għal smigħ xieraq”, jipprovdi:

“1.      Fid-deċiżjoni [...] ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali [...] fi żmien raġonevoli minn tribunal [...].

[...]

3.      Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

[...]

d)      li jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda kontra tiegħu u li jottjeni l-attendenza u l-eżami ta’ xhieda favur tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tiegħu.”

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta

13.      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”.

14.      L-Artikolu 48(2) tal-Karta jippreċiża li “[g]ħandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat”.

2.      Id-Direttiva 2012/29

15.      Id-Direttiva 2012/29 hija intiża sabiex tirrevedi u tikkompleta l-prinċipji ddefiniti fid-Deċiżjoni Qafas 2001/220 u sabiex issaħħah il-livell ta’ protezzjoni tal-vittmi, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċeduri kriminali (7).

16.      Din id-direttiva għandha bħala għan li tiggarantixxi li l-vittmi tal-kriminalità jirċievu informazzjoni, appoġġ u protezzjoni xierqa u jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri kriminali (8).

17.      Il-premessi 11, 12, 20, 53, 55, 58 u 66 tal-imsemmija direttiva huma fformulati kif ġej:

“(11)      Din id-Direttiva tistipula regoli minimi. [...]

(12)      Id-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-awtur ta’ ksur. [...]

[...]

(20)      Ir-rwol tal-vittmi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali u l-possibbiltà li huma jieħdu sehem attiv fil-proċedimenti kriminali jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, skont is-sistema nazzjonali, u jiġu ddeterminati minn wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin: [...] jekk il-vittma tkunx taħt rekwiżit legali jew tkun mitluba tieħu sehem attiv fil-proċedimenti kriminali, per eżempju bħala xhieda [...]. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema minn dawk il-kriterji japplikaw biex jiġi ddeterminat l-ambitu tad-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva, fejn ikun hemm referenzi għar-rwol tal-vittma fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti.

[...]

(53)      Għandu jiġi limitat ir-riskju ta’ vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, ta’ intimidazzjoni u ta’ ritaljazzjoni mill-awtur ta’ ksur jew b’riżultat tal-parteċipazzjoni fi proċedimenti kriminali billi l-proċedimenti jitwettqu b’mod koordinat u rispettuż, li jippermetti l-vittmi jiksbu fiduċja fl-awtoritajiet. L-interazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti għandha tkun faċli kemm jista’ jkun filwaqt li jiġi limitat l-għadd ta’ interazzjonijiet li l-vittma jkollha magħhom pereżempju permezz ta’ reġistrazzjoni ta’ filmati tal-intervisti u billi jkun permess l-użu ta’ dan fil-proċedimenti tal-qorti. [...]

[...]

(55)      Uħud mill-vittmi huma partikolarment vulnerabbli għall-vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, għall-intimidazzjoni u r-ritaljazzjoni min-naħa tal-awtur ta’ ksur waqt il-proċedimenti kriminali. Huwa possibbli li tali riskju joħroġ mill-karatteristiċi personali tal-vittma, jew it-tip, in-natura u ċ-ċirkostanzi tal-att kriminali. Huwa biss permezz ta’ valutazzjonijiet individwali, imwettqa kemm jista’ jkun malajr, li tali riskju jista’ jiġi identifikat b’mod effettiv. Tali valutazzjonijiet għandhom jitwettqu għall-vittmi kollha biex jiddeterminaw jekk humiex f’riskju ta vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuti, ta’ intimidazzjoni u ta’ ritaljazzjoni u liema miżuri ta’ protezzjoni speċjali huma jeħtieġu.

[...]

(58)      Vittmi li ġew identifikati bħala vulnerabbli għal vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimidazzjoni u ritaljazzjoni għandhom jingħataw il-miżuri adatti biex jipproteġuhom matul il-proċedimenti kriminali. In-natura eżatta ta’ tali miżuri għandha tiġi determinata permezz tal-valutazzjoni individwali, b’kont meħud tax-xewqa tal-vittma. Sa fejn kwalunkwe tali miżura għandha tiġi determinata mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża u f’konformità mar-regoli tad-diskrezzjoni ġudizzjarja. It-tħassib u l-biża’ tal-vittmi b’rabta mal-proċedimenti għandhom ikunu fattur ewlieni fid-determinazzjoni ta’ jekk ikunux jeħtieġu xi mizura partikolari.

[...]

(66)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-[Karta]. B’mod partikolari, tfittex li tippromwovi [...] d-dritt għal smigħ xieraq.”

18.      Il-Kapitolu 3 tad-Direttiva 2012/29 jirrigwarda l-“[p]arteċipazzjoni fi proċedimenti kriminali” tal-vittma. L-Artikolu 16(1) tagħha huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, matul il-proċedimenti kriminali, il-vittmi jkunu intitolati li jiksbu deċiżjoni dwar il-kumpens mill-awtur ta’ ksur, fi żmien raġonevoli, ħlief fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi li tali deċiżjoni ssir fi proċedimenti legali oħrajn.”

19.      Il-Kapitolu 4 ta’ din id-direttiva, dwar il-“[p]rotezzjoni tal-vittmi u rikonoxximent ta’ vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni”, jinkludi l-Artikoli 18 sa 24.

20.      L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt għal protezzjoni”, jipprovdi:

“Bla preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm miżuri disponibbli għall-protezzjoni tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom minn vitimizzazzjoni sekondarja u repetuta, minn intimidazzjoni u minn ritaljazzjoni, inkluż kontra r-riskju ta’ ħsara emozzjonali jew psikoloġika, u għall-protezzjoni tad-dinjità tal-vittmi waqt l-interrogazzjoni u meta jagħtu x-xhieda tagħhom. Meta meħtieġ, tali miżuri għandhom jikludu wkoll proċeduri stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali għall-protezzjoni fiżika tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom.”

21.      L-Artikoli 19 sa 21 tad-Direttiva 2012/29 jirrigwardaw il-miżuri ta’ protezzjoni ġenerali li jibbenefikaw minnhom il-vittmi waqt is-smigħ u x-xhieda tagħhom.

22.      L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, espliċitament imsemmi mill-qorti tar-rinviju, intitolat “Dritt għall-protezzjoni tal-vittmi waqt l-investigazzjonijiet kriminali”, jipprevedi:

“Bla preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża u f’konformità mar-regoli ta’ diskrezzjoni ġudizzjarja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqt investigazzjonijiet kriminali:

[...]

b)      l-għadd ta’ intervisti mal-vittmi jkun limitat kemm jista’ jkun u l-intervisti jsiru biss fejn strettament meħtieġ għall-iskopijiet tal-investigazzjonijiet kriminali;

[...]”

23.      L-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva jirrigwarda l-evalwazzjoni individwali li l-vittmi għandhom ikunu s-suġġett tagħha sabiex jiġu ddeterminati l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni.

24.      L-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva 2012/29 jirrigwardaw, minn naħa tagħhom, il-miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-vittmi l-iktar vulnerabbli.

C.      Id-dritt Taljan

25.      L-Artikolu 111 tal-Costituzione (il-Kostituzzjoni Taljana) jirrigwarda l-garanziji tal-proċeduri kriminali u jenfasizza, b’mod partikolari, l-importanza tal-kontradittorju u n-natura orali tal-proċeduri kriminali Taljani, kif ukoll l-eċċezzjonijiet tagħhom fil-formalitajiet ta’ kisba tal-prova. Dan jipprovdi (9):

“Il-ġurisdizzjoni għandha tiġi eżerċitata permezz ta’ proċess ġust irregolat mil-liġi.

Kull proċess għandu jseħħ b’osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza għall-partijiet, quddiem qorti terza u imparzjali. Il-liġi għandha tiggarantixxi tul raġonevoli ta’ dan il-proċess.

Fil-proċess kriminali, il-liġi tiggarantixxi li l-persuna akkużata bi reat [...] għandu jkollha l-possibbiltà, quddiem il-qorti, teżamina jew tara li jiġu eżaminati, il-persuni li jwettqu dikjarazzjonijiet kontriha [...]

Il-proċess kriminali għandu jkun suġġett għall-prinċipju ta’ kontradittorju fil-produzzjoni tal-prova. [...]

Il-liġi għandha tirregola l-każijiet li fihom il-produzzjoni tal-prova ma ssirx waqt il-kontradittorju minħabba l-kunsens mogħti mill-imputat, minħabba impossibbiltà stabbilita ta’ natura oġġettiva jew minħabba aġir illegali li l-prova tiegħu hija stabbilita.

[...]”

26.      L-Artikolu 511 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, intitolat “Qari awtorizzat”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      Il-qorti għandha tiddeċiedi, jekk ikun il-każ ex officio, li l-atti tal-proċess għandhom jinqraw, kompletament jew parzjalment, għall-finijiet tad-diskussjoni.

2.      Il-qari tal-proċessi verbal tax-xhieda għandu jiġi deċiż biss wara s-smigħ tax-xhud, ħlief fl-assenza ta’ smigħ.”

27.      L-Artikolu 525 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, intitolat “Immedjatezza tad-deċiżjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      Is-sentenza għandha tingħata immedjatament wara l-għeluq tad-diskussjoni.

2.      Taħt piena ta’ nullità assoluta, l-Imħallfin li jagħtu s-sentenza għandhom ikunu dawk li pparteċipaw għad-diskussjoni [...]”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

28.      M. Gambino u S. Hyka huma s-suġġett ta’ proċeduri kriminali mibdija minħabba reati ta’ ħasil ta’ flus u ta’ frodi quddiem it-Tribunale di Bari (il-Qorti ta’ Bari), adita fl-ewwel istanza. Waħda mill-vittmi dehret parte civile u talbet kumpens minħabba d-dannu subit minħabba l-frodi mwettqa minn M. Gambino.

29.      Il-vittmi ta’ dawn ir-reati instemgħu bħala xhieda waqt seduta tal‑14 ta’ April 2015.

30.      Wara bidla fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti, fejn wieħed mit-tliet Imħallfin ġie ssostitwit, M. Gambino, bħala konvenut, talab, waqt is-seduta għas-smigħ tad-diskussjoni tal‑21 ta’ Frar 2017 u fuq il-bażi tal-Artikoli 511 u 525 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, smigħ mill-ġdid tal-vittmi. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-parti ma ppreċiżatx il-punti li fuqhom kien assolutament neċessarju li dawn il-vittmi jinstemgħu mill-ġdid.

