Language of document : ECLI:EU:C:2019:268

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

28 ta’ Marzu 2019 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija minn ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża emendata dwar is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (EEG tal‑2012) – Għajnuna lil produtturi tal-elettriku EEG u soprataxxa-EEG imnaqqsa għall-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna bħala parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Vantaġġ – Riżorsi tal-Istat – Kontroll pubbliku tar-riżorsi – Miżura li tixbah taxxa fuq il-konsum tal-elettriku”

Fil-Kawża C‑405/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid‑19 ta’ Lulju 2016,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti, assistiti minn T. Lübbig, Rechtsanwalt,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, M. Safjan, D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Mejju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑47/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:281), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha, ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1585 tal‑25 ta’ Novembru 2014 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA. 33995 (2013/C) (ex 2013/NN) (implimentata mill-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija) (ĠU 2015, L 250, p. 122) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

2        Fit‑28 ta’ Lulju 2011, il-leġiżlatur Ġermaniż adotta l-Gesetz zur Neuregelung des Rechtsrahmens für die Förderung der Stromerzeugung aus erneuerbaren Energien (il-Liġi li tirrigwarda leġiżlazzjoni ġdida fil-kuntest legali tal-promozzjoni tal-elettriku mill-enerġija rinnovabbli) (BGBl. 2011 I, p. 1634, iktar ’il quddiem l-“EEG tal‑2012”). Din il-liġi, fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2012 sal‑31 ta’ Lulju 2014, kellha l-għan li żżid, fil-provvista tal-elettriku, il-perċentwal tal-elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u minn gass mill-minjieri (iktar ’il quddiem l-“elettriku EEG”).

3        Il-karatteristiċi prinċipali tad-dispożittiv stabbilit fl-EEG tal‑2012 huma esposti fil-punti 4 sa 12 tas-sentenza appellata, kif ġej:

“4      Fl-ewwel lok, l-amministraturi tan-netwerk tal-livelli kollha ta’ vultaġġ (iktar ’il quddiem il-‘GR’) li jiżguraw il-provvista ġenerali tal-elettriku huma obbligati, l-ewwel nett, li jikkonnettu man-netwerk tagħhom l-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku EEG fil-perimetru ta’ attività tagħhom (Artikoli 5 sa 7 tal-EEG tal‑2012), it-tieni nett, li jdaħħlu dan l-elettriku fin-netwerk tagħhom, li jittrasportawh kif ukoll li jiddistribwixxuh bħala prijorità (Artikoli 8 sa 12 tal-EEG tal‑2012) u, it-tielet nett, li jagħtu lill-operaturi ta’ dawn l-installazzjonijiet remunerazzjoni kkalkolata skont tariffi stabbiliti mil-liġi, fid-dawl tan-natura tal-elettriku inkwistjoni u tal-potenza mogħtija jew stabbilita għal installazzjoni kkonċernata (Artikoli 16 sa 33 tal-EEG tal‑2012). Alternattivament, l-operaturi tal-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku EEG għandhom id-dritt, minn naħa, li jbiegħu dan l-elettriku kollu jew parti minnu direttament lil terzi u, min-naħa l-oħra, li jeħtieġu li l-GR li magħhom ġiet konnessa installazzjoni fin-nuqqas ta’ tali bejgħ dirett iħallsuhom primjum fis-suq ikkalkolata abbażi tal-ammont tar-remunerazzjoni li kienet tkun dovuta fil-każ ta’ konnessjoni (Artikoli 33a sa 33i tal-EEG tal‑2012). Fil-prattika, huwa stabbilit li dawn l-obbligi huma r-responsabbiltà essenzjalment tal-amministraturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni lokali b’vultaġġ baxx jew medju (iktar ’il quddiem il-‘GRD’).

5      Fit-tieni lok, il-GRD huma obbligati li jittrażmettu l-elettriku EEG lill-amministraturi tan-netwerks tat-trasport inter-reġjonali b’vultaġġ għoli u għoli ħafna upstream (iktar ’il quddiem il-‘GRT’) (Artikolu 34 tal-EEG tal‑2012). Bħala kontroparti għal dan l-obbligu, il-GRT huma obbligati jħallsu lill-GRD l-ekwivalenti tar-remunerazzjonijiet u tal-primjums fis-suq imħallsa minn dawn tal-aħħar lill-operaturi tal-installazzjonijiet (Artikolu 35 tal-EEG tal‑2012).

6      Fit-tielet lok, l-EEG tal‑2012 tipprovdi mekkaniżmu magħruf bħala ‘kumpens fuq livell federali’ tal-kwantitajiet tal-elettriku EEG li kull GRT idaħħal fin-netwerk tiegħu, minn naħa, u tal-ammonti mħallsa bħala kontroparti lil GRD, min-naħa l-oħra (Artikolu 36 tal-EEG tal‑2012). Fil-prattika, kull GRT li kien daħħal u ħallas kwantità tal-elettriku EEG superjuri għal dik mogħtija mill-fornituri tal-elettriku lill-klijenti finali li jinsabu fiż-żona tiegħu jista’ jagħmel użu, fil-konfronti tal-GRT l-oħra, minn dritt għall-kumpens li jikkorrispondi għal din id-differenza. Mis-snin 2009‑2010, l-imsemmi kumpens ma jinħadimx iktar fuq bażi reali (skambju ta’ fluss tal-elettriku EEG), iżda fuq bażi finanzjarja (kumpens tal-ispejjeż li huma marbuta miegħu). Tlieta mill-erba’ GRT ikkonċernati minn dan id-dispożittiv għall-kumpens huma impriżi privati (Amprion GmbH, TenneT TSO GmbH u 50 Hertz Transmission GmbH), filwaqt li r-raba’ hija impriża pubblika (Transnet BW GmbH).

7      Fir-raba’ lok, il-GRT huma obbligati li jbigħu l-elettriku EEG li jdaħħlu fin-netwerk tagħhom fis-suq skont l-iskambju tal-elettriku (Artikolu 37(1) tal-EEG tal‑2012). Fil-każ li l-prezz miksub b’dan il-mod ma jippermettilhomx li jkopru l-piż finanzjarju li jimponi fuqhom l-obbligu legali li jħallsu għal dan l-elettriku skont it-tariffi stabbiliti mil-liġi, huma għandhom id-dritt li jeħtieġu, skont ir-rekwiżiti ddefiniti mis-setgħa leġiżlattiva, li l-fornituri li jipprovdu servizz lill-klijenti finali jħallsuhom id-differenza, bi proporzjon mal-kwantitajiet mibjugħa. Dan il-mekkaniżmu jismu ‘soprataxxa-EEG’ (Artikolu 37(2) tal-EEG tal‑2012). L-ammont tas-soprataxxa-EEG jista’ madankollu jitnaqqas b’2 ċenteżimi ta’ ewro għal kull kilowatt fis-siegħa (KWs) f’ċerti każijiet (Artikolu 39 tal-EEG tal‑2012). Sabiex jibbenefikaw minn tali tnaqqis, ikklassifikat mill-EEG tal-2012 bħala ‘tnaqqis tas-soprataxxa-EEG’, iżda wkoll magħrufa bħala ‘privileġġ tal-elettriku ekoloġiku’, il-fornituri tal-elettriku għandhom b’mod partikolari juru, qabel kollox, li minn tal-inqas 50 % tal-elettriku li huma jipprovdu lill-klijenti tagħhom huwa elettriku EEG, sussegwentement, li minn tal-inqas 20 % minnu joriġina mill-enerġija eolika jew mill-enerġija radjoattiva tax-xemx u, fl-aħħar nett, li huwa s-suġġett ta’ bejgħ dirett lill-klijenti tagħhom.

8      [...]