31.      Hekk kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, fil-każ ta’ bidla li taffettwa l-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti, il-leġiżlazzjoni Taljana tipprevedi, fil-fatt, ir-repetizzjoni tad-diskussjoni, fatt li jimplika r-repetizzjoni tal-proċedura u, konsegwentement, is-smigħ mill-ġdid tax-xhieda (10). Għaldaqstant, meta l-qorti taċċetta l-prova permezz ta’ xhieda, jista’ jsir il-qari tal-proċess verbal tax-xhieda diġà mogħtija biss meta jkun hemm il-kunsens tal-partijiet kollha fil-proċedura.

32.      Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) kienet b’hekk iddeċidiet li “[i]r-repetizzjoni tad-diskussjoni minħabba l-bidla ta’ Imħallef uniku jew ta’ wieħed mill-Imħallfin ta’ Kulleġġ Ġudikanti twassal għall-impossibbiltà li tintuża x-xhieda diġà mogħtija quddiem l-imsemmi Imħallef għall-finijiet tas-sentenza, fuq il-bażi tal-qari biss tal-proċess verbal, mingħajr ma jinstema’ mill-ġdid ix-xhud, fil-każ fejn smigħ ġdid ikun għadu possibbli u fejn dan intalab minn waħda mill-partijiet” (11).

33.      Id-difiża ressqet mill-ġdid it-talba tagħha intiża sabiex tikseb smigħ ġdid tal-vittmi waqt is-seduta tal‑10 ta’ Ottubru 2017, li matulha, il-Pubblico Ministero (il-Prosekutur Pubbliku, l-Italja) talab it-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, waħda mill-provi mitluba mill-Prosekutur sabiex jistabbilixxi l-ħtija tal-persuni akkużati hija kkostitwita mix-xhieda tal-vittmi tal-frodi u min-natura utilizzabbli tagħha.

34.      Il-qorti tar-rinviju taqsam id-dubji espressi mill-Prosekutur Pubbliku fir-rigward tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 511(2) u fl-Artikolu 525(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali mad-Direttiva 2012/29.

35.      Filwaqt li din id-direttiva teżiġi garanzija, lill-vittmi tal-kriminalità, ta’ protezzjoni adegwata matul il-proċeduri kriminali, id-dispożizzjonijiet Taljani , inkwantu dawn jippermettu lid-difiża topponi għall-użu tal-proċessi verbal tad-dikjarazzjonijiet u teżiġi b’hekk ir-repetizzjoni tas-smigħ, iwasslu mhux biss sabiex tiġi imposta fuq il-vittmi tbatija psikoloġika addizzjonali li hija kuntrarja għall-iskop tad-Direttiva 2012/29, iżda jippermettu wkoll lill-persuni akkużati jabbużaw mid-dritt għal smigħ xieraq sabiex itawlu t-tul tal-proċedura, u b’hekk irendu ineffettiv id-dritt għall-kumpens għad-dannu f’terminu raġonevoli. Skont il-qorti tar-rinviju, ir-repetizzjoni tas-smigħ huwa b’hekk kuntrarju għall-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (12).

36.      Il-qorti tar-rinviju tqis li, mill-mument li fih is-smigħ tal-vittmi sar pubblikament b’osservanza għall-kontradittorju u quddiem qorti imparzjali, il-qari tal-proċessi verbal ta’ dan is-smigħ ma jippreġudika bl-ebda mod id-dritt għal smigħ xieraq li jibbenefikaw minnu l-persuni akkużati. Hija tenfasizza li, fi kwalunkwe każ, huwa neċessarju li jiġi applikat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u li jsir ibbilanċjar bejn il-bżonn li jiġi ggarantit ir-rispett tad-dinjità tal-vittma, konformement mad-Direttiva 2012/29, u dak tar-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6 tal-KEDB.

37.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Bari (il-Qorti ta’ Bari) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 16, 18 u 20(b) tad-Direttiva 2012/29/UE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-vittma jkollha terġa’ tixhed f’seduta quddiem qorti b’kompożizzjoni ġdida meta waħda mill-partijiet fil-proċeduri tirrifjuta, skont l-Artikoli 511(2) u 525(2) tal-[Kodiċi tal-Proċedura Kriminali] (kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita f’dan il-qasam), li tagħti l-kunsens tagħha sabiex jinqara l-proċess verbal tal-istqarrijiet li saru qabel mill-istess vittma fl-osservanza tal-kontradittorju quddiem qorti b’kompożizzjoni differenti fl-istess proċeduri?”

IV.    Osservazzjonijiet preliminari

38.      L-eżami tad-domanda preliminari jeħtieġ li jsiru xi osservazzjonijiet preliminari.

39.      Fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-vittma hija mitluba tipparteċipa fil-proċeduri kriminali mibdija kontra M. Gambino u S. Hyka bħala xhud kontra tagħhom. Madankollu, it-Tribunale di Bari (il-Qorti ta’ Bari) ma tindikax jekk id-dikjarazzjoni ta’ dan ix-xhud hijiex determinanti għall-finijiet tal-ħtija jew le tal-persuni akkużati. Bl-istess mod, lanqas ma tippreċiża jekk dan ix-xhud huwiex partikolarment vulnerabbli. Madankollu, nistgħu neskludu li l-vittma ta’ din il-frodi hija minuri.

40.      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-proċeduri kriminali inkwistjoni qegħdin iseħħu quddiem qorti tal-ewwel istanza. Għaldaqstant, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għar-regoli u għall-prinċipji li jirregolaw is-smigħ tax-xhieda fil-kuntest tal-proċeduri fl-ewwel istanza, sa fejn, meta seduta pubblika tkun seħħet fl-ewwel istanza, l-assenza ta’ diskussjoni pubblika fl-appell tista’ tiġi ġġustifikata mill-partikolaritajiet tal-proċeduri inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tas-sistema nazzjonali ta’ appell, tal-portata tas-setgħat tal-qorti tal-appell li jirriżultaw mis-sistema ġuridika nazzjonali u tan-natura tal-kwistjonijiet li hija kellha tiddeċiedi dwarhom.

41.      Fl-aħħar u fit-tielet lok, id-domanda li tagħmel it-Tribunal di Bari (il-Qorti ta’ Bari) teħtieġ li titfakkar in-natura tal-proċeduri kriminali Taljani (13) u l-prinċipji li jirregolawhom. Fil-fatt, tradizzjonalment, issir distinzjoni bejn żewġ mudelli proċedurali u istituzzjonali li jippermettu li tinftiehem l-organizzazzjoni tal-qrati kriminali u r-rwol li dawn jirriżervaw lill-awturi differenti tax-xena ġudizzjarja kriminali: il-mudell akkużatorju u l-mudell inkwiżitorju.

42.      L-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana jistabbilixxi l-prinċipji bażiċi ta’ proċeduri akkużatorji, li fosthom huwa inkluż il-prinċipju ta’ espressjoni orali. B’hekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, “[f]il-proċess kriminali, il-liġi tiggarantixxi li l-persuna akkużata b’reat [...] għandu jkollha l-possibbiltà, quddiem il-qorti, teżamina jew tara li jiġu eżaminati, il-persuni li jwettqu dikjarazzjonijiet kontriha”, u li l-proċess kriminali għandu jkun “suġġett għall-prinċipju ta’ kontradittorju fil-produzzjoni tal-prova”.

43.      Fil-kuntest tas-sistema ġuridika kriminali Taljana, l-Artikolu 525 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jistabbilixxi, hekk kif ippreċiżat ukoll il-qorti tar-rinviju, il-prinċipju ta’ immedjatezza kemm fl-aspett ratione temporis tiegħu u kemm f’dak spazjali.

44.      Il-prinċipju ta’ immedjatezza, intiż bħala dak tal-konoxxenza diretta u immedjata tal-kawża, jaqa’ taħt il-prinċipji ta’ espressjoni orali u ta’ immutabbiltà tal-qorti.

45.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ma ddeċidietx dwar il-portata ta’ dawn il-prinċipji. L-Avukat Ġenerali Philippe Léger biss, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni ddeskriva l-parametri tagħhom (14). L-imsemmija prinċipji, kif iggarantiti fid-dritt tal-Istati Membri, jidhru bħala li huma prinċipji li għandhom numru ta’ aspetti differenti.

46.      Mifhuma b’mod wiesa’, il-prinċipji ta’ espressjoni orali u ta’ immutabbiltà jinkludu n-natura diretta tal-proċedura ġudizzjarja, li abbażi tagħha l-qorti għandha jkollha kuntatt personali u dirett mal-awturi differenti tal-proċess kriminali, jiġifieri l-partijiet, ix-xhieda, il-periti, l-avukati tal-partijiet u l-Prosekutur Pubbliku (15).

47.      Fid-dritt kriminali Franċiż, dawn il-prinċipji jimplikaw li l-qrati ġudizzjarji huma, bħala prinċipju, obbligati li jifformaw l-opinjoni tagħhom fuq provi amministrati quddiemhom, oralment u direttament, jiġifieri, li huma għandhom jiddeċiedu abbażi ta’ dak li huma jisimgħu (jew jaraw) waqt is-seduta, u mhux abbażi tad-dokumenti inklużi fil-fajl tal-investigazzjonijiet tal-pulizija jew tal-istruttorja (16).

48.      Il-prinċipju ta’ espressjoni orali jimplika li l-qorti tiddeċiedi mhux biss abbażi ta’ fajl, iżda wara esperjenza personali u umana tal-awturi u tax-xhieda tar-reat, fatt li jimplika partikolarment li x-xhieda, irrispettivament minn jekk dawn xehdux jew le waqt l-istruttorja, għandhom jinstemgħu oralment (17). Fil-fatt, fir-rigward ta’ xhieda, l-amministrazzjoni tal-prova ma tidhirx li hija neċessarja biss fir-rigward tal-kontenut ta’ din ix-xhieda, iżda, meta s-sentenza tiddependi b’mod deċiżiv fuq l-aġir tax-xhud, tal-mod li bih dan jixhed u tal-impressjoni li huwa jagħti.