9      Fil-ħames lok, huwa stabbilit li, minkejja li l-EEG tal‑2012 ma tobbligax lill-fornituri tal-elettriku li jgħaddu s-soprataxxa-EEG lill-klijenti finali, hija lanqas ma tipprojbihom milli jagħmlu dan. Huwa wkoll stabbilit li l-fornituri, li huma stess huma obbligati jħallsu din it-taxxa lil GRT, jgħaddu fil-prattika dan il-piż lill-klijenti tagħhom, kif barra minn hekk ikkonfermat dan il-fatt ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja waqt is-seduta. Il-metodi skont liema din it-taxxa għandha tidher fuq l-irċevuta li hija indirizzata lilhom huma previsti mill-EEG tal‑2012 (Artikolu 53 tal-EEG tal‑2012), bl-istess mod ir-rekwiżiti li taħthom dawn il-klijenti għandhom ikunu informati dwar il-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli, issussidjati skont il-liġi dwar l-enerġija rinnovabbli, li huwa pprovdut lilhom (Artikolu 54 tal-EEG tal‑2012).

10      Barra minn hekk, l-EEG tal‑2012 tipprovdi wkoll sistema ta’ kumpens speċjali, skont liema l-Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (Uffiċċju Federali tal-ekonomija u tal-kontrolli tal-esportazzjoni, iktar ’il quddiem il-‘BAFA’) jistabbilixxi limitu massimu kull sena fir-rigward tal-ammont tas-soprataxxa-EEG li jista’ jgħaddi mill-fornituri tal-elettriku liż-żewġ kategoriji stabbiliti mill-klijenti, jiġifieri, minn naħa, l-‘impriżi li jużaw ħafna elettriku tas-settur produttiv’ (iktar ’il quddiem l-‘EEI’) u, min-naħa l-oħra, l-‘impriżi ferrovjarji’, wara talba li kellha tiġi ppreżentata minn dawn tal-aħħar qabel it‑30 ta’ Ġunju tas-sena preċedenti, bil-għan li tnaqqas l-ispejjeż tagħhom tal-elettriku u, b’dan il-mod, li tiġi ppreżervata l-kompetittività tagħhom (Artikolu 40 tal-EEG tal‑2012).

11      L-EEG tal‑2012 tispeċifika r-rekwiżiti li jagħtu lok għad-dritt għal din is-sistema, il-proċedura li għandha tiġi segwita mill-impriżi ammissibbli, il-metodi għall-istabbiliment tal-limitu massimu każ b’każ u l-effetti tad-deċiżjonijiet meħuda rigward dan is-suġġett mill-BAFA (Artikoli 41 sa 44 tal-EEG tal‑2012). L-EEG tal‑2012 tipprovdi b’mod partikolari li, għall-impriżi tas-setturi produttivi li l-ispejjeż għall-konsum tal-elettriku tagħhom jirrappreżentaw minn tal-inqas 14 % tal-valur gross miżjud tagħhom u li l-konsum huwa minn tal-inqas 1 gigawatt fis-siegħa (GWh), dan l-istabbiliment tal-limitu massimu huwa ffissat għal 10 % tas-soprataxxa-EEG għall-parti tal-konsum tagħhom ta’ bejn 1 GWh u 10 GWh, għal 1 % ta’ din it-taxxa għall-parti tal-konsum tagħhom ta’ bejn 10 GWh u 100 GWh, u għal 0.05 ċenteżmu ta’ ewro kull KWh lil hinn minn hekk. L-EEG tal‑2012 tipprovdi wkoll li, għall-impriżi tas-settur produttiv li l-ispejjeż għall-konsum tal-elettriku tagħhom jirrappreżentaw minn tal-inqas 20 % tal-valur gross miżjud tagħhom u li l-konsum huwa minn tal-inqas 100 GWh, is-soprataxxa-EEG hija stabbilita għal-limitu massimu ta’ 0.05 ċenteżmu ta’ ewro kull KWh mill-ewwel kilowatt fis-siegħa. L-EEG tal‑2012 tispeċifika barra minn hekk li l-fornituri tal-elettriku għandhom jinformaw lill-impriżi li jibbenefikaw mill-avviż ta’ stabbiliment ta’ limitu massimu tas-soprataxxa-EEG, l-ewwel nett, dwar il-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli li jibbenefika mill-għajnuna skont il-liġi dwar l-enerġija rinnovabbli li hija pprovduta lilhom, it-tieni nett, dwar il-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija globali u, it-tielet nett, għall-impriżi li huma megħjuna skont il-liġi dwar l-enerġija rinnovabbli, dwar il-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija li hija pprovduta lilhom (Artikolu 54 tal-EEG tal‑2012).

12      Fis-sitt lok, l-EEG tal‑2012 timponi sett ta’ obbligi għall-informazzjoni u għall-pubblikazzjoni fuq l-operaturi tal-installazzjonijiet, l-GR u l-fornituri tal-elettriku, b’mod partikolari fir-rigward tal-GRT u tal-Bundesnetzagentur (aġenzija federali tan-netwerks, iktar ’il quddiem il-‘BnetzA’), kif ukoll serje ta’ obbligi ta’ trasparenza li huma r-responsabbiltà speċifika tal-GRT (Artikolu 45 sa 51 tal-EEG tal‑2012). L-imsemmija liġi tispeċifika wkoll is-setgħat ta’ sorveljanza u ta’ kontroll li għandha l-BNetzA fir-rigward tal-GRD u tal-GRT (Artikolu 61 tal-EEG tal‑2012).”

4        Wara li ddeċidiet, fit‑18 ta’ Diċembru 2013, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżuri li jinsabu fl-EEG tal‑2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-deċiżjoni kontenzjuża fil‑25 ta’ Novembru 2014.

5        F’din tal-aħħar, il-Kummissjoni tqis li l-EEG tal‑2012 jinkludi żewġ tipi ta’ vantaġġi selettivi li jwasslu għall-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jiġifieri, minn naħa, l-għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u minn gass mill-minjieri, li kienet tiggarantixxi lill-produtturi tal-elettriku EEG, permezz tat-tariffi feed-in u tal-primjums fis-suq, prezz għall-elettriku ogħla minn dak tas-suq u, min-naħa l-oħra, is-sistema ta’ kumpens speċjali, skont liema s-soprataxxa-EEG setgħet tiġi mnaqqsa għal ċerti utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

6        Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża jipprovdi kif ġej:

Artikolu 1:

L-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u minn gass estratt mill-minjieri, inkluż il-mekkaniżmu ta' finanzjament tiegħu, mogħtija fuq il-bażi tal-[EEG tal‑2012], implimentata b’mod illeċitu mill-Ġermanja bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE], hija kompatibbli mas-suq intern, soġġetta għall-implimentazzjoni tal-impenn stabbilit fl-Anness I mill-Ġermanja.

[...]

Artikolu 3

1.      L-għajnuna mill-Istat, li tikkonsisti fi tnaqqis fis-soprataxxa għall-iffinanzjar tal-appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli [...] fis-snin 2013 u 2014 għall-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija [...], implimentata b’mod illeċitu mill-Ġermanja bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE], tkun kompatibbli mas-suq intern jekk taqa’ taħt waħda mill-erba’ kategoriji msemmija f’dan il-paragrafu.

[...]

2.      Kwalunkwe għajnuna li mhijiex koperta mill-paragrafu 1 titqies bħala inkompatibbli mas-suq intern.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

7        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Frar 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, billi qajmet tliet motivi li l-Qorti Ġenerali ċaħdet wieħed wieħed fis-sentenza appellata.

8        Il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat, fil-punti 33 sa 42 tas-sentenza appellata, l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tar-rwol tal-Istat fil-funzjonament tal-EEG tal‑2012. Il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari kkonstatat, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li l-miżuri inkwistjoni kienu ġew istitwiti b’liġi u li dawn kienu, għaldaqstant, imputabbli lill-Istat Ġermaniż.

9        Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll, fil-punti 49 sa 70 tas-sentenza appellata, id-diversi argumenti ppreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ibbażat fuq l-assenza ta’ vantaġġ marbut mas-sistema ta’ kumpens speċjali. Hija enfasizzat, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li dan il-motiv kien jirrigwarda biss l-eżistenza nfisha ta’ vantaġġ fil-konfront tal-EEI, mingħajr ma jqajjem la l-kwistjoni tas-selettività ta’ dan il-vantaġġ u lanqas dik tal-eżistenza ta’ vantaġġ marbuta mas-sistema ta’ għajnuna favur produtturi tal-elettriku EEG. B’mod partikolari hija ddeċidiet, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li s-sistema ta’ kumpens speċjali toħloq vantaġġ favur l-EEI, sa fejn din kienet teħlishom minn piż li ġeneralment ikollhom fuqhom.

10      Fl-aħħar nett il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 81 sa 129 tas-sentenza appellata, id-diversi partijiet tat-tielet motiv imqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażat fuq l-assenza ta’ vantaġġ iffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat. B’dan il-mod, hija ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet qieset ġustament li d-dispożittiv implimentat mill-EEG tal‑2012, jiġifieri kemm is-sistema ta’ għajnuna favur produtturi tal-elettriku EEG kif ukoll is-sistema ta’ kumpens speċjali favur l-EEI, kien jinvolvi riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

11      F’dan il-każ, wara tfakkira fil-qosor, fil-punti 81 sa 83 tas-sentenza appellata, tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat, u b’mod partikolari tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 37), il-Qorti Ġenerali, qabel xejn, qassret id-deċiżjoni kontenzjuża fil-punti 84 sa 90 tas-sentenza appellata.

12      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 91 sa 129 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx qieset ġustament li l-EEG tal‑2012 kien jinvolvi riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

13      F’dan ir-rigward, hija osservat, preliminarjament, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li “s-soprataxxa-EEG, miġbura u amministratata mill-GRT, [kienet] intiża, fl-aħħar nett, sabiex tkopri l-ispejjeż mit-tariffi feed-in u l-primjum tas-suq previsti mill-EEG tal‑2012 filwaqt li tiggarantixxi lill-produtturi tal-elettriku EEG prezz għall-elettriku li [kienu] jipproduċu iktar għoli mill-prezz tas-suq”, b’mod illi “[kien] hemm lok jitqies li s-soprataxxa-EEG [kienet] tipproċedi, prinċipalment, għall-implementazzjoni ta’ politika pubblika ta’ għajnuna lill-produtturi tal-elettriku EEG stabbilita, permezz ta’ liġi, mill-Istat”.

14      Fl-aħħar nett, hija wriet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball, minn naħa, meta bbażat ruħha fuq tliet tipi ta’ kunsiderazzjonijiet, żviluppati fil-punti 93 sa 110 tas-sentenza appellata u mqassra fil-punti 111 u 112 ta’ din is-sentenza, u, min-naħa l-oħra, meta rrifjutat, fil-punti 113 sa 126 tas-sentenza appellata, l-argumenti invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

15      Il-punti 111 u 112 tas-sentenza appellata huma mfassla kif ġej:

“111      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li ġustament il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessi 98 sa 137 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-vantaġġ previst mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 16 sa 33(i) tal-EEG tal‑2012 bi profitt tal-produtturi tal-elettriku EEG permezz tat-tariffi feed-in u tal-primjums fis-suq kien jixbah, f’dan il-każ, lil taxxa stabbilita mill-awtoritajiet tal-Istat li jimplika riżorsi tal-Istat sa fejn dan tal-aħħar kien jorganizza trasferiment tar-riżorsi finanzjarji permezz tal-leġiżlazzjoni u kien jistabbilixxi għal liema raġuni dawn ir-riżorsi finanzjarji setgħu jiġu użati.

112      Din il-konklużjoni tgħodd ukoll għall-vantaġġ favur l-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija li huma l-EEI, sa fejn il-mekkaniżmu ta’ kumpens previst mill-EEG tal‑2012 jikkostitwixxi, kif osservat il-Kummissjoni ġustament fil-premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, oneru addizzjonali għall-GRT. Fil-fatt, kull tnaqqis tal-ammont tas-soprataxxa-EEG għandu preċiżament bħala konsegwenza li jnaqqas l-ammonti miġbura mingħand l-EEI mill-fornituri tal-elettriku u jista’ jitqies bħala li jwassal għal telf mid-dħul għall-GRT. Madankollu, dan it-telf jerġa’ jinġabar, sussegwentement, mingħand fornituri oħra u, fil-fatt, mingħand klijenti oħra finali, sabiex jikkumpensa t-telf li jkun sar b’dan il-mod, kif barra minn hekk ikkonfermat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja waqt is-seduta bħala risposta għad-domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali. Għalhekk, il-konsumatur finali medju fil-Ġermanja jipparteċipa, b’ċertu mod, għas-sussidju tal-EEI li jibbenefikaw minn stabbiliment ta’ limitu massimu ta’ soprataxxa-EEG. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-konsumaturi finali tal-elettriku li ma humiex EEI għandhom ibatu spejjeż żejda li ġejjin mill-istabbiliment tal-limitu massimu tas-soprataxxa-EEG li minnu jibbenefikaw dawn tal-aħħar tikkostitwixxi, hawnhekk ukoll, indizzju addizzjonali, meta jiġi analizzat mal-iżviluppi preċedenti, li l-fondi li ġejjin mis-soprataxxa-EEG huma fil-fatt riżorsi partikolari, ekwivalenti għal taxxa fuq il-konsum tal-elettriku, fejn l-użu għal għanijiet strettament iddeterminati kien ġie previst minn qabel mil-leġiżlatur Ġermaniż fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ politika pubblika u mhux ta’ inizzjattiva privata.”

16      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet l-analiżi tagħha fil-punti 127 u 128 tas-sentenza appellata, imfassla kif ġej:

“127      Minn din l-analiżi jirriżulta li l-mekkaniżmi li jirriżultaw mill-EEG tal‑2012 jipproċedu, prinċipalment, mill-implementazzjoni ta’ politika pubblika ta’ għajnuna lill-produtturi tal-elettriku EEG stabbilit, permezz tal-EEG tal‑2012, mill-Istat u li, fl-ewwel lok, il-fondi li joriġinaw mis-soprataxxa-EEG u amministrati kollettivament mill-GRT jibqgħu taħt l-influwenza dominanti tas-setgħat pubbliċi, fit-tieni lok, l-ammonti inkwistjoni, li joriġinaw mis-soprataxxa-EEG, huma fondi li jimplikaw riżors tal-Istat, simili għal taxxa u, fit-tielet lok, il-kompetenzi u l-missjonijiet allokati lil GRT jippermettu li jiġi konkluż li dawn tal-aħħar ma jaġixxux f’isimhom stess u liberament, iżda bħala amministraturi, li jixbhu entità li teżegwixxi konċessjoni tal-Istat, ta’ għajnuna mogħtija permezz ta’ fondi tal-Istat.

128      Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li ġustament il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-EEG tal‑2012 kienet timplika riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.”

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        preliminarjament, tannulla s-sentenza appellata fit-totalità tagħha, li tilqa’ l-appell tagħha mid-deċiżjoni kontenzjuża;

–        sussidjarjament, li tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-ewwel aggravju bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tiċħad it-tieni aggravju bħala parzjalment inammissibbli, sussidjarjament bħala parzjalment ineffettiv u, fi kwalunkwe ipoteżi, bħala infondat;

–        tiċħad it-tielet aggravju bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż tal-istanza.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Ottubru 2017, il-proċedura ġiet sospiża fil-kawża odjerna, skont l-Artikolu 55(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sal-għoti tas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:582).