49.      Dan il-prinċipju jikkostitwixxi varjazzjoni tal-prinċipju ta’ kontradittorju li jeżiġi li l-provi prodotti quddiem il-Kulleġġ Ġudikanti setgħu jiġu diskussi mill-partijiet waqt diskussjoni pubblika. Meta l-akkuża tkun ibbażata kompletament jew parzjalment fuq xhieda, id-diskussjoni kontradittorja tista’ biss tkun kompletament illuminanti jekk tippermetti li jiġi evalwat il-grad ta’ kredibbiltà tax-xhud u għaldaqstant is-solidità tax-xhieda tiegħu (18). B’hekk, meta l-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti tinbidel, ikun neċessarju, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett ta’ dawn il-prinċipji, li x-xhud jinstema’ mill-ġdid mill-Kulleġġ Ġudikanti kompost b’mod differenti, partikolarment meta x-xhieda tkun tikkostitwixxi prova essenzjali u deċiżiva li s-saħħa probatorja tagħha tiddependi fuq l-impressjoni mogħtija.

50.      Il-prinċipju ta’ immedjatezza jieħu inkunsiderazzjoni bis-sħiħ ir-rekwiżiti stabbiliti mill-prinċipju ta’ espressjoni orali. Dan l-ewwel prinċipju jkopri żewġ aspetti, wieħed ratione temporis, l-ieħor spazjali, rifless, f’dan il-każ, fl-Artikolu 525 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

51.      L-immedjatezza ratione temporis taqa’ iktar taħt il-qasam tat-terminu raġonevoli. Dan jeżiġi li l-awtoritajiet ġudizzjarji jiddeċiedu f’terminu raġonevoli sabiex jiġi evitat li, minħabba ż-żmien li jkun għadda bejn is-seduta u s-sentenza, il-memorji jintesew f’moħħ l-Imħallfin (19). Il-ksur ta’ dan il-prinċipju ma għandux impatt fuq id-deċiżjoni meħuda.

52.      L-immedjatezza spazjali tirreferi għall-fatt li l-qorti ma tistax tqiegħed intermedjarju bejnha u bejn il-parti fil-kawża jew ir-rappreżentant tagħha u timplika li Imħallef li ma jkunx attenda għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali ma huwiex ammess jipparteċipa għad-deċiżjoni (20). Is-sentenza mogħtija bi ksur ta’ dan il-prinċipju toħloq riskju li jiġu miksura aspetti essenzjali tal-kawża. Abbażi tal-Artikolu 32(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[m]eta tkun inżammet seduta għas-sottomissjonijiet orali, huma biss l-Imħallfin li jkunu pparteċipaw f’din is-seduta [...] li jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet”. Fil-kawża prinċipali, dan il-prinċipju huwa rifless fl-Artikolu 525(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jipprovdi “l-Imħallfin li jagħtu s-sentenza, għandhom ikunu dawk li pparteċipaw għad-diskussjoni”. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, it-Tribunale di Bari (il-Qorti ta’ Bari) tindika li, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-Imħallfin li jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuna akkużata għandhom ikunu l-istess Imħallfin li assistew għall-produzzjoni tal-provi.

53.      Din id-domanda preliminari tirrigwarda dan il-punt.

V.      L-analiżi

54.      Permezz tad-domanda tagħha, it-Tribunale di Bari (il-Qorti ta’ Bari) tfittex, essenzjalment, li tiddetermina jekk, fil-każ ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-qorti tal-ewwel istanza li quddiemha l-vittma ta’ reat kriminali nstemgħet bħala xhud, l-Artikoli 16, 18,u kif ukoll l-Artikolu 20(b) tad-Direttiva 2012/29 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’sistema ġuridika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi sistema proċedurali li abbażi tagħha l-persuna akkużata tista’ topponi għall-qari tal-proċessi verbal tas-smigħ tal-vittma quddiem il-Kulleġġ Ġudikanti kompost b’mod differenti, u teżiġi b’hekk smigħ ġdid tagħha.

55.      F’sitwazzjoni bħal din preżenti, ir-risposta għal din id-domanda hija bla dubju negattiva.

56.      Fil-fatt, sa fejn il-vittma tar-reat kriminali inkwistjoni ma tkunx minuri, jirriżulta b’mod ċar minn eżami tal-kliem u tas-sens tad-Direttiva 2012/29 li l-ebda waħda mill-miżuri ġenerali jew speċifiċi ta’ protezzjoni li hija tistabbilixxi ma tobbliga lill-Istati Membri jiddispensaw lill-vittma minn smigħ ġdid fil-każ ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti li quddiemu hija nstemgħet. Mill-prinċipji ta’ espressjoni orali u ta’ immutabbiltà tal-qorti, mifhuma bħala dik li għandha konoxxenza diretta u immedjata tal-kawża, jirriżulta li l-qorti responsabbli sabiex tiddeċiedi fuq il-ħtija tal-persuna akkużata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali għandha tkun dik li quddiemha, bħala prinċipju, twettaq is-smigħ tax-xhud. Dan għandu jiggarantixxi r-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 48(2) tagħha.

57.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex il-possibbiltà tiddeċiedi fuq il-portata tal-prinċipji ta’ espressjoni orali u ta’ immutabbiltà tal-qorti, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem żviluppat, f’dan ir-rigward, ġurisprudenza voluminuża, li abbażi tagħha hija tqis li l-bidla fil-kompożizzjoni ta’ qorti wara s-smigħ ta’ xhud deċiżiv għandha twassal, bħala prinċipju, għal smigħ mill-ġdid ta’ dan tal-aħħar.

58.      Fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raġunament tiegħi ser niżviluppa kull wieħed minn dawn l-argumenti. It-tieni parti ser tkun iddedikata għall-eżami tar-regoli li jirregolaw il-kumpens tal-vittma ta’ reat kriminali u ser tkun iqsar, peress li ma hijiex kwistjoni fil-qalba ta’ din il-kawża.

A.      Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-vittma waqt is-smigħ tagħha fi proċeduri kriminali

1.      Id-dispożizzjonijiet previsti fil-Kapitolu 4 tad-Direttiva 2012/29

59.      Il-Kapitolu 4 tad-Direttiva 2012/29 huwa intitolat “Protezzjoni tal-vittmi u rikonoxximent ta’ vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni”.

60.      Fi ħdan dan il-kapitolu, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2012/29, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba hawnhekk, huwa artikolu introduttiv li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li abbażi tiegħu, waqt is-smigħ tagħha jew waqt ix-xhieda tagħha, il-vittma ta’ reat kriminali għandha tibbenefika minn protezzjoni, bla ħsara, madankollu, għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-awtur allegat tar-reat.

61.      Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri li jippermettu, waqt is-smigħ jew ix-xhieda tal-vittma, li l-vittma tkun protetta minn attakk fuq id-dinjità tagħha, minn vittimizzazzjoni sekondarja u rrepetuta jew ukoll minn atti ta’ intimidazzjoni u minn ritaljazzjoni, kemm jekk dawn jirriżultaw mill-aġir tal-awtur tar-reat u kemm jekk dawn jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tal-vittma fil-proċeduri kriminali.

62.      Dan id-dritt jimplika l-adozzjoni ta’ serje ta’ miżuri li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid li tkun “wiesgħa” (21). Madankollu, bl-eċċezzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni intiżi għall-vittmi minuri, l-ebda waħda mill-miżuri ġenerali jew speċifiċi stabbiliti mid-Direttiva 2012/29 ma tobbliga lill-Istati Membri jiddispensaw lill-vittma minn smigħ ġdid fil-kwalità ta’ xhud, matul proċeduri kriminali, fil-każ ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti.

a)      In-natura tal-miżuri ta’ protezzjoni li tibbenefika minnhom il-vittma waqt is-smigħ tagħha

63.      Il-miżuri ta’ protezzjoni li tibbenefika minnhom il-vittma ta’ reat kriminali huma previsti fl-Artikoli 19 sa 24 tad-Direttiva 2012/29.

64.      Il-miżuri ta’ protezzjoni, stabbiliti fl-Artikoli 19 sa 22 ta’ din id-direttiva, huma ġenerali (22). Hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Gueye u Salmerón Sánchez (23), dawn il-miżuri huma ta’ ordni preventiva u prattika u huma intiżi sabiex jiżguraw li l-vittma tista’ tipparteċipa fil-proċess kriminali b’mod xieraq mingħajr ma din il-parteċipazzjoni tkun kompromessa minn riskji fir-rigward tas-sigurtà tagħha u tal-ħajja privata tagħha (24). B’hekk dawn jinkludu miżuri applikabbli għat-totalità tal-proċeduri kriminali li jippermettu, minn naħa, li jiġi evitat kull kuntatt bejn il-vittma u l-awtur tar-reat fil-post fejn iseħħu l-proċeduri kriminali (Artikolu 19) u, min-naħa l-oħra, li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-ħajja privata tal-vittma (Artikolu 21).

65.      L-imsemmija miżuri jinkludu, ukoll, miżuri speċifikament applikabbli għall-fażi tal-investigazzjoni kriminali. B’hekk, skont l-Artikolu 20(b) tad-Direttiva 2012/29, is-smigħ għandu jseħħ biss meta jkun strettament neċessarju għall-finijiet tal-investigazzjoni u n-numru ta’ smigħ għandu jkun limitat kemm jista’ jkun. Għalkemm, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment espliċitu għal dan l-artikolu sabiex tikkontesta l-legalità tal-leġiżlazzjoni Taljana, din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Fil-fatt, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni rrepeta hawnhekk il-miżura stabbilita fl-ex Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220 billi llimita n-numru ta’ smigħ tal-vittma, huwa madankollu għażel li jillimita espliċitament l-applikazzjoni tagħha għall-fażi tal-investigazzjoni kriminali, bl-esklużjoni tal-proċedura ġudizzjarja (fatt li ma kienx il-każ preċedentement), u li jissuġġettaha għar-rispett komplet tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna akkużata.