 Fuq l-appell

20      Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem tliet aggravji, l-ewwel tnejn ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, u t-tielet wieħed ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi. Il-Kummissjoni targumenta li l-ewwel żewġ aggravji huma, prinċipalment, inammissibbli u, sussidjarjament, ineffettivi u, fi kwalunkwe każ, infondati, u li t-tielet aggravju huwa infondat.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ riżorsi tal-Istat

 L-argumenti tal-partijiet

21      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta, essenzjalment, li, billi ddeċidiet li s-sistema ta’ soprataxxa-EEG kienet tinvolvi l-għoti ta’ vantaġġ permezz ta’ riżorsi tal-Istat jew, għall-inqas, imputabbli għall-Istat, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kriterju bbażat fuq l-għoti ta’ vantaġġ permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

22      B’mod ġenerali ħafna, dan l-Istat Membru jqis, preliminarjament, li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx, fl-evalwazzjoni tagħha tal-użu ta’ riżorsi tal-Istat u sabiex tikkonkludi li l-GRT kienu servizzi maħsuba sabiex tiġi eżerċitata eventwali setgħa ta’ dispożizzjoni u ta’ kontroll mill-Istat fuq il-fondi provenjenti mis-soprataxxa-EEG, distinzjoni suffiċjenti tar-rwoli li l-Istat jista’ jkollu bħala setgħa leġiżlattiva, minn naħa, u bħala setgħa eżekuttiva, min-naħa l-oħra.

23      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, li jirrigwarda prinċipalment il-punt 93 tas-sentenza appellata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni tar-rwol li għandhom l-GRT fis-sistema ta’ soprataxxa-EEG.

24      Hija tfakkar li, f’dan il-punt 93, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li l-EEG tal‑2012 kienet tagħti lill-GRT sensiela ta’ obbligi u ta’ prerogattivi f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi li hija kienet tistabbilixxi, b’mod illi dawn kienu l-fulkru fil-funzjonament tas-sistema prevista mill-EEG. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, min-naħa l-oħra, li l-fondi ġġenerati mis-soprataxxa-EEG ma kinux jgħaddu direttament mill-konsumaturi finali għall-produtturi tal-elettriku, iżda kienu jeħtieġu l-intervent ta’ intermedjarji responsabbli mill-ġbir u mill-amministrazzjoni tagħha, li dawn la kienu mħallsa fil-baġit ġenerali tal-GRT u lanqas imħollija fid-dispożizzjoni tagħhom, b’mod illi dawn kienu kollettivament amministrati mill-GRT u kienu jibqgħu taħt l-influwenza dominanti tal-awtoritajiet pubbliċi.

25      Billi tat deskrizzjoni tal-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ repartizzjoni stabbilit bl-EEG tal‑2012, u sussegwentement ipparagunat dan il-mekkaniżmu mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja trid suċċessivament turi, l-ewwel nett, li l-mekkaniżmu stabbilit bl-EEG tal‑2012 ma kellu ebda rabta mal-baġit tal-Istat jew ta’ istituzzjoni pubblika, it-tieni nett, li l-eventwali drittijiet ta’ aċċess jew ta’ kontroll eżerċitati mill-Istat fuq il-GRT ma kienu jinvolvu ebda kontroll mill-Istat tar-riżorsi EEG u, it-tielet nett, li ma kienet teżisti ebda taxxa jew rinunzja għal dħul tal-Istat.

26      Għaldaqstant, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ repartizzjoni tal-EGG bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi konkluż li hemm l-użu ta’ riżorsi tal-Istat jew ta’ riżorsi imputabbli lill-Istat, bħalma kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160); tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), u tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413).

27      Skont din il-ġurisprudenza, it-taxxi, l-imposti u t-tariffi huma kkaratterizzati mill-fatt li d-dħul iġġenerat għandu jmur lura, f’forma jew oħra u b’mod dirett jew indirett, fil-baġit tal-Istat jew ta’ entità pubblika. Issa, ir-riżorsi riċevuti mill-GRT sabiex ikopru l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku EEG bl-ebda mod ma jnaqqsu, la direttament u lanqas indirettament, ir-riżorsi tal-Istat. Huma l-parteċipanti fil-katina tal-provvista li jbatu dawn l-ispejjeż għall-kwalità “rinnovabbli” tal-elettriku u li jiġu kkumpensati fil-kuntest tal-ekonomija privata.

28      Għaldaqstant l-Istat ma għandu l-ebda aċċess għal dan id-dħul u ma ddelegax lill-GRT it-twettiq ta’ missjoni ta’ natura pubblika. Dawn tal-aħħar ma jirċevux is-soprataxxa-EEG f’isem l-Istat, b’mod illi l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li dawn kienu kważi-detenturi ta’ konċessjonijiet tal-Istat. Billi tat din il-klassifikazzjoni ġuridika ineżatta tal-missjoni tal-GRT, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ kontroll u ta’ imputabbiltà tal-aġir tal-GRT lill-Istat.

29      Is-soprataxxa-EEG bl-ebda mod ma hija attribwita għall-baġit federali jew għal dak ta’ istituzzjoni pubbliku, fatt li jidher mill-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-ispejjeż tal-GRT. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jistabbilixxu l-ammont ta’ din it-taxxa billi jipparagunaw id-dħul u l-ispejjeż, u huwa ppreċiżat li d-dħul żejjed jew nieqes ikun is-suġġett ta’ kumpens bejn GRT is-sena ta’ wara, mingħajr ma jiġi involut il-baġit ta’ entità pubblika. Id-dħul żejjed ma jitħallasx fil-baġit tal-Istat u l-ispejjeż żejda ma humiex ikkumpensati minn dan il-baġit tal-aħħar.

30      Huwa, definittivament, ġuridikament żbaljat li wieħed jitlaq mill-prinċipju, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li s-somom rilevanti jibqgħu “kontinwament” fid-dispożizzjoni tal-“awtoritajiet nazzjonali kompetenti” jew anki, bħalma għamlet fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, li l-fondi amministrati kollettivament mill-GRT jibqgħu taħt l-influwenza dominanti tal-awtoritajiet pubbliċi.

31      Il-Qorti Ġenerali tat ukoll, fil-punt 117 tal-imsemmija sentenza, importanza kbira għaċ-ċirkustanza li l-fondi rċevuti mill-GRT għandhom jiġu amministrati f’kont separat, suġġett għall-kontroll mill-entitajiet tal-Istat. Issa, il-kontijiet separati jinżammu mill-GRT għal raġunijiet ta’ trasparenza u sabiex jiġu evitati prattiki abbużivi, u mhux sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jamministra assi speċjali li jappartjenu għal impriżi.

32      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-missjonijiet ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tar-regolarità u tal-legalità tal-atti mwettqa mill-atturi privati tas-suq, li jikkorrispondu mal-awtoritajiet tal-Istat, kienu jinvolvu kontroll mill-Istat tar-riżorsi EEG.

33      Il-mekkaniżmi previsti mill-EEG, li jikkorrispondu għall-kriterji ta’ evalwazzjoni żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE (C‑677/11, EU:C:2013:348, punt 38), huma ddedikati għall-kontroll tal-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ repartizzjoni u tal-osservanza tar-rhieda tal-leġiżlatur, iżda ma kinux joħolqu possibbiltà importanti ta’ orjentament jew ta’ influwenza mill-entitajiet tal-Istat, li jippermettu li jitqies li hemm “eżerċizzju ta’ kontroll mill-Istat”. Dawn tal-aħħar, fil-fatt, jistgħu biss jadottaw miżuri dixxiplinari jew li iniedu proċeduri ta’ kontravvenzjoni kontra atturi privati li jiksru l-EEG tal‑2012 u ma jgawdu mill-ebda kompetenza li tippermettilhom jiddisponu mir-riżorsi tal-imsemmija atturi billi jinfluwenzaw il-ħlasijiet u l-flussi finanzjarji.