66.      Fl-aħħar, b’applikazzjoni tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2012/29, dawn il-miżuri ta’ protezzjoni ġenerali jeżiġu li l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni individwali tal-vittmi sabiex jiddeterminaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Huwa biss fir-rigward tal-vittmi li, wara din l-evalwazzjoni, ġew identifikati bħala partikolarment vulnerabbli, bħalma huma l-minuri, il-vittmi ta’ terroriżmu jew ta’ vjolenza domestika, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi relatati mas-smigħ tagħhom, previsti fl-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, u, fir-rigward tal-minuri, fl-Artikolu 24 tagħha, fejn dawn il-miżuri jiżdiedu mal-miżuri ta’ protezzjoni ġenerali.

67.      .Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jwettaq distinzjoni bejn il-miżuri speċifiċi applikabbli għas-smigħ tal-vittma matul l-investigazzjoni kriminali u dawk applikabbli waqt il-proċedura ġudizzjarja. Għalkemm dawk tal-ewwel ma humiex rilevanti meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-kawża prinċipali (25), it-tieni juru, bil-kontra, partikolarment sew ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jaffettwax l-iżvolġiment tal-proċeduri kriminali, u, partikolarment, li ma jnaqqasx l-importanza tal-fażi tas-smigħ tal-vittma.

68.      Fil-fatt, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni jippermetti, partikolarment, li l-vittma tinstema’ waqt is-seduta mingħajr ma tkun preżenti, permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni xierqa, jew permezz ta’ seduta in camera, għandu jiġi kkonstatat li, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni li fiha l-vittma hija minuri (26), huwa ma jipprevedix li jillimita n-numru ta’ smigħ matul din il-fażi tal-proċeduri kriminali, lanqas fil-każ fejn hija jkollha bżonn speċifiku ta’ protezzjoni minħabba l-vulnerabbiltà tagħha, inkwantu “jekk dan ma jsirx tkun tista’ ssir ħsara lill-vittma jew persuna oħra jew tista’ tippreġudika l-kors tal-proċedimenti” (27).

69.      L-eżami tal-kliem tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2012/29 kif ukoll tas-sens tal-Kapitolu 4 li fih tinsab din id-dispożizzjoni juri b’mod ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux intenzjoni jillimita n-numru ta’ smigħ tal-vittma matul il-proċedura ġudizzjarja, la fil-kuntest tal-miżuri ta’ protezzjoni ġenerali u lanqas fil-kuntest tal-miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi intiżi għall-vittmi l-iktar vulnerabbli, bl-eċċezzjoni tal-miżuri intiżi għall-vittmi minuri.

b)      Il-portata tal-miżuri ta’ protezzjoni li tibbenefika minnhom il-vittma waqt is-smigħ tagħha

70.      Il-miżuri ta’ protezzjoni li għadni kif semmejt jistgħu jkollhom portata limitata.

71.      Fl-ewwel lok, mill-premessi 11 u 67 tad-Direttiva 2012/29 jirriżulta li r-regoli applikabbli għall-protezzjoni tal-vittmi huma f’dan il-każ regoli minimi, li jħallu b’hekk setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Istati Membri fir-rigward tal-modalitajiet konkreti ta’ implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Riżerva bħal din tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li jeżistu bejn is-sistemi legali nazzjonali u, b’mod partikolari, in-natura orali jew miktuba tal-proċeduri kriminali u l-post tal-vittma fil-proċeduri kriminali.

72.      Fit-tieni lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb, qabel kollox, li jippreċiża fil-premessa 12 tad-Direttiva 2012/29, jiġifieri immedjatament wara li tfakkar il-kuntest storiku tagħha, li “[i]d-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-awtur ta’ ksur”. Barra minn hekk, fil-premessa 66 tal-imsemmija direttiva, huwa ppreċiża li din tirrispetta lid-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji stabbiliti mill-Karta, b’mod partikolari dak intiż sabiex jippromwovi d-dritt għal smigħ xieraq.

73.      B’hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi għall-benefiċċju tal-vittma drittijiet li l-eżerċizzju tagħhom ma jistax jippreġudika d-dritt għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża ta’ persuna akkużata, rispettivament stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta.

74.      Barra minn hekk, jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2012/29, iżda wkoll mill-kliem tad-dispożizzjonijiet kollha li jifformaw il-Kapitolu 4 tagħha, li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ protezzjoni li jirrigwardaw is-smigħ tal-vittmi biss sakemm id-drittijiet proċedurali tal-persuni akkużati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali huma debitament protetti.

75.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni fformula din ir-riżerva fl-okkażjoni tal-istabbiliment tad-dritt għal protezzjoni waqt is-smigħ li jinsab fl-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva. Huwa rrepeta l-imsemmija riżerva fl-artikoli sussegwenti. B’hekk, fl-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva, il-miżuri li huma intiżi sabiex jiggarantixxu, matul il-proċeduri kriminali, l-assenza ta’ kuntatt bejn il-vittma u l-awtur tar-reat huma applikabbli “sakemm il-proċedimenti kriminali ma jkunux jeħtieġu tali kuntatt”; fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2012/29, il-miżuri li huma intiżi sabiex jillimitaw in-numru ta’ smigħ tal-vittmi huma applikabbli “[b]la preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża u f’konformità mar-regoli ta’ diskrezzjoni ġudizzjarja” u barra minn hekk huma previsti biss għall-fażi tal-investigazzjoni kriminali; fl-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, il-miżuri li huma intiżi sabiex jipproteġu l-ħajja privata tal-vittma għandhom dejjem ikunu “konsistenti mad-dritt għal proċess ġust” (28), u fl-aħħar, fl-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, il-miżuri dwar is-smigħ tal-vittmi l-iktar vulnerabbli huma applikabbli “[m]ingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża u f’konformità mar-regoli tad-diskrezzjoni ġudizzjarja” (29).

76.      Għalkemm id-Direttiva 2012/29 tobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu lill-vittmi livell għoli ta’ protezzjoni waqt is-smigħ tagħhom u toffrilhom ukoll il-possibbiltà li jestendu d-drittijiet iddefiniti f’din id-direttiva sabiex joffru grad ta’ protezzjoni ogħla, dawn l-Istati Membri jibqgħu madankollu obbligati li ma jippreġudikawx id-drittijiet proċedurali tal-persuni akkużati.

77.      Fis-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (30), u tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Katz (31), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret barra minn hekk, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 (“[r]ispett” għad-dinjità personali tal-vittma u “rikonoxximent” tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi tagħha), tal-Artikolu 3 (“[s]eduti, u l-provvista ta’ provi”) u tal-Artikolu 8 (“[i]d-dritt għall-protezzjoni”) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220, li din għandha tiġi interpretata b’mod li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għal smigħ xieraq, hekk kif huwa stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB (32). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti nazzjonali “li għandha tiżgura b’mod partikolari li l-amministrazzjoni tal-provi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, ikkunsidrati fl-intier tagħhom, ma tippreġudikax proċeduri ġusti skont l-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem” (33).

78.      Din il-ġurisprudenza hija applikabbli b’mod evidenti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29.

79.      Fit-tielet lok, din ir-riżerva relatata mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandha portata ikbar meta l-vittma tokkupa pożizzjoni deċiżiva fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, pereżempju bħala xhud.

80.      Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa espliċitament, fil-premessa 20 tad-Direttiva 2012/29 li l-portata tad-drittijiet stabbiliti f’din id-direttiva tvarja abbażi tar-rwol mogħti lill-vittmi fis-sistema ta’ ġustizzja kriminali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri, u tiddependi partikolarment fuq il-punt dwar jekk il-vittma hijiex ġuridikament obbligata tipparteċipa attivament fil-proċeduri kriminali jew jekk hijiex imsejħa tipparteċipa fiha b’mod attiv, pereżempju bħala xhud.

81.      L-eżami tal-kliem u tas-sens tad-Direttiva 2012/29 jippermettili nasal għall-konklużjonijiet li ġejjin.

82.      Bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni li fiha l-vittma hija minuri, l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2012/29 ma tobbliga lill-Istati Membri jiddispensaw lill-vittma, anki dik l-iktar vulnerabbli, minn smigħ ġdid matul il-proċeduri kriminali fil-każ fejn il-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti tkun inbidlet.

83.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’sistema ġuridika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi, fil-każ ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti, sistema proċedurali li abbażi tagħha l-persuna akkużata tista’ topponi għall-qari tal-proċessi verbal tas-smigħ tal-vittma, u teżiġi b’hekk ir-repetizzjoni tiegħu, ma hijiex kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/29 u taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali li l-Istat Membru għandu.

84.      Din il-leġiżlazzjoni tidher adattata sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u n-natura xierqa tal-proċeduri, li jimplikaw, f’sistema ġuridika tat-tip akkużatorja, li l-qorti responsabbli sabiex jiddeċiedi fuq l-innoċenza jew il-ħtija tal-persuna akkużata tkun il-qorti li quddiemha, bħala prinċipju, seħħ is-smigħ tax-xhud. Dan jirriżulta mill-prinċipji ta’ espressjoni orali u ta’ immutabbiltà tal-qorti li indikajt preċedentement il-portata tagħhom. B’hekk, f’sistema ġuridika bħal dik inkwistjoni, meta l-Imħallef uniku inbidel jew il-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti ġiet mibdula qabel ma tkun ingħatat is-sentenza, ir-rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq jimplika, bħala prinċipju, smigħ mill-ġdid tax-xhud.

85.      Madankollu, din il-konklużjoni għandha tiġi kkwalifikata.

86.      Minn naħa, kif rajna, din il-leġiżlazzjoni ma tistax tiddispensa lill-Istati Membri milli jwettqu, konformement mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2012/29, evalwazzjoni individwali sabiex jiddeterminaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittma, u, jekk ikun il-każ, il-punt sa fejn hija tkun tista’ tibbenefika mill-miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi previsti fl-Artikoli 23 u 24 ta’ din id-direttiva (34).

87.      F’dan ir-rigward, mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, X (35), jirriżulta li, fil-kuntest tas-sistema ġuridika Taljana u bla ħsara għall-emendi leġiżlattivi li setgħu seħħew minn dakinhar, il-vittma ta’ reat kriminali hija protetta bis-saħħa ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jipprevedu, partikolarment, meta r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-persuni jirrenduhom neċessarji jew opportuni, is-smigħ in camera u l-possibbiltà li jintużaw il-modalitajiet differenti previsti fl-Artikolu 398(5a) ta’ dan il-kodiċi (36).

88.      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2012/29 tistabbilixxi regoli minimi. Dan ifisser, hekk kif jinnota espliċitament il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 11 ta’ din id-direttiva, li“[l]-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu [lill-vittma] livell ogħla ta’ protezzjoni”.

89.      Għaldaqstant, l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2012/29 ma topponi li Stat Membru jadotta miżuri iktar protettivi fir-rigward tas-smigħ tal-vittmi matul il-proċeduri kriminali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jippreġudikawx in-natura xierqa tal-proċeduri fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u lanqas id-drittijiet tad-difiża tal-persuna akkużata fis-sens tal-Artikolu 48(2) tagħha.

90.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità tiddeċiedi fuq il-prinċipji li jirregolaw l-osservanza tal-imsemmija dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari, fuq ir-regoli dwar is-smigħ tax-xhieda fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għall-kuntrarju, ġiet adita b’numru kunsiderevoli ta’ kawżi, li għandu jsir sunt tal-prinċipji tagħhom.

91.      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta (37), id-dritt għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u d-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 48(2) tagħha, jikkorrispondu rispettivament għall-Artikolu 6(1) u (3) tal-KEDB. Issa, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, is-sens u l-portata ta’ dawn id-drittijiet huma l-istess bħal dawk li tagħtihom il-KEDB.

2.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-smigħ tal-vittma fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali

92.      L-Artikolu 6(1) tal-KEDB jistabbilixxi d-dritt għal smigħ xieraq. Dan id-dritt jimplika b’mod partikolari fuq il-bażi tal-Artikolu 6(3)(d) ta’ dan l-artikolu, id-dritt ta’ kull akkużat li “jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda kontra tiegħu”.

93.      Fuq il-bażi ta’ dawn il-dispożizzjonijiet, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżamina jekk il-proċeduri kriminali, ikkunsidrati fit-totalità tagħhom u, b’mod partikolari, il-metodi ta’ produzzjoni tal-provi, kinux ta’ natura xierqa (38). Fil-kuntest tal-eżami tagħha, din il-Qorti tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi kif ukoll is-sistema ġuridika nazzjonali u, b’mod partikolari, l-ispeċifiċitajiet tal-proċeduri, in-natura u l-portata tas-setgħat tal-qrati nazzjonali. B’hekk, hija tiddeċiedi li, fil-qasam kriminali, għandu ġeneralment ikun hemm qorti tal-ewwel istanza li tissodisfa kompletament ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tal-KEDB, u li quddiemha l-persuna akkużata tista’ leġittimament teżiġi li jinstemgħu d-depożizzjonijiet kontriha tax-xhieda (39).

94.      Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-osservanza tal-Artikolu 6(1) u (3) tal-KEDB timplika li l-provi kollha għandhom jiġu prodotti quddiem l-akkużat, f’seduta pubblika, bil-għan ta’ diskussjoni kontradittorja qabel ma huwa jkun jista’ jiġi ddikjarat ħati (40). Għaldaqstant, smigħ xieraq jimplika, bħala prinċipju, li dawk li jkollhom ir-responsabbiltà sabiex jiddeċiedu dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ akkużat, għandhom jisimgħu lix-xhieda personalment (41). Dan għandu jippermetti lill-akkużat jikkonfronta lix-xhud kontrih u jikkontesta x-xhieda tiegħu fil-preżenza tal-Imħallef li għandu, fl-aħħar lok, jagħti d-deċiżjoni tiegħu. Dan jirrifletti l-prinċipju ta’ immedjatezza. Skont din il-Qorti, dan il-prinċipju huwa garanzija importanti tal-proċeduri kriminali, peress li jippermetti lill-Imħallef li għandu jiddeċiedi jevalwa l-kredibbiltà u l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkriminanti u, għalhekk, il-fondatezza tal-akkużi, fatt li jista’ jkollu konsegwenzi deċiżivi għall-akkużat (42). Din il-Qorti tinnota li dan huwa kompitu kumpless, li jeħtieġ minn naħa tal-Imħallef evalwazzjoni diretta tal-provi (43) u li ma jistax jitwettaq permezz tas-sempliċi qari tal-proċessi verbal tad-dikjarazzjonijiet (44).

95.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tiddeċiedi li l-prinċipju ta’ immedjatezza jimplika li d-deċiżjoni tingħata mill-Imħallfin li ddeċidew matul il-proċeduri kollha u li assistew għall-produzzjoni tal-provi kollha. Bħala konsegwenza, skont din il-Qorti, “il-bidla fil-kompożizzjoni ta’ qorti wara s-smigħ ta’ xhud deċiżiv twassal normalment għas-smigħ mill-ġdid ta’ dan tal-aħħar” (45).

96.      Madankollu, l-imsemmija Qorti tammetti xi eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ immedjatezza, bil-kundizzjoni li l-miżuri adottati mill-Imħallfin li jkunu qegħdin jiddeċiedu dwar il-mertu jippermettu li jiġu ggarantiti n-natura globalment xierqa tal-proċeduri kriminali u r-rispett tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 6 tal-KEDB (46).

97.      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis li, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-raġunijiet amministrattivi jew proċedurali li jirrendu kultant impossibbli l-parteċipazzjoni kontinwa ta’ Imħallef f’kawża partikolari, il-prinċipju ta’ immedjatezza ma jipprekludix bidla fil-kompożizzjoni ta’ Kulleġġ Ġudikanti matul il-proċeduri kriminali, bil-kundizzjoni li l-akkużat kellu l-possibbiltà “adegwata u suffiċjenti”, sabiex jikkontesta x-xhieda kontrih u sabiex jeżamina lill-awturi tagħha jew fil-mument tad-depożizzjoni tagħha, jew f’fażi ulterjuri (47).

98.      Sabiex tipproċedi għal dan l-eżami, din il-Qorti tqis jekk is-smigħ tax-xhud qajjimx xi dubji fir-rigward tal-kredibbiltà ta’ dan tal-aħħar, f’liema każ l-użu tal-proċessi verbal tax-xhieda ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-Artikolu 6 tal-KEDB, jew jekk dan is-smigħ jistax jikkostitwixxi prova determinanti għall-finijiet tas-sentenza tal-parti kkonċernata, f’liema każ hija tiddeċiedi li r-repetizzjoni ta’ dan is-smigħ hija neċessarja.

99.      B’hekk, meta jidher li kundanna hija bbażata, unikament jew sa ċertu punt determinanti, fuq id-depożizzjonijiet ta’ xhud li l-akkużat ma kellux il-possibbiltà jeżamina jew jara li jiġi eżaminat la fl-istadju tal-istruttorja u lanqas waqt id-diskussjoni, l-imsemmija Qorti tiddeċiedi li din l-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ immedjatezza hija inkompatibbli mal-garanziji tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

100. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2014, Cutean vs Ir‑Rumanija (48), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’hekk ikkonkludiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 6(1) u (3) tal-KEDB, sa fejn l-użu tal-proċessi verbal tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda ma kienx jikkumpensa għall-assenza ta’ immedjatezza tal-proċedura. Minkejja r-raġunijiet proċedurali oġġettivi li ġġustifikaw li jiġi adit Kulleġġ Ġudikanti ġdid, din il-Qorti kkonstatat, fil-fatt, li l-Kulleġġ Ġudikanti l-ġdid adit ma kien kompost minn ebda wieħed mill-membri tal-Kulleġġ inizjali ta’ Imħallfin li quddiemhom kienu nstemgħu r-rikorrent u x-xhieda, li l-kredibbiltà tax-xhieda kienet espliċitament ġiet ikkontestata mir-rikorrent u li d-dikjarazzjonijiet ta’ dawn tal-ewwel kienu jikkostitwixxu provi determinanti għall-finijiet tal-kundanna tat-tieni (49).

101. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem waslet għall-istess konklużjoni fil-kuntest tal-każ li ta lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, Cerovšek u Božičnik vs Is‑Slovenja(50). Hija kienet ġiet mistoqsija wkoll fuq in-natura xierqa tal-proċeduri kriminali mibdija kontra r-rikorrenti, inkwantu peress li l-Imħallef li kienet qed tiddeċiedi bħala Imħallef uniku kienet irtirat wara li kienet iddeċidiet u kkundannat ħatja ta’ serq lil dawn tal-aħħar, iżda qabel ma motivat id-deċiżjoni ta’ kundanna tagħha, sentenza bil-miktub għaldaqstant kienet ingħatat tliet snin wara minn żewġ Imħallfin li ma kinux ipparteċipaw fil-proċess, fuq il-bażi tad-dokumenti bil-miktub tal-proċess. Il-kundanna tar-rikorrenti kienet ġiet ikkonfermata fl-appell mingħajr ma’ nstema’ l-ebda xhud mill-ġdid.

102. F’din il-kawża, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkludiet ukoll li kien hemm ksur tal-Artikolu 6(1) u (3) tal-KEDB, sa fejn, konformement mal-prinċipju ta’ immedjatezza fil-proċeduri kriminali, l-osservazzjoni mill-Imħallef tal-aġir tax-xhieda u tar-rikorrenti kif ukoll l-evalwazzjoni tagħha dwar il-kredibbiltà tagħhom kellhom ikollhom rwol importanti, jekk mhux deċiżiv, fir-rigward tal-istabbiliment tal-fatti li fuqhom hija kienet ibbażat id-deċiżjoni ta’ kundanna tagħha. Fir-rigward tar-raġuni li kienet iġġustifikat bidla fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti, din il-Qorti nnotat li l-irtirar tal-Imħallef responsabbli għall-kawża ma setax jitqies bħala ċirkustanza eċċezzjonali li tiġġustifika ksur tal-proċedura interna normali, peress li l-Imħallef kienet neċessarjament taf bil-quddiem id-data tat-tluq tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li kien konsegwentement possibbli, għall-awtoritajiet nazzjonali responsabbli, jadottaw miżuri intiżi sabiex din l-Imħallef tikkonkludi hija stess it-trattazzjoni tal-każ inkwistjoni, jew sabiex Imħallef ieħor jintervjeni iktar kmieni fil-proċeduri. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-uniku mod sabiex tiġi kkumpensata l-inabbiltà tal-Imħallef sabiex tagħti r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-kundanna tar-rikorrenti kien li jiġi ordnat proċess ġdid, billi l-qorti tal-appell tibgħat lura, pereżempju, il-każ lill-ewwel istanza sabiex tiġi organizzata seduta ġdida.