34      Il-ħlasijiet mill-GR tar-remunerazzjoni EEG huwa nnifsu suġġett għall-kontroll mill-Istat. Huma l-GR li waħedhom jieħdu d-deċiżjoni li jħallsu din ir-remunerazzjoni jew le u jistabbilixxu l-ammont tagħha. Bl-istess mod, il-ġbir tas-soprataxxa-EEG huwa suġġett biss għal sorveljanza limitata, peress li huma l-GRT biss li jiddeċiedu li jeżiġu dan jew le. Kuntrarjament għal dak li qalet il-Qorti Ġenerali fil-punt 125 tas-sentenza appellata, il-GRT ma humiex strettament ikkontrollati mill-awtoritajiet amministrattivi Ġermaniżi kompetenti, u b’mod partikolari mhux mill-BNetzA, li l-missjoni ta’ kontroll tagħhom tikkonsisti, essenzjalment, f’li jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar is-soprataxxa-EEG. Il-BNetzA ma għandhiex id-dritt li tiddetermina l-ammont tas-soprataxxa-EEG, peress li din tal-aħħar hija kkalkolata mill-GRT taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess.

35      Ir-rekwiżit legali ta’ sistema astratta ta’ kalkolu kif ukoll l-obbligi ta’ trasparenza u d-drittijiet ta’ sorveljanza li dawn jinvolvu jservu biss sabiex jipprekludu l-arrikkiment indebitu ta’ attur fl-istadji tal-proċess ta’ riperkussjoni, il-protezzjoni kontra l-abbużi li għandha tiġi eżerċitata quddiem il-qrati ċivili, fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ dritt privat li jeżistu bejn il-parteċipanti. L-imsemmija parteċipanti ma humiex il-benefiċjarji ta’ delegazzjoni jew ta’ konċessjoni mill-Istat u ma għandhom ebda possibbiltà li jagħtu r-responsabbiltà lil awtorità amministrattiva sabiex jitolbu d-drittijiet tagħhom.

36      It-tielet nett, is-soprataxxa-EEG ma tikkostitwixxix taxxa u, konsegwentement, il-limitu massimu tagħha ma jikkostitwixxix rinunzja għal riżorsi tal-Istat. Il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 95 tas-sentenza appellata li, sa fejn il-konsumaturi finali kienu obbligati jħallsu suppliment fil-prezz, is-soprataxxa-EEG kienet tikkostitwixxi piż unilateralment impost mill-Istat fil-kuntest tal-politika tiegħu ta’ għajnuna għall-produtturi tal-elettriku EEG, li jixbah fl-effetti tiegħu lil taxxa li tolqot il-konsum tal-elettriku fil-Ġermanja. Fil-fatt, is-sempliċi ċirkustanza li l-mekkaniżmu ta’ repartizzjoni tal-EEG jippermetti li jiġu mgħoddija fuq il-konsumaturi finali tal-elettriku l-ħlasijiet li għandhom jitħallsu lill-operaturi tal-installazzjonijiet ma jippermettix li jiġi konkluż li hemm taxxa.

37      Is-soprataxxa-EEG tikkostitwixxi żieda applikata fuq il-prezz tax-xiri ta’ natura privata li l-fornituri tal-elettriku jħallsu bħala kontroparti għall-kwalità “ekoloġika” tal-elettriku u taqa’, għaldaqstant, taħt relazzjoni ta’ provvista/kontroparti, għall-kuntrarju ta’ taxxa, li tinġabar b’mod vinkolanti u mingħajr kontroparti. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi, sabiex taxxa tkun ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, l-eżistenza ta’ rabta ta’ allokazzjoni bejn it-taxxa u l-għajnuna, li hija nieqsa fil-każ tas-soprataxxa-EEG. Din tal-aħħar ma tikkostitwixxix dħul tal-Istat Membru, iddeterminat b’mod astratt. L-EEG tal‑2012 tikkostitwixxi b’dan il-mod il-kontinwazzjoni tal-Istromeinspeisungsgesetz (il-Liġi dwar il-provvista ta’ kurrent elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fis-sistema ta’ servizz pubbliku, BGBl. 1990 I, p. 2633), li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kklassifikatx bħala għajnuna fis-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), u l-unika differenza bejn dawn iż-żewġ sistemi tirriżulta mill-fatt li l-fornituri tal-elettriku ma għandhomx jixtru bi prezz fiss (soprataxxa-EEG) l-elettriku fiżiku, iżda n-natura rinnovabbli ta’ din tal-aħħar.

38      Definittivament, il-karatteristiċi essenzjali ta’ taxxa huma nieqsa, sa fejn, l-ewwel nett, l-EEG ma tobbligax lill-fornituri tal-elettriku li jiffatturaw din is-soprataxxa lill-klijenti tagħhom, it-tieni nett, ir-riperkussjoni tal-imsemmija soprataxxa, li l-fornituri tal-elettriku jagħmlu parti mill-prezz tal-bejgħ, ma tistax tintalab lura permezz tad-dritt pubbliku, iżda biss permezz ta’ azzjoni ċivili, u, it-tielet nett, id-“dħul” iġġenerat mill-istess soprataxxa huwa integrat fil-patrimonju ġenerali tal-fornituri tal-elettriku, mingħajr l-entitajiet tal-Istat ma jkunu jistgħu jeżerċitaw xi tip ta’ influwenza fuq il-ġestjoni jew l-użu ta’ dawn il-fondi.

39      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball meta injorat il-fatt li, fis-sistema stabbilita mill-EEG tal‑2012, ir-rikonoxximent tal-għoti ta’ għajnuna permezz ta’ riżorsi tal-Istat kien jiddependi b’mod essenzjali fuq ir-rwol tal-fornituri tal-elettriku, li f’dan il-każ ma tteħidx inkunsiderazzjoni suffiċjentement.

40      L-ewwel nett, minkejja li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament li l-EEG tal‑2012 ma tobbligax lill-fornituri tal-elettriku li jgħaddu s-soprataxxa-EEG fuq il-klijenti finali, mingħajr madankollu ma tipprojbixxi dan, madankollu hija ma rrikonoxxietx ir-rwol ta’ dawn tal-aħħar meta kkonkludiet, fil-punti 95 et seq. tas-sentenza appellata, li din is-soprataxxa kienet taxxa de facto u li ma setgħetx tiġi analizzata bħala riżorsa speċifika għall-GRT, li għalihom l-Istat Membru sempliċement jippreskrivi użu partikolari b’miżura leġiżlattiva.

41      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li r-rwol u l-missjoni tal-fornituri tal-elettriku huma ħafna inqas irregolati bil-liġi milli huma l-GRT. L-imsemmija fornituri ma humiex obbligati jżommu kontijiet separati u lanqas li jiżguraw li titwettaq separazzjoni tal-patrimonji, sa fejn is-soprataxxa-EEG għandha titqies bħala parti normali mid-dħul tagħhom. Dawn ma huma suġġetti għal ebda rekwiżit legali ta’ aġir dwar il-prezzijiet jew l-użu tar-riżorsi. Ma huwa eżerċitat ebda kontroll mill-Istat fuq ir-relazzjonijiet tagħhom mal-klijenti tagħhom, allegatament dawk li jiffinanzjaw is-sistema ta’ għajnuna kkontestata mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali. Is-soprataxxa-EEG u l-fatt li din tiġi eventwalment mgħoddija fuq il-konsumaturi finali mill-fornituri tal-elettriku jaqgħu taħt relazzjoni kummerċjali bejn impriżi privati jew individwi mingħajr ebda intervent minn awtorità pubblika. Il-fatt li l-fondi inkwistjoni ma jgħaddux direttament mill-konsumaturi għall-produtturi tal-elettriku, iżda jeħtieġu l-intervent ta’ intermedjarji responsabbli għall-ġbir u l-amministrazzjoni tagħhom ma għandux rilevanza għall-klassifikazzjoni tagħhom bħala riżorsi privati.

42      It-tielet nett, li kieku l-Qorti Ġenerali eżaminat fil-fond biżżejjed ir-rwol tal-fornituri tal-elettriku, hija kienet tasal għall-konklużjoni li l-Istat ma kellu ebda aċċess għar-riżorsi EEG. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li r-relazzjoni bejn fornituri tal-elettriku u konsumaturi finali hija ta’ natura purament privata. Il-Qorti Ġenerali injorat il-portata tal-kunċett ta’ kontroll u b’dan il-mod kisret l-Artikolu 107(1) TFUE meta kklassifikat bħala “kontroll mill-Istat” l-attività ta’ impriża privata, minkejja li din tal-aħħar ma hija suġġetta għal ebda obbligu legali ta’ ġbir tas-soprataxxa-EEG, li l-ammont tal-imsemmija soprataxxa li għandu jiġi mgħoddi jekk ikun il-każ lanqas ma huwa suġġett għal rekwiżiti legali, li l-awtoritajiet ma jistgħu jeżerċitaw ebda influwenza fuq l-istabbiliment tal-prezzijiet mill-fornituri tal-elettriku, li d-dħul mill-bejgħ tal-imsemmija fornituri li jista’ jinkludi l-ħlas tas-soprataxxa huwa integrat fil-patrimonju tagħhom u li l-entitajiet tal-Istat ma humiex f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza fuq l-użu, minn dawn tal-aħħar, ta’ dawn ir-riżorsi.

43      Il-Kummissjoni targumenta, prinċipalment, li l-ewwel aggravju mqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa inammissibbli u, sussidjarjament, li huwa parzjalment ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-aggravju fl-intier tiegħu

44      Il-Kummissjoni targumenta li l-ewwel aggravju mqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa inammissibbli fl-intier tiegħu sa fejn dan ma jikkritikax l-interpretazzjoni ġuridika tal-kunċett ta’ kontroll mill-Istat mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, iżda l-konstatazzjonijiet dwar id-dritt nazzjonali magħmula minnha, li jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-fatti.

45      Argument bħal dan għandu jiġi miċħud.

46      Fil-fatt, filwaqt li huwa minnu li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tibbaża ruħha fuq il-kliem tal-EEG tal‑2012 sabiex tinvoka d-diversi argumenti tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, hija targumenta essenzjalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, peress li hija għamlet interpretazzjoni estensiva wisq tal-kunċett ta’ kontroll mill-Istat, b’mod partikolari billi kklassifikat l-ammonti ġġenerati mis-soprataxxa-EEG bħala fondi li jinvolvu riżorsi tal-Istat li tixbah taxxa, minn naħa, u billi kkonkludiet li hemm kontroll pubbliku mill-Istat Membru fuq l-imsemmija fondi permezz tal-GRT, min-naħa l-oħra.

47      Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju huwa ammissibbli.

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq l-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tar-rwol li għandhom il-GRT fis-sistema ta’ soprataxxa-EEG

48      Għandu jitfakkar li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fl-ewwel lok, sabiex tiġi evalwata l-imputabbiltà ta’ miżura lill-Istat, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi kinux involuti fl-adozzjoni ta’ din il-miżura (sentenzi tat‑2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punt 35; tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère ! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punti 17 u 18, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 21).

50      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li l-mekkaniżmi ta’ għajnuna u ta’ kumpens inkwistjoni f’din il-kawża ġew istitwiti mill-EEG tal‑2012, b’tali mod illi dawn kellhom jitqiesu bħala imputabbli lill-Istat.

51      Issa, minkejja li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka diversi drabi l-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni lill-Istat fl-appell tagħha, hija la kkontestat formalment il-konstatazzjoni magħmula f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali u lanqas invokat l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi mwettaq f’dan ir-rigward minn din tal-aħħar. Għaldaqstant, l-argumenti miġjuba f’dan ir-rigward għandhom, fi kwalunkwe każ, bħalma argumentat il-Kummissjoni, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

52      Fit-tieni lok, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-projbizzjoni stipulati fl-Artikolu 107(1) TFUE tenkapsola kemm l-għajnuna mogħtija direttament mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, kif ukoll dik mogħtija minn organi pubbliċi jew privati maħtura jew innominat minn dan tal-aħħar sabiex jamministraw l-għajnuna (sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76, EU:C:1977:52, punt 21; tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 58, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn “l-għajnuna mogħtija mill-Istati” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha li l-Istat jagħti l-kunsens għalihom jikkostitwixxu għajnuna, indipendentement minn jekk humiex iffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat jew le, iżda hija intiża biss li tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, kif ukoll dawk mogħtija permezz ta’ organu pubbliku jew privat, innominat jew maħtur minn dan l-Istat (sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 58, kif ukoll tat‑30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C‑677/11, EU:C:2013:348, punt 26).

54      Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi responsabbli mid-distribuzzjoni tal-għajnuna jippermetti li jiġu evitati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 23, u tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark, C‑656/15 P, EU:C:2017:836, punt 45).

55      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat sabiex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar ikun jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 36, kif ukoll tat‑30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C‑677/11, EU:C:2013:348, punt 34).

56      B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura li tikkonsisti, b’mod partikolari, f’obbligu ta’ xiri ta’ enerġija, tista’ għalhekk taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna” minkejja li din ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère ! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 19, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 24).

57      Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE jinkludi l-mezzi pekunjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, irrispettivament minn jekk dawn il-mezzi jkunux assi permanenti tal-Istat jew le. Anki jekk is-somom li jikkorrispondu mal-miżura ta’ għajnuna ma humiex kontinwament fil-pussess tat-Teżor pubbliku, il-fatt li dawn huma kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa suffiċjenti sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat” (sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 37, u tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-fondi pprovduti permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat, amministrati u mqassma konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni, jistgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk huma amministrati minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika (sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 35, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère ! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 25).

59      L-element deċiżiv, f’dan ir-rigward, jikkonsisti fil-fatt li tali entitajiet huma inkarigati mill-Istat sabiex jamministraw riżorsi tal-Istat, u mhux sempliċement marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 74; tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère ! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punti 30 u 35, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punti 26 u 30).

60      Għandu madankollu jitfakkar ukoll li, sabiex jiġi stabbilit jekk il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju huwiex piż fuq il-baġit tal-Istat, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix rabta suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, dan il-vantaġġ u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-imsemmi baġit, jew anki riskju ekonomiku suffiċjentement konkret tal-piżijiet imposti fuqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 111; tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, C-399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 109; tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 47, kif ukoll tas‑16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias, C‑690/13, EU:C:2015:235, punt 19).

61      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-ewwel aggravju mqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li fil-kuntest tagħha hija targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta kkonkludiet, l-ewwel nett, li l-mekkaniżmu stabbilit mill-EEG tal‑2012 kien jinkludi rabta mal-baġit tal-Istat Membru jew ta’ istituzzjoni pubblika, it-tieni nett, li l-missjonijiet ta’ sorveljanza u ta’ kontroll mogħtija lill-awtoritajiet tal-Istat kienu jinvolvu kontroll pubbliku tar-riżorsi EEG u, it-tielet nett, li s-soprataxxa-EEG kienet tikkostitwixxi taxxa u l-limitu massimu tal-imsemmija soprataxxa rinunzja għal riżorsi tal-Istat.

62      Hemm lok jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, stipulata fil-punt 128 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-Kummissjoni qieset ġustament, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-EEG tal‑2012 kienet tinvolvi riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija bbażata fuq il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 92 sa 126 ta’ dik is-sentenza u mqassra fil-punt 127 tagħha. Fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-mekkaniżmi li jirriżultaw mill-EEG tal‑2012 kienu jwasslu, prinċipalment, għall-implimentazzjoni ta’ politika pubblika ta’ għajnuna għall-produtturi tal-elettriku EEG stabbilita, permezz tal-EEG tal‑2012, mill-Istat. Sussegwentement hija indikat, l-ewwel nett, li l-fondi ġġenerati mis-soprataxxa-EEG u amministrati kollettivament mill-GRT kienu jibqgħu taħt l-influwenza dominanti tal-awtoritajiet pubbliċi, it-tieni nett, li l-ammonti inkwistjoni, iġġenerati mis-soprataxxa-EEG, kienu fondi li jinvolvu riżorsi tal-Istat, li jixbhu taxxa, u, it-tielet nett, li l-kompetenzi u l-missjonijiet attribwiti lill-GRT kienu jippermettu li jiġi konkluż li dawn tal-aħħar ma kinux qegħdin jaġixxu f’isimhom stess u b’mod liberu, iżda fil-fatt bħala amministraturi, li jixbhu entità li teżegwixxi konċessjoni tal-Istat, ta’ għajnuna mogħtija permezz ta’ fondi tal-Istat.