103. Bil-kontra, fil-kuntest tal-każ li ta lok għas-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2005, Graviano vs L-Italja (51), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkludiet li ċ-ċaħda tat-talbiet tal-akkużat intiżi sabiex jikseb smigħ mill-ġdid tax-xhieda ma kinitx ippreġudikat id-drittijiet tad-difiża tiegħu sal-punt li jiġi miksur l-Artikolu 6(1) u (3)(d) tal-KEDB. F’dan il-każ din il-Qorti kienet intalbet tevalwa jekk il-proċeduri kriminali mressqa kontra r-rikorrent minħabba qtil u assoċjazzjoni tat-tip mafjuża, kinux xierqa fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet minħabba s-sostituzzjoni ta’ wieħed mit-tmien Imħallfin li kienu jifformaw l-awla tal-Qorti tal-Assiżi u minħabba ċ-ċaħda tat-talbiet tiegħu intiżi għall-konvokazzjoni mill-ġdid tax-xhieda, li fosthom kien hemm partikolarment xi mafjużi pentiti.

104. Fil-kuntest tal-eżami tagħha, l-imsemmija Qorti nnotat, fl-ewwel lok, li l-kundanna tar-rikorrent kienet ibbażata fuq l-affermazzjonijiet ta’ diversi xhieda, fit-tieni lok, li l-bidla ta’ wieħed mit-tmien Imħallfin li jifformaw il-Kulleġġ Ġudikanti ma kinitx ċaħdet lir-rikorrent mid-dritt tiegħu li jeżamina x-xhieda inkwistjoni, peress li dawn kienu nstemgħu waqt diskussjoni pubblika fil-preżenza tar-rikorrent u tal-avukat tiegħu, li kellhom l-okkażjoni jagħmlulhom il-mistoqsijiet li huma kienu jqisu utli għad-difiża, fit-tielet lok, li r-rikorrent ma kienx indika kif ir-repetizzjoni tas-smigħ setgħet tipproduċi elementi ġodda u rilevanti u, fl-aħħar u fir-raba’ lok, li s-seba’ Imħallfin l-oħra kienu setgħu jassistu għall-produzzjoni tal-provi kollha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li l-fatt li l-Imħallef sostitwenti kellu l-possibbiltà jaqra l-proċessi verbal tas-smigħ li fihom ix-xhieda inkwistjoni kienu ġew eżaminati kien jikkumpensa għall-assenza tiegħu matul dawn is-seduti (52).

105. Fit-tieni lok, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem taċċetta xi eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ immedjatezza meta, minħabba l-vulnerabbiltà tal-vittma, din ma tkunx dehret waqt il-proċess u l-Kulleġġ Ġudikanti jibbaża ruħu fir-rigward tal-provi fuq il-proċessi verbal tad-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħha.

106. Għaldaqstant, din il-Qorti twettaq ibbilanċjar tal-interessi konkorrenti tad-difiża, tal-vittma, tax-xhieda u tal-interess pubbliku li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (53) u, fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, titfa’ l-attenzjoni tagħha mhux biss fuq ir-rispett neċessarju tad-drittijiet tad-difiża, iżda wkoll fuq dak tad-drittijiet tal-vittmi u tax-xhieda (54).

107. Sabiex tiżgura ruħha li l-akkużat ibbenefika minn possibbiltà “adegwata u suffiċjenti” sabiex jikkontesta x-xhieda kontrih u sabiex jeżamina l-awturi tagħha (55), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tanalizza tliet kriterji (56).

108. L-ewwel nett, hija teżamina jekk teżistix raġuni serja u suffiċjenti li tiġġustifika l-assenza ta’ smigħ tax-xhud bħall-mewt tax-xhud (57), l-istat ta’ saħħa tiegħu, il-vulnerabbiltà tiegħu jew ukoll il-biżgħat tiegħu (58).

109. It-tieni nett, hija teżamina jekk is-smigħ tax-xhud jikkostitwixxix il-prova unika jew determinanti li fuqha hija bbażata l-kundanna tal-persuna akkużata. Anki jekk ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-assenza ta’ preżenza tax-xhud jitqiesu bħala serji, xorta jibqa’ l-fatt li dawn jistgħu jkunu insuffiċjenti fir-rigward tal-piż u tan-natura deċiżiva li s-smigħ tax-xhud jista’ jkollu għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-akkużat kif ukoll tal-interessi inkwistjoni għal dan tal-aħħar (59).

110. B’hekk, fil-każ li ta lok għas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Vronchenko vs L‑Estonja (60), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li, għalkemm il-Kulleġġ Ġudikanti kien aġixxa fl-aħjar interess tal-minuri billi rrinunzja milli jipproċedi għas-smigħ tiegħu f’seduta pubblika u għalkemm ix-xandir waqt is-seduta tar-reġistrazzjoni bil-vidjo tas-smigħ tiegħu kien ippermetta lill-Imħallfin u lid-difiża josservaw l-aġir u jevalwaw il-kredibbiltà tal-vittma, il-miżuri kienu insuffiċjenti sabiex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza ta’ din ix-xhieda (61).

111. Fl-aħħar u fit-tielet nett, din il-Qorti teżamina jekk jeżistux elementi kumpensatorji suffiċjenti u, b’mod partikolari, xi garanziji proċedurali solidi, li jippermettu l-kontrobilanċ tad-diffikultajiet ikkawżati lid-difiża minħabba l-ammissjoni bħala prova tad-dikjarazzjonijiet ta’ xhud assenti.

112. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżamina, b’mod partikolari, jekk xi provi oħra ġewx prodotti sabiex tiġi kkorroborata d-depożizzjoni tax-xhud, bħal perizji dwar il-kredibbiltà tal-vittma. Hija teżamina, ukoll, jekk id-difiża kellhiex il-possibbiltà teżamina x-xhud fl-istadju tal-investigazzjoni u jekk ix-xandir waqt is-seduta ta’ reġistrazzjoni bil-vidjo tas-smigħ tax-xhud huwiex ta’ natura li tippermetti lill-qorti, lill-prosekuzzjoni u lid-difiża josservaw l-aġir tax-xhud u jifformaw opinjoni tagħhom dwar l-affidabbiltà tiegħu. Barra minn hekk, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-mod kif l-Imħallfin li jkunu qegħdin jiddeċiedu dwar il-mertu wettqu l-eżami tad-dikjarazzjonijiet ta’ xhud assenti u r-raġunijiet li għalihom huma ddeċidew li dawn tal-aħħar kienu affidabbli filwaqt li tevalwa provi oħra disponibbli (62).

113. Dan l-eżami tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iwassalni għall-preċiżazzjonijiet li ġejjin.

114. Ninnota li din il-Qorti titlaq mill-prinċipju li s-smigħ, quddiem il-Kulleġġ Ġudikanti mitlub jiddeċiedi, tal-vittma li qed tipparteċipa fil-proċeduri kriminali bħala xhud huwa rregola. Dan huwa wkoll il-prinċipju li jiddefendi l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2012/29, peress li l-ebda mid-dispożizzjonijiet tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ dik iddedikata lill-vittmi minuri, ma tiddispensa lill-vittma, anki dik l-iktar vulnerabbli, minn smigħ waqt il-proċeduri kriminali, jew tillimita n-numru tiegħu.

115. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem taċċetta madankollu xi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju billi tevalwa, każ b’każ, in-natura globali xierqa tal-proċeduri. F’dan ir-rigward, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà tal-vittma, iżda wkoll ir-rwol tagħha u l-importanza tax-xhieda tagħha fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. Dawn huma wkoll ċirkustanzi li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29. Għalkemm il-KEDB tista’ tidher iktar protettiva fil-konfront tal-vittma meta din taċċetta li din setgħet leġittimament tiġi ddispensata milli tidher f’seduta pubblika, infakkar li d-Direttiva 2012/29 tistabbilixxi biss regoli minimi. Għaldaqstant, din ma tipprekludix li l-Istati Membri jwessgħu id-drittijiet li huma ddefiniti fiha sabiex joffru grad ta’ protezzjoni ogħla lill-vittmi li huma partikolarment vulnerabbli billi jawtorizzaw, pereżempju, l-użu bħala prova tal-proċessi verbal tad-dikjarazzjonijiet tagħhom.

116. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-adozzjoni ta’ tali miżura għanda għaldaqstant tiġi ppreċeduta minn ibbilanċjar tat-totalità tal-interessi inkwistjoni. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jieħdu ħsieb li jeżaminaw jekk is-smigħ tal-vittma jistax ikun ta’ natura determinati għall-finijiet tal-kundanna tal-persuna akkużata, jew iqajjem dubju dwar il-kredibbiltà tagħha u jiżguraw, permezz ta’ garanziji proċedurali solidi, li l-amministrazzjoni tal-provi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali ma tippreġudikax in-natura xierqa tal-proċeduri fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u lanqas id-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 48(2) tagħha.

117. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2012/29 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’sistema ġuridika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi, fil-każ ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti fl-ewwel istanza li quddiemu nstemgħet il-vittma bħala xhud, sistema proċedurali li abbażi tagħha l-persuna akkużata tista’ topponi għall-qari tal-proċessi verbal tas-smigħ tal-vittma, u teżiġi b’hekk ir-repetizzjoni tiegħu, b’mod partikolari meta l-vittma tkun xhud deċiżiv, li x-xhieda tagħha tista’ tiddetermina l-innoċenza jew il-ħtija tal-persuna akkużata.

118. Barra minn hekk, inqis li, meta, fuq il-bażi ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-persuna akkużata teżiġi smigħ mill-ġdid tal-vittma, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati jwettqu, konformement mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2012/29, evalwazzjoni individwali sabiex jiddeterminaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ din il-vittma, u jekk ikun il-każ, il-punt sa fejn hija tkun tista’ tibbenefika mill-miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi previsti fl-Artikoli 23 u 24 ta’ din id-direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, naħseb li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw ruħhom li l-imsemmija miżuri ma jippreġudikawx in-natura xierqa tal-proċeduri fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u lanqas id-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 48(2) tagħha.

119. Fl-aħħar, nistieden ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li d-Direttiva 2012/29 ma tipprekludix li Stat Membru jadotta miżuri iktar protettivi fir-rigward tas-smigħ tal-vittmi matul il-proċeduri kriminali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri ma jippreġudikawx l-imsemmija drittijiet fundamentali.

B.      Il-portata tad-dritt li tinkiseb deċiżjoni dwar il-kumpens tal-vittma f’terminu raġonevoli

120. Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2012/29, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li vittma ta’ reat kriminali jkollha d-dritt li tikseb deċiżjoni f’terminu raġonevoli dwar il-kumpens tagħha, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali jew fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja oħra.

121. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, it-Tribunale di Bari (il-Qorti ta’ Bari) issostni, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, li l-persuna akkużata tista’ tuża l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni bil-għan li taħli l-ħin, u b’hekk iġġib fix-xejn il-kumpens fi żmien raġonevoli tad-dannu meħtieġ mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2012/29. Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll l-idea ta’ manuvra li tista’ ssir sistematika u li toħloq riskju li twassal, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-estensjoni tat-termini, għall-preskrizzjoni tal-proċeduri.

122. Dan l-argument ma jikkonvinċinix.

123. Abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, kull persuna għandha effettivament id-dritt sabiex il-kawża tagħha tinstema’ fi żmien raġonevoli. Hekk kif indikajt, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, is-sens u l-portata ta’ dan id-dritt huma l-istess bħal dawk mogħtija mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

124. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-osservanza tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB timplika, bħala prinċipju, li kull fażi tal-proċedura ġudizzjarja, ta’ natura ċivili jew kriminali, għandha tintemm f’terminu raġonevoli, li jinkludi l-fażijiet sussegwenti għad-deċiżjonijiet dwar il-mertu (63), bħall-proċeduri dwar l-ispejjeż tal-qorti jew l-irkupru effettiv ta’ dejn.

125. Għalkemm il-qrati nazzjonali jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta’ effettività u ta’ ekonomija, billi jiddeċiedu, pereżempju, li l-organizzazzjoni sistematika tad-diskussjoni tista’ tikkostitwixxi ostakolu għad-diliġenza partikolari meħtieġa u timpedixxi l-osservanza tat-terminu raġonevoli (64), din il-Qorti tfakkar, madankollu, li l-ħeffa tal-proċeduri tikkostitwixxi biss wieħed mill-komponenti tal-prinċipju, iktar ġenerali, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (65) u li “l-Artikolu 6[(1) tal-KEDB huwa] qabel kollox intiż li jipproteġi l-interessi tad-difiża u dawk ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” (66).

126. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ir-rekwiżit li tittieħed deċiżjoni f’terminu raġonevoli dwar il-kumpens tal-vittma ma jistax għaldaqstant jaffettwa l-portata tal-prinċipji ta’ espressjoni orali u ta’ konoxxenza diretta u immedjata tal-kawża mill-Imħallef, indispensabbli għal dan tal-aħħar sabiex jifforma l-opinjoni tiegħu stess.

127. L-approċċ adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa perfettament konformi mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Hekk kif rajna, mill-premessi 12 u 66 tad-Direttiva 2012/29 jirriżulta li d-drittijiet li din tistabbilixxi, fosthom id-dritt li tinkiseb deċiżjoni dwar il-kumpens f’terminu raġonevoli, huma bla ħsara għar-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-awtur tar-reat, u, b’mod partikolari, tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt għal smigħ xieraq (67).

128. Konsegwentement, id-dritt irrikonoxxut lill-vittma fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2012/29 ma jistax jaffettwa t-tgawdija effettiva tad-drittijiet proċedurali rrikonoxxuti lill-persuna akkużata, b’mod partikolari f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn il-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti li quddiemu l-vittma kienet instemgħet ġiet emendata minħabba s-sostituzzjoni ta’ wieħed mill-Imħallfin tiegħu jiġifieri, fi kliem ieħor, minħabba s-seħħ, waqt il-proċedura ġudizzjarja, ta’ ċirkustanza li ma tiddependix minnu. F’tali sitwazzjoni, il-persuna akkużata ma tistax tiġi meħtieġa tirrinunzja għat-tgawdija effettiva tad-drittijiet proċedurali tagħha taħt il-pretest li għandu jitħaffef il-kors tal-ġustizzja sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kumpens dovut lill-vittma, f’terminu raġonevoli.

129. Fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-idea li r-rifjut mill-persuna akkużata li jintużaw il-proċessi verbal tas-smigħ jista’ jikkostitwixxi ostakolu intenzjonat għall-funzjonament tajjeb tal-proċeduri kriminali. Dan ir-riskju ovvjament ma huwiex eskluż. Madankollu, għandu jiġi nnotat li għaddew kważi sentejn bejn l-ewwel seduta tad-diskussjonijiet li matulha nstemgħet il-vittma għall-ewwel darba fl‑14 ta’ April 2015 u t-tieni seduta tad-diskussjonijiet, fil‑21 ta’ Frar 2017, li matulha d-difiża talbet ir-repetizzjoni tas-smigħ tagħha wara l-bidla fil-kompożizzjoni tal-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, lanqas ma jista’ jiġi eskluż li, minħabba ż-żmien li għadda bejn iż-żewġ seduti tad-diskussjonijiet, il-memorji setgħu ntesew f’moħħ iż-żewġt Imħallfin li quddiemhom seħħ l-ewwel smigħ. Fid-dawl ta ’dawn iċ-ċirkustanzi u meta jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li Imħallef wieħed mit-tlieta li jifformaw il-qorti tar-rinviju ġie ssostitwit, naħseb li l-qorti tar-rinviju għandha qabel kollox tiggarantixxi l-prinċipju ta’ immedjatezza, fid-dimensjoni kemm ratione temporis kif ukoll spazjali tiegħu, u tiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna akkużata, billi tippermettilha tikkontesta, konformement mal-prinċipju ta’ kontradittorju u fil-preżenza tal-membri kollha tal-Kulleġġ Ġudikanti aditi sabiex jiddeċiedu, id-dikjarazzjonijiet li jistgħu jkunu l-bażi tal-kundanna tagħha.

130. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi, bħala konsegwenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2012/29 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’sistema ġuridika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi, fil-każ ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti fl-ewwel istanza li quddiemu nstemgħet il-vittma bħala xhud, sistema proċedurali li abbażi tagħha l-persuna akkużata tista’ topponi għall-qari tal-proċessi verbal tas-smigħ tal-vittma, u teżiġi b’hekk ir-repetizzjoni tiegħu, b’mod partikolari meta l-vittma tkun xhud deċiżiv, li x-xhieda tagħha tista’ tiddetermina l-innoċenza jew il-ħtija tal-persuna akkużata.

VI.    Konklużjoni

131. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunale di Bari (il-Qorti ta’ Bari, l-Italja) kif ġej:

1)      L-Artikoli 16 u 18 tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’sistema ġuridika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi, fil-każ ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ Ġudikanti fl-ewwel istanza li quddiemu nstemgħet il-vittma bħala xhud, sistema proċedurali li abbażi tagħha l-persuna akkużata tista’ topponi għall-qari tal-proċessi verbal tas-smigħ tal-vittma, u teżiġi b’hekk ir-repetizzjoni tiegħu, b’mod partikolari meta l-vittma tkun xhud deċiżiv, li x-xhieda tagħha tista’ tiddetermina l-innoċenza jew il-ħtija tal-persuna akkużata.

Meta, fuq il-bażi ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-persuna akkużata teżiġi smigħ mill-ġdid tal-vittma, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati jwettqu, konformement mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2012/29, evalwazzjoni individwali sabiex jiddeterminaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ din il-vittma, u jekk ikun il-każ, il-punt sa fejn hija tkun tista’ tibbenefika mill-miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi previsti fl-Artikoli 23 u 24 ta’ din id-direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw ruħhom li l-imsemmija miżuri ma jippreġudikawx in-natura xierqa tal-proċeduri fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u lanqas id-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 48(2) tagħha.

2)      Id-Direttiva 2012/29 ma tipprekludix li Stat Membru jadotta miżuri iktar protettivi fir-rigward tas-smigħ tal-vittmi matul il-proċeduri kriminali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri ma jippreġudikawx l-imsemmija drittijiet fundamentali.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU 2012, L 315, p. 57).


3      C‑105/03, EU:C:2005:386.


4      C‑507/10, EU:C:2011:873. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar il-konformità, fir-rigward tal-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, tal‑15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Vol. 4, p. 72), tad-dispożizzjonijiet previsti fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali dwar il-proċedura inċidentali ta’ produzzjoni antiċipata tal-prova jew il-“ġbir tal-provi waqt l-istruttorja”.


5      Iktar 'il quddiem il-“Karta”.


6      Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar 'il quddiem il-“KEDB”.


7      Ara l-premessa 4 ta’ din id-direttiva.


8      Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2012/29.


9      Traduzzjoni ppubblikata mis-Segretarju Ġenerali tal-Presidenza tar-Repubblika Taljana fis-sit internet li ġej: https://www.quirinale.it/allegati_statici/costituzione/costituzione_francese.pdf.


10      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikoli 492 sa 495 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.


11      Sentenza Nru 2 tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), seduta plenarja tal-awli kriminali, tal‑15 ta’ Jannar 1999.


12      C‑105/03, EU:C:2005:386.


13      Ara l-punti 19 sa 29 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża X (C‑507/10, EU:C:2011:682), li fihom hemm diskussjoni twila dwar in-natura tal-proċedura kriminali Taljana u li qed nirreferi għaliha.


14      C‑185/95 P, EU:C:1998:37. Nirreferi, b’mod partikolari, għall-punti 80 sa 83 tal-konklużjonijiet tiegħu.


15      F’sens strett, dawn il-prinċipji huma mifhuma bħala d-dritt għal parti li tinstema’ waqt seduta li matulha hija jew ir-rappreżentant tagħha jkollha l-possibbiltà tesprimi ruħha u tirrispondi għad-domandi tal-qrati. Is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri jipprevedu sistemi li jħalltu, fi gradi differenti, l-elementi orali u miktuba tal-proċeduri ġudizzjarji, iżda l-prinċipju ta’ espressjoni orali huwa komuni għalihom kollha.