63      Issa, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi, essenzjalment, li l-mekkaniżmi li jirriżultaw mill-EEG tal‑2012 kienu jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ politika pubblika ta’ għajnuna għall-produtturi tal-elettriku EEG stabbilita mill-Istat sempliċement tirrepeti l-konklużjoni, diġà stipulata fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li dawn il-mekkaniżmi għandhom jitqiesu bħala imputabbli lill-Istat. Bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, dan l-element, filwaqt li neċessarju għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-mekkaniżmi istitwiti mill-EEG tal‑2012 bħala “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, waħdu ma huwiex suffiċjenti sabiex tali klassifikazzjoni tkun tista’ tiġi adottata. Għandu, fil-fatt, jintwera li l-vantaġġi inkwistjoni huma mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

64      Hemm lok, għaldaqstant, tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonkludi, abbażi tat-tliet elementi l-oħrajn imsemmija fil-punt 127 tas-sentenza appellata u mfakkra fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, li l-fondi ġġenerati mis-soprataxxa-EEG kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat.

65      Fir-rigward tal-affermazzjoni li tipprovdi li l-ammonti ġġenerati mis-soprataxxa-EEG huma fondi li jinvolvu riżorsi tal-Istat li jixbhu taxxa, hemm lok jitfakkar li, fil-punt 105 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kklassifikat din is-soprataxxa bħala “taxxa speċjali” (special levy, fil-verżjoni fil-lingwa oriġinali ta’ din id-deċiżjoni).

66      Il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li “l-fornituri tal-elettriku [kienu] jgħaddu fil-prattika l-oneru finanzjarju li jirriżulta mis-soprataxxa-EEG għand il-klijenti finali”, li dan il-fatt kellu jitqies “bħala konsegwenza prevista u organizzata mil-leġiżlatur Ġermaniż” u li s-suppliment fil-prezz jew żieda li l-konsumaturi finali tal-elettriku kienu “de facto, marbuta jħallsu” kien jikkostitwixxi “oneru impost unilateralment mill-Istat fil-kuntest tal-politika tiegħu ta’ għajnuna lill-produtturi tal-elettriku EEG [...] li jixbah, mill-perspettiva tal-effetti tiegħu, lil taxxa fuq il-konsum tal-elettriku fil-Ġermanja”.

67      Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali affermat, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, billi għamlet riferiment “b’analoġija”, għas-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 66), li l-ammonti ġġenerati mis-soprataxxa-EEG kienu fondi li jinvolvu riżorsi tal-Istat li jixbhu taxxa, liema affermazzjoni ġiet irripetuta fil-punt 127 tas-sentenza appellata.

68      Madankollu, fil-punt 66 tas-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413), il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “taxxa” ta’ suppliment fil-prezz impost fuq ix-xerrejja tal-elettriku inkwistjoni f’din il-kawża, għamlet riferiment għall-punt 47 ta’ din is-sentenza. Il-konklużjoni stipulata f’dan il-punt tal-aħħar, li tipprovdi li s-suppliment inkwistjoni kellu jiġi kklassifikat bħala taxxa, kien ibbażat, b’mod partikolari, fuq il-fatt, imsemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 45 tal-imsemmija sentenza, li dan is-suppliment fil-prezz kien jikkostitwixxi piż unilateralment impost mil-liġi, li l-konsumaturi kienu obbligati jħallsu.

69      Issa, dawn il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 95 tas-sentenza appellata ma kinux jippermettu li tiġi stabbilita analoġija bejn l-imsemmi suppliment fil-prezz u s-soprataxxa-EEG.

70      Fil-fatt, bħalma fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 7 sa 9 tas-sentenza appellata, is-soprataxxa-EEG tirrappreżenta l-eventwali differenza bejn il-prezz miksub mill-GRT fis-suq tal-elettriku EEG li huma jinkorporaw fin-netwerk tagħhom u l-piż finanzjarju li jimponi fuqhom l-obbligu legali li dan l-elettriku jiġi rremunerat bit-tariffi stabbiliti mil-liġi, differenza li l-GRT għandhom id-dritt jeżiġu mill-fornituri li jaqdu l-klijenti finali. Min-naħa l-oħra, l-EEG tal‑2012 ma jobbligax lill-imsemmija fornituri jgħaddu fuq il-klijenti finali l-ammonti mħallsa bħala soprataxxa-EEG.

71      Il-fatt, ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li, “fil-prattika”, il-piż finanzjarju li jirriżulta mis-soprataxxa-EEG kien jiġi mgħoddi fuq il-klijenti finali u, konsegwentement, kien “jixbah, mill-perspettiva tal-effetti tiegħu, lil taxxa fuq il-konsum tal-elettriku fil-Ġermanja”, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li s-soprataxxa-EEG kellha l-istess karatteristiċi bħas-suppliment fil-prezz tal-elettriku eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413).

72      Konsegwentement, hemm lok jiġi vverifikat jekk iż-żewġ elementi l-oħrajn, imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 127 tas-sentenza appellata u mfakkra wkoll fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, kinux jippermettulha madankollu li tikkonkludi li l-fondi ġġenerati mis-soprataxxa-EEG kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, peress li dawn kienu jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku u għaldaqstant fid-dispożizzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 ta’ din is-sentenza. F’din l-ipoteżi, ftit li xejn huwa rilevanti li s-soprataxxa-EEG tista’ tiġi kklassifikata bħala “taxxa” jew le.

73      Għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali la stabbilixxiet li l-Istat kellu setgħa ta’ dispożizzjoni fuq il-fondi ġġenerati mis-soprataxxa-EEG u lanqas li huwa kien jeżerċita kontroll pubbliku fuq il-GRT inkarigati bl-amministrazzjoni ta’ dawn il-fondi.

74      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-fondi ġġenerati mis-soprataxxa-EEG ma kinux jibqgħu fid-dispożizzjoni tal-Istat, iżda biss taħt l-influwenza dominanti tal-awtoritajiet pubbliċi, sa fejn dawn kienu amministrati kollettivament mill-GRT, peress li dawn tal-aħħar kollettivament jixbhu entità li teżegwixxi konċessjoni tal-Istat. Hija sempliċement ikkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-fondi mis-soprataxxa-EEG kienu, minn naħa, amministrati għall-finijiet tal-interess pubbliku mill-GRT, u segwew modalitajiet iddefiniti minn qabel mil-leġiżlatur, u, min-naħa l-oħra, użati għall-finanzjament tas-sistemi ta’ għajnuna u ta’ kumpens, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe għan ieħor.

75      Issa, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-klassifikazzjoni ta’ konċessjoni tal-Istat adottata mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-elementi adottati b’dan il-mod juru, ċertament, l-oriġini legali tal-għajnuna għall-elettriku EEG implimentata mill-EEG tal‑2012 u għalhekk involviment ċert tal-Istat fuq il-mekkaniżmi stabbiliti mill-EEG tal‑2012, dawn l-elementi ma humiex madankollu suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-Istat kellu, għaldaqstant, setgħa li jiddisponi mill-fondi amministrati mill-GRT.

76      B’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li l-fondi mis-soprataxxa-EEG huma esklużivament użati għall-finanzjament tas-sistemi ta’ għajnuna u ta’ kumpens, skont id-dispożizzjonijiet tal-EEG tal‑2012, ma timplikax li l-Istat jista’ jiddisponi minnhom, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 ta’ din is-sentenza. Dan il-prinċipju legali ta’ użu esklużiv tal-fondi mis-soprataxxa-EEG pjuttost juri, fl-assenza ta’ kwalunkwe element ieħor fis-sens kuntrarju, preċiżament li l-Istat ma kienx f’pożizzjoni li jiddisponi minn dawn il-fondi, jiġifieri li jiddeċiedi allokazzjoni differenti minn dik prevista mill-EEG tal‑2012.

77      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx li l-GRT baqgħu b’mod kostanti taħt kontroll pubbliku, u lanqas li dawn kienu suġġetti għal kontroll pubbliku.

78      Għandu, f’dan ir-rigward, jiġi rrilevat li, l-Qorti Ġenerali, ċertament, uriet, fil-punti 105 sa 110 tas-sentenza appellata, li l-GRT, inkarigati bl-amministrazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku EEG, kienu kkontrollati b’diversi modi f’dan il-kompitu.

79      Qabel xejn, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li l-GRT ma setgħux jużaw il-fondi mis-soprataxxa-EEG għal għanijiet oħrajn differenti minn dawk previsti mil-leġiżlatur. Sussegwentement, hija rrilevat, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li l-GRT kienu suġġetti għall-obbligu li jamministraw l-imsemmija fondi f’kont komuni speċifiku u hija żiedet li l-osservanza ta’ dan l-obbligu kien is-suġġett ta’ kontroll minn istanzi pubbliċi skont l-Artikolu 61 tal-EEG tal‑2012, mingħajr madankollu ma tat deċiżjoni dwar in-natura u l-portata ta’ dan il-kontroll. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali esponiet, fil-punti 108 sa 110 tas-sentenza appellata, li l-entitajiet tal-Istat, jiġifieri, f’dan il-każ, BNetza, kienu jeżerċitaw kontroll strett fuq diversi livelli fuq l-atti tal-GRT, sabiex jiżguraw b’mod partikolari li dawn jikkummerċjalizzaw l-elettriku EEG konformement mal-Artikolu 37 tal-EEG tal‑2012 u jiddeterminaw, jistabbilixxu, jippubblikaw u jiffatturaw lill-fornituri tal-elettriku s-soprataxxa-EEG b’osservanza tar-rekwiżiti leġiżlattivi u regolatorji.

80      Issa, minkejja li l-elementi adottati b’dan il-mod jippermettu effettivament li jiġi konkluż li l-awtoritajiet pubbliċi jeżerċitaw kontroll tal-eżekuzzjoni tajba tal-EEG tal‑2012, dawn ma jistgħux, min-naħa l-oħra, jippermettu li jiġi konkluż li hemm kontroll pubbliku fuq il-fondi ġġenerati mis-soprataxxa-EEG innifishom.

81      Il-Qorti Ġenerali barra minn hekk ikkonkludiet l-eżami tagħha, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, billi ddeċidiet li dan il-kontroll, li kien parti mil-loġika ġenerali tal-istruttura globali prevista mill-EEG tal‑2012, kien jikkonferma l-konklużjoni, ibbażata fuq l-analiżi tal-missjonijiet u tal-obbligi tal-GRT, li dawn tal-aħħar ma kinux jaġixxu f’isimhom stess u b’mod liberu, iżda bħala amministraturi ta’ għajnuna mogħtija permezz ta’ fondi tal-Istat. Hija żiedet li, jekk wieħed jassumi li dan il-kontroll ma għandux effett dirett fuq l-amministrazzjoni tal-fondi inkwistjoni kuljum, dan kien element addizzjonali, intiż li jiżgura li l-azzjoni tal-GRT kienet għadha kostretta sew fil-qafas previst mill-EEG tal‑2012. Fl-aħħar nett, hija kkonstatat, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ aċċess effettiv tal-Istat għar-riżorsi ġġenerati mis-soprataxxa-EEG, fis-sens li dawn ċertament ma humiex allokati lill-baġit tal-Istat, ma kellhiex effett fuq l-influwenza dominanti tal-Istat fuq l-użu ta’ dawn ir-riżorsi u fuq il-kapaċità ta’ dan tal-aħħar sabiex jiddeċiedi, minn qabel, grazzi għall-adozzjoni tal-EEG tal‑2012, dwar l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti u dwar l-użu tal-imsemmija riżorsi fit-totalità tagħhom.

82      Ċertament, bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 125 tas-sentenza appellata u bħalma tfakkar fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-fondi pprovduti permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, amministrati u mqassma konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni, jistgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk huma amministrati minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère ! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 25).

83      Madankollu, is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża tal-aħħar kienet ibbażata fuq żewġ elementi essenzjali, li huma nieqsa fil-kawża odjerna.

84      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, ħadet ħsieb li tirrileva, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienet introduċiet prinċipju ta’ kopertura integrali tal-obbligu ta’ xiri mill-Istat Franċiż, li kien jobbliga lil dan tal-aħħar għal clearance tal-passat u għal kopertura sħiħa tal-ispejjeż addizzjonali imposti fuq l-impriżi fil-każ li l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet miġbura mingħand il-konsumaturi finali tal-elettriku ma jkunx suffiċjenti sabiex ikopru dawn l-ispejjeż addizzjonali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère ! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 26). Billi għamlet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat l-eżistenza ta’ rabta bejn il-vantaġġ inkwistjoni u tnaqqis, għall-inqas potenzjali, tal-baġit tal-Istat.

85      Fil-punti 28 sa 33 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère ! et (C‑262/12, EU:C:2013:851), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, min-naħa l-oħra, li s-somom intiżi li jikkumpensaw l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligu ta’ xiri impost fuq l-impriżi kienu mogħtija lill-Caisse des dépôts et consignations, jiġifieri lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku mogħtija l-missjoni mill-Istat Franċiż sabiex tiżgura servizzi ta’ ġestjoni amministrattiva, finanzjarja u ta’ kontabbiltà għan-nom tal-Kummissjoni li tirregola l-enerġija, awtorità amministrattiva indipendenti responsabbli li tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-suq tal-elettriku u tal-gass fi Franza, b’mod illi dawn is-somom kellhom jitqiesu bħala li jibqgħu taħt kontroll pubbliku.

86      Hemm lok, għaldaqstant, jiġi konkluż li l-elementi l-oħrajn imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 127 tas-sentenza appellata lanqas ma kienu jippermettu li jiġi konkluż li l-fondi ġġenerati mis-soprataxxa-EEG kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat.

87      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju mqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa fondat u li, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ewwel aggravju u ż-żewġ aggravji l-oħrajn tal-appell, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

88      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, hija stess tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża.

89      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament fuq ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ppreżentata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja quddiem il-Qorti Ġenerali.

90      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet stipulati fil-punti 48 sa 87 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-vantaġġi previsti mill-EEG tal‑2012, jiġifieri s-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u minn gass mill-minjieri ffinanzjata mis-soprataxxa-EEG u s-sistema ta’ kumpens speċjali għat-tnaqqis ta’ din is-soprataxxa għall-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija, kienu jinvolvu riżorsi tal-Istat u kienu jikkostitwixxu, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

91      It-tielet motiv mqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tar-rikors tiegħu ppreżentat fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq l-assenza ta’ vantaġġ iffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għandu għaldaqstant jintlaqa’, u d-deċiżjoni kontenzjuża għandha għaldaqstant tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

92      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

93      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 138 tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 184 tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

94      Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż relatati kemm mal-proċedura ta’ appell kif ukoll mal-proċedura fl-ewwel istanza, kif mitlub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal10 ta’ Mejju 2016, IlĠermanja vs IlKummissjoni (T47/15, EU:T:2016:281), hija annullata.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1585 tal25 ta’ Novembru 2014 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA. 33995 (2013/C) (ex 2013/NN) (implimentata mill-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija), hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż relatati kemm mal-proċedura ta’ appell kif ukoll mal-proċedura fl-ewwel istanza.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.