16      Bouzat, P., u Pinatel, J., Traité de droit pénal et de criminologie, Volum II, Edizzjoni Nru 2, Dalloz, Pariġi, 1970, punt 1336.


17      Bouzat, P., u Pinatel, J., op.cit., punt 1336.


18      Desportes, F., u Lazergues-Cousquer, L., Traité de procédure pénale, Edizzjoni Nru 3, Economica, Pariġi, 2013, punti 609 sa 611.


19      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, it-Tribunale di Bari (il-Qorti ta’ Bari) fil-fatt tirrileva espressament li l-Artikolu 525(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jistabbilixxi l-prinċipju ta’ immedjatezza fis-sens ratione temporis (“[i]d-deċiżjoni għandha tingħata immedjatament wara l-għeluq tad-diskussjoni”).


20      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni (C-185/95 P, EU:C:1998:37, punt 83).


21      Ara l-premessa 53 tad-Direttiva 2012/29.


22      L-għan ta’ dawn il-miżuri huwa indikat b’mod ċar fil-premessi 53 u 54 tad-Direttiva 2012/29.


23      C‑483/09 u C‑1/10, EU:C:2011:583.


24      Punt 64 ta’ din is-sentenza, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) sa (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220.


25      Konformement mal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2012/29, il-miżuri previsti waqt l-investigazzjoni kriminali jikkonsistu f’li jiġi ggarantit lill-vittma d-dritt li tinstema’ f’postijiet maħsuba għal dan il-għan, minn professjonisti mħarrġa għal dan il-għan u li, “sakemm dan ma jmurx kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”, ikunu dejjem l-istess, u fl-aħħar, jekk dan ikun neċessarju u “sakemm il-kors tal-proċedimenti kriminali ma jiġix ippreġudikat”, ikunu tal-istess sess tal-vittma. Dawn il-miżuri ma humiex rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali, peress li ma dawn ma jirrigwardawx il-fażi tal-proċedura ġudizzjarja.


26      Konformement mal-Artikolu 24(1)(a) tad-Direttiva 2012/29, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, “f’investigazzjonijiet kriminali, l-intervisti kollha mal-vittmi tfal jistgħu jiġu rreġistrati awdjoviżwalment u tali intervisti rreġistrati jistgħu jintużaw bħala evidenza fi proċedimenti kriminali”. Din id-dispożizzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri dwar id-dritt tal-kustodja ta’ minuri, li abbażi tagħha, “għalkemm jibqa’ dritt tal-minuri, is-smigħ ma jistax jikkostitwixxi dritt assolut, iżda għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni skont l-eżiġenzi marbutin mal-aħjar interess tal-minuri f’kull każ partikolari, b’mod konformi mal-Artikolu 24(2) tal-[Karta]” (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga (C‑491/10 PPU, EU:C:2010:828, punt 64)).


27      Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2012/29.


28      Ara l-premessa 54 tad-Direttiva 2012/29.


29      Konformement mal-premessa 58 tad-Direttiva 2012/29, “tali miżura għandha tiġi determinata mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża”. Dan il-prinċipju kien jinsab diġà fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220.


30      C‑105/03, EU:C:2005:386.


31      C‑404/07, EU:C:2008:553.


32      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Katz (C‑404/07, EU:C:2008:553, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Katz (C‑404/07, EU:C:2008:553, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat f’dak il-każ il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tipprovdi “[i]l-missjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-[KEDB] ma tikkonsistix f’li tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk xi dikjarazzjonijiet tax-xhieda ġewx ammessi ġustament bħala provi [inkwantu dan jaqa taħt l-evalwazzjoni tal-qrati nazzjonali], iżda f’li taċċerta li l-proċeduri kkunsidrati fit-totalità tagħhom, inkluż il-metodu ta’ produzzjoni tal-provi, kienu ta’ natura ekwa” (ara Qorti EDB, 10 ta’ Frar 2005, Graviano vs L‑Italja, CE:ECHR:2005:0210JUD001007502, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      C‑507/10, EU:C:2011:873.


36      Ara l-punt 40 ta’ din is-sentenza.


37      ĠU 2007, C 303, p. 17.


38      Ara Qorti EDB, 10 ta’ Frar 2005, Graviano vs L‑Italja (CE:ECHR:2005:0210JUD001007502, punt 36).


39      Qorti EDB, 23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Ara Qorti EDB, 5 ta’ Diċembru 2002, Craxi vs L‑Italja (CE:ECHR:2002:1205JUD003489697, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll l‑14 ta’ Ġunju 2009, Mayali vs Franza (CE:ECHR:2005:0614JUD006911601, punt 31).


41      Ara Qorti EDB, 29 ta’ Ġunju 2017, Lorefice vs L‑Italja (CE:ECHR:2017:0629JUD006344613, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), 10 ta’ Ottubru 2017, Daştan vs It‑Turkija (CE:ECHR:2017:1010JUD003727208, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll 9 ta’ Jannar 2018, Ghincea vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2018:0109JUD003667606, punt 40 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara Qorti EDB, 10 ta’ Frar 2005, Graviano vs L‑Italja (CE:ECHR:2005:0210JUD001007502, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll 5 ta’ Marzu 2013, Manolachi vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2013:0305JUD003660504, punti 48 u 49).


43      Ara Qorti EDB, 29 ta’ Ġunju 2017, Lorefice vs L-Italja (CE:ECHR:2017:0629JUD006344613, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Ara Qorti EDB, 29 ta’ Ġunju 2017, Lorefice vs L‑Italja (CE:ECHR:2017:0629JUD006344613, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll 9 ta’ Jannar 2018, Ghincea vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2018:0109JUD003667606, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Qorti EDB, 10 ta’ Mejju 2001, Graviano vs L-Italja (CE:ECHR:2005:0210JUD001007502, punt 38), korsiv miżjud minni.


46      Qorti EDB, 19 ta’ Diċembru 2013, Rosin vs L‑Estonja (CE:ECHR:2013:1219JUD002654008, punti 59 u 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


47      Qorti EDB, 10 ta’ Mejju 2001, Graviano vs L‑Italja (CE:ECHR:2005:0210JUD001007502, punt 37).


48      CE:ECHR:2014:1202JUD005315012. F’dan il-każ, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ġiet mistoqsija fuq in-natura xierqa tal-proċeduri kriminali mibdija kontra r-rikorrent, peress li l-Kulleġġ inizjali ta’ Imħallfin responsabbli sabiex jeżamina l-każ tiegħu fl-ewwel istanza kien ġie mibdul u ebda mill-Imħallfin tal-Kulleġġ li kienu sussegwentement ikkundannawh ma kien sema’ direttament la lir-rikorrent u lanqas lix-xhieda, fatt li ma kienx ġie kkoreġut fl-appell.


49      Punti 60 sa 73 ta’ din is-sentenza.


50      CE:ECHR:2017:0307JUD006893912 (punti 37 sa 48).


51      CE:ECHR:2005:0210JUD001007502.


52      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB, 10 ta’ Frar 2005, Graviano vs L‑Italja (CE:ECHR:2005:0210JUD001007502, punt 39).


53      Ara Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2011, Al-Khawaja u Tahery vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2011:1215JUD002676605, punt 146).


54      Ara Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2011, Al-Khawaja u Tahery vs Ir Renju Unit (CE:ECHR:2011:1215JUD002676605, punti 120 et seq.), kif ukoll 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).


55      Qorti EDB, 10 ta’ Frar 2005, Graviano vs L‑Italja (CE:ECHR:2005:0210JUD001007502, punt 37).


56      Ara Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata)


57      Ara Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 2006, Bonev vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2006:0608JUD006001800, punt 44).


58      Ara Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2011, Al-Khawaja u Tahery vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2011:1215JUD002676605, punti 121 u 122).


59      Ara, f’dan ir-rigward, Qorti EDB, 5 ta’ Lulju 2011, Dan vs Il‑Moldovja (CE:ECHR:2011:0705JUD000899907, punt 31), 15 ta’ Diċembru 2011, Al-Khawaja u Tahery vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2011:1215JUD002676605, punti 126 et seq.), kif ukoll 29 ta’ Ġunju 2017, Lorefice vs L‑Italja (CE:ECHR:2017:0629JUD006344613, punt 41).


60      CE:ECHR:2013:0718JUD005963209. Sentenza dwar l-assenza fil-proċess tal-vittma minuri ta’ reat sesswali għall-finijiet tal-protezzjoni tal-benesseri tal-minuri. Ara, ukoll, Qorti EDB, 19 ta’ Diċembru 2013, Rosin vs L‑Estonja (CE:ECHR:2013:1219JUD002654008, punti 57 u 60).


61      Punt 65 ta’ din is-sentenza. Fis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Al-Khawaja u Tahery vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2011:1215JUD002676605, punt 125), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet diġà nnotat li, “b’teħid inkunsiderazzjoni tal-punt sa fejn l-assenza ta’ xhud tippreġudika d-drittijiet tad-difiża, [...] [q]abel ma xhud ma jista’ jiġi ddispensat milli jidher minħabba l-fatt li jibża jippreżenta ruħu għall-proċess, il-qorti għandha tqis bħala stabbilit li l-possibbiltajiet l-oħra kollha, bħalma huma l-anonimat, jew miżuri oħra speċjali, ma humiex adatti jew huma impossibbli li jiġu implimentati” (punt 125).


62      Ara Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punt 125 et seq.).


63      Qorti EDB, 23 ta’ Settembru 1997, Robins vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1997:0923JUD002241093, punt 28), u 21 ta’ April 1998, Estima Jorge vs Il‑Portugal (CE:ECHR:1998:0421JUD002455094, punt 45).


64      Qorti EDB, 23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, punt 42).


65      Qorti EDB, 12 ta’ Ottubru 1992, Boddaert vs Il‑Belġju (CE:ECHR:1992:1012JUD001291987, punt 39).


66      Qorti EDB, 21 ta’ Novembru 1995, Acquaviva vs Franza (CE:ECHR:1995:1121JUD001924891, punt 66).


67      Ara l-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